Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0450

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
    Caixabank SA et vs Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorro y Seguros de España ( Adicae ) et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżoli li jillimitaw il-varjazzjoni fir-rati ta’ interessi – Klawżoli ta’ rata minima ta’ interessi – Azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ dawn il-klawżoli u għall-irkupru tas-somom imħallsa taħthom, liema azzjoni kollettiva tinvolvi numru kbir ta’ kummerċjanti u ta’ konsumaturi – Natura ċara u intelliġibbli tal-imsemmija klawżoli – Kunċett ta’ ‘konsumatur medju raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli’.
    Kawża C-450/22.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:577

    Kawża C‑450/22

    Caixabank SA et

    vs

    Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorros y Seguros de España (Adicae) et

    (talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo)

    Sentenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) tal‑4 ta’ Lulju 2024

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżoli li jillimitaw il-varjazzjoni fir-rati ta’ interessi – Klawżoli ta’ rata minima ta’ interessi – Azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ dawn il-klawżoli u għall-irkupru tas-somom imħallsa taħthom, liema azzjoni kollettiva tinvolvi numru kbir ta’ kummerċjanti u ta’ konsumaturi – Natura ċara u intelliġibbli tal-imsemmija klawżoli – Kunċett ta’ ‘konsumatur medju raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli’”

    1. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali, liema azzjoni kollettiva tinvolvi numru kbir ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku – Klawżoli ta’ rata minima ta’ interessi mdaħħla f’numru kbir ħafna ta’ kuntratti ta’ self ipotekarju u użati għal perijodu twil ħafna – Setgħa tal-qorti nazzjonali li tistħarreġ l-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza fil-kuntest ta’ tali azzjoni – Kundizzjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(1) u 7(1))

      (ara l-punti 26, 28 sa 32, 35 sa 38 u 39 sa 46, u d-dispożittiv 1)

    2. Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali, liema azzjoni kollettiva tinvolvi numru kbir ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku – Klawżoli ta’ rata minima ta’ interessi mdaħħla f’numru kbir ħafna ta’ kuntratti ta’ self ipotekarju u użati għal perijodu twil ħafna – Stħarriġ mill-qorti nazzjonali tal-osservanza tar-rekwiżit ta’ trasparenza fil-kuntest ta’ tali azzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Kunċett ta’ konsumatur medju raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-perċezzjoni ta’ dan il-konsumatur

      (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(2) u 7(3))

      (ara l-punti 49, 50 u 52 sa 57, u d-dispożittiv 2)

    Sunt

    Adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tal-kunċett ta’ “konsumatur medju” u identifikat il-kriterji applikabbli għall-eżami tan-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali fid-dawl tad-Direttiva 93/13 ( 1 ), fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ klawżola ta’ rata minima ta’ interessi ( 2 ), kontra numru kbir ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku li kienu użaw din il-klawżola għal perijodu twil ħafna.

    F’Novembru 2010, assoċjazzjoni Spanjola tal-utenti tal-banek, tal-banek tat-tfaddil u tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni ( 3 ) adixxiet lill-Juzgado de lo Mercantil no11 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 11 ta’ Madrid, Spanja) b’azzjoni kollettiva li, fl-aħħar nett, inġiebet kontra iktar minn mitt istituzzjoni ta’ kreditu, sabiex ma tibqax tintuża klawżola ta’ rata minima fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ self ipotekarju użati minn dawn l-istituzzjonijiet, kif ukoll sabiex jiġu rkuprati s-somom imħallsa taħt din il-klawżola mill-konsumaturi kkonċernati. Dik il-qorti laqgħet din l-azzjoni fir-rigward ta’ kważi l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati kollha, billi kkonstatat in-nullità tal-klawżola ta’ rata minima u billi ordnat li din ma tibqax tintuża kif ukoll li dawn l-istituzzjonijiet jirrimborsaw is-somom li kienu rċevew indebitament bis-saħħa tal-applikazzjoni tagħha ( 4 ).

    L-appelli ppreżentati minn dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ġew miċħuda kważi kollha mill-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja). L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-appelli tagħhom ma ntlaqgħux ippreżentaw appelli ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, liema qorti għamlet domandi dwar żewġ kwistjonijiet legali. L-ewwel waħda kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk azzjoni kollettiva tikkostitwixxix il-mezz proċedurali xieraq sabiex tiġi eżaminata n-natura trasparenti ta’ klawżoli ta’ rata minima, filwaqt li t-tieni waħda kienet tirrigwarda d-diffikultà li jiġi applikat il-kunċett ta’ “konsumatur medju” fil-kuntest tal-kawża prinċipali u dan fid-dawl tal-fatt li dawn il-klawżoli kienu indirizzati lil kategoriji differenti ta’ konsumaturi u kienu ilhom jintużaw għal perijodu twil ħafna li matulu kien inbidel il-livell ta’ kuxjenza dwarhom.

    Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat, fl-ewwel lok, il-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva kontra diversi kummerċjanti, li jagħmlu parti mill-istess settur ekonomiku, u li tirrigwarda numru kbir ħafna ta’ kuntratti.

    F’dan il-kuntest, hija rrilevat qabelxejn li, b’mod parallel mad-dritt suġġettiv ta’ konsumatur li jressaq kawża quddiem qorti sabiex, permezz ta’ azzjoni individwali, tiġi eżaminata n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li dan il-konsumatur ikun parti fih, id-Direttiva 93/13 ( 5 ) tippermetti lill-Istati Membri jistħarrġu tali klawżoli f’kuntratti standard, permezz ta’ azzjonijiet kollettivi inibitorji, liema azzjonijiet jitressqu fl-interess pubbliku minn assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Peress li dawn l-azzjonijiet għandhom għanijiet u effetti ġuridiċi differenti, it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jkunu jeżistu fil-waqt li tiġi evalwata ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, karatteristika ta’ azzjoni individwali, ma għandux jostakola l-eżerċizzju ta’ azzjoni kollettiva. Barra minn hekk, fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-azzjonijiet individwali u l-azzjonijiet kollettivi, għalkemm huwa kull ordinament ġuridiku intern li għandu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw din ir-relazzjoni, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, dawn ir-regoli ma jistgħux iqiegħdu l-possibbiltà, li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi, li dawn tal-aħħar jagħżlu li jinvokaw id-drittijiet tagħhom jew permezz ta’ azzjoni individwali, jew inkella permezz ta’ azzjoni kollettiva.

    B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, l-ewwel nett, li l-portata tal-obbligu tal-kummerċjanti li l-klawżoli kuntrattwali jinkitbu b’mod ċar u li jinftiehem, ma tiddependix mit-tip ta’ azzjoni, individwali jew kollettiva, li permezz tagħha konsumatur jew organizzazzjoni b’interess leġittimu li tipproteġi lil dan tal-aħħar ifittxu li jinvokaw id-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 93/13. F’dan is-sens, hija ppreċiżat li l-ġurisprudenza tagħha dwar is-suġġett tal-portata tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, li rriżultat minn azzjonijiet individwali, tista’ tiġi applikata għall-azzjonijiet kollettivi. Għal dawn ir-raġunijiet, l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura trasparenti tal-klawżoli kuntrattwali ma jistax ikun limitat biss għall-klawżoli li jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet individwali. Fil-fatt, ma hemm xejn fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 li juri li dan l-istħarriġ huwa eskluż fir-rigward tal-klawżoli li jkunu s-suġġett ta’ azzjonijiet kollettivi, bil-kundizzjoni li, meta titressaq kontra diversi kummerċjanti, tali azzjoni għandha tinġieb kontra kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku, li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu tal-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili ( 6 ).

    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, min-natura tiegħu stess, l-eżami tan-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, li l-qorti nazzjonali tagħmel fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, ma jistax ikopri ċirkustanzi li huma partikolari għal sitwazzjonijiet individwali, iżda għandu jirrigwarda prattiki standardizzati tal-kummerċjanti. B’hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura trasparenti ta’ klawżola ta’ rata minima, hija dik il-qorti li għandha teżamina, skont in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratti kkonċernati, jekk il-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, ikunx f’pożizzjoni, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, li jifhem il-funzjoni ta’ din il-klawżola u li jevalwa l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ din tal-aħħar. Għal dan il-għan, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prattiki kuntrattwali u prekuntrattwali standardizzati kollha li kull kummerċjant ikkonċernat isegwi kif ukoll kull ċirkustanza oħra li l-imsemmija qorti tqis li tkun rilevanti sabiex tagħmel l-istħarriġ tagħha fir-rigward ta’ kull wieħed mill-konvenuti.

    It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kumplessità ta’ kawża, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ konvenuti u d-diversi formulazzjonijiet tal-klawżoli kkonċernati, ma tikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina n-natura trasparenti ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 ikunu ssodisfatti. Għaldaqstant, id-Direttiva 93/13 ( 7 ) tippermetti lil qorti nazzjonali tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva kontra numru kbir ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku u li tkopri numru kbir ħafna ta’ kuntratti, kemm‑il darba dawn il-kuntratti jkun fihom l-istess klawżola jew klawżoli simili.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kunċett ta’ “konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli”, fil-kuntest tal-eżami tan-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali f’kuntratti indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi u li tkun intużat għal perijodu twil ħafna li matulu jkun inbidel il-livell ta’ kuxjenza dwarha.

    B’hekk, hija rrilevat li, analogament għall-kunċett ġeneriku ta’ “konsumatur” ( 8 ), li għandu natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-konoxxenzi u mill-informazzjoni konkreta li l-persuna kkonċernata effettivament ikollha, l-użu ta’ kriterju ta’ riferiment astratt, bħal dak ta’ “konsumatur medju”, sabiex tiġi mistħarrġa n-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, jagħmilha possibbli li dan l-istħarriġ ma jkunx jiddependi mill-eżistenza ta’ sett kumpless ta’ fatturi suġġettivi li jkun diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, li jiġu stabbiliti. Fil-fatt, peress li, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali, l-għarfien speċifiku li konsumatur huwa mistenni li jkollu ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika kwalunkwe differenza fir-rigward tal-livell ta’ għarfien tal-konsumatur medju, il-karatteristiċi individwali ta’ kategoriji differenti ta’ konsumaturi ma jistgħux, a fortiori, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva. Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienet preċiżament in-natura eteroġenea tal-pubbliku kkonċernat, f’dan il-każ kategoriji differenti ta’ konsumaturi li wieħed diffiċli jgħaqqadhom flimkien, li għamel neċessarju l-użu tal-finzjoni legali tal-konsumatur medju. Permezz ta’ din il-finzjoni legali, dan tal-aħħar jinftiehem bħala l-istess entità astratta li l-perċezzjoni globali tagħha hija rilevanti għall-finijiet tal-eżami tagħha.

    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tan-natura trasparenti tal-klawżoli ta’ rata minima fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self ipotekarju kkonċernati, kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, u dan indipendentement mid-differenzi li kienu jeżistu bejn kull konsumatur individwali li lilu kienu indirizzati l-kuntratti inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ għarfien tal-klawżola ta’ rata minima, il-livell ta’ dħul, l-età jew l-attività professjonali. Il-fatt li dawn il-kuntratti kienu indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi ma kienx ta’ natura li jwassal għal konklużjoni differenti.

    Madankollu, ma setax jiġi eskluż a priori li, minħabba l-ġrajja ta’ avveniment oġġettiv jew ta’ fatt magħruf sew, bħalma hija emenda tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew żvilupp ġurisprudenzjali mxerred u diskuss sew, il-qorti tar-rinviju tqis li matul il-perijodu ta’ riferiment il-perċezzjoni globali tal-konsumatur medju dwar il-klawżola ta’ rata minima tkun inbidlet u tkun ppermettiet lil dan tal-aħħar jsir jaf bil-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ikkawżati minn din il-klawżola. F’każ bħal dan, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni, matul dan il-perijodu, tal-perċezzjoni tal-konsumatur medju, peress li l-livell ta’ informazzjoni u ta’ attenzjoni tiegħu jista’ għalhekk ikun jiddependi mill-mument li fih jiġu konklużi l-kuntratti ta’ self ipotekarju.


    ( 1 ) Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

    ( 2 ) Din il-klawżola kienet tintuża mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u kienet tipprevedi rata minima li r-rata ta’ interessi varjabbli ma setgħetx tkun inqas minnha (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ rata minima”).

    ( 3 ) L-Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorros y Seguros de España (Adicae).

    ( 4 ) Ir-rimbors kien jikkonċerna s-somom li tħallsu indebitament mid‑9 ta’ Mejju 2013, id-data li fiha ġiet ippubblikata s-sentenza Nru 214/2013 tal-Qorti Suprema li permezz tagħha din tal-aħħar iddeċidiet li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola ta’ rata minima kienet tipproduċi effetti ex nunc.

    ( 5 ) U, b’mod iktar speċifiku, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13.

    ( 6 ) Kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13.

    ( 7 ) U, b’mod partikolari, l-Artikoli 4(1) u 7(1) tagħha.

    ( 8 ) Kif previst fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13.

    Top