EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1372

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1372 tad-19 ta' Awwissu 2019 li timplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ u mar-rappurtar (notifikata bid-dokument C(2019) 6026) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/6026

OJ L 220, 23.8.2019, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1372/oj

23.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/1


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1372

tad-19 ta' Awwissu 2019

li timplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ u mar-rappurtar

(notifikata bid-dokument C(2019) 6026)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2007/2/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-użu tal-infrastrutturi tagħhom għall-informazzjoni ġeografika u biex jirrappurtaw dwar numru ta' kwistjonijiet relatati ma' dan. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/442/KE (2) li timplimenta d-Direttiva 2007/2/KE f'dak li għandu x'jaqsam ma' dak il-monitoraġġ u rappurtar. L-esperjenza mill-eżerċizzji ta' rappurtar preċedenti u l-konklużjonijiet ta' evalwazzjonijiet riċenti (l-evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 2007/2/KE (3), il-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-rappurtar u l-monitoraġġ tal-politika dwar l-ambjent tal-UE (4)) urew il-ħtieġa li l-monitoraġġ u r-rappurtar jiġu ssimplifikati u organizzati aħjar, li jiġi appoġġjat paragun aħjar tal-progress tal-implimentazzjoni bejn Stat Membru u ieħor u li tingħata stampa tall-livell nazzjonali u tal-UE kollha filwaqt li jitnaqqas il-piż ta' monitoraġġ u rappurtar amministrattiv. L-informazzjoni aġġornata jenħtieġ li tinġabar b'mod aktar faċli, komparabbli u anqas ta' piż għall-atturi ta' rappurtar kollha. Barra minn hekk, in-numru kbir ta' indikaturi kien qed jagħmilha iebsa biex jinftiehem sew il-progress li kien qed isir fl-implimentazzjoni. Kien hemm wisq indikaturi u mhux neċessarjament kienu dawk korretti. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2009/442/KE jenħtieġ li tiġi sostitwita.

(2)

Jenħtieġ li l-monitoraġġ ikun ibbażat fuq sett ta' indikaturi kkalkulati abbażi tal-ġbir ta' data mill-awtoritajiet pubbliċi. Dawn l-indikaturi jkejlu l-progress tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2007/2/KE fl-Istati Membri u se jintużaw biex jevalwaw is-suċċess tad-Direttiva mal-objettivi tagħha. Għalhekk, l-indikaturi stabbiliti f'dan l-att intgħażlu skont il-loġika ta' intervent ġeneriku tad-Direttiva 2007/2/KE u jindirizzaw ir-rekwiżiti sabiex tiġi identifikata d-data ġeografika meħtieġa (l-Artikolu 3), sabiex tiġi ddokumentata d-data ġeografika identifikata permezz tal-metadata (l-Artikolu 4), sabiex jiġi żgurat li d-data spazjali ddokumentata tkun aċċessibbli onlajn permezz tas-servizzi tan-netwerk li jippermettu l-iskoperta, il-viżjoni u d-download tagħha (l-Artikoli 6 u 7), u sabiex id-data ġeografika tiġi organizzata f'mudelli tad-data interoperabbli b'vokabularju komuni (l-Artikolu 5).

(3)

Sabiex jiġi minimizzat il-piż tal-monitoraġġ, jenħtieġ li l-indikaturi jiġu kkalkulati abbażi tal-metadata għal settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika li jkunu nħolqu u ġew ippubblikati diġà mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2007/2/KE sabiex l-Istati Membri ma jkunux obbligati jikkalkulaw l-indikaturi manwalment u jipprovdu lista tas-settijiet ta' data ġeografika u tas-servizzi ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Annessi I, II u III tad-Direttiva 2007/2/KE kull sena kif previst fid-Deċiżjoni 2009/442/KE. Hija biss il-metadata li tiġi ppubblikata mill-Istati Membri li tittieħed inkonsiderazzjoni meta jiġu kkalkulati l-indikaturi għall-monitoraġġ. Metadata li ma tkunx ġiet ippubblikata ma tkunx tista' tiġi identifikata u ma tkunx ta' kontribut għall-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika, u b'hekk titħalla barra meta jiġu kkalkulati l-indikaturi għall-monitoraġġ.

(4)

Sabiex jiġi minimizzat il-piż tar-rappurtar, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw biss dawk l-aspetti tal-infrastruttura tal-informazzjoni ġeografika tagħhom li jkunu nbidlu mis-sottomissjoni tal-aktar rapport riċenti tagħhom skont l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2007/2/KE.

(5)

Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti u komparabbli għall-monitoraġġ u r-rappurtar mal-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-anqas jimmonitorjaw subsett komuni ta' settijiet ta' data ġeografika u jirrappurtaw dwar id-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-interoperabbiltà tagħhom. Jenħtieġ li dan is-subsett komuni jkun is-settijiet ta' data ġeografika li l-Istati Membri diġà jużaw għall-finijiet ta' rappurtar skont dawk il-partijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE identifikati fir-Rapport tal-Kummissjoni (5)“Azzjonijiet għas-Simplifikazzjoni tar-Rappurtar Ambjentali” wara Kontroll tal-Idoneità komprensiv tar-rappurtar u tal-monitoraġġ tal-politika ambjentali tal-UE (6).

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2007/2/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Istati Membri biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-użu tal-infrastrutturi tagħhom għall-informazzjoni ġeografika u biex jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar dak il-monitoraġġ kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) u (2) tad-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet komuni dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar

1.   L-indikaturi msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 għandhom jiġu kkalkulati bl-użu tal-metadata tas-settijiet ta' data ġeografika u s-servizzi ta' data ġeografika li jiġu ppubblikati mill-Istati Membri permezz tas-servizzi ta' sejbien imsemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva 2007/2/KE.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżultati tal-monitoraġġ kollha skont l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2007/2/KE aċċessibbli għall-pubbliku fuq l-Internet jew jużaw mezzi ta' komunikazzjoni xierqa oħra.

Artikolu 3

Il-monitoraġġ tad-disponibbiltà tad-data u tas-servizzi ġeografiċi

1.   L-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw biex ikejlu n-numru ta' settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika:

(a)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom teżisti metadata (“DSi1,1”);

(b)

in-numru ta' servizzi ta' data ġeografika li għalihom teżisti metadata (“DSi1,2”).

2.   L-indikatur li ġej għandu jintuża biex jitkejjel in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li diġà jintużaw mill-Istat Membru għar-rappurtar lill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni ambjentali: in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom il-metadata tinkludi keyword minn reġistru pprovdut mill-Kummissjoni u li jindika li s-sett ta' data ġeografika jintuża għar-rappurtar skont il-leġiżlazzjoni ambjentali (“DSi1,3”).

3.   L-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw biex ikejlu n-numru tas-settijiet ta' data ġeografika li jkopru t-territorju reġjonali jew nazzjonali rispettivament:

(a)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom il-metadata tinkludi keyword minn reġistru pprovdut mill-Kummissjoni u li jindika li s-sett ta' data ġeografika jkopri territorju reġjonali (“DSi1,4”);

(b)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom il-metadata tinkludi keyword minn reġistru pprovdut mill-Kummissjoni li jindika li s-sett ta' data ġeografika jkopri t-territorju nazzjonali (“DSi1,5”).

Artikolu 4

Il-monitoraġġ tal-konformità tal-metadata mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2008 (7)

L-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw biex jitkejjel il-perċentwal ta' metadata għal settijiet ta' data ġeografika u servizzi ta' data ġeografika li jiġu ppubblikati mill-Istati Membri permezz tas-servizzi ta' skoperta msemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2007/2/KE li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 1205/2008fir-rigward tal-metadata:

(a)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom il-metadata hija konformi mar-Regolament (KE) Nru 1205/2008 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom teżisti l-metadata skont l-indikatur “DSi1,1” (“MDi1,1”);

(b)

in-numru ta' servizzi ta' data ġeografika li għalihom il-metadata hija konformi mar-Regolament (KE) Nru 1205/2008 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' servizzi ta' data ġeografika li għalihom teżisti metadata skont l-indikatur “DSi1,2” (“MDi1,2”).

Artikolu 5

Il-monitoraġġ tal-konformità tas-settijiet ta' data ġeografika mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 (8) fir-rigward tal-interoperabbiltà

L-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw biex jitkejjel il-perċentwal ta' settijiet ta' data ġeografika li jkunu konformi mar-Regolament (UE) Nru 1089/2010 fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta' data ġeografika:

(a)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 1089/2010 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika skont l-indikatur “DSi1,1” (“DSi2”);

(b)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2007/2/KE u li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 1089/2010 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati f'dak l-Anness (“DSi2,1”);

(c)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2007/2/KE u li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 1089/2010 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati f'dak l-Anness (“DSi2,2”);

(d)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2007/2/KE u li huma konformi mar-Regolament (UE) Nru 1089/2010 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li jikkorrispondu mat-temi elenkati f'dak l-Anness (“DSi2,3”).

Artikolu 6

Il-monitoraġġ tal-aċċessibbiltà tas-settijiet ta' data ġeografika permezz tas-servizzi ta' viżjoni u ta' download

L-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw biex jitkejjel il-perċentwal ta' settijiet ta' data ġeografika li huma aċċessibbli permezz tas-servizzi ta' viżjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2007/2/KE u permezz tas-servizzi ta' download imsemmija fil-punt (c) ta' dik id-dispożizzjoni:

(a)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom jeżistu servizzi ta' viżjoni u download immultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika skont l-indikatur DSi1,1(“NSi2”).

(b)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom jeżisti servizz ta' viżjoni mmultiplikat b'mija u diviż bin-numru ta' settijiet ta' data ġeografika skont l-indikatur DSi1,1 (“NSi2,1”);

(c)

in-numru ta' settijiet ta' data ġeografika li għalihom jeżisti servizz ta' download immultiplikat b'mija u diviż bin-numru totali ta' settijiet ta' data ġeografika skont l-indikatur DSi1,1 (“NSi2,2”).

Artikolu 7

Il-monitoraġġ tal-konformità tas-servizzi ta' netwerk mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 976/2009 (9)

L-indikaturi li ġejjin għandhom jintużaw biex jitkejjel il-perċentwal tas-servizzi ta' netwerk imsemmija fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2007/2/KE li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 976/2009 fir-rigward tas-Servizzi ta' Netwerk:

(a)

in-numru ta' servizzi ta' netwerk li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 976/2009 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru totali ta' servizzi ta' netwerk (“NSi4”);

(b)

in-numru ta' servizzi ta' sejbien li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 976/2009 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru totali ta' servizzi ta' sejbien (“NSi4,1”);

(c)

in-numru ta' servizzi ta' viżjoni li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 976/2009 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru totali ta' servizzi ta' viżjoni (“NSi4,2”);

(d)

in-numru ta' servizzi ta' download li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 976/2009 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru totali ta' servizzi ta' download (“NSi4,3”);

(e)

in-numru ta' servizzi ta' trasformazzjoni li huma konformi mar-Regolament (KE) Nru 976/2009 immultiplikat b'mija u diviż bin-numru totali ta' servizzi ta' trasformazzjoni (“NSi4,4”);

Artikolu 8

Il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta' monitoraġġ

Ir-riżultati tal-monitoraġġ meħtieġa mill-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2007/2/KE għandhom jiġu ppubblikati mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu ta' kull sena fir-rigward tal-istatus tal-implimentazzjoni tal-infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-15 ta' Diċembru tas-sena preċedenti. Ir-riżultati għandhom jiġu aġġornati tal-anqas kull sena.

Artikolu 9

L-aġġornament ta' rapporti ta' sommarju

L-Istati Membri għandhom jipprovdu deskrizzjonijiet ta' sommarju aġġornati tal-punti msemmija fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2007/2/KE tal-Kummissjoni. Dawk id-deskrizzjonijiet ta' sommarju fejn seħħew bidliet mis-sottomissjoni preċedenti biss għandhom jiġu aġġornati.

Artikolu 10

Revoka

Id-Deċiżjoni 2009/442/KE hija mħassra.

Artikolu 11

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/442/KE tal-5 ta' Ġunju 2009 li timplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-monitoraġġ u mar-rappurtar (ĠU L 148, 11.6.2009, p. 18).

(3)  SWD(2016) 273 final

(4)  COM(2017) 312 final u SWD(2017) 230

(5)  COM (2017) 312 final

(6)  SWD (2017) 230 final; il-lista kompluta tidher fl-Anness 1 tiegħu (it-Taqsima 8.1 tad-dokument).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1205/2008 tat-3 ta' Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-metadata (ĠU L 326, 4.12.2008, p. 12).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 tat-23 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta' data u servizzi ġeografiċi (ĠU L 323, 8.12.2010, p. 11).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 976/2009 tad-19 ta' Ottubru 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-Servizzi ta' Netwerk (ĠU L 274, 20.10.2009, p. 9).


Top