Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2465

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2465 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008

    C/2023/5509

    ĠU L, 2023/2465, 8.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2465/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/11/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2465/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2465

    8.11.2023

    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2465

    tas-17 ta’ Awwissu 2023

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 75(2), l-Artikolu 79, l-Artikolu 86(a) u l-Artikolu 89 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Mejju 2020 intitolata “Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” (2), il-Kummissjoni ħabbret ir-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni biex tipprevedi l-użu u l-forniment ta’ prodotti sostenibbli tal-agrikoltura u biex issaħħaħ ir-rwol tal-kriterji ta’ sostenibbiltà filwaqt li tqis l-impatt possibbli ta’ dawn l-istandards fuq it-telf u l-ħela tal-ikel. F’dan il-kuntest, l-istandards eżistenti tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd jenħtieġ li jiġu modifikati wkoll b’kont meħud tal-iżviluppi tekniċi u tad-domanda tal-konsumaturi u tal-evoluzzjoni tal-influwenza tat-tjur bħala fattur ta’ riskju għall-produtturi tal-bajd tat-tiġieġ imrobbi fil-beraħ.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (3). Il-Parti II, it-Titolu II, il-Kapitolu I, it-Taqsima 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tistabbilixxi regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd, mingħajr ma tintroduċi bidliet sostanzjali, u tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-bajd fil-qafas legali l-ġdid, iridu jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ tali atti. Dan ir-Regolament u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2466 (4) jenħtieġ li jissostitwixxu r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 (5), li għalhekk jenħtieġ li jitħassar.

    (3)

    Sabiex ikun hemm funzjonament bla xkiel tas-suq tal-bajd, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd jenħtieġ li jkopru l-kriterji tal-klassifikazzjoni, il-preservazzjoni u l-manipulazzjoni, ir-rekwiżiti tal-immarkar u tal-ippakkjar, l-użu ta’ termini riżervati fakultattivi, il-livelli ta’ tolleranza, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet. Peress li dawn l-aspetti huma kollha interkonnessi mill-qrib, ir-regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd jenħtieġ li jinżammu bħala sett koerenti ta’ regoli, u għalhekk jenħtieġ jiġu stabbiliti f’att delegat wieħed.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 (6) u r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) japplikaw għall-bajd. Peress li huma rilevanti fil-qasam tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd u sabiex tiġi żgurata l-koerenza, jenħtieġ li ssir referenza sa fejn ikun possibbli għal dawk ir-Regolamenti orizzontali.

    (5)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (8) stabbiliet prinċipji dwar iż-żamma tat-tiġieġ f’sistemi ta’ trobbija differenti. Peress li d-dispożizzjonijiet tagħha huma marbuta mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd, u sabiex tiġi żgurata l-koerenza, jenħtieġ li ssir referenza sa fejn ikun possibbli għal dik id-Direttiva.

    (6)

    Jenħtieġ li jiġu deċiżi l-karatteristiċi tal-kwalità tal-bajd tal-Klassi A sabiex tkun garantita l-kwalità superjuri tal-bajd ikkonsenjat direttament lill-konsumatur finali u li jiġu definiti l-kriterji għall-fini ta’ kontroll mis-servizzi tal-ispezzjoni. Dawn il-karatteristiċi jenħtieġ li jkunu konformi mal-Istandard Nru 42 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) li jikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-kwalità kummerċjali tal-bajd bil-qoxra fil-kummerċ internazzjonali bejn il-pajjiżi membri tan-NU/KEE u fil-kummerċ destinat għal dawn il-pajjiżi.

    (7)

    B’mod ġenerali, jenħtieġ li l-bajd ma jinħasilx u ma jitnaddafx, minħabba li dan jista’ jagħmel ħsara lill-qoxra, li, permezz tal-karatteristiċi antimikrobiċi tagħha, taġixxi bħala barriera effikaċi kontra l-kontaminazzjoni mill-batterji. Barra minn dan, jenħtieġ li l-bajd tal-Klassi A ma jinħasilx minħabba ħsara li tista’ tiġi kkawżata lill-barrieri fiżiċi, bħall-epiderma, matul jew wara t-tindif. Din il-ħsara tista’ tiffavorixxi l-kontaminazzjoni li tgħaddi mill-qoxra permezz tal-batterji jew it-telf tal-umidità mill-qoxra, li jkabbar ir-riskju għall-konsumaturi, partikolarment jekk il-kundizzjonijiet tat-tnixxif u tal-ħażna sussegwenti ma jkunux ottimali.

    (8)

    Madankollu, ċerti prattiki, bħal pereżempju t-trattament tal-bajd bir-raġġi ultravjola, jenħtieġ li ma jiġux interpretati li jikkostitwixxu proċessi ta’ tindif. Madankollu, f’ċerti Stati Membri, l-użu ta’ sistemi tal-ħasil tal-bajd suġġetti għal awtorizzazzjoni u li jaħdmu taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, jagħti riżultati tajba. Skont l-opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar il-Perikli Bijoloġiċi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, rigward ir-riskji mikrobijoloġiċi assoċjati mal-ħasil tal-bajd għall-ikel (9), mogħtija wara talba tal-Kummissjoni u adottata fis-7 ta’ Settembru 2005, il-prattika tal-ħasil tal-bajd kif ipprattikata f’ċerti ċentri tal-ippakkjar tista’ tinżamm minn perspettiva iġjenika, diment li, fost oħrajn, jiġi żviluppat kodiċi ta’ prattika għas-sistemi tal-ħasil tal-bajd.

    (9)

    Il-bajd tal-Klassi A jenħtieġ li jiġi gradat skont il-piż. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti għadd limitat ta’ gradi tal-piż u termini ċari korrispondenti kif ukoll rekwiżiti minimi għat-tikkettar, li ma jeskludux tikkettar volontarju addizzjonali, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (10)

    Huma biss l-intrapriżi li għandhom bini u tagħmir tekniku adatti għall-iskala u t-tip tal-operazzjonijiet tagħhom, u li għalhekk jippermettu l-manipulazzjoni kif suppost tal-bajd, li jenħtieġ li jiġu awtorizzati, bħala ċentri tal-ippakkjar, biex jiggradaw il-bajd skont il-kwalità u l-piż.

    (11)

    Sabiex tiġi żgurata l-freskezza tal-bajd, jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien massimi għall-gradazzjoni, għall-immarkar u għall-ippakkjar tal-bajd u għall-immarkar tal-pakketti.

    (12)

    Minbarra l-obbligu ġenerali li tiġi stabbilita t-traċċabbiltà tal-ikel, tal-għalf, tal-annimali li jipproduċu l-ikel, u ta’ kwalunkwe sustanza oħra maħsuba li tiġi, jew mistennija li tiġi, inkorporata fl-ikel jew fl-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għall-finijiet tat-twettiq tal-kontrolli, jenħtieġ li tiġi stipulata l-informazzjoni li għandha tiġi indikata fuq l-imballaġġ għat-trasport li jkun fih il-bajd u fuq id-dokumenti li jakkumpanjawh.

    (13)

    Huwa essenzjali li l-bajd jiġi mmarkat bil-kodiċi tal-produttur fis-sit tal-produzzjoni meta l-bajd jiġi kkonsenjat fi Stat Membru ieħor. B’mod partikolari fir-rigward tal-bajd tal-Klassi B, jenħtieġ li jiġi speċifikat li jekk il-kodiċi tal-produttur waħdu ma jindikax b’mod ċar il-gradazzjoni tal-kwalità, il-bajd tal-Klassi B jenħtieġ li jiġi mmarkat b’indikazzjoni oħra.

    (14)

    Jenħtieġ li jiġu ddefiniti l-karatteristiċi tal-indikazzjonijiet possibbli l-oħrajn għall-immarkar tal-bajd tal-Klassi B, kif imsemmi fil-Parti VI, il-Punt III(1), it-tieni subparagrafu, tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (15)

    Meta l-bajd jiġi kkonsenjat direttament lill-industrija tal-ikel għall-ipproċessar u jkun hemm garanzija suffiċjenti tad-destinazzjoni finali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eċċezzjonijiet mir-rekwiżit tal-immarkar lill-operaturi li jitolbu dan diment li l-bajd jiġi kkonsenjat direttament mis-sit tal-produzzjoni lill-industrija tal-ikel.

    (16)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi r-regoli ta’ natura ġenerali applikabbli għall-oġġetti tal-ikel kollha li jitqiegħdu fis-suq. Madankollu, jenħtieġ li jkunu previsti ċerti rekwiżiti speċifiċi tal-immarkar għall-pakketti tal-bajd.

    (17)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti t-termini għall-identifikazzjoni tal-metodu tat-trobbija kif ukoll ir-rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-produzzjoni għad-diversi metodi ta’ trobbija tal-bajd.

    (18)

    Meta l-bajd jinbiegħ b’terminu riżervat fakultattiv li jenfasizza l-freskezza partikolari tal-bajd, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien massimu għal dawn l-indikazzjonijiet.

    (19)

    Meta l-bajd jinbiegħ b’indikazzjoni tal-formula tal-għalf partikolari mitmugħa lit-tiġieġ li jbidu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet.

    (20)

    Meta l-bajd jinbiegħ farrad, ċerta informazzjoni li normalment tidher fuq l-ippakkjar jenħtieġ li tkun aċċessibbli għall-konsumatur.

    (21)

    Minbarra r-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-iġjene applikabbli għat-tgeżwir u għall-imballaġġ tal-oġġetti tal-ikel, jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti addizzjonali sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ tħassir jew ta’ kontaminazzjoni tal-bajd matul il-ħażna u t-trasport. Dawn l-istandards jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-Istandard tan-NU/KEE Nru 42.

    (22)

    Il-bajd industrijali ma huwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Għalhekk jenħtieġ li jkunu meħtieġa strixxi jew tikketti speċjali li jippermettu l-identifikazzjoni faċli tal-imballaġġ li jkun fih dan it-tip ta’ bajd.

    (23)

    Il-pajjiżi terzi jista’ jkollhom rekwiżiti differenti minn dawk stabbiliti għall-Unjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd. Sabiex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet, il-bajd ippakkjat u intenzjonat għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni jenħtieġ li jitħalla jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti.

    (24)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti termini preċiżi għall-valutazzjoni tal-ekwivalenza tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li trid issir mill-Kummissjoni wara talba tal-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti għall-immarkar u t-tikkettar għall-bajd importat minn pajjiżi terzi.

    (25)

    Jenħtieġ li jkunu permessi ċerti tolleranzi fil-verifika tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn it-tolleranzi jenħtieġ li jvarjaw skont l-istadji differenti tal-kummerċjalizzazzjoni.

    (26)

    Il-forniment tal-bajd għall-bejgħ bl-imnut fid-dipartimenti Franċiżi ekstra-Ewropej tiddependi parzjalment fuq il-forniment tal-bajd mill-kontinent Ewropew minħabba li l-produzzjoni lokali għadha ma hijiex biżżejjed biex tkopri d-domanda. B’kunsiderazzjoni tad-durata għat-trasport u l-kundizzjonijiet tal-klima, il-preservazzjoni tal-bajd ittrasportat lejn id-dipartimenti Franċiżi ekstra-Ewropej tippresupponi s-sodisfazzjon ta’ arranġamenti speċifiċi tal-forniment, inkluża l-possibbiltà li l-bajd jiġi kkonsenjat imkessaħ. Dawn l-arranġamenti speċjali jistgħu jiġu ġġustifikati min-nuqqas ta’ kapaċitajiet lokali suffiċjenti ta’ produzzjoni tal-bajd. Sakemm jiġu żviluppati kapaċitajiet ta’ produzzjoni lokali suffiċjenti, dawn l-arranġamenti eċċezzjonali jenħtieġ li jinżammu.

    (27)

    Sabiex jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd f’ċerti reġjuni remoti tal-Finlandja, il-bejgħ mingħand il-produtturi lill-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut f’dawk ir-reġjuni jenħtieġ li jkun eżentat mir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u ta’ dan ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 b’regoli dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd tat-tiġieġ tal-ispeċi Gallus gallus, ħlief għall-bajd għat-tifqis, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

    (a)

    il-kriterji tal-klassifikazzjoni;

    (b)

    il-preżervazzjoni u l-manipulazzjoni;

    (c)

    ir-rekwiżiti tal-immarkar u tal-ippakkjar;

    (d)

    l-użu ta’ termini riżervati fakultattivi;

    (e)

    il-livelli ta’ tolleranza;

    (f)

    il-kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2466, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u fil-punti 5.2, 5.3, 5.4 u 7.3 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

    Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “pakkett” ifisser tgeżwir li jkollu fih bajd tal-Klassi A jew tal-Klassi B, ħlief l-imballaġġ għat-trasport u l-kontenituri tal-bajd industrijali;

    (b)

    “bejgħ tal-bajd farrad” ifisser il-bejgħ bl-imnut tal-bajd lill-konsumatur finali, minbarra f’pakketti;

    (c)

    “kollettur” ifisser kwalunkwe stabbiliment irreġistrat f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 li jiġbor il-bajd mingħand produttur bil-ħsieb li jiġi kkonsenjat lil ċentru tal-ippakkjar, għal suq li jbigħ eżklussivament lill-bejjiegħa bl-ingrossa li l-impriżi tagħhom huma approvati bħala ċentri tal-ippakkjar, jew għall-industrija tal-ikel u dik mhux tal-ikel;

    (d)

    “industrija tal-ikel” ifisser kwalunkwe stabbiliment li jipproduċi prodotti tal-bajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem, minbarra l-fornituri tal-ikel tal-massa;

    (e)

    “industrija mhux tal-ikel” ifisser kull negozju li jipproduċi prodotti tal-bajd li ma humiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem;

    (f)

    “fornituri tal-ikel tal-massa” ifisser l-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

    (g)

    “bajd” ifisser bajd fil-qoxra — ħlief il-bajd imkisser, inkubat jew imsajjar — li huwa prodott mit-tiġieġ tal-ispeċi Gallus gallus u li huwa adattat għall-konsum dirett mill-bniedem jew għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-bajd;

    (h)

    “bajd imkisser” ifisser il-bajd li għandu xquq kemm fil-qoxra kif ukoll fil-membrani, li jwassal biex il-kontenut tiegħu jkun espost;

    (i)

    “bajd inkubat” ifisser il-bajd minn meta jitpoġġa fl-inkubatur ’il quddiem;

    (j)

    “bajd industrijali” ifisser il-bajd mhux maħsub għall-konsum mill-bniedem;

    (k)

    “lott” ifisser il-bajd f’pakketti jew farrad mill-istess u l-uniku sit tal-produzzjoni jew ċentru tal-ippakkjar, li jinsab f’post wieħed, bl-istess data waħda ta’ meta tbied jew id-data minima ta’ kemm iservi prodott tal-ikel jew id-data tal-ippakkjar, l-istess metodu ta’ trobbija u, fil-każ tal-bajd gradat, l-istess gradazzjoni tal-kwalità u tal-piż;

    (l)

    “ippakkjar mill-ġdid” ifisser it-trasferiment fiżiku tal-bajd għal pakkett ieħor jew l-immarkar mill-ġdid ta’ pakkett li fih il-bajd;

    (m)

    “kummerċjalizzazzjoni” ifisser iż-żamma tal-bajd bil-ħsieb li jinbiegħ, inkluż l-offerta għall-bejgħ, il-ħażna, l-ippakkjar, it-tikkettar, il-konsenja jew kull tip ieħor ta’ trasferiment, kemm mingħajr ħlas kif ukoll bi ħlas;

    (n)

    “operatur” ifisser produttur jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra involuta fil-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd;

    (o)

    “sit tal-produzzjoni” ifisser stabbiliment li jrabbi t-tiġieġ li jbidu, irreġistrat f’konformità mad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE (12);

    (p)

    “ċentru tal-ippakkjar” ifisser ċentru tal-ippakkjar fit-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 li huwa awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2466 u fejn il-bajd jiġi gradat skont il-kwalità u l-piż tiegħu;

    (q)

    “konsumatur finali” ifisser l-aħħar xerrej ta’ oġġett tal-ikel, li ma huwiex se juża dan l-ikel fil-qafas ta’ xi operazzjoni jew ta’ xi attività ta’ negozju tal-ikel;

    (r)

    “kodiċi tal-produttur” ifisser in-numru li jiddistingwi s-sit tal-produzzjoni skont il-punt 2 tal-Anness tad-Direttiva 2002/4/KE.

    Artikolu 3

    Karatteristiċi tal-kwalità tal-bajd

    1.   Il-bajd tal-Klassi A għandu jkollu l-karatteristiċi tal- kwalità li ġejjin:

    (a)

    il-qoxra u l-epiderma: forma normali, nadifa u bla ħsara;

    (b)

    l-ispazju tal-arja: għoli li ma jaqbiżx is-6 mm; madankollu, għall-bajd li jiġi kkumerċjalizzat bħala “ekstra”, dan ma għandux jaqbeż l-4 mm;

    (c)

    l-isfar: jidher bħala dell biss meta jsirlu l-eżami kontra d-dawl, mingħajr mal-kontorn jidher b’mod ċar, jiċċaqlaq kemm kemm meta tiġi mdawra l-bajda, u jirritorna għall-pożizzjoni ċentrali;

    (d)

    l-abjad: ċar, trażluċidu;

    (e)

    ġerminu: żvilupp imperċepibbli;

    (f)

    materjal barrani: mhux permessibbli;

    (g)

    riħa stramba mhux intenzjonata: mhux permessibbli.

    2.   Il-bajd tal-Klassi B għandu jkun bajd li ma jissodisfax il-karatteristiċi tal-kwalità previsti fil-paragrafu 1. Bajd tal-Kassi A li ma jibqax jissodisfa dawk il-karatteristiċi għandu jiġi relegat għal bajd tal-Klassi B. Bajd li ma jiġix immarkat fi żmien 10 ijiem wara li jkun tbied għandu jkun bajd tal-Klassi B.

    Artikolu 4

    Preżervazzjoni u manipulazzjoni tal-bajd

    1.   Il-bajd tal-Klassi A ma għandux jinħasel jew jitnaddaf, la qabel u lanqas wara l-gradazzjoni, ħlief kif previst fil-paragrafu 3.

    2.   Il-bajd tal-Klassi A ma għandux jiġi ttrattat għall-preservazzjoni jew imkessaħ f’bini jew f’impjanti fejn it-temperatura tinżamm b’mod artifiċjali f’inqas minn 5 °C. Madankollu, il-bajd li jkun inżamm f’temperatura ta’ inqas minn 5 °C matul it-trasport għal mhux aktar minn 24 siegħa jew f’bini tal-bejgħ bl-imnut jew fil-bini konnessi miegħu għal mhux aktar minn 72 siegħa ma għandux jitqies li ġie mkessaħ.

    3.   L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Ġunju 2003, awtorizzaw liċ-ċentri tal-ippakkjar biex jaħslu l-bajd jistgħu jkomplu jawtorizzaw liċ-ċentri tal-ippakkjar sabiex jaħslu l-bajd, diment li dawn iċ-ċentri joperaw f’konformità mal-gwidi nazzjonali għas-sistemi tal-ħasil tal-bajd. Il-bajd maħsul jista jiġi kkumerċjalizzat biss fl-Istati Membri fejn ingħataw tali awtorizzazzjonijiet.

    4.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ gwidi nazzjonali tal-prattika tajba fil-qasam tas-sistemi tal-ħasil tal-bajd mill-operaturi ta’ negozji tal-ikel, f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

    Artikolu 5

    Gradazzjoni tal-bajd tal-Klassi A skont il-piż

    1.   Il-bajd tal-Klassi A għandu jiġi gradat skont il-piż kif ġej:

    (a)

    XL — kbir ħafna: piż ≥ 73 g;

    (b)

    L — kbir: piż ≥ 63 g u < 73 g;

    (c)

    M — medju: piż ≥ 53 g u < 63 g;

    (d)

    S — żgħir: piż < 53 g.

    2.   Il-gradazzjoni tal-piż għandha tiġi indikata permezz tal-ittri jew marki korrispondenti definiti fil-paragrafu 1 jew minn taħlita tat-tnejn, li tista’ tiġi ssupplimentata bil-firxa tal-piżijiet korrispondenti.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, meta bajd tal-Klassi A ta’ qisien differenti jiġi ppakkjat flimkien fl-istess pakkett, il-piż nett minimu tal-bajd għandu jiġi indikat fi grammi u l-indikazzjoni “Bajd ta’ qisien differenti” jew kliem simili għandha titpoġġa fuq il-wiċċ ta’ barra tal-pakkett.

    Artikolu 6

    Limitu ta’ żmien għall-gradazzjoni, għall-immarkar u għall-ippakkjar tal-bajd kif ukoll għall-immarkar tal-pakketti

    1.   Il-bajd tal-Klassi A għandu jiġi gradat, immarkat u ppakkjat fi żmien 10 jiem minn meta jinbied.

    2.   Il-bajd ikkummerċjalizzat f’konformità mal-Artikolu 12 għandu jiġi gradat, immarkat u ppakkjat fi żmien erbat ijiem wara d-data li jinbied.

    3.   Id-data minima ta’ kemm iservi prodott tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (d) ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi mmarkata fil-mument li fih jiġi ppakkjat f’konformità mal-punt 1 tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

    Artikolu 7

    Informazzjoni murija fuq l-imballaġġ għat-trasport

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, fis-sit tal-produzzjoni, kull imballaġġ għat-trasport li jkun fih il-bajd għandu jiġi identifikat mill-produttur permezz ta’:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-produttur;

    (b)

    il-kodiċi tal-produttur;

    (c)

    l-għadd ta’ bajd u/jew il-piż tagħhom;

    (d)

    id-data jew il-perjodu li fih ikun inbied;

    (e)

    id-data li fiha ntbagħat.

    Meta ċ-ċentri tal-ippakkjar ikunu fornuti b’bajd mhux ippakkjat mill-unitajiet ta’ produzzjoni tagħhom stess, li jkunu jinstabu fl-istess sit, l-identifikazzjoni fuq l-imballaġġ għat-trasport tista’ ssir fiċ-ċentru tal-ippakkjar.

    2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata fuq l-imballaġġ għat-trasport u għandha tkun tidher fid-dokumenti li jakkumpanjawh. Kopja ta’ dawk id-dokumenti li jakkumpanjawh għandha tinżamm minn kull operatur li jintervjeni u li lilu jiġi kkonsenjat il-bajd. L-oriġinali tad-dokumenti li jakkumpanjawh għandhom jinżammu miċ-ċentru tal-ippakkjar li jiggrada l-bajd.

    Meta l-lottijiet li jirċievi kollettur jiġu suddiviżi għall-konsenja lil aktar minn operatur wieħed, id-dokumenti li jakkumpanjawhom jistgħu jiġu sostitwiti minn tikketti adatti mwaħħla fuq il-kontenituri għat-trasport, diment li dawn jinkludu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 imwaħħla fuq l-imballaġġ għat-trasport ma għandhiex tiġi mmodifikata u għandha tibqa’ fuq l-imballaġġ għat-trasport imsemmi sakemm il-bajd jitneħħa biex immedjatament jiġi gradat, immarkat, ippakkjat jew ipproċessat ulterjorment.

    Artikolu 8

    Immarkar tal-bajd għall-konsenja transfruntiera

    1.   Il-bajd ikkonsenjat minn sit tal-produzzjoni lil kollettur, ċentru tal-ippakkjar, industrija tal-ikel jew mhux tal-ikel li tinsab fi Stat Membru ieħor, għandu jkun immarkat bil-kodiċi tal-produttur qabel ma joħroġ mis-sit tal-produzzjoni.

    2.   Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu jkun hemm sit tal-produzzjoni jista’ jagħti deroga mir-rekwiżit previst fil-paragrafu 1 meta l-produttur ikun iffirma kuntratt ta’ konsenja ma’ ċentru tal-ippakkjar li jinsab fi Stat Membru ieħor li jkun jeħtieġ l-immarkar f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Din id-deroga tista’ tingħata biss wara talba taż-żewġ operaturi kkonċernati u permezz ta’ ftehim bil-miktub minn qabel mill-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-ippakkjar. F’każijiet bħal dawn, kopja tal-kuntratt tal-konsenja għandha tintbagħat mal-konsenja.

    3.   It-tul ta’ żmien minimu tal-kuntratti tal-konsenja msemmija fil-paragrafu 2 ma jistax ikun inqas minn xahar.

    4.   Is-servizzi tal-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2466 tal-Istat Membru kkonċernat, u ta’ kull Stat Membru ta’ tranżitu, għandhom jiġu infurmati qabel tingħata deroga f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

    5.   Il-bajd tal-Klassi B ikkumerċjalizzat fi Stat Membru ieħor li jiġi mmarkat f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-punt III(1) tal-Parti VI tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu, fejn xieraq, ikollu indikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jintgħaraf faċilment mill-bajd tal-Klassi A.

    Artikolu 9

    Indikazzjonijiet fuq il-bajd tal-Klassi B

    L-indikazzjoni msemmija fil-Parti VI, il-Punt III(1), it-tieni subparagrafu, tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tkun ċirku b’dijametru ta’ mill-anqas 12-il mm madwar l-ittra “B” li l-għoli minimu tagħha huwa ta’ 5 mm, jew tikka ta’ kulur li jidher sew b’dijametru minimu ta’ 5 mm.

    Artikolu 10

    Immarkar tal-bajd ikkonsenjat direttament lill-industrija tal-ikel

    1.   Ħlief kif previst mod ieħor fil-leġiżlazzjoni sanitarja, l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi lill-operaturi, wara talba tagħhom, mill-obbligi tal-immarkar previsti fil-punt III(1) tal-Parti VI tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, meta l-bajd jiġi kkonsenjat direttament mis-sit tal-produzzjoni għall-industrija tal-ikel. Il-konsenja għandha tkun ir-responsabbiltà sħiħa tal-operatur tal-industrija tal-ikel, li jaċċetta li juża l-bajd biss għall-ipproċessar kif xieraq.

    2.   Meta, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-bajd jiġi kkonsenjat minn sit tal-produzzjoni fi Stat Membru wieħed lill-industrija tal-ikel fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru fejn ikun stabbilit is-sit tal-produzzjoni għandu jinforma kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor dwar l-għoti tad-deroga mill-immarkar qabel ma ssir l-ewwel konsenja.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-bajd li jiġi importat minn pajjiż terz u li jiġi kkonsenjat direttament lill-industrija tal-ikel milli jiġi mmarkat diment li d-destinazzjoni finali tiegħu biex jiġi pproċessat tiġi vverifikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.

    Artikolu 11

    Immarkar tal-pakketti

    1.   Il-pakketti li jkun fihom bajd tal-Klassi A għandu jkollhom fuq il-wiċċ ta’ barra b’mod li jidher faċilment u b’tipa li tinqara b’mod ċar:

    (a)

    il-kodiċijiet taċ-ċentri tal-ippakkjar fejn il-bajd ikun ġie ppakkjat u, fejn xieraq, ippakkjat mill-ġdid;

    (b)

    il-gradazzjoni tal-kwalità: il-pakketti għandhom ikunu identifikati jew bil-kliem “Klassi A” jew bl-ittra “A”, waħedha jew flimkien mal-kliem “friski” jew “bajd frisk”;

    (c)

    il-gradazzjoni tal-piż f’konformità mal-Artikolu 5;

    (d)

    id-data minima ta’ kemm iservi l-prodott f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

    (e)

    il-kliem “bajd maħsul” għall-bajd maħsul f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;

    (f)

    bħala kundizzjoni speċjali tal-ħażna f’konformità mal-Artikolu 9(1), il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, indikazzjoni li tirrakkomanda lill-konsumaturi sabiex iżommu l-bajd fil-friġġ wara li jixtruh.

    2.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-pakketti li jkun fihom il-bajd tal-Klassi A għandu jkollhom fuq il-wiċċ ta’ barra b’mod li jidher faċilment u b’tipa li tinqara b’mod ċar, indikazzjoni tal-metodu tat-trobbija.

    Għall-identifikazzjoni tal-metodu tat-trobbija għandhom jintużaw biss it-termini li ġejjin:

    (a)

    għat-trobbija konvenzjonali, it-termini stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    għall-produzzjoni organika, it-termini stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    It-tifsira tal-kodiċi tal-produttur għandha tiġi spjegata fuq il-pakkett jew ġo fih.

    3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-miżuri tekniċi nazzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-produzzjoni għad-diversi metodi tat-trobbija tat-tiġieġ tal-bajd stabbiliti fl-Anness II, li jistgħu japplikaw biss għall-produtturi tal-Istat Membru kkonċernat, diment li dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    4.   Il-pakketti li jkun fihom bajd tal-Klassi B għandu jkollhom fuq il-wiċċ ta’ barra b’mod li jidher faċilment u b’tipa li tinqara b’mod ċar:

    (a)

    il-kodiċi taċ-ċentru tal-ippakkjar;

    (b)

    il-gradazzjoni tal-kwalità; il-pakketti għandhom ikunu identifikati jew bil-kliem “Klassi B” jew bl-ittra “B”;

    (c)

    id-data tal-ippakkjar.

    5.   F’dak li jikkonċerna l-pakketti tal-bajd prodotti fuq it-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li t-tikketti jitwaħħlu b’tali mod li dawn jitqattgħu meta jinfetħu l-pakketti.

    Artikolu 12

    Termini riżervati fakultattivi dwar il-kwalità

    1.   Il-kliem “ekstra” jew “ekstra friski” jista’ jintuża bħala indikazzjoni addizzjonali tal-kwalità fuq il-pakketti li fihom bajd tal-Klassi A sad-disa’ jum wara li jkun inbied il-bajd.

    2.   Meta jintużaw l-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, id-data li fiha inbied u l-limitu ta’ żmien ta’ disat ijiem għandhom jintwerew fuq il-pakkett b’mod li jidhru faċilment u li jinqraw b’mod ċar.

    Artikolu 13

    Termini riżervati fakultattivi dwar l-għalf

    Meta tintuża indikazzjoni tal-metodu tal-għalf tat-tiġieġ li jbidu, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti minimi li ġejjin:

    (a)

    tista’ ssir referenza għaċ-ċereali bħala ingredjent tal-għalf biss meta dawn jikkostitwixxu tal-anqas 60 % mill-piż tal-formula tal-għalf mogħtija, li minnhom ma jistax ikun hemm iżjed minn 15 % prodotti sekondarji taċ-ċereali;

    (b)

    mingħajr preġudizzju għall-minimu ta’ 60 % imsemmi fil-punt (a), meta ssir referenza għal ċereal speċifiku, dan għandu jikkostitwixxi tal-anqas 30 % tal-formula tal-għalf li tintuża. Jekk issir referenza speċifika għal aktar minn ċereal wieħed, kull wieħed minnhom għandu jikkostitwixxi tal-anqas 5 % tal-formula tal-għalf.

    Artikolu 14

    Informazzjoni li għandha tintwera għall-bejgħ ta’ bajd farrad

    Meta l-bajd jinbiegħ farrad, l-informazzjoni li ġejja għandha tingħata lill-konsumatur b’mod li jidher faċilment u li jinqara b’mod ċar:

    (a)

    il-gradazzjoni tal-kwalità;

    (b)

    il-gradazzjoni tal-piż f’konformità mal-Artikolu 5;

    (c)

    indikazzjoni tal-metodu tat-trobbija kif stabbilit fl-Artikolu 11(2);

    (d)

    spjegazzjoni tat-tifsira tal-kodiċi tal-produttur;

    (e)

    id-data minima ta’ kemm iservi l-prodott.

    Artikolu 15

    Kwalità tal-pakketti

    Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tat-tgeżwir u l-imballaġġ tal-oġġetti tal-ikel stabbiliti fil-Kapitolu X tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, il-pakketti għandhom ikunu reżistenti għall-iskossi, xotti, nodfa u fi stat tajjeb, u magħmulin minn materjali li jipproteġu l-bajd mill-irwejjaħ barranin u minn riskji ta’ deterjorazzjoni fil-kwalità.

    Artikolu 16

    Ippakkjar tal-bajd industrijali

    Il-bajd industrijali għandu jiġi kkumerċjalizzat f’kontenituri tal-imballaġġ li jkollhom strixxa jew tikketta ħamra.

    L-istrixxi u t-tikketti għandhom juru:

    (a)

    l-isem u l-indirizz tal-operatur li għalih ikun maħsub il-bajd;

    (b)

    l-isem u l-indirizz tal-operatur li jkun bagħat il-bajd;

    (c)

    il-kliem “bajd industrijali” b’ittri kapitali li jkunu għoljin 2 cm, kif ukoll il-kliem “mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem” b’ittri li jkunu għoljin tal-anqas 8 mm.

    Artikolu 17

    Ippakkjar mill-ġdid

    Il-bajd tal-Klassi A li jkun ġie ppakkjat jista’ jiġi ppakkjat mill-ġdid biss miċ-ċentri tal-ippakkjar. Kull pakkett għandu jkun fih biss bajd ġej minn lott wieħed.

    Artikolu 18

    Tolleranza għad-difetti fil-kwalità

    1.   It-tolleranzi li ġejjin għandhom ikunu permessi fl-iċċekkjar tal-lottijiet tal-bajd tal-Klassi A:

    (a)

    fiċ-ċentru tal-ippakkjar, sa eżatt qabel ma jintbagħtu: 5 % tal-bajd b’difetti fil-kwalità;

    (b)

    fl-istadji l-oħra tal-kummerċjalizzazzjoni: 7 % tal-bajd b’difetti fil-kwalità.

    2.   Għall-bajd ikkummerċjalizzat bħala “ekstra” jew “ekstra frisk”, ma għandha tkun permessa l-ebda tolleranza għall-għoli tal-ispazju tal-arja fl-ippakkjar jew l-importazzjoni.

    3.   Meta l-lott iċċekkjat ikun fih inqas minn 180 bajda, il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rduppjati.

    Artikolu 19

    Tolleranza fil-piż tal-bajd

    1.   Ħlief fil-każ previst fl-Artikolu 5(3) fl-iċċekkjar ta’ lottijiet ta’ bajd tal-Klassi A, għandha tiġi permessa tolleranza fir-rigward tal-piż għal kull bajda. Dawn il-lottijiet jista’ jkun fihom mhux aktar minn 10 % tal-bajd ta’ gradi tal-piż qrib ta’ dak immarkat fuq il-pakkett, iżda mhux aktar minn 5 % tal-bajd tal-grad tal-piż inferjuri li jmiss.

    2.   Meta l-lott iċċekkjat ikun fih inqas minn 180 bajda, il-perċentwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rduppjati.

    Artikolu 20

    Tolleranza fl-immarkar tal-bajd

    Għandha tkun permessa tolleranza ta’ 20 % tal-bajd li jkollu marki li ma jinqrawx matul l-iċċekkjar tal-lottijiet u tal-pakketti.

    Artikolu 21

    Bajd maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

    Il-bajd ippakkjat u maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jista’ jkun jikkonforma ma’ rekwiżiti oħra differenti minn dawk stabbiliti fil-Parti VI tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u f’dan ir-Regolament f’dak li jikkonċerna l-kwalità, l-immarkar u t-tikkettar, jew ma’ rekwiżiti supplimentari.

    Artikolu 22

    Bajd importat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd applikabbli f’pajjiżi terzi esportaturi mat-talba tal-pajjiż ikkonċernat. Din l-evalwazzjoni għandha testendi għar-regoli dwar l-immarkar u t-tikkettar, il-metodi tat-trobbija u l-kontrolli kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom. Jekk issib li r-regoli applikati joffru garanziji suffiċjenti rigward l-ekwivalenza tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-bajd importat mill-pajjiż ikkonċernat għandu jkun immarkat b’numru li jiddistingwih ekwivalenti għall-kodiċi tal-produttur.

    2.   Kwalunwke evalwazzjoni tal-ekwivalenza tar-regoli kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tinkludi valutazzjoni ta’ jekk ir-rekwiżiti f’dan ir-Regolament humiex issodisfati b’mod effettiv mill-operaturi fil-pajjiż terz ikkonċernat. Din għandha tiġi aġġornata regolarment. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-evalwazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-bajd importat minn pajjiżi terzi għandu jkun immarkat b’mod ċar u li jinqara fil-pajjiż tal-oriġini bil-kodiċi tal-pajjiż skont l-ISO 3166.

    4.   Fin-nuqqas ta’ garanzija suffiċjenti fir-rigward tal-ekwivalenza tar-regoli, kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-pakketti li fihom il-bajd importat mill-pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollhom fuq il-wiċċ ta’ barra b’mod li jidher faċilment u b’tipa li tinqara b’mod ċar:

    (a)

    il-pajjiż tal-oriġni;

    (b)

    il-metodu tat-trobbija bħala “mhux skont l-istandard tal-UE”.

    Artikolu 23

    Eċċezzjonijiet għad-dipartimenti Franċiżi ekstra-Ewropej

    1.   B’deroga mill-Artikolu 4(2), il-bajd maħsub għall-bejgħ bl-imnut fid-dipartimenti Franċiżi ekstra-Ewropej jista’ jintbagħat f’dawk id-dipartimenti fi stat imkessaħ.

    2.   Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan Artikolu, minbarra r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 11 u 14, il-kliem “bajd imkessaħ” kif ukoll id-dettalji dwar it-tkessiħ għandhom jingħataw fuq il-wiċċ ta’ barra tal-pakkett. Il-marka ta’ distinzjoni għall-“bajd imkessaħ” għandha tkun triangolu ekwilaterali bi ġnub ta’ mill-inqas 10 mm.

    Artikolu 24

    Eċċezzjonijiet għal ċerti reġjuni tal-Finlandja

    Il-bajd mibjugħ direttament mill-produttur lill-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjuni elenkati fl-Anness III għandu jkun eżentat mir-rekwiżiti tal-Parti VI tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, il-mod tat-trobbija xorta waħda jrid jiġi identifikat kif dovut f’konformità mal-Artikolu 11(2) u mal-Artikolu 14, il-punt (c) ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 25

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 589/2008 huwa mħassar.

    Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2466 u għandhom jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 26

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Awwissu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  COM(2020) 381 final.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2466 tas-17 ta’ Awwissu 2023 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-bajd (ĠU L, 2023/2466, 8.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2466/oj).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 589/2008 tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-termini tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f’dak li jikkonċerna n-normi tat-tqegħid fuq is-suq applikabbli għall-bajd (ĠU L 163, 24.6.2008, p. 6).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta’ Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid (ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53).

    (9)   EFSA Journal, Nru 269, 2005, p. 1.

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

    (11)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

    (12)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/4/KE tat-30 ta’ Jannar 2002 fuq ir-reġistrazzjoni tan-negozji stabbiliti tat-trobbija tat-tiġieġ li jbidu, koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (ĠU L 30, 31.1.2002, p. 44).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).


    ANNESS I

    Termini msemmija fl-Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)

    Il-kodiċi tal-lingwi

    1

    2

    3

    BG

    ‘Яйца от кокошки – свободно отглеждане на открито’

    ‘Яйца от кокошки – подово отглеждане’

    ‘Уголемени клетки’

    ES

    ‘Huevos de gallinas camperas’

    ‘Huevos de gallinas sueltas en el gallinero ’

    ‘Jaulas acondicionadas’

    CZ

    ‘Vejce nosnic ve volném výběhu’

    ‘Vejce nosnic v halách’

    ‘Vejce nosnic v klecích’/

    ‘Obohacené klece’

    DA

    ‘Frilandsæg’

    ‘Skrabeæg’

    ‘Stimulusberigede bure’

    DE

    ‘Eier aus Freilandhaltung’

    ‘Eier aus Bodenhaltung’

    ‘ausgestalteter Käfig’

    ET

    ‘Vabalt peetavate kanade munad’

    ‘Õrrekanade munad’

    ‘Täiustatud puurid’

    EL

    ‘Αυγά ελεύθερης βοσκής’

    ‘Αυγά αχυρώνα ή αυγά στρωμνής’

    ‘Αναβαθμισμένοι/

    Διευθετημένοι κλωβοί’

    MT

    ‘Free range eggs’

    ‘Barn eggs’

    ‘Enriched cages’

    FR

    ‘Œufs de poules élevées en plein air’

    ‘Œufs de poules élevées au sol’

    ‘Cages aménagées’

    HR

    ‘Jaja iz slobodnog uzgoja’

    ‘Jaja iz štalskog (podnog) uzgoja’

    ‘Obogaćeni kavezi’

    GA

    ‘Uibheacha saor-raoin’

    ‘Uibheacha sciobóil’

    ‘Cásanna Saibhrithe’

    IT

    ‘Uova da allevamento all’aperto’

    ‘Uova da allevamento a terra’

    ‘Gabbie attrezzate’

    LV

    ‘Brīvās turēšanas apstākļos dētās olas’

    ‘Kūtī dētas olas’

    ‘Uzlaboti būri’

    LT

    ‘Laisvai laikomų vištų kiaušiniai’

    ‘Ant kraiko laikomų vištų kiaušiniai’

    ‘Pagerinti narveliai’

    HU

    ‘Szabad tartásban termelt tojás’

    ‘Alternatív tartásban termelt tojás’

    ‘Feljavított ketrecek’

    MT

    “Bajd tat-tiġieg imrobbi fil-beraħ”

    “Bajd tal-maqjel”

    ‘Gaġeg arrikkiti’

    NL

    ‘Eieren van hennen met vrije uitloop’

    ‘Scharreleieren’

    ‘Aangepaste kooi’/

    ‘Verrijkte kooi’

    PL

    ‘Jaja z chowu na wolnym wybiegu’

    ‘Jaja z chowu ściółkowego’

    ‘Klatki ulepszone’

    PT

    ‘Ovos de galinhas criadas ao ar livre’

    ‘Ovos de galinhas criadas no solo’

    ‘Gaiolas melhoradas’

    RO

    ‘Ouă de găini crescute în aer liber’

    ‘Ouă de găini crescute în hale la sol’

    ‘Cuști îmbunătățite’

    SK

    ‘Vajcia z chovu na voľnom výbehu’

    ‘Vajcia z podstielkového chovu’

    ‘Obohatené klietky’

    SL

    ‘Jajca iz proste reje’

    ‘Jajca iz hlevske reje’

    ‘Obogatene kletke’

    FI

    ‘Ulkokanojen munia’

    ‘Lattiakanojen munia’

    ‘Virikehäkit’

    SV

    ‘Ägg från utehöns’

    ‘Ägg från frigående höns inomhus’

    ‘Inredd bur’


    ANNESS II

    Ir-rekwiżiti minimi għas-sistemi tal-produzzjoni għad-diversi metodi tat-trobbija tat-tiġieġ imsemmija fl-Artikolu 11(3)

    1.   

    Il-“bajd tat-tiġieġ imrobbi fil-beraħ” irid jiġi prodott f’sistemi tal-produzzjoni li jissodisfaw mill-anqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE.

    Il-kundizzjonijiet li ġejjin iridu jiġu ssodisfati b’mod partikolari:

    (a)

    matul il-ġurnata, it-tiġieġ irid ikollhom aċċess kontinwu għal spazji fil-beraħ. dan ir-rekwiżit madankollu ma jeskludix li produttur ikun jista’ jillimita l-aċċess għal dan l-ispazju għal perjodu ta’ żmien limitat fil-għodu, skont il-prattika tajba normali tal-agrikoltura, u partikolarment il-prattika tajba għat-trobbija tal-annimali. Fejn ikunu ġew imposti restrizzjonijiet temporanji abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-bajd jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala “tat-tiġieġ imrobbi fil-beraħ” minkejja dik ir-restrizzjoni.

    (b)

    l-spazji fil-beraħ tat-tiġieġ iridu jkunu, fil-parti l-kbira, miksija bil-veġetazzjoni u ma jistgħu jintużaw għall-ebda użu ieħor għajr għall-ġonna b’siġar tal-frot, għall-imsaġar jew għall-mergħat tal-bhejjem. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ spazji fil-beraħ għal skopijiet oħra, b’mod partikolari l-installazzjoni ta’ pannelli solari, li mhumiex f’kunflitt mal-kundizzjonijiet tal-benessere tal-annimali kif stabbiliti fid-Direttiva 1999/74/KE u li ma jillimitawx il-mobbiltà tat-tiġieġ;

    (c)

    id-densità massima tal-istokkjar tal-spazji fil-beraħ fi kwalunkwe ħin ma tistax taqbeż l-2 500 tiġieġa għal kull ettaru ta’ art disponibbli għat-tiġieġ, jew tiġieġa waħda għal kull 4 m2. Madankollu, meta jkun hemm disponibbli għal kull tiġieġa minimu ta’ 10 m2 u meta ssir rotazzjoni biex it-tiġieġ ikollhom aċċess uniformi għall-ispazju kollu matul il-ħajja kollha tal-qatgħa, kull reċint utilizzat irid jiggarantixxi fi kwalunkwe ħin tal-anqas 2,5 m2 għal kull tiġieġa;

    (d)

    l-ispazji fil-beraħ ma jistgħux ikunu estiżi lil hinn minn raġġ ta’ 150 metru mill-eqreb fetħa fil-binja. Madankollu, estensjoni sa 350 m mill-eqreb fetħa tal-binja hija awtorizzata dment li numru suffiċjenti ta’ kenn stipulat fl-Artikolu 4(1), il-punt 3(b)(ii) tad-Direttiva 1999/74/KE jkun maqsum b’mod uniformi fuq l-ispazju fil-beraħ kollu tal-anqas f’erba’ postijiet ta’ kenn kull ettaru.

    2.   

    Il-“bajd tal-maqjel” irid jiġi prodott fl-istabbilimenti tat-trobbija li jissodisfaw mill-anqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/74/KE.

    3.   

    Il-bajd minn “gaġeġ arrikkiti” irid jiġi prodott f’sistemi tal-produzzjoni li jissodisfaw mill-anqas il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/74/KE.

    4.   

    L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-derogi mill-punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness għall-istabbilimenti ta’ anqas minn 350 tiġieġa tal-bajd jew tiġieġ tal-bajd għat-trobbija f’dak li jikkonċerna l-obbligi msemmija fl-Artikolu 4(1), il-punt 1(d), il-punt 1(e), il-punt 2, il-punt 3(a)(i) u l-punt 3(b)(i), tad-Direttiva 1999/74/KE.


    ANNESS III

    Ir-Reġjuni tal-Finlandja stipulati fl-Artikolu 24

    Lappi

    Pohjois-Pohjanmaa

    Kainuu

    Pohjois-Karjala

    Pohjois-Savo

    Ahvenanmaa


    ANNESS IV

    It-tabella ta’ korrelazzjoni

    Ir-Regolament (KE) Nru 589/2008

    Dan ir-Regolament

    Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2466

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 2(1)

    Artikolu 3(1)

     

    Artikolu 2(2) u (3)

    Artikolu 4(1) u (2)

     

    Artikolu 2(4)

    Artikolu 3(2)

     

    Artikolu 3

    Artikolu 4(3) u (4)

     

    Artikolu 4

    Artikolu 5

     

    Artikolu 5

     

    Artikolu 3

    Artikolu 6

    Artikolu 6

     

    Artikolu 7

    Artikolu 7

     

    Artikolu 8

    Artikolu 8

     

    Artikolu 9

     

    Artikolu 4

    Artikolu 10

    Artikolu 9

     

    Artikolu 11

    Artikolu 10

     

    Artikolu 12

    Artikolu 11

     

    Artikolu 13

    Artikolu 14

    Artikolu 12

     

    Artikolu 15

    Artikolu 13

     

    Artikolu 16

    Artikolu 14

     

    Artikolu 17

    Artikolu 15

     

    Artikolu 18

    Artikolu 16

     

    Artikolu 19

    Artikolu 17

     

    Artikolu 20

     

    Artikolu 5

    Artikolu 21

     

    Artikolu 6

    Artikolu 22

     

    Artikolu 7

    Artikolu 23

     

    Artikolu 8

    Artikolu 24

     

    Artikolu 9

    Artikolu 25

     

    Artikolu 10

    Artikolu 26

    Artikolu 18

     

    Artikolu 27

    Artikolu 19

     

    Artikolu 28

    Artikolu 20

     

    Artikolu 29

    Artikolu 21

     

    Artikolu 30

    Artikolu 22

     

    Artikolu 32

     

    Artikolu 11

    Artikolu 33

    Artikolu 23

     

    Artikolu 34

    Artikolu 24

     

    Artikolu 35

    Artikolu 36

    Artikolu 37

    Artikolu 12

    Anness I

    Anness I

     

    Anness II

    Anness II

     

    Anness III

    Anness III

     


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2465/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top