Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1170

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1170 tal-15 ta’ Ġunju 2023 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077 bħala addittiv fl-għalf għall-baqar tal-ħalib, għall-baqar tas-simna, għal speċijiet minuri tar-ruminanti tas-simna u għall-kamelidi tas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni: Danstar Ferment AG irrappreżentata minn Lallemand SAS) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1200/2005 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/3803

    ĠU L 155, 16/06/2023, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1170/oj

    16.6.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 155/15


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1170

    tal-15 ta’ Ġunju 2023

    dwar l-awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077 bħala addittiv fl-għalf għall-baqar tal-ħalib, għall-baqar tas-simna, għal speċijiet minuri tar-ruminanti tas-simna u għall-kamelidi tas-simna (detentur tal-awtorizzazzjoni: Danstar Ferment AG irrappreżentata minn Lallemand SAS) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1200/2005

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10(2) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

    (2)

    Il-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077 kienet awtorizzata mingħajr limitu ta’ żmien f’konformità mad-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għall-baqar tal-ħalib u għall-baqar tas-simna bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1200/2005 (3). Sussegwentement, dik il-preparazzjoni ddaħħlet fir-Reġistru tal-Addittivi tal-Ikel bħala prodott eżistenti, f’konformità mal-Artikolu 10(1), il-punt (b) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077 bħala addittiv tal-għalf għall-baqar tal-ħalib u għall-baqar tas-simna. F’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni oħra għall-awtorizzazzjoni ta’ użu ġdid ta’ dik il-preparazzjoni bħala addittiv fl-għalf għal speċijiet ruminanti minuri u għall-kamelidi. Dawk l-applikazzjonijiet talbu li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u fil-gruppi funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà” u “stabilizzaturi tal-flora intestinali” u kienu akkumpanjati mid-dettalji u mid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (4)

    Fl-opinjonijiet tagħha tal-4 ta’ Lulju 2017 (4) u tad-29 ta’ Ġunju 2022 (5), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, fil-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077 hija sikura għall-annimali fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent. Ikkonkludiet ukoll li l-preparazzjoni mhijiex irritant jew sensitizzatur tal-ġilda iżda hija irritant tal-għajnejn, u li l-esponiment mill-inalazzjoni huwa improbabbli. L-Awtorità kkonkludiet li l-preparazzjoni għandha l-potenzjal li ttejjeb il-prestazzjoni tal-baqar tas-simna meta tiġi pprovduta f’doża minima ta’ madwar 6 x 108 CFU/kg ta’ għalf sħiħ, filwaqt li tinnota wkoll li żewġ studji in vivo wrew effett pożittiv fuq il-prestazzjoni tat-tkabbir tal-bhejjem tal-ifrat fornuti bl-addittiv b’doża minima ta’ 5 x 108 CFU/kg ta’ għalf sħiħ. Hija estendiet din il-konklużjoni għal speċijiet minuri ta’ ruminanti u kamelidi mrobbija għall-produzzjoni tal-laħam. L-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi, abbażi tad-data pprovduta mill-applikant, dwar l-effikaċja ta’ dak l-addittiv għall-baqar tal-ħalib, iżda nnotat li l-preparazzjoni wriet effett pożittiv fuq il-prestazzjoni fil-baqar tal-ħalib fi tliet studji. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodi ta’ analiżi tal-addittiv tal-għalf fl-għalf, li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (5)

    L-applikant irtira l-applikazzjoni fl-24 ta’ Frar 2023 għall-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni taħt il-grupp funzjonali “sustanzi li jsaħħu d-diġestibbiltà” u għall-użu tagħha għal speċijiet minuri ta’ ruminanti tal-ħalib u għall-kamelidi tal-ħalib.

    (6)

    Meta titqies id-data ġenerali pprovduta, il-kapaċità diġà murija tal-addittiv biex itejjeb il-parametri tal-prestazzjoni f’ruminanti oħra tal-ħalib, jiġifieri l-mogħoż tal-ħalib u n-nagħaġ tal-ħalib, u l-istorja twila tal-kummerċjalizzazzjoni u l-użu ta’ dik il-preparazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet biex tintwera l-effikaċja huma ssodisfati għall-baqar tas-simna, għall-ispeċijiet minuri ta’ ruminanti u għall-kamelidi mrobbija għall-produzzjoni tal-laħam fornuti bl-addittiv b’doża minima ta’ 5 × 108 CFU/kg ta’ għalf sħiħ, u għall-baqar tal-ħalib fornuti bl-addittiv b’doża minima ta’ 4 × 108 CFU/kg ta’ għalf sħiħ.

    (7)

    Il-valutazzjoni tal-addittiv turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta’ dik il-preparazzjoni jiġi awtorizzat. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tal-utenti tal-addittiv.

    (8)

    Billi r-raġunijiet ta’ sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni kkonċernata, li huma maħsuba għall-baqar tal-ħalib u għall-baqar tas-simna, huwa xieraq li jiġi previst perjodu tranżizzjonali għall-partijiet interessati biex iħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Awtorizzazzjoni

    Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta’ addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “stabbilizzaturi tal-flora intestinali”, hija awtorizzata bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1200/2005

    Ir-Regolament (KE) Nru 1200/2005 jitħassar.

    Artikolu 3

    Miżuri ta’ tranżizzjoni

    1.   Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li fihom dik is-sustanza, li huma maħsuba għall-baqar tal-ħalib u għall-baqar tas-simna u li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta’ Jannar 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta’ Lulju 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

    2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li huma maħsuba għall-baqar tal-ħalib u għall-baqar tas-simna u li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta’ Lulju 2024 f’konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta’ Lulju 2023 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta’ Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f’għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1200/2005 tas-26 ta’ Lulju 2005 dwar l-awtorizzazzjoni permanenti ta’ ċerti addittivi fl-għalf u l-awtorizzazzjoni provviżorja għal użu ġdid ta’ addittiv li diġà huwa awtorizzat fl-għalf (ĠU L 195, 27.7.2005, p. 6).

    (4)  EFSA Journal 2017;15(7):4944.

    (5)  EFSA Journal 2022;20(7):7431.


    ANNESS

    Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

    Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    Addittiv

    Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

    Speċi jew kategorija tal-annimal

    Età massima

    Kontenut minimu

    Kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħra

    Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

    CFU/kg ta’ għalf sħiħ b’kontenut ta’ umdità ta’ 12 %

    Kategorija ta’ addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: stabilizzaturi tal-flora intestinali

    4b1711

    Danstar Ferment AG irrappreżentata minn Lallemand SAS

    Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077

    Kompożizzjoni tal-addittiv

    Preparazzjoni ta’ Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077 b’konċentrazzjoni minima ta’:

    1 × 1010 CFU/g ta’ addittiv (forma miksija);

    2 × 1010 CFU/g ta’ addittiv (forma mhux miksija);

    Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Ċelluli mnixxfa vijabbli ta’ Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1077

    Metodu analitiku  (1)

    Enumerazzjoni: metodu tat-tferrigħ bl-użu ta’ agar tal-estratt tal-ħmira, destrożju u kloramfenikol (EN15789) Identifikazzjoni: metodu tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR) CEN/TS 15790

    Bhejjem tal-ifrat tas-simna

    L-ispeċijiet ruminanti minuri kollha tas-simna

    Kamelidi tas-simna

    5 × 108

    1.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlita lesta minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħżin u tal-istabbiltà għat-trattament bis-sħana.

    2.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operazzjonali u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawk ir-riskji ma jistgħux jiġu eliminati b’dawn il-proċeduri u l-miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir protettiv personali għall-għajnejn.

    Is-6 ta’ Lulju 2033

    Baqar tal-ħalib

    4 × 108


    (1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt


    Top