Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0748

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/748 tal-11 ta’ April 2023 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talbiet għar-rieżami intern tal-atti jew tal-ommissjonijiet amministrattivi

    C/2023/2288

    ĠU L 99, 12/04/2023, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/748/oj

    12.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 99/23


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/748

    tal-11 ta’ April 2023

    li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ talbiet għar-rieżami intern tal-atti jew tal-ommissjonijiet amministrattivi

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 11(2) u 11a(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistabbilixxi regoli biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.

    (2)

    It-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-rieżami intern tal-atti u tal-ommissjonijiet amministrattivi.

    (3)

    L-Artikolu 11(1) u 11(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistabbilixxu kriterji u kundizzjonijiet għall-intitolament fil-livell tal-Unjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u membri oħra tal-pubbliku biex jagħmlu talba għal rieżami intern f’konformità mal-Artikolu 10 tiegħu, li l-applikazzjoni trasparenti u konsistenti tagħha teħtieġ regoli dettaljati dwar l-evidenza li għandha tiġi pprovduta mat-talbiet, il-kalkolu tal-limiti ta’ żmien għat-tweġiba għat-talbiet u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.

    (4)

    Skont l-Artikolu 11a, il-paragrafu (2) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ trattament effettiv tal-każijiet, il-Kummissjoni stabbiliet sistema online bl-objettiv li t-talbiet kollha indirizzati lill-Kummissjoni jiġu ppreżentati permezz ta’ din is-sistema. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni futura minn istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu wkoll sistemi online għar-riċevuta ta’ talbiet għal rieżami intern fil-futur.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Kummissjoni għandha titqies bħala l-kontrollur tad-data skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-pjattaforma online.

    (6)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-kummenti formali tiegħu fis-17 ta’ Frar 2023.

    (7)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 huwa emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). L-emendi li saru fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 se jibdew japplikaw mid-29 ta’ April 2023. Għalhekk din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-istess data.

    (8)

    Minħabba li din id-Deċiżjoni qiegħda tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda għall-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/1767, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/50/KE (4) jenħtieġ li titħassar b’effetti fl-istess data.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kontenut ta’ talba għal rieżami intern

    1.   It-talba għal rieżami intern ta’ att jew ommissjoni amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandha:

    (a)

    tispeċifika l-att jew l-ommissjoni amministrattiva li għaliha jkun qed jintalab ir-rieżami u d-dispożizzjonijiet tal-liġi ambjentali li allegatament ikunu nkisru;

    (b)

    tiddikjara r-raġunijiet li għalihom issir it-talba;

    (c)

    tipprovdi informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti li tappoġġa dawk ir-raġunijiet, tressaq fatti jew argumenti legali ta’ sustanza suffiċjenti biex tagħti lok għal dubji serji dwar il-valutazzjoni magħmula mill-istituzzjoni jew mill-korp tal-Unjoni;

    (d)

    tispeċifika l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna li jkollha s-setgħa li tirrappreżenta lill-parti rikjedenti vis-à-vis partijiet terzi għall-finijiet tar-rieżami intern fil-każ inkwistjoni;

    (e)

    tipprovdi evidenza tal-intitolament tal-parti rikjedenti f’konformità mal-kriterji u mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (1a) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006.

    2.   It-talba għal rieżami intern ma għandhiex taqbeż il-50 paġna (mingħajr ma jiġu inklużi dokumenti li juru li ġew issodisfati l-kriterji għall-eliġibbiltà skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u annessi oħrajn biex jappoġġaw it-talba), sakemm minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet imqajma fit-talba l-eċċess ta’ dak il-limitu ma jitqiesx bħala ġġustifikat mis-servizzi tal-Kummissjoni.

    3.   Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu, meta ssir talba konġunta minn diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi jew minn membri oħra tal-pubbliku, għandu jinħatar punt ta’ kuntatt uniku.

    Artikolu 2

    Kriterji għall-intitolament ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi biex jitolbu rieżami intern

    1.   Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tippreżenta talba għal rieżami intern ta’ att jew ommissjoni amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandha tipprovdi evidenza li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament, fil-forma tad-dokumenti elenkati fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Meta kwalunkwe wieħed minn dawk id-dokumenti ma jkunx jista’ jiġi pprovdut għal raġunijiet li ma jkunux attribwibbli għall-organizzazzjoni mhux governattiva, dik l-organizzazzjoni tista’ tipprovdi evidenza fil-forma ta’ kwalunkwe dokument ekwivalenti ieħor.

    3.   Meta ma jkunx jidher b’mod ċar mid-dokumenti li l-organizzazzjoni mhux governattiva tkun indipendenti u mingħajr skop ta’ qligħ, dik l-organizzazzjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni għal dak il-għan, iffirmata minn persuna bis-setgħa li tagħmel dan fi ħdan l-organizzazzjoni mhux governattiva.

    4.   Fejn ma jidhirx b’mod ċar mid-dokumenti li l-organizzazzjoni mhux governattiva għandha l-objettiv primarju ddikjarat tal-promozzjoni tal-protezzjoni ambjentali fil-kuntest tal-liġi ambjentali, li kienet ilha teżisti għal aktar minn sentejn u li qed issegwi dan l-objettiv b’mod attiv, jew li s-suġġett li fir-rigward tiegħu ssir it-talba għal rieżami intern ikun kopert mill-objettivi u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni mhux governattiva, dik l-organizzazzjoni għandha tippreżenta kwalunkwe dokument ieħor li jipprovdi evidenza li dan il-kriterju jkun ġie ssodisfat.

    5.   Lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu pprovduti skont il-paragrafu 1:

    (a)

    statut jew memorandum tal-organizzazzjoni mhux governattiva, jew kwalunkwe dokument ieħor li jissodisfa l-istess rwol skont il-prattika nazzjonali, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri tal-UE fejn il-liġi nazzjonali ma teħtieġx jew ma tipprevedix organizzazzjoni mhux governattiva li tadotta statut jew memorandum;

    (b)

    rapporti tal-attività annwali tal-organizzazzjoni mhux governattiva tal-aħħar sentejn;

    (c)

    fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi stabbiliti f’pajjiżi fejn it-twettiq ta’ tali proċeduri huwa prerekwiżit għal organizzazzjoni mhux governattiva biex tikseb personalità ġuridika, kopja tar-reġistrazzjoni ġuridika mal-awtoritajiet nazzjonali;

    (d)

    fejn rilevanti, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni li l-organizzazzjoni mhux governattiva tkun ġiet rikonoxxuta minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni bħala intitolata li tagħmel talba għal rieżami intern ta’ att jew ommissjoni amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006; u dikjarazzjoni mill-organizzazzjoni mhux governattiva li l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà jibqgħu jiġu ssodisfati.

    Artikolu 3

    Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-punt b tal-Artikolu 11(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006

    1.   Membri tal-pubbliku li huma intitolati li jippreżentaw talba għal rieżami intern ta’ att jew ommissjoni amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, għandhom jipprovdu l-lista ta’ dokumenti skont il-paragrafu (2) b’appoġġ għall-issodisfar tal-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1a), l-ewwel subparagrafu, il-punt b, ta’ dak ir-Regolament.

    2.   Lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu pprovduti:

    (a)

    deskrizzjoni fil-qosor tal-interess pubbliku suffiċjenti inkwistjoni;

    (b)

    deskrizzjoni tal-metodu li bih inġabar l-appoġġ pubbliku. Fil-każ ta’ kampanja għall-ġbir ta’ firem online, għandhom jiġu pprovduti d-dettalji tal-pjattaforma u l-metodi biex jiġi żgurat li r-riżultati huma ġenwini. Kwalunkwe metodu ta’ ġbir għandu jiżgura li d-duplikazzjoni jew l-entrati foloz jiġu esklużi, id-data mill-membri tal-pubbliku li ma jkunux residenti jew stabbiliti fl-UE tiġi eskluża, u tiġi pprovduta diżaggregazzjoni għal kull Stat Membru. Id-deskrizzjoni għandha tispjega wkoll liema evidenza tqieset li turi l-awtentiċità tad-dokumenti u tad-data sottomessa;

    (c)

    deskrizzjoni fil-qosor tad-daqs tal-appoġġ pubbliku għat-talba, inkluż, b’mod speċifiku, l-għadd ta’ persuni li jappoġġjawha, b’diżaggregazzjoni skont l-Istat Membru, li turi li t-talba hija appoġġata minn tal-anqas 4 000 membru tal-pubbliku li jirrisjedu jew li huma stabbiliti f’tal-anqas ħames Stati Membri, b’tal-anqas 250 membru tal-pubbliku li ġejjin minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri.

    3.   L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta għal kull firmatarju li jkun persuna fiżika:

    (a)

    prova tal-firma;

    (b)

    l-isem u l-kunjom;

    (c)

    l-indirizz u l-Istat Membru ta’ residenza;

    (d)

    konferma tal-issodisfar tar-rekwiżit tal-età minima (skont ir-rekwiżiti tal-Istat Membru ta’ residenza għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot fl-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej).

    4.   L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta għal kull firmatarju li huwa organizzazzjoni:

    (a)

    prova tal-firma;

    (b)

    l-isem tal-organizzazzjoni;

    (c)

    l-indirizz u l-Istat Membru tal-istabbiliment;

    (d)

    in-numru tar-reġistru nazzjonali;

    (e)

    l-isem u l-kunjom tar-rappreżentant(a) u l-kariga tiegħu/tagħha.

    5.   L-istituzzjoni u l-korp tal-Unjoni li lilhom tkun ġiet ippreżentata t-talba għandhom jużaw id-data personali pprovduta skont il-paragrafi 3 u 4 biss biex jivverifikaw jekk il-partijiet rikjedenti jissodisfawx il-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1a), l-ewwel subparagrafu, il-punt b, tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, u għandhom iħassru din id-data sena wara s-sottomissjoni tat-talba, sakemm ma jiġux ikkontestati l-kriterji ta’ eliġibbiltà, f’liema każ id-data personali tista’ tinżamm sakemm tali tilwima tiġi solvuta.

    Artikolu 4

    Rappreżentanza minn organizzazzjoni mhux governattiva jew minn avukat

    1.   Meta organizzazzjonijiet mhux governattivi jew membri oħra tal-pubbliku jkunu rrappreżentati minn organizzazzjoni mhux governattiva, japplika l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Meta organizzazzjonijiet mhux governattivi jew membri oħra tal-pubbliku jkunu rrappreżentati minn avukat, it-talba għandha tinkludi dokumenti u data li juru li l-avukat huwa awtorizzat li jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru. Dawk id-dokumenti jistgħu jinkludu ċertifikat maħruġ minn kamra tal-avukati fi Stat Membru jew kwalunkwe dokument ieħor li jissodisfa l-istess rwol skont il-prattika nazzjonali. L-avukat għandu jipprovdi wkoll prokura li tixhed li huwa intitolat jirrappreżenta lill-klijent tiegħu.

    Artikolu 5

    Valutazzjoni tal-intitolament biex jintalab rieżami intern

    1.   L-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernati għandhom jivverifikaw li l-persuni li jkunu ppreżentaw it-talba u r-rappreżentanti tagħhom jissodisfaw il-kriterji jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u 11(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 billi jivvalutaw l-informazzjoni pprovduta f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

    2.   Meta, abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni, ma jkunx possibbli għall-istituzzjoni jew għall-korp tal-Unjoni kkonċernati li jivvalutaw bis-sħiħ jekk il-kriterji/u jew il-kundizzjonijiet humiex issodisfati, huma għandhom jitolbu dokumentazzjoni jew informazzjoni addizzjonali mill-parti rikjedenti, f’perjodu raġonevoli li għandu jiġi speċifikat mill-istituzzjoni jew mill-korp ikkonċernat tal-Unjoni, li ma għandux jaqbeż il-30 jum. Matul dak il-perjodu, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandhom jiġu sospiżi.

    3.   Fejn rilevanti, l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernati jistgħu jikkonsultaw lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni biex jivverifikaw u jivvalutaw l-informazzjoni pprovduta mill-organizzazzjoni mhux governattiva jew mill-avukat ikkonċernat rigward il-kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006. Matul dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni, li ma għandux jaqbeż it-30 jum, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandhom jiġu sospiżi.

    Artikolu 6

    Kooperazzjoni amministrattiva

    L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkooperaw bejniethom biex jiżguraw applikazzjoni trasparenti u konsistenti ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 7

    Sottomissjoni ta’ talbiet għal rieżami interna lill-Kummissjoni

    1.   It-talbiet għal rieżami intern ta’ att jew ommissjoni amministrattiva f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 indirizzati lill-Kummissjoni għandhom jiġu sottomessi biss permezz tas-sistema online għar-riċevuta ta’ talbiet għal rieżami intern, li hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

    2.   Għat-talbiet għal rieżami li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1a), l-ewwel subparagrafu, il-punt b, ta’ dak ir-Regolament, il-firem għandhom jinġabru permezz ta’ sistema online pprovduta mill-Kummissjoni (stħarriġ tal-UE), skont il-gwida u l-metodoloġija pprovduti mill-Kummissjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-parti rikjedenti tiġbor firem bl-idejn. F’dak il-każ, il-parti rikjedenti għandha tiddiġitalizza l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 3, it-tielet u r-raba’ paragrafi ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tippreżentaha permezz tas-sistema online għar-riċevuta ta’ talbiet għal rieżami intern.

    Artikolu 8

    Tħassir

    Id-Deċiżjoni 2008/50/KE hija mħassra.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mid-29 ta’ April 2023.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ April 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1767 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2021 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 356, 8.10.2021, p. 1).

    (4)  Id-Deċiżjoni 2008/50/KE tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Diċembru 2007 li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi (ĠU L 13, 16.1.2008, p. 24).


    Top