Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0272

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/272 tat-30 ta’ Jannar 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emendar tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE (L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ST/16143/2022/INIT

    ĠU L 39, 09/02/2023, p. 45–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/272/oj

    9.2.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 39/45


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/272

    tat-30 ta’ Jannar 2023

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emendar tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE (L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    (2)

    Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tiegħu.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    (4)

    Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

    (5)

    Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KULLGREN


    (1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

    (2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).


    ABBOZZ

    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru […]

    ta’ […]

    li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2019/881 iħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li huwa inkorporat fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u li konsegwentement irid jitħassar skont il-Ftehim dwar iż-ŻEE.

    (3)

    Għalhekk, l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-test tal-punt 5cp (ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    32019 R 0881: Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15).

    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, it-test tar-Regolament għandu jinqara bl-adattamenti li ġejjin:

    (a)

    Sakemm mhux stipulat mod ieħor aktar ’l isfel, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim, it-terminu “Stat/i Membru/i” u t-termini l-oħrajn li jirreferu għall-awtoritajiet tagħhom fir-Regolament, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, għandu jinftiehem li jinkludu l-Istati Membri tal-EFTA u l-awtoritajiet tagħhom.

    (b)

    Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, skont kif u meta xieraq, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA jew lill-Kumitat Permanenti, skont il-każ, fil-qadi tal-kompiti rispettivi tagħhom.

    (c)

    Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Ftehim ŻEE.

    (d)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 14:

    “5.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Bord Amministrattiv u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief id-dritt għall-vot.”

    (e)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 28:

    “4.   Għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għal kull dokument tal-Aġenzija fir-rigward tal-Istati tal-EFTA wkoll.”

    (f)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 30:

    “3.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fil-kontribuzzjoni mill-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a). Għal dan il-għan, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim japplikaw mutatis mutandis.”

    (g)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 34:

    “Permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.”

    (h)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 35:

    “L-Istati tal-EFTA għandhom jikkonċedu lill-Aġenzija privileġġi u immunitajiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.”

    (i)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 40:

    “3.   B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmijin fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim ŻEE għandhom jitqiesu mill-Aġenzija, fir-rigward tal-persunal tagħha, bħala l-lingwi tal-Unjoni msemmijin fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

    (j)

    Il-paragrafu li ġej għandu jinżdied fl-Artikolu 62:

    “6.   L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà, ħlief għad-dritt tal-vot.”.”

    Artikolu 2

    Il-punt li ġej jinżdied fil-Protokoll 37 tal-Ftehim taż-ŻEE:

    “44.

    Il-Grupp Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà (ir-Regolament (UE) Nru 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).”.

    Artikolu 3

    It-test tar-Regolament (UE) 2019/881 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*1), jew fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru.../... ta’ […] (3) [li tinkorpora {id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva NIS)} fil-Ftehim ŻEE], skont liema data tkun l-iżjed tard.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

    Magħmul fi Brussell, […].

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Is-Segretarji

    tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


    (1)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

    (2)  ĠU L 165, 18.6.2013, p. 41.

    (*1)  [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]

    (3)  ĠU L ...


    Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni Nru …/… li tinkorpora r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

    Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.


    Top