This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R2008
Commission Regulation (EU) 2020/2008 of 8 December 2020 amending Regulations (EU) No 702/2014, (EU) No 717/2014 and (EU) No 1388/2014, as regards their period of application and other relevant adjustments (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 702/2014, (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014, fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom u aġġustamenti rilevanti oħra (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 702/2014, (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014, fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom u aġġustamenti rilevanti oħra (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2020/8567
ĠU L 414, 09/12/2020, p. 15–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
9.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 414/15 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2008
tat-8 ta’ Diċembru 2020
li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 702/2014, (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014, fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom u aġġustamenti rilevanti oħra
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 1(1) u 2(1) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (2) japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
(2) |
Fit-8 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, bil-għan li dan jiġi sostitwit b’regolament ġdid għall-perjodu 2021 sal-2027. Madankollu, l-iżvilupp tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandu jitqies meta jiġi abbozzat dak ir-regolament il-ġdid. B’rilevanza partikolari għal dan hija l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-PAK (3), li jipprevedi biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jibdew jimplimentaw il-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom sa mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(3) |
Madankollu, il-proċedura leġiżlattiva dwar ir-riforma tal-PAK għadha għaddejja u l-qafas legali, inklużi l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw, mhux se jiġi adottat għal xi żmien. |
(4) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jkollhom l-iskemi tagħhom ta’ għajnuna mill-Istat eżentati skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 u sabiex ir-reviżjoni ta’ dak ir-Regolament tkun tista’ titlesta wara l-adozzjoni tar-riforma tal-PAK, huwa xieraq li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
(5) |
Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 (4) u (UE) Nru 1388/2014 (5) huma wkoll applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
(6) |
Fid-29 ta’ April 2019 u fit-2 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014, rispettivament, bil-għan li dawn jiġu sostitwiti b’regolamenti ġodda għall-perjodu 2021 sal-2027. Jenħtieġ li dawk ir-regolamenti jibqgħu koerenti u konsistenti ma’ regoli oħra rilevanti għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, b’mod partikolari, mar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) (6). Ta’ rilevanza partikolari hija l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-FEMS, li jipprevedi l-istabbiliment tal-FEMS mill-1 ta’ Jannar 2021 (7). Madankollu, il-proċedura leġiżlattiva dwar ir-riforma tal-FEMS għadha għaddejja. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jagħtu ammonti żgħar ta’ għajnuna skont ir-Regolament (UE) Nru 717/2014 u li l-iskemi ta’ għajnuna mill-Istat tagħhom ikunu eżentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1388/2014, u sabiex ir-reviżjoni ta’ dawk ir-Regolamenti tkun tista’ titlesta wara l-adozzjoni tar-riforma tal-FEMS, huwa xieraq li l-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014 jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
(7) |
Fid-dawl tal-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 702/2014 u (UE) Nru 1388/2014, jista’ jagħti l-każ li xi Stati Membri jkunu jixtiequ jestendu t-tul ta’ żmien tal-miżuri li dwarhom ġiet ipprovduta informazzjoni fil-qosor f’konformità ma’ dawk ir-Regolamenti. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, ikun xieraq li jiġi stabbilit li s-sommarju tal-informazzjoni dwar l-estensjoni ta’ dawk il-miżuri, inkluż iż-żieda potenzjali fil-baġit, għandu jitqies bħala wieħed li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u ppubblikat, sakemm ma ssir l-ebda emenda sostantiva għall-miżuri kkonċernati. |
(8) |
Jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 702/2014 u (UE) Nru 1388/2014 jiġu adattati wkoll biex iqisu l-konsegwenzi ekonomiċi u finanzjarji li l-pandemija tal-COVID-19 kellha fuq l-impriżi u biex tiġi żgurata l-konsistenza mar-rispons ta’ politika ġenerali adottat mill-Kummissjoni, speċjalment fil-perjodu 2020-2021. B’mod partikolari, l-impriżili ma kinux f’diffikultà fil-31 ta’ Diċembru 2019 iżda li saru impriżi f’diffikultà fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021 għandhom jibqgħu eliġibbli għall-għajnuna skont dawk ir-Regolamenti. |
(9) |
L-Artikolu 1 l-Artikoli 13 sa 43 tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014 jinkludu referenzi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-FEMS sabiex jiġu definiti operazzjonijiet ineliġibbli u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna skont dawk id-dispożizzjonijiet. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali matul il-perjodu ta’ estensjoni tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014, jenħtieġ li dawk ir-referenzi jinftiehmu bħala li jirreferu għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 fil-verżjoni applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2020, irrispettivament minn jekk dak ir-Regolament jiġix revokat. |
(10) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 702/2014, (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014 jiġu emendati skont dan. |
(11) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-għajnuna eżistenti skont ir-Regolamenti (UE) Nru 702/2014, (UE) Nru 717/2014 u (UE) Nru 1388/2014 u biex l-impriżi li saru impriżi f’diffikultà fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ikunu eliġibbli għall-għajnuna mill-1 ta’ Jannar 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 702/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 702/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 1(6) qed jiżdied il-punt (c) li ġej:
|
(2) |
fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej: “8. B’deroga mill-paragrafi 1, 2 u 6, meta Stat Membru jkun jixtieq jestendi miżuri li fir-rigward tagħhom ikun tressaq sommarju tal-informazzjoni lill-Kummissjoni, is-sommarju tal-informazzjoni dwar l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri, għandu jitqies li jkun ġie kkomunikat lill-Kummissjoni u ppubblikat, sakemm ma ssirx emenda sostantiva, ħlief żieda fil-baġit, għall-miżuri kkonċernati.”; |
(3) |
fl-Artikolu 52, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.”. |
Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 717/2014
Fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 717/2014, it-tieni paragrafu jiġi mibdul b’dan li ġej:
“Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.”.
Artikolu 3
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1388/2014
Ir-Regolament (UE) Nru 1388/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 1(3), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(2) |
jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej: “Artikolu 11a Deroga mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u pubblikazzjoni B’deroga mill-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 11, il-punt (a), fejn Stat Membru jkun jixtieq itawwal il-miżuri li fir-rigward tagħhom ġiet sottomessa informazzjoni fil-qosor lill-Kummissjoni, informazzjoni fil-qosor fir-rigward tal-estensjoni ta’ dawk il-miżuri għandha titqies li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni u ppubblikata, sakemm ma ssir ebda emenda sostantiva oħra lill-miżuri kkonċernati ħlief żieda fil-baġit.”; |
(3) |
fl-Artikolu 47, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej: “Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.”. |
Artikolu 4
Applikazzjoni tar-referenzi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-Regolament (UE) Nru 1388/2014
Ir-referenzi għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 fl-Artikoli 1 u 13 sa 43 tar-Regolament (UE) Nru 1388/2014 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-verżjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2020, irrispettivament minn jekk dak ir-Regolament jiġix revokat.
Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).
(3) Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (COM/2018/392 final).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji tal-għajnuna lil impriżi li huma attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 369, 24.12.2014, p. 37).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).
(7) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM/2018/390 final).