Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1720

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1720 tal-14 ta’ Ottubru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

    ST/11725/2019/INIT

    ĠU L 262, 15/10/2019, p. 58–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/11/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1720/oj

    15.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 262/58


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1720

    tal-14 ta’ Ottubru 2019

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-21 ta' Jannar 2019, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li fihom ikkundanna bil-qawwa r-repressjoni tal-istampa u s-soċjetà ċivili kif ukoll l-użu ta' liġijiet kontra t-terroriżmu biex jitrażżnu fehmiet kuntrarji fin-Nikaragwa. Il-Kunsill saħaq li, minn April 2018 'l hawn, id-dimostrazzjonijiet trażżnu b’mod brutali minn forzi tas-sigurtà u gruppi armati favur il-gvern, u dan wassal biex mijiet ta’ persuni mietu jew indarbu u mijiet ta’ ċittadini ġew arrestati, b’irregolaritajiet u arbitrarjetà mifruxa sew fid-detenzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji. Fakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li tintrefa' r-responsabbiltà għall-atti kriminali kollha li saru minn April 2018, kienu min kienu l-awturi. Ħeġġeġ lill-gvern Nikaragwan biex jerġa' jinvolvi ruħu fi proċess ta' djalogu nazzjonali sinifikanti u orjentat lejn ir-riżultati, fost affarijiet oħra dwar l-adozzjoni ta' riformi elettorali.

    (2)

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw ir-rieda tal-Unjoni li tuża l-istrumenti ta' politika kollha tagħha biex tagħti kontribut għal soluzzjoni negozjata paċifika għall-kriżi attwali u li tirreaġixxi għal deterjorament ulterjuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

    (3)

    Il-Kunsill għadu mħasseb serjament dwar il-fatt li d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt qed ikomplu jmorru għall-agħar fin-Nikaragwa.

    (4)

    F'dak il-kuntest, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi mmirati kontra persuni u entitajiet responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa, kif ukoll persuni u entitajiet li l-azzjonijiet, politiki jew attivitajiet tagħhom b'xi mod ieħor idgħajfu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa, u persuni assoċjati magħhom.

    (5)

    Hi meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, minn persuni fiżiċi li:

    (a)

    jkunu responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa;

    (b)

    l-azzjonijiet, politiki jew attivitajiet tagħhom b'mod ieħor idgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa;

    (c)

    jkunu assoċjati ma' dawk imsemmija fil-punti (a) u (b);

    kif elenkati fl-Anness.

    2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

    3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

    (a)

    bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

    (b)

    bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt il-patroċinju tagħha;

    (c)

    taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

    (d)

    skont it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    4.   Il-paragrafu 3 għandu jitqies bħala li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    5.   Stat Membru li jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4 għandu debitament jinforma lill-Kunsill fi kwalunkwe każ.

    6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta' politika ta' miżuri restrittivi, fosthom il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa.

    7.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    8.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, minn persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnha.

    Artikolu 2

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta', jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li:

    (a)

    jkunu responsabbli għal ksur serju jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika fin-Nikaragwa;

    (b)

    l-azzjonijiet, il-politiki jew l-attivitajiet tagħhom b'xi mod ieħor idgħajfu d-demokrazija jew l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa;

    (c)

    jkunu assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmijin fil-punti (a) u (b);

    kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness jew għall-benefiċċju tagħhom.

    3.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    neċessarji biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u imposti ta' servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d)

    neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e)

    ser jitħallsu f'kont, jew jinħarġu minn kont, ta' missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari, jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

    4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jkunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' sentenza arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

    5.   Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu ħlas dovut taħt kuntratt jew ftehim konkluż, jew obbligu li rriżulta, qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-ħlas ma jiġix riċevut, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu 1.

    6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data meta dawk il-kontijiet ikunu saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

    (c)

    pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat;

    dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagament ieħor jibqa' soġġett għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

    Artikolu 3

    B'deroga mill-Artikolu 2(1) u (2), l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness, jew li tingħata disponibbiltà għal ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness, taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta' tali fondi jew riżorsi ekonomiċi hija neċessarja għal skopijiet umanitarji, bħall-għoti jew il-faċilitazzjoni tal-għoti ta' assistenza inklużi provvisti mediċinali, oġġetti tal-ikel jew it-trasferiment ta' ħaddiema umanitarji u assistenza relatata jew għall-evakwazzjonijiet min-Nikaragwa.

    Artikolu 4

    1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-"Rappreżentant Għoli"), għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista stabbilita fl-Anness.

    2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, biex b'hekk tali persuna, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    3.   Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

    Artikolu 5

    1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1).

    2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni disponibbli meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet u l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 6

    1.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli għandhom jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom taħt din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari:

    (a)

    fir-rigward tal-Kunsill, il-preparazzjoni u l-emendar tal-Anness;

    (b)

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, il-preparazzjoni ta' emendi għall-Anness.

    2.   Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti b'rabta ma' reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, u ma' kundanni penali jew miżuri ta' sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali proċessar ikun meħtieġ għall-preparazzjoni tal-Anness.

    3.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma nominati bħala "kontrollur" fis-sens tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom taħt ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

    Artikolu 7

    Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

    (a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness;

    (b)

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta', jew f'isem, waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmijin fil-punt (a).

    Artikolu 8

    Sabiex l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jkun kemm jista' jkun qawwi, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta’ Ottubru 2020 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Hija għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

    Artikolu 10

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. MOGHERINI


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    LISTA TA' PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJIN FL-ARTIKOLI 1 U 2

    […]


    Top