Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2005

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2005 tal-10 ta' Novembru 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan

    ĠU L 294, 11/11/2015, p. 53–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2017: This act has been changed. Current consolidated version: 17/02/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2005/oj

    11.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 294/53


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2005

    tal-10 ta' Novembru 2015

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-22 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/393/PESK (1) li taħtar lis-Sur Franz-Michael SKJOLD MELLBIN bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Afganistan. Il-mandat tar-RSUE għandu jiskadi fil-31 ta' Ottubru 2015.

    (2)

    Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' 16-il xahar.

    (3)

    Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tmur għall-agħar u li tista' timpedixxi li jinkisbu l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Franz-Michael SKJOLD MELLBIN bħala r-RSUE għall-Afganistan huwa estiż sat-28 ta' Frar 2017. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

    Artikolu 2

    Objettivi tal-politika

    Ir-RSUE għandu jirrappreżenta lill-Unjoni u jippromovi l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fl-Afganistan, f'koordinazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan. B'mod aktar speċifiku, ir-RSUE għandu:

    (a)

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan, l-Istrateġija tal-UE fl-Afganistan 2014-2016 u, kif xieraq, il-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp (CAPD);

    (b)

    jappoġġa d-djalogu politiku bejn l-Unjoni u l-Afganistan;

    (c)

    jappoġġa r-rwol ċentrali li għandha n-Nazzjonijiet Uniti (NU) fl-Afganistan b'enfasi partikolari fuq il-kontribut għal assistenza internazzjonali kkoordinata aħjar, biex b'hekk jippromovi l-implimentazzjoni tal-Communiqués tal-Konferenzi ta' Bonn, Chicago, Tokyo u Londra, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU.

    Artikolu 3

    Mandat

    Sabiex jitwettaq il-mandat, ir-RSUE għandu, f'kooperazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fl-Afganistan:

    (a)

    jippromovi l-fehmiet tal-Unjoni dwar il-proċess politiku u l-iżviluppi fl-Afganistan;

    (b)

    iżomm kuntatt mill-qrib, u jappoġġa l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet Afgani rilevanti, b'mod partikolari l-Gvern u l-Parlament kif ukoll l-awtoritajiet lokali. Għandu wkoll jinżamm kuntatt ma' gruppi politiċi Afgani oħra u atturi rilevanti oħra fl-Afganistan, b'mod partikolari l-atturi rilevanti tas-soċjetà ċivili;

    (c)

    iżomm kuntatt mill-qrib ma' partijiet ikkonċernati internazzjonali u reġjonali rilevanti fl-Afganistan, b'mod partikolari mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-NU u r-Rappreżentant Ċivili Superjuri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u ma' sħab u organizzazzjonijiet ewlenin oħrajn;

    (d)

    jagħti pariri dwar il-progress miksub biex jintlaħqu l-objettivi tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Afganistan, l-Istrateġija tal-UE fl-Afganistan 2014-2016, il-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp (CAPD) u tal-Communiqués tal-Konferenzi ta' Bonn, Chicago, Tokyo u Londra, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

    (i)

    it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili, b'mod partikolari fil-livell sottonazzjonali,

    (ii)

    il-governanza tajba u l-istabbiliment ta' istituzzjonijiet meħtieġa għall-eżistenza tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari ġudikatura indipendenti,

    (iii)

    ir-riformi elettorali u kostituzzjonali,

    (iv)

    ir-riformi fis-settur tas-sigurtà, inkluż it-tisħiħ ta' istituzzjonijiet ġudizzjarji u l-istat tad-dritt, l-armata nazzjonali u l-forza tal-pulizija, u b'mod partikolari, l-iżvilupp tas-servizz tal-pulizija ċivili;

    (v)

    il-promozzjoni tat-tkabbir, b'mod partikolari permezz tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali,

    (vi)

    ir-rispett għall-obbligi internazzjonali tal-Afganistan b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, inkluż ir-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u d-drittijiet tan-nisa u t-tfal,

    (vii)

    ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt,

    (viii)

    it-trawwim tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-amministrazzjoni pubblika, fis-soċjetà ċivili u, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1325(2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-proċess ta' paċi,

    (ix)

    ir-rispett għall-obbligi internazzjonali tal-Afganistan, inkluża l-kooperazzjoni fl-isforzi internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-traffikar illeċitu tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u l-proliferazzjoni ta' armi u ta' armi ta' qerda massiva u materjal relatat,

    (x)

    il-faċilitazzjoni tal-assistenza umanitarja u r-ritorn b'mod ordnat ta' refuġjati u ta' persuni spustati internament, u

    (xi)

    it-tisħiħ tal-effettività tal-preżenza u l-attivitajiet tal-Unjoni fl-Afganistan u l-kontribut għall-formulazzjoni tar-rapporti ta' implimentazzjoni regolari dwar l-Istrateġija tal-UE fl-Afganistan 2014-2016, kif mitlub mill-Kunsill;

    (e)

    jipparteċipa b'mod attiv f'fora ta' koordinazzjoni lokali bħall-Bord Konġunt ta' Koordinazzjoni u Monitoraġġ, waqt li jżomm lill-Istati Membri mhux parteċipanti infurmati b'mod sħiħ dwar id-deċiżjonijiet meħudin f'dawn il-livelli;

    (f)

    jagħti parir dwar il-parteċipazzjoni u l-pożizzjonijiet tal-Unjoni f'konferenzi internazzjonali fir-rigward tal-Afganistan, u b'mod partikolari dwar il-Konferenza Ministerjali internazzjonali li jmiss dwar l-Afganistan, li għandha tkun koospitata mill-Unjoni fi Brussell, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Afgani u s-sħab internazzjonali ewlenin;

    (g)

    jieħu rwol attiv fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali permezz ta' inizjattivi rilevanti inkluż il-Proċess ta' Istanbul u l-Konferenza Reġjonali għall-Kooperazzjoni Ekonomika dwar l-Afganistan (RECCA);

    (h)

    jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tan-nisa u t-tfal f'żoni milquta minn konflitti, speċjalment billi jwettaq monitoraġġ u jindirizza l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

    (i)

    jipprovdi, kif adatt, appoġġ għal proċess ta' paċi inklużiv u mmexxi mill-Afganistan li jwassal għal soluzzjoni politika konsistenti mal-“linji l-ħomor” maqbula fil-Konferenza ta' Bonn.

    Artikolu 4

    Implimentazzjoni tal-mandat

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

    2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġjat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

    3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

    Artikolu 5

    Finanzjament

    1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Novembru 2015 sat-28 ta' Frar 2017 għandu jkun ta' EUR 7 625 000.

    2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għall-infiq kollu.

    Artikolu 6

    Kostituzzjoni u kompożizzjoni tal-iskwadra

    1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli li jifforma skwadra fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli. L-iskwadra għandha tinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif rikjest mill-mandat. Ir-RSUE għandu regolarment u minnufih jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-kompożizzjoni tal-iskwadra.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu li jiġi ssekondat persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati biex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal b'kuntratt internazzjonali għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

    3.   Il-persunal kollu ssekondat għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru emittenti, l-istituzzjoni emittenti tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

    Artikolu 7

    Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

    Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u l-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiż ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

    Artikolu 8

    Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

    Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

    Artikolu 9

    Aċċess għal informazzjoni u sostenn loġistiku

    1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.

    2.   Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu sostenn loġistiku fir-reġjun.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra mill-Unjoni f'kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

    (a)

    jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw l-immaniġġar tal-moviment sigur tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta' responsabbiltá, kif ukoll l-immaniġġar ta' inċidenti ta' sigurtà u inkluż pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni;

    (b)

    jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ skont il-kondizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

    (c)

    jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati għal dik iż-żona mis-SEAE;

    (d)

    jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehmin, magħmula b'segwitu għal valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-mandat.

    Artikolu 11

    Rapporti

    Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti regolarment lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu wkoll jirrapporta, kif meħtieġ, lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-Netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

    Artikolu 12

    Koordinazzjoni

    1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jiġu impenjati b'mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll mad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Pakistan. Ir-RSUE għandu jipprovdi aġġornamenti regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

    2.   Fil-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri u mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni. Huma għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN). Ir-RSUE u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw ma' xulxin, kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-post.

    Artikolu 13

    Assistenza b'rabta ma' talbiet

    Ir-RSUE u l-persunal tiegħu għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi li jwieġbu għal kwalunkwe talba u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti fl-Afganistan, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn l-għanijiet.

    Artikolu 14

    Rieżami

    L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-aħħar ta' Ġunju 2016 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Novembru 2016.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2015.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. GRAMEGNA


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/393/PESK tat-22 ta' Lulju 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2013/382/PESK li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Afganistan (ĠU L 198, 23.7.2013, p. 47).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


    Top