This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0010
2013/211/EU: Decision of the European Central Bank of 19 April 2013 on the denominations, specifications, reproduction, exchange and withdrawal of euro banknotes (recast) (ECB/2013/10)
2013/211/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (riformulazzjoni) (BĊE/2013/10)
2013/211/UE: Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tad- 19 ta’ April 2013 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (riformulazzjoni) (BĊE/2013/10)
ĠU L 118, 30/04/2013, p. 37–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/01/2021
30.4.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 118/37 |
DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tad-19 ta’ April 2013
dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro
(riformulazzjoni)
(BĊE/2013/10)
(2013/211/UE)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 128(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Billi:
(1) |
L-ambitu tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 tal-20 ta’ Marzu 2003 dwar id-denominazzjonijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-bdil u l-irtirar tal-karti tal-flus tal-euro (1) għandu bżonn jiġi estiż biex ikopri serjejiet futuri ta’ karti tal-flus tal-euro. Għal dan il-għan, hemm il-ħtieġa ta’ numru ta’ emendi tekniċi għal Deċiżjoni BĊE/2003/4. Barra minn dan, fid-dawl tal-esperjenza fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2003/4, hemm il-ħtieġa li jiġu ċċarati u li jittejbu wħud mir-regoli u l-proċeduri. Għaldaqstant, biex jiġu inkorporati l-emendi msemmijin iktar ‘il fuq, id-Deċiżjoni BĊE/2003/4 għandha tiġi rriformulata fl-interessi taċ-ċarezza u tat-trasparenza. |
(2) |
L-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-Artikolu 16 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jistipulaw illi l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw wkoll li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ‘il quddiem il-‘BĊNi’) jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju, 1998, dwar l-introduzzjoni tal-euro (2), il-BĊE u l-BĊNi għandhom ipoġġu l-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni. |
(3) |
L-Istitut Monetarju Ewropew (IME) wettaq ix-xogħol ta’ tħejjija għall-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus tal-euro, u b’mod partikolari fir-rigward tad-disinji tal-karti tal-flus tal-euro, iffaċilita l-għarfien u l-aċċettazzjoni tad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tal-karti tal-flus tal-euro ġodda mill-utenti, u dan billi kkunsidra r-rekwiżiti speċifiċi viżivi u tekniċi tal-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-utenti tal-karti tal-flus. |
(4) |
Bħala s-suċċessur tal-IME, il-BĊE huwa d-detentur tad-drittijiet tal-awtur tad-disinji tal-karti tal-flus tal-euro li oriġinarjament kienu tal-IME. Il-BĊE u l-BĊNi, meta jaġixxu f’isem il-BĊE, jistgħu jinfurzaw dawn id-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet maħruġa jew imqassmin bi ksur ta’ dawn id-drittijiet tal-awtur, bħal ma huma, fost l-oħrajn, riproduzzjonijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-prestiġju tal-karti tal-flus tal-euro. |
(5) |
Il-BĊE u l-BĊNi għandhom, minn żmien għal żmien, jintroduċu serje ġdida ta’ karti tal-flus tal-euro b’karatteristiċi tas-sigurtà mtejbin li jibbenefikaw mill-progress fit-teknoloġija tal-karti tal-flus minn mindu ġiet introdotta l-ewwel serje. |
(6) |
Id-dritt tal-BĊE u tal-BĊNi li joħorġu l-karti tal-flus tal-euro jinkludi l-kompetenza li jieħdu l-miżuri legali kollha meħtieġa biex jipproteġu l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro bħala mezz ta’ ħlas. Il-BĊE għandu jieħu miżuri biex jipprovdi l-livell minimu ta’ protezzjoni fl-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro biex jiġi żgurat li l-pubbliku ġenerali jkun jista’ jiddistingwi r-riproduzzjonijiet mill-karti tal-flus tal-euro, li jinħarġu mill-BĊE u l-BĊNi u li m’humiex karti tal-flus foloz skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (3) (iktar ‘il quddiem “karti tal-flus tal-euro ġenwini”). Jenħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti regoli komuni li jirregolaw kif għandha tiġi permessa r-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. |
(7) |
Din id-Deċiżjoni għandha tkun bla ħsara għall-applikazzjoni tad-dritt kriminali, partikolarment fir-rigward tal-iffalsifikar. |
(8) |
Ir-riproduzzjonijiet tal-karti tal-flus tal-euro f’forma elettronika għandhom jitqiesu legali biss jekk min jipproduċihom jadotta miżuri tekniċi adegwati biex dawn ma jiġux stampati, meta l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkel dawn il-verżjonijiet stampati mal-karti tal-flus tal-euro ġenwini. |
(9) |
Il-kompetenza biex jittieħdu miżuri biex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini bħala mezz ta’ ħlas tinkludi l-kompetenza biex jiġi adottat reġim komuni li taħtu l-BĊNi jkunu lesti li jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin. Skont dan ir-reġim, huma indikati ċerti kategoriji ta’ karti tal-flus tal-euro li għandhom jinżammu mill-BĊNi meta dawn jiġu ppreżentati lilhom biex jinbidlu. |
(10) |
Il-parti tal-karta tal-flus tal-euro oriġinali li jeħtieġ li tiġi ppreżentata biex tikkwalifika biex tinbidel hija suġġetta għal rekwiżiti ta’ qisien minimi. Dawn il-qisien għandhom jiġu mfissrin bħala perċentwali tal-erja tal-wiċċ tal-karta tal-flus tal-euro oriġinali qabel ma tkun tħassret, biex jiġu evitati qisien foloz, pereżempju f’sitwazzjonijiet fejn il-karta tal-flus tal-euro titħassar minħabba li tinxtorob. |
(11) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1338/2001 jeħtieġ li istituzzjonijiet ta’ kreditu u, fil-limiti tal-attività tal-ħlas tagħhom, fornituri ta’ servizz ta’ ħlas u kull istituzzjoni oħra impenjati fl-ipproċessar u t-tqassim lill-pubbliku ta’ karti tal-flus u muniti, jiżguraw li karti tal-flus u muniti tal-euro li jkunu rċevew u li għandhom il-ħsieb li jpoġġuhom lura fiċ-ċirkulazzjoni jiġu vverifikati għall-awtentiċità u jinkixfu l-foloz. |
(12) |
Billi l-ħsara lil karti tal-flus tal-euro ġenwini b’apparat ta’ kontra s-serq tista’ tiġri fil-kuntest ta’ tentattiv ta’ reat kriminali jew t-twettiq tiegħu, għandu jiġi żgurat li f’dawn il-każijiet il-karti tal-flus ikunu jistgħu jinbidlu biss mill-vittma ta’ dan ir-reat jew tentattiv ta’ reat. |
(13) |
Sabiex jiġi inkoraġġit l-immaniġġjar korrett ta’ apparat ta’ kontra s-serq mill-istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi kollha msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, huwa xieraq għall-BĊNi li jitolbu dritt mingħand min jimmaniġġja l-karti tal-flus biex jiġi kkompensat għall-analiżi li ssir fir-rigward tal-bdil tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li tħassru mill-apparat ta’ kontra s-serq. |
(14) |
Dan id-dritt m’għandux jintalab meta l-ħsara tirriżulta minn serq bi vjolenza jew serq, f’tentattiv jew attwalment imwettaq, u, biex jiġu evitati drittijiet insinifikanti, għandu jintalab biss meta numru minimu ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin jiġu ppreżentati għall-bdil. |
(15) |
Il-karti tal-flus tal-euro ġenwini li jkunu tħassru f’ammont kbir minħabba l-attivazzjoni ta’ apparat ta’ kontra s-serq għandhom jiġu ppreżentati għall-bdil, jekk ikun meħtieġ mill-BĊNi, f’settijiet li jikkonsistu f’numru minimu ta’ karti tal-flus tal-euro. |
(16) |
Sabiex jiġu appoġġati sforzi għat-titjib tas-sigurtà taċ-ċiklu tal-flus kontanti u biex tiġi evitata l-penalizzazzjoni tal-użu ta’ apparat ta’ kontra s-serq, huwa xieraq li jiġu kkreditati l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi, imsemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, li jippreżentaw għall-bdil karti tal-flus tal-euro ġenwini li jitħassru b’mod aċċidentali b’apparat ta’ kontra s-serq, fil-jum meta jiġu rċevuti dawn il-karti tal-flus, b’mod simili għall-preżentazzjoni ta’ flus kontanti regolari. |
(17) |
Biex tiġi appoġġata l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq għall-Eurosistema li tispeċifika kif jiġu ttrattati talbiet minn kwalunkwe applikant biex jinbidlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin b’valur ta’ mill-inqas EUR 7 500. Dawn ir-regoli huma mingħajr ħsara għal kwalunkwe rekwiżit ta’ identifikazzjoni u rapportar iktar strett adottat mill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (4). |
(18) |
Id-dritt esklużiv tal-BĊE li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fi ħdan l-Unjoni jinkludi l-kompetenza li jirtira l-karti tal-flus tal-euro u li jistabbilixxi reġim komuni li taħtu l-BĊE u l-BĊNi jistgħu jwettqu dan l-irtirar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet
1. Il-karti tal-flus tal-euro għandhom jinkludu seba’ denominazzjonijiet fil-firxa ta’ bejn il-ħames sal-500 euro, li juru t-tema ‘Żminijiet u stili tal-Ewropa’, bl-ispeċifikazzjonijiet bażiċi li ġejjin.
Valur nominali (EUR) |
Dimensjonijiet (l-ewwel serje) |
Dimensjonijiet (it-tieni serje) |
Kulur dominanti |
Disinn |
5 |
120 × 62 mm |
120 × 62 mm |
Griż |
Klassiku |
10 |
127 × 67 mm |
127 × 67 mm |
Aħmar |
Romanesk |
20 |
133 × 72 mm |
133 × 72 mm |
Blu |
Gotiku |
50 |
140 × 77 mm |
140 × 77 mm |
Oranġo |
Rinaxximent |
100 |
147 × 82 mm |
Għandhom jiġu deċiżi |
Aħdar |
Barokk u rokoko |
200 |
153 × 82 mm |
Għandhom jiġu deċiżi |
Isfar fil-kannella |
Arkittettura tal-ħadid u tal-ħġieġ |
500 |
160 × 82 mm |
Għandhom jiġu deċiżi |
Vjola |
Arkittettura moderna tas-seklu 20 |
2. Is-seba’ denominazzjonijiet fis-serje tal-karti tal-flus tal-euro għandhom juru xbihat ta’ entraturi u twieqi fuq in-naħa ta’ quddiem (recto) u pontijiet fuq in-naħa ta’ wara (verso). Is-seba’ denominazzjonijiet kollha għandhom ikunu tipiċi tad-diversi perijodi artistiċi Ewropej imsemmijin hawn fuq. Elementi oħrajn tad-disinji għandhom jinkludu:
(a) |
is-simbolu tal-Unjoni Ewropea; |
(b) |
l-isem tal-valuta bl-alfabett Ruman u Grieg u, flimkien ma’ dan, għat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-isem tal-valuta bl-alfabett Ċirilliku; |
(c) |
l-inizjali tal-BĊE fil-varjanti tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; għall-ewwel serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għall-ħames varjanti tal-lingwi uffiċjali li ġejjin: BCE, ECB, EZB, EKT u EKP u, flimkien ma’ dawn, għat-tieni serje ta’ karti tal-flus tal-euro, l-inizjali tal-BĊE għandhom ikunu limitati għal dawn id-disa’ varjanti tal-lingwi uffiċjali: BCE, ECB, ЕЦБ, EZB, EKP, EKT, EKB, BĊE u EBC; |
(d) |
is-simbolu © li jindika li d-dritt tal-awtur jappartjeni lill-BĊE; u |
(e) |
il-firma tal-President tal-BĊE. |
Artikolu 2
Regoli dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro
1. ‘Riproduzzjoni’ għandha tfisser kull xbieha tanġibbli jew intanġibbli li tuża karta tal-flus tal-euro sħiħa jew parti minnha kif speċifikat fl-Artikolu 1, jew partijiet mill-elementi individwali tad-disinn tagħha, bħal, fost l-oħrajn, il-kulur, id-dimensjonijiet u l-użu ta’ ittri jew ta’ simboli, liema xbieha tista’ tixbah lil, jew tagħti l-impressjoni ġenerali ta’, karta tal-flus tal-euro ġenwina, irrispettivament minn:
(a) |
id-daqs tax-xbieha; jew |
(b) |
il-materjal(i) jew it-teknika (tekniki) użati fil-produzzjoni tagħha; jew |
(c) |
jekk żdidux jew inbidlux elementi tad-disinn tal-karta tal-flus tal-euro, bħall-ittri jew is-simboli. |
2. Ir-riproduzzjonijiet li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini għandhom jitqiesu bħala illegali.
3. Ir-riproduzzjonijiet li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala legali peress li m’hemm l-ebda riskju li l-pubbliku ġenerali jista’ jfixkilhom ma’ karti tal-flus tal-euro ġenwini:
(a) |
ir-riproduzzjonijiet b’naħa waħda biss ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew ikbar minn 125 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’, jew daqs jew inqas minn 75 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew |
(b) |
ir-riproduzzjonijiet biż-żewġ naħat ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba d-daqs tar-riproduzzjoni jkun daqs jew iżjed minn 200 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ jew inqas minn 50 % ta’ kemm it-tul u l-wisa’ tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew |
(c) |
ir-riproduzzjonijiet ta’ elementi individwali tad-disinn ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1, kemm-il darba dak l-element tad-disinn ma jintweriex fuq sfond li jkun jixbah lil dak ta’ karta tal-flus; jew |
(d) |
ir-riproduzzjonijiet fuq naħa waħda li juru parti min-naħa ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba dik il-parti tkun iżgħar minn terz tan-naħa oriġinali ta’ quddiem jew ta’ wara ta’ karta tal-flus tal-euro kif speċifikat fl-Artikolu 1; jew |
(e) |
ir-riproduzzjonijiet magħmulin minn materjal li jkun jidher b’mod ċar li hu differenti mill-karta, li tidher sew li hija differenti mill-materjal użat għall-karti tal-flus; jew |
(f) |
ir-riproduzzjonijiet intanġibbli li jkunu disponibbli elettronikament f’websajts, permezz ta’ wajer jew mingħajr wajer jew bi kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti lill-membri tal-pubbliku ġenerali li jkollhom aċċess għal dawn ir-riproduzzjonijiet intanġibbli minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, kemm-il darba:
|
4. Fil-każ ta’ riproduzzjonijiet skont il-paragrafu 3(f),
— |
it-tul tal-kelma SPEĊIMEN għandha tkun mill-inqas 75 % tat-tul tar-riproduzzjoni, u |
— |
l-għoli tal-kelma SPEĊIMEN għandha tkun mill-inqas 15 % tal-wisa’ tar-riproduzzjoni, u |
— |
il-kelma SPECIMEN għandha tidher f’kulur mhux trasparenti (opak) li jikkuntrasta mal-kulur dominanti tal-karta tal-flus tal-euro rispettiva kif speċifikat fl-Artikolu 1. |
5. Il-BĊE u l-BĊNi għandhom, meta jirċievu talba bil-miktub, jipprovdu konferma li r-riproduzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-paragrafu 3, sa fejn ma jistgħux jiġu mfixkla mill-pubbliku ġenerali ma’ karta tal-flus tal-euro ġenwina kif speċifikat fl-Artikolu 1, huma legali wkoll. Meta riproduzzjoni ssir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss li l-munita tiegħu hija l-euro, talbiet kif imsemmi iktar ‘il fuq għandhom jiġu indirizzati lill-BĊN ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każijiet l-oħra kollha, dawn it-talbiet għandhom jiġu indirizzati lill-BĊE.
6. Ir-regoli tar-riproduzzjoni tal-karti tal-flus tal-euro japplikaw ukoll għall-karti tal-flus tal-euro li jkunu ġew irtirati jew li jkunu tilfu l-istatus tagħhom ta’ valuta legali skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin
1. Il-BĊNi għandhom, fuq talba, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u fid-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill Governattiv imsemmija fl-Artikolu 6, jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin meta:
(a) |
iktar minn 50 % tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata; jew |
(b) |
meta 50 % jew anqas tal-karta tal-flus tal-euro hija ppreżentata jekk l-applikant jipprova li l-partijiet neqsin inqerdu. |
2. Flimkien mal-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin għall-bdil ta’ karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin:
(a) |
fejn ikun hemm dubju dwar it-titolu legali tal-applikant għall-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti identifikazzjoni, kif ukoll prova li l-applikant huwa s-sid jew inkella applikant awtorizzat; |
(b) |
fejn ikun hemm dubju dwar l-awtentiċità tal-karti tal-flus tal-euro: l-applikant għandu jagħti l-identifikazzjoni; |
(c) |
fejn jiġu ppreżentati karti tal-flus tal-euro ġenwini mtebbgħin bil-linka, ikkontaminati jew imxappin: l-applikant għandu jagħti spjegazzjoni bil-miktub dwar it-tip ta’ tebgħa, kontaminazzjoni jew ta’ tixpip; |
(d) |
fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq: l-applikant għandu jagħti stqarrija bil-miktub fuq il-kawża ta’ newtralizzazzjoni; |
(e) |
fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkun tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq minħabba serq bi vjolenza jew serq, attwalment imwettaq jew tentattiv, jew attività kriminali oħra: il-karti tal-flus għandhom jinbidlu biss fuq talba tas-sid jew inkella tal-applikant awtorizzat li jkun il-vittma ta’ attività kriminali attwali jew tentattiv tagħha li twassal għall-ħsara fil-karti tal-flus; |
(f) |
fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru b’apparat ta’ kontra s-serq u jiġu ppreżentati minn istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001: dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi għandhom jagħtu stqarrija bil-miktub fuq il-kawża tan-newtralizzazzjoni, ir-referenza u l-karatteristiċi ta’ apparat ta’ kontra s-serq, id-dettalji tal-parti li qed tippreżenta l-karti tal-flus imħassrin u d-data tal-preżentazzjoni tagħhom; |
(g) |
fejn il-karti tal-flus tal-euro ġenwini jkunu tħassru f’ammont kbir minħabba l-attivazzjoni ta’ apparat ta’ kontra s-serq: dawn kemm jista’ jkun possibbli u jekk meħtieġ mill-BĊNi għandhom jiġu ppreżentati f’settijiet ta’ 100 karta tal-flus tal-euro, kemm-il darba l-ammont tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati jkun biżżejjed biex jiġu ffurmati dawn is-settijiet; |
(h) |
fejn istituzzjonijiet u aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001 jippreżentaw għall-bdil, fi tranżazzjoni waħda jew iżjed, karti tal-flus tal-euro ġenwini b’valur ta’ mill-inqas EUR 7 500: dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi għandhom jagħtu dokumentazzjoni fuq l-oriġni tal-karti tal-flus u l-identifikazzjoni tal-klijent jew, meta jkun applikabbli, tas-sid benefiċjarju kif iddefinit fid-Direttiva 2005/60/KE. Dan l-obbligu għandu japplika wkoll f‘każ ta’ dubju dwar jekk il-valur limitu ta’ EUR 7 500 ntlaħaqx. Ir-regoli stipulati f’dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr ħsara għal kwalunkwe identifikazzjoni u rekwiżit ta’ rapportar iktar stretti adottati mill-Istati Membri fit-trażpożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE. |
3. Minkejja dak imsemmi aktar ‘il fuq:
(a) |
Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini tħassru intenzjonalment, huma għandhom jirrifjutaw li jibdluhom u għandhom iżommu l-karti tal-flus tal-euro, biex jevitaw li dawn il-karti tal-flus tal-euro jerġgħu jiġu ċċirkulati jew biex jipprevjenu li l-applikant jippreżentahom lil xi BĊN ieħor għall-bdil. Madanakollu, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin jekk ikunu jafu jew jekk ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-applikanti għandhom il-bonafidi, jew jekk l-applikanti jistgħu jippruvaw li għandhom il-bonafidi. Il-karti tal-flus tal-euro li jkunu mħassrin fi ġrad żgħir, eż. billi jkollhom annotazzjonijiet, numri jew sentenzi qosra miktubin fuqhom, m’għandhomx fil-prinċipju jitqiesu li huma karti tal-flus tal-euro li tħassru intenzjonalment; u |
(b) |
Fejn il-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li twettaq reat kriminali huma għandhom jirrifjutaw li jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin u għandhom iżommuhom, wara li tinħareġ riċevuta, bħala prova li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti biex jibdew jew jappoġġaw investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti, il-karti tal-flus tal-euro ġenwini fl-aħħar tal-investigazzjoni għandhom jikkwalifikaw għall-bdil skont kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. |
(c) |
Meta l-BĊNi jkunu jafu jew ikollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin huma kkontaminati b’mod li jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà, huma għandhom jibdlu l-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin, jekk l-applikant jista’ jipprovdi valutazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà mill-awtoritajiet kompetenti. |
Artikolu 4
Twaqqif ta’ dritt għall-bdil tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin b’apparat ta’ kontra s-serq
1. Il-BĊNi għandhom jitolbu dritt mingħand l-istituzzjoniiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 meta jitolbu lill-BĊNi, skont l-Artikolu 3, biex jibdlu karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew imħassrin minn apparat ta’ kontra s-serq.
2. Id-dritt għandu jammonta għal 10 ċenteżmi tal-euro għal kull karta tal-flus tal-euro mħassra.
3. Id-dritt għandu jintalab biss jekk jinbidlu mill-inqas 100 karta tal-flus tal-euro mħassra. Id-dritt għandu jintalab għall-karti tal-flus tal-euro kollha mibdulin.
4. L-ebda dritt m’għandu jintalab fejn karti tal-flus tal-euro jkunu tħassru minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra, jew tentattiv jew attwalment imwettqin.
Artikolu 5
Ikkreditar tal-valur tal-karti tal-flus tal-euro mħassrin aċċidentalment b’apparat ta’ kontra s-serq u ppreżentati għall-bdil
1. Il-BĊNi għandhom jikkreditaw lill-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 li jkollhom kont fil-BĊN rilevanti l-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini li ġew imħassrin aċċidentalment minn apparat ta’ kontra s-serq fil-jum ta’ meta jirċievu dawk il-karti tal-flus, kemm-il darba:
(a) |
il-karti tal-flus tal-euro ma tħassrux minħabba serq bi vjolenza, serq jew attività kriminali oħra attwali; |
(b) |
il-BĊN jista’ jivverifika minnufih li l-ammont mitlub jikkorrispondi tal-inqas għal madwar il-valur tal-karti tal-flus ippreżentati; u |
(c) |
tintbagħat l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa mill-BĊN. |
2. Kwalunkwe differenza żvelata wara l-ipproċessar bejn il-valur tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment u ippreżentati għall-bdil u l-ammont ikkreditat qabel l-ipproċessar għandha tiġi ddebitata jew ikkreditata, skont il-każ, lill-istituzzjoni jew l-aġent ekonomiku li jippreżentawhom.
3. Id-drittijiet imsemmijin fl-Artikolu 4 għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tan-numru effettiv tal-karti tal-flus tal-euro ġenwini mħassrin aċċidentalment ipproċessati mill-BĊN.
Artikolu 6
Irtirar tal-karti tal-flus tal-euro
L-irtirar ta’ tip jew serje ta’ karta tal-flus tal-euro għandu jiġi rregolat b’deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ippubblikata għall-informazzjoni ġenerali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u f’midja oħra. Din id-Deċiżjoni bħala minimu għandha tkopri, il-punti li ġejjin:
— |
it-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro li tkun ser tiġi rtirata miċ-ċirkulazzjoni; u |
— |
it-tul ta’ żmien tal-perjodu tal-bdil; u |
— |
id-data li fiha t-tip jew is-serje tal-karta tal-flus tal-euro tkun ser titlef l-istatus tagħha bħala valuta legali; u |
— |
it-trattament tal-karti tal-flus tal-euro ppreżentati ladarba jkun għadda l-perijodu tal-irtirar u/jew ikunu tilfu l-istatus tagħhom bħala valuta legali. |
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u tħassir
1. Id-Deċiżjoni BĊE/2003/4 hija mħassra.
2. Ir-referenzi għad-Deċiżjoni BĊE/2003/4 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.
3. Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, id-19 ta’ April 2013.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 246.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 111.
(3) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Volum 4, p. 152.
(4) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
ANNESS
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Deċiżjoni BĊE/2003/4 |
Din id-Deċiżjoni |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |