EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1128

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1128/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jħassar ċerti atti tal-Kunsill li m’għadhomx jintużaw fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni

ĠU L 310, 25/11/2009, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1128/oj

25.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1128/2009

tal-20 ta’ Novembru 2009

li jħassar ċerti atti tal-Kunsill li m’għadhomx jintużaw fil-qasam tal-Politika Agrikola Komuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

It-titjib tat-trasparenza tal-liġi Komunitarja huwa element essenzjali tal-istrateġija għat-tfassil aħjar tal-liġijiet li qegħdin jimplimentaw l-istituzzjonijiet tal-Komunità. F’dak il-kuntest jixraq li dawk l-atti li m’għadx għandhom effett reali jitneħħew mil-leġislazzjoni attiva.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2602/69 tat-18 ta’ Diċembru 1969 dwar iż-żamma tal-proċedura tal-Kumitat ta’ Ġestjoni (2) eżawrixxa l-effetti tiegħu peress li l-kontenut tiegħu ġie indirizzat minn atti suċċessivi.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/360/KEE tas-16 ta’ Lulju 1985 dwar ir-ristrutturar tas-sistema ta’ stħarriġ agrikolu fil-Greċja (3) kopriet il-perijodu bejn l-1986 u l-1996 u għalhekk eżawriet l-effetti tagħha.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3570/90 tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar id-derogi fir-rigward tal-istħarriġ statistiku dwar l-agrikoltura fil-Ġermanja b’rabta mal-unifikazzjoni tal-Ġermanja (4) kien intenzjonat biex jiġi applikat matul il-perijodu transitorju wara l-unifikazzjoni tal-Ġermanja u għalhekk eżawrixxa l-effetti tiegħu.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 2611/95 tal-25 ta’ Ottubru 1995 li jistabbilixxi l-possibbiltà li tingħata għajnuna nazzjonali b’kumpens għal telf tad-dħul agrikolu kkaġunat miċ-ċaqliq monetarju fi Stati Membri oħra (5) kien jikkonċerna l-possibbiltà li tingħata għajnuna ta’ tliet snin li kellha tiġi notifikata qabel it-30 ta’ Ġunju 1996 u għalhekk eżawrixxa l-effetti tiegħu.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1107/2007 tas-26 ta’ Settembru 2007 b’deroga mir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa fir-rigward tal-art imwarrba għall-2008 (6), kopra biss is-sena 2008 u għalhekk eżawrixxa l-effetti tiegħu.

(7)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, dawk ir-Regolamenti u d-Deċiżjoni li m’għadhomx jintużaw għandhom jitħassru,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2602/69, (KEE) Nru 3570/90, (KE) Nru 2611/95 u (KE) Nru 1107/2007 u d-Deċiżjoni 85/360/KEE huma mħassra.

2.   It-tħassir tar-Regolamenti u d-Deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma fis-seħħ tal-atti Komunitarji adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti u d-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  Opinjoni (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 324, 27.12.1969, p. 23.

(3)  ĠU L 191, 23.7.1985, p. 53.

(4)  ĠU L 353, 17.12.1990, p. 8.

(5)  ĠU L 268, 10.11.1995, p. 3.

(6)  ĠU L 253, 28.9.2007, p. 1.


Top