Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0116

    Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata)

    ĠU L 372, 27/12/2006, p. 12–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 31/10/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/116/oj

    27.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    12


    DIRETTIVA 2006/116/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Diċembru 2006

    dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati

    (verżjoni kodifikata)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 47 (2), 55 u 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad-29 ta' Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ċerti drittijiet relatati (3) ġiet emendata b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Il-Konvenzjoni ta' Berna għall-protezzjoni ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni ta' artisti, produtturi ta' fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir (il-Konvenzjoni ta' Ruma) jistipulaw biss il-perjodi minimi ta' protezzjoni tad-drittijiet li jirreferu għalihom, waqt li jħallu l-Istati Kontraenti ħielsa li jagħtu perjodi itwal. Ċerti Stati Membri eżerċitaw dan id-dritt. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri għadhom ma sarux partijiet għall-Konvenzjoni ta' Ruma.

    (3)

    Bħala konsegwenza hemm differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-perjodu tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u d-drittijiet relatati, differenzi li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta' merkanzija u l-libertà tal-provvista ta' servizzi, u li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni. Għalhekk, għall-funzjonament korrett tas-suq intern, il-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati sabiex jistabbilixxu l-istess perjodu ta' protezzjoni mal-Komunità kollha.

    (4)

    Huwa importanti li jiġu stabbiliti mhux biss il-perjodi ta' protezzjoni bħala tali, iżda wkoll ċerti arranġamenti ta' implimentazzjoni bħad-data li minnha kull perjodu ta' protezzjoni jiġi kkalkulat.

    (5)

    Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 bis (2) (b), (ċ) u (d) u (3), tal-Konvenzjoni ta' Berna.

    (6)

    Il-perjodu minimu ta' protezzjoni previst mill-Konvenzjoni ta' Berna, jiġifieri l-ħajja ta' l-awtur u 50 sena wara l-mewt tiegħu, kien maħsub biex jipprovdi protezzjoni għall-awtur u għall-ewwel żewġ ġenerazzjonijiet tad-dixxendenti tiegħu. Il-medja tal-ħajja fil-Komunità twalet, sal-punt fejn dan il-perjodu mhuwiex aktar biżżejjed sabiex ikopri żewġ ġenerazzjonijiet.

    (7)

    Ċerti Stati Membri taw perjodu itwal minn 50 sena wara l-mewt ta' l-awtur biex jikkumpensaw għall-effetti tal-gwerer dinjija fuq l-isfruttament tax-xogħlijiet ta' l-awtur.

    (8)

    Għall-protezzjoni ta' drittijiet relatati, ċerti Stati Membri introduċew perjodu ta' 50 sena wara l-pubblikazzjoni legali jew komunikazzjoni legali lill-pubbliku.

    (9)

    Il-Konferenza Diplomatika ta' Diċembru 1996 li saret mill-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali (World Intellectual Property Organization, WIPO) wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat tal-WIPO dwar Rappreżentazzjonijiet u Fonogrammi, għall-protezzjoni ta' artisti li jagħmlu rappreżentazzjonijiet u ta' produtturi ta' fonogrammi. Dan it-Trattat jikkostitwixxi aġġornament importanti tal-protezzjoni internazzjonali ta' drittijiet relatati.

    (10)

    Ir-rispett għad-drittijiet stabbiliti jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġi protetti mill-ordni legali tal-Komunità. Għalhekk, il-perjodi ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati stabbiliti mil-liġi Komunitarja ma jistgħux ikollhom l-effett li jnaqqsu l-protezzjoni li bbenefikaw minnha d-detenturi tad-drittijiet fil-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 93/98/KEE. Sabiex l-effetti tal-miżuri tranżitorji jinżammu minimi u għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, dawn il-perjodi ta' protezzjoni għandhom jiġu mtawla.

    (11)

    Il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati għandu jkun għoli, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma fundamentali għall-kreattività intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tassigura ż-żamma u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interess ta' l-awturi, l-industriji kulturali, il-konsumaturi u s-soċjeta in ġenerali.

    (12)

    Sabiex ikun stabbilit livell għoli ta' protezzjoni li fl-istess ħin jissodisfa r-rekwiżiti tas-suq intern u l-ħtieġa li jkun stabbilit ambjent legali li jwassal għall-iżvilupp armonjuż tal-kreattività letterarja u artistika fil-Komunità, għandha ssir armonizzazzjoni tal-perjodu ta' protezzjoni għad-drittijiet ta' l-awtur għal 70 sena wara l-mewt ta' l-awtur jew 70 sena wara li x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku, u tal-perjodu ta' protezzjoni għal drittijiet relatati għal 50 sena wara l-fatt li jagħti bidu għall-perjodu.

    (13)

    Il-kollezzjonijiet huma protetti skond l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta' Berna meta, abbażi ta' l-għażla u l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali. Dawk ix-xogħlijiet huma protetti bħali tali, mingħajr ħsara għad-drittijiet ta' l-awtur f'kull wieħed mix-xogħlijiet li jagħmel parti minn dawn il-kollezzjonijiet. Bħala konsegwenza, jistgħu japplikaw perijodi speċifiċi ta' protezzjoni għal xogħlijiet inklużi fil-kollezzjonijiet.

    (14)

    Fil-każi kollha fejn waħda jew aktar persuni fiżiċi jkunu identifikati bħala awturi, il-perjodu ta' protezzjoni għandu jiġi kkalkulat wara mewthom. Il-kwistjoni ta' l-awtur tax-xogħol kollu jew ta' parti minnu hija kwistjoni ta' fatt li l-qrati nazzjonali jistgħu jkollhom jiddeċiedu.

    (15)

    Il-perjodi ta' protezzjoni għandhom jiġu kalkolati mill-ewwel ta' Jannar tas-sena li ssegwi l-fatt, kif inhuma fil-Konvenzjonijiet ta' Berna u ta' Ruma.

    (16)

    Il-protezzjoni ta' fotografiji fl-Istati Membri hija s-suġġett ta' diversi reġimi. Xogħol fotografiku skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Berna għandu jkun ikkunsidrat bħala oriġinali jekk ikun kreazzjoni intellettwali ta' l-awtur li tirrifletti l-personalità tiegħu, mingħajr il-kunsiderazzjoni ta' kriterji oħra, bħall-valur jew l-iskop tiegħu. Il-protezzjoni ta' fotografiji oħra għandha tkun tista' tingħata mil-liġi nazzjonali.

    (17)

    Sabiex ikunu evitati d-differenzi fil-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet relatati huwa meħtieġ li jiġi previst l-istess punt ta' tluq sabiex ikun kalkolat il-perjodu fi ħdan il-Komunità kollha. Ir-rappreżentazzjonijiet, l-iffissar, ix-xandir, il-pubblikazzjoni legali, u l-komunikazzjoni legali lill-pubbliku, jiġifieri l-fatt li jagħmel perċepibbli suġġett ta' dritt relatat, bil-modi xierqa kollha, lill-persuni in ġenerali, għandhom ikunu kkunsidrati biex ikun ikkalkolat il-perjodu ta' protezzjoni irrispettivament mill-pajjiż fejn iseħħu r-rappreżentazzjoni, l-iffissar, ix-xandir, il-pubblikazzjoni legali, jew il-komunikazzjoni legali lill-pubbliku.

    (18)

    Id-drittijiet ta' l-organizzazzjonijiet tax-xandir fir-rigward tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita, m'għandhomx ikunu perpetwi. Huwa għalhekk meħtieġ li l-perjodu ta' protezzjoni jibda jiddekorri biss mill-ewwel trasmissjoni ta' xandira partikolari. Din id-dispożizzjoni hija maħsuba bl-iskop li tevita perjodu ġdid li jibda fil-każi fejn xandira tkun identika ma' waħda preċedenti.

    (19)

    L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta' l-awtur partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni ta' pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi. Sabiex tkun żgurata t-trasparenza fil-livell Komunitarju, huwa madankollu meħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu drittijiet ġodda relatati sabiex jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom.

    (20)

    Għandu jkun ċar li din id-Direttiva ma tapplikax għal drittijiet morali.

    (21)

    Għal xogħlijiet li l-pajjiż ta' oriġini tagħhom skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Berna ikun pajjiż terz u li l-awtur tagħhom ma jkunx ċittadin tal-Komunità, għandu jsir paragun bejn perjodi ta' protezzjoni sakemm il-perjodu mogħti fil-Komunità ma jeċċedix il-perjodu stabbilit minn din id-Direttiva.

    (22)

    Fejn detentur tad-drittijiet li ma jkunx ċittadin tal-Komunità jikkwalifika għall-protezzjoni skond ftehima internazzjonali, il-perjodu ta' protezzjoni tad-drittijiet relatati għandu jkun l-istess bħal dak previst minn din id-Direttiva. Madankollu dan il-perjodu m'għandux jaqbeż dak stipulat fil-pajjiż terz li tiegħu d-detentur tad-drittijiet ikun ċittadin.

    (23)

    Il-paragun bejn perjodi ta' protezzjoni m'għandux jwassal sabiex l-Istati Membri jiġu f'kunflitt ma' l-obbligi internazzjonali tagħhom.

    (24)

    L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jadottaw id-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni, l-adattament u t-twettiq ulterjuri ta' kuntratti dwar l-isfruttament ta' xogħlijiet protetti u materja oħra li kienu konklużi qabel l-estensjoni tal-perjodu ta' protezzjoni li jirriżulta minn din id-Direttiva.

    (25)

    Ir-rispett għad-drittijiet miksuba u għall-aspettazzjonijiet leġittimi huwa garantit mis-sistema ġuridika tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu b'mod partikolari li, f'ċerti ċirkustanzi, id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati li jerġu jitwieldu taħt din id-Direttiva ma jkunux jistgħu jirriżultaw fi ħlasijiet minn persuni li kienu jisfruttaw in bona fide xogħlijiet fi żmien meta dawn ix-xogħlijiet kienu jagħmlu parti mill-isfera pubblika.

    (26)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi indikati fil-Parti B ta' l-Anness I,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    It-tul tal-perjodu ta' validita' tad-drittijiet ta' l-awtur

    1.   Id-drittijiet ta' l-awtur ta' xogħol artistiku jew letterarju skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Berna għandhom idumu tul il-ħajja ta' l-awtur u għal 70 sena wara mewtu, irrispettivament mid-data meta x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku.

    2.   Fejn id-dritt ta' l-awtur ikun ta' aktar minn awtur wieħed, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat mill-mewt ta' l-aħħar ko-awtur li jibqa' ħaj.

    3.   Fil-każ ta' xogħlijiet anonimi jew psewdonimi, il-perjodu ta' protezzjoni għandu jdum għal 70 sena wara li x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku. Madankollu, meta psewdonimu adottat mill-awtur ma jħalli l-ebda dubbju dwar l-identità tiegħu, jew jekk l-awtur jiżvela l-identità tiegħu matul il-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza, il-perjodu ta' protezzjoni applikabbli għandu jkun dak stipulat fil-paragrafu 1.

    4.   Fejn Stat Membru jipprovdi għal dispożizzjonijet partikolari dwar drittijiet ta' l-awtur fuq xogħlijiet kollettivi jew sabiex persuna ġuridika tiġi maħtura bħala detentur tad-drittijiet, il-perjodu tal-protezzjoni għandu jkun ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, għajr jekk il-persuni fiżiċi li ħalqu x-xogħol ikunu identifikati bħala tali fil-verżjonijiet tax-xogħol li jkunu saru disponibbli għall-pubbliku. Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet ta' l-awturi identifikati li l-kontributi identifikabbli tagħhom ikunu inklużi f'dawn ix-xogħlijiet, li għal liema kontributi għandhom japplikaw il-paragrafi 1 jew 2.

    5.   Fejn xogħol huwa ppubblikat f'volumi, partijiet, faxxikli, ħarġiet jew episodji u l-perjodu ta' protezzjoni jibda mill-mument meta x-xogħol kien legalment magħmul disponibbli għall-pubbliku, il-perjodu ta' protezzjoni għandu jibda separatament għal kull oġġett.

    6.   Fil-każ ta' xogħlijiet li għalihom il-perjodu ta' protezzjoni ma jkunx ikkalkolat mill-mewt ta' l-awtur jew awturi u li ma jkunux saru disponibbli legalment għall-pubbliku fi żmien 70 sena mill-kreazzjoni tagħhom, il-protezzjoni għandha tintemm.

    Artikolu 2

    Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi

    1.   Id-direttur prinċipali ta' xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew bħala wieħed mill-awturi. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jindikaw ko-awturi oħrajn.

    2.   Il-perjodu ta' protezzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt ta' l-aħħar mill-persuni li ġejjin li jkunu baqgħu ħajjin, sew jekk dawn il-persuni jiġux indikati jew le bħala ko-awturi: id-direttur prinċipali, l-awtur ta' l-iscreenplay, l-awtur tad-djalogu u l-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fix-xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv.

    Artikolu 3

    It-tul tal-perjodu ta' validita' ta' drittijiet relatati

    1.   Id-drittijiet ta' l-artisti għandhom jiskadu 50 sena wara d-data tar-rappreżentazzjoni. Madankollu, jekk l-iffissar ta' rappreżentazzjoni jkun ippubblikat legalment jew komunikat legalment lill-pubbliku f'dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' l-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel.

    2.   Id-drittijiet tal-produtturi ta' fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. Madankollu, jekk fonogramm ikun pubblikat legalment f'dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' l-ewwel pubblikazzjoni legali. Jekk ma tkun saret l-ebda pubblikazzjoni legali fil-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza, u jekk il-fonogramm ikun legalment komunikat lill-pubbliku fi żmien dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' l-ewwel komunikazzjoni legali lill-pubbliku.

    Madankollu, dan il-paragrafu m'għandux ikollu l-effett li jipproteġi mill-ġdid id-drittijiet ta' produtturi ta' fonogrammi li, minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta' protezzjoni mogħtija lilhom skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/98/KEE fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bid-Direttiva 2001/29/KE, ma kienux aktar protetti fit-22 ta' Diċembru 2002.

    3.   Id-drittijiet tal-produtturi ta' l-ewwel iffissar ta' film għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. Madankollu, jekk il-film ikun ippubblikat legalment jew ikun komunikat legalment lill-pubbliku matul dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' din l-ewwel pubblikazzjoni jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel. It-terminu “film” għandu jfisser xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew sekwenza ta' xbiehat li jiċċaqilqu, kemm jekk ikunu akkumpanjati mill-ħoss sew jekk le.

    4.   Id-drittijiet ta' l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiskadu 50 sena wara l-ewwel trasmissjoni ta' xandira, sew jekk din ix-xandira tkun trasmessa bil-fili jew bl-ajru, inklużi bil-cable jew satellita.

    Artikolu 4

    Protezzjoni ta' xogħlijiet mhux pubblikati qabel

    Kull persuna li, wara l-iskadenza tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur, għall-ewwel darba tippubblika legalment jew tikkomunika legalment lill-pubbliku xogħol mhux ippubblikat qabel, għandha tibbenefika minn protezzjoni ekwivalenti għad-drittijiet ekonomiċi ta' l-awtur. Il-perjodu ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet għandu jkun ta' 25 sena minn meta x-xogħol ikun ippubblikat għall-ewwel darba jew komunikat legalment lill-pubbliku.

    Artikolu 5

    Pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi

    L-Istati Membri jistgħu jipproteġu pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi ta' xogħlijiet li jkunu ġew fl-isfera pubblika. Il-perjodu massimu ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet għandu jkun ta' 30 sena minn meta l-pubblikazzjoni kienet legalment ippubblikata għall-ewwel darba.

    Artikolu 6

    Protezzjoni ta' fotografiji

    Il-fotografiji li jkunu oriġinali fis-sens li jkunu l-kreazzjoni intellettwali ta' l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skond l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m'għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibbiltà tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta' fotografiji oħra.

    Artikolu 7

    Protezzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi

    1.   Fejn il-pajjiż ta' oriġini ta' xogħol, fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Berna, ikun pajjiż terz, u l-awtur tax-xogħol ma jkunx ċittadin tal-Komunità, il-perjodu ta' protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi fid-data ta' skadenza tal-protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol, iżda ma jistax jaqbeż il-perjodu stipulat fl-Artikolu 1.

    2.   Il-perjodi ta' protezzjoni stipulati fl-Artikolu 3 għandhom japplikaw ukoll fil-każ fejn id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux ċittadini tal-Komunità, kemm-il darba l-Istati Membri jagħtuhom protezzjoni. Madankollu, mingħajr ħsara għall-obbligi internazzjonali ta' l-Istati Membri, il-perjodu ta' protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi mhux aktar tard mid-data ta' skadenza tal-protezzjoni mogħtija fil-pajjiż li tiegħu d-detentur tad-drittijiet ikun ċittadin u ma jistax jeċċedi il-perjodu stipulat fl-Artikolu 3.

    3.   L-Istati Membri li, fid-29 ta' Ottubru 1993, b'mod partikolari skond l-obbligi internazzjonali tagħhom, ikunu taw perjodu itwal ta' protezzjoni minn dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijet tal-paragrafi 1 u 2 jistgħu jżommu din il-protezzjoni sal-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-perjodu tal-protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur jew ta' drittijiet relatati.

    Artikolu 8

    Il-kalkolu tal-perjodi

    Il-perjodi stipulati f'din id-Direttiva għandhom jiġu kkalkolati mill-ewwel jum ta' Jannar tas-sena li ssegwi l-fatt li jagħti bidu għad-dritt.

    Artikolu 9

    Drittijiet morali

    Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijet ta' l-Istati Membri li jirregolaw id-drittijiet morali.

    Artikolu 10

    Applikazzjoni kronoloġika

    1.   Fejn perjodu ta' protezzjoni, li jkun itwal mill-perjodu li jikkorrispondi għall-perjodu previst f'din id-Direttiva, ikun diġà beda jiddekorri fi Stat Membru fl-1 ta' Lulju 1995, din id-Direttiva m'għandhiex ikollha l-effett li tqassar dak il-perjodu f'dak l-Istat Membru.

    2.   Il-perjodi ta' protezzjoni previsti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet u s-suġġetti kollha li jkunu protetti f'għall-inqas Stat Membru wieħed fid-data msemmija fil-paragrafu 1, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta' l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva [92/100/KEE tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 1992 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali] (5).

    3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kull att ta' sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijet meħtieġa biex jipproteġu b'mod partikolari drittijiet miksuba ta' pajjiżi terzi.

    4.   L-Istati Membri mhumiex meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 2(1) għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi maħluqin qabel l-1 ta' Lulju 1994.

    Artikolu 11

    Notifika u Komunikazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull pjan governattiv sabiex jingħataw drittijiet relatati ġodda, inklużi r-raġunijiet bażiċi għall-introduzzjoni tagħhom u l-perjodu ta' protezzjoni previst.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijet tal-liġijiet interni li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

    Artikolu 12

    Tħassir

    Id-Direttiva 93/98/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi indikati fil-Parti B ta' l-Anness I.

    Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 13

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 14

    Stati indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. PEKKARINEN


    (1)  Opinjoni ta' l-26 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2006.

    (3)  ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

    (4)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (5)  ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2001/29/KE.


    ANNESS I

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien ma' l-emendi tagħha

    Direttiva 93/98/KEE tal-Kunsill

    (ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9)

     

    Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10)

    L-Artikolu 11(2) biss

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni

    (imsemmi fl-Artikolu 12)

    Direttiva

    Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

    Data ta' applikazzjoni

    93/98/KEE

    L-1 ta' Lulju 1995 (l-Artikoli 1 sa 11)

    Id-19 ta' Novembru 1993 (l-Artikolu 12)

    Mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 1997 għall-Artikolu 2(1) (l-Artikolu 10(5))

    2001/29/KE

    It-22 ta' Diċembru 2002

     


    ANNESS II

    Tabella ta' korrelazzjoni

    Direttiva 93/98/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikoli 1 sa 9

    Artikoli 10(1) sa (4)

    Artikolu 10(5)

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 13(1) l-ewwel sub-paragrafu

    Artikolu 13(1) it-tieni sub-paragrafu

    Artikolu 13(1) it-tielet sub-paragrafu

    Artikolu 13(2)

    Artikolu 14

    Artikoli 1 sa 9

    Artikoli 10(1) sa (4)

    Artikolu 11(1)

    Artikolu 11(2)

    Artikolu 12

    Artikolu 13

    Artikolu 14

    Anness I

    Anness II


    Top