Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0114

    Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 376, 27/12/2006, p. 21–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/114/oj

    27.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    21


    DIRETTIVA 2006/114/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Diċembru 2006

    dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

    (verżjoni kodifikata)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 84/450/KEE tal- Kunsill ta’ l-10 ta' Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (3) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Il-liġijiet kontra reklamar qarrieqi li hemm fis-seħħ fl-Istati Membri jvarjaw ħafna. La darba r-reklamar jmur lil hinn mill-fruntieri ta’ Stati Membri individwali, għandu effett dirett fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

    (3)

    Ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

    (4)

    Ir-reklamar, sew jekk jirriżultax f’kuntratt jew le, jaffettwa l-qagħda ekonomika tal-konsumaturi u kummerċjanti.

    (5)

    Id-differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar li jqarraq fin-negozju jfixklu t-twettiq ta’ kampanji ta’ reklamar lil hinn minn fruntieri nazzjonali u hekk jaffettwaw iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija u l-provvista ta’ servizzi.

    (6)

    Il-kisba tal-kompletezza tas-suq intern tfisser firxa wiesgħa ta' għażla. Ladarba l-konsumaturi u l-kummerċjanti jistgħu u għandhom jagħmlu l-aħjar użu possibbli mis-suq intern, u r-reklamar huwa mezz importanti ħafna sabiex joħloq sbokki ġenwini għall-merkanzija u servizzi fi ħdan il-Komunità kollha, id-dispożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu uniformi u l-kondizzjonijiet għall-użu ta' reklamar komparattiv fl-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, dan il-fatt għandu jgħin sabiex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi. Ir-reklamar komparattiv jista' jistimula wkoll kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-merkanzija u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumatur.

    (7)

    Għandhom jiġu stabbiliti kriterji minimi u oġġettivi sabiex jiġi determinat jekk reklamar huwiex qarrieqi.

    (8)

    Ir-reklamar komparattiv, meta jikkompara karatteristiċi materjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u ma jkunx qarrieqi, jista' jkun mezz leġittimu sabiex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom. Hu siewi li jkun hemm kunċett wiesa' ta' reklamar komparattiv sabiex jirregola l-modi kollha ta' reklamar komparattiv.

    (9)

    Il-kondizzjonijiet għal reklamar komparattiv permess, sa fejn jirrigwarda l-paragun, għandhom ikunu stabbiliti sabiex jistabbilixxu liema prattiċi relatati mar-reklamar komparattiv jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni, ikunu detrimentali għal kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur. Dawn il-kondizzjonijiet ta' reklamar permess għandhom jinkludu kriterji ta' paragun oġġettiv ta' karatteristiċi ta' merkanzija u servizzi.

    (10)

    Il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta' l-awtur kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali għandhom japplikaw meta r-riżultati ta' testijiet komparattivi mwettqa minn terzi jissemmew jew ikunu riprodotti f'reklamar komparattiv;

    (11)

    Il-kondizzjonijiet ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu kumulattivi u rispettati kollha kemm huma. Skond it-Trattat, l-għażla ta' forom u metodi għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet għandhom jitħallew għall-Istati Membri, sakemm dawk il-forom u metodi mhumiex diġà stipulati minn din id-Direttiva.

    (12)

    Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu, b'mod partikulari, konsiderazzjoni għad- dispożizzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-desinjazzjonijiet ta' oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel (5), u b'mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu, u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità adottati fil-qasam agrikolu.

    (13)

    L-Artikolu 5 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks  (6) jagħti drittijiet esklussivi lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata, inkluż id-dritt li jipprevjeni lil terzi milli jużaw, fin-negozju, kull simbolu li jkun identiku jew simili għat-trade mark relattivament għal merkanzija jew servizzi identiċi jew ukoll, fejn ikun il-każ, għal merkanzija oħra.

    (14)

    Madankollu, jistà jkun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jiġu identifikati l-merkanzija jew servizzi ta' kompetitur u li jagħmel referenza għal trade mark jew isem ta' ditta li tagħhom dan ta' l-aħħar ikun il-proprjetarju.

    (15)

    Dan l-użu ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra, ma jiksirx dan id-dritt esklussiv f'każi fejn ikun konformi mal-kondizzjonijiet stipulati minn din id-Direttiva, l-iskop maħsub huwa biss li jiddistingwu bejniethom u b'hekk li oġġettivament joħorġu aħjar id-differenzi.

    (16)

    Il-persuni jew organizzazzjonijiet meqjusa skond il-liġi nazzjonali li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni għandhom ikollhom faċilitajiet sabiex jagħtu bidu għal proċeduri kontra reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti sabiex tiddeċidi dwar l-ilmenti jew sabiex jagħtu bidu għal proċeduri legali xierqa.

    (17)

    Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ikollhom setgħat li bihom ikunu jistgħu jordnaw jew jiksbu l-waqfien ta' reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess. F'ċerti każijiet jista' jkun mixtieq li jipprojbixxu reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess anke qabel dan jiġi ppubblikat. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu regoli li jeħtieġu vvettjar sistematiku minn qabel ta' reklamar.

    (18)

    Il-kontroll volontarju eżerċitat mill-korpi awto-regolatorji sabiex jeliminaw reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi jista' jevita r-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u għandu għalhekk ikun imħeġġeġ.

    (19)

    Waqt li l-oneru tal-prova għandu jiġi stabbilit skond il-liġi nazzjonali, huwa xieraq li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi jkunu jistgħu jobbligaw lill-kummerċjanti jipproduċu prova dwar l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali li jkunu ressqu.

    (20)

    Ir-regolamentazzjoni ta' reklamar komparattiv hija meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Hija għalhekk meħtieġa azzjoni fil-livell Komunitarju. L-adozzjoni ta' Direttiva huwa l-istrument addatt għaliex din tistipula prinċipji uniformi ġenerali fil-waqt li tippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu l-forma u l-metodu xieraq li bihom jilħqu dawn l-għanijiet. Dan ikun skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

    (21)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward it-termini ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u mill-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    “reklamar” tfisser l-għemil ta’ rappreżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

    (b)

    “reklamar qarrieqi” tfisser kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluża l-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew probabbilment iqarraq bil-persuni li lejhom ikun indirizzat jew li għandhom jasal u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, probabbilment jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew probabbilment jagħmel ħsara lil xi kompetitur;

    (ċ)

    “reklamar komparattiv” tfisser kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur;

    (d)

    “kummerċjant” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

    (e)

    “sid ta’ kodiċi” tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh.

    Artikolu 3

    Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tiegħu kollha, u b’mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar:

    (a)

    il-karatteristiċi tal-merkanzija jew servizzi, bħad-disponibbiltà tagħhom, in-natura, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, il-metodu u d-data ta’ manifattura jew provvista, kemm ikunu adattati għall-iskop, l-użu, il-kwantita, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati normalment mistennija mill-użu tagħhom, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi materjali tat-testijiet jew kontrolli mwettqa fuq il-merkanzija jew servizzi;

    (b)

    il-prezz jew il-manjiera li bihom l-prezz jiġi kkalkolat, u l-kondizzjonijiet li bihom il-merkanzija tkun provduta jew is-servizzi jkunu mogħtija;

    (ċ)

    in-natura, l-attributi u d-drittijiet ta’ min jagħmel ir-reklam, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki u l-pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premjijiet u d-distinzjonijiet miksuba minnu.

    Artikolu 4

    Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ma jqarraqx fis-sens ta’ l-Artikoli 2(b), 3 u 8(1) ta’ din id-Direttiva jew ta' l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (7);

    (b)

    jagħmel paragun bejn merkanzija jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

    (ċ)

    jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkanziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

    (d)

    la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew marki oħra distintivi, il-merkanzija, is-servizzi, l-attivitajiet jew iċ-ċirkostanzi ta’ kompetitur;

    (e)

    jirreferi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl-istess titlu;

    (f)

    ma jiħux vantaġġ żlealment mir-reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ kompetitur jew tat-titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti;

    (g)

    ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;

    (h)

    ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta’ xi kompetitur.

    Artikolu 5

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri.

    Tali mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu r-reklamar qarrieqi jew li jirregolaw ir-reklamar komparattiv jistgħu:

    (a)

    jieħdu azzjoni legali kontra tali reklamar;

    jew

    (b)

    iġibu każijiet ta’ tali reklamar quddiem awtorità amministrattiva li jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għal proċedimenti legali adegwati.

    2.   Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema mezz imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħux jesiġu li jkun sar rikors qabel għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6.

    Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:

    (a)

    jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew flimkien kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku;

    u

    (b)

    jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi relevanti jippromwovi in-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.

    3.   Skond id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi setgħat, f’każi fejn iqisu li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa waqt li jikkunsidraw l-interessi involuti kollha u b’mod partikulari l-interess pubbliku:

    (a)

    sabiex jordnaw il-waqfien ta', jew sabiex jistabbilixxu proċedimenti legali xierqa għal ordni għat-twaqqif ta' reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi;,

    jew

    (b)

    jekk ir-reklamar qarrieqi jew ir-reklamar komparattiv kontra l-liġi ma jkunx għadu ppubblikat iżda l-pubblikazzjoni tkun fil-qrib, sabiex jordnaw il-projbizzjoni ta', jew sabiex jistabbilixxu proċeduri legali xierqa għal ordni ta' projbizzjoni ta', din il-pubblikazzjoni.

    L-ewwel subparagrafu japplika ukoll meta m’hemmx prova ta’ telf jew ħsara effettiv jew ta’ intenzjoni jew negliġenza min-naħa tar-reklamant.

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu li għandhom jittieħdu skond proċedura aċċelerata jew b’effett intermedju jew b’effett definittiv, fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri.

    4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi setgħat, bl-għan li jeliminaw l-effetti kontinwi ta' reklamar qarrieqi jew ta' reklamar komparattiv kontra l-liġi li t-terminazzjoni tiegħu kienet ordnata b'deċiżjoni finali:

    (a)

    sabiex jesiġu l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fl-interità jew f’parti u f’dik il-forma li huma jqisu adegwata;

    (b)

    sabiex jesiġu, minbarra dan, il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva.

    5.   L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom:

    (a)

    ikunu kkostitwiti hekk li ma jitfgħux dubbju fuq l-imparzjalità tagħhom;

    (b)

    ikollhom setgħat biżżejjed, fejn huma jiddeċiedu dwar ilmenti, sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament;

    (ċ)

    normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

    6.   Fejn is-setgħat imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 ikunu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, dejjem għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. F’dan il-każ, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal proċeduri li bihom it-twettiq mhux xieraq jew mhux raġonevoli minn awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas mhux xieraq jew mhux raġonevoli tat-twettiq tas-setgħat imsemmija jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll volontarju, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta' reklamar qarrieqi jew komparattiv minn korpi awto-regolatorji u r-rikors għal korpi bħal dawn mill-persuni jew organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) sakemm il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi jkunu addizzjonali għall-proċedimenti fil-qrati jew għall-proċedimenti amministrattivi msemmija f'dak l-Artikolu.

    Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi setgħat sabiex ikunu jistgħu fil-proċeduri ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 5:

    (a)

    jesiġu mir-reklamant prova ta' l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar jekk, b'kont meħud ta' l-interessi leġittimi tar-reklamant u ta' kull parti oħra fil-proċedimenti, tali rekwiżit jidher xieraq fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u fil-każ ta' reklamar komparattiv jesiġu mir-reklamant tali prova f'perjodu qasir ta' żmien;

    u

    (b)

    jikkunsidraw pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova mitluba skond il-punt (a) ma tingħatax jew titqies bħala mhux suffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva.

    Artikolu 8

    1.   Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri.

    L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l-paragun.

    2.   Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar reklamar għal prodotti u/jew servizzi speċifiċi jew għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq reklamar f'media partikulari;

    3.   Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar reklamar komparattiv m'għandhomx jobbligaw lill-Istati Membri li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet ta' reklamar rigward ċerti merkanziji jew servizzi, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività kummerċjali, industrijali, ta' sengħa jew professjonali, sabiex jippermetu reklamar komparattiv rigward dawk il-merkanziji jew servizzi. Fejn dawn il-projbizzjonijiet ikunu limitati għal media partikulari, din id-Direttiva għandha tapplika għall-media li ma tkunx regolata minn dawn il-projbizzjonijiet.

    4.   Xejn f'din id-Direttiva m'għandu jżomm lill-Istati Membri, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, milli iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq l-użu ta' paraguni fir-reklamar ta' servizzi professjonali, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali.

    Artikolu 9

    L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali kollha tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva.

    Artikolu 10

    Id-Direttiva 84/450/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I.

    Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 11

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fit-12 ta' Diċembru 2007.

    Artikolu 12

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. PEKKARINEN


    (1)  Opinjoni ta' l-26 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novemberu 2006

    (3)  ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

    (4)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (5)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (6)  ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 92/10/KEE (ĠU L 6, 11.1.1992, p. 35).

    (7)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.


    ANNESS I

    PARTI A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi suċċessivi tagħha

    Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE

    (ĠU L 250, tas-19.9.1984, p. 17)

     

    Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 290, tas-23.10.1997, p. 18)

     

    Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22)

    l-Artikolu 14 biss

    PARTI B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u applikazzjoni

    (imsemmi fl-Artikolu 10)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    Data ta’ Applikazzjoni

    84/450/KEE

    L-1 ta’ Ottubru, 1986

    97/55/KE

    It-23 ta’ April 2000

    2005/29/KE

    12 ta’ Ġunju 2007

    12 ta’ Diċembru 2007


    ANNESS II

    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Direttiva 84/450/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2, kliem introduttorju

    Artikolu 2, kliem introduttorju

    Artikolu 2(1)

    Artikolu 2(a)

    Artikolu 2(2)

    Artikolu 2(b)

    Artikolu 2(2a)

    Artikolu 2(c)

    Artikolu 2(3)

    Artikolu 2(d)

    Artikolu 2(4)

    Artikolu 2(e)

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 3a(1)

    Artikolu 4

    Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

    Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza

    Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 4(1) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 4(1) it-tielet subparagrafu

    Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju

    Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju

    Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

    Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu punt (a)

    Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż

    Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu punt (b)

    Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, kliem finali

    Artikolu 5(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

    Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

    Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

    Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, kliem finali

    Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu kliem introduttorju

    Artikolu 5(4) kliem introduttorju

    Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu l-ewwel inċiż

    Artikolu 5(4) (a)

    Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu it-tieni inċiż

    Artikolu 5(4) (b)

    Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 5(5)

    Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 5(6)

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 7(1)

    Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 7(2)

    Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 7(3)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 7(4)

    Artikolu 8(3)

    Artikolu 7(5)

    Artikolu 8(4)

    Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8, it-tieni subparagrafu

    Artikolu 9

    Artikolu 10

    Artikolu 11

    Artikolu 9

    Artikolu 12

    Anness I

    Anness II


    Top