Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0031

Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

OJ L 153, 18.6.2010, p. 13–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 003 P. 124 - 146

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/31/oj

18.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/13


DIRETTIVA 2010/31/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Mejju 2010

dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

(tfassil mill-ġdid)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (4) ġiet emendata (5). Billi għandhom isiru aktar emendi sostantivi, id-Direttiva għandha tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

L-użu effiċjenti, prudenti, razzjonali u sostenibbli tal-enerġija japplika inter alia għal prodotti taż-żejt, gass naturali u karburanti solidi, li huma sorsi essenzjali ta’ enerġija, iżda huma wkoll is-sorsi ewlenin ta’ ħruġ ta’ dijossidu tal-karbonju.

(3)

Il-bini jirrapreżenta 40 % tal-konsum totali tal-enerġija fl-Unjoni. Is-settur qiegħed jespandi, u għalhekk x’aktarx jiżdied il-konsum tiegħu tal-enerġija. Għaldaqstant, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli fis-settur tal-bini jikkostitwixxu miżuri importanti sabiex jitnaqqsu d-dipendenza fuq l-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni. Flimkien ma’ użu akbar ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli, miżuri meħuda biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fl-Unjoni jippermettu lill-Unjoni tikkonforma mal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u tonora kemm l-impenn tagħha għall-perijodu fit-tul li żżomm iż-żieda fit-temperatura dinjija taħt it-2 °C, kif ukoll l-impenn tagħha li, sal-2020, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra inġenerali jitnaqqsu b’mill-inqas 20 % taħt il-livelli tal-1990, u bi 30 % fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali. Il-konsum imnaqqas tal-enerġija u użu akbar ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli għandhom ukoll sehem importanti fil-promozzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, żviluppi teknoloġiċi, u fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-impjiegi u l-iżvilupp reġjonali, b’mod partikolari f’żoni rurali.

(4)

L-amministrazzjoni tad-domanda għall-enerġija hija għodda importanti sabiex il-Komunità tkun tista’ tinfluwenza s-suq globali tal-enerġija u b’ hekk is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fuq tul ta’ żmien medju u twil.

(5)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 saħaq dwar il-ħtieġa li titkabbar l-effiċjenza tal-enerġija fl-Unjoni sabiex jintlaħaq l-għan tat-tnaqqis b’20 % tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni sal-2020 u sejjaħ għal implimentazzjoni bir-reqqa u rapida tal-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija: it-Twettiq tal-Potenzjal”. Dak il-Pjan ta’ Azzjoni identifika l-potenzjal sinifikanti għal iffrankar tal-enerġija b’mod kost-effettiv fis-settur tal-bini. Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2008, sejjaħ għat-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/91/KE. u appella f’diversi okkażjonijiet, l-aktar reċenti fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Frar 2009 dwar it-Tieni Reviżjoni Strateġika relatata mal-Enerġija, biex il-mira ta’ effiċjenza tal-enerġija ta’ 20 % fl-2020 issir vinkolanti. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020 (6), tistabbilixxi miri li jorbtu fuq livell nazzjonali għat-tnaqqis tas-CO2 fir-rigward tal-użu effiċjenti tal-enerġija fis-settur tal-bini ser tkun kruċjali, u d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli (7) tipprevedi l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li trid tintlaħaq għall-enerġija minn sorsi rinovabbli li jammontaw għal 20 % tal-konsum tal-enerġija totali tal-Unjoni sal-2020.

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 afferma mill-ġdid l-impenn tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-enerġija minn sorsi rinovabbli fl-Unjoni kollha billi approva mira obbligatorja li sal-2020 20 % tal-enerġija tkun tiġi minn sorsi rinovabbli. Id-Direttiva 2009/28/KE tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinovabbli.

(7)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti aktar azzjonijiet konkreti sabiex jinkiseb il-potenzjal enormi għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini u jitnaqqsu d-differenzi kbar fir-riżultati tal-Istati Membri f’dan is-settur.

(8)

Miżuri sabiex jittejjeb ulterjorment ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandhom jieħdu kont tal-kondizzjonijiet klimatiċi u lokali kif ukoll l-ambjent klimatiku intern u l-kost-effettività. Dawn il-miżuri m’għandhomx jaffettwaw rekwiżiti oħra dwar bini bħall-aċċessibbiltà, is-sikurezza u l-użu intiż għal dak il-bini.

(9)

Ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandu jkun ikkalkolat fuq il-bażi ta’ metodoloġija, li tista’ tvarja bejn il-livell nazzjonali u dak reġjonali. Dik tinkludi, flimkien mal-karatteristiċi termiċi, fatturi oħra li għandhom rwol dejjem aktar importanti bħal istallazzjonijiet tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata, l-applikazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli, elementi ta’ tisħin u tkessiħ passiv, dell, kwalità tal-arja interna, dawl naturali adegwat u d-disinn tal-bini. Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-istaġun li matulu jkun meħtieġ it-tisħin, iżda għandu jkopri r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija matul is-sena kollha. Dik il-metodoloġija għandha tieħu kont tal-istandards Ewropej eżistenti.

(10)

Hija r-responsabbiltà unikament tal-Istati Membri li jiffissaw rekwiżiti minimi għar-rendiment tal-bini u l-elementi tal-bini fl-użu tal-enerġija. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu ffissati bil-għan li jintlaħaq bilanċ kost-ottimali bejn l-investimenti involuti u l-ispejjeż tal-enerġija ffrankati tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu rekwiżiti minimi li huma aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija minn livelli ta’ effiċjenza kost-ottimali fl-enerġija. Għandu jkun hemm provvediment għal possibilità li l-Istati Membri jirrevedu regolarment r-rekwiżiti minimi tagħhom tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fid-dawl tal-progress tekniku.

(11)

L-objettiv ta’ livelli ta’ effiċjenza kost-effettivi jew kost-ottimali fl-enerġija, jista’, f’ċerti ċirkustanzi fid-dawl ta’ differenzi klimatiċi, jiġġustifika l-iffissar mill-Istati Membri ta’ rekwiżiti kost-effettivi jew kost-ottimali għall-elementi tal-bini li fil-prattika jillimitaw l-installazzjoni ta’ prodotti tal-bini li jikkonformaw mal-istandards stabbiliti mill-leġislazzjoni tal-Unjoni, sakemm tali rekwiżiti ma jikkostitwux ostaklu mhux ġustifikabbli għas-suq.

(12)

Fl-iffissar ta’ rekwiżiti għar-rendiment fl-użu tal-enerġija tas-sistemi tekniċi użati fil-bini, l-Istati Membri għandhom jużaw, fejn disponibbli u adatti, strumenti armonizzati, b’mod partikolari metodi ta’ ttestjar u kalkolu u klassijiet ta’ effiċjenza tal-enerġija żviluppati skont miżuri li jimplimentaw id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (8) u Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ tikettar u permezz ta’ informazzjoni standard fuq il-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti relatati mal-enerġija (9), bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza ma’ inizjattivi relatati u li, sa fejn hu possibbli, tiġi minimizzata l-frammentazzjoni potenzjali tas-suq.

(13)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). It-terminu “inċentiv” użat f’din id-Direttiva m’għandux għalhekk jiġi interpretat bħala li jikkostitwixxi Għajnuna mill-istat.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu ta’ livelli kost-ottimali għar-rekwiżiti minimi tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom jużaw dan il-qafas biex iqabblu r-riżultati mar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jkunu adottaw. Jekk ikunu jeżistu diskrepanzi sinifikanti, jiġifieri li jaqbżu l-15 %, bejn il-livelli kost-ottimali kkalkolati tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw id-differenza jew jippjanaw passi adatti biex inaqqsu d-diskrepanza. Iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika ta’ bini jew ta’ element tal-bini għandu jkun iddeterminat mill-Istati Membri, b’kont meħud tal-prattiċi attwali u l-esperjenza fid-definizzjoni ta’ ċikli tipiċi ta’ ħajja ekonomika. Ir-riżultati ta’ dan it-tqabbil u d-data użata biex jinkisbu dawn ir-riżultati għandhom jiġu rrapurtati regolarment lill-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fl-Istati Membri sabiex intlaħqu livelli kost-ottimali dwar rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

(15)

Il-bini għandu impatt fit-tul fuq il-konsum tal-enerġija. Minħabba ċ-ċiklu twil ta’ rinovazzjoni għal bini eżistenti, bini ġdid u bini eżistenti li huwa soġġett għal rinovazzjoni maġġuri, għandu għaldaqstant jissodisfa rekwiżiti minimi tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija adattati għall-klima lokali. Ladarba l-applikazzjoni ta’ sistemi alternattivi ta’ provvista tal-enerġija ma tiġix ġeneralment mistħarrġa sal-potenzjal kollu tagħha, sistemi ta’ provvista ta’ enerġija alternattiva għandhom ikunu meqjusa għal bini ġdid, ikun xi jkun id-daqs tagħhom skont il-prinċipju li l-ewwel ikun żgurat li l-ħtiġijiet ta’ enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ jitnaqqsu għal livelli kost-ottimali.

(16)

Rinnovament maġġur f’bini eżistenti, ikun xi jkun id-daqs tiegħu, jipprovdi opportunità sabiex jittieħdu miżuri kost-effettivi sabiex jiġi mtejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Għal raġunijiet ta’ kost-effettività, għandu jkun possibbli li jiġu limitati r-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-partijiet rinovati li huma l-aktar rilevanti għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jiddefinixxu “rinovazzjoni maġġuri” jew f’termini ta’ persentaġġ tal-erja totali tal-uċuħ ta’ barra tal-bini jew f’termini tal-valur tal-bini. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jiddefinixxi rinovazzjoni maġġuri f’termini tal-valur tal-bini, jistgħu jintużaw valuri bħall-valur attwarjali, jew il-valur kurrenti bbażat fuq l-ispiża tal-bini mill-ġdid, eskluż il-valur tal-art li fuqha jkun jinsab il-bini.

(17)

Huma meħtieġa miżuri biex jiżdied l-għadd ta’ bini li mhux biss jissodisfa r-rekwiżiti minimi kurrenti tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, imma li huwa ukoll aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, biex b’hekk jitnaqqsu kemm il-konsum tal-enerġija kif ukoll l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet nazzjonali għal żieda fl-għadd ta’ bini b’użu ta’ kważi żero enerġija u jirrapportaw regolarment tali pjanijiet lill-Kummissjoni.

(18)

Strumenti finanzjarji tal-Unjoni u miżuri oħra qed jiġu stabbiliti jew adattati bil-għan li jkunu stimulati miżuri relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Tali strumenti finanzjarji fil-livell tal-Unjoni jinkludu, inter alia, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (10), emendat biex ikunu possibbli aktar investimenti għall-użu effiċjenti tal-enerġija fl-akkomodazzjoni; is-sħubija pubbliku-privat dwar inizjattiva “Bini Ewropew Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija” biex ikunu promossi teknoloġiji favur l-ambjent u l-iżvilupp ta’ sistemi u materjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’bini ġdid u rinovat; l-inizjattiva KE-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) “Inizjattiva tal-UE għall-Finanzjament ta’ Enerġija Rinovabbli” li għandha l-għan li tippermetti, inter alia, investimenti għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-“Fond Marguerite” mmexxi mill-BEI: il-Fond Ewropew għall-Enerġija, it-Tibdil fil-Klima u l-Infrastruttura 2020; id-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal-5 ta’ Mejju 2009 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (11); l-istrument tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni Jeremie (Riżorsi Ewropej Konġunti għall-Intrapriżi minn Mikro sa Daqs Medju); il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija; il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, inkluż il-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa II, iffokat speċifikament fuq it-tneħħija tal-ostakli għas-suq relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija minn sorsi rinovabbli permezz, pereżempju, tal-faċilità ta’ assistenza teknika ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali); il-Patt tas-Sindki; il-Programm ta’ Intraprenditorija u Innovazzjoni; il-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT 2010, u s-Seba’ Programm Qafas dwar ir-Riċerka. Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp jipprovdi ukoll finanzjament bil-għan li jkunu stimulati miżuri relatati mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

(19)

L-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni għandhom jintużaw biex jingħata effett prattiku lill-objettivi ta’ din id-Direttiva, mingħajr, madankollu, ma jiġu sostitwiti miżuri nazzjonali. B’mod partikolari, dawn għandhom jintużaw biex ikunu provduti mezzi adatti u innovattivi ta’ finanzjament biex ikun katalizzat l-investiment f’miżuri ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Dawn jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ fondi, strumenti, jew mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u lokali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jagħtu possibbiltajiet ta’ finanzjament tali lill-proprjetarji ta’ proprjetà privata, lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u lill-kumpanniji li joffru servizzi li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(20)

Sabiex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni adegwata, l-Istati Membri għandhom ifasslu listi ta’ miżuri eżistenti u proposti, inkluż dawk ta’ natura finanzjarja, minbarra dawk meħtieġa minn din id-Direttiva, li jippromwovu l-objettivi ta’ din id-Direttiva. Il-miżuri eżistenti u proposti elenkati mill-Istati Membri jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ostakli legali eżistenti u dawk għas-suq u li jħeġġu l-investimenti u/jew attivitajiet oħra biex jiżdied ir-rendiment tal-bini ġdid u eżistenti fl-użu tal-enerġija, biex b’hekk jikkontribwixxu sabiex potenzjalment titnaqqas l-iskarsezza tal-enerġija. Tali miżuri jistgħu jinkludu, iżda m’għandhomx ikunu limitati għal, assistenza u konsulenza teknika mingħajr ħlas jew sussidjati, sussidji diretti, skemi ta’ self sussidjat jew self b’rati ta’ interessi baxxi, skemi ta’ għotjiet u skemi ta’ granazija ta’ self. L-awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħra li jipprovdu dawk il-miżuri ta’ natura finanzjarja jistgħu jorbtu l-applikazzjoni ta’ tali miżuri mar-rendiment fl-użu tal-enerġija indikata u r-rakkomandazzjonijiet miċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

(21)

Sabiex jiġi limitat il-piż tar-rapportar tal-Istati Membri, għandu jkun possibbli li jiġu integrati r-rapporti meħtieġa minn din id-Direttiva fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija (12). Is-settur pubbliku f’kull Stat Membru għandu jkun minn ta’ quddiem fil-qasam tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u għalhekk il-pjanijiet nazzjonali għandhom jistabbilixxu miri aktar ambizzjużi għall-bini okkupat mill-awtoritajiet pubbliċi.

(22)

Ix-xerrej u l-inkwilin prospettiv ta’ bini jew unità ta’ bini għandhom, fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jingħataw informazzjoni korretta dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u pariri prattiċi dwar it-titjib ta’ tali rendiment. Kampanji ta’ informazzjoni jistgħu jservu biex iħeġġu ulterjorment lill-proprjetarji u l-inkwilini biex itejbu r-rendiment tal-bini jew l-unità tal-bini tagħhom fl-użu tal-enerġija. Il-proprjetarji u l-inkwilini ta’ bini kummerċjali għandhom ukoll ikunu mħeġġa jiskambjaw informazzjoni dwar il-konsum reali ta’ enerġija sabiex ikun żgurat li tkun disponibbli d-data kollha biex jittieħdu deċiżjonijiet informati dwar it-titjib neċessarju. Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt attwali tat-tisħin u tat-tkessiħ fuq il-ħtiġijiet tal-enerġija tal-bini, dwar il-konsum tal-enerġija primarja u dwar l-emissjonijiet tiegħu tad-dijossidu tal-karbonju.

(23)

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu ta’ eżempju u għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Fil-pjanijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinkludu miżuri biex jappoġġaw lill-awtoritajiet pubbliċi biex jadottaw kmieni titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija malli dan ikun fattibbli.

(24)

Bini okkupat minn awtoritajiet pubbliċi u bini li spiss jintuża mill-pubbliku għandhom ikunu ta’ eżempju billi juru li qed jittieħdu konsiderazzjonijiet ambjentali u ta’ enerġija u għaldaqstant dan il-bini għandu jkun suġġett għal ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fuq bażi regolari. Id-disseminazzjoni tal-informazzjoni lill-pubbliku dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jkun imtejjeb billi dawn iċ-ċertifikati tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jkunu murija b’mod ċaru, b’mod partikolari f’bini ta’ ċertu daqs li jkunu okkupati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li huma użati ta’ spiss mill-pubbliku bħal ħwienet u ċentri tax-xiri, supermarkets, ristoranti, teatri, banek u lukandi.

(25)

L-aħħar snin raw żieda fin-numru ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata fil-pajjiżi Ewropej. Dan jikkawża problemi konsiderevoli fil-ħinijiet l-aktar intensivi, li jżidu l-prezz tal-elettriku u jiddisturbaw il-bilanċ tal-enerġija. Għandha tingħata prijorità lil strateġiji li jtejbu r-rendiment termiku tal-bini matul il-perijodu tas-sajf. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm enfasi fuq miżuri li jevitaw li l-bini jisħon iżżejjed, bħal ħolqien ta’ dellijiet u kapaċità termali suffiċjenti fil-kostruzzjoni tal-bini, u għandhom ikunu żviluppati u applikati aktar tekniki ta’ tkessiħ passiv, primarjament dawk li jtejbu l-kondizzjonijiet klimatiċi interni u l-mikro-klima madwar il-bini.

(26)

Il-Manutenzjoni u l-ispezzjoni regolari ta’ sistemi ta’ tisħin u l-arja kkondizzjonata minn persuni kkwalifikati tikkontribwixxi sabiex jinżamm l-aġġustament korrett skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u b’hekk jiġi żgurat ir-rendiment ottimali minn perspettiva ambjentali, ta’ sigurtà u tal-użu tal-enerġija. Għandu jkun hemm assessjar fuq bażi indipendenti tas-sistema kollha tat-tisħin u l-arja kkondizzjonata f’intervalli regolari tul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema, speċjalment qabel ma tiġi sostitwita jew imtejba. Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv fuq il-proprjetarji jew l-inkwilini tal-bini, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex kemm jista’ jkun jgħaqdu flimkien l-ispezzjonijiet u ċ-ċertifikazzjonijiet.

(27)

Approċċ komuni għaċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u għall-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u l-arja kkondizzjonata, magħmula minn esperti kkwalifikati u/jew akkreditati, li l-indipendenza tagħhom għandha tkun iggarantita fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi, se jikkontribwixxi għal livell ekwu fejn jidħlu l-isforzi fl-Istati Membri sabiex ma jkunx hemm ħela ta’ enerġija fil-qasam tal-bini u se jintroduċi trasparenza għall-proprjetarji u l-utenti prospettivi fejn għandu x’jaqsam ir-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-suq tal-proprjetà fl-Unjoni. Sabiex tkun żġurata l-kwalità taċ-ċertifikati tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u tal-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u l-arja kkondizzjonata madwar l-Unjoni, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kontroll indipendenti f’kull Stat Membru.

(28)

Ladarba l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ din id-Direttiva, huma għandhom jiġu kkonsultati u involuti, skont kif u meta jkun meħtieġ bil-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli, dwar kwistjonijiet ta’ ppjanar, l-iżvilupp ta’ programmi biex jipprovdu informazzjoni, tkattir tat-tagħrif, u dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fuq livell nazzjonali jew reġjonali. Tali konsultazzjonijiet jistgħu jservu wkoll biex ikun promoss il-forniment ta’ gwida adegwata lill-pjanifikaturi u lill-ispetturi tal-bini lokali biex iwettqu l-kompiti neċessarji. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jippermettu u jħeġġu lill-periti u lill-pjanifikaturi biex jikkunsidraw bl-aħjar mod kif ilaqqgħu bl-aktar mezz ottimali t-titjib fl-użu effiċjenti tal-enerġija l-użu ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli u l-użu ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali waqt l-ippjanar, l-iddisinjar, il-bini u r-rinovazzjoni ta’ żoni industrijali jew residenzjali.

(29)

L-installaturi u l-bennejja huma kritiċi għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ din id-Direttiva. Għaldaqstant, numru adegwat ta’ installaturi u bennejja għandhom, permezz ta’ taħriġ u miżuri oħra, ikollhom il-livell adatt ta’ kompetenza għall-installazzjoni u l-integrazzjoni tat-teknoloġija effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinovabbli meħtieġa.

(30)

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (13) fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta’ esperti professjonali li huma indirizzati minn din id-Direttiva, u l-Kummissjoni għandha tkompli bl-attivitajiet tagħha taħt il-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa fir-rigward ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet għal standards għat-taħriġ ta’ tali esperti professjonali.

(31)

Sabiex tiġi msaħħa t-trasparenza tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-settur tal-proprjeta’ mhux residenzjali fl-Unjoni, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għal skema għaċ-ċertifikazzjoni volontarja komuni tar-rendiment ta’ bini mhux residenzjali fl-użu tal-enerġija. Skont l-Artikolu 291 TFUE, regoli u prinċipji ġenerali li jikkonċernaw mekkaniżmi għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu stabbiliti minn qabel permezz ta’ Regolament adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Sa meta ssir l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament il-ġdid, għandha tkompli tapplika d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (14), ħlief għal proċedura regolatorja bi skrutinju, li mhijiex applikabbli.

(32)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati b’mod konformi mal-Artikolu 290 TFEU fir-rigward tal-addattament għall-progress tekniku ta’ ċerti partijiet tal-qafas ġenerali stabbilit fl-Anness I, u fir-rigward tal-iffissar ta’ qafas metodoloġiku għall-kalkolu ta’ livelli kost-ottimali ta’ rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adegwati matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell espert.

(33)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba l-kumplessità tas-settur tal-bini u n-nuqqas ta’ ħila tas-swieq nazzjonali tal-proprjetà li jindirizzaw b’mod xieraq l-isfidi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipji tal-proporzjonalità, kif stabbiliti f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dak il-għan.

(34)

L-obbligu tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 2002/91/KE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti huwa naxxenti minn dik id-Direttiva.

(35)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/91/KE.

(36)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (15), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli proprji tagħhom, li juru, kemm jista’ jkun, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tippromwovi t-titjib fir-rendiment tal-bini fl-użutal-enerġija fi ħdan l-Unjoni, b’kont meħud tar-rekwiżiti tal-klima esterna u kondizzjonijiet lokali, kif ukoll rekwiżiti tal-klima interna u l-kost-effettività.

2.   Din id-Direttiva tispeċifika rekwiżiti dwar:

(a)

il-qafas ġenerali komuni għal metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini u ta’ unitajiet ta’ bini fl-użu integrat tal-enerġija;

(b)

l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment ta’ bini ġdid u ta’ unitajiet ta’ bini ġdid fl-użu tal-enerġija;

(c)

l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’:

(i)

bini eżistenti, unitajiet ta’ bini u elementi tal-bini li huma suġġetti għal rinovazzjoni maġġuri,

(ii)

elementi tal-bini li jiffurmaw parti mill-involukru tal-bini u li għandhom impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija meta jkunu rranġati jew mibdula, u

(iii)

sistemi tekniċi tal-bini kull darba li dawn jiġu installati, mibdula jew imtejjeba;

(d)

pjanijiet nazzjonali għal żieda fl-għadd ta’ bini b’użu ta’ enerġija ta’ kważi żero;

(e)

iċ-ċertifikazzjoni tal-użu tal-enerġija fil-bini jew ta’ unitajiet tal-bini;

(f)

spezzjoni regolari tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata fil-bini;

(g)

sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija u rapporti ta’ spezzjonijiet.

3.   Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva huma rekwiżiti minimi u m’għandhomx jipprevjenu lill kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri aktar strinġenti. Tali miżuri għandhom ikunu kompatibbli mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bini” tfisser kostruzzjoni msaqqfa u bil-ħitan, li għaliha tintuża l-enerġija sabiex tkun ikkondizzjonata l-klima interna;

(2)

“bini b’użu ta’ kważi żero enerġija” tfisser bini li għandu rendiment tajjeb ħafna fl-użu tal-enerġija kif determinat skont l-Anness I. Il-kważi żero enerġija jew l-ammont baxx ħafna ta’ enerġija meħtieġa għandha tiġi fil-maġġor parti tagħha minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli, inkluża minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli prodotta fuq il-post jew fil-qrib;

(3)

“sistema teknika użata fil-bini” tfisser tagħmir tekniku li jipprovdi għat-tisħin, għat-tkessiħ, għall-ventilazzjoni, għall-misħun, għad-dawl jew għal kumbinazzjoni ta’ dawn, ta’ bini jew unità ta’ bini;

(4)

“rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija ta’ bini” tfisser l-ammont ta’ enerġija kkalkolata jew imkejjla meħtieġa biex tilħaq id-domanda ta’ enerġija assoċjata mal-użu tipiku tal-bini, li jista’ jinkludi, inter alia, enerġija użata għat-tisħin, tkessih, ventilazzjoni, misħunu dawl;

(5)

“enerġija primarja” tfisser enerġija minn sorsi rinovabbli jew non-rinovabbli li ma għaddiet minn ebda proċess ta’ konverżjoni jew trasformazzjoni;

(6)

“enerġija minn sorsi rinovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli tfisser l-enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’ mod partikolari enerġija mir-riħ, mix-xemx, dik aerotermika, ġeotermika, idrotermika u oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass mill-miżbla, gass minn impjanti għat-trattament tad-dranaġġ u bijogassijiet;

(7)

“involukru tal-bini” tfisser l-elementi integrati tal-bini li jifirdu l-intern tiegħu mill-ambjent estern;

(8)

“unità ta’ bini” tfisser taqsima, sular jew appartament f’bini li hi ddisinjata jew mibdula biex tkun tista’ tintuża separatament;

(9)

“element tal-bini” tfisser sistema teknika użata fil-bini jew element tal-involukru tal-bini;

(10)

“rinovazzjoni maġġuri” tfisser rinovazzjoni f’bini meta:

(a)

l-ispiża totali għar-rinovazzjoni marbuta mal-involukru tal-bini jew is-sistemi tekniċi użati fil-bini tkun ogħla minn 25 % tal-valur tal-bini, eskluż il-valur tal-art li fuqha qiegħed il-bini, jew

(b)

aktar minn 25 % tal-erja tal-uċuħ tal-involukru tal-bini tkun rinovata.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw il-possibbiltà (a) jew (b);

(11)

“standard Ewropew” tfisser standard adottat mill-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni, il-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni Elettroteknika jew l-Istitut Ewropew dwar l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni, u magħmul disponibbli għall-użu pubbliku;

(12)

“ċertifikat dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija” tfisser ċertifikat rikonoxxut minn Stat Membru jew minn persuna ġuridika magħżula minnu, li jindika r-rendiment ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini fl-użu tal-enerġija, kkalkolata skont metodoloġija adottata skont l-Artikolu 3;

(13)

“koġenerazzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni simultanja fi proċess wieħed ta’ enerġija termika u enerġija elettrika u/jew mekkanika;

(14)

“livell kost-ottimali” tfisser il-livell tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jwassal għall-anqas spiża tul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika tal-bini, fejn:

(a)

l-anqas spejjeż jiġu ddeterminati billi jittieħed kont tal-ispejjeż relatati mal-investiment fuq l-enerġija, l-ispejjeż tal-manutenzjoni u tal-operat (inklużi l-ispejjeż u l-iffrankar tal-enerġija, il-kategorija tal-bini kkonċernat, qligħ mill-enerġija prodotta), fejn applikabbli, u spejjeż tar-rimi, fejn applikabbli, u

(b)

iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika għandu jiġi ddeterminat minn kull Stat Membru. Dan jirreferi għall-bqija taċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika ta’ bini fejn ir-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jkunu stabbiliti għall-bini kollu, jew għaċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika mistenni ta’ element tal-bini fejn ir-rekwiżiti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija huma stabbiliti għall-elementi tal-bini.

Il-livell kost-ottimali għandu jkun fil-firxa ta’ livelli li joħorġu mir-rendiment meta l-analiżi tal-kost-benefiċċju kkalkolat matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika jirriżulta pożittiv;

(15)

“sistema ta’ arja kkondizzjonata” tfisser numru ta’ komponenti magħqudin li jkunu meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament tal-arja interna, li permezz tagħhom it-temperatura hija kkontrollata jew tista’ titbaxxa;

(16)

“bojler” tfisser il-qafas tal-bojler ikkumbinat mal-unità tal-ħruq li ġew iddisinjati sabiex flimkien jittrażmettu s-sħana li tinħoloq bil-ħruq u tiġi trażmessa fil-fluwidi;

(17)

“saħħa effettiva” tfisser l-ogħla saħħa kalorifika, espress f’ kW speċifikata u ggarantita mill-manifattur bħala dik li toħroġ waqt tħaddim kontinwu b’konformita’ mal-effiċjenza utilizzabbli indikata mill-manifattur;

(18)

“pompa tas-sħana” tfisser magna, apparat jew installazzjoni li tittrasferixxi s-sħana minn ambjenti naturali bħall-arja, l-ilma jew l-art għal ġewwa l-bini jew applikazzjonijiet industrijali billi jreġġgħu lura l-fluss naturali tas-sħana b’mod li timxi minn temperatura aktar baxxa għal waħda aktar għolja. Għall-pompi tas-sħana riversibbli, jistgħu wkoll imexxu s-sħana mill-bini għall-ambjent naturali tal-madwar;

(19)

“tisħin distrettwali” jew “tkessiħ distrettwali” tfisser id-distribuzzjoni ta’ enerġija termika f’forma ta’ fwar, ilma sħun jew likwidi mkessħin, minn sors ta’ produzzjoni ċentrali permezz ta’ network lill-bini jew siti multipli, għall-użu ta’ tisħin jew tkessiħ ta’ spazju jew proċess.

Artikolu 3

Adozzjoni ta’ metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija

L-Istati Membri għandhom japplikaw metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija skont il-qafas ġenerali komuni speċifikat fl-Anness I.

Din il-metodoloġija għandha tiġi adottata fuq livell nazzjonali jew reġjonali.

Artikolu 4

Iffissar tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti minimi tar-rendiment ta’ bini jew ta’ unitajiet ta’ bini fl-użu tal-enerġija, jiġu ffissati bil-għan li jinkisbu livelli kost-ottimali. Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija għandha tiġi kkalkolata skont il-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 3. Il-livelli kost-ottimali għandhom jiġu kkalkolati skont il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva msemmi fl-Artikolu 5 ladarba din il-metodoloġija tkun stabbilita.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jiġu ffissati għall-elementi tal-bini li jiffurmaw parti mill-involukru tal-bini u li għandhom impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija meta jiġu mibdula jew rinovati, bil-ħsieb li jinkisbu livelli kost-ottimali.

Meta jiffissaw ir-rekwiżiti, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn kategoriji ta’ bini ġdid u bini eżistenti u bejn kategoriji differenti ta’ bini.

Dawn ir-rekwiżiti għandhom jieħdu kont tal-kondizzjonijiet klimatiċi interni, sabiex jiġu evitati effetti negattivi possibbli bħal ventilazzjoni mhux adegwata, kif ukoll il-kondizzjonijiet lokali u l-funzjoni mogħtija u l-età tal-bini.

Stat Membru m’għandux ikun rikjest jiffissa rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, li mhumiex kost-effettivi matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika.

Ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom jiġu riveduti f’intervalli regolari li m’ għandhomx ikunu itwal minn ħames snin u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jiġu aġġornati sabiex jirriflettu progress tekniku fil-qasam tal-bini.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jiffissawx jew li ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għall-kategoriji tal-bini li ġejjin:

(a)

bini protett uffiċjalment bħala parti minn ambjent deżinjat jew minħabba l-mertu speċjali arkitettoniku jew storiku tiegħu, safejn il-konformità ma’ ċerti rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ma talterax b’mod inaċċettabli il-karattru jew l-apparenza tiegħu;

(b)

bini użat bħala postijiet ta’ qima u għal attivitajiet reliġjużi;

(c)

bini temporanju b’perijodu ta’ użu ta’ sentejn jew anqas, siti industrijali, postijiet tax-xogħol u bini agrikolu mhux residenzjali b’domanda baxxa ta’ enerġija u bini agrikolu mhux residenzjali li huma użati minn settur kopert minn ftehim settorjali dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija;

(d)

bini residenzjali li huwa użat jew maħsub sabiex jintuża jew għal inqas minn erba’ xhur ta’ matul is-sena jew, inkella, għal żmien limitat ta’ kull sena u b’konsum ta’ enerġija maħsub li jkun ta’ inqas minn 25 % ta’ dak li x’aktarx jirriżulta li kieku jintuża s-sena kollha;

(e)

bini maqtugħ għalih b’erja totali ta’ art utilizzabbli ta’ anqas minn 50 m2.

Artikolu 5

Il-kalkolu tal-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   Il-Kummissjoni għandha permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 23, 24 u 25, sat-30 ta’ Ġunju 2011, tistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kost-ottimali għar-rekwiżiti minimi tar-rendiment ta’ bini u ta’ elementi ta’ bini fl-użu tal-enerġija.

Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jiġi stabbilit skont l-Anness III u għandu jiddistingwi bejn bini ġdid u dak eżistenti u bejn kategoriji differenti ta’ bini.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw il-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija billi jużaw il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva stabbilit skont il-paragrafu 1 u parametri rilevanti, bħall-kondizzjonijiet klimatiċi u l-aċċessibbiltà prattika tal-infrastruttura tal-enerġija, u jqabblu r-riżultati ta’ dan il-kalkolu mar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija li huma fis-seħħ.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-data kollha mdaħħla u l-assunzjonijiet kollha użati għal dawn il-kalkoli u r-riżultati ta’ dawk il-kalkoli. Ir-rapport jista’ jiġi inkluż fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni f’intervalli regolari, li ma għandhomx ikunu itwal minn ħames snin. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2012.

3.   Jekk ir-riżultat tal-paragun li jsir f’konformità mal-paragrafu 2 juri li r-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija fis-seħħ huma b’mod sinifikanti anqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija mill-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiġġustifika din id-differenza bil-miktub lill-Kummissjoni fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, akkumpanjat, sal-punt li d-differenza ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata, bi pjan li juri passi maħsuba sabiex inaqqsu b’mod sinifikanti id-differenza sar-reviżjoni li jmiss tar-rekwiżiti minimi ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija kif imsemmija fl-Artikolu 4(1).

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar il-progress li intlaħaq mill-Istati Membri rigward il-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

Artikolu 6

Bini ġdid

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li bini ġdid jissodisfa r-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija iffissati skont l-Artikolu 4.

Għal bini ġdid l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel ma tibda l-kostruzzjoni, tiġi kkunsidrata u meqjusal-vijabilità teknika, ambjentali u ekonomika ta’ sistemi alternattivi ta’ effiċjenza għolja bħal dawk elenkati hawn taħt, jekk disponibbli:

(a)

sistemi ta’ provvista deċentralizzata tal-enerġija bbażata fuq enerġija minn sorsi rinovabbli;

(b)

koġenerazzjoni;

(c)

tisħin jew tkessiħ ta’ distrett jew ta’ blokk, partikolarment fejn ikunu jiddependu kompletament jew parzjalment minn enerġija li ġejja minn sorsi rinovabbli;

(d)

pompi tas-sħana.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-analiżi tas-sistemi alternattivi msemmija fil-paragrafu 1 tkun dokumentata u disponibbli għal finijiet ta’ verifika.

3.   Dik l-analiżi ta’ sistemi alternattivi tista’ ssir għal bini individwali jew għal gruppi ta’ bini simili jew bini b’tipoloġiji komuni li qegħdin fl-istess żona. Safejn huma konċernati sistemi kollettivi ta’ tisħin jew tkessiħ, l-analiżi tista’ ssir għall-bini kollu konness mas-sistema fl-istess post.

Artikolu 7

Bini eżistenti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li meta xi bini jgħaddi minn rinovazzjoni maġġuri, ir-rendiment tal-bini jew tal-parti minnu rinovata fl-użu tal-enerġija tiġi aġġornata sabiex tissodisfa r-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija stabbiliti skont l-Artikolu 4 sa fejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament vijabbli.

Dawk ir-rekwiżiti għandhom jiġu applikati għall-bini rinovat jew l-unità tal-bini li jiġi meqjus bħala ħaġa waħda. Addizzjonalment jew alternattivament, jistgħu jiġu applikati rekwiżiti għall-elementi rinovati tal-bini.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li meta element tal-bini li jifforma parti mill-involukru tal-bini u għandu impatt sinifikanti fuq ir-rendiment tal-involkru tal-bini fl-użu tal-enerġija, meta jkun ġie irranġat jew mibdul, ir-rendiment tal-element ta’ bini fl-użu tal-enerġija tissodisfa r-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija sa fejn dan huwa teknikament, funzjonalment u eknomikament vijabbli.

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw dawn ir-rekwiżiti minimi għar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 4.

L-Istati Membri għandhom jinkoraġixxu, fir-rigward ta’ bini li jkun għaddej minn rinovazzjoni maġġuri, li jiġu kkunsidrati u meqjusa sistemi alternattivi ta’ effiċjenza għolja, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1), safejn dan ikun teknikament, funzjonalment u ekonomikament vijabbli.

Artikolu 8

Sistemi tekniċi użati fil-bini

1.   L-Istati Membri għandhom, bl-għan li jtejbu bl-aħjar mod l-użu tal-enerġija tas-sistemi tekniċi użati fil-bini, jiffissaw rekwiżiti tas-sistema fir-rigward tar-rendiment ġenerali fl-użu tal-enerġija, l-installazzjoni korretta, u d-dimensjonament, l-aġġustament u l-kontroll adattat tas-sistemi tekniċi tal-bini li huma installati fil-bini eżistenti. L-Istati Membri jistgħu ukoll japplikaw dawn ir-rekwiżiti tas-sistema għal bini ġdid.

Ir-rekwiżiti tas-sistema għandhom jiġu ffissati għal sistemi tekniċi użati fil-bini li jsiru mill-ġdid, jiġu sostitwiti u mtejba u għandhom jiġu applikati safejn ikunu teknikament, ekonomikament u funzjonalment vijabbli.

Dawn ir-rekwiżiti tas-sistema għandhom ikopru mill-inqas dawn li ġejjin:

(a)

sistemi ta’ tisħin;

(b)

sistemi tal-misħun;

(c)

sistemi tal-arja kkondizzjonata;

(d)

sistemi tal-ventilazzjoni kbar;

jew kumbinazzjoni ta’ tali sistemi.

2.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-introduzzjoni ta’ sistemi intelliġenti ta’ kejl bl-arloġġ kull meta jinbena bini jew kull meta ssirlu rinovazzjoni maġġuri, filwaqt li jiżguraw li dan l-inkoraġġiment ikun konformi ma’ punt 2 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (16). Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jħeġġu, fejn adattat, l-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll attiv bħal sistemi ta’ awtomatizzazzjoni, kontroll u monitoraġġ bil-għan li tiġi ffrankata l-enerġija.

Artikolu 9

Bini b’użu ta’ kważi żero enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-bini kollu jkun bini li juża kważi żero enerġija, u

(b)

wara l-31 ta’ Diċembru 2018, bini ġdid okkupat minn u proprjeta’ ta’ awtoritajiet pubbliċi jkun bini li juża kważi żero enerġija.

L-Istati Membri għandhom ifasslu pjanijiet nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta’ bini li juża kważi żero enerġija. Dawn il-pjanijiet nazzjonali jistgħu jinkludu diversi miri skont il-kategoriji tal-bini.

2.   Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, filwaqt li jsegwu l-eżempju mexxej tas-settur pubbliku, jiżviluppaw linji politiċi u jieħdu miżuri bħall-iffissar ta’ miri sabiex jistimulaw t-trasformazzjoni ta’ bini li jiġi rinovat f’bini li juża kważi żero enerġija, u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-pjanijiet nazzjonali għandhom jinkludu inter alia l-elementi li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni dettaljata tal-Istati Membri fil-prattika tad-definizzjoni ta’ bini li juża kważi żero enerġija, filwaqt li jirriflettu l-kondizzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, u jinkuldu indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja espressa f’kWh/m2 fis-sena. Il-fatturi tal-enerġija primarja użati għad-determinazzjoni tal-enerġija primarja użata jistgħu jkunu bbażati fuq valuri medji annwali nazzjonali jew reġjonali u jistgħu jieħdu kont tal-istandards Ewropej rilevanti;

(b)

miri intermedji għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’bini ġdid sal-2015, bil-ħsieb li tiġi preparata l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1;

(c)

informazzjoni dwar il-linji politiċi u miżuri finanzjarji jew miżuri oħrajn adottati fil-kuntest tal-paragrafi 1 u 2 għall-promozzjoni ta’ bini li juża kważi żero enerġija, inklużi dettalji tar-rekwiżiti nazzjonali u miżuri dwar l-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli f’bini ġdid u bini eżistenti li tkun qed issirlu rinovazzjoni maġġuri fil-kuntest tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2009/28/KE u l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari l-adegwatezza tal-miżuri previsti mill-Istat Membru fir-rigward tal-objettivi ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu kont dovut tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, tista’ titlob informazzjoni speċifika ulterjuri fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni mitluba jew jipproponi emendi fi żmien disa’ xhur wara t-talba mill-Kummissjoni. Wara l-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2012 u minn hemm ‘il quddiem, kull tliet snin, tippubblika rapport dwar il-progress tal-Istati Membri fiż-żieda fl-għadd ta’ bini li juża kważi żero enerġija. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa pjan ta’ azzjoni u, jekk meħtieġ, tipproponi miżuri biex iżżid in-numru ta’ dak il-bini u tħeġġeġ li tintuża l-aħjar prattika fir-rigward tat-trasformazzjoni kost-effettiva ta’ bini eżistenti f’bini li juża kważi żero enerġija.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 f’każijiet speċifiċi u ġustifikabbli fejn l-analiżi tal-kost-benefiċċju matul iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-bini in kwistjoni tkun negattiva. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-prinċipji tar-reġimi leġislattivi rilevanti.

Artikolu 10

Inċentivi Finanzjarji u ostakli għas-suq

1.   Fid-dawl tal-importanza li jipprovdu strumenti ta’ finanzjament u strumenti oħra adattati biex jitħaffef il-proċess tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u t-transizzjoni għal bini li juża kważi żero enerġija, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jikkunsidraw it-tali strumenti l-aktar rilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom ifasslu, sat-30 ta’ Ġunju 2011, lista ta’ miżuri u strumenti eżistenti u, jekk xieraq, ta’ miżuri u strumenti proposti, inkluż dawk ta’ natura finanzjarja, apparti dawk rikjesti minn din id-Direttiva, li jippromwovu l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jaġġornaw din il-lista kull tliet snin. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn il-listi lill-Kummissjoni, li jistgħu jagħmlu dan billi jinkluduhom fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-effettività tal-miżuri eżistenti u proposti elenkati li huma msemmija fil-paragrafu 2 kif ukoll tal-istrumenti rilevanti tal-Unjoni, fl-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Abbażi ta’ dik l-analiżi, u b’kont dovut meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi pariri jew rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ skemi nazzjonali speċifiċi u l-koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u internazzjonali. Il-Kummissjoni tista’ tinkludi l-analiżi tagħha u pariri jew rakkomandazzjonijiet possibbli fir-rapport tagħha dwar il-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija msemmi fl-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2006/32/KE.

4.   Il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tassisti, fuq talba, lill-Istati Membri fl-iffissar ta’ programmi ta’ appoġġ finanzjarju nazzjonali jew reġjonali bil-għan li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, speċjalment f’bini eżistenti, billi tappoġġa l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-awtoritajiet jew il-korpi nazzjonali jew reġjonali responsabbli.

5.   Sabiex ittejjeb il-finanzjament b’appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’kont dovut meħud tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni għandha, preferibbilment sal-2011, tippreżenta, b’mod partikolari, analiżi dwar:

(a)

l-effettività, kemm hu xieraq il-livell, u l-ammont propju li ntuża, ta’ fondi strutturali u programmi qafas li intużaw biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, speċjalment fl-akkomodazzjoni;

(b)

l-effettività tal-użu ta’ fondi mill-BEI u istituzzjonijiet ta’ finanzjament pubbliku oħrajn;

(c)

il-koordinazzjoni tal-finanzjament tal-Unjoni u nazzjonali u forom oħra ta’ appoġġ li jistgħu jaġixxu bħala lieva biex jiġi stimulat l-investiment fl-effiċjenza tal-użu tal-enerġija u l-adegwatezza ta’ tali fondi biex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni.

Abbażi ta’ dik l-analiżi, u skont il-qafas finanzjarju pluriennali, il-Kummissjoni tista’ sussegwentement u jekk tqis li dan huwa adatt, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposti fir-rigward tal-istrumenti tal-Unjoni.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-livelli kost-ottimali tar-rendiment fl-użu tal-enerġija meta jipprovdu inċentivi għall-kostruzzjoni jew rinovazzjoni maġġuri ta’ bini.

7.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma għandhomx iwaqqfu lill-Istati Membri milli jipprovdu inċentivi għal bini ġdid, rinovazzjonijiet ġodda jew elementi ġodda tal-bini li jmorru lil hinn mil-livelli kost-ottimali.

Artikolu 11

Ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita sistema ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Iċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jinkludi r-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u valuri ta’ referenza bħal rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija sabiex ikun possibbli għall-proprjetarji u l-inkwilini ta’ bini jew unità tal-bini jqabblu u jivvalutaw ir-rendiment tiegħu fl-użutal-enerġija.

Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jista’ jinkludi informazzjoni addizzjonali bħall-konsum tal-enerġija annwali għal bini mhux residenzjali u l-persentaġġ ta’ enerġija minn sorsi rinovabbli fil-konsum totali tal-enerġija.

2.   Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet għat-titjib kost-ottimali jew kost-effettiv tar-rendiment ta’ bini jew ta’ unità ta’ bini fl-użu tal-enerġija, dment li ma jkun hemm l-ebda potenzjal raġonevoli għal titjib tali meta mqabbel mar-rekwiżit tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fis-seħħ.

Ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom ikopru:

(a)

miżuri mwettqa b’rabta ma’ rinovazzjoni maġġuri tal-involukru tal-bini jew is-sistema/i teknika/ċi tal-bini; kif ukoll

(b)

miżuri għal elementi ta’ bini individwali indipendenti minn rinovazzjoni maġġuri tal-involukru tal-bini jew is-sistema/i teknika/ċi tal-bini.

3.   Ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom ikunu teknikament fattibbli għall-bini speċifiku u jistgħu jipprovdu stima għall-firxa ta’ perijodi ta’ ħlas lura jew kost-benefiċċji matul iċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tiegħu.

4.   Iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jipprovdi indikazzjoni dwar fejn il-proprjetarju jew l-inkwilin jista’ jirċievi informazzjoni dettaljata ulterjuri inkluż fir-rigward tal-kost-effettività tar-rakkomandazzjonijiet magħmula fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. L-evalwazzjoni tal-kost-effettività għandha tkun ibbażata fuq sett ta’ kondizzjonijiet standard, bħall-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija u prezzijiet tal-enerġija sottostanti u previżjoni tal-ispiża preliminari. Barra minn hekk, għandu jkun fih informazzjoni dwar il-passi li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. Informazzjoni oħra dwar suġġetti relatati, bħall-verifiki tal-enerġija jew inċentivi ta’ natura finanzjarja jew natura oħra u possibbiltajiet ta’ finanzjament jistgħu wkoll jiġu pprovduti lill-proprjetarju jew lill-inkwilin.

5.   Soġġett għar-regoli nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu kont tar-rwol mexxej li għandu jkollhom fil-qasam tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, inter alia billi jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġ għal bini fil-pussess tagħhom fil-perijodu ta’ validità tiegħu.

6.   Iċ-ċertifikazzjoni għal unitajiet tal-bini tista’ tkun ibbażata fuq:

(a)

ċertifikazzjoni komuni tal-bini kollu; jew

(b)

l-istima ta’ unità tal-bini rappreżentattiva oħra bl-istess karatteristiċi rilevanti għall-enerġija fl-istess bini.

7.   Iċ-ċertifikazzjoni għad-djar ta’ familja waħda tista’ tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni ta’ bini rappresentattiv ieħor ta’ disinn u daqs simili bi kwalità ta’ rendiment fl-użu tal-enerġija simili jekk tali korrispondenza tkun tista’ tiġi ggarantita mill-espert li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

8.   Il-validità taċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija m’għandhiex teċċedi l-għaxar snin.

9.   Il-Kummissjoni għandha, sal-2011, f’konsultazzjoni mas-setturi rilevanti, tadotta skema ta’ ċertifikazzjoni komuni u volontarja tal-Unjoni Ewropea għar-rendiment ta’ bini mhux residenzjali fl-użu tal-enerġija. Din il-miżura għandha tiġi adottata skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 26(2). L-Istati Membri huma mħeġġa jirrikonoxxu jew jużaw l-iskema, jew jużaw parti minnha billi jadattawha għaċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Artikolu 12

Il-ħruġ taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jinħareġ għal:

(a)

bini jew unitajiet ta’ bini li huma mibnija, mibjugħa jew mikrija lil inkwilin ġdid; u

(b)

bini fejn erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 500m2 hija okkupata minn awtorità pubblika u ta’ spiss miżjura mill-pubbliku. Fid-9 ta’ Lulju 2015, ħames snin wara, dan il-limitu ta’ 500 m2 għandu jitnaqqas għal 250 m2.

Ir-rekwiżit li jinħareġ ċertifikat dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija ma japplikax meta ċertifikat, maħruġ jew skont id-Direttiva 2002/91/KE jew skont din id-Direttiva, għall-bini jew l-unità tal-bini kkonċernati, huwa disponibbli u validu.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li, meta bini jew unitajiet tal-bini jinbnew, jinbiegħu jew jinkrew, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, jew kopja tiegħu, għandu jintwera lill-inkwilin jew ix-xerrej prospettivi l-ġodda u jingħataw lix-xerrej jew lill-inkwilin il-ġdid.

3.   Fejn bini jinbiegħ jew jinkera qabel il-kostruzzjoni, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-bejjiegħ jipprovdi valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija futura tiegħu, bħala deroga mill-paragrafi 1 u 2; f’dan il-każ, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandu jinħareġ sa mhux aktar tard minn meta l-bini jkun inbena.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta:

bini li jkollu ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

unitajiet ta’ bini f’bini li jkollu ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

unitajiet ta’ bini li jkollhom ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija;

jiġu offruti għall-bejgħ jew għall-kera, l-indikatur tar-rendiment fl-użu tal-enerġija taċ-ċertifikat tar-rendiment tal-bini jew tal-unità tal-bini fl-użu tal-enerġija, kif applikabbli, jitniżżell fir-reklami fil-media kummerċjali.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-ko-proprjetà jew proprjetà komuni.

6.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-kategoriji ta’ bini msemmija fl-Artikolu 4(2) mill-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

7.   L-effetti possibbli ta’ ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija f’termini ta’ proċeduri legali, jekk ikun hemm, għandhom jiġu deċiżi f’konformità mar-regoli nazzjonali.

Artikolu 13

Il-wiri ta’ ċertifikati dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li meta l-erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 500 m2 ta’ bini li għalih ikun inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 12(1) jkun okkupat minn awtoritajiet pubbliċi u li spiss iżuru l-pubbliku iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jitpoġġa f’post prominenti ċarament viżibbli għal pubbliku.

Fid-9 ta’ Lulju 2015, dan il-limitu ta’ 500 m2 għandu jitnaqqas għal 250 m2.

2.   L-Istati Membri għandhom jiirikjedu li meta l-erja totali utli tal-art ta’ aktar minn 500 m2 li għaliha jkun inħareġ ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija skont l-Artikolu 12(1) iżurha spiss il-pubbliku, iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jitpoġġa f’post prominenti ċarament viżibbli għal pubbliku.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jinkludux obbligu li jintwerew ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

Artikolu 14

Spezzjoni tas-sistemi ta’ tisħin

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw il-miżuri neċessarji sabiex tkun stabbilita spezzjoni regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi li jinutżaw għat-tisħin tal-bini, bħall-ġeneratur tas-sħana, is-sistema ta’ kontroll u l-pompi għaċ-ċirkolazzjoni, b’bojlers ta’ saħħa effettiva għall-finijiet tat-tisħin tal-ispazju ta’ aktar minn 20 kW. Dik l-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza tal-bojler u d-daqs tal-bojler imqabbel mar-rekwiżiti tat-tisħin tal-bini. Mhux meħtieġ li terġa’ ssir il-valutazzjoni tad-daqs tal-bojler sakemm ma tkun saret ebda bidla għal din is-sistema ta’ tisħin jew fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tisħin tal-bini sadanittant.

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-frekwenza ta’ tali ispezzjonijiet jew iħaffuhom kif meħtieġ, meta jkun hemm sistema elettronika ta’ monitoraġġ u kontroll.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistipulaw frekwenzi differenti tal-ispezzjonijiet skont it-tip u s-saħħa effettiva tas-sistema tat-tisħin filwaqt li jieħdu kont tal-ispejjeż tal-ispezzjoni tas-sistema tal-arja kkondizzjonta u l-iffrankar mistenni fl-ispejjeż għall-enerġija li jista’ jirriżulta mill-ispezzjoni.

3.   Sistemi ta’ tisħin b’bojlers ta’ saħħa effettiva ta’ aktar minn 100 kW għandhom ikunu spezzjonati minn tal-anqas kull sentejn.

Għal bojlers tal-gass, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż sa erba’ snin.

4.   Bħala alternattiva għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri sabiex jiżguraw l-għoti ta’ pariri lill-utenti rigward il-bdil ta’ bojlers, modifikazzjonijiet oħra lis-sistema tat-tisħin u dwar soluzzjonijiet alternattivi għall-valutazzjoni tal-effiċjenza u d-daqs xieraq tal-bojler. L-impatt globali ta’ dan l-approċċ għandu jkun ekwivalenti għal dak naxxenti mid-dispożizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Fejn l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport dwar l-ekwivalenza ta’ dawn il-miżuri ma’ miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin. Ir-rapporti jistgħu jiġu inklużi fil-Pjani ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE.

5.   Wara li tkun irċeviet ir-rapport nazzjonali minn Stat Membru dwar l-applikazzjoni tal-għażla kif deskritt fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni speċifika rigward ir-rekwiżiti u l-ekwivalenza tal-miżuri stabbiliti f’ dak il-paragrafu. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni rikjesta jew jipproponi emendi fi żmien disa’ xhur

Artikolu 15

Spezzjoni ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm spezzjoni regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata ta’ saħħa effettiva ta’ aktar minn 12 kW. L-ispezzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-effiċjenza tal-arja kkondizzjonata u tad-daqs komparati mar-rekwiżiti għat-tkessiħ tal-bini. Mhux meħtieġ li terġa’ ssir il-valutazzjoni tad-daqs sakemm ma tkun saret ebda bidla għal din is-sistema ta’ arja kkondizzjonata jew fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ tkessiħ tal-bini sadanittant.

L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-frekwenza ta’ tali spezzjonijiet jew iħaffuhom kif meħtieġ, meta jkun hemm sistema elettronika ta’ monitoraġġ u kontroll.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistipulaw frekwenzi differenti għall-ispezzjonijiet skont it-tip u s-saħħa effettiva tas-sistema tal-arja kkondizzjonata filwaqt li jieħdu kont tal-ispejjeż tal-ispezzjoni tas-sistema tal-arja kkondizzjonata u l-iffrankar mistennifl-ispejjeż għall-enerġija li jista’ jirriżulta mill-ispezzjoni.

3.   Meta jistabbilixxu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom, safejn ikun ekonomikament u teknikament fattibbli, jiżguraw li l-ispezzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-ispezzjoni tas-sistemi ta’ tisħin u sistemi tekniċi oħra msemmija fl-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva u l-ispezzjoni ta’ telf imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra flworinati (17).

4.   Bħala alternattiva għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jieħdu miżuri biex jiżguraw l-għoti ta’ pariri lill-utenti dwar is-sostituzzjoni ta’ sistemi tal-arja kkondizzjonata jew modifiki oħra għas-sistema tal-arja kkondizzjonata li jistgħu jinkludu spezzjonijiet biex jiġu vvalutati l-effiċjenza u d-daqs adegwat tas-sistema tal-arja kkondizzjonata. L-impatt ġenerali ta’ dan l-approċċ għandu jkun ekwivalenti għal dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Fejn l-Istati Membri japplikaw il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu, huma għandhom, sat-30 ta’ Ġunju 2011, jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-ekwivalenza ta’ dawk il-miżuri għall-miżuri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw dawn ir-rapporti lill-Kummissjoni kull tliet snin. Ir-rapporti jistgħu jiġu inklużi fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija msemmija fl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2006/32/KE.

5.   Wara li tkun irċeviet ir-rapport nazzjonali minn Stat Membru dwar l-applikazzjoni tal-għażla kif deskritt fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni speċifika rigward ir-rekwiżiti u l-ekwivalenza tal-miżuri stabbiliti f’ dak il-paragrafu. F’dan il-każ, l-Istati Membru kkonċernat għandu jippreżenta l-informazzjoni rikjesta jew jipproponi emendi fi żmien disa’ xhur.

Artikolu 16

Rapporti dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata

1.   Rapport ta’ spezzjoni għandu jinħareġ wara kull spezzjoni ta’ sistema ta’ tisħin jew tal-arja kkondizzjonata Ir-rapport ta’ spezzjoni għandu jkun fih ir-riżultat tal-ispezzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 14 jew 15 u jinkludi rakkomandazzjonijiet għat-titjib kost-effettiv tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tas-sistema spezzjonata.

Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq tqabbil tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tas-sistema spezzjonata ma’ dik tal-aħjar sistema fattibbli disponibbli u sistema ta’ tip simili li għaliha l-komponenti rilevanti kollha jilħqu l-livell tar-rendiment fl-użu tal-enerġija meħtieġ mil-leġislazzjoni applikabbli;

2.   Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jingħata lill-proprjetarju jew lill-inkwilin tal-bini.

Artikolu 17

Esperti indipendenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tas-sistemi tal-arja kkondizzjonata jitwettqu b’mod indipendenti minn esperti kkwalifikati u jew akkreditati, kemm jekk jaħdmu għal rashom kif ukoll jekk impjegati minn entitajiet pubbliċi jew impriżi privati.

L-esperti għandhom jiġu akkreditati b’kont meħud tal-kompetenza tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku l-informazzjoni rigward it-taħriġ u l-akkreditazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli għall-pubbliku jew listi aġġornati regolarment ta’ esperti kwalifikati u/jew akkreditati jew listi aġġornati regolarment ta’ kumpanniji akkreditati li joffru s-servizzi ta’ esperti bħal dawn.

Artikolu 18

Sistemi ta’ kontroll indipendenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u għar-rapporti dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata jiġu stabbiliti skont l-Anness II. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi separati għall-kontroll taċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u għall-kontroll tar-rapporti dwar l-ispezzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tal-arja kkondizzjonata.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw ir-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll indipendenti.

Meta l-Istati Membri jiddeċidu li jagħmlu hekk, għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ kontroll indipendenti jiġu implimentati f’konformità mal-Anness II.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rapporti tal-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ikunu magħmula disponibbli, fuq talba, lill-awtoritajiet jew l-entitajiet kompetenti.

Artikolu 19

Reviżjoni

Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 26, għandha tevalwa din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017 fid-dawl tal-esperjenza miksuba u l-progress magħmul matul l-applikazzjoni tagħha, u, jekk ikun hemm il-bżonn, tagħmel proposti.

Artikolu 20

Informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinfurmaw lill-proprjetarji jew l-inkwilini ta’ bini jew unitajiet ta’ bini dwar il-prattika u l-metodi differenti li jservu sabiex jittejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

2.   L-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu informazzjoni lill-proprjetarji u lill-inkwilini tal-bini dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-rapporti tal-ispezzjoni, l-iksop u l-għanijiet tagħhom, dwar modi kost-effettivi għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u, skont il-każ, dwar l-istrumenti finanzjarji disponibbli biex tittejjeb ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Fuq talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji informattivi għall-għanijiet tal-paragrafu 1 u tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jistgħu jkunu trattati f’programmi tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli gwida u taħriġ għal dawk responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Tali gwida u taħriġ għandhom jindirizzaw l-importanza tat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, u għandhom jippermettu li titqies il-kombinazzjoni ottimali ta’ titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, l-użu tal-enerġija minn sorsi rinovabbli u l-użu ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali meta jiġu ppjanati, iddisinjati, mibnija u rinovati ż-żoni industrijali jew residenzjali.

4.   Il-Kummissjoni hija mistiedna ttejjeb kontinwament is-servizzi ta’ informazzjoni tagħha, b’mod partikolari s-sit elettroniku li ġie stabbilit bħala portal Ewropew għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini indirizzat għaċ-ċittadini, il-professjonisti u l-awtoritajiet, sabiex jassisti lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni. L-informazjoni murija fuq dan is-sit elettroniku tista’ tinkludi links għal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni Ewropea, dik nazzjonali, reġjonali u lokali, links għas-siti elettroniċi EUROPA li juru l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, links għall-istrumenti finanzjarji disponibbli, kif ukoll eżempji tal-aħjar prattika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kummissjoni għandha tkompli u tintensifika aktar is-servizzi ta’ informazzjoni tagħha bil-għan li tiffaċilita l-użu tal-fondi disponibbli billi tipprovdi assistenza u informazzjoni lill-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament, b’kont meħud tal-aħħar tibdil fil-qafas regolatorju.

Artikolu 21

Konsultazzjoni

Sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati involuti, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli u skont kif ikun rilevanti. Tali konsultazzjoni hija ta’ importanza partikolari għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 20.

Artikolu 22

Adattament tal-Anness I għall-progress tekniku

Il-Kummissjoni għandha tadatta l-punti 3 u 4 tal-Anness I għall-progress tekniku permezz ta’ atti delegati skont l-Artikoli 23, 24 u 25.

Artikolu 23

Eżerċizzju ta’ delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 22 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin li jibda mit-8 ta’ Lulju 2010. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar is-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perijodu taż ħames snin. Id-delega ta’ setgħat għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jirrevokawha skont l-Artikolu 24.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-iskadenza msemmija fl-Artikolu 5(1), is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 għandha tingħata lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2012.

3.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati huma konferiti lill-Kummissjoni taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 24 u 25.

Artikolu 24

Revoka tad-delega

1.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 5 u 22 tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tibda proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta’ setgħa għandha tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, fi żmien raġjonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħat delegati li jistgħu jkunu suġġett ta’ revoka kif ukoll ir-raġunijiet għal revoka.

3.   Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħat speċifikati f’din id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data ulterjuri stipulata minnha. Din m’għandhiex taffettwa l-validita’ tal-atti delegati li huma diġa’ fis-seħħ. Din għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Oġġezzjonijiet għall-atti delegati

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perijodu għandu jiżdied b’xahrejn.

2.   Jekk meta jiskadi dak il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, huwa għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data fih stabbilita.

L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel jiskadi dak il-perijodu, jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jkunu t-tnejn li huma infurmaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħhom li ma joġġezzjonawx.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li tesprimi oġġezzjonijiet għall-att delegat għandha tispjega r-raġunijiet għall-oġġezzjonijiet.

Artikolu 26

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 27

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jrid ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kumissjoni dawk id-disposizzjonijet sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2013 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 28

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mid-9 ta’ Lulju 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 2 sa 18, u mal-Artikoli 20 u 27.

Għandhom japplikaw dawn id-dipożizzjonijiet sa fejn huma kkonċernati l-Artikoli 2, 3, 9, 11, 12, 13, 17, 18, 20 u 27, sa minn mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2013.

Għandhom japplikaw dawn id-dipożizzjonijiet sa fejn huma kkonċernati l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 14, 15 u 16 fir-rigward ta’ bini okkupat mill-awtoritajiet pubbliċi sa minn mhux aktar tard mid-9 ta’ Jannar 2013 u fir-rigward ta’ bini ieħor sa minn mhux aktar tard mid-9 ta’ Lulju 2013.

Huma jistgħu jiddifferixxu l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) għal unitajiet singoli ta’ bini li huma mikrija, sal-31 ta’ Diċembru 2015. Madankollu, dan m’għandux jirriżulta fil-ħruġ ta’ inqas ċertifikati milli kien ikun il-każ bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/91/KE attwali fl-Istat Membru kkonċernat.

Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali ir-referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva 2002/91/KE għandhom jittieħdu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik l-istqarrija għandha tkun ifformulata.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 29

Tħassir

Id-Direttiva 2002/91/KE, kif emendata mir-Regolament indikat fl-Anness IV, Parti A, hija b’ dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Frar 2012, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttiva stabbiliti fl-Anness IV, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva 2002/91/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

D. LÓPEZ GARRIDO


(1)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 75.

(2)  ĠU C 200, 25.8.2009, p. 41.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-14 ta’ April 2010 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2010 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.

(5)  Ara l-Anness IV, Parti A.

(6)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136.

(7)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(8)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(9)  Ara paġna 1 ta’ din il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 116, 9.5.2009, p. 18.

(12)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(13)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(14)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(15)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(16)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(17)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1


ANNESS I

Qafas ġenerali komuni għal kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija

(imsemmi fl-Artikolu 3)

1.

Ir-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija għandha tiġi determinata fuq il-bażi tal-enerġija annwali kkalukulata jew attwali li tiġi kkunsmata sabiex tissodisfa il-ħtiġijiet differenti assoċjati mal-użu tipiku tagħha, u għandha tirrifletti l-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tisħin u l-ħtiġijiet tal-enerġija għat-tkessiħ (enerġija meħtieġa biex jiġi evitat tisħin żejjed) biex jinżammu l-kondizzjoni tat-temperatura previsti għall-bini, u l-bżonnijiet domestiċi ta’ ilma sħun.

2.

Ir-rendiment ta’ bini fl-użu tal-enerġija għandha tkun espressa b’mod trasparenti u għandha tinkludi indikatur tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja, abbażi ta’ fatturi primarji tal-enerġija għal kull trasportatur tal-enerġija, li jistgħu jkunu bbażati fuq medji nazzjonali jew reġjonali ppeżati jew valur speċifiku għall-produzzjoni fil-post.

Il-metodoloġija għall-kalkolu tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija għandha tieħu kont tal-istandards Ewropej u għandha tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż id-Direttiva 2009/28/KE.

3.

Il-metodoloġija għandha tiġi stabbilita b’kont meħud talanqas tal-aspetti li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi termali attwali li ġejjin tal-bini inklużi t-taqsimiet interni tiegħu:

(i)

kapaċità termali,

(ii)

iżolament,

(iii)

tisħin passiv,

(iv)

elementi tat-tkessiħ, u

(v)

pontijiet termali;

(b)

installazzjonijiet tas-sħana u provvista ta’ misħun, inklużi l-karatteristiċi ta’ iżolament tagħhom;

(c)

installazzjonijiet tal-arja kkondizzjonata;

(d)

ventilazzjoni naturali u mekkanika, li tista’ tinkludi sikkar tal-arja;

(e)

installazzjonijiet ta’ dawl fissi (l-aktar fis-settur mhux residenzjali);

(f)

id-disinn, pożizzjonament u orjentazzjoni tal-bini, inkluża l-klima ta’ barra;

(g)

sistemi solari passivi u protezzjoni solari;

(h)

kondizzjonijiet klimatiċi interni, inkluża l-klima interna ddisinjata;

(i)

tagħbijiet interni.

4.

L-influwenza pożittiva tal-aspetti li ġejjin għandha, fejn ikun relevanti fil-kalkolu, tittieħed f’konsiderazzjoni:

(a)

kondizzjonijiet ta’ esponiment solari lokali, sistemi solari attivi u sistemi oħra ta’ tisħin u elettriku bbażati fuq enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(b)

elettriku prodott mill-koġenerazzjoni;

(c)

sistemi ta’ tisħin u tkessiħ distrettwali jew ta’ blokk;

(d)

dawl naturali.

5.

Għall-għan tal-kalkolu l-bini għandu jkun adegwatament ikklassifikat fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

djar ta’ diversi tipi għal familja waħda;

(b)

blokki ta’ appartamenti;

(c)

uffiċċji;

(d)

bini tal-edukazzjoni;

(e)

sptarijiet;

(f)

lukandi u ristoranti;

(g)

faċilitajiet sportivi;

(h)

bini fejn jingħataw servizzi bl-ingrossa u bl-imnut;

(i)

tipi oħra ta’ bini li jużaw l-enerġija.


ANNESS II

Sistemi ta’ kontroll indipendenti għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u rapporti ta’ spezzjoni

1.

L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li lilhom l-awtoritajiet kompetenti ddelegaw ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għandhom jagħmlu għażla mhux regolari ta’ mill-inqas persentaġġ statistikament sinifikanti taċ-ċertifikati kollha tar-rendiment fl-użu tal-enerġija maħruġa kull sena u jassuġġettaw dawk iċ-ċertifikati għal verifika.

Il-verifika għandha tkun ibbażata fuq l-għażliet indikati hawn taħt jew fuq miżuri ekwivalenti:

(a)

verifika tal-validità tad-data mogħtija dwar il-bini użata biex jinħareġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-riżultati ddikjarati fiċ-ċertifikat;

(b)

il-verifika tad-data mogħtija u l-verifika tar-riżultati taċ-ċertifikat, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula;

(c)

verifika sħiħa tad-data mogħtija dwar il-bini użata biex jinħareġ iċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u r-riżultati ddikjarati fiċ-ċertifikat, verifika sħiħa tar-riżultati dikjarati fiċ-ċertifikat, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula, u żjara fuq is-sit tal-bini, jekk ikun possibbli, sabiex tiġi vverifikata l-korrispondenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija fiċ-ċertfikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u l-bini ċċertifikat.

2.

L-awtoritajiet jew il-korpi kompetenti li lilhom l-awtoritajiet kompetenti ddelegaw ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll indipendenti għandhom jagħmlu għażla mhux regolari ta’ mill-inqas persentaġġ statistikament sinifikanti tar-rapporti ta’ ispezzjoni maħruġa kull sena u jassuġġettaw dawk ir-rapporti għal verifika.


ANNESS III

Qafas ta’ metodoloġija komparattiva biex jiġu indentifikati l-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti għar-rendiment fl-użu tal-enerġija għall-bini u l-elementi tal-bini

Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini u l-elementi tal-bini u l-aspetti ekonomiċi tal-miżuri relatati mar-rendiment fl-użu tal-enerġija, u jgħaqqduhom bil-ħsieb li jidentifikaw il-livell kost-ottimali.

Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jkun akkumpanjat minn linji gwida li jiddeskrivu fil-qosor kif għandu jiġi applikat dan il-qafas fil-kalkolu tal-livelli ta’ rendiment kost-ottimali.

Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jippermetti li jittieħed kont tal-mudelli tal-użu, il-kondizzjonijiet klimatiċi ta’ barra, l-ispejjeż tal-investiment, il-kategorija tal-bini, l-ispejjeż għall-manutenzjoni u l-funzjonament (inkluż l-ispejjeż tal-enerġija u l-iffrankar), id-dħul mill-enerġija prodotta, fejn applikabbli, u l-ispejjeż tar-rimi, fejn applikabbli. Dan għandu jkun ibbażat fuq standards Ewropej rilevanti relatati ma’ din id-Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi:

linji gwida biex jakkumpanjaw il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva; dawn il-linji gwida ser iservu biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-passi elenkati hawn taħt;

informazzjoni dwar l-iżviluppi fit-tul stmati fil-prezzijiet tal-enerġija.

Għall-applikazzjoni tal-qafas ta’ metodoloġija komparattiva mill-Istati Membri, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet ġenerali, espressi permezz ta’ parametri, fil-livell tal-Istati Membri.

Il-qafas ta’ metodoloġija komparattiva għandu jeħtieġ li l-Istati Membri:

jiddefinixxu bini ta’ referenza li huma kkaratterizzati minn u rappreżentattivi għall-funzjonalità u l-post ġeografiku tagħhom, inklużi l-kondizzjonijiet klimatiċi interni u esterni. Il-bini ta’ referenza għandu jkopri bini residenzjali u mhux residenzjali, kemm dawk ġodda kif ukoll dawk eżistenti;

jiddefinixxu l-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija li għandhom jiġu vvalutati għall-bini ta’ referenza. Dawn jistgħu jkunu miżuri għal bini individwali fl-intier tagħhom, għall-elementi individwali tal-bini jew għal kombinazzjoni ta’ elementi tal-bini;

jivvalutaw il-ħtieġa finali u primarja tal-enerġija tal-bini ta’ referenza u l-bini ta’ referenza bil-miżuri definiti ta’ effiċjenza fl-enerġija applikati;

jikkalkolaw l-ispejjeż (jiġifieri l-valuri net attwali) tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija (kif imsemmi fit-tieni inċiż) matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika applikati għall-bini ta’ referenza (kif imsemmi fl-ewwel inċiż) bl-applikazzjoni tal-prinċipji tl-qafas metodoloġiku komparattiv.

Permezz tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija matul iċ-ċiklu skont kif stmat tal-ħajja ekonomika, tiġi kkalkolata l-kost-effettività ta’ livelli differenti ta’ rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija mill-Istati Membri. Dan ser jippermetti d-determinazzjoni tal-livelli kost-ottimali tar-rekwiżiti għar-rendiment fl-użu tal-enerġija.


ANNESS IV

PARTI A

Direttiva mħassra bl-emendi suċċessivi tagħha

(kif imsemmi fl-Artikolu 29)

Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65)

 

Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1)

il-punt 9.9 tal-Anness biss

PARTI B

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(kif imsemmi fl-Artikolu 29)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data tal-applikazzjoni

2002/91/KE

fl-4 ta’ Jannar 2006

4 ta’ Jannar 2009 fir-rigward tal-Artikoli 7, 8 u 9 biss


ANNESS V

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Id-Direttiva 2002/91/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, punt (1)

Artikolu 2, punt (1)

Artikolu 2, punti (2) u (3)

Artikolu 2, punt (2) u Anness

Artikolu 2, punt (4) u l-Anness I

Artikolu 2, punti (5), (6), (7), (8), (9), (10) u (11)

Artikolu 2, punt (3)

Artikolu 2, punt (12)

Artikolu 2, punt (4)

Artikolu 2, punt (13)

Artikolu 2, punt (14)

Artikolu 2, punt (5)

Artikolu 2, punt (15)

Artikolu 2, punt (6)

Artikolu 2, punt (16)

Artikolu 2, punt (7)

Artikolu 2, punt (17)

Artikolu 2, punt (8)

Artikolu 2, punt (18)

Artikolu 2, punt (19)

Artikolu 3 u Anness

Artikolu 3 u l-Anness I

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(2)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2) u (3)

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8, 9 u 10

Artikolu 7(1) l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(8) u l-Artikolu 12(2)

Artikolu 7(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(6)

Artikolu 7(1) it-tielet subparagrafu

Artikolu 12(6)

Artikolu 7(2)

Artikolu 11(1) u (2)

Artikolu 11(3), (4), (5), (7) u (9)

Artikolu 12(1), (3), (4), (5) u (7)

Artikolu 7(3)

Artikolu 13(1)

Artikolu 13(2)

 

Artikolu 13(3)

Artikolu 8, punt (a)

Artikolu 14(1) u (3)

Artikolu 14(2)

Artikolu 8, punt (b)

Artikolu 14(4)

Artikolu 14(5)

Artikolu 9

Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 15(1) it-tieni subparagrafu

Artikolu 15(2), (3), (4) u (5)

Artikolu 16

Artikolu 10

Artikolu 17

Artikolu 18

l-Artikolu 11, kliem introduttiv

L-Artikolu 19

Artikolu 11, punti (a) u (b)

Artikolu 12

Artikolu 20(1) u l-Artikolu 20(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 20(2) l-ewwel subparagrafu u l-Artikolu 20(3) u (4)

Artikolu 21

Artikolu 13

Artikolu 22

Artikoli 23, 24 u 25

Artikolu 14(1)

Artikolu 26(1)

Artikolu 14(2) u (3)

Artikolu 26(2)

Artikolu 27

Artikolu 15(1)

Artikolu 28

Artikolu 15(2)

Artikolu 29

Artikolu 16

Artikolu 30

Artikolu 17

Artikolu 31

Anness

Anness I

Annessi II sa V


Top