Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02017D0809-20170512

Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/809 tal- 11 ta' Mejju 2017 b'appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 7dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/809/2017-05-12

02017D0809 — MT — 12.05.2017 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/809

tal-11 ta' Mejju 2017

b'appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 7dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom

(ĠU L 121 12.5.2017, p. 39)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 148, 10.6.2017, p.  48 (2017/809)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/809

tal-11 ta' Mejju 2017

b'appoġġ għall-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 7dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom



Artikolu 1

1.  F'konformità mal-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (l-“istrateġija tal-UE”), li tistabbilixxi l-objettiv tal-promozzjoni tar-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tat-tisħiħ tal-ħila esperta tiegħu sabiex jaffronta l-isfidi tal-proliferazzjoni, l-Unjoni għandha tappoġġa aktar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) u l-UNSCR 1977 (2011).

2.  Il-proġetti b'appoġġ għall-UNSCR 1540 (2004), li jikkorrispondu għal miżuri konformi mal-istrateġija tal-UE, għandhom jikkonsistu f'workshops subreġjonali, żjarat f'pajjiżi, laqgħat, avvenimenti, taħriġ u eżerċizzji ta' relazzjonijiet pubbliċi.

3.  L-għanijiet tal-proġetti għandhom jikkonsistu fi:

 it-tisħiħ tal-isforzi u l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti primarjament permezz ta' taħriġ, il-bini ta' kapaċità u l-faċilitazzjoni tal-assistenza, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' programmi oħra tal-Unjoni u atturi oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540(2004), sabiex jiġu żgurati sinerġiji u kumplimentarjetà;

▼C1

 kontribut għall-implimentazzjoni prattika ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi kemm tar-rieżami komprensiv tal-2009 tal-istat ta' implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) kif ukoll tal-eżitu tar-rieżami komprensiv li twettaq matul l-2016, b'mod partikolari fl-oqsma tal-assistenza teknika, il-kooperazzjoni internazzjonali u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku;

▼B

 appoġġ għall-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali volontarji għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) fuq talba tal-Istati;

 il-promozzjoni tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati rilevanti mill-industrija u s-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

4.  Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.  Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.  L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-UNODA, f'kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), l-Unjoni Afrikana, l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u l-Lega tal-Istati Għarab, skont il-każ. L-UNODA għandu jikkonkludi ftehim mal-OSKE rigward it-trasferiment tal-fondi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' proġetti speċifiċi tal-OSKE.

3.  L-UNODA għandu jwettaq l-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandha tidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

Artikolu 3

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 2 635 170,77 . Il-baġit totali stmat tal-proġett globali għandu jkun ta' EUR 2 672 770,77 , li għandu jingħata permezz ta' kofinanzjament mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

2.  L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha. Għandu jistipula wkoll li r-responsabbiltà aħħarija rigward l-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) vis-à-vis il-Kummissjoni għandha tkun fuq l-UNODA.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.  Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.




ANNESS

1.    OBJETTIV

L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni huwa l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) u l-UNSCR 1977 (2011), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, permezz ta' miżuri speċifiċi bl-għanijiet li ġejjin: it-tisħiħ tal-isforzi u l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti primarjament permezz tal-bini ta' kapaċità u l-faċilitazzjoni tal-assistenza; il-kontribut għall-implimentazzjoni prattika ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi kemm tar-rieżami komprensiv tal-2009 tal-istat ta' implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) kif ukoll tal-eżitu tar-rieżami komprensiv ippanat biex jitwettaq qabel Diċembru 2016, b'mod partikolari fl-oqsma tal-assistenza teknika, il-kooperazzjoni internazzjonali u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

2.    MIŻURI

2.1.    Objettivi tal-miżuri

 L-appoġġ għal attivitajiet ta' implimentazzjoni kemm speċifiċi għal kull pajjiż kif ukoll reġjonali, inkluż l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali volontarji għall-implimentazzjoni jew pjanijiet direzzjonali għall-implimentazzjoni ta' rekwiżiti ewlenin tal-UNSCR 1540 (2004), taħriġ għall-esperti nazzjonali, tisħiħ tal-isforzi ta' koordinazzjoni reġjonali/subreġjonali u attivitajiet oħra mfassla għall-promozzjoni ta' proċess sostnut ta' implimentazzjoni nazzjonali u subreġjonali;

 Il-promozzjoni tal-universalità tar-rapportar u l-appoġġ għaliha kif tappella għaliha l-UNSCR 1540 (2004);

 It-tisħiħ tar-rwol tal-industrija u tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004);

 Is-sensibilizzazzjoni fost dawk li jfasslu l-politika u r-rappreżentanti tal-industrija u s-soċjetà ċivili dwar l-importanza tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004);

 It-tisħiħ tal-kooperazzjoni subreġjonali, reġjonali u internazzjonali rigward l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) b'kont debitament meħud tar-rwol tal-Kumitat 1540 u l-Grupp ta' Esperti tiegħu, kif ukoll tal-programm ta' ħidma tal-Kumitat;

 Kontribut biex jinkisbu sinerġiji akbar fl-isforzi tal-partijiet kkonċernati internazzjonali fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004), b'mod partikolari fir-reġjun tal-OSKE.

2.2.    Deskrizzjoni tal-miżuri

(a) L-UNODA, filwaqt li jaġixxi f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat 1540, ser jirrispondi għal sa seba' talbiet għall-assistenza minn Stati, filwaqt li jagħti prijorità lil Stati mir-reġjun tal-OSKE, ir-reġjun Afrikan kif ukoll ir-reġjun tal-Golf u l-Lvant Nofsani. L-assistenza mogħtija ser tkun imfassla biex l-Istati jkunu jistgħu jieħdu passi prattiċi addizzjonali biex jimplimentaw l-obbligi tal-UNSCR 1540 (2004) fil-livell nazzjonali, sabiex b'hekk jiġu indirizzati talbiet minn Stati lill-Kumitat 1540 għal assistenza. Tali assistenza ser tkun komplementari għall-funzjoni ta' korrelazzjoni tal-Kumitat 1540, iżda mhux ser tinkludi l-għoti jew l-akkwist ta' tagħmir tekniku.

(b) L-UNODA ser jappoġġa sforzi biex tinkiseb l-universalità tar-rapportar. Filwaqt li l-UNSCR 1540 (2004) tappella lill-Istati biex jippreżentaw, mhux aktar tard minn sitt xhur mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni, l-ewwel rapport lill-Kumitat 1540 dwar il-passi li ħadu jew li biħsiebhom jieħdu biex jimplimentaw dik ir-Riżoluzzjoni, għad hemm numru ta' Stati li ma rrapportawx. F'dak il-kuntest, l-UNODA ser jappoġġa permezz taċ-Ċentru Reġjonali tiegħu fl-Afrika (UNREC) u ċ-Ċentru Reġjonali tiegħu fl-Asja u l-Paċifiku (UNRCPD), u f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Unjoni Afrikana u ċ-Centri ta' Eċċellenza reġjonali rilevanti tal-Unjoni Ewropea għall-Mitigazzjoni ta' Riskji Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (iċ-“Ċentri ta' Eċċellenza UE-CBRN”), sa ħames attivitajiet nazzjonali jew reġjonali mmirati b'mod speċifiku lejn Stati li ma jirrapportawx.

(c) Barra minn hekk, l-UNODA ser jappoġġa tliet korsijiet ta' taħriġ reġjonali/subreġjonali għal punti ta' kuntatt nazzjonali nominati minn Stati bl-għan li jikkoordinaw l-implimentazzjoni nazzjonali tal-UNSCR 1540 (2004) u li jgħinu fl-iżvilupp ta' netwerk ta' punti ta' kuntatt kif ukoll li jtejbu l-komunikazzjoni tagħhom mal-Kumitat 1540.

(d) Fost attivitajiet oħrajn, l-UNODA ser jagħti subkuntratt lis-Segretarjat tal-OSKE għal studju dwar kif jistgħu jiġu promossi aktar sinerġiji fl-isforzi ta' partijiet ikkonċernati internazzjonali rilevanti involuti fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) fir-reġjun tal-OSKE.

(e) L-UNODA ser jappoġġa sa tliet konferenzi reġjonali dwar l-industrija taħt l-UNSCR 1540 (2004). Mill-2012, il-Gvern tal-Ġermanja, bl-appoġġ tal-programm ta' sensibilizzazzjoni tal-UE għal oġġetti b'użu doppju u l-UNODA, ospita erba' konferenzi fil-belt ta' Wiesbaden għall-partijiet kkonċernati mill-industrija u s-soċjetà ċivili sabiex jitħeġġeġ l-involviment tal-industrija u tas-settur privat fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Wieħed mill-eżiti tar-raba' minn dawn il-konferenzi, li saret f'Novembru 2015 f'kooperazzjoni mal-Kumitat 1540, il-Grupp ta' Esperti tiegħu u l-UNODA, kien ftehim komuni biex jissaħħaħ l-approċċ reġjonali, jiġifieri jsiru konferenzi simili f'postijiet li jinkludu l-Asja, l-Amerika Latina u r-reġjuni tal-OSKE. Konferenzi reġjonali oħra għall-partijiet kkonċernati mill-industrija għandhom ikunu komplementari għall-ħidma taħt il-programmi rilevanti tal-Unjoni, eż. iċ-Ċentri ta' Eċċellenza UE CBRN u/jew il-Programm dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni EU P2P għal oġġetti b'użu doppju.

(f) L-UNODA ser jorganizza jew jappoġġa workshops għal rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-qasam akkademiku u l-industrija bil-ħsieb tal-implimentazzjoni prattika tar-rieżami komprensiv tal-2016 tal-istat tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540(2004). F'dak il-kuntest, l-UNODA ser jappoġġa l-parteċipazzjoni ta' uffiċjali nazzjonali mill-Istati li jitolbu l-assistenza f'korsijiet ta' taħriġ u attivitajiet oħra ta' bini ta' kapaċità.

Skont kif meħtieġ, l-UNODA ser ifittex sinerġiji mal-attivitajiet ta' atturi oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540(2004), iċ-Ċentri ta' Eċċellenza UE CBRN reġjonali kif ukoll programmi oħra sponsorizzati mill-Unjoni f'dan il-qasam.

2.3.    Riżultati tal-miżuri

It-titjib tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004) permezz ta' passi addizzjonali li għandhom jittieħdu mill-Istati għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha; l-iżvilupp ta' pjani ta' azzjoni jew pjani direzzjonali nazzjonali effettivi u realistiċi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti prinċipali ta' dik ir-riżoluzzjoni; it-tisħiħ ta' approċċi reġjonali u subreġjonali kkoordinati għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004); u l-istabbiliment ta' sħubiji effettivi bejn l-Istati parteċipanti u l-fornituri ta' assistenza.

▼C1

Numru ogħla tal-ewwel rapporti minn Stati li għad iridu jippreżentaw l-ewwel rapport nazzjonali tagħhom dwar l- implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

▼B

Involviment akbar tar-rappreżentanti tal-industrija u s-soċjetà ċivili fl-isforzi internazzjonali, reġjonali u nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004).

Aktar sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tal-UNSCR 1540 (2004) u r-riżultati tar-rieżamijiet komprensivi tal-2009 u l-2016.

3.    SĦAB GĦALL-MIŻURI

L-UNODA, filwaqt li jaġixxi f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat 1540, ser ikompli jiżviluppa sħubiji effettivi mal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti, b'mod partikolari l-OSKE, l-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab, kif ukoll maċ-Ċentri ta' Eċċellenza UE-CBRN, li jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea u huma implimentati b'mod konġunt miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) u l-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-NU dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja (UNICRI).

Rigward proġetti fir-reġjun tal-OSKE, l-UNODA għandu jikkonkludi ftehim mal-OSKE rigward it-trasferiment ta' fondi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' tali proġetti, biex b'hekk isir użu sħiħ mill-Memorandum ta' Qbil dwar l-implimentazzjoni konġunta ta' proġetti marbuta man-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva li l-UNODA u s-Segretarjat tal-OSKE kkonkludew fl-2011.

L-UNODA ser ukoll iżomm il-kooperazzjoni tiegħu ma' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali oħra, inklużi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), biex jiġu żgurati sinerġiji effettivi u tiġi evitata d-duplikazzjoni.

4.    INTERAZZJONI MAL-ISFORZI TAL-UNJONI

Abbażi ta' reazzjonijiet regolari mill-UNODA dwar l-attivitajiet tiegħu, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tikkomplementa dawk l-isforzi permezz ta' azzjoni diplomatika mmirata bil-għan li żżid is-sensibilizzazzjoni rigward l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u l-preżentazzjoni ta' rapporti nazzjonali.

5.    BENEFIĊJARJI TAL-MIŻURI

 Stati, uffiċjali tal-gvern;

 Il-Kumitat 1540 u entitajiet oħrajn tan-NU;

 Organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali;

 Il-gvernijiet u organizzazzjonijiet li jipprovdu u jirċievu assistenza teknika taħt l-UNSCR 1540 (2004);

 Is-soċjetà ċivili u l-industrija.

6.    POST

L-UNODA ser jagħżel postijiet potenzjali għal-laqgħat, workshops u avvenimenti oħrajn. Il-kriterji użati għall-għażla tal-postijiet ser jinkludu r-rieda u l-impenn ta' Stat rilevanti f'reġjun partikolari biex jospita l-avveniment. Il-postijiet speċifiċi ta' żjarat f'pajjiżi jew attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jiddependu fuq l-istediniet minn Stati interessati u, kif adatt, fuq deċiżjonijiet tal-Kumitat 1540 skont il-programm ta' ħidma tal-Kumitat.

7.    DURATA

Id-durata totali ppjanata tal-proġett hija ta' 36 xahar.

Top