KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2018 ( 1 )

Kawża C-683/16

Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V.

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja))

“Politika komuni tas-sajd - Konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi marini - Protezzjoni tal-ambjent - Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa - Kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea”

1.

Miżura, bħall-projbizzjoni ġenerali tal-użu ta’ ċerti tekniki u rkaptu tas-sajd f’siti naturali protetti, intiżi li jipproteġu l-ekosistema marina kollha, taqa’, għall-finijiet tat-Trattati UE, fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini taħt il-politika komuni tas-sajd (iktar ’il quddiem il-“PKS”) jew fil-qasam tal-politika ambjentali?

2.

Fil-qosor, din hija l-kwistjoni ewlenija mqajma f’din il-kawża.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013

3.

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ( 2 ) fih dispożizzjonijiet intiżi li jimplementaw il-PKS.

4.

Il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE ( 4 ) u d-Direttiva 2008/56/KE ( 5 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jimponu ċerti obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali, żoni speċjali ta’ konservazzjoni u żoni protetti tal-baħar, rispettivament. Tali miżuri jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-PKS. Huwa, għalhekk, xieraq li l-Istati Membri jiġu awtorizzati jadottaw, fl-ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom, tali miżuri ta’ konservazzjoni li huma meħtieġa għall-konformità mal-obbligi tagħhom skont dawk l-atti tal-Unjoni fejn tali miżuri ma jaffettwawx l-interessi tas-sajd ta’ Stati Membri oħra. Fejn tali miżuri jistgħu jaffettwaw l-interessi tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, is-setgħa li tiġi adottata tali miżura għandha tingħata lill-Kummissjoni u għandu jsir rikors għal kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri kkonċernati.”

5.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprovdi, taħt it-titolu “Definizzjonijiet”:

“[…]

(5)

‘bastiment tas-sajd tal-Unjoni’ tfisser bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

[…]

(22)

‘Stat Membru li jkollu interess ta’ ġestjoni dirett’ tfisser Stat Membru li għandu interess li jikkonsisti jew f’opportunitajiet ta’ sajd jew minn sajd li jsir fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Istat Membru kkonċernat, jew, fil-Baħar Mediterran, minn sajd tradizzjonali f’ibħra miftuħa;

[…]”

6.

L-Artikolu 11, intitolat “Miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta’ konformità ma’ obbligi taħt il-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni” tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri b’dan jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni li ma jaffettwawx bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn li huma applikabbli għall-ilmijiet taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tagħhom u li huma meħtieġa għall-fini tal-konformità mal-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56/KE, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147/KE jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE, sakemm dawk il-miżuri jkunu kompatibbli mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2, jilħqu l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni li huma jkunu maħsuba biex jimplimentaw, u ma jkunux inqas stretti minn miżuri taħt il-liġi tal-Unjoni.

2.   Fejn Stat Membru (l-“Istat Membru inizjanti”) jqis li jeħtieġ li jiġu adottati miżuri għall-finijet ta’ konformità mal-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 u Stati Membri oħra għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd li jkun se jiġi affettwat minn tali miżuri, il-Kummissjoni b’dan hija mogħtija s-setgħa li tadotta tali miżuri, fuq talba, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 55. Għal din il-fini, għandu japplika mutatis mutandis l-Artikolu 17(1) sa (4) u (6).

[…]”

B.   Id-Direttiva 92/43

7.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 (imsejħa komunement id-“Direttiva Habitats”) jipprovdi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

C.   Id-Direttiva 2004/35/KE

8.

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali ( 6 ) tistabbilixxi qafas ibbażat fuq il-prinċipju li min iniġġes iħallas għall-prevenzjoni u r-rimedju tad-dannu ambjentali.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

9.

Deutscher Naturschutzring, Dachverband der deutschen Natur- und Umweltschutzverbände e.V. (iktar ’il quddiem “Deutscher Naturschutzring”) hija assoċjazzjoni ta’ konservazzjoni rrikonoxxuta awtorizzata li tressaq proċeduri legali fil-Ġermanja. Fit-30 ta’ Lulju 2014, Deutscher Naturschutzring talbet lill-Bundesamt für Naturschutz (l-Uffiċċju Federali għall-Protezzjoni tan-Natura, iktar ’il quddiem “l-Uffiċċju Federali”) sabiex jipprojbixxi, skont id-dritt nazzjonali, metodi ta’ sajd li jmissu qiegħ il-baħar, u l-użu ta’ għeżula, f’diversi siti ta’ “Natura 2000” ( 7 ) li jinsabu fiż-żona ekonomika esklużiva Ġermaniża fl-ibħra tat-Tramuntana u tal-Baltiku (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali”).

10.

Skont il-qorti tar-rinviju, f’dawn is-siti, is-sajd marittimu jsir bl-użu ta’ diversi prattiki tas-sajd. Uħud minn dawn il-prattiki jinvolvu l-użu ta’ rkaptu mobbli li jmiss qiegħ il-baħar li jikkawża ħsara lis-sikek u lis-sikek tar-ramel, u l-użu ta’ pariti stazzjonarji u ta’ għeżula jwassal għall-qabda anċillari ta’ foċeni u ta’ tjur marini.

11.

L-Uffiċċju Federali l-ewwel ċaħad l-applikazzjoni b’deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2014, u mbagħad ċaħad l-appell amministrattiv ta’ Deutscher Naturschutzring b’deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014. L-Uffiċċju Federali qies li ma kellux is-setgħa jadotta l-miżuri. Skont l-Uffiċċju Federali, dawk il-miżuri jaqgħu, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE. Sa fejn jaffettwaw is-sajd marittimu minn bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra fiż-żona ekonomika esklużiva Ġermaniża, miżuri ta’ dik in-natura għandhom jiġu adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikoli 11 u18 tar-Regolament Nru 1380/2013.

12.

Fis-27 ta’ Jannar 2015, Deutscher Naturschutzring ippreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva, Köln, il-Ġermanja). Din il-qorti, peress li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

L-Artikolu 11 tar-[Regolament Nru 1380/2013] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, applikabbli għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-[Direttiva 92/43], li jkollhom effetti fuq il-bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra u li jipprojbixxu kompletament, fiż-żoni Natura 2000, is-sajd marittimu professjonali permezz ta’ rkaptu rmunkat u xbieki fissi [għeżula] (“għeżula u xbieki tat-tħabbil” [pariti u għeżula])?

B’mod partikolari:

(a)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘miżuri ta’ konservazzjoni’ jinkludi t-tekniki ta’ sajd imsemmija fl-ewwel domanda?

(b)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra’ jinkludi wkoll il-bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru ieħor bil-bandiera tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

(c)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘jilħqu l-objettivi [għanijiet] tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni’ jinkludi wkoll il-miżuri adottati mill-Istat Membru li sempliċement jinkoraġixxu l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni msemmija?

(2)

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-miżuri adottati minn Stat Membru, applikabbli għal ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, li huma neċessarji sabiex iwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6 tad-[Direttiva 2004/35]?

(3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal waħda mid-domandi preliminari preċedenti jew għat-tnejn li huma:

Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-kuntest tal-politika komuni tas-sajd, prevista fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru tal-miżuri msemmija?”

13.

Deutscher Naturschutzring, l-Uffiċċju Federali, il-Gvern Spanjol, Pollakk u Portugiż ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’din il-kawża u l-Kummissjoni. Deutscher Naturschutzring, l-Uffiċċju Federali, il-Gvern Ġermaniż, Spanjol u Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali waqt is-seduta li saret fit-22 ta’ Novembru 2017.

III. Analiżi

A.   L-ewwel domanda preliminari

14.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru, fir-rigward tal-ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, ta’ miżuri maħsuba li jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, meta dawk il-miżuri jistgħu jaffettwaw bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn billi jipprojbixxu sajd permezz ta’ rkaptu li jmiss qiegħ il-baħar, kif ukoll ta’ għeżula. Għal dak il-għan, il-qorti tar-rinviju titlob b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega t-tifsira tat-termini “miżuri ta’ konservazzjoni”, “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn” u “jilħqu l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni” inklużi f’din id-dispożizzjoni.

15.

F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju Federali, il-Gvern Ġermaniż, Spanjol u Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu li tingħata risposta pożittiva għad-domanda. Fil-fehma tagħhom, peress li miżuri bħal projbizzjoni ġenerali tal-użu ta’ ċerti tekniki tas-sajd fis-siti tan-Natura 2000 jistgħu jaffettwaw bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, tali miżuri jistgħu jiġu adottati biss mill-Kummissjoni. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 ikopri miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16.

Għall-kuntrarju, il-Gvern Portugiż u Deutscher Naturschutzring huma tal-fehma li d-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Huma jsostnu, b’mod partikolari, li minħabba l-għan ambjentali tagħhom, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1380/2013 u, għaldaqstant, jistgħu jiġu adottati unilateralment minn Stat Membru.

17.

Fil-parti segwenti, ser nispjega għaliex naqbel mal-ewwel pożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, min-natura tagħhom stess, miżuri li jaqgħu fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini taħt il-PKS. Għalhekk, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013, Stat Membru ma jistax jadotta miżura bħal dik fir-rigward ta’ żoni fiż-żona ekonomika esklużiva tiegħu, meta dik il-miżura tista’ taffettwa d-drittijiet tas-sajd ta’ Stati Membri oħra.

1. Introduzzjoni: fuq il-politika tas-sajd u l-politika ambjentali

18.

Bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(d) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini skont il-PKS. Kuntrarjament, l-aspetti l-oħra tal-PKS u tal-ambjent jaqgħu, skont l-Artikolu 4(2)(d) u (e) TFUE, fost l-oqsma ta’ kompetenza kondiviża tal-Unjoni.

19.

Wieħed mill-argumenti prinċipali mressqa mill-Gvern Portugiż u Deutscher Naturschutzring insostenn tal-fehma tagħhom huwa li, peress li r-Regolament Nru 1380/2013 ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE, jista’ jirrigwarda miżuri tas-sajd biss iżda mhux miżuri adottati bil-għan li jiġi protett l-ambjent.

20.

Madankollu, argument simili ħafna diġà ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Mondiet ( 8 ). Dak il-każ kien jeżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, inter alia, il-legalità ta’ dispożizzjoni li tintroduċi, għal skopijiet ambjentali, projbizzjoni tal-użu ta’ ċerti tekniki u rkaptu tas-sajd inklużi f’miżura tal-Unjoni adottata fuq bażijiet legali tal-PKS.

21.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dispożizzjoni inkwistjoni stabbilixxiet ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi marini u ġiet adottata sabiex tipproteġi ż-żoni tas-sajd. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni serviet ukoll skop ambjentali billi kienet meħtieġa bażi legali addizzjonali għall-adozzjoni tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, skont l-Artikolu 130r(2) tat-Trattat KEE (issa ssostitwit, essenzjalment, bl-Artikolu 11 TFUE), rekwiżiti ta’ protezzjoni ambjentali kellhom ikunu komponent tal-politiki l-oħra tal-Komunità. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li s-sempliċi fatt li miżura Komunitarja ħadet inkunsiderazzjoni dawk ir-rekwiżiti ma kienx ifisser li dik il-miżura kellha tkun parti mill-politika tal-Komunità dwar kwistjonijiet ambjentali ( 9 ).

22.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, fil-fehma tiegħi, kompletament trasponibbli għall-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-kontenut ta’ dawn il-miżuri jikkonċerna, min-natura tiegħu stess, il-PKS u speċjalment il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini. Dawn il-miżuri jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti tekniki u rkaptu tas-sajd, u b’hekk jirregolaw il-mod kif l-attivitajiet tas-sajd jistgħu jitwettqu f’ċerti żoni u konsegwentement jaffettwaw il-kwantitajiet ta’ riżorsi bijoloġiċi marini mistada f’dawk iż-żoni.

23.

Huwa minnu li dawn il-miżuri jaffettwaw ukoll speċi oħra li ma jkunux dawk suġġetti għas-sajd u, b’mod iktar ġenerali, l-ekosistema sħiħa tas-siti. Madankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex dawn il-miżuri jitneħħew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-PKS. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-ispeċijiet kollha ta’ annimali — inklużi l-ispeċijiet marini suġġetti għas-sajd — jistgħu jgħixu, jirriproduċu u jitkattru biss meta l-ekosistema tagħhom tkun ippreżervata biżżejjed. Kwalunkwe bidla sinjifikattiva tal-komponenti ħajjin u/jew mhux ħajjin ta’ ekosistema marina aktarx se jkollha impatt fuq il-ħażniet tas-sajd f’dawk is-siti. Huwa għalhekk li r-Regolament Nru 1380/2013 għandu l-intenzjoni li jimplementa approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, sabiex jiġi żgurat li l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema marina jiġu mminimizzati u tiġi evitata, kemm jista’ jkun, id-degradazzjoni tal-ambjent marin ( 10 ).

24.

Għad-differenza tal-Gvern Portugiż, ma ninterpretax is-sentenza Kramer ( 11 ) tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li huma biss il-miżuri li jikkonċernaw ir-riżorsi marini li jistgħu jiġu sfruttati kummerċjalment, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PKS. Apparti l-fatt li dik is-sentenza tmur lura għal perijodu meta t-Trattat KEE ma kien jinkludi ebda dispożizzjoni speċifika dwar kwistjonijiet ambjentali (u wisq inqas li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ integrazzjoni attwalment previst fl-Artikolu 11 TFUE ( 12 )), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement sostniet li dak li huwa deċiżiv sabiex miżura ta’ konservazzjoni tappartjeni għall-PKS huwa jekk, fuq medda twila ta’ żmien, dik il-miżura hijiex neċessarja “biex tiżgura l-aħjar rendiment kostanti mis-sajd” ( 13 ). Għar-raġunijiet spjegati fil-punt preċedenti, inqis li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfatt mill-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 1380/2013 li tirrikonoxxi li d-Direttivi 2009/147, 92/43 u 2008/56 jimponu ċerti obbligi fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali u, sabiex jikkonformaw ma’ dawk l-obbligi, l-Istati Membri jistgħu jkollhom jadottaw “miżuri li jaqgħu taħt il-PKS”.

26.

Wara kollox, l-idea sottostanti l-Artikolu 3(1)(d) TFUE hija li l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar tal-għan purament ekonomiku tal-aħjar sfruttament tar-riżorsi marini mal-għan ta’ konservazzjoni orjentat iktar lejn l-ambjent u ġestjoni fit-tul ta’ dawk ir-riżorsi u, bħala konsegwenza, tal-ekosistemi marini kollha, għandu jitwettaq fil-livell tal-Unjoni. Jekk l-Istati Membri setgħu b’mod unilaterali jadottaw miżuri li setgħu jaffettwaw immedjatament u direttament “fejn, kif u kemm” l-attivitajiet tas-sajd li jistgħu jitwettqu, l-effettività u l-koerenza tal-PKS ikunu mxekkla, u dan iwassal għal frammentazzjoni u distorsjoni tas-suq mifrux mal-Unjoni kollha.

27.

Huwa importanti li jinżamm kont tal-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tal-Unjoni li twettaq skop doppju jew li għandha komponent doppju għandha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika waħda — jiġifieri, dik meħtieġa mill-għan jew komponent prinċipali jew predominanti — jekk wieħed minn dawk huwa identifikabbli bħala l-għan jew komponent prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa biss inċidentali ( 14 ). Għalhekk, il-fatt li r-Regolament Nru 1380/2013 huwa bbażat fuq l-Artikolu 43(2) TFUE biss, ma jfissirx li ma jistax ma jinkludix dispożizzjonijiet ta’ natura anċillari li minħabba l-kontenut jew l-iskop tagħhom jappartjenu (jew sempliċement jaffettwaw) politiki oħra tal-Unjoni, pereżempju l-ambjent. Dan huwa a fortiori minnu fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li, bħall-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013, huma maħsuba li jirregolaw ir-relazzjoni bejn strumenti adottati f’oqsma differenti tal-attività tal-Unjoni.

28.

Għalhekk, anki jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 kellha titqies li għandha kontenut prinċipalment ambjentali, jew li tippersegwi prinċipalment skop ambjentali, dan ma jfissirx li ma setgħetx tiġi inkluża fi strument legali bbażat biss fuq il-bażi legali tas-sajd. Fil-fatt, tista’ titqies bħala dispożizzjoni ta’ natura anċillari, li tikkonċerna l-ambjent, legalment inkluża fi strument li jippersegwi għanijiet usa’ tal-politika tas-sajd.

29.

Dak ma jeskludix, evidentement, li dispożizzjoni ekwivalenti jew simili għall-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 ma setgħetx tiġi inkluża fi strument li jippersegwi għan ambjentali usa’, u għalhekk ibbażat (biss jew ukoll) fuq l-Artikolu 192 TFUE. Fi kliem ieħor, miżuri bħal dawk previsti minn Deutscher Naturschtuzring jistgħu tabilħaqq ikunu mfassla sabiex jipproteġu l-ekosistema marina fl-intier tagħha (u mhux biss jew prinċipalment riżorsi marini li huma kummerċjalment sfruttabbli), iżda dak ma jfissirx li ma humiex validament irregolati mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013. Jekk dik id-dispożizzjoni hija legali — u ebda parti ma argumentat li ma hijiex — allura ma narax kif ir-regoli f’dik id-dispożizzjoni jistgħu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni.

30.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-PKS, u b’mod partikolari tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika ambjentali tal-Unjoni. Peress li tal-ewwel huwa qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, dawk il-miżuri jistgħu jiġu adottati biss mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sakemm l-Unjoni tiddelega jew tawtorizza lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jagħmlu dan.

31.

Huwa f’dan l-isfond li ser nindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi mqajma mill-qorti tar-rinviju. Anki jekk, kif isostni l-Uffiċċju Federali, uħud minn dawn il-kwistjonijiet ma humiex determinanti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, madankollu ser neżaminahom kollha għal raġunijiet ta’ kompletezza.

2. Il-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni”

32.

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprovdi lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri li għandhom jitqiesu bħala “miżuri ta’ konservazzjoni” għall-finijiet ta’ dak ir-regolament. Dawk il-miżuri jinkludu “miżuri meħtieġa għall-konformità mal-obbligi skont il-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 12” ( 15 ). Huma jinkludu wkoll “miżuri tekniċi” bħal “karatteristiċi tal-irkapti tas-sajd u regoli dwar l-użu tagħhom”, “l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-kostruzzjoni tal-irkaptu tas-sajd” u “limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti rkapti tas-sajd, u fuq attivitajiet tas-sajd, f’ċerti żoni jew perijodi” ( 16 ). Il-kunċett ta’ “miżura teknika” huwa ddefinit ukoll fl-Artikolu 4(1) punt (20) tar-regolament bħala kwalunkwe “miżura li tirregola l-kompożizzjoni tal-qabdiet abbażi tal-ispeċi u d-daqs u l-impatti fuq komponenti tal-ekosistemi li jirriżultaw mill-attivitajiet tas-sajd billi jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiett għall-użu u l-istruttura tal-irkaptu tas-sajd u r-restrizzjonijiet tal-aċċess għal żoni tas-sajd”.

33.

Għalhekk mill-kliem stess tar-Regolament Nru 1380/2013 jirriżulta li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali — li jirregolaw u jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti tekniki u rkaptu tas-sajd — jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni” għall-finijiet ta’ dak ir-regolament.

3. Il-kunċett ta’ “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn”

34.

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika t-tifsira tat-termini “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn”.

35.

F’dak ir-rigward, jiena nosserva li, minn naħa, il-punt 5 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jiddefinixxi l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’riferiment kemm għall-bandiera li jtajjar il-bastiment kif ukoll għall-pajjiż tar-reġistrazzjoni tiegħu. It-tieni nett, l-Artikolu 19 tal-istess regolament, li jikkonċerna l-miżuri għall-konservazzjoni ta’ ħażniet tas-sajd fl-ibħra tal-Unjoni, jirreferi wkoll għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat. It-tielet nett, riferiment għal dawn iż-żewġ rekwiżiti jidher li jirriżulta wkoll mill-Artikolu 24(1) tar-regolament, li jgħid li l-“Istati Membri għandhom jirreġistraw dik l-informazzjoni dwar is-sidien, dwar il-karatteristiċi tal-bastiment u tal-irkaptu u dwar l-attività tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom li tkun meħtieġa għall-ġestjoni tal-miżuri stabbiliti taħt dan ir-Regolament”. Għalhekk, ir-Regolament Nru 1380/2013 jidher li jieħu bħala riferiment tan-nazzjonalità ta’ bastiment kemm il-bandiera tiegħu kif ukoll il-post ta’ reġistrazzjoni.

36.

Huwa importanti li ż-żewġ kunċetti, normalment, jikkoinċidu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 91 (“Nazzjonalità tal-bastimenti”) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ( 17 ), “kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-bastimenti, għar-reġistrazzjoni ta’ bastimenti fit-territorju tiegħu, u għad-dritt li l-bastimenti jtajru l-bandiera tiegħu. Il-bastimenti għandhom ikollhom in-nazzjonalità tal-Istat li huma intitolati jtajru l-bandiera tiegħu ”. L-Artikolu 94 (“Dmirijiet tal-Istat tal-bandiera”) tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi wkoll li kull Membru għandu “jeżerċita effettivament il-ġurisdizzjoni tiegħu u l-kontroll f’kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu” u, b’mod partikolari, “iżomm reġistru tal-bastimenti bl-ismijiet u bid-dettalji tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu”, u“jassumi ġurisdizzjoni skont id-dritt intern fuq kull bastiment li jtajjar bandiera tiegħu […] fir-rigward ta’ kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali li jikkonċernaw il-bastiment”. F’konformità ma’ dawk ir-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li bastiment għandu, bħala prinċipju, nazzjonalità waħda biss, dik tal-Istat li fih huwa rreġistrat ( 18 ).

37.

Għaldaqstant, it-termini “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn” fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal bastimenti rreġistrati fi — u għalhekk itajru l-bandiera ta’ — Stati Membri għajr dak li għandu s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fl-ibħra kkonċernati.

38.

F’dan il-kuntest, nixtieq inżid li, fl-iskema tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013, in-nazzjonalità tal-bastimenti affettwati mill-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għall-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni hija element kruċjali. Fil-fatt, skont il-paragrafu 1 ta’ dik id-dispożizzjoni, miżuri ta’ konservazzjoni li jaffettwaw biss il-bastimenti nazzjonali jistgħu jiġu adottati mill-Istat Membru kkonċernat minn jeddu, sakemm il-kundizzjonijiet rilevanti jkunu ssodisfatti. Min-naħa l-oħra, miżuri ta’ konservazzjoni li jistgħu jaffettwaw ukoll bastimenti ta’ Stati Membri oħra għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skont il-proċeduri speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 11(2) sa (6) u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1380/2013 ( 19 ).

39.

Dan ir-rekwiżit ta’ effett fuq il-bastimenti ta’ Stati Membri oħra huwa speċifikat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1380/2013, li jirreferi għal “Stati Membri oħra [li] għandhom interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd li jkun se jiġi affettwat minn tali miżuri”. Dik l-espressjoni hija, min-naħa tagħha, iddefinita fl-Artikolu 4(1) punt 22 tar-Regolament Nru 1380/2013 kif ġej: “Stat Membru li jkollu interess ta’ ġestjoni dirett’ tfisser Stat Membru li għandu interess li jikkonsisti jew f’opportunitajiet ta’ sajd jew minn sajd li jsir fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Istat Membru kkonċernat […]”.

40.

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta, kif jindikaw ġustament l-Uffiċċju Federali u l-Kummissjoni, li l-azzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1380/2013 hija, bħala regola, meħtieġa meta l-miżuri ta’ konservazzjoni jaffettwaw bastimenti ta’ Stati Membri oħra li jistadu fis-sit ikkonċernat jew li, minkejja li ma kinux (jew għadhom ma humiex) jistadu fis-sit ikkonċernat, għandhom id-dritt jagħmlu dan.

4. Il-kunċett ta’ “[jintlaħqu] l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni”

41.

Finalment, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-kunċett ta’ “[jintlaħqu] l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni” skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013. B’mod partikolari, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk dik l-espressjoni timplikax li l-miżuri ta’ konservazzjoni inkwistjoni għandhomx ikunu, minnhom infushom, biżżejjed sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni jew, minflok, huwiex biżżejjed li sempliċement jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

42.

Il-problema mqajma minn din il-kwistjoni hija, probabbilment, iktar terminoloġika milli sostantiva.

43.

Jidhirli li meta tittieħed miżura speċifika jew iktar bil-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, huwa rarament li l-awtoritajiet jistgħu jkunu ċerti li l-għanijiet segwiti ser jinkisbu b’mod sħiħ u żgur permezz ta’ dawk il-miżuri stess. Fil-fatt, ta’ spiss ikun diffiċli li tiġi evalwata l-effettività tal-miżuri previsti ex ante, u riżultat kemxejn pożittiv jista’ jiddependi fuq varjetà ta’ fatturi, li wħud minnhom ma jistgħux jiġu kompletament ikkontrollati jew antiċipati. Dan huwa a fortiori minnu meta azzjoni titqies neċessarja sabiex tindirizza fenomeni li l-kawżi tagħhom jistgħu jkunu numerużi, diversi u forsi anki suġġetti għal kontroversja minn perspettiva xjentifika. Barra minn hekk, l-għanijiet ambjentali huma ta’ spiss għanijiet fit-tul li jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ għadd kbir ta’ miżuri li jistgħu jiġu adattati maż-żmien, skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni.

44.

Huwa minnu li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jitkellem ukoll dwar miżuri ta’ konservazzjoni “li huma meħtieġa” għall-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni ( 20 ), u dan jista’ jagħti l-impressjoni li l-miżuri koperti minn din id-dispożizzjoni huma biss dawk li huma indispensabbli sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati.

45.

Madankollu, dan it-terminu jista’ jiġi spjegat b’riferiment għall-fatt li l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jeżiġi li l-Istati Membri jsibu bilanċ bejn żewġ settijiet ta’ għanijiet, li kultant jikkompetu kontra xulxin: l-għanijiet tal-PKS (stabbiliti fl-Artikolu 39 TFUE u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1380/2013) u l-għanijiet ambjentali ppersegwiti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 11.

46.

Il-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu dan l-eżerċizzju ta’ bilanċ issir evidenti meta l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 11(1) għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni mill-Istati Membri jiġu eżaminati flimkien. Minn naħa, din id-dispożizzjoni tindika li l-miżuri għandhom ikunu “kompatibbli mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 [ta’ dak ir-Regolament]”. Min-naħa l-oħra, dik id-dispożizzjoni żżid li dawk il-miżuri għandhom ikunu kapaċi wkoll li “jilħqu l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni li huma jkunu maħsuba biex jimplimentaw”.

47.

Fi kliem ieħor, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 jeżiġi li l-Istati Membri jissuġġettaw il-miżuri previsti għal test ta’ proporzjonalità. Silta waħda ewlenija ta’ dan it-test hija, skont ġurisprudenza stabbilita ( 21 ), il-verifika li dawk il-miżuri jkunu xierqa u meħtieġa — maħsuba bħala miżuri li aktarx jagħtu kontribut pożittiv u mhux insinjifikattiv — sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali ippersegwiti mill-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43.

48.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “[jintlaħqu] l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni” skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 ifisser li l-miżuri ta’ konservazzjoni inkwistjoni għandhom jagħtu kontribut pożittiv u mhux insinjifikattiv għall-kisba tal-għanijiet ambjentali ppersegwiti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fih.

5. Konklużjoni dwar l-ewwel domanda

49.

Bħala konklużjoni għal din il-kwistjoni, nerġa’ nenfasizza li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu, min-natura tagħhom stess, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013. Ma hemmx dubju li: (i) il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitqiesu, mill-inqas minn Deutscher Naturschutzring, li huma meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43; u li (ii) dawn il-miżuri, meta jipprojbixxu ċerti tekniki tas-sajd għall-bastimenti kollha li jistadu f’ċerti siti protetti, jistgħu jaffettwaw l-interessi tas-sajd ta’ Stati Membri oħra għajr il-Ġermanja ( 22 ).

50.

Fid-dawl ta’ dan, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb l-ewwel domanda fis-sens li, b’interpretazzjoni xierqa, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru, fir-rigward ta’ ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, ta’ miżuri intiżi għall-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43, meta dawn il-miżuri jistgħu jaffettwaw bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra billi jipprojbixxu sajd permezz ta’ rkaptu tas-sajd li jmiss ma’ qiegħ il-baħar kif ukoll permezz ta’ għeżula.

B.   It-tieni domanda preliminari

51.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprekludix miżuri ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu li huma meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.

52.

Din id-domanda, kif ifformulata mill-qorti tar-rinviju, tidher vaga wisq u, effettivament, ma tistax tingħata risposta siewja. Evidentement, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni, minn Stat Membru, fir-rigward ta’ ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, ta’ kwalunkwe miżura li tista’ titqies meħtieġa għall-konformità mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.

53.

Għaldaqstant, id-domanda trid tiġi fformulata mill-ġdid. Essenzjalment, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprekludix miżuri ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk jitqiesu li huma neċessarji għall-konformità mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.

54.

Qabelxejn, għandi nistqarr li ma huwiex ċar għalija kif miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jitqiesu li huma neċessarji sabiex il-Ġermanja tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/35.

55.

Il-prinċipju fundamentali ta’ dik id-direttiva huwa li operatur li l-attività tiegħu tkun ikkawżat dannu ambjentali jew it-theddida imminenti ta’ tali dannu għandu jinżamm finanzjarjament responsabbli, sabiex l-operaturi jkunu inċentivati jadottaw miżuri u jiżviluppaw prattiċi sabiex inaqqsu r-riskji ta’ ħsara ambjentali sabiex l-espożizzjoni tagħhom għar-responsabbiltajiet finanzjarji titnaqqas. Għal dan il-għan, id-Direttiva 2004/35 għandha l-intenzjoni li tistabbilixxi qafas komuni għall-prevenzjoni u għar-rimedju għal danni ambjentali bi prezz raġonevoli għas-soċjetà ( 23 ).

56.

Għandu jiġi nnotat li d-direttiva tispjega, fil-premessa 13 tagħha, li “[m]hux il-forom kollha ta’ danni ambjentali jistgħu jkunu rmedjati permezz tal-mekkaniżmu tar-responsabbilità [stabbiliti mill-imsemmija direttiva]. Sabiex dan ta’ l-aħħar jista’ jkun effettiv, hemm bżonn li jkun hemm wieħed jew iktar niġġieża identifikabbli, id-danni jriedu jkunu konkreti u kwantifikabbli, u katina ta’ kawżazzjoni għandha tkun stabbilita bejn id-danni u n-niġġies(a) identifikat(i). Ir-responsabbilità għalhekk mhiex istrument adattat fil-kuntest ta’ tinġiż mifrux, meta jkun impossibbli torbot l-effetti ambjentali negattivi ma’ azzjoni jew nuqqas ta’ ċertu atturi individwali”.

57.

Madankollu, it-tip ta’ ħsara li Deutscher Naturschutzring għandha l-intenzjoni tipprevjeni permezz tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija preċiżament waħda ta’ natura mifruxa u diffuża. L-argumenti ta’ Deutscher Naturschutzring jidhru li huma bbażati fuq il-premessa li kwalunkwe użu tat-tekniki u tal-irkaptu tas-sajd ikkontestati inevitabbilment qiegħed jikkawża ċerta ħsara lill-ekosistema marina tas-siti protetti.

58.

Barra minn hekk, l-obbligi sostantivi ewlenin li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/35 huma għall-operaturi ekonomiċi, iktar milli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.

59.

Madankollu, f’dan ir-rigward, Deutscher Naturschutzring tinvoka l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva, li essenzjalment jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu (i) proċeduri amministrattivi li jippermettu lil persuni interessati jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jieħdu azzjoni skont din id-direttiva fil-każ ta’ ħsara ambjentali jew theddida imminenti ta’ tali ħsara, u (ii) proċeduri ta’ reviżjoni li jippermettu lil dawn il-persuni jikkontestaw l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet. Madankollu, kif jirriżulta ċar mill-premessi 24 sa 26, dawn il-proċeduri għandhom jinftiehmu bħala mezzi ta’ implementazzjoni jew infurzar tad-direttiva. Fi kliem ieħor, il-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jibqa’ kkonfinat għas-suġġett tad-Direttiva 2004/35 li, kif previst fl-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi stabbilit qafas ta’ responsabbiltà ambjentali bbażat fuq il-prinċipju li “min iniġġes iħallas”.

60.

Għaldaqstant, ma hemmx bażi sabiex l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35 jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ proċeduri amministrattivi u ta’ reviżjoni li jippermettu lill-individwi jitolbu lill-awtoritajiet jintervjenu rigward kwalunkwe attività tal-bniedem li jista’ jkollha kwalunkwe tip ta’ effett fuq l-ambjent.

61.

Għandi dubji wkoll li d-Direttiva 2004/35 tista’ tkun applikabbli f’dan il-każ bis-saħħa tal-Artikolu 5, li jippermetti lill-Istati Membri, f’ċerti ċirkustanzi, jeżiġu li operaturi jieħdu “miżuri preventivi meħtieġa”. Miżuri preventivi jistgħu jiġu ordnati biss “kontra avveniment, att jew ommissjoni li toħloq periklu iminenti ta’ danni ambjentali, bl-iskop ta’ prevenzjoni jew tnaqqies ta’ dawk id-danni” ( 24 ). Barra minn hekk, dawk id-danni għandhom ikunu, kif imsemmi iktar ’il fuq, “konkreti u kwantifikabbli” u attribwibbli lil “niġġieża identifikabbli”, wieħed jew iktar.

62.

Fi kwalunkwe każ — minkejja l-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2004/35 f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali — jiena tal-fehma li r-risposta għat-tieni domanda tirriżulta mir-risposta proposta għall-ewwel domanda. Jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, min-natura tagħhom stess, jiġu attribwiti għall-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini taħt il-PKS, dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati biss jekk u meta jkunu permessi mir-regoli tal-PKS. L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 huwa d-dispożizzjoni ewlenija f’dan ir-rigward.

63.

Madankollu, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprovdi li, sa fejn jaffettwaw ukoll bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, il-Kummissjoni biss għandha s-setgħa tadotta tali miżuri. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni li jistgħu jiġu adottati skont l-Artikolu 11 huma biss dawk li huma neċessarji għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fi tliet dispożizzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni: l-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/147 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43. Ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/35 ma hija msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013.

64.

Kif tosserva l-Kummissjoni, ma hemm ebda indikazzjoni li tali lista ta’ dispożizzjonijiet legali għandha titqies bħala sempliċement indikattiva. Għall-kuntrarju, il-kliem tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jissuġġerixxi li l-lista hija eżawrjenti. Fil-fatt li jissemmew biss dawk it-tliet dispożizzjonijiet (u mhux oħrajn) kienet tkun għażla stramba li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jintroduċi klawżola iktar ġenerali li tirregola r-relazzjoni bejn il-PKS u l-leġiżlazzjoni ambjentali kollha tal-Unjoni.

65.

Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi applikat b’analoġija għal miżuri li jidhru li huma neċessarji għall-konformità ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni. Billi tagħti s-setgħa lill-Istati Membri jaġixxu b’mod eċċezzjonali f’qasam li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-eċċezzjoni għal regola ġenerali u għandha tiġi interpretata b’mod strett ( 25 ).

66.

Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk jitqiesu neċessarji għall-konformità mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.

C.   It-tielet domanda preliminari

67.

Peress li t-tielet domanda saret biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel u/jew għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda. Wara kollox huwa perfettament ċar minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu, min-natura tagħhom stess, fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marini taħt il-PKS u għalhekk, skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE, fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

68.

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa tad-dritt tal-Unjoni li tawtorizza jew li tiddelega lill-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma ma għandhomx tali poter.

IV. Konklużjoni

69.

Bħala konklużjoni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE, jipprekludi l-adozzjoni minn Stat Membru, fir-rigward ta’ ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, ta’ miżuri intiżi għall-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43 tal-21 ta’ Mejju 1992, meta dawk il-miżuri jistgħu jaffettwaw bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra billi jipprojbixxu s-sajd permezz ta’ rkaptu tas-sajd li jmiss qiegħ il-baħar, kif ukoll permezz ta’ għeżula;

miżuri bħall-projbizzjoni ta’ sajd permezz ta’ rkaptu tas-sajd li jmiss qiegħ il-baħar, kif ukoll permezz ta’ għeżula jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “miżuri ta’ konservazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013;

it-termini “bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħrajn” fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal bastimenti rreġistrati fi — u għalhekk itajru l-bandiera ta’ — Stati Membri għajr dak li għandu s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fl-ibħra kkonċernati;

it-termini li “jilħqu l-objettivi tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni” skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013, ifissru li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jagħtu kontribut pożittiv u mhux insinjifikattiv għall-kisba tal-għanijiet ambjentali ppersegwiti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fih;

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1380/2013 jipprekludi miżuri ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ ibħra taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk jitqiesu neċessarji għall-konformità mal-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2004/35.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22

( 3 ) Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010 L 20, p. 7).

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15,Vol. 2, p. 102).

( 5 ) Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU 2008 L 164, p. 19).

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15,Vol. 8, p. 357.

( 7 ) Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/43: “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”.

( 8 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Mondiet, C‑405/92, EU:C:1993:906.

( 9 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Mondiet, C‑405/92, EU:C:1993:906, punti 17 sa 28. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulman għall-istess kawża, EU:C:1993:822, punti 12 sa 17. Dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati wkoll f’ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja: ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Huber, C‑336/00,EU:C:2002:509, punt 33.

( 10 ) Ara speċjalment l-Artikolu 2(3), l-Artikolu 4(1)(9) u l-premessa 13 tar-Regolament Nru 1380/2013.

( 11 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et, 3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114.

( 12 ) Dan il -prinċipju ġie introdott għall-ewwel darba fit-Trattati mill-Att Uniku Ewropew fl-Artikolu 130r(2) imsemmi iktar ’il fuq tat-Trattat KEE.

( 13 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et, 3/76, 4/76 u 6/76, EU:C:1976:114, punti 56 sa 59.

( 14 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑377/12, EU:C:2014:1903, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Artikolu 7(1)(i) tar-Regolament Nru 1380/2013.

( 16 ) Artikolu 7(2)(a), (b) u (c) tar-Regolament Nru 1380/2013.

( 17 ) Magħmula f’Montego Bay, fl-10 ta’ Diċembru 1982, u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4,Vol. 3, p. 260).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 13, u tat-2 ta’ Diċembru 1992, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑280/89, EU:C:1992:481, punt 24.

( 19 ) Ara wkoll il-premessa 25 tar-Regolament Nru 1380/2013.

( 20 ) Enfasi miżjuda.

( 21 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod konsistenti li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li miżuri adottati minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew minn Stati Membri li jaġixxu fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimament ippersegwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni; fejn hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandu jsir rikors għal dik l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet ippersegwiti. Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, TofuTown.com, C‑422/16, EU:C:2017:458, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Il-Gvern Ġermaniż ikkonferma mill-ġdid dan l-aħħar punt waqt is-seduta.

( 23 ) Ara l-premessi 2 u 3 ta’ din id-direttiva.

( 24 ) Artikolu 2(10) tad-direttiva (enfasi miżjuda).

( 25 ) Il-fatt li hija l-Unjoni li tagħti lill-Istati Membri l-poter li jadottaw l-miżuri msemmija fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1380/2013 isir iktar evidenti meta jsir paragun tal-verżjoni Ġermaniża tar-Regolament ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tiegħu. Filwaqt li l-verżjoni Ġermaniża tuża t-termini “die Mitgliedstaaten haben das Recht” (Artikolu 11(1)) u “die Mitgliedstaaten […] zu ermächtigen” (premessa 25), verżjonijiet bħal pereżempju l-Ingliż, l-Ispanjol, il-Franċiż u t-Taljan jipprovdu b’mod espliċitu li hija l-Unjoni li tawtorizza lill-Istati Membri jaġixxu.