SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tranżitu estern – Trasport bit-triq tal-merkanzija mwettaq taħt carnet TIR – Artikolu 267 TFUE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR – Operazzjoni tat-TIR mhux imwettqa – Responsabbiltà tal-assoċjazzjoni garanti – Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR – Obbligu li, sa fejn ikun possibbli, jintalab il-ħlas mill-persuna jew persuni direttament responsabbli qabel ma ssir talba kontra l-assoċjazzjoni garanti – Noti ta’ spjega annessi mal-Konvenzjoni TIR – Regolament (KEE) Nru 2454/93 – Artikolu 457(2) – Kodiċi Doganali Komunitarju – Artikoli 203 u 213 – Persuni li akkwistaw jew żammew il-merkanzija u li kienu jafu jew li raġonevolment kien imisshom jafu li hija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali”

Fil-Kawża C‑224/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ April 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ April 2016, fil-proċedura

Asotsiatsiya na balgarskite predpriyatiya za mezhdunarodni prevozi i patishtata (Aebtri)

vs

Nachalnik na Mitinitsa Burgas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asotsiatsia na balgarskite predpriyatia za mezhdunarodni prevozi i patishtata (Aebtri), minn I. Krumov, avukat,

għall-Nachalnik na Mitnitsa Burgas, li qed jaġixxi għall-Mitnitsa Svilengrad, minn B. Borisov kif ukoll minn M. Petrova, P. Dobreva u M. Bosilkova-Kolipatkova, bħala aġenti,

għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn M. Wasmeier u B.-R. Killmann kif ukoll minn E. Georgieva u L. Grønfeldt, bħala aġenti, sussegwentement minn M. Wasmeier u B.-R. Killmann kif ukoll minn E. Georgieva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE, tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti [merkanzija] taħt il-carnets TIR, iffirmata f’Genève fl-14 ta’ Novembru 1975, u approvata fl-isem tal-Komunità Ekonomika Ewropea mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 208), fil-verżjoni tagħha emendata u konsolidata ppubblikata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE, tat-28 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 165, p.1) (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni TIR” jew il-“Konvenzjoni”), tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) u tal-Artikolu 213 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 629) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”), kif ukoll tal-Artikolu 457(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU 2008, L 327M, p. 879 u Rettifika ĠU 2009, L 71M, p. 560) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asotsiatsiya na balgarskite predpriyatiya za mezhdunarodni prevozi i patishtata (Aebtri) [assoċjazzjoni Bulgara tat-trasporti internazzjonali u tat-toroq (Aebtri)], assoċjazzjoni garanti, u n-Nachalnik na Mitinitsa Burgas (kap tad-dwana ta’ Bourgas, il-Bulgarija) dwar deċiżjoni ta’ rkupru fforzat ta’ dejn relatat mad-dazji tad-dwana u mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), b’interessi legali, li nħolqot minħabba irregolaritajiet imwettqa matul trasport internazzjonali tal-merkanzija li twettaq taħt carnet TIR.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni TIR

3

Il-Konvenzjoni TIR daħlet fis-seħħ għall-Komunità Ekonomika Ewropea fl-20 ta’ Ġunju 1983 (ĠU 1983, L 31, p. 13). L-Istati Membri kollha huma parti wkoll għall-imsemmija konvenzjoni.

4

Il-preambolu tal-Konvenzjoni TIR huwa redatt kif ġej:

“IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

FILWAQT LI JIXTIEQU jiffaċilitaw il-ġarr internazzjonali tal-merkanzija b’vetturi tat-triq,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li t-titjib tal-kundizzjonijiet tat-trasport jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi essenzjali għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni ta’ bejniethom,

FILWAQT LI JIDDIKJARAW lilhom infushom favur semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi fil-qasam tat-trasport internazzjonali, b’mod partikolari fuq il-fruntieri,

FTIEHMU kif ġej”.

5

Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni TIR:

“Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni:

a)

It-terminu “trasport TIR” għandu jfisser it-trasport ta’ merkanzija minn uffiċċju doganali ta’ tluq għal uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni skond il-proċedura, li tissejjaħ il-proċedura TIR, stabbilita f’din il-Konvenzjoni;

b)

it-terminu “operazzjoni TIR” għandu jfisser il-parti ta’ trasport TIR li titwettaq f’Parti Kontraenti minn uffiċċju doganali ta’ tluq jew ta’ dħul (en route) għal uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni jew ta’ ħruġ (en route);

[…]

e)

it-terminu “twettiq ta’ operazzjoni TIR” għandu jfisser ir-rikonoxximent mill-awtoritajiet doganali li l-operazzjoni TIR ġiet mitmuma b’mod korrett f’Parti Kontraenti. Dan jiġi stabbilit mill-awtoritajiet doganali fuq il-bażi ta’ paragun tad-data jew ta’ l-informazzjoni disponibbli fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni jew ta’ ħruġ (en route) u dik disponibbli fl-uffiċċju doganali ta’ tluq jew ta’ dħul (en route);

f)

it-terminu “dazji u taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni” għandu jfisser id-dazji doganali u d-dazji, it-taxxi, it-tariffi u l-pagamenti l-oħra kollha li jinġabru fi, jew b’konnessjoni ma’ l-importazzjoni jew ma’ l-esportazzjoni tal-merkanzija, imma li ma jinkludux it-tariffi u l-pagamenti limitati fl-ammont għall-ispiża approssimattiva tas-servizzi mogħtija;

[…]

o)

it-terminu “detentur” ta’ Carnet TIR għandu jfisser il-persuna li lilha nħarġilha Carnet TIR skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni u li f’ismha saret dikjarazzjoni doganali fil-forma ta’ Carnet TIR li tindika xewqa li fl-uffiċċju doganali ta’ tluq il-merkanzija titqiegħed taħt il-proċedura TIR. Huwa għandu jkun responsabbli għall-preżentazzjoni tal-vettura tat-triq, tal-kombinazzjoni tal-vetturi jew tal-kontejner flimkien mat-tagħbija u mal-Carnet TIR relatat magħha fl-uffiċċju doganali ta’ tluq, fl-uffiċċju doganali en route u fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni u għall-osservanza xierqa tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tal-Konvenzjoni;

[…]

q)

it-terminu “assoċjazzjoni garanti” għandu jfisser assoċjazzjoni approvata mill-awtoritajiet doganali ta’ Parti Kontraenti sabiex tagħmilha ta’ garanti għall-persuni li jużaw il-proċedura TIR.”

6

L-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR jipprevedi li l-merkanzija li tinġarr skont il-proċedura TIR, li tistabbilixxi, ma għandhiex tkun suġġetta għall-pagament jew għad-depożitu ta’ dazji u ta’ taxxi fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fl-uffiċċji doganali en route.

7

Għall-implementazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet, il-Konvenzjoni TIR teżiġi, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(b) tagħha, li l-merkanzija jkollha magħha, matul it-trasport kollu tagħha, dokument uniformi, il-carnet TIR, li jservi sabiex tiġi vverifikata r-regolarità tat-tranżazzjoni. Din teżiġi wkoll li t-trasport isir taħt garanzija ta’ assoċjazzjonijiet miftiehma mill-partijiet kontraenti, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tagħha.

8

Il-carnet TIR huwa magħmul minn numru ta’ folji żgħar li jinkludu l-irċevuta Nru 1 u l-irċevuta Nru 2, bil-mammiet korrispondenti tagħhom, li fuqhom tidher l-informazzjoni kollha meħtieġa peress li għal kull territorju li jgħaddu minnu jintużaw par irċevuti. Fil-bidu tal-operazzjoni ta’ trasport, l-irċevuta nru 1 tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tat-tluq. Ir-rilaxx isir meta tingħata lura l-irċevuta nru 2 li tintbagħat mill-uffiċċju doganali tal-ħruġ li jinsab fl-istess territorju doganali. Din il-proċedura tirrepeti ruħha għal kull territorju li jgħaddu minnu, billi jintużaw id-diversi partijiet ta’ rċevuti li jinsabu fl-istess carnet.

9

Il-Kapitolu II tal-Konvenzjoni TIR, intitolat “Il-Ħruġ tal-carnets TIR Ir-Responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjonijiet garanti”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 11 tagħha.

10

L-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprevedi:

“Kull Parti Kontraenti tista’ tawtorizza lill-assoċjazzjonijiet sabiex joħroġu Carnets TIR, jew direttament jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet korrispondenti, u biex jagħmluha ta’ garanti, sakemm ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet u mar-rekwiżiti minimi, kif ġie stabbilit fil-Parti I ta’ l-Anness 9. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrevokata jekk il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi inklużi fil-Parti I ta’ l-Anness 9 ma jibgħux jiġu sodisfatti.”

11

L-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni jipprovdi:

“1.   L-assoċjazzjoni garanti għandha timpenja ruħha li tħallas id-dazji u t-taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe imgħax awtomatiku, dovut skond il-liġijiet u r-regolamenti doganali tal-pajjiż fejn ġiet innotata irregolarità b’konnessjoni ma’ operazzjoni TIR. Għandha tkun responsabbli, b’mod konġunt u individwali flimkien mal-persuni li għandhom iħallsu s-somom li ssemmew aktar ’il fuq, għall-pagament ta’ tali somom.

2.   F’każi fejn il-liġijiet u r-regolamenti ta’ Parti Kontraenti ma jipprovdux għall-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni kif inhu pprovdut fil-paragrafu 1 t’aktar ’il fuq, l-assoċjazzjoni garanti għandha timpenja ruħha li tħallas, fl-istess kundizzjonijiet, somma daqs l-ammont tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u kwalunkwe imgħax awtomatiku.

[…]

7.   Meta jasal iż-żmien biex jitħallsu s-somom li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti, sakemm ikun possibbli, għandhom jeħtieġu l-pagament mingħand il-persuna jew il-persuni direttament responsabbli qabel ma jippretendu l-pagament mingħand l-assoċjazzjoni garanti.”

12

L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni TIR huwa redatt kif ġej:

“1.   Fejn operazzjoni TIR ma titwettaqx, l-awtoritajiet kompetenti m’għandux ikollhom id-dritt li jippretendu l-pagament tas-somom li jissemmew fl-Artikolu 8(1) u (2) mingħand l-assoċjazzjoni garanti sakemm, f’perjodu ta’ sena mid-data ta’ aċċettazzjoni tal-Carnet TIR minn dawk l-awtoritajiet, ma jkunux innotifikaw lill-assoċjazzjoni bil-miktub li l-operazzjoni ma twettqitx. L-istess dispożizzjoni għandha tapplika fejn iċ-ċertifikat ta’ tmiem ta’ l-operazzjoni TIR inkiseb b’mod mhux xieraq jew frawdolenti, ħlief li l-perjodu għandu jkun ta’ sentejn.

2.   Il-pretensjoni għall-pagament tas-somom li jissemmew fl-Artikol 8(1) u (2) għandha ssir lill-assoċjazzjoni garanti mhux qabel tliet xhur wara d-data meta l-assoċjazzjoni kienet informata li l-operazzjoni ma twettqitx jew li ċ-ċertifikat tat-tmiem ta’ l-operazzjoni TIR inkiseb b’mod mhux xieraq jew frawdolenti, u mhux aktar tard minn sentejn wara dik id-data. Madankollu, f’każi li, matul il-perjodu ta’ sentejn li ssemma aktar ’il fuq, saru s-suġġett ta’ proċeduri legali, kwalunkwe pretensjoni ta’ pagament għandha ssir fi żmien sena mid-data meta d-deċiżjoni tal-qorti ssir eżegwibbli.

3.   L-assoċjazzjoni garanti għandu jkollha perjodu ta’ tliet xhur, mid-data meta ssirilha talba għal pagament, fejn tħallas l-ammonti pretiżi. Is-somom imħallsa għandhom jiġu rimborsati lill-assoċjazzjoni jekk, fi żmien sentejn wara d-data meta saret it-talba għall-pagament, ġie stabbilit għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet dognalil li ma twettqet l-ebda irregolarità b’konnessjoni ma’ l-operazzjoni tat-trasport in kwistjoni.”

13

L-Artikolu 43 tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi:

“In-Noti ta’ Spjegazzjoni stabbiliti fl-Anness 6 u fil-Parti III ta’ l-Anness 7 jinterpretaw ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni u ta’ l-Annessi tagħha. Huma jiddeskrivu wkoll ċerti prattiki rakkomandati.”

14

Skont l-Artikolu 48 tal-imsemmija konvenzjoni:

“Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jipprevjeni lill-Partijiet Kontraenti li jifformaw Unjoni Doganali jew Ekonomika milli jimplimentaw dispożizzjonijiet speċjali rigward operazzjonijiet tat-trasport li jibdew jew jintemmu, jew jgħaddu mit-territorji tagħhom, sakemm tali dispożizzjonijiet ma jtaffux il-faċilitajiet ipprovduti minn din il-Konvenzjoni.”

15

L-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni TIR jistabbilixxi:

“L-Annessi għal din il-Konvenzjoni jifformaw parti integrali minn din il-Konvenzjoni.”

16

L-Anness 6 tal-Konvenzjoni TIR jinkludi b’mod partikolari l-preċiżjonijiet li ġejjin:

“Introduzzjoni għan-Noti ta’ Spjegazzjoni

[…]

ii)

In-Noti ta’ Spjegazzjoni ma jimmodifikawx id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni jew ta’ l-Annessi tagħha imma sempliċementi jagħmlu l-kontenut, it-tifsira u l-ambitu tagħhom aktar preċiżi,

[…]

0.8.7. (7)

Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jeħtieġu pagament mingħand il-persuna jew il-persuni direttament responsabbli għandhom jinkludu mill-inqas in-notifika tan-nuqqas tat-twettiq ta’ l-operazzjoni TIR u/jew it-trażmissjoni tal-pretensjoni għal pagament lid-detentur tal-Carnet TIR.

[…]”

17

L-ewwel parti tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni TIR jinkludi l-passaġġ li ġej:

“1.

Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi li l-assoċjazzjonijiet għandhom ikunu konformi magħhom sabiex ikunu awtorizzati mill-Partijiet Konraenti li joħroġu Carnets TIR u li jagħmluha bħala garanti skond l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni huma:

[…]

e)

L-istabbiliment ta’ ftehim bil-miktub jew kwalunkwe strument legali ieħor bejn l-assoċjazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti fejn hija stabbilita. […]

f)

Impenn fil-ftehim bil-miktub jew fi kwalunkwe strument legali ieħor taħt (e), li l-assoċjazzjoni:

[…]

iii)

għandha tivverifika kontinwament u, partikolarment, qabel ma titlob awtorizzazzjoni għal aċċess ta’ persuni għall-proċedura TIR, li tali persuni jissodisfaw il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi kif inhu stabbilit fil-Parti II ta’ dan l-anness;

[…]

v)

għandha tkopri r-responsabbiltajiet għas-sodisfazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti fejn hija stabbilita ma’ kumpanija ta’ l-assikurazzjoni, ma’ grupp ta’ assikuraturi jew ma’ istituzzjoni finanzjarja. […]

[…]”

18

L-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR tneħħa b’effett mit-13 ta’ Settembru 2012 u ġie ssostitwit minn dispożizzjoni ta’ kontenut kważi identika li tidher, minn dakinhar, fl-Artikolu 11(2) tal-imsemmija konvenzjoni (ĠU 2012, L 244, p. 1).

19

In-Nota ta’ Spjega dwar dan l-Artikolu 11(2) ġdid, hija redatta kif ġej:

L-isforzi kif ġew stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti sabiex iġiegħlu l-persuna jew il-persuni responsabbli għall-ħlas jinkludu, minn tal-inqas, azzjoni biex tintbagħat it-talba għall-ħlas lid-detentur tal-Carnet TIR, fl-indirizz tiegħu kif indikat fil-Carnet TIR, jew lill-persuna jew persuni responsabbli, jekk huma differenti, stabbiliti skont il-leġislazzjoni nazzjonali. […]”

Il-Kodiċi Doganali

20

Jidher fil-punt I, intitolat “[d]ispożizzjonijiet ġenerali” tal-punt B, intitolat “[t]ransitu estern” tat-Taqsima 3, intitolat “[a]rranġamenti sospensivi u proċeduri doganali b’impatt ekonomiku” tal-Kapitolu 2, intitolat “[p]roċeduri doganali”, tat-Titolu IV, intitolat “[t]rattament jew użu approvat mid-dwana”, tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 91 ta’ dan tal-aħħar jistabbilixxi:

“1.   Il-proċess ta’ transitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

a)

merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]

2.   Moviment kif issir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jiġri:

a)

taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità; jew

b)

taħt il-kopertura ta’ ktejjeb TIR (Konvenzjoni TIR) sakemm tali moviment:

1)

beda jew għandu jintemm barra l-Komunità; jew

[…]”

21

Jidher f’dan l-istess punt 1, l-Artikolu 92 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi:

“1.   Il-proċedura ta’ transitu estern għandha tintemm u l-obbligazzjonijiet tad-detentur għandhom ikunu mwettqa meta l-prodotti mqiegħda taħt il-proċedura u d-dokumenti meħtieġa jkunu ingħataw lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-proċedura in kwistjoni.

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom iwettqu l-proċedura meta jkunu f’pozizzjoni li jistbilixxu, fuq il-bażi ta’ paragun tad-data disponibbli għall-uffiċju tat-tluq u dik disponibbli lill-uffiċju doganali tad-destinazzjoni, li l-proċedura tkun intemmet korrettement.”

22

Jidher fil-punt II, intitolat “[d]ispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mat-transitu estern tal-Komunità” tal-punt B tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 96 tiegħu jipprovdi:

“1.   Il-prinċipal għandu jkun id-detentur tal-proċedura taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità. Għandu jkun responsabbli għal:

a)

preżentazzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni;

b)

l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura tat-transitu tal-Komunità.

2.   Minkejja l-obbligazzjonijiet tal-prinċipal skond il-paragrafu 1, min iġorr jew jircevi merkanzija u jaċċetta merkanzija meta jkun jaf li qegħda tiċċaqalaq taħt transitu tal-Komunità għandu wkoll ikun responsabbli għall-produzzjoni tal-merkanzija intatta fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni fit-terminu taż-żmien preskritt u bl-osservanza dovuta tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni.”

23

L-Artikoli 201 sa 216 tal-Kodiċi Doganali jifformaw il-Kapitolu 2 intitolat “[m]eta jiġi inkors dejn doganali” tat-Titolu VII intitolat “[d]ejn doganali” tal-imsemmi kodiċi.

24

Skont l-Artikolu 203 ta’ dan il-kodiċi:

“1.   Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.”

2.   Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

3.   Id-debituri għandhom ikunu:

il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

kull persuna li tkun ipparteċipat f’dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali,

u

fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji.”

25

L-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Fejn diversi persuni jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dejn doganali wieħed, dawn għandhom ikunu responsabbli solidalment u separatament għal dak id-dejn.”

Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

26

L-Artikoli 454, 455, 455a u 457 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jidhru fit-Taqsima 2, intitolata, “[i]l-proċedura TIR”, tal-Kapitolu 9, intitolat “[t]rasport taħt il-proċedura TIR jew ATA”, tat-Titolu II, intitolat “[s]tatus doganali ta’ oġġetti u transitu”, tal-Parti II intitolata “[t]rattament jew użu approvati mid-Dwana”, ta’ dan ir-regolament.

27

Skont l-Artikolu 454 tal-imsemmi regolament:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din it-taqsima japplikaw għat-trasport ta’ merkanzija koperta mill-“carnets” TIR fejn huma nvoluti dazji ta’ importazzjoni jew ħlasijiet oħra fil-Komunità.”

28

L-Artikolu 455 tar-Regolament ta’ implementazzjoni huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tal-ħruġ għandhom jirritornaw il-parti xierqa tal-“voucher” Nru 2 tal-“carnet” TIR lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membru tad-dħul jew tat-tluq mingħajr dewmien u l-aktarnett fi żmien xahar mid-data tat-tmiem ta’ l-operazzjoni TIR.

2.   Jekk il-parti xierqa tal-“voucher” Nru 2 tal-“carnet” TIR ma tkunx ingħatat lura lill-Istat Membru tad-dħul jew tat-tluq fi żmien xahrejn mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tal-“carnet” TIR, dawk l-awtoritajiet għandhom jinfurmaw lill-assoċjazzjoni garanti konċernata, mingħajr preġudizzju għan-notifika li għandha ssir skond l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni TIR.

Għandhom ukoll jinfurmaw lid-detentur tal-“carnet” TIR, u jistiednu lill-imsemmi detentur u lill-assoċjazzjoni garanti konċernata biex jipprovdu evidenza li l-operazzjoni TIR tkun intemmet.

3.   L-evidenza msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tista’ tiġi pprovduta għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet doganali f’forma ta’ dokument iċċertifikat mill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tal-ħruġ, liema dokument jidentifika l-merkanzija u jistabilixxi illi kienet preżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni jew tal-ħruġ.

[…]”

29

L-Artikolu 455a tar-Regolament ta’ applikazzjoni jipprovdi li:

“1.   Fejn l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-dħul jew tat-tluq ma rċevewx evidenza li l-operazzjoni TIR intemmet fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ l-aċċettazzjoni tal-“carnet” TIR, għandhom jibdew il-proċedura ta’ investigazzjoni immedjatament biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għar-rilaxx ta’ l-operazzjoni TIR jew, fejn dan mhux possibbli, biex jiġi stabbilit jekk hemmx dejn doganali, jiġi identifikat id-debitur u jiġu magħrufa l-awtoritajiet doganali responsabbli għad-dħul fil-kontijiet.

Jekk l-awtoritajiet doganali jirċievu qabel, informazzjoni li l-operazzjoni TIR ma ġietx mitmuma, jew jissuspettaw li dak hu l-każ, għandhom jibdew il-proċedura ta’ investigazzjoni immedjatament.

[…]

3.   Biex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-dħul jew tat-tluq għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tal-ħruġ talba flimkien ma’ l-informazzjoni neċessarja kollha.

4.   L-awtoritajiet doganali ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tal-ħruġ għandhom jirrispondu bla dewmien.

[…]”

30

L-Artikolu 457 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jistabbilixxi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 8(4) tal-Konvenzjoni TIR, fejn operazzjoni TIR issir fit-territorju doganali tal-Komunità, kull assoċjazzjoni garanti stabbilita fil-Komunità, tista’ ssir responsabbli għall-pagament ta’ l-ammont assigurat tad-dejn doganali relatat mal-merkanzija konċernata sal-limitu ta’ EUR 60000 jew l-ammont ekwivalenti fil-munita nazzjonali, għal kull “carnet” TIR.

2.   L-Assoċjazzjoni garanti stabbilita fl-Istat Membru kompetenti dwar l-irkupru taħt l-Artikolu 215 tal-Kodiċi hi responsabbli għall-pagament ta’ l-ammont assigurat tad-dejn doganali.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

31

Fil-11 ta’ Novembru 2008, inbdiet operazzjoni ta’ tranżitu taħt il-kopertura ta’ carnet TIR fil-post tad-dwana ta’ Kapitan Andreevo (il-Bulgarija) minn Sargut, kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita fit-Turkija li kellha kollha f’daqqa l-kwalitajiet ta’ detentriċi tal-imsemmi carnet u ta’ trasportatriċi tal-merkanzija kkonċernata. Id-destinazzjoni ddikjarata tat-trasport kienet post tad-dwana li jinsab fir-Rumanija.

32

Peress li ma rċeviet ebda informazzjoni dwar it-twettiq ta’ din l-operazzjoni TIR, l-awtoritajiet doganali Bulgari bdew, fid-29 ta’ April 2009, bis-saħħa tal-Artikolu 455a tar-Regolament ta’ implementazzjoni, proċedura ta’ riċerka li tikkonċerna t-twettiq tal-imsemmija operazzjoni billi indirizzaw l-awtoritajiet doganali Rumeni. Fir-risposta tagħhom, dawn tal-aħħar indikaw li la l-merkanzija u lanqas il-carnet TIR ikkonċernati ma kienu ġew ippreżentati u kien impossibbli għalihom jiksbu informazzjoni dwarhom.

33

Fit-8 ta’ Lulju 2009, il-post tad-dwana Kapitan Andreevo bagħat lill-awtoritajiet doganali Rumeni, għall-finijiet ta’ verifika, kopja tal-voucher Nru 2 tal-carnet TIR li kien issottometta sadanittant Sargut. Fir-risposta tagħhom li waslet għand l-awtoritajiet Bulgari fit-28 ta’ Awwissu 2009, l-awtoritajiet Rumeni indikaw li l-imsemmi voucher ma kienx ġie ppreżentat lid-dwana tad-destinazzjoni u li d-dokument prodott kien jidher mhux awtentiku jew iffalsifikat.

34

Fl-10 ta’ Settembru 2009, il-kap tal-post tad-dwana Kapitan Andreevo adotta deċiżjoni li tiffissa l-ammont tad-dejn dovut minn Sargut skont id-dazji tad-dwana u tal-VAT evitati kif ukoll interessi legali fuq dawn is-somom. Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata kemm lil Sargut kif ukoll lil Aebtri.

35

Wara li r-rikors amministrattiv tiegħu dirett kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie miċħud mill-kap tal-Mitnitsa Svilengrad (dwana ta’ Svilengrad, il-Bulgarija), Sargut ippreżenta rikors, fis-27 ta’ Ottubru 2009, quddiem l-Administrativen sad Haskovo (tribunal amministrattiv ta’ Haskovo, il-Bulgarija), li laqgħu permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010. Permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Novembru 2010, il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija) annullat din is-sentenza u ċaħdet ir-rikors ta’ Sargut, wara li kkonfermat il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2009.

36

B’ittra tal-15 ta’ Novembru 2010, Aebtri ġiet mistiedna tħallas il-pagament tad-dejn, li asteniet li tagħmel fit-terminu ta’ tliet xhur previsti fl-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni TIR.

37

Fis-7 ta’ Ġunju 2011, il-kap tad-dwana ta’ Svilengrad talab lid-direzzjoni reġjonali kompetenti tan-Natsionalna agentsia za prihodite (aġenzija nazzjonali tad-dħul pubbliku, il-Bulgarija) li tibda proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2009 kontra Sargut. Wara li ġie informat mill-imsemmija awtorità li ebda miżura ta’ sekwestru ma twettqet u li ebda somma ma kienet ġiet irkuprata bi twettiq tad-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kap tad-dwana ta’ Svilengrad, fil-5 ta’ Settembru 2012, adotta, kontra Aebtri, deċiżjoni ta’ rkupru forzat tal-ammonti kkonċernati, deċiżjoni kkonfermata, fuq rikors, minn deċiżjoni tad-direttur tal-Aġenzija tad-dwana.

38

Aebtri ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar, li insostenn tiegħu argumentat li l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR kien inkiser, peress li l-awtoritajiet Bulgari ma bdewx minn qabel jirkupraw id-dejn mingħand il-persuni responsabbli prinċipali għal ħlas tat-taxxa.

39

Dan l-appell ġie miċħud mis-sentenza tal-Administrativen sad Haskovo (tribunal amministrattiv ta’ Haskovo), li qies, minn naħa, li l-amministrazzjoni doganali kienet għamlet kollox li kien possibbli biex titlob lil Sargut il-ħlas tad-dejn u, min-naħa l-oħra, li, peress li l-operazzjoni ta’ tranżitu ma kinitx intemmet regolarment, ma kienx ġie ppruvat li l-merkanzija kienet waslet għand id-destinatarju tagħha u li dan tal-aħħar kellu jirrikonoxxi li l-merkanzija waslet mingħand id-dwana tad-destinazzjoni.

40

Aebtri ppreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema), li tindika, qabelxejn, li, minkejja li tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni TIR, hija tqis mill-inqas neċessarju li tiżgura minn dan billi tinterroga lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt.

41

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, sussegwentement, li t-termini preskritti fl-Artikolu 11(1) u (2) tal-Konvenzjoni TIR għall-finijiet li tavża l-assoċjazzjoni garanti tan-nuqqas ta’ twettiq, minn naħa, u li tressaq talba għal ħlas mingħandha, min-naħa l-oħra, ġew osservati tajjeb f’dan il-każ. Madankollu, għandha d-dubji fuq il-kwistjoni jekk l-awtoritajiet doganali ssodisfawx l-obbligu li kien jimponi fuqhom l-Artikolu 8(7) ta’ din il-konvenzjoni li jirrikjedi, sa fejn possibbli, il-ħlas tas-somom inkwistjoni mill-proprjetarju tal-carnet TIR bħala persuna direttament responsabbli għal ħlas tagħhom, qabel ma titressaq talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

42

L-imsemmija qorti tesponi, f’dan ir-rigward, li, skont id-deċiżjoni interpretattiva tagħha stess tal-25 ta’ Marzu 2003 mogħtija fil-formazzjoni plenarja, “[m]eta l-krediti msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) tal-Konvenzjoni [TIR] saru dovuti, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lill-assoċjazzjoni garanti l-pagament, peress li ttieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiġu rkuprati s-somom mingħand il-persuni residenti jew barranin li huma d-debituri primarji tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

43

Deher madankollu, wara li ngħatat l-imsemmija deċiżjoni interpretattiva, li formazzjonijiet separati tal-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema), billi taw deċiżjoni fl-aħħar istanzi, irrispondew b’mod diverġenti għall-kwistjoni jekk tali miżuri kinux ittieħdu f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44

Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, finalment, għal provi differenti prodotti matul il-proċedura li waslet għad-deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2012. Hija ssemmi b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, polza ta’ merkanzija internazzjonali li tirrigwarda t-trasport tal-merkanzija inkwistjoni u li tinkludi n-numru tal-carnet TIR, in-numru tal-vettura tat-trasport ikkonċernata, kif ukoll ir-riferiment, bħala destinatarja ta’ din il-merkanzija, ta’ Irem Corporation SRL Romania, il-firma u t-timbru ta’ din tal-aħħar u l-indikazzjoni tad-data tal-irċevuta tat-13 ta’ Novembru 2008. L-imsemmija qorti ssemmi wkoll “nota ta’ kunsinna internazzjonali” tal-imsemmija merkanzija li tinkludi t-timbru tat-trasportatur, f’dan il-każ Sargut, il-firma u t-timbru ta’ Irem Corporation imwaħħla f’din l-istess data, kif ukoll rikonoxximent li l-merkanzija waslet li jġib it-timbru u l-firma ta’ din il-kumpannija tal-aħħar.

45

Skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-diversi dokumenti jippermettu li jiġi konkluż li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irċevuta minn Irem Corporation u li din tal-aħħar kienet taf, matul din l-irċevuta, li din il-merkanzija kienet ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR. Min-naħa l-oħra, ma hemm ebda prova li l-imsemmija merkanzija kienet ġiet iddikjarata mal-uffiċċju doganali tad-dħul.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li l-Administrativen sad Haskovo (tribunal amministrattiv ta’ Haskovo) kien imissu kkunsidra li kien inħoloq, għad-destinatarju tal-merkanzija, obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 96(2) tal-Kodiċi Doganali, li jippreżenta huwa stess l-imsemmija merkanzija lill-uffiċċju doganali tad-dħul. Issa, dan tal-aħħar ikkonferma li, f’dan il-każ, la l-merkanzija u lanqas il-carnet TIR ma ġew ippreżentati lilu.

47

Tqum, f’din il-miżura, il-kwistjoni ta’ jekk għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmi destinatarju kien jaf jew li raġonevolment kien imissu kien jaf li l-merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali u li kien, konsegwentement debitur primarju tad-dejn fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali, u jekk l-amministrazzjoni doganali ma kinitx, minħabba f’hekk, obbligata wkoll li teħtieġ il-pagament minn dan id-destinatarju qabel ma tqiegħed fid-dubju r-responsabbiltà tal-assoċjazzjoni garanti.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet ġudizzjarji kunfliġġenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti interpretazzjoni vinkolanti għall-qrati tal-Istati Membri tal-[Konvenzjoni TIR] fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 11 [tagħha] bil-għan li jiġi evalwat jekk l-assoċjazzjoni garanti tkunx responsabbli wkoll taħt l-Artikolu 457(2) tar-[Regolament ta’ implementazzjoni]?

2)

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, flimkien mal-Artikolu 8(7) [li sar l-Artikolu 11(2)] tal-Konvenzjoni TIR, flimkien man-noti ta’ spjega tagħhom, tippermetti li jitqies li, f’każ bħal dak ineżami, meta d-dejn imsemmi fl-Artikolu 8(1) u (2) tal-Konvenzjoni [TIR] isir dovut, il-ħlas ta’ dan id-dejn għandu jintalab, sa fejn ikun possibbli, mid-detentur tal-carnet TIR, li huwa direttament responsabbli tiegħu, qabel ma titressaq talba quddiem l-assoċjazzjoni garanti?

3)

Meta destinatarju jikseb jew ikollu fil-pussess tiegħu merkanzija li jkun jaf li tkun ġiet ittrasportata taħt carnet TIR u meta ma jkunx ġie stabbilit li din il-merkanzija kienet ġiet ippreżentata u ddikjarata fl-uffiċċju doganali (ta’ destinazzjoni), għandu jitqies, fid-dawl biss ta’ dawn il-fatti, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3), flimkien mal-Artikolu 213 tal-[Kodiċi Doganali], li dan id-destinatarju huwa persuna li kien imissha kienet taf li l-merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali u li din il-persuna għandha tinżamm responsabbli in solidum?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għat-tielet] domanda, l-ommissjoni mill-amministrazzjoni doganali li titlob lil dan l-istess destinatarju jħallas id-dejn doganali tipprekludi l-involviment tar-responsabbiltà – irregolata b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni – tal-assoċjazzjoni garanti msemmija fl-Artikolu 1(q) tal-Konvenzjoni TIR?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

49

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR.

50

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni jikkostitwixxi att meħud minn waħda mill-istituzzjonijiet tagħha fis-sens tal-ewwel paragrafu (b) tal-Artikolu 267 TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim jifformaw parti integrali, b’effett mid-dħul fis-seħħ tiegħu, tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisprudenza biex tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ tali ftehim (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punti 3 sa 6, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C‑533/08, EU:C:2010:243, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Kif ġie rrilevat fil-punti 1 u 3 ta’ din is-sentenza, il-Konvenzjoni TIR, li għaliha huma partijiet ukoll l-Istati Membri kollha, ġiet approvata f’isem il-Komunità mir-Regolament Nru 2112/78 u daħlet fis-seħħ għall-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983.

52

B’mod iktar preċiż, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR li għalihom tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, għandu jitfakkar li l-imsemmija dispożizzjonijiet irrigwardaw, essenzjalment, ir-responsabbiltà tal-assoċjazzjonijiet garanti fir-rigward tal-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni f’każ ta’ irregolaritajiet dwar operazzjoni TIR u għall-kundizzjonijiet li għalihom tali responsabbiltà tista’ tiġi invokata mill-awtoritajiet doganali kompetenti. Tali dispożizzjonijiet huma intiżi b’hekk essenzjalment li jiżguraw il-perċezzjoni tad-dazji tad-dwana filwaqt li jiffaċilitaw l-operazzjonijiet doganali ta’ tranżitu estern tal-merkanzija.

53

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR, dispożizzjonijiet fil-qasam tad-dwana li fuq il-portata tagħhom, diġà ngħatat deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, BGL, C‑78/01, EU:C:2003:490, punti 4770; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑105/02, EU:C:2006:637, punti 8082; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑377/03, EU:C:2006:638, punti 67 sa 70, 8688, kif ukoll tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely, C‑161/08, EU:C:2009:308, punti 34 sa 36).

54

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR.

Fuq it-tieni domanda

55

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni u l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ssodisfaw l-obbligu tagħhom, stabbilit f’din it-tieni dispożizzjoni, li jeħtieġu l-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni kkonċernati, sa fejn possibbli, mill-proprjetarju tal-carnet TIR bħala persuna direttament responsabbli għal ħlas ta’ dawn is-somom, qabel ma tressaq talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

56

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li d-drittijiet u l-obbligi ta’ assoċjazzjoni garanti huma rregolati wkoll mill-Konvenzjoni TIR, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mill-kuntratt ta’ garanzija, suġġetti għad-dritt nazzjonali, li kkonkludiet l-imsemmija assoċjazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑377/03, EU:C:2006:638, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, id-domanda preliminari hija intiża li tiddetermina l-passi li l-awtoritajiet doganali kompetenti huma obbligati li jieħdu fir-rigward tal-proprjetarju ta’ carnet TIR fil-kapaċità tiegħu ta’ persuna direttament responsabbli għal ħlas tad-dazji u tat-taxxi dovuti wara irregolarità relatata ma’ operazzjoni TIR, qabel ma jista’ jfittex l-irkupru ta’ dawn is-somom kontra l-assoċjazzjoni garanti.

58

Issa, il-Konvenzjoni TIR tinkludi dispożizzjoni fir-rigward ta’ din il-problema, dispożizzjoni li għaliha, għaldaqstant, għandha tingħata prijorità. Fil-fatt, l-Artikolu 8(7) ta’ din il-konvenzjoni jistipula li, qabel ma titressaq talba quddiem l-assoċjazzjoni garanti, l-awtoritajiet kompetenti, sakemm ikun possibbli, “għandhom jeħtieġu l-pagament [tas-somom ikkonċernati] mingħand il-persuna jew il-persuni direttament responsabbli”.

59

Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li, jekk kemm il-Kodiċi Doganali kif ukoll ir-Regolament ta’ implementazzjoni jinkludu dispożizzjonijiet b’effett li jinkorporaw il-proċedura prevista mill-Konvenzjoni TIR fl-imsemmija leġiżlazzjoni, filwaqt li jiġu ppreċiżati ċerti modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija proċedura, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jinkludu ebda indikazzjoni li hija intiża li tippreċiża l-miżuri konkreti li huwa l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jieħdu għall-finijiet li jeħtieġu l-pagament ta’ somom inkwistjoni mill-persuna jew persuni direttament responsabbli tagħhom, qabel ma jistgħu jressqu talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

60

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni li għalih tagħmel riferiment il-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha tafferma mill-ġdid b’mod ċar il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-assoċjazzjoni garanti għall-pagament tal-ammont garanti tad-dejn doganali, l-imsemmija dispożizzjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni ta’ ordni proċedurali relatata mal-kundizzjonijiet li fihom talba tista’ tiġi indirizzata lil tali assoċjazzjoni.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, f’dan il-każ, għandha tinżamm l-unika eżaminazzjoni tal-portata tal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR.

62

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat skont il-kliem li bihom huwa redatt kif ukoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikoli 31 tal-Konvenzjonijiet ta’ Vjenna, tat-23 ta’ Mejju 1969, fuq id-dritt dwar it-trattati, u tal-21 ta’ Marzu 1986, fuq id-dritt dwar it-trattati bejn Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali, jew bejn organizzazzjonijiet internazzjonali, li jesprimu f’dan is-sens id-dritt internazzjonali ġenerali konswetudinarju, jippreċiżaw, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide, billi jiġi segwit is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem tiegħu fil-kuntest tagħhom, u fid-dawl tal-għan u tal-iskop tiegħu (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Konvenzjoni TIR tinkludi, fl-Anness 6 tagħha, Noti ta’ spjega li, kif jippreċiża l-Artikolu 43 ta’ din il-konvenzjoni, jagħtu l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tagħha. L-Artikolu 51 tal-Konvenzjoni TIR jistipula, min-naħa tiegħu, li l-annessi ta’ din il-konvenzjoni jagħmlu parti integrali tagħha. Finalment, jirriżulta mill-punt ii) tal-introduzzjoni għan-Noti ta’ spjega li jinsabu fl-Anness 6 tal-imsemmija konvenzjoni li l-imsemmija noti ma jemendawx id-dispożizzjonijiet tal-istess konvenzjoni iżda jippreċiżaw sempliċement il-kontenut, it-tifsira u l-portata.

64

Barra minn hekk, fid-dawl tal-perijodu tal-okkorrenza tal-fatti fil-kawża prinċipali, f’dan il-każ, għandu jingħata rigward għan-Nota ta’ spjega relatata mal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR, kif riprodotta fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, peress li mhux applikabbli ratione temporis, in-Nota ta’ spjega relatata mal-Artikolu 11(2) ta’ din il-konvenzjoni, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit-13 ta’ Settembru 2012, kif riprodotta fil-punt 19 ta’ din is-sentenza u li l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment għaliha wkoll fid-domanda tagħha, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

65

Qabelxejn, fir-rigward tal-kliem li bihom huwa redatt l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR, konvenzjoni li dwarha għandu jitfakkar qabelxejn li ġiet redatta fil-lingwa Ingliża, Franċiża u Russa, peress li t-tliet testi huma awtentiċi, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi li, meta d-drittijiet u t-taxxi msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) tal-imsemmija konvenzjoni jsiru dovuti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, safejn possibbli, “jeħtieġu l-pagament” mingħand il-persuna jew il-persuni direttament responsabbli qabel ma “jippretendu l-pagament” mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

66

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem “requérir le paiement” u “require payment”, użati rispettivament fil-verżjoni Franċiża u fil-verżjoni Ingliża tal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR ma huma la ċari u lanqas inekwivoki, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-atti konkreti li jistgħu jimplikaw min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

67

Min-naħa tagħha, in-Nota ta’ spjega relatata mal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR tippreċiża li l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jeħtieġu li pagament għandhom jinkludu “mill-inqas”“in-notifika tan-nuqqas tat-twettiq ta’ l-operazzjoni TIR u/jew it-trażmissjoni tal-pretensjoni għal pagament lid-detentur tal-Carnet TIR”.

68

Għalkemm l-imsemmija nota ta’ spjega b’hekk tissuġġerixxi, b’mod iżjed ċar milli jagħmel l-istess test tal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR, jekk ikun il-każ, li jista’ jkun biżżejjed, għall-finijiet li jinħtieġ il-pagament mingħand il-persuna direttament responsabbli tad-dejn, li tiġi indirizzata lilha notifika tan-nuqqas ta’ twettiq u/jew pretensjoni, il-kwistjoni tibqa’, madankollu, li wieħed isir jaf, fid-dawl tal-użu f’din in-nota tal-frażi “mill-inqas”, jekk, u għal liema kundizzjonijiet possibbli, l-osservanza tar-regola magħmula fl-imsemmi Artikolu 8(7) tista’ jkollha bżonn li l-awtoritajiet doganali kompetenti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi b’hekk stabbiliti.

69

Mill-premess jirriżulta li la t-test tal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR u lanqas dak tan-Nota ta’ spjega relatata ma’ din id-dispożizzjoni ma jippermettu, huma waħedhom, li jiġi ddeterminat liema atti konkreti l-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu fir-rigward tal-persuna direttament responsabbli tad-dejn għall-finijiet li jissodisfaw l-obbligu li jimponi fuqhom l-imsemmi Artikolu 8(7).

70

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li fih titniżżel din l-aħħar dispożizzjoni, għall-finijiet li din tiġi interpretata, għandha tiġi eżaminata b’paragun mal-istruttura ġenerali tal-konvenzjoni li tagħmel parti minnha kif ukoll tad-dispożizzjonijiet kollha inklużi fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 10).

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR jipprevedi li l-merkanzija li tinġarr skont il-proċedura TIR, li tistabbilixxi, ma għandhiex tkun suġġetta għall-pagament jew għad-depożitu ta’ dazji u ta’ taxxi fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fl-uffiċċji doganali en route.

72

Kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-implementazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet, l-imsemmija konvenzjoni teħtieġ b’mod partikolari li t-trasporti jseħħu taħt il-garanzija tal-assoċjazzjonijiet miftiehma mill-partijiet kontraenti, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, BGL, C‑78/01, EU:C:2003:490, punt 5).

73

Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni TIR li l-awtorizzazzjoni ta’ assoċjazzjoni li toħroġ carnets TIR u ż-żamma ta’ din l-awtorizzazzjoni huma b’mod partikolari suġġetti għall-kundizzjoni li l-imsemmija assoċjazzjoni tosserva l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi stipulati fl-ewwel parti tal-Anness 9 tal-imsemmija konvenzjoni. Fost dawn il-kundizzjonijiet u dawn ir-rekwiżiti jidhru, kif jirriżulta mill-punt 1(f)(iii) u (v) ta’ din l-ewwel parti, minn naħa, l-impenn tal-imsemmija assoċjazzjoni li tivverifika kontinwament, u, b’mod partikolari, qabel ma tistaqsi li l-persuni jkunu awtorizzati jaċċedu għall-proċedura TIR, l-osservanza minn dawn il-persuni tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti minimi stipulati fit-tieni parti tal-Anness 9 tal-Konvenzjoni TIR, u, min-naħa l-oħra, dik li tkopri r-responsabbiltajiet tagħha mingħand kumpannija tal-assigurazzjoni, grupp ta’ assiguraturi jew istituzzjoni finanzjarja.

74

Il-garanzija meħtieġa mill-assoċjazzjoni approvata hija intiża li tiżgura, filwaqt li tiffaċilitah, l-irkupru effettiv, mill-awtoritajiet doganali kompetenti, tad-dazji u tat-taxxi evitati, meta ġie abbużat mill-faċilitajiet imfakkra fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, filwaqt li tiġi rresponsabbilizzata l-imsemmija assoċjazzjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi proprji li jaqgħu fuqha fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-proċedura TIR.

75

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li r-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR li jinħtieġ il-pagament tal-ammonti inkwistjoni, qabelxejn, mingħand il-persuna direttament responsabbli ma tistax tiġi interpretata b’mod li l-implementazzjoni konkreta ta’ dan ir-rekwiżit jagħti bidu għal riskju ta’ telf tad-dazji u tat-taxxi kkonċernati. L-imsemmi rekwiżit ma jistax lanqas iwassal li jintalab lill-awtorità doganali kompetenti obbligi proċedurali eċċessivi li ma jiħdux inkunsiderazzjoni b’ebda mod tar-responsabbiltajiet proprji li jaqgħu fuq l-assoċjazzjoni garanti fl-implementazzjoni tal-proċedura TIR u li jirriżultaw inkompatibbli mal-għan, imsemmi fil-punt preċedenti, li jiġi ffaċilitat l-irkupru tad-dejn doganali.

76

Issa, li wieħed jirrikjedi mill-awtorità doganali kompetenti li hija teżawrixxi qabelxejn il-possibbiltajiet kollha ta’ rkupru li għandha għad-dispożizzjoni tagħha kontra l-persuna jew il-persuni direttament responsabbli għall-ħlas tad-dejn, liema fatt irażżanha, jekk ikun il-każ, li tippreżenta rikors ġudizzjarju u li tibda proċeduri ta’ eżekuzzjoni kontra tali persuni, possibbilment stabbiliti fi Stati Membri oħra jew, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, fi Stat terz, l-ewwel nett, u fid-dawl tat-termini li jistgħu jirriżultaw minn tali passi, tesponi lill-imsemmija awtorità bir-riskju li ma tkunx iktar f’miżura li tirkupra l-ammonti inkwistjoni li jintalbu mill-assoċjazzjoni garanti. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, it-termini li fihom it-talba għal ħlas għandha tiġi indirizzata lill-assoċjazzjoni garanti bis-saħħa tal-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni TIR.

77

It-tieni nett, tali rekwiżit għandu bħala konsegwenza li jimponi fuq l-awtorità doganali l-passi potenzjalment estremament tqal u li ma jidhrux konċiljabbli la maċ-ċirkustanza li l-imposta ta’ dazji u ta’ taxxi li għalihom issir renunzja bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR kienet preċiżament tkun ta’ natura li tippermetti li tevita lill-imsemmija awtorità li jkollha tirrikorri għal tali passi, u lanqas mat-tqassim ta’ responsabbiltajiet li għaliha tipproċedi l-imsemmija konvenzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-assoċjazzjonijiet garanti.

78

Barra minn hekk, l-imsemmi rekwiżit jiġġenera wkoll ir-riskju mhux negliġibbli li l-imsemmija awtorità għandha, f’każ ta’ insolvenza tal-persuna direttament responsabbli tal-imsemmi dejn, tħallas definittivament l-ispejjeż, potenzjalment għoljin, marbutin mal-irkupru forzat.

79

Fit-tieni lok, mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni TIR jirriżulta li, permezz ta’ kuntratt ta’ garanzija, l-assoċjazzjonijiet garanti jimpenjaw ruħhom li jħallsu d-drittijiet tad-dwana dovuti mill-persuni responsabbli direttament u huma, f’dan ir-rigward, obbligati flimkien u in solidum mal-imsemmija persuni responsabbli għal ħlas tal-imsemmija ammonti, anki jekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(7) ta’ din il-konvenzjoni, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom, sa fejn possibbli, jeħtieġu l-ħlas tagħhom mill-persuna direttament responsabbli qabel ma jressqu talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑377/03, EU:C:2006:638, punt 86),

80

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva essenzjalment fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ tali responsabbiltà timplika li l-assoċjazzjoni garanti hija hi stess debitriċi, flimkien mal-persuni direttament responsabbli, tas-somom inkwistjoni. Minbarra dan, min-natura stess tar-responsabbiltà in solidum jirriżulta li kull debitur huwa responsabbli għall-ammont totali tad-dejn u li l-kreditur jibqa’, bħala prinċipju, liberu li jitlob il-ħlas ta’ dan id-dejn lil debitur wieħed jew iktar tal-għażla tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017, Latvijas dzelzceļš, C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 85).

81

Fid-dawl ta’ din in-natura flimkien u in solidum tar-responsabbiltà tal-assoċjazzjoni garanti fil-post tal-awtorità doganali, ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR li jeħtieġ il-ħlas tal-ammonti inkwistjoni mingħand il-persuna direttament responsabbli ma tistax tiġi interpretata b’mod li twassal għal sitwazzjoni li fiha r-responsabbiltà tal-assoċjazzjoni garanti tispiċċa, essenzjalment, billi tpoġġi natura totalment sussidjarja meta mqabbla ma’ dik tal-imsemmija persuna. Issa, dan huwa l-każ jekk dan ir-rekwiżit kellu bħala konsegwenza li jobbliga l-amministrazzjoni doganali kompetenti li tfittex sal-istadju tal-eżekuzzjoni l-irkupru tad-dejn kontra l-persuna direttament responsabbli.

82

Finalment, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Konvenzjoni TIR, mill-preambolu tagħha jirriżulta li, billi jikkonkludu l-imsemmija konvenzjoni, il-partijiet kontraenti riedu “jiffaċilitaw il-ġarr internazzjonali tal-merkanzija b’vetturi tat-triq” filwaqt li jikkunsidraw li “t-titjib tal-kundizzjonijiet tat-trasport jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi essenzjali għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni ta’ bejniethom”, u filwaqt li jiddikjaraw “lilhom infushom favur semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-formalitajiet amministrattivi fil-qasam tat-trasport internazzjonali, b’mod partikolari fuq il-fruntieri”.

83

L-għan tal-proċedura TIR istitwita mill-imsemmija konvenzjoni, li l-istess intestatura tagħha, barra minn hekk, tpoġġi f’evidenza n-natura tal-konvenzjoni doganali, tikkonsisti, b’mod partikolari, kif huwa rrilevat fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2009/477, li tippermetti lill-merkanzija li tiċċirkula fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tranżitu internazzjonali b’interferenza minima minn amministrazzjonijiet doganali fit-triq u, permezz tal-katina ta’ garanzija internazzjonali tagħha, tipprevedi aċċess relattivament sempliċi għall-garanziji rekwiżiti.

84

Issa, li wieħed jinterpreta l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR fis-sens li jkollu bħala effett li jobbliga l-awtorità doganali kompetenti li teżawrixxi l-possibbiltajiet kollha ta’ rkupru kontra l-persuna jew persuni direttament responsabbli tad-dejn, qabel ma tista’ titlob il-ħlas tiegħu lill-assoċjazzjoni garanti, tippreġudika l-bilanċ li jeżisti wkoll bejn, minn naħa, il-faċilitajiet mogħtija fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni TIR u, min-naħa l-oħra, waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali qabel ma tippresidja l-implementazzjoni tagħhom, jiġifieri r-responsabbiltà partikolari sostnuta mill-assoċjazzjoni garanti.

85

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali interpretazzjoni tpoġġi, għaldaqstant, f’periklu l-għan li jikkonsisti fil-faċilitazzjoni tal-ġarr internazzjonali tal-merkanzija b’vetturi tat-triq segwita mill-Konvenzjoni TIR.

86

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR, moqri flimkien man-nota ta’ spjega relatata mal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità doganali tissodisfa l-obbligu tagħha li teħtieġ il-ħlas mill-persuna direttament responsabbli peress li hija tikkonforma mar-rekwiżiti minimi li jirriżultaw mill-imsemmija nota ta’ spjega.

87

F’dan il-każ, huwa stabbilit li, qabel l-adozzjoni, fil-5 ta’ Settembru 2012, ta’ deċiżjoni ta’ rkupru forzat tad-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali kontra Aebtri, l-awtoritajiet doganali kompetenti kkomunikaw lid-detentur tal-carnet TIR in-nuqqas ta’ twettiq tal-operazzjoni TIR u talbu minnu l-ħlas ta’ dawn id-dejn, b’tali mod li r-rekwiżiti minimi li jirriżultaw minn nota ta’ spjega relatata mal-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR ġew sodisfatti tajjeb, almenu fir-rigward ta’ dan id-detentur. Saħansitra, l-imsemmija awtoritajiet marru wkoll lil hinn mill-imsemmija rekwiżiti minimi, peress li, wara li talbu l-ħlas lill-assoċjazzjoni garanti, għal darba oħra rrikorrew għall-awtoritajiet fiskali kompetenti b’talba intiża li jipproċedu għal irkupru forzat mingħand l-imsemmi detentur.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni TIR għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ssodisfaw l-obbligu tagħhom, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, li jeħtieġu l-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni kkonċernati, sa fejn possibbli, mid-detentur tal-carnet TIR bħala persuna direttament responsabbli għal ħlas ta’ dawn is-somom, qabel ma jressqu talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

Fuq it-tielet domanda

89

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) u l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanza li destinatarju kiseb jew żamm merkanzija li tagħha kien jaf li kienet ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR u l-fatt li ma hijiex stabbilita li din il-merkanzija ġiet ippreżentata u ddikjarata fl-uffiċċju tad-dwana ta’ destinazzjoni, huma suffiċjenti, huma biss, biex jiġi kkunsidrat li tali destinatarju kien jaf jew kien imissu raġonevolment kien jaf li l-imsemmija merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali fis-sens tal-ewwel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod li għandu jinżamm responsabbli in solidum tad-dejn doganali bis-saħħa tat-tieni waħda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

90

Preliminarjament, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 1(o) tal-Konvenzjoni TIR li d-detentur tal-carnet TIR huwa responsabbli tal-preżentazzjoni tal-vettura tat-triq, tal-kombinazzjoni tal-vetturi jew tal-kontejner flimkien mat-tagħbija u mal-carnet TIR relatat magħha fl-uffiċċju doganali ta’ tluq, fl-uffiċċju doganali en route u fl-uffiċċju doganali ta’ destinazzjoni.

91

Madankollu, il-Konvenzjoni TIR ma tipprekludix li parti kontraenti għaliha tipprevedi, fil-leġiżlazzjoni tagħha, li persuni oħra mid-detentur tal-carnet TIR jistgħu wkoll jiġu direttament responsabbli tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar issemmi, taħt forma plurali, għall-“persuni responsabbli” li magħhom l-assoċjazzjoni garanti tista’ ssib ruħha flimkien u in solidum obbligata għal ħlas ta’ dawn is-somom, filwaqt li l-Artikolu 8(7) tal-imsemmija konvenzjoni tirreferi, min-naħa tagħha, għal ħlas tal-imsemmija somom minn“il-persuna jew il-persuni direttament responsabbli” ta’ dawn l-istess somom.

92

Fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, għandu b’mod partikolari jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali, it-tneħħija ta’ merkanzija soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni għas-sorveljanza doganali joħloq dejn doganali fuq l-importazzjoni (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C‑300/03, EU:C:2005:43, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “tneħħija mis-sorveljanza doganali”, li jinsab fl-imsemmija dispożizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jkopri kull att jew ommissjoni li jkollhom bħala riżultat li jimpedixxu, anki għal żmien qasir, li l-awtoritajiet doganali kompetenti jkollhom aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li jwettqu l-kontrolli previsti mill-Artikolu 37(1) tal-Kodiċi Doganali (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C‑300/03, EU:C:2005:43, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Dan huwa l-każ meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-uffiċċju tat-tluq tal-kunsinna kkonċernata mqiegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern taħt il-kopertura ta’ carnet TIR ikkonstatat li din il-kunsinna ma ġietx ippreżentata lill-uffiċċju tad-destinazzjoni u li l-proċedura TIR ma twettqitx għall-kunsinna inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C‑300/03, EU:C:2005:43, punt 20).

95

Fir-rigward tal-persuni responsabbli, għandu jitfakkar mill-bidu li l-leġiżlatur tal-Unjoni, mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali, ried jistabbilixxi b’mod komplet il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-persuni debituri tad-dejn doganali (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Fil-każ tad-dejn doganali maħluq mit-tneħħija irregolari ta’ merkanzija mis-sorveljanza doganali, il-persuni li jistgħu jkunu debituri tad-dejn doganali huma ddefiniti fl-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali li jiddistingwi bejn erba’ kategoriji ta’ debituri potenzjali.

97

Fost dawn jidhru, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali, il-persuni li akkwistaw jew żammu il-merkanziji inkwistjoni u li kienu jafu jew raġonevolment kellhom ikunu jafu fil-ħin li akkwistaw jew irċevew din il-merkanzija li kienet fir-rigward ta’ merkanzija li kienu neħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

98

Kif jirriżulta mill-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, li ssemmi ċerti dokumenti li l-oriġini tagħhom u d-data li fiha ġew prodotti ma humiex ippreċiżati, tqies li jista’ jiġi dedott biss minn dawn li, matul l-irċevuta tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-destinatarju tagħha kien jaf jew kellu jkun jaf li hija kienet ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR. Skont l-imsemmija qorti, dawn l-istess dokumenti ma jippermettux min-naħa l-oħra li jiġi stabbilit li l-imsemmija merkanzija ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni.

99

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat mill-bidu li, kuntrarjament għal dak li huwa ddikjarat fid-deċiżjoni tar-rinviju bħala premessa tar-raġunament li wasslet lill-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-portata tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali, l-Artikolu 96(2) tal-imsemmi kodiċi ma jista’ f’ebda każ jiġi interpretat fis-sens li d-destinatarju tal-merkanzija li b’hekk kien jaf, matul l-irċevuta ta’ din tal-aħħar, li din iċċirkulat taħt il-kopertura ta’ carnet TIR, mingħajr barra minn hekk ma kisbet il-garanzija li din ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni, huwa obbligat, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li jippreżenta huwa stess din il-merkanzija lill-imsemmi uffiċċju.

100

Fil-fatt, l-Artikolu 96(2) tal-Kodiċi Doganali ma huwiex applikabbli f’każ ta’ ċirkulazzjoni tal-merkanzija taħt il-kopertura ta’ carnet TIR.

101

Kif jirriżulta mill-Artikolu 91(2)(a) u (b) ta’ dan il-kodiċi, iċ-ċirkulazzjoni ta’ merkanzija fil-proċedura ta’ tranżitu estern tista’ tintervjeni jew “taħt il-proċedura ta’ transitu estern tal-Komunità”; jew “taħt il-kopertura ta’ ktejjeb TIR”.

102

Issa, l-Artikolu 96 tal-imsemmi kodiċi jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-istess intestatura tat-Titolu li fih jidher, dispożizzjoni partikolari dwar it-tranżitu Komunitarju estern.

103

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li d-destinatarju tal-merkanzija ttrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa l-persuna li għandha teżegwixxi l-obbligi li jwasslu għall-użu tal-proċedura doganali li taħtha l-merkanzija tqiegħdet, fis-sens tar-raba’ inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali.

104

Minn dan jirriżulta, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 96(2) tal-Kodiċi Doganali huwa mingħajr rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni jekk f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, id-destinatarju tal-merkanzija jista’ jkollu l-kwalità ta’ debitur tad-dejn doganali bis-saħħa tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali.

105

Fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tfakkar fil-punt 97 ta’ din is-sentenza li, skont il-kliem tiegħu, tali kwalità għandha tinżamm jekk huwa stabbilit, minn naħa, li d-destinatarju tal-merkanzija kiseb jew żamm din u, min-naħa l-oħra, li kien jaf jew li raġonevolment kien imissu jaf, fil-mument meta kiseb jew irċieva din il-merkanzija, li kienet tirrigwarda merkanzija li kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali. It-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali jsemmi b’hekk persuna li, minkejja li ma kinitx l-awtriċi tal-att tat-tneħħija b’mod irregolari mis-sorveljanza doganali li ħolqot id-dejn doganali u peress li ma hijiex hija stess obbligata tipproċedi għall-operazzjonijiet ta’ ħelsien mid-dwana madankollu ġiet implikata fit-tneħħija b’mod irregolari kemm qabel kif ukoll wara din minħabba l-fatt li kisbet jew żammet il-merkanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Ultra-Brag, C‑679/15, EU:C:2017:40, punt 22).

106

It-tieni mill-kundizzjonijiet hekk magħmula fit-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3), tal-Kodiċi Doganali jimplika konkretament li, fil-mument meta akkwista jew irċieva l-merkanzija inkwistjoni, id-destinatarju kien jaf jew raġonevolment kien imissu jaf li l-imsemmija merkanzija ma kinitx ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni u li, konsegwentement, id-dazji tad-dwana u t-taxxi possibbilment dovuti ma kinux tħallsu. B’hekk, il-kwalità ta’ “debitur” fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali huwa suġġett għal xi kundizzjonijiet li jibbażaw fuq elementi ta’ evalwazzjoni suġġettiva, jiġifieri l-persuni, fiżiċi jew ġuridiċi, li pparteċipaw xjentement fl-operazzjonijiet ta’ akkwist jew ta’ żamma ta’ merkanzija li ħarġet mis-sorveljanza doganali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Papismedov etC‑195/03, EU:C:2005:131, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107

Peress li l-imsemmija kundizzjoni tinvolvi kunsiderazzjonijiet ta’ natura fattwali, huwa l-kompitu, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni Ewropea u l‑qrati nazzjonali, ta’ dawn tal-aħħar li jevalwaw jekk din hijiex sodisfatta f’każ konkret (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

Biex dan isir, l-imsemmija qrati għandhom, essenzjalment, iwettqu evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-kawża li bihom jinsabu aditi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 23), filwaqt li b’mod partikolari jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li kienet għad-dispożizzjoni tad-destinatarju jew li tagħha għandu raġonevolment ikollhom konjizzjoni, b’mod partikolari minħabba l-obbligi kuntrattwali tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Jestel, C‑454/10, EU:C:2011:752, punt 25), kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-esperjenza li għandu l-imsemmi destinatarju, bħala operatur ekonomiku, fil-qasam tal-importazzjonijiet tal-merkanzija ttrasportata taħt il-kopertura tal-carnets TIR.

109

F’dan il-każ, il-mistoqsija tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-punt preċiż li wieħed ikun jaf jekk iċ-ċirkustanza li destinatarju akkwista jew żamm merkanzija billi kien jaf jew billi missu kien jaf, fid-dawl tad-dokumenti rċevuti jew iffirmati minnu fl-okkażjoni tal-irċevuta ta’ din il-merkanzija, li din ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR, minkejja li ma huwiex stabbilit barra minn hekk li din il-merkanzija ġiet ippreżentata u ddikjarata lill-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni, hija biżżejjed, hija waħedha, li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi destinatarju kien jaf jew missu raġonevolment kien jaf li l-imsemmija merkanzija nħarġet mis-sorveljanza doganali, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali.

110

Issa, li wieħed iżomm din l-interpretazzjoni fir-rigward tal-imsemmija dispożizzjoni jwassal, essenzjalment, sabiex jiġi dedott, permezz ta’ forma ta’ preżunzjoni rribattibli, mis-sempliċi ċirkustanza li destinatarju jaf jew għandu raġonevolment ikun jaf li l-merkanzija li huwa rċieva ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR, li dan kien jaf jew imissu kien jaf li l-imsemmija merkanzija ma kinitx, jekk wieħed jippreżumi li dan huwa l-każ, ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni.

111

Tali interpretazzjoni, li hija barranija għall-kundizzjonijiet suġġettivi stabbiliti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali, ma hijiex konċiljabbli la mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, imfakkra fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, intiża li tistabbilixxi b’mod komplet il-kundizzjonijiet ta’ determinazzjoni tal-persuni debitriċi tad-dejn doganali, u lanqas mal-istess ittra u għan ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C‑414/02, EU:C:2004:551, punti 39, 4042).

112

F’dan il-kuntest, b’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li ebda dispożizzjoni tal-Konvenzjoni TIR jew tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma għandha bħala għan jew bħala effett li jintalab lid-destinatarji tal-merkanzija li ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR obbligu personali li jiġi żgurat li l-merkanzija li ġiet ikkunsinnata lilu ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tad-dwana tad-destinazzjoni.

113

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandha tingħata risposta lit-tielet domanda li t-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) u l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċirkustanza li destinatarju kiseb jew żamm merkanzija li tagħha kien jaf li kienet ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR u l-fatt li ma hijiex stabbilita li din il-merkanzija ġiet ippreżentata u ddikjarata fl-uffiċċju tad-dwana ta’ destinazzjoni, huma suffiċjenti, huma biss, biex jiġi kkunsidrat li tali destinatarju kien jaf jew kien imissu raġonevolment kien jaf li l-imsemmija merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali fis-sens tal-ewwel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod li għandu jinżamm responsabbli in solidum tad-dejn doganali bis-saħħa tat-tieni waħda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq ir-raba’ domanda

114

Kif jirriżulta mill-istess kliem tagħha, ir-raba’ domanda ġiet magħmula mill-qorti tar-rinviju biss fil-possibbiltà fejn risposta affermattiva ngħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja lit-tielet domanda. Fid-dawl tar-risposta negattiva li rċeviet din tal-aħħar, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

115

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti [merkanzija] taħt il-carnets TIR, iffirmata f’Genève fl-14 ta’ Novembru 1975, u approvata fl-isem tal-Komunità Ekonomika Ewropea mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978, fil-verżjoni tagħha emendata u konsolidata ppubblikata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE, tat-28 ta’ Mejju 2009.

 

2)

L-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti [merkanzija] taħt il-carnets TIR, approvata fl-isem tal-Komunità mir-Regolament Nru 2112/78, fil-verżjoni tagħha emendata u konsolidata ppubblikata mid-Deċiżjoni 2009/477 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet doganali ssodisfaw l-obbligu tagħhom, stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, li jeħtieġu l-pagament tad-dazji u tat-taxxi fuq l-importazzjoni kkonċernati, sa fejn possibbli, mid-detentur tal-carnet TIR bħala persuna direttament responsabbli għal ħlas ta’ dawn is-somom, qabel ma jressqu talba mingħand l-assoċjazzjoni garanti.

 

3)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3) u l-Artikolu 213 tal-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċirkustanza li destinatarju kiseb jew żamm merkanzija li tagħha kien jaf li kienet ġiet ittrasportata taħt il-kopertura ta’ carnet TIR u l-fatt li ma hijiex stabbilita li din il-merkanzija ġiet ippreżentata u ddikjarata fl-uffiċċju tad-dwana ta’ destinazzjoni, ma humiex suffiċjenti, huma biss, biex jiġi kkunsidrat li tali destinatarju kien jaf jew kien imissu raġonevolment kien jaf li l-imsemmija merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali fis-sens tal-ewwel ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod li għandu jinżamm responsabbli in solidum tad-dejn doganali bis-saħħa tat-tieni waħda ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.