SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Obbligu ta’ restituzzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet li jirriżultaw minn titjiriet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi — Deċiżjoni Nru 377/2013/UE — Artikolu 1 — Deroga temporanja — Esklużjoni tat-titjiriet lejn u minn ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera — Differenza fit-trattament bejn Stati terzi — Prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament — Inapplikabbiltà”

Fil-Kawża C-272/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit], b’deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2015, fil-kawża

Swiss International Air Lines AG

vs

The Secretary of State for Energy and Climate Change,

Environment Agency,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Swiss International Air Lines AG, minn J. Robinson u M. Croft, solicitors, D. Piccinin, barrister, u M. Chamberlain, QC,

għal The Secretary of State for Energy and Climate Change, minn N. Cohen, barrister,

għall-Environment Agency, minn J. Welsh, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Holt, bħala aġent, assistit minn R. Palmer u J. Holmes, barristers,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Grasso, avvocato dello Stato,

għall-Parlament Ewropew, minn J. Rodrigues, R. van de Westelaken u A. Tamás, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Simm u K. Michoel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Mifsud-Bonnici u E. White, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ April 2013, għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU 2013, L 113, p. 1) fir-rigward tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 340 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Swiss International Air Lines AG (iktar ’il quddiem “Swiss International”), minn naħa, u s-Secretary of State for Energy and Climate Change (Ministru tal-Enerġija u tal-Bidla fil-Klima, ir-Renju Unit) u l-Environment Agency (Aġenzija tal-Ambjent, ir-Renju Unit), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-validità tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 u tal-kumpens għall-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra restitwiti minn Swiss International għat-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera operati matul l-2012.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/87

3

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008 (ĠU 2009 L 8, p. 3), iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”), tipprovdi fl-Artikolu 12(2a) tagħha:

“L-Istati Membri amministrattivi għandhom jiżguraw li, sat-30 ta’ April ta’ kull sena, kull operatur tal-inġenji tal-ajru jċedi numru ta’ kwoti ugwali għall-emissjonijiet totali matul is-sena kalendarja preċedenti minn attivitajiet tal-avjazzjoni elenkati fl-Anness I li għalihom l-operatur huwa l-operatur tal-inġenji tal-ajru, kif verifikati skond l-Artikolu 15. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwoti ċeduti skond dan il-paragafu huma sussegewentement imħassra.”

4

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat, “Il-Penali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravvenzjonijiet kontra d-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha wkoll, mingħajr dewmien, b’kull emenda li taffettwahom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu qed jiksru r-rekwiżiti biex iċedu kwoti suffiċjenti skond din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru li ma jċedux kwoti suffiċjenti sat-30 ta’ April ta’ kull sena biex ikopri l-emissjonijet tiegħu ta’ matul is-sena preċedenti għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ penali ta’ emissjonijiet żejda. Il-penali ta’ emissjonijiet żejda għandha tkun ta’ EUR 100 ghal kull tunellata ta’ dijossidu tal-karbonju ekwivalenti mitfugħa u li għalihom l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali ta’ emissjonijiet żejda ma teħlisx lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti ekwivalenti ghal dawk l-emissjonijiet żejda meta dan ikun qed iċedi l-kwoti relattivi għas-sena ta’ wara.

[…]”

Id-Deċiżjoni Nru 377/2013

5

Il-premessi 4 sa 6 u 9 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 huma redatti kif ġej:

“(4)

In-negozjati tal-ftehimiet kollha tal-Unjoni dwar l-avjazzjoni ma’ pajjiżi terzi għandu jkollhom l-għan li jissalvagwardjaw il-flessibbiltà tal-Unjoni li tieħu azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali, inkluż fir-rigward ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tal-impatt tal-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima.

(5)

Sar progress fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) lejn l-adozzjoni, fit-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO li għandha ssir mit-24 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru 2013, ta’ qafas globali għall-politika tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jiffaċilita l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, u dwar l-iżvilupp ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (“MBM”). Tali qafas jista’ jagħti kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali, reġjonali u globali ta’ CO2.

(6)

Sabiex jiġi ffaċilitat dan il-progress u jingħata iktar momentum, ta’ min jipposponi l-infurzar tar-rekwiżiti li jinħolqu qabel it-38 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO u marbutin mat-titjiriet lejn u minn ajruporti f’pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), dipendenzi u territorji tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni. Għalhekk m’għandhiex tittieħed azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-[Direttiva 2003/87] għar-rappurtar tal-emissjonijiet ivverifikati għas-snin kalendarji 2010, 2011 u 2012 u għar-restituzzjoni korrispondenti tal-kwoti għall-2012 dwar ir-rappurtar tal-emissjonijiet verifikati u għar-restituzzjoni korrispondenti ta’ kwoti għall-2012 minn titjiriet lejn u minn tali ajruporti. L-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jkunu jixtiequ jkomplu jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan.

[…]

(9)

Id-deroga prevista minn din id-Deċiżjoni m’għandhiex taffettwa l-integrità ambjentali u l-għan ġenerali tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-bidla fil-klima, u lanqas m’għandha tirriżulta f’distorzjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalhekk, u sabiex jitħares l-għan ġenerali tad-Direttiva 2003/87/KE, li tifforma parti mill-qafas legali biex l-Unjoni tonora l-impenn indipendenti tagħha li sal-2020 tnaqqas l-emissjonijiet tagħha sa 20 % taħt il-livelli tal-1990, dik id-Direttiva għandha tibqa’ tapplika għal titjiriet li jitilqu minn ajruporti jew li jaslu f’ajruporti fit-territorju ta’ Stat Membru, lejn jew minn ajruporti f’ċerti żoni jew pajjiżi barra l-Unjoni li huma konnessi mill-qrib jew assoċjati.”

6

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri m’għandhom jieħdu l-ebda azzjoni kontra l-operaturi tal-inġenji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti mogħtija fl-Artikolu 12(2a) u fl-Artikolu 14(3) ta’ dik id-Direttiva għas-snin kalendarji 2010, 2011 u 2012 għal attivitajiet lejn u minn ajruporti f’pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni u li mhumiex membri tal-EFTA, li mhumiex dipendenzi u territorji tal-Istati fiż-ŻEE jew li mhumiex pajjiżi li ffirmaw Trattat ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, f’każ li t-tali operaturi tal-inġenji tal-ajru ma jkunu ngħataw l-ebda kwota b’xejn għat-tali attivitajiet fl-2012 jew, f’każ li t-tali operaturi, jekk ikunu ngħataw it-tali kwoti, ikunu rritornaw, sat-tletin jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, lill-Istati Membri għal kanċellazzjoni, numru ta’ kwoti tal-avjazzjoni 2012 li jikkorrispondu għas-sehem ta’ tunnellati-kilometru verifikati ta’ tali attività fis-sena ta’ referenza 2010.”

7

Konformement mal-Artikolu 6 tad-deċiżjoni msemmija, din tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-25 ta’ April 2013, u tibda tapplika mill-24 ta’ April 2013.

Id-dritt tar-Renju Unit

8

Permezz tal-Greenhouse Gas Emissions Trading Scheme (Amendment) Regulations 2013 (att tal-2013 li jemenda r-regolamenti ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ skambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra) il-Ministru tal-Enerġija u tal-Bidla fil-Klima emenda l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra sabiex jimplementa d-Deċiżjoni Nru 377/2013.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Swiss International hija kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Isvizzera.

10

Għas-sena 2012, din il-kumpannija akkwistat ċertu numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mingħajr ħlas u bi ħlas. Din irrestitwixxiet il-kwoti korrispondenti għall-emissjonijiet marbutin mat-titjiriet magħmula bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera li hija għamlet matul din is-sena.

11

Quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-Queen’s Bench (qorti amministrattiva), ir-Renju Unit], Swiss International ippreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li l-esklużjoni tat-titjiriet lejn u mill-Isvizzera mid-deroga għar-regoli tad-Direttiva 2003/87 stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni, li timplementa d-Deċiżjoni Nru 377/2013, tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.

12

Min-naħa l-oħra, Swiss International talbet l-annullament tar-restituzzjoni tal-kwoti li hija għamlet għat-titjiriet operati matul l-2012 bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera. Sussidjarjament, hija talbet kumpens finanzjarju għall-valur tal-kwoti restitwiti li hija kienet akkwistat b’titolu oneruż jew kull forma oħra ta’ kumpens xieraq.

13

Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, Swiss International appellat quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili), ir-Renju Unit]. Quddiem din il-qorti, il-partijiet fil-kawża prinċipali adottaw pożizzjoni, b’mod partikolari, fuq it-talba għal annullament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, Swiss International sostniet li d-Deċiżjoni Nru 377/2013 tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li din teskludi t-titjiriet magħmula bejn l-Istati Membri taż-ŻEE u l-Isvizzera mid-deroga għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87 stabbilita għat-titjiriet lejn jew minn kważi l-pajjiżi terzi l-oħra kollha.

14

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan-Import-Export (55/75, EU:C:1976:8), tat-28 ta’ Ottubru 1982Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369), u tal-10 ta’ Marzu 1998Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-122/95, EU:C:1998:94), li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma japplikax fil-każijiet kollha meta l-Unjoni twettaq differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi fir-relazzjonijiet esterni tagħha, din il-ġurisprudenza tikkostitwixxi eċċezzjoni limitata għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li tikkonċerna biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni tkun eżerċitat il-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ azzjoni esterna, b’mod partikolari, bil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jiġġustifika differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi. Issa, fir-rigward tat-trattament differenti tat-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jeżistix tali ftehim internazzjonali jew att ieħor tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni.

15

Din id-differenza fit-trattament lanqas ma hija ġġustifikata għal raġunijiet oħra. B’mod partikolari, din ma tistax tkun iġġustifikata mill-viċinanza ġeografika tal-Isvizzera mal-Unjoni. Fil-fatt, peress li d-deroga prevista mid-Deċiżjoni Nru 377/2013 tkopri biss it-titjiriet operati matul l-2012 qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-applikazzjoni tagħha anki għat-titjiriet lejn u mill-Isvizzera ma tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-għan ta’ din id-deċiżjoni intiża biex ma jiddgħajjifx l-impenn unilaterali tal-Unjoni li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal-2020, Swiss International enfasizzat li l-Konfederazzjoni Svizzera ma hijiex parti għal dan l-impenn unilaterali.

16

Il-Ministru tal-Enerġija u tal-Bidla fil-Klima kif ukoll l-Aġenzija tal-Ambjent ikkontestaw din l-argumentazzjoni. Dawn sostnew li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma japplikax għad-differenza fit-trattament li d-Deċiżjoni Nru 377/2013 tagħmel bejn pajjiżi terzi sabiex tiffavorixxi n-negozjati internazzjonali fuq livell tal-ICAO. Barra minn hekk, anki kieku kien japplika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma qabiżx il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu meta naqas milli jestendi d-deroga temporanja stabbilita minn din id-deċiżjoni għall-pajjiżi terzi marbuta jew assoċjati mill-qrib mal-Unjoni, bħall-Konfederazzjoni Svizzera.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) [qorti tal-appell (l-Ingilterra u Wales) (sezzjoni ċivili)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Deċiżjoni Nru 377/2013 […] tikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, sa fejn tistabilixxi moratorju fuq ir-rekwiżiti ta’ sabiex jiġu ċeduti l-kwoti ta’ emissjonijiet imposti mid-[Direttiva 2003/87], fir-rigward ta’ titjiriet bejn [iż-ŻEE] u kważi l-Istati kollha mhux fiż-ŻEE, iżda ma testendix dan il-moratorju għal titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, liema rimedju għandu jingħata lil applikant fil-pożizzjoni ta’ Swiss International Airlines AG, li jkun ċeda l-kwoti ta’ emissjonijiet fir-rigward ta’ titjiriet li jkunu seħħew matul l-2012 bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera, sabiex tqiegħed lil dan l-applikant fil-pożizzjoni li kien ikun fiha, kieku ma kienx hemm l-esklużjoni mill-moratorju ta’ titjiriet bejn l-Istati taż-ŻEE u l-Isvizzera? B’mod partikolari:

a)

Ir-reġistru għandu jiġi rrettifikat sabiex jirrifletti numru iżgħar ta’ kwoti li tali applikant kien ikollu jċedi kieku t-titjiriet lejn jew mill-Isvizzera kienu ġew inklużi fil-moratorju?

b)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, liema azzjoni (jekk ikun il-każ) għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali kompetenti u/jew mil-qorti nazzjonali sabiex il-kwoti addizzjonali ċeduti jiġu rritornati lil dan l-applikant?

c)

Dan l-applikant għandu d-dritt li jitlob danni skont l-Artikolu 340 TFUE fil-konfront tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal kwalunkwe dannu li seta’ sofra minħabba li jkun ċeda l-kwoti addizzjonali b’riżultat tad-Deċiżjoni Nru 377/2013?

d)

L-applikant għandu jingħata xi forma oħra ta’ kumpens, u jekk ikun il-każ, x’kumpens?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex teżamina l-validità tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn id-deroga temporanja li jipprevedi l-Artikolu 1 tagħha għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2a) u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87, f’dak li jikkonċerna r-restituzzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għat-titjiriet operati matul l-2012 bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi, ma tapplikax, b’mod partikolari, għat-titjiriet minn jew lejn ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera.

19

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 jistabbilixxi distinzjoni bejn diversi titjiriet lejn jew minn pajjiżi terzi, distinzjoni li hija bbażata esklużivament fuq il-pajjiż ta’ destinazzjoni jew ta’ provenjenza ta’ dawn it-titjiriet li jinsabu barra mill-Unjoni. Tali distinzjoni timplika, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi.

20

Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tintalab interpretazzjoni dwar il-validità tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 fir-rigward tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, illum stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tqum il-kwistjoni jekk differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi tidħolx taħt dan il-prinċipju.

21

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-politiki interni tal-Unjoni fl-aspetti esterni tagħhom jidhru fost il-kompetenzi tagħha fil-qasam ta’ relazzjonijiet esterni (ara b’analoġija, fir-rigward ta’ att adottat fil-qasam tas-suq intern u tal-Politika Agrikola Komuni, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan-Import-Export, 55/75, EU:C:1976:8, punt 14).

22

Id-Deċiżjoni Nru 377/2013 tifforma parti mill-miżuri adottati fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam ta’ relazzjonijiet esterni. Fil-fatt, din id-deċiżjoni hija intiża, hekk kif jirriżulta mill-premessi 5 u 6 tagħha, biex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali fi ħdan l-ICAO dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri bbażati fuq is-suq tal-emissjonijiet prodotti mill-avjazzjoni internazzjonali u ġiet adottata abbażi tal-kompetenza esterna fil-qasam tal-ambjent li tirriżulta mill-Artikolu 192(1) TFUE, moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 191(1) ta’ dan it-Trattat.

23

Issa, it-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni tiġi eżerċitata permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ miżuri li ma humiex limitati għal miżuri adottati fir-rigward tal-pajjiżi terzi kollha, u tista’ għalhekk tikkonċerna wkoll lil pajjiż terz wieħed jew iktar.

24

L-istituzzjonijiet u l-organi tal-Unjoni għandhom, fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni, grad għoli ta’ libertà ta’ deċiżjoni politika. Fil-fatt, hekk kif enfasizzaw ir-Renju Unit, il-Parlament u l-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni timplika neċessarjament għażliet ta’ natura politika. B’hekk, l-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tagħmel l-għażliet politiċi tagħha u li topera, skont l-għanijiet imfittxija minnha, distinzjoni bejn il-pajjiżi terzi, mingħajr ma tkun marbuta li tagħti trattament ugwali lil dawn il-pajjiżi kollha. L-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ politika esterna mill-istituzzjonijiet u mill-organi tal-Unjoni jista’, b’hekk, ikollu bħala konsegwenza li pajjiż terz jiġi ttrattat b’mod differenti meta mqabbel ma’ pajjiżi terzi oħrajn.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda obbligu espress tal-Unjoni li jikkonsisti f’li jiġi rriżervat trattament ugwali lill-pajjiżi terzi kollha. Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt internazzjonali pubbliku ma jinkludix fih prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, peress li applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-pajjiżi terzi tkun tirrestrinġi unilateralment il-possibbiltajiet ta’ azzjoni tal-Unjoni fuq il-pjan internazzjonali, ma jistax jitqies li l-Unjoni setgħet irrikonoxxiet tali ħtieġa li tistabbilixxi l-ugwaljanza fit-trattament tal-pajjiżi terzi b’mod espress fit-Trattati.

26

B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-Trattat FUE ma jeżistix prinċipju ġenerali li jobbliga lill-Unjoni, fir-relazzjonijiet esterni tagħha, li tagħti f’kull rigward trattament ugwali lill-pajjiżi terzi differenti u f’kull każ l-operaturi ekonomiċi ma humiex fondati li jinvokaw tali prinċipju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan-Import-Export, 55/75, EU:C:1976:8, punt 14; tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, EU:C:1982:369, punt 25; tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, EU:C:1998:94, punt 56, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C-364/95 u C-365/95, EU:C:1998:95, punt 76).

27

Issa, Swiss International issostni li din il-ġurisprudenza tistabbilixxi biss eċċezzjoni limitata għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Din l-eċċezzjoni tapplika biss fis-sitwazzjonijiet li fihom l-Unjoni tkun eżerċitat il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-azzjoni esterna, b’mod partikolari bil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali li jiġġustifika differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi. Madankollu, fir-rigward tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 adottata sabiex tiġi promossa l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali fi ħdan l-ICAO, tali azzjoni esterna hija nieqsa, b’mod li d-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din id-deċiżjoni għandha tkun iġġustifikata oġġettivament.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Swiss International, il-ġurisprudenza msemmija ma tistax tinftiehem fis-sens li tissuġġetta, bħala prinċipju, lir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

29

Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza hija intiża biex tiddispensa lill-istituzzjonijiet u lill-organi tal-Unjoni mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-pajjiżi terzi, sabiex tiġi ppreżervata l-kapaċità ta’ azzjoni politika tagħhom fuq livell internazzjonali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, b’mod ġenerali, li differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni, filwaqt li enfasizzat l-assenza ta’ kull obbligu li l-pajjiżi terzi jiġu ttrattati ugwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni, 52/81, EU:C:1982:369, punti 2527; tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, EU:C:1998:94, punt 56, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C-364/95 u C-365/95, EU:C:1998:95, punt 76).

30

L-inapplikabbiltà tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għar-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi hija kkonfermata mill-mod li bih il-Qorti tal-Ġustizzja implementat il-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza. B’hekk, fis-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369, punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha biex tikkonstata li t-trattament iddifferenzjat ta’ ċerti importazzjonijiet kien jirriżulta minn differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi, biex tikkonkludi li din id-differenza fit-trattament ma kinitx tikser il-liġi tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li trattament iddifferenzjat tal-operaturi li jikkummerċjalizzaw prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, li kien il-konsegwenza awtomatika ta’ differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi, ma kienx jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, EU:C:1998:94, punti 56 sa 58, kif ukoll tal-10 ta’ Marzu 1998, T. Port, C-364/95 u C-365/95, EU:C:1998:95, punti 7677).

31

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet, fil-punt 15 tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1976, Balkan-Import-Export (55/75, EU:C:1976:8), eżami tal-paragunabbiltà tal-ġobon Bulgaru u Svizzeru, għandu jitqies, hekk kif irrileva l-Parlament fl-osservazzjonijiet tiegħu ippreżentati quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-eżami kellu natura superfluwa u b’hekk ma jistax ipoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 14 ta’ din is-sentenza li tgħid li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma japplikax għar-relazzjonijiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.

32

Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni Swiss International, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 ta’ din is-sentenza ma stabbilixxietx “eċċezzjoni” għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li kellha tiġi interpretata b’mod strett.

33

Barra minn hekk, din il-ġurisprudenza ma tillimitax ruħha għal sitwazzjonijiet li jippresupponu l-eżerċizzju preċedenti tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni permezz ta’ azzjoni esterna, bħal ftehim internazzjonali, iżda tikkonċerna differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi, differenza li testendi wkoll għal miżuri unilaterali tal-Unjoni intiżi biex jippromwovu l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bħad-Deċiżjoni Nru 377/2013.

34

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Swiss International, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ukoll il-ġurisprudenza msemmija f’każijiet fejn id-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi ma kinitx tirriżulta mill-eżerċizzju preċedenti tal-kompetenzi esterni tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali tal-Unjoni. B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Faust vs Il-Kummissjoni (52/81, EU:C:1982:369), id-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi inkwistjoni kienet tirriżulta mhux minn ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, iżda minn leġiżlazzjoni tagħha li kienet tissospendi unilateralment il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ importazzjoni ta’ ċerti prodotti provenjenti mill-pajjiżi terzi kollha, bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi terzi li setgħu jiżguraw li l-esportazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti lejn l-Unjoni ma jaqbżux ċertu kwantitajiet.

35

Isegwi li d-differenza fit-trattament bejn pajjiżi terzi fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 ma tidħolx taħt il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, li jiġi eżaminat jekk tal-differenza fit-trattament tistax tkun oġġettivament iġġustifikata.

37

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-eżami fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-Deċiżjoni Nru 377/2013 ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn id-deroga temporanja li jipprevedi l-Artikolu 1 tagħha għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2a) u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87, f’dak li jikkonċerna r-restituzzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għat-titjiriet operati matul l-2012 bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi, ma tapplikax, b’mod partikolari, għat-titjiriet minn jew lejn ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera.

Fuq it-tieni domanda

38

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ April 2013, għal deroga temporanja mid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ma żvela ebda element li jista’ jaffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn id-deroga temporanja li jipprevedi l-Artikolu 1 tagħha għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2a) u mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, f’dak li jikkonċerna r-restituzzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għat-titjiriet operati matul l-2012 bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-parti l-kbira tal-pajjiżi terzi, ma tapplikax, b’mod partikolari, għat-titjiriet minn jew lejn ajruporti li jinsabu fl-Isvizzera.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.