SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Europol — Lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet — Determinazzjoni tal-bażi legali — Qafas legali applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Bażi legali sekondarja — Distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u miżuri ta’ eżekuzzjoni — Konsultazzjoni mal-Parlament — Inizjattiva ta’ Stat Membru tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑363/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2014,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn F. Drexler u A. Caiola kif ukoll minn M. Pencheva, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Sitbon u K. Pleśniak kif ukoll minn K. Michoel, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Škeřík, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M.Z. Fehér, G. Szima u M. Bóra, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President ta’ Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2015,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tiegħu, il-Pralment Ewropew jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2014/269/UE] tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI fir-rigward tal-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet (ĠU L 138, p. 104, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI

2

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill [2009/371/ĠAI] tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Europol”), huwa għalhekk redatt kif ġej:

“L-objettiv tal-Europol għandu jkun li jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-koperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar.”

3

L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“1.   L-Europol għandu jkollu l-kompiti prinċipali li ġejjin:

(a)

jiġbor, jikkonserva, jipproċessa, janalizza u jiskambja informazzjoni u intelligence;

(b)

jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mingħajr dewmien permezz tal-unità nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8 b’informazzjoni li jikkonċernawhom u bi kwalunkwe konnessjonijiet identifikati bejn reati kriminali;

(c)

jgħin investigazzjonijiet fl-Istati Membri, b’mod partikolari billi jgħaddi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-unitajiet nazzjonali;

(d)

jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati jniedu, iwettqu jew jikkoordinaw investigazzjonijiet u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti f’każijiet speċifiċi;

(e)

jipprovdi intelligence u appoġġ analitiku lill-Istati Membri f’konnessjoni ma’ avvenimenti internazzjonali maġġuri;

(f)

jħejji stimi ta’ theddid, analiżi strateġiċi u rapporti ġenerali ta’ sitwazzjoni relatati mal-objettiv tiegħu, inklużi stimi ta’ theddid ta’ kriminalità organizzata.

2.   Il-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-kompiti tagħhom ta’ ġbir u analiżi ta’ informazzjoni mill-Internet biex tingħata assistenza fl-identifikazzjoni ta’ attivitajiet kriminali li jiġu ffaċilitati jew imwettqa permezz tal-Internet.

3.   L-Europol għandu jkollu l-kompiti addizzjonali li ġejjin

(a)

li jiżviluppa konoxxenza speċjalizzata tal-proċeduri investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jipprovdi parir dwar l-investigazzjonijiet;

(b)

li jipprovdi intelligence strateġika li tassisti u tippromwovi l-użu effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għal attivitajiet operattivi u appoġġ għal tali attivitajiet.

4.   Addizzjonalment, fil-kuntest tal-objettivi tiegħu taħt l-Artikolu 3, l-Europol jista’, skont ir-riżorsi ta’ persunal u r-riżorsi baġitarji li jkunu disponibbli lilu u fil-limiti stabbiliti mill-Bord ta’ Amministrazzjoni, jassisti lill-Istati Membri permezz ta’ appoġġ, pariri u riċerka fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-taħriġ ta’ membri tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, fejn xieraq f’koperazzjoni ma’ Il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija;

(b)

l-organizzazzjoni u t-tagħmir ta’ dawk l-awtoritajiet billi jiġi ffaċilitat il-forniment ta’ appoġġ tekniku bejn l-Istati Membri;

(c)

metodi ta’ prevenzjoni tal-kriminalità;

(d)

metodi u analiżi tekniċi u forensiċi, u proċeduri investigattivi.

5.   L-Europol għandu jservi wkoll bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-Euro skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/511/ĠAI tat-12 ta’ Lulju 2005 dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni [...], permezz tan-nomina tal-Europol bħala l-Uffiċċju Ċentrali għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro. L-Europol jista’ jħeġġeġ ukoll il-koordinazzjoni ta’ miżuri, mwettqa fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-euro, meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew fil-kuntest ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunti, fejn ikun il-każ b’kollegament ma’ entitajiet tal-Unjoni u ma’ korpi ta’ Stati terzi. Fuq talba, l-Europol jista’ jappoġġa finanzjarjament investigazzjonijiet kontra l-falsifikazzjoni tal-euro.”

4

L-Artikolu 23 ta’ l-imsemmija deċiżjoni jipprevedi:

“1.   Sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, l-Europol jista’ wkoll jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet koperattivi ma’

(a)

Stati terzi;

[...]

2.   L-Europol għandu jikkonkludi strumenti ta’ ftehim mal-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 li ġew inklużi fil-lista msemmija fl-Artikolu 26(1)(a). Tali arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jikkonċernaw skambju ta’ informazzjoni operazzjonali, strateġika jew teknika, inkluż dejta personali u informazzjoni kklassifikata [...]. Tali ftehim jista’ jiġi konkluż biss wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, li għandu preċedentement ikun ikkonsulta l-Bord ta’ Amministrazzjoni u, sa fejn ikun relatat mal-iskambju ta’ data personali, l-opinjoni tal-Awtorità ta’ Kontroll Komuni permezz tal-Bord ta’ Amministrazzjoni.

[...]

4.   Qabel id-dħul fis-seħħ ta’ kull ftehim imsemmi fil-paragrafu 2, l-Europol jista’ [...] jgħaddi direttament informazzjoni diversa minn data personali u informazzjoni klassifikata lill-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq leġittimu tal-kompiti tar-riċevitur.

[...]

6.   L-Europol jista’ [...] jittrasmetti lill-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

[...]

(b)

data personali u informazzjoni klassifikata, fejn dan ikun meħtieġ f’każijiet individwali għall-finijiet tal-prevenzjoni jew ripressjoni ta’ reati kriminali li fir-rigward tagħhom ikun kompetenti l-Europol [...]; u

[...]”

5

L-Artikolu 26(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li:

“Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, għandu:

(a)

jfassal lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 23(1) li magħhom l-Europol għandu jikkonkludi strumenti ta’ ftehim. Din il-lista għandha titħejja mill-Bord ta’ Amministrazzjoni u tiġi riveduta meta jkun meħtieġ [...]

[...]”

Id-Deċiżjoni 2009/934/ĠAI

6

L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta’ data personali u informazzjoni kklassifikata (ĠU L 325, p. 6), jipprevedi:

“1.   Skont l-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol jista’ jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet kooperattivi ma’ partijiet terzi sakemm dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

2.   Skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet ma’ partijiet terzi li tqiegħdu fuq il-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol. Tali ftehimiet jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva, strateġika jew teknika, inkluża data personali u informazzjoni kklassifikata. [...]

3.   L-Europol jista’ jibda l-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim ma’ parti terza hekk kif tali parti terza titqiegħed fuq il-lista msemmija fil-paragrafu 2.

4.   Fejn il-konklużjoni ta’ ftehim operattiv ma’ parti terza tkun prevista, l-Europol għandu jagħmel valutazzjoni tal-eżistenza ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data żgurat minn dik il-parti terza. Dik il-valutazzjoni għandha tintbagħat lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jkun kiseb l-opinjoni minn qabel tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza. [...]”

7

L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi, abbażi tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(4) u b’kont meħud tal-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza, jekk id-Direttur għandux jidħol f’negozjati mal-parti terza dwar il-konklużjoni ta’ ftehim operattiv. Wara li jkun kiseb deċiżjoni pożittiva minn qabel tal-Bord ta’ Amministrazzjoni, id-Direttur għandu jidħol f’negozjati mal-parti terza dwar il-konklużjoni ta’ tali ftehim. [...]

[...]

3.   Wara l-finalizzazzjoni tan-negozjati ta’ ftehim, id-Direttur għandu jippreżenta l-abbozz ta’ ftehim lill-Bord ta’ Amministrazzjoni. Fil-każ ta’ konklużjoni ta’ ftehim operattiv, il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jikseb l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza. Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jikkonferma l-abbozz ta’ ftehim qabel ma jippreżentah lill-Kunsill għall-approvazzjoni.

Fil-każ ta’ konferma ta’ ftehim operattiv, dak l-abbozz ta’ ftehim u l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill.

4.   Skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Europol, tali ftehimiet għandhom jiġu konklużi biss wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, li preċedentement għandu jkun ikkonsulta lill-Bord ta’ Amministrazzjoni u, sa fejn tali ftehimiet jikkonċernaw l-iskambju ta’ data personali, ikun kiseb l-opinjoni tal-Korp Konġunt ta’ Sorveljanza permezz tal-Bord ta’ Amministrazzjoni.”

Id-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI

8

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet (ĠU L 325, p. 12) jipprevedi:

“F’konformità mal-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni Europol, l-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet mal-Istati terzi u l-organizzazzjonijiet li ddaħħlu fil-lista tal-Anness għal din id-Deċiżjoni. L-Europol jista’ jagħti bidu għall-proċedura għall-konklużjoni ta’ ftehim hekk kif l-Istat terz jew l-organizzazzjoni tiddaħħal fil-lista. L-Europol għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex jiġi konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li jippermetti l-iskambju ta’ data personali, sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor mill-Bord ta’ Amministrazzjoni.”

9

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/935 jipprevedi:

“1.   Membru tal-Bord ta’ Amministrazzjoni jew l-Europol jista’ jipproponi li fil-lista jiżdied Stat terz jew organizzazzjoni ġdida. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom ifissru fil-qosor il-bżonn operattiv għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ dak l-Istat terz jew organizzazzjoni.

2.   Il-Bord ta’ Amministrazzjoni għandu jiddeċiedi jekk jipproponix lill-Kunsill jew le biex jiżdied fil-lista dak l-Istat terz jew l-organizzazzjoni.

3.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar iż-żieda tal-Istat terz jew l-organizzazzjoni ġdida fil-lista billi jemenda l-Anness għal din id-Deċiżjoni.”

10

L-anness tal-imsemmija deċiżjoni jistabilixxi l-lista ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom l-Europol jikkonkludi ftehim.

Id-deċiżjoni kkontestata

11

Il-premessi 4 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda d-Deċiżjoni Europol, b’mod partikolari l-Artikolu 26(1)(a) tagħha, kif ukoll id-Deċiżjoni 2009/934, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha, huma redatti kif ġej:

“(4)

Fil-laqgħa tiegħu tat-3 u l-4 ta’ Ottubru 2012, il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol iddeċieda li jirrakkomanda lill-Kunsill li huwa jżid ċerti Stati terzi mal-lista, waqt li spjega l-ħtieġa operazzjonali biex jiġu konklużi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ dawk l-Istati terzi.

[...]

(7)

Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill iddeċieda li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew u, wara dik il-konsultazzjoni, il-Parlament Ewropew ħareġ opinjoni [...]”

12

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Fil-punt 1 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2009/935/ĠAI, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

Il-Brażil

Ġeorġja

Il-Messiku

Emirati Għarab Magħquda.”

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

14

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat,

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż; u

sussidjarjament, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li żżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid.

15

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2014, intlaqgħu t-talbiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Ungerija sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

Fuq ir-rikors

16

Il-Parlament jinvoka, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, tliet motivi insostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, rispettivament, għall-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali li jirriżulta mill-assenza ta’ xi inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni kif ukoll tan-natura żbaljata tal-proċedura ta’ konsultazzjoni fakultattiva tal-Parlament użata, għat-tieni motiv, fuq l-għażla ta’ bażi legali mħassra jew illegali u, għat-tielet, fuq l-għażla ta’ bażi legali dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni sabiex tiġi adottat deċiżjoni li taqa’ fil-qasam leġiżlattiv.

17

Peress li l-bażi legali ta’ att jiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi adottat dan l-att (is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 57), l-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq l-għażla ta’ bażi legali dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni sabiex tiġi adottata deċiżjoni li taqa’ fil-qasam leġiżlattiv.

Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati rispettivament fuq l-għażla ta ’ bażi legali mħassra jew illegali u fuq l-għażla ta ’ bażi legali dwar il-miżuri ta ’ implementazzjoni għall-adozzjoni ta ’ deċiżjoni li taqa ’ fil-qasam leġiżlattiv

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, bbażata fuq l-għażla ta’ bażi legali mħassra

– L-argumenti tal-partijiet

18

Il-Parlament isostni li la l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol u lanqas l-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/934 ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala bażijiet legali attwali.

19

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu biss b’mod impliċitu għall-Artikolu 34(2)(ċ) UE, li seta’ jikkostitwixxi l-unika bażi legali possibbli għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-ex “tielet pilastru”.

20

Konsegwentement, skont il-Parlament, il-bażi legali użata mill-Kunsill hija l-Artikolu 34(2)(ċ) UE. Madankollu, peress li dan l-artikolu tħassar mit-Trattat ta’ Lisbona, ma jistax iservi iktar ta’ bażi legali għall-adozzjoni ta’ atti ġodda.

21

Il-Kunsill jispeċifika li adotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol. L-Artikolu 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/934 ġew iċċitati bħala bażijiet legali addizzjonali. L-Ungerija tikkunsidra wkoll li l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol tikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti u li għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jsir riferiment għad-dritt primarju għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

22

Bil-għan li tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel parti tat-tieni motiv, għandha tiġi ddeterminata l-bażi legali li abbażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

23

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni ma tagħmilx riferiment għall-Artikolu 34 UE u li fil-premessi tagħha, hija tirreferi espliċitament għall-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol kif ukoll għall-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/934.

24

Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li, bħala prinċipju, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha tindika l-bażi legali li fuqha hija bbażata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 39 u 55, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 29, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 19), li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 34 UE.

25

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ebda element ieħor tad-deċiżjoni kkontestata ma jindika li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li juża l-Artikolu 34 bħala l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni.

26

B’mod partikolari, il-fatt li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE kkostitwixxa l-unika bażi legali possibbli għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk tiġi preżunta stabbilita, hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti, sa fejn l-għażla espliċita tal-Kunsill li jsemmi, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux din id-dispożizzjoni, iżda l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol kif ukoll l-Artikolu 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/934 jindikaw b’mod ċar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq dawn l-aħħar dispożizzjonijiet bħala tali (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 21).

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jekk l-Artikolu 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/934 ma jirrigwardawx l-emenda tal-lista msemmija fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol (iktar ’il quddiem il-“lista”) u li għalhekk, ma jservux validament bħala bażi legali għad-deċiżjoni kkontestata, ir-riferiment għal dawn l-artikoli fil-premessi tagħha jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, l-iktar l-iktar difett purament formali, sa fejn dan ir-riferiment ma għandux effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata jew fuq il-proċedura segwita għall-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C‑81/13, EU:C:2014:2449, punti 65 sa 67).

28

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tħassir tal-Artikolu 34 UE mit-Trattat ta’ Lisbona ma għandux l-effett li jneħħi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

29

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv u fuq it-tielet motiv, ibbażati rispettivament fuq l-għażla ta’ bażi legali illegali u l-għażla ta’ bażi legali dwar il-miżuri ta’ implementazzjoni sabiex tiġi adottata deċiżjoni li taqa’ fil-qasam leġiżlattiv

– L-argumenti tal-partijiet

30

Il-Parlament iqis li, jekk kellu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol huwa l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, din id-dispożizzjoni tkun tikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali, li fuqha ma tistax tiġi bbażata validament din id-deċiżjoni.

31

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħolqien ta’ bażi legali sekondarja li ddgħajjef il-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ att huwa inkompatibbli mat-Trattati. Dan ikun il-każ tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol, peress li din id-dispożizzjoni ma hijiex suġġetta għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni bl-inizjattiva minn qabel ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li huwa impost fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE.

32

Barra minn hekk, l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol ma baqax applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u jipprevedi deroga illegali mill-proċedura stabbilita minn dan it-trattat għall-adozzjoni ta’ atti ġodda. Din id-deroga ma hijiex permessa mill-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji”), li jimplika biss li l-atti tal-ex “tielet pilastru” ma humiex awtomatikament imħassra mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi trattat.

33

Barra minn hekk, il-Parlament jargumenta li l-lista tikkostitwixxi element essenzjali tal-kwistjoni u li għandha għaldaqstant tifforma parti mill-att leġiżlattiv. Minn tal-inqas, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala element leġiżlattiv li għandu jifforma s-suġġett ta’ att delegat skont l-Artikolu 290 TFUE u mhux ta’ att ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE.

34

Il-Parlament f’dan ir-rigward jibbaża ruħu fuq tliet kunsiderazzjonijiet. l-ewwel nett, id-Deċiżjoni Europol ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex Stat jiġi inkluż fil-lista. It-tieni nett, din l-inklużjoni għandha konsegwenzi importanti, inkluż għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. It-tielet nett, din jinħtiġilha li twettaq għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

35

Il-Parlament minn dan jikkonkludi li l-proċedura u l-bażi legali magħżula huma żbaljati, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bħala li kienet miżura ta’ implementazzjoni.

36

Il-Kunsill jikkunsidra li l-argumenti tal-Parlament dwar, minn naħa waħda, il-kwalità ta’ bażi legali sekondarja tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol u, min-naħa l-oħra, għall-fatt li l-emenda tal-lista tikkostitwixxi element essenzjali tal-kwistjoni għandhom jiġu analizzati bħala eċċezzjoni ta’ illegalità kontra din id-dispożizzjoni.

37

Prinċipalment, il-Kunsill jikkontesta, l-ammissibbiltà ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità. F’dan ir-rigward, huwa jsostni, skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Deċiżjoni Europol jibqgħu, sal-1 ta’ Diċembru 2014, dawk li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Issa l-Artikolu 35(6) UE, li dak iż-żmien kien applikabbli, ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għall-Parlament, li jippreżenta rikors għal annullament kontra att adottat fil-kuntest tal-ex “tielet pilastru”, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata. Min-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-Parlament għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

38

Sussidjarjament, il-Kunsill, sostnut mill-Ungerija, isostni, li l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol kien konformi mat-Trattat UE meta ġiet adottata din id-deċiżjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tipprevedi l-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE, u għalhekk din tal-aħħar ma tissuġġettax neċessarjament l-adozzjoni ta’ miżura bħalma hi d-deċiżjoni kkontestata b’inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

39

Barra dan, il-Kunsill u r-Repubblika Ċeka jqisu li, l-emenda tal-lista ma tikkostitwixxix bl-ebda mod element essenzjali tal-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Europol.

40

F’dak li jirrigwarda l-effetti tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji proposta mill-Parlament tipparalizza kull possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ implementazzjoni previsti fl-atti tal-ex “tielet pilastru”, sitwazzjoni li riedu preċiżament jimpedixxu l-awturi tat-Trattati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom huma inklużi l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hemm qbil bejn il-partijiet għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol u l-għan u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Parlament jikkontesta, madankollu, il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni billi jsostni li hija tissemplifika l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan mit-Trattati.

43

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sa fejn ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, it-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu. Barra minn hekk, jekk jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm sabiex issaħħaħ jew sabiex tissemplifika l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qed tingħata setgħa leġiżlattiva li teċċedi dik prevista mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 56, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punti 42 u 43, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punti 32 u 33).

44

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Parlament skont liema l-bażi legali u l-proċedura magħżula għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma żbaljati, minħabba l-fatt li din tal-aħħar tirrigwarda element essenzjali tal-qasam irregolat li għandu jiġi rregolat minn att leġiżlattiv.

45

Fil-fatt, sa fejn il-miżura prevista fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol sabiex temenda l-lista ma tikkorrispondix għal dik stabbilita mid-dritt primarju sabiex jiġu adottati atti leġiżlattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, dan l-argument għandu jiġi analizzat bħala kritika tal-legalità tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ att li jirrigwarda element essenzjali tal-qasam irregolat permezz ta’ proċedura iktar flessibbli minn dak prevista għal dan il-għan mid-dritt primarju.

46

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, adozzjoni tar-regoli essenzjali tal-qasam previst hija rriżervata għal-leġiżlatur tal-Unjoni u dawn ir-regoli essenzjali tal-qasam ikkonċernat għandhom jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni bażika. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-elementi essenzjali ta’ leġiżlazzjoni bażika, li għall-adozzjoni tagħhom teħtieġ li jsiru għażliet politiċi li jaqgħu fir-responsabbiltajiet proprji tal-leġiżlatur tal-Unjoni, ma jkunux is-suġġett ta’ delega u lanqas jidhru f’atti ta’ implementazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 64 sa 66).

47

L-identifikazzjoni tal-elementi ta’ qasam li għandhom jiġu kklassifikati bħala essenzjali għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punti 67 u 68).

48

F’dan il-każ, mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Europol jirriżulta li l-għan tal-Europol huwa li jappoġġa u jsaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u forom oħra ta’ kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew iktar u fil-ġlieda kontra dawn il-fenomeni.

49

F’dan il-kuntest, l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet bejn Europol u Stati terzi jikkostitwixxi azzjoni aċċessorja għal-attivitajiet tal-Europol, rabtiet ta’ kooperazzjoni ma’ dawn l-Istati li jistgħu jiġu stabbiliti u miżmuma, skont l-Artikolu 23(1) tad-Deċiżjoni Europol, biss sa fejn huwa neċessarju għall-implementazzjoni tal-funzjonijiet tal-Europol.

50

Barra dan, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-prinċipju tal-istabbiliment u ż-żamma ta’ tali relazzjonijiet, iddefinixxa l-għan li dawn ir-relazzjonijiet għandhom isegwu u speċifika l-kuntest li fih l-imsemmija relazzjonijiet għandhom iseħħu.

51

Għalhekk, anki jekk deċiżjoni li tirrigwarda l-emenda tal-lista timplika ċerti kompromessi li jippreżentaw dimensjonijiet tekniċi u politiċi, tali deċiżjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li teħtieġ għażliet politiċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

52

L-argument tal-Parlament skont liema l-emenda tal-lista jista’ jkollha konsegwenzi importanti fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ma tbiddilx din l-analiżi.

53

Ċertament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li t-trażmissjoni ta’ data personali li jistgħu jawtorizzaw il-ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Europol, tista’ tikkostitwixxi interferenza fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati u, min-naħa l-oħra li ċerti minn dawn l-interferenzi jistgħu jkunu ta’ portata li jkun neċessarju l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑355/10, EU:C:2012:516, punt 77).

54

Madankollu, jidher li l-prinċipju stess tat-trażmissjoni ta’ data personali lil ċerti Stati terzi u l-kuntest li fih din it-trażmissjoni għandha sseħħ għandhom jiġu deċiżi mil-leġiżlatur innifsu, l-Artikolu 23(6)(b) tad-Deċiżjoni Europol u l-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 2009/934 li jipprevedu b’mod partikolari t-twettiq ta’ evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-livell ta’ protezzjoni tad-data żgurata mill-Istat terz ikkonċernat.

55

Fi kwalunkwe każ, l-inklużjoni ta’ Stat terz fil-lista ma jippermettix, bħala tali, ebda trażmissjoni ta’ data personali lilu. Fil-fatt, mill-Artikolu 23(2), (4) u (6) tad-Deċiżjoni Europol jirriżulta li tali trażmissjoni hija biss possibbli wara l-konklużjoni, bejn Europol u dan l-Istat, ta’ ftehim li jawtorizza speċifikament it-trażmissjoni ta’ din id-data. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li mill-Artikolu 23(2) ta’ din id-deċiżjoni, moqri flimkien mal-Artikolu 5 u 6 tad-Deċiżjoni 2009/934 kif ukoll mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2009/935, l-innegozjar u l-konklużjoni ta’ tali ftehim jimplika, sussegwentement għar-reġistrazzjoni tal-Istat terz ikkonċernat fil-lista, deċiżjonijiet sussegwenti tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Europol u tal-Kunsill, peress li l-ewwel wieħed jibqa’ liberu li ma jawtorizzax lid-direttur tal-Europol sabiex jibda negozjati bil-għan ta’ konklużjoni ta’ ftehim li ma jippermettix l-iskambju ta’ data personali jew li ma jiġix approvat b’mod finali l-abbozz tal-ftehim innegozjat mid-direttur, filwaqt li t-tieni jibqa’ liberu li ma japprovax l-abbozz trażmess mill-Europol.

56

Fir-rigward tal-argument tal-Parlament skont liema d-Deċiżjoni Europol ma tiffissax il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex Stat terz jiġi inkluż fil-lista, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet ta’ tali inklużjoni huma ddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż mill-Artikolu 23(1) ta’ din id-deċiżjoni.

57

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-emenda tal-lista ma tikkostitwixxix element essenzjali tal-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Europol u għalhekk li kien possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprevedi li din setgħet titwettaq permezz ta’ att ta’ implementazzjoni.

58

It-tieni nett, għandu jiġi għaldaqstant eżaminat, l-argument tal-Parlament skont liema l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol hija illegali peress li tawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-assenza tal-assenza ta’ kwalunkwe inizjattiva minn qabel ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

59

F’dan ir-rigward, peress li l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jeżistu fid-data meta jkun ġie adottat dan l-att, il-legalità tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-implementazzjoni ta’ atti ġenerali fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja, jiġifieri l-Artikoli 34(2)(c) UE u 39(1) UE (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 45, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 35).

60

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, għandu jadotta, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament, il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tat-titolu dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

61

Madankollu, il-partijiet mhux qed jaqblu fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ implementazzjoni teħtieġ inizjattiva minn qabel ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tiddistingwi, minn naħa waħda, id-deċiżjonijiet li l-Kunsill, jista’ jiddeċiedi b’unanimità u, min-naħa l-oħra, il-miżuri neċessarji sabiex jiġu implementati dawn id-deċiżjonijiet fil-livell tal-Unjoni, li l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

63

F’dan il-kuntest, il-kliem “fuq l-inizjattiva ta’ xi Stat Membru jew tal-Kummissjoni” għandu jiġi mifhum, fid-dawl tas-sintassi tas-sentenzi li jifformaw l-imsemmija dispożizzjoni, li jirrigwardaw biss il-miżuri bażiċi li l-Kunsill, jista’ jiddeċiedi b’unanimità.

64

Għaldaqstant, mill-kliem ta’ din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li għandha tiġi interpretata fis-sens li inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni ma hijiex neċessarja għall-adozzjoni miżuri ta’ implementazzjoni bħal dawk fid-deċiżjoni kkontestata.

65

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li huwa inkluż fih l-Artikolu 34(2)(ċ) UE, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M’Bodj, C‑542/13, EU:C:2014:2452, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet applikabbli speċifikament għall-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikoli 76 TFUE u 291 TFUE jimponu l-inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni biss għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi u mhux ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

67

Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Parlament skont liema l-fatt li l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol jawtorizza l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni fl-assenza ta’ inizjattiva minn qabel ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni jimplika li l-imsemmija deċiżjoni tiġi kkunsidrata bħala li tistitwixxi l-modalitajiet ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri ssimplifikati meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan fit-Trattat UE.

68

Għal dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Parlament dwar l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol mar-regoli tal-proċedura applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandu jitfakkar, fi kwalunkwe każ, li l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji fih dispożizzjonijiet li jirrigwardaw speċifikament is-sistema legali applikabbli, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat, għal atti adottati abbażi tat-Trattat UE qabel din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 51, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 41).

69

Għalhekk, l-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll jipprevedi li l-effetti legali ta’ tali atti għandhom jiġu ppreservati sakemm dawn l-atti ma jkunux tħassru, ġew annullati jew emendati b’applikazzjoni tat-Trattati.

70

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat bħala li jimplika li dispożizzjoni ta’ att adottat regolarment abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li tipprevedi l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ implementazzjoni ta’ dan l-att tkompli tipproduċi l-effett legali tagħha sakemm din ma tkunx ġiet imħassra, annullata jew emendata u tippermetti l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri skont il-proċedura kif iddefinita minnha (is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 57, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 47).

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 290 TFUE ma huwiex applikabbli, l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol ma huwiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

72

Bl-istess mod, l-argumenti tal-Parlament huma intiżi li juru li l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni msaħħa jew issimplifikati meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan l-għan mit-Trattat FUE ma jwassalx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eskluża permezz ta’ eċċezzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 58, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 48).

73

Konsegwentement, u f’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-tieni motiv, din għandha tiġi miċħuda bħala infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 59, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-forom proċedurali sostanzjali

L-argumenti tal-partijiet

74

Il-Parlament isostni li, fl-ipoteżi fejn is-sistema preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona tirriżulta applikabbli f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi adottat fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament, skont l-Artikolu 34(2)(ċ) UE, moqri flimkien mal-Artikolu 39(1) UE.

75

Madankollu, minn naħa waħda, id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx adottata fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, il-konsultazzjoni tal-Parlament mill-Kunsill ma kinitx ta’ natura li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 39(1) UE u tal-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol, peress li, fl-opinjoni tal-Kunsill, din il-konsultazzjoni kellha biss natura fakultattiva.

76

Kuntrarjament, il-Kunsill jikkunsidra, li la d-Deċiżjoni Europol, u la l-Artikolu 34(2)(ċ) UE, la l-Artikolu 291(2) TFUE, la l-Artikolu 76 TFUE ma jeżiġu li att bħad-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

77

Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li ma huwiex obbligat li jikkonsulta lill-Parlament minħabba t-tħassir tal-Artikolu 39 UE mit-Trattat ta’ Lisbona. Skont il-Kunsill, l-impożizzjoni ta’ tali obbligu jwassal, barra minn hekk, għal żieda mal-proċedura prevista fl-Artikolu 291 TFUE element li mhux inkluż fiha u jikkontesta għalhekk il-bilanċ istituzzjonali stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona.

78

L-Ungerija targumenta, min-naħa tagħha, li l-Kunsill ħeles mill-obbligu ta’ konsultazzjoni preskritta fl-Artikolu 26(1) tad-Deċiżjoni Europol permezz tal-istrument ta’ konsultazzjoni volontarju li jutilizza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fl-assenza ta’ inizjattiva minn qabel ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol ma jipprevedix tali inizjattiva. Kuntrarjament, minn din id-dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni 2009/935, jirriżulta, li huwa l-Bord ta’ Tmexxija tal-Europol li għandu jipproponi ż-żieda ta’ Stat terz fil-lista.

80

Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 65 sa 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE ma jimponix li l-miżuri ta’ implementazzjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali jiġu adottati fuq inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ inizjattiva ta’ Stat Membru jew tal-Kummissjoni li jippreċedu l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali.

82

F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-kundizzjonijiet tal-konsultazzjoni tal-Parlament, għandu jitfakkar li l-konsultazzjoni regolari tal-Parlament fil-każijiet previsti mir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal (is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 63, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Konsegwentement, sa fejn mit-tweġiba mogħtija għat-tieni u t-tielet motivi jirriżulta li l-Kunsill seta’ validament jibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Parlament għandux jiġi kkonsultat qabel ma jiġi adottat att abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

84

Madankollu, mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-Kunsill huwa obbligat jikkonsulta lill-Parlament qabel ma jemenda l-lista.

85

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, it-tħassir tal-Artikolu 39(1) UE mit-Trattat ta’ Lisbona ma għandux jikkontesta dan l-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Parlament, peress li din hija espressament prevista mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol.

86

Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 291 TFUE ma jipprevedix obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Parlament, ma huwiex rilevanti, sa fejn l-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-Parlament jikkostitwixxi wieħed mill-effetti legali tad-Deċiżjoni Europol li jinżamm wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (ara, b’analoġija, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑317/13 u C‑679/13, EU:C:2015:223, punt 68, kif ukoll Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/13, EU:C:2015:224, punt 58).

87

F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kunsill mingħajr konsultazzjoni mal-Parlament.

88

Madankollu, il-Parlament jargumenta li ċ-ċirkustanza li l-Kunsill wettaq din il-konsultazzjoni filwaqt li jikkunsidra li ma kienx obbligat li jagħmilha tikkostitwixxi ksur forma proċedurali sostanzjali.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la ġie allegat u lanqas a fortiori pprovat li l-iżball imwettaq mill-Kunsill dwar il-kuntest li fih seħħet il-konsultazzjoni mal-Parlament iwassal, fil-prattika, għal-limitazzjoni tal-post mogħti lill-Parlament fil-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jew effettwat il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

90

Huwa importanti, b’mod partikolari, li jiġi rrilevat li l-Parlament seta’ jinnotifika l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill qabel l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-opinjoni maħruġa mill-Parlament matul din il-proċedura u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din l-istituzzjoni matul is-seduta jirriżulta li hija tikkunsidra, meta adottat din l-opinjoni, li hija ġiet ikkonsultata mill-Kunsill skont l-obbligu ta’ konsultazzjoni stabbilit fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Deċiżjoni Europol.

91

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li l-iżball imwettaq mill-Kunsill jipprekludi lill-Parlament milli jipparteċipa effettivament fil-proċedura inkwistjoni jew li twassal għal ksur tal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, mill-Parlament, tal-funzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑392/95, EU:C:1997:289, punt 14, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 81).

92

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mis-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑316/91, EU:C:1994:76).

93

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, f’din is-sentenza, li l-għażla żbaljata ta’ bażi legali li ma tipprevedix il-konsultazzjoni tal-Parlament tista’ tippreġudika l-prerogattiva tal-Parlament li tikkostitwixxi d-dritt li jiġi kkonsultat meta d-dritt primarju jipprevedih, anki jekk isseħħ konsultazzjoni fakultattiva (is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑316/91, EU:C:1994:76, punt 14).

94

Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tasal biss għal tali konklużjoni li bil-għan li tiġi evalwata l-ammissibbiltà tar-rikors imressaq mill-Parlament kontra att tal-Kunsill, mingħajr ma tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk ġiex imwettaq żball mill-Kunsill, fl-interpretazzjoni tal-bażi legali applikabbli, fuq in-natura obbligatorja tal-konsultazzjoni tal-Parlament, tikkostitwixxi, bħala tali, il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, indipendentement mill-effetti tagħha konkreti fuq il-parteċipazzjoni effettiva tal-Parlament f’proċedura partikolari jew fuq il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju mill-Parlament tal-funzjonijiet tiegħu.

95

Is-soluzzjoni deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li waslet għall-imsemmija sentenza kienet, barra dan, parzjalment ibbażata fuq il-fatt li l-iżball fil-bażi legali allegat iwassal għall-esklużjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tippermetti lill-Parlament li jikseb, fuq talba, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni (is-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑316/91, EU:C:1994:7, punt 18), li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

96

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-sostituzzjoni żbaljata ta’ bażi legali li timponi l-konsultazzjoni tal-Parlament għal bażi legali li ma tipprevedix tali konsultazzjoni tikkostitwixxi difett purament formali (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 165/87, EU:C:1988:458, punt 20). Għalhekk, il-fatt li l-Kunsill tfixkel fuq il-kuntest ġuridiku li fih ikkonsulta lill-Parlament ma huwiex ta’ natura li jipproduċi effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura inkunsiderazzjoni.

97

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

98

Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma mill-Parlament ma jista’ jintlaqa’, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

99

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

100

Kif mitlub mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.