SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

17 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra — Multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet — Kunċett ta’ eċċess tal-emissjonijiet — Assimilazzjoni ma’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ restituzzjoni, fit-termini previsti mid-Direttiva, ta’ numru ta’ kwoti suffiċjenti sabiex ikopri l-emissjonijiet tas-sena preċedenti — Assenza ta’ kawża ta’ eżenzjoni fil-każ ta’ dispożizzjoni effettiva ta’ kwoti li ma ġewx irrestitwiti, ħlief forza maġġuri — Impossibbiltà ta’ modulazzjoni tal-multa — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑203/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2012, fil-proċedura

Billerud Karlsborg AB u Billerud Skärblacka AB

vs

Naturvårdsverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), iktar ’il quddiem “id-Direttiva 2003/87”), u speċifikament l-Artikolu 16(3) u (4) tagħha li jipprevedi multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-kumpanniji Billerud Karlsborg AB u Billerud Skärblacka AB (iktar ’il quddiem “il-kumpanniji Billerud”) u, min-naħa l-oħra, Naturvårdsverket (aġenzija Svediża għall-ħarsien tan-natura), li imponiet fuq dawn il-kumpanniji multa minħabba li ma ċedewx fil-ħin il-kwoti tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju li jikkorrispondu għall-emissjonijiet effettivi tagħhom tas-sena 2006.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/87

3

Il-ħames, is-sitt u s-seba’ premessa ta’ din id-direttiva jipprovdu:

“(5)

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha ftiehmu li jwettqu konġuntement dawn l-impenji li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi tal-gassijiet serra, skont id-Deċiżjoni 2002/358/KE. Din id-Direttiva timmira li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-impenji tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Membri tagħha b’mod iktar effettiv, permezz ta’ suq Ewropew effiċjenti fil-għoti ta’ kwoti għall-emissjoni tal-gassijiet serra, bl-inqas tnaqqis possibbli ta’ l-iżvilupp ekonomiku u tax-xogħol.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/389/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju 1993 għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ għal CO2 Komunitarju u emissjonijiet oħra tal-gassijiet serra, stabbiliet mekkaniżmu sabiex jimmonitorja l-emissjoni tal-gassijiet serra ( 1 ) u jivvaluta l-progress sabiex jintlaħqu l-impenji rigward dawn l-emissjonijiet. Dan il-mekkaniżmu jrid jassisti lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kwantità totali tal-kwoti li jridu jiġu allokati.

(7)

Id-disposizzjonijiet Komunitarji li għandhom x’jaqsmu ma’ l-allokazzjoni tal-kwoti mill-Istati Membri huma meħtieġa sabiex jikkontribwixxu għall-preservazzjoni ta’ l-integrità tas-suq intern u sabiex tiġi evitata id-distorsjoni tal-kompetizzjoni”.

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda stallazzjoni ma tindħal għal attività elenkata fl-Anness I li tirriżulta fl-emissjonijiet speċifikati fejn tidħol din l-attivita għajr jekk l-operatur tagħha jkollu permess […]”.

5

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva:

“Il-permessi għall-emissjoni tal-gassijiet serra għandu jkun fihom dan li ġej:

[…]

e)

obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti ekwivalenti għall-emissjonijiet totali ta’ l-istallazzjoni kull sena kalendarja […] fi żmien erba’ xhur mit-tmiem ta’ din is-sena. [...]”

6

L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-prinċipju ta’ allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti li jammontaw għal mill-inqas 95 % bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-1 ta’ Jannar 2008, sussegwentement għal mill-inqas 90% bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-1 ta’ Jannar 2013.

7

L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-awtorità kompetenti għandha toħroġ porzjon mill-kwantità totali tal-kwoti għal kull sena […] sat-28 ta’ Frar […].”

8

L-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, dwar it-trasferiment, iċ-ċediment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti, huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, l-iktar tard sat-30 ta’ April ta’ kull sena, l-opertur ta’ kull waħda mill-istallazzjonijiet iċedi numru ta’ kwoti egwali għall-emissjonijiet totali minn din l-istallazzjoni matul is-sena kalendarja ta’ qabel […] u dawn jiġu sossegwentement ikkanċellati.”

9

Minbarra l-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-operaturi inadempjenti skont kif previst fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2003/87, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu huwa ssanzjonat, permezz ta’ multa prevista fil-paragrafi (3) u (4) tal-istess artikolu, li jipprovdu:

“3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur li ma jċedix kwoti biżżejjed sat-30 ta’ April ta’ kull sena sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu matul is-sena ta’ qabel għandu jinżamm [responsabbli] li jħallas penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet. Il-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet għandu jkun ta’ EUR 100 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju mitfugħ minn dik l-istallazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. Il-ħlas tal-penali għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ma għandux jeħles lill-operatur mill-obbligu li jċedi ammont ta’ kwoti egwali għall-dawk l-emissjonijiet maqbuża meta jċedi l-kwoti f’relazzjoni mas-sena kalendarja ta’ wara.

4.   Matul il-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin li jibda fl-1 ta’ Jannar 2005, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-penali l-iktar baxxa għall-eċċess ta’ l-emissjonijiet ta’ EUR 40 għal kull tunnellata metrika tad-dijossidu tal-karbonju mitfugħa minn dik l-istallazzjoni li għaliha l-operatur ma jkunx ċeda kwoti. […]”

10

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2003/87:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu applikati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. […]”

11

L-Artikolu 19 tal-istess direttiva jipprovdi għall-istabbiliment ta’ uffiċċji tar-reġistrazzjonijiet Komunitarji f’dawn it-termini:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li jiġi stabbilit u miżmum uffiċċju tar-reġistrazzjonijiet sabiex jiżgura l-kontabbiltà eżatta tal-ħruġ, iż-żamma, it-trasferiment u l-kanċellazzjoni tal-kwoti. […]

[…]

3.   Sabiex timplementa din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta Regolament […] għal sistema standardizzata u ggarantita ta’ uffiċji tar-reġistrazzjonijiet fil-għamla ta’ databases elettroniċi standardizzati li jkun fihom elementi komuni ta’ informazzjoni sabiex jittraċċjaw il-ħruġ, iż-żamma[,] it-tramsferiment u l-kanċellazzjoni tal-konċessonijiet [kwoti], sabiex jipprovvdu l-aċċess lill-pubblu u għall-kunfidenzalità kif xieraq u sabiex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda trasferiment mhux kompatibbli ma’ l-obbliġi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto”.

Ir-Regolament Nru 2216/2004

12

Ir-Regolament Nru 2216/2004 tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Diċembru 2004, għal sistema standardizzata u sikura ta’ reġistri skont id-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 319 M, 29.11.2008, p. 1) jipprovdi, fl-Artikolu 52 tiegħu:

“Ir-rinunzja tal-kwoti

Operatur għandu jirrinunzja għall-kwoti għal installazzjoni billi jitlob jew, fejn ikun ipprovdut fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, billi jitqies li jkun talab, lill-amministratur tar-reġistru biex:

(a)

jittrasferixxi numru speċifikat ta’ kwoti għal sena speċifikata mill-kont ta’ depożitu ta’ operatur rilevanti għall-kont ta’ depożitu ta’ Parti ta’ dak ir-reġistru;

(b)

iniżżel in-numru ta’ kwoti ttrasferiti fit-taqsima tat-tabella tal-kwoti rrinunzjati indikata għal dik l-installazzjoni għal dik is-sena.

[…]”

Id-dritt Svediż

13

Il-Liġi 2004:1199 dwar l-iskambji ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-provvedimenti 2004:8 dwar ir-reġistri tal-kwoti ttrasponew id-dispożizzjonijiet ċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni.

14

L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 6 tal-Liġi 2004:1199, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Għal kull installazzjoni, l-operatur għandu jirrestitwixxi, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April, lill-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-reġistru, numru ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet totali ta’ din l-installazzjoni li jkunu saru matul is-sena kalendarja li tkun għaddiet.”

15

L-Artikolu 6 tal-Kapitolu 8 tal-istess liġi tipprevedi li:

“L-operatur li ma jkunx irrestitwixxa numru ta’ kwoti suffiċjenti sabiex ikopri l-emissjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 6 għandu jħallas lill-Istat multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet. Għall-perijodu bejn l-2005 u l-2007, l-ammont ta’ din il-multa jitla’ għal somma ekwivalenti għal EUR 40 għal kull tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju rrilaxxat mill-installazzjoni u li għaliha l-operatur ma jkunx irrestitwixxa l-kwoti. Għal perijodi sussegwenti, din is-somma titla’ għal EUR 100. Il-valur korrispondenti fi Krona Svediża huwa dak ibbażat fuq ir-rata tal-kambju tal-Euro fl-1 ta’ Mejju tas-sena li fiha ssir ir-restituzzjoni.”

16

L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 8 jipprovdi:

“Il-ħlas tal-multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 6 ma jeżonerax lill-operatur mill-obbligu, previst fl-Artikolu 1 tal-Kapitolu 6, li jirrestitwixxi lill-awtorità li tamministra r-reġistru l-kwoti li jikkorrispondu għal dan l-eċċess tal-emissjonijiet meta ssir ir-restituzzjoni tal-kwoti tas-sena kalendarja li tkun għaddiet.”

Il-kawża u d-domandi preliminari

17

Fit-30 ta’ April 2007, il-kumpanniji Billerud, kumpanniji inkorporati taħt id-dritt Svediż li għandhom permessi għall-emissjoni tad-dijossidu tal-karbonju, ma rrestitwixxewx il-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tagħhom tas-sena 2006, jiġifieri, 10828 u 42433 tunnellata, rispettivament).

18

Konsegwentement, in-Naturvårdsverket imponiet il-multa prevista mil-Liġi Nru 1199 tal-2004 li ttrasponiet id-Direttiva 2003/87, fl-ammont li tela’ għal SEK 3 959 366 għal waħda, u SEK 15 516 051 għall-oħra, jiġifieri EUR 433 120 u EUR 1 697 320.

19

Insostenn tal-kontestazzjoni tagħhom ta’ din is-sanzjoni quddiem il-qorti nazzjonali, il-kumpanniji Billerud sostnew li fid-data tat-30 ta’ April 2007, il-kontijiet ta’ depożitu tagħhom fir-reġistru Svediż tad-drittijiet tat-tniġġis ġew akkreditati b’numru suffiċjenti ta’ kwoti sabiex ikopru l-emissjonijiet kollha tagħhom tal-2006. Huma sostnew li dan il-fatt jistabbilixxi li huma ma kellhomx l-intenzjoni li jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom, u li n-nuqqas ta’ restituzzjoni fil-ħin li bih huma ġew ikkritikati kien dovut għal diffikultà ta’ funzjonament amministrattiva interna. Il-qorti tal-ewwel istanza ma laqgħetx din l-argumentazzjoni.

20

Adita bl-appell ippreżentat mill-kumpaniji Billerud, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), għandhom bħala effett li operatur li ma jċedix numru ta’ kwoti suffiċjenti sat-30 ta’ April għandu jħallas multa, irrispettivament mill-motiv għan-nuqqas ta’ ċediment, pereżempju anki fil-każ li l-operatur kellu effettivament numru ta’ kwoti suffiċjenti fit-30 ta’ April, iżda ma ċedihomx f’din id-data minħabba negliġenza, żball amministrattiv jew problema teknika?

2.

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 jippermettu li tingħata remissjoni tal-multa jew tnaqqis tal-ammont tagħha, pereżempju fil-każijiet deskritti fl-imsemmija domanda?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti ċerta tolleranza fl-impożizzjoni ta’ multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet fir-rigward tal-operaturi li, minkejja li ma jkunux irrestitwixxew il-kwoti tagħhom tal-ekwivalenti tad‑dijossidu tal-karbonju tas-sena li tkun għaddiet qabel it-30 ta’ April tas-sena kurrenti, ikollhom, madankollu, f’dik id-data n-numru ta’ kwoti suffiċjenti u jiġġustifikaw id-dewmien tagħhom b’diffikultajiet imprevedibbli tekniċi interni.

22

Din il-kwistjoni twassal għal mistoqsija ta’ jekk il-kunċett ta’ “eċċess tal-emissjonijiet” punibbli b’multa għandux jinftiehem bħala li jirreferi għal imġiba li, fiha nnifisha, toħloq tniġġis eċċessiv, f’liema każ il-multa tkun pagabbli biss mill-operaturi li ma jkollhomx, fit-30 ta’ April ta’ kull sena, in-numru ta’ kwoti suffiċjenti, jew jekk, għall-kuntrarju, dan huwiex ikkostitwit biss min-nuqqas ta’ restituzzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April tal-kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-sena li tkun għaddiet, indipendentement inter alia mir-raġuni tan-nuqqas ta’ restituzzjoni jew in-numru ta’ kwoti effettivament miżmuma mill-operaturi kkonċernati.

23

L-ewwel parti ta’ din l-alternattiva, sostnuta mill-kumpanniji Billerud, toħroġ minn qari litterali tal-esprezzjoni “eċċess tal-emissjonijiet” tal-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87, li skontha ż-żamma effettiva, fid-data tat-30 ta’ April tas-sena kurrenti, ta’ numru ta’ kwoti suffiċjenti sabiex ikopri l-emissjonijiet tas-sena li tkun għaddiet juri l-assenza ta’ ħsara partikolari għall-ambjent, li unikament hija ta’ natura li tiġġustifika s-sanzjonijiet skont id-dritt tal-Unjoni taħt il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat FUE.

24

Madankollu, argumentazzjoni bħal din ma hijiex konvinċenti.

25

Fil-fatt, mill-kliem stess tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta li l-obbligu ta’ restituzzjoni, għall-kanċellazzjoni, ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tas-sena li tkun għaddiet qabel it-30 ta’ April tas-sena kurrenti huwa partikolarment strett. Imsemmi b’mod mandatorju għall-finijiet tal-permessi għall-emissjoni tal-gassijiet serra skont l-Artikolu 6(2)(e) ta’ din id-direttiva, ifformulat mingħajr ambigwità fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, dan l-obbligu huwa l-unika wieħed li d-Direttiva 2003/87 torbot miegħu, hija stess, sanzjoni speċifika, filwaqt li s-sanzjoni għal kull imġiba oħra li tkun kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tagħha tħalliet, skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, f’idejn l-Istati Membri. Il-post ċentrali li din id-direttiva tagħti lill-proċess ta’ restituzzjoni tal-kwoti joħroġ ukoll mill-fatt li l-kundanna għal multa ma teħlisx, fiha nnifisha, lill-operatur mill-obbligu li jirrestitwixxi l-kwoti korrispondenti matul il-kampanja ta’ restituzzjoni tas-sena ta’ wara. L-unika flessibbiltà prevista mid-Direttiva 2003/87 fir-rigward ta’ din il-multa tikkonċerna l-livell tagħha, imnaqqas minn EUR 100 għal EUR 40 għall-perijodu ta’ prova tas-sistema, jiġifieri għas-snin 2005, 2006 u 2007.

26

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-għan finali tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti huwa l-protezzjoni tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, din l-iskema ma tnaqqasx minnha nnifisha dawn l-emissjonijiet, iżda tħeġġeġ u tiffavorixxi t-tfittix tal-inqas spejjeż sabiex jinkiseb tnaqqis fl-imsemmija emissjonijiet fuq livell speċifiku. Il-vantaġġ finali għall-ambjent jiddependi minn kemm hija stretta l-kwantità totali li tiġi stabbilita għall‑kwoti mogħtija, li tikkostitwixxi l-limitu globali tal-emissjonijiet awtorizzati mill-imsemmija skema (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique Lorraine et, C-127/07, Ġabra p. I-9895, punt 31).

27

L-istruttura ġenerali tad-Direttiva hija bbażata fuq kontabbiltà stretta tal-kwoti maħruġa, miżmuma, ittrasferiti u kkanċellati, li l-qafas tagħha huwa stabbilit mill-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva u titlob l-istabbiliment ta’ sistema ta’ reġistri standardizzati permezz ta’ regolament distint tal-Kummissjoni. Din il-kontabbiltà preċiża hija inerenti għall-għan stess tal-istess direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ skema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjoni ta’ gassijiet serra, li hija maħsuba sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet fl-atmosfera għal livell li jimpedixxi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima, u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (ara s-sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29). Kif issostni l-Kummissjoni, billi stabbilixxa huwa stess multa ddefinita minn qabel, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħares l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-manipulazzjonijiet tas-suq.

28

F’dan ir-rigward, l-argument ta’ Billerud li ma tistax tiġi kkritikata b’imġiba eċċessivament preġudizzjali għall-ambjent jista’ biss jiġi skartat: l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva għandu bħala għan u effett li jissanzjona mhux lil “min iniġġes” b’mod ġenerali, iżda lill-operaturi li n-numru ta’ emissjonijiet tagħhom tas-sena ta’ qabel jeċċedi, fit-30 ta’ April tas-sena kurrenti, in-numru ta’ kwoti preżenti fit-taqsima tat-tabella “kwoti rrinunzjati” indikati għall-installazzjonijiet tagħhom u dik is-sena fir-reġistru ċentrali tal-Istat Membru li taħtu jaqgħu skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 2216/2004. Huwa f’dan is-sens, u mhux bħala emissjonijiet fihom infushom eċċessivi, li għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “eċċess tal-emissjonijiet”.

29

Tali interpretazzjoni hija sostnuta, minn naħa, mill-fatt li taħt l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva, parti mill-kwantità totali tal-kwoti għas-sena kurrenti tingħata lill-operaturi sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Frar ta’ dik is-sena, jiġifieri xahrejn qabel id-data li fiha l-operaturi huma meħtieġa jirrestitwixxu l-kwoti tagħhom tas-sena li tkun għaddiet, u, min-naħa l-oħra, mill-allokazzjoni kważi mingħajr ħlas ta’ kwoti għas-sena 2006 prevista mill-Artikolu 10 tad-Direttiva.

30

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-obbligu impost mid-Direttiva għandu jitqies, mhux bħala sempliċi obbligu li jinżammu kwoti li jkopru l-emissjonijiet tas-sena li tkun għaddiet fid-data tat-30 ta’ April tas-sena kurrenti, iżda bħala obbligu ta’ restituzzjoni ta’ dawn il-kwoti sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April, sabiex dawn jiġu kkanċellati fir-reġistru Komunitarju intiż għall-iżgurar ta’ kontabbiltà preċiża tal-kwoti.

31

Madankollu, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika, ir-rikonoxximent ta’ każ ta’ forza maġġuri huwa possibbli meta kawża esterna invokata minn persuni ġuridiċi jkollha konsegwenzi irreżistibbli u inevitabbli sal-punt li jkun oġġettivament impossibbli għall-persuni kkonċernati li jirrispettaw l-obbligi tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il-Kummissjoni, 154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78 u 264/78, 39, 31/79, 83/79 u 85/79, Ġabra p. 907, punt 140). Konsegwentement hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kumpanniji Billerud, minkejja d-diliġenza kollha li setgħu jeżerċitaw sabiex josservaw t-termini previsti, ġewx ikkonfrontati b’ċirkustanzi esterjuri għalihom, anormali u imprevedibbli (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Eurofit, C-99/12, punt 31), li jmorru lil hinn minn sempliċi diffikultà interna ta’ funzjonament.

32

Hemm lok, għalhekk, li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 jipprekludi li operatur li ma jkunx irrestitwixxa sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April tas-sena kurrenti l-kwoti tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tiegħu tas-sena li tkun għaddiet jaħrab l-impożizzjoni tal-multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet prevista, u dan anki jekk f’din id-data huwa jkollu numru suffiċjenti ta’ kwoti.

Fuq it-tieni domanda

33

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li modulazzjoni tal-ammont tiegħu mill-qorti nazzjonali tistax tkun possibbli taħt il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implementati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu adattati sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħquhom (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C-58/08, Ġabra p. I-4999, punt 51).

35

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dawn il-kundizzjonijiet, għandha madankollu tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni meta huwa jkollu jintervjeni f’qasam li jinvolvi għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, fl-istħarriġ ġudizzjarju tagħha tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tissostitwixxi l-ġudizzju tal-leġiżlatur tal-Unjoni bil-ġudizzju tagħha. Hija lanqas ma tista’ tiċċensura l-għażla normattiva tiegħu ħlief jekk din tkun tidher li hija manifestament żbaljata jew jekk l-iżvantaġġi li jirriżultaw għal ċerti atturi ekonomiċi ma jkunux jibbilanċjaw mal-benefiċċji li din ikollha wkoll (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58; tat-13 ta’ Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punt 56, tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 48).

36

Għandu jiġi kkonstatat li l-istabbiliment ta’ skema Komunitarja tal-kontabbiltà u għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju fil-livell tal-Unjoni kkostitwixxa għażla normattiva li tirrifletti orjentazzjoni politika, f’kuntest ta’ urġenza sabiex jiġu ttrattati preokuppazzjonijiet ambjentali serji li joħorġu mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Marzu 2001, li għalihom tirreferi l-ewwel premessa tad-Direttiva 2003/87. Din l-għażla normattiva kienet ibbażata, barra minn hekk, fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna u diskussi b’mod wiesa’, deskritti fi Green Paper COM(2000), 87 tat-8 ta’ Marzu 2000. Sabiex jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-impenji tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kyoto, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu għalhekk jevalwa u jikkunsidra huwa nnifsu l-effetti futuri u inċerti tal-intervent tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

37

Issa l-ġudizzju fuq il-proporzjonalità ta’ att tal-Unjoni ma jistax jiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-livell ta’ effikaċità tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkollu jevalwa l-effetti futuri ta’ leġiżlazzjoni li għandu jadotta, meta dawn l-effetti ma jkunux jistgħu jiġu previsti b’eżattezza, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi ddubitata biss jekk din tidher li hija manifestament żbaljata fid-dawl tal-informazzjoni li huwa kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C-189/01, Ġabra 2001, p. I-5689, punt 84 u kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

Eżaminata fid-dawl tal-prinċipji msemmija fil-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq, il-multa fuq l-eċċess ta’ emissjonijiet prevista mid-Direttiva 2003/87 ma tistax tiġi kkunsidrata kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-ammont tagħha ma huwa suġġett għal ebda possibbiltà ta’ modulazzjoni mill-qorti nazzjonali.

39

Fil-fatt, minn naħa, jidher li l-obbligu ta’ restituzzjoni previst fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87 u l-multa fissa li tissanzjonah fl-Artikolu 16(3) u (4) ta’ din id-direttiva, u dan mingħajr flessibbiltà oħra għajr it-tnaqqis tranżitorju tal-livell tagħha, kienu neċessarji għal-leġiżlatur tal-Unjoni, fit-tfittix tal-għan leġittimu li tiġi stabbilita skema effiċjenti għall-iskambju ta’ kwoti ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju, sabiex jevita li ċerti operaturi jew intermedjarji tas-suq jitħajru jevitaw jew jimmanipulaw l-iskema billi abbużivament jimmanipulaw il-prezzijiet, il-kwantitajiet, it-termini jew il-prodotti finanzjarji kumplessi li kull suq joħloq. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 17 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta għal direttiva COM(2001) 581, tat-23 ta’ Ottubru 2001, ippreżentata mill-Kummissjoni, il-livell relattivament għoli tal-multa huwa ġġustifikat min-neċessità li n-nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligu ta’ restituzzjoni ta’ numru suffiċjenti ta’ kwoti jiġu ttrattati b’mod strett u konsistenti madwar l-Unjoni kollha. Din in-neċessità kienet tidher, barra minn hekk, partikolarment importanti matul il-fażi tat-tnedija ta’ skema ġdida fil-livell tal-Unjoni.

40

Barra minn hekk, mid-Direttiva jirriżulta li l-operaturi għandhom perijodu ta’ erba’ xhur sabiex ikunu f’pożizzjoni li jirrestitwixxu l-kwoti li jikkorrispondu għas-sena li tkun għaddiet, u dan jipprovdilhom żmien raġonevoli sabiex jikkonformaw mal-obbligu restituttiv tagħhom. Mill-kumplament tax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva jirriżulta li l-Kunsill estenda t-terminu inizjalment mogħti lill-impriżi, minħabba li l-proposta tal-Kummissjoni kienet issemmi bħala data finali l-31 ta’ Marzu. Min-naħa l-oħra, id-data finali tat-30 ta’ April hija iktar tard mid-data li fiha l-Istati Membri huma obbligati jallokaw lill-operaturi parti mill-kwoti tagħhom tas-sena kurrenti, stabbilita għat-28 ta’ Frar, filwaqt li tfakkar li din l-allokazzjoni saret mingħajr ħlas sal-livell ta’ 95 % matul il-perijodu bejn l-2005 u l-2008. Finalment, kif ġie kkonstatat fil-punti 22 u 27 ta’ din is-sentenza, fid-dawl tal-istruttura loġika ta’ kontabbiltà preċiża tal-kwoti fil-livell tal-Unjoni li tikkundizzjona l-funzjonament tajjeb tal-iskema stabbilita mid-Direttiva, multa ta’ EUR 40 għal kull tunnellata tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju mhux irrestitwit fit-30 ta’ April (valur li jikkorrispondi għad-doppju tal-prezz hekk stmat ta’ din it-tunnellata fis-suq futur tad-drittijiet tat-tniġġis), ma tidhirx li tippreżenta inkonvenjenzi li ma jibbilanċjawx mal-benefiċċji li hija tippreżenta wkoll sabiex l-Unjoni Ewropea tosserva l-impenji tagħha skont il-Protokoll ta’ Kyoto.

41

Mill-bqija, huwa leġittimu għall-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ avviżi, ta’ tfakkir u ta’ restituzzjoni antiċipata li jippermettu lill-operaturi in bona fede li jkunu informati sewwa bl-obbligu restituttiv u li b’hekk ma jieħdu ebda riskju ta’ multa. Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali jipprevedu tali prekawzjonijiet, u jafdaw lill-awtoritajiet kompetenti bir-responsabbiltà li jassistu lill-operaturi fl-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ gassijiet serra.

42

Hemm lok, għalhekk, li għat-tieni domanda tingħata r-risposta li l-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tal-multa fissa prevista f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi mmodifikat mill-qorti nazzjonali f’isem il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, jipprekludi li l-operatur li ma jkunx irrestitwixxa sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April tas-sena kurrenti l-kwoti tal-ekwivalenti tad-dijossidu tal-karbonju li jikkorrispondu għall-emissjonijiet tiegħu tas-sena li tkun għaddiet jaħrab l-impożizzjoni tal-multa fuq l-eċċess tal-emissjonijiet prevista, u dan anki jekk f’din id-data huwa jkollu numru suffiċjenti ta’ kwoti;

 

2)

L-Artikolu 16(3) u (4) tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammont tal-multa fissa prevista f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi mmodifikat mill-qorti nazzjonali f’isem il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.

( 1 ) […]