KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawżi Magħquda C-356/11 u C-357/11

O. (C-356/11),

S

vs

Maahanmuuttovirasto

u

Maahanmuuttovirasto (C-357/11)

vs

L.

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja)]

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja — Applikabbiltà tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Ruiz Zambrano — Sponsor, ġenitur ta’ wild ċittadin tal-Unjoni ġej mill-ewwel unjoni — Dritt ta’ residenza tal-konjuġi ġdid tal-isponsor, ċittadin ta’ pajjiż terz — Ċaħda bbażata fuq in-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti — Dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tal-wild minuri”

1. 

Id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin ta’ Stat terz jista’ jitnissel miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-wild li tiegħu ma jkunx ġenitur imma l-ġenitur tat-tieni żwieġ?

2. 

Essenzjalment, din hija d-domanda li qed tagħmlilna l-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fil-kuntest ta’ żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari.

3. 

Dawn id-domandi jidħlu fil-kuntest ta’ kawżi bejn il-Maahanmuuttovirasto (Uffiċċju Nazzjonali tal-Immigrazzjoni) u S., ċittadina Ganjana (C-356/11) u L., ċittadina Alġerina (C-357/11) ( 2 ), fejn it-tnejn li huma jitolbu permess ta’ residenza għall-benefiċċju tal-konjuġi tagħhom, O. u M., ċittadini ta’ Stati terzi ( 3 ), skont id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja stabbilit mid-Direttiva 2003/86/KE ( 4 ). Il-Maahanmuuttovirasto ċaħad dawn it-talbiet billi kkunsidra li l-applikanti ma kellhomx mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti għall-finijiet tar-residenza tagħhom fit-territorju Finlandiż.

4. 

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konformità ta’ dawn id-deċiżjonijiet fid-dawl tal-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fis-sentenza Ruiz Zambrano ( 5 ) u tal-interpretazzjoni li hija tat tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fil-fatt S. u L., it-tnejn li huma għandhom il-kustodja esklużiva ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, ġej mill-ewwel żwieġ. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi marbuta mas-sitwazzjoni tal-familja tal-persuni kkonċernati, il-Maahanmuuttovirasto kienx obbligat li jagħti permessi ta’ residenza lill-applikanti sabiex jiġi evitat li t-tfal, fil-kustodja esklużiva tal-isponsors, ma jkunux kostretti li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ma jiċċaħħdux mit-tgawdija tad-drittijiet li jagħtihom l-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni.

5. 

Għaldaqstant, id-domandi li tagħmel il-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-portata u l-limiti tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest partikolari ta’ familja mħallta fejn l-applikant ma jeżerċita l-ebda responsabbiltà tal-ġenitur u lanqas finanzjarja fir-rigward tal-wild ċittadin tal-Unjoni.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6.

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 6 ), kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha.

7.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja. Skont l-Artikolu 24(3) tal-Karta, it-tfal għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.

2. Id-Direttiva 2003/86

8.

Id-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mogħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. Skont it-tieni premessa tagħha, din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 7 ) u fil-Karta.

9.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi ċ-ċirku ta’ persuni, membri tal-familja tal-isponsor, li jistgħu jibbenefikaw minn dan id-dritt ta’ residenza. Fost dawn u skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2003/86 hemm il-konjuġi tal-isponsor.

10.

Għal dak li jirrigwarda l-modalitajiet tal-eżami tat-talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja, il-leġiżlatur tal-Unjoni jobbliga lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal minorenni. Għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, fil-każ ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni, ta’ rtirar jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza l-istess bħal fil-każ ta’ adozzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija tal-isponsor jew tal-membri tal-familja tiegħu, in-natura u tas-solidità tar-rabtiet tal-familja tal-persuna u tat-tul tar-residenza tagħha fl-Istat Membru kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali jew soċjali mal-Istat ta’ oriġini tagħha.

11.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ manuvra fl-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni. Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, jistgħu jeżiġu li l-isponsor ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti biex jaqdu l-bżonnijiet tiegħu u dawk tal-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

B – Il-leġiżlazzjoni Finlandiża

12.

Għall-finijiet tal-Artikolu 37(1) tal-Liġi fuq il-Barranin (Ulkomaalaislaki), il-konjuġi ta’ persuna residenti fil-Finlandja hija kkunsidrata bħala membru tal-familja.

13.

Skont l-Artikolu 39(1) ta’ din il-liġi, permess ta’ residenza jingħata bil-kundizzjoni li l-barrani jkollu mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidderogaw minn din il-kundizzjoni jekk ċirkustanzi eċċezzjonalment gravi jiġġustifikaw tali eċċezzjoni jew jekk jeħtieġ dan fl-aħjar interess tal-wild.

14.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 66a tal-imsemmija liġi u meta permess ta’ residenza jintalab fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ rabta tal-familja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fil-kuntest tal-eżami tagħhom, jikkunsidraw in-natura u s-solidità tar-rabtiet tal-familja tal-barrani u tat-tul tar-residenza tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll l-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja, kulturali jew soċjali mal-Istat ta’ oriġini tiegħu.

II – Il-fatti u l-kawżi prinċipali

A – Il-Kawża C-356/11

15.

S. hija ċittadina Ganjana li għandha permess ta’ residenza permanenti fil-Finlandja. Fl-4 ta’ Lulju 2001 hija żżewġet ċittadin Finlandiż li miegħu kellha wild li twieled fil-11 ta’ Lulju 2003. Dan tal-aħħar billi għandu ċ-ċittadinanza Finlandiża, huwa ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, huwa qatt ma uża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. S. ingħatat il-kustodja esklużiva ta’ dan il-wild mit-2 ta’ Ġunju 2005, imbagħad iddivorzjat fid-19 ta’ Ottubru 2005. Missier it-tifel jgħix fil-Finlandja. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S., matul ir-residenza tagħha fil-Finlandja, studjat, ibbenefikat minn leave tal-maternità, tħarrġet u eżerċitat attività professjonali.

16.

Fis-26 ta’ Ġunju 2008, S. iżżewġet lil O., ta’ nazzjonalità Ivorjana. Minħabba f’hekk dan tal-aħħar ippreżenta fil-Maahanmuuttovirasto applikazzjoni għal permess ta’ residenza. Mill-unjoni tagħhom kellhom wild ta’ nazzjonalità Ganjana li twieled fil-Finlandja fil-21 ta’ Novembru 2009, u li fuqu l-ġenituri kellhom kustodja komuni. O. jgħix fid-dar ta’ S u ż-żewġt itfal tagħha. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li O., fl-1 ta’ Jannar 2010 ffirma, għal perijodu ta’ sena, kuntratt ta’ xogħol għal tmien sigħat ta’ xogħol kuljum u ħlas ta’ EUR 7.50 fis-siegħa. Madankollu, huwa ma ppreżentax dokumenti li jikkonfermaw li huwa effettivament ħadem fuq il-bażi ta’ dan il-kuntratt.

17.

B’deċiżjoni adottata fil-21 ta’ Jannar 2009, il-Maahanmuuttovirasto ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ppreżentata minn O. fuq il-bażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 39(1) tal-Liġi fuq il-Barranin, billi kkunsidra li dan ma kellux mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti. Barra minn dan, ma dehrlux li kellu jidderoga minn din il-kundizzjoni, kif tippermetti din il-liġi fil-preżenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonalment gravi jew meta l-aħjar interess tal-wild jeżiġi dan.

18.

Il-Helsingin hallinto-oikeus (it-Tribunal Amministrattiv ta’ Helsinki) (il-Finlandja) imbagħad ċaħad ir-rikors għal annullament ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni. Imbagħad O. u S. appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

B – Il-Kawża C-357/11

19.

Il-Kawża C-357/11 tixbah ħafna lill-Kawża C-356/11 billi r-rabta li tgħaqqad il-wild ċittadin tal-Unjoni u l-applikant tirrigwarda wkoll il-kuntest ta’ familja mħallta. Min-naħa l-oħra, il-fatti fil-kawża prinċipali huma differenti, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-post ta’ residenza attwali tal-applikant.

20.

F’din il-kawża, L. hija ċittadina Alġerina li għandha permess ta’ residenza permanenti wara l-unjoni tagħha ma’ ċittadin Finlandiż. Minn din l-unjoni, fl-2004, twieled wild ta’ nazzjonalità Finlandiża, li qatt ma uża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. Wara d-divorzju mogħti fl-10 ta’ Diċembru 2004, L. kisbet il-kustodja esklużiva tat-tarbija. Il-missier ta’ din it-tarbija joqgħod fil-Finlandja.

21.

Fid-19 ta’ Ottubru 2006, L. iżżewġet lil M., ta’ nazzjonalità Alġerina. Dan kien wasal legalment fil-Finlandja fix-xahar ta’ Marzu 2006, fejn kien talab l-ażil politiku u fejn, skont l-allegazzjonijiet tiegħu, għex ma’ L. mix-xahar ta’ April 2006. Fix-xahar ta’ Ottubru 2006, dan intbagħat lura lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu. Fid-29 ta’ Novembru 2006, L. talbet lill-Maahanmuuttovirasto l-għoti ta’ permess ta’ residenza għall-benefiċċju ta’ M. fuq il-bażi tal-unjoni tagħhom u, fl-14 ta’ Jannar 2007, L. welldet wild ta’ nazzjonalità Alġerina li kien taħt il-kustodja komuni tal-koppja. Ma huwiex stabbilit jekk M. iltaqax mat-tarbija tiegħu.

22.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li L. qatt ma kellha attività professjonali matul ir-residenza tagħha fil-Finlandja li d-dħul tagħha kien ġej mill-allowance għal għajxien u minn servizzi oħra.

23.

Għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ O. fil-Kawża C-356/11, il-Maahanmuuttovirasto ċaħad l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ M. Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni ġiet annullata mill-Helsingin hallinto-oikeus, li wassal sabiex il-Maahanmuuttovirasto jappella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

24.

Il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, tistaqsi dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, hija tistaqsi jekk, minħabba r-rifjut tal-Maahanmuuttovirasto li joħroġ permess ta’ residenza lill-applikanti, il-konjuġi u t-tfal tagħhom impoġġijin fil-kustodja tagħhom humiex fir-realtà ser ikunu kostretti li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni biex ikunu jistgħu jgħixu flimkien.

III – Id-domandi preliminari

25.

Huwa f’dan il-kuntest u biex jitneħħew id-dubji tagħha li l-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi bħall-ewwel domanda.

Fil-Kawża C-356/11

“1)

L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li permess ta’ residenza jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba li ma jkollux mezzi ta’ għajxien, f’sitwazzjoni tal-familja fejn il-konjuġi tiegħu għandha kustodja ta’ wild li huwa ċittadin tal-Unjoni u fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma huwiex wieħed mill-ġenituri ta’ dan il-wild u lanqas persuna li għandha d-dritt ta’ kustodja?

2)

F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-impatt tal-Artikolu 20 TFUE huwa evalwat b’mod differenti meta ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr permess ta’ residenza, il-konjuġi tiegħu u l-wild li jinsab taħt il-kustodja ta’ dan tal-aħħar u li għandu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jgħixu taħt l-istess saqaf?”

Fil-Kawża C-357/11

“1)

L-Artikolu 20 TFUE jipprekludi li permess ta’ residenza jiġi rrifjutat lil ċittadin ta’ pajjiż terz minħabba li huwa ma jkollux mezzi ta’ [għajxien], f’sitwazzjoni tal-familja fejn il-konjuġi tiegħu għandu l-kustodja ta’ wild li huwa ċittadin tal-Unjoni u fejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ma huwiex ġenitur ta’ dan il-wild, ma għandux id-dritt ta’ kustodja u lanqas ma għadu jgħix mal-konjuġi tiegħu jew ma’ dan il-wild?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-impatt tal-Artikolu 20 TFUE jiġi evalwat b’mod differenti meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz mingħajr permess ta’ residenza u li ma huwiex residenti fil-Finlandja, għandu, mal-konjuġi tiegħu, wild li għandu ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż terz, residenti fil-Finlandja u mqiegħed taħt il-kustodja konġunta taż-żewġ ġenituri tiegħu?”

26.

Il-partijiet fil-kawżi prinċipali, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Polonja kif ukoll il-Komunità Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – L-analiżi tiegħi

27.

Bl-ewwel domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jagħtu liċ-ċittadin ta’ Stat terz dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn jgħix legalment il-konjuġi tiegħu, li wkoll huwa ċittadin ta’ Stat terz, u l-wild ta’ dan tal-aħħar, ċittadin tal-Unjoni ġej mill-ewwel żwieġ, u dan minkejja n-nuqqas ta’ mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti tal-applikant.

28.

Din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tippreċiża l-portata u l-limiti tal-prinċipji li stabbilixxiet fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, fil-kuntest partikolari ta’ familja mħallta fejn wieħed mill-ġenituri jeżerċita kustodja esklużiva fir-rigward ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, ġej mill-ewwel żwieġ.

29.

Il-kwistjoni hija, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk l-Istat Membru huwiex obbligat li jagħti lill-applikant permess ta’ residenza minkejja li ma huwiex il-ġenitur tal-wild ċittadin tal-Unjoni u ma jeżerċita l-ebda responsabbiltà ta’ ġenitur fir-rigward tiegħu, għaliex inkella l-familja l-ġdida tkun obbligata titlaq mit-territorju tal-Unjoni u, għaldaqstant, dan il-wild jiċċaħħad, skont il-formula użata mill-Qorti tal-Ġustizzja, “mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni”.

30.

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Istat Membru ma huwiex obbligat jagħti tali permess, il-qorti tar-rinviju permezz tat-tieni domandi tagħha tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti minħabba ċ-ċirkustanzi marbuta mas-sitwazzjoni tal-familja ta’ kull wieħed mill-applikanti. Fil-Kawża C-356/11, l-applikant, il-konjuġi tiegħu u l-wild ċittadin tal-Unjoni jgħixu taħt l-istess saqaf fil-Finlandja. Min-naħa l-oħra, fil-Kawża C-357/11, l-applikant mar lura fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, imma, flimkien mal-konjuġi tiegħu, għandu wild ċittadin ta’ Stat terz li jgħix fil-Finlandja u qiegħed taħt ir-responsabbiltà konġunta taż-żewġ ġenituri tiegħu ( 8 ).

31.

Ser neżamina dawn id-domandi fid-dawl mhux biss tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu, imma wkoll tad-Direttiva 2003/86.

32.

Min-naħa l-oħra minix ser nanalizzahom mill-aspett tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, koperti mid-Direttiva 2004/38/KE ( 9 ), billi din tal-aħħar ma hijiex, fil-fehma tiegħi, applikabbli.

33.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li mhux iċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi għandhom, abbażi Direttiva 2004/38, drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru, iżda li dawn id-drittijiet huma riżervati biss għal membri tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu meta stabbilixxa ruħu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza ( 10 ). Fil-fatt, kif fakkret reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dereci et ( 11 ), ċittadin tal-Unjoni, li qatt ma uża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li dejjem għex fi Stat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 b’tali mod li din ma tapplikax għalih. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas il-membru tal-familja tiegħu ma huma koperti minn dan il-kunċett, billi d-drittijiet mogħtija minn din id-direttiva ma humiex drittijiet proprji, imma drittijiet sekondarji, miksuba bħala membru tal-familja tal-benefiċjarju ( 12 ).

34.

F’dan il-każ, iċ-ċittadini tal-Unjoni kkonċernati, jiġifieri wlied S. u L. qatt ma użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u dejjem għexu fil-Finlandja, l-Istat Membru li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza. Għaldaqstant, jiena tal-fehma, kif tenfasizza wkoll il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, li huma ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “benefiċjarji”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, b’mod li din tal-aħħar ma tapplikax la għalihom stess u lanqas għall-membri tal-familja tagħhom.

A – Fuq l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni

35.

L-ewwel nett għandu jiġi nnotat li, bħala ċittadini ta’ Stat Membru, it-tfal ta’ S. u ta’ L. igawdu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 20(1) TFUE u għalhekk jistgħu jinvokaw, inkluż fil-konfront tal-Istat Membru li għandhom iċ-ċittadinanza tiegħu, drittijiet marbuta ma’ tali status.

36.

Huwa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment kienet kontra, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq, miżuri nazzjonali li għandhom bħala effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 13 ).

37.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet mistiedna tippreċiża jekk ċaħda ta’ residenza u ta’ permess tax-xogħol minn Stat Membru fil-konfront ta’ ċittadin ta’ Stat terz kellhiex tali konsegwenza meta dan iċ-ċittadin kien jieħu l-kustodja ta’ wliedu ta’ età żgħira, li, bħala ċittadini tal-imsemmi Stat Membru, kellhom iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali rifjut jkollu bħala konsegwenza li dawn l-ulied jiġu obbligati li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni biex jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom u dan kien iċaħħadhom, minħabba dan il-fatt, mill-possibbiltà li jeżerċitaw l-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom ta’ ċittadin tal-Unjoni ( 14 ).

38.

Ma naħsibx li dawn il-prinċipji jistgħu jiġu trasposti għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

39.

Fil-fatt, il-kawżi prinċipali għandhom differenzi sostanzjali meta mqabbla mal-kawża li tat lok għas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq.

40.

Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-applikanti ma humiex il-ġenituri tal-ulied ta’ età żgħira ċittadini tal-Unjoni. Huma ma għandhom l-ebda awtorità tal-ġenitur fir-rigward tagħhom u ma jiżgurawx l-għajxien tagħhom. Dawn t-tfal huma, fil-fatt, taħt ir-responsabbiltà esklużiva ta’ ommhom u huma biss dawn tal-aħħar li, konsegwentement, jassumu l-manteniment u l-edukazzjoni tagħhom. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Maahanmuuttovirasto li tirrifjuta l-applikazzjoni għall-permess ta’ residenza tal-applikanti ma ċċaħħadtx liċ-ċittadini tal-Unjoni minn missierhom u lanqas mill-mezzi ta’ għajxien, peress li dawn tal-aħħar huma żgurati minn ommijiethom li huma l-uniċi li għandhom id-dritt ta’ kustodja u li, infakkar, jibbenefikaw minn permess ta’ residenza permanenti fil-Finlandja.

41.

Ċertament ma nistax neskludi li S. u L. jagħżlu li jsegwu lill-konjuġi tagħhom fl-Istat ta’ oriġini rispettiv tagħhom sabiex jippreżervaw l-unità tal-ħajja tal-familja tagħhom. Il-fatt li wliedhom igawdi miċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jistax iwassal sabiex huma “jiġu obbligati jirresjedu” fl-ispazju tal-Unjoni meta huma ngħataw mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Unjoni nfisha l-awtorità sħiħa tal-ġenituri.

42.

Fi kwalunkwe każ, jekk jagħżlu li jitilqu – li jidhiri li,ma huwiex probabbli wisq fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-Kawża C-357/11 għar-raġunijiet li ser nesponi – l-ulied f’età żgħir, ċittadini tal-Unjoni, effettivament ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni u, għaldaqstant, jitilfu t-tgawdija tad-drittijiet li jagħtihom l-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni. Għaldaqstant, naħseb li l-abbandun tat-territorju tal-Unjoni jiġi deċiż fil-libertà minn ommhom għal raġuni marbuta maż-żamma tal-ħajja tal-familja u ma jiġix impost minħabba l-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

43.

Issa jekk wieħed jirreferi għall-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Dereci et, iċċitata iktar ’il fuq, ma naħsibx li din ir-raġuni tista’ tkun biżżejjed biex tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 20 TFUE. Fil-fatt, fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet interpretazzjoni partikolarment restrittiva tal-kriterji ffissati fis-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-punt 68 tal-analiżi tagħha, hija ppreċiżat b’mod partikolari, fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni, li s-sempliċi fatt waħdu li kien jidhirlu mixtieq li membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz, jikseb permess ta’ residenza għal raġunijiet ta’ natura ekonomika jew għal raġunijiet marbutin maż-żamma tal-unità tal-familja ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġi kkunsidrat li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk dan il-permess ma jingħatax.

44.

Ir-raġunijiet marbutin mat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni mit-territorju tagħha huma, għalhekk, partikolarment ristretti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jkollux għażliet oħra ħlief li jsegwi lill-persuna kkonċernata li tkun ġiet irrifjutata d-dritt ta’ residenza, għaliex ikun fil-kustodja tagħha u għalhekk jiddependi għal kollox minnha, sabiex tiżguralu l-għajxien tiegħu u tieħu ħsieb bżonnijietu.

45.

Dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw lil ġenituri, ċittadini ta’ Stati terzi, li jkollhom fil-kustodja tagħhom tfal f’età żgħira, ċittadini tal-Unjoni, kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza Ruiz Zambrano, iċċitata iktar ’il fuq. Dawn jistgħu jirrigwardaw ukoll ulied ta’ età maġġuri li jkunu qed jieħdu ħsieb ġenitur minħabba marda jew invalidità. Min-naħa l-oħra, dawn ma jikkonċernawx liċ-ċittadin ta’ Stat terz li fir-rigward taċ-ċittadin tal-Unjoni ma jeżerċita l-ebda responsabbiltà, kemm jekk tkun tal-ġenituri jew finanzjarja. Fil-fatt, kieku dan kien il-każ, hemm ir-riskju li nistabbilixxu d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ Stat terz fuq il-bażi biss tal-Artikolu 20 TFUE u ’l barra mid-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2003/86.

46.

Ma naħsibx li hemm lok li din l-evalwazzjoni tinbidel fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari msemmija mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domandi preliminari tagħha.

47.

Għal dak li jirrigwarda l-Kawża C-356/11, is-sitwazzjoni tal-familja tal-applikant hija kkaratterizzata mill-fatt li huwa jgħix fil-Finlandja u jikkoabita mal-konjuġi tiegħu u mal-wild ta’ din tal-aħħar.

48.

Naturalment, dan il-fatt ma jippermettix li tiġi stabbilita rabta ta’ filjazzjoni bejn l-applikant u ċ-ċittadin tal-Unjoni u lanqas ma jbiddel il-konklużjoni li tgħid li, minkejja l-koabitazzjoni tal-koppja, hija biss l-omm tal-wild ċittadin tal-Unjoni, inkwantu għandha l-kustodja esklużiva tiegħu u għandha attività mħallsa, li tiżgura l-għajxien tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-applikant ma rnexxilux juri li effettivament kien jeżerċita attività professjonali.

49.

Għal dak li jirrigwarda l-Kawża C-357/11, is-sitwazzjoni tal-familja tal-applikant hija kkaratterizzata mill-fatt li ntbagħat lura lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu u, flimkien mal-konjuġi tiegħu, għandu wild ċittadin ta’ Stat terz, li jgħix fil-Finlandja u qiegħed taħt ir-responsabbiltà konġunta taż-żewġ ġenituri tiegħu.

50.

Fil-fehma tiegħi, din iċ-ċirkustanza ma ġġibx konsegwenzi fir-rigward tal-interpretazzjoni li qed nipproponi li ssir tal-Artikolu 20 TFUE sa fejn, fir-rigward tal-preżenza ta’ wild ieħor, ċittadin ta’ Stat terz, din lanqas ma tirrigwarda l-istatus tal-wild ċittadin tal-Unjoni.

51.

Ċertament, il-preżenza ta’ dan it-tieni wild tista’ tiddetermina d-deċiżjoni tal-omm li ssegwi l-konjuġi tagħha fl-Istat ta’ oriġini tiegħu u, għaldaqstant, dan iġiegħel lill-wild ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju tagħha. Issa, kif indikajt diġà, konsegwenza bħal din ma tirriżultax minn restrizzjoni imposta mill-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali imma, pjuttost, minn deċiżjoni deliberata tal-omm.

52.

Il-fatti tal-Kawża C-357/11 juru dan b’mod partikolarment ċar. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-applikant qatt ma ltaqa’ mal-wild tiegħu. Fi kliem ieħor, minn mindu rritorna fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, L., omm il-wild ċittadin tal-Unjoni, qatt ma marret fl-Alġerija biex tara lil konjuġi tagħha u turih it-tarbija. Bl-istess mod u billi ma jidhirx li t-tneħħija tiegħu kienet akkumpanjat minn digriet ta’ projbizzjoni mid-dħul fit-territorju, l-applikant ma qiesx li kien meħtieġ li jżur il-membri tal-familja tiegħu li baqgħu fil-Finlandja. Jekk nikkunsidraw il-fatt li L. ilha tgħix legalment fil-Finlandja għal disa’ snin, perijodu li matulu hija welldet l-ewwel tarbija ta’ nazzjonalità Finlandiża, li hemmhekk għandha permess ta’ residenza permanenti kif ukoll dħul u li għexet mas-sieħeb tagħha biss għal perijodu relattivament qasir ta’ seba’ xhur, ma huwiex ovvju li hija ser tagħmel l-għażla li tmur ħdejn il-konjuġi tagħha fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, biex b’hekk iġġiegħel lil wild ċittadin tal-Unjoni jitlaq mit-territorju tagħha. Il-fatt li dan tal-aħħar jista’ minħabba f’hekk jiċċaħħad mill-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għalhekk jiddipendi, qabel kollox, fuq ir-riskji u/jew fuq l-inklinazzjonijiet tal-ħajja konjugali ta’ ommu iktar milli fuq xi restrizzjoni imposta bl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

53.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz ir-residenza fit-territorju tiegħu għar-raġuni li dan ma għandux mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti, meta l-imsemmi ċittadin qed jgħix mal-konjuġi tieħu, ċittadin ta’ Stat terz li qed joqgħod legalment f’dak l-Istat Membru, u mal-wild ċittadin tal-Unjoni li ġej mill-ewwel żwieġ tal-konjuġi tiegħu.

54.

Jiena tal-fehma wkoll li ma hemmx lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod differenti meta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, iċ-ċittadin tal-Istat terz jikkoabita mal-konjuġi tiegħu u mal-wild ta’ din tal-aħħar fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Lanqas ma hemm lok li l-Artikolu 20 TFUE jiġi interpretat b’mod differenti meta dan iċ-ċittadin ikunu mar lura lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu, iżda li flimkien mal-konjuġi tiegħu, għandu wild ċittadin ta’ Stat terz, li jgħix fl-Istat Membru kkonċernat u jkun taħt ir-responsabbiltà konġunta taż-żewġ ġenituri tiegħu.

55.

Min-naħa l-oħra, dan ma jippreġudikax il-kwistjoni ta’ jekk permess ta’ residenza għandux jingħata lill-applikanti bis-saħħa tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja stabbilit fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, il-permessi ta’ residenza mitlubin fil-kawżi prinċipali huma intiżi biex jippermettu r-riunifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stati terzi mal-konjuġi tagħhom, li jibbenefikaw minn dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru, u wildhom komuni ( 15 ).

B – Fuq id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja

56.

Il-kundizzjonijiet li fihom ċittadin ta’ Stat terz li jgħix legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għar-riunifikazzjoni tal-familja huma stabbiliti fid-Direttiva 2003/86. Din id-direttiva tapplika meta dan iċ-ċittadin ikollu permess ta’ residenza għal żmien sena jew iktar, meta jkollu prospetti sodi li jikseb dritt ta’ residenza permanenti u fl-aħħar nett, meta l-membri tal-familja tiegħu huma ċittadini ta’ Stat terz.

57.

Il-kundizzjonijiet kollha huma sodisfatti fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, għaliex l-isponsors, rispettivament ta’ nazzjonalità Ganjana u Alġerina, għandhom permess ta’ residenza permanenti fil-Finlandja u qed jitolbu l-għoti ta’ permess ta’ residenza għall-benefiċċju tal-konjuġi tagħhom, ċittadini ta’ Stati terzi, sabiex iżommu l-unità tal-familja.

58.

Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/86 hija tabilħaqq applikabbli fil-konfront tal-persuni kkonċernati.

59.

L-awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ġenerali ( 16 ). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jissottomettuha għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 6 sa 8 ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu, skont l-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, li l-isponsor jipprova li għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex imantni lilu nnifsu u lill-membri tal-familja tiegħu, mingħajr ma jagħmel użu mis-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat.

60.

Huwa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 39(1) tal-Liġi fuq il-Barranin, li l-Maahanmuuttovirasto ċaħad l-applikazzjonijiet ta’ S. u L. għar-rikonoxximent ta’ dritt għall-unifikazzjoni tal-familja. Barra minn hekk, huwa kkunsidra li ma kienx hemm lok għal deroga mill-prinċipju stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, peress li qies li ċ-ċirkustanzi ma kinux eċċezzjonalment gravi u li l-aħjar interess tal-ulied ma kienx jeħtieġ hekk.

61.

Fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li huwa importanti li l-qorti tar-rinviju tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Maahanmuuttovirasto ġew tabilħaqq adottati fir-rispett tal-ħajja tal-familja ta’ S. u L. u, b’mod partikolari, li ttieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-ulied ikkonċernati.

62.

Għalkemm huwa ċertament minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jeżaminaw applikazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ( 17 ) u b’mod partikolari, meta jimplementaw il-kriterji ddefiniti fil-kuntest tad-Direttiva 2003/86.

63.

Madankollu, għal dak li jirrigwarda l-kriterju ddefinit fl-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq, li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv sabiex la jiġi injorat l-għan tal-imsemmija direttiva, li huwa dak li tiġi ffavorita r-riunifikazzjoni tal-familja, u lanqas l-effettività tagħha ( 18 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB u li huwa ggarantit fl-istess termini fl-Artikolu 7 tal-Karta ( 19 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan ir-rigward, irriferiet għall-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86 li permezz tagħha l-leġiżlatur tal-Unjoni jeħtieġ li l-miżuri dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità mal-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u tar-rispett għall-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-imsemmija dispożizzjonijiet.

64.

Fil-prattika dan xi jfisser għall-eżami li għamlet il-qorti nazzjonali?

65.

Biex tingħata risposta għal din id-domanda, ta’ min wieħed ifakkar l-approċċ analitiku adottat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li fuqu hija, fil-parti l-kbira, ibbażata l-ġurisprudenza tagħna.

66.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja ma jiggarantixxix, b’mod ġenerali, id-dritt li jintgħażel il-post l-iktar xieraq għall-iżvilupp ta’ ħajja tal-familja ( 20 ).

67.

Barra minn hekk, hija tikkunsidra li l-KEDB, bħala tali, ma tiggarantixxi l-ebda dritt għall-barrani biex jidħol jew jgħix fit-territorju ta’ Stat determinat, peress li l-Istati għandhom id-dritt li jikkontrollaw id-dħul f’arthom ta’ dawk li ma humiex ċittadini, naturalment, bla ħsara għal kull ftehim internazzjonali li jkunu kkonkludew. Barra minn hekk, fil-qasam ta’ immigrazzjoni, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li l-Istati ma humiex kostretti li jirrispettaw l-għażla, miċ-ċittadini barranin miżżewġin, tar-residenza komuni tagħhom u li jippermettu r-riunifikazzjoni tal-familja fit-territorju tagħhom ( 21 ).

68.

Madankollu hija tirrikonoxxi li d-deċiżjoni ta’ Stat adottata fil-qasam ta’ immigrazzjoni u ta’ riunifikazzjoni tal-familja tista’ tippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja b’mod partikolari meta din id-deċiżjoni tkun għat-tneħħija ta’ persuna minn Stat fejn jgħixu membri tal-familja tiegħu ( 22 ).

69.

Għaldaqstant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teħtieġ li d-deċiżjoni inkwistjoni tiġi adottata skont l-eżiġenzi stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tal-KEDB. Fil-kuntest ta’ analiżi każ b’każ, hija għalhekk teżamina jekk din id-deċiżjoni kinitx effettivament “skond il-liġi”, ispirata minn għan leġittimu, bħaż-żamma tal-ordni pubbliku, u “meħtieġ[a] f’soċjetà demokratika”, u tagħmel test ta’ proporzjonalità.

70.

Il-punt deċiżiv tal-analiżi tagħha jikkonsisti f’jekk, f’kull każ partikolari, intlaħaqx bilanċ ġust bejn l-interess ġenerali, l-interessi tal-koppja u, jekk ikun il-każ, dawk tal-wild.

71.

Fil-kuntest tal-analiżi tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem teżamina diversi fatturi, marbutin mas-sitwazzjoni individwali u tal-familja ta’ kull persuna kkonċernata.

72.

Fir-rigward tal-applikant, hija tieħu inkunsiderazzjoni n-nazzjonalità tiegħu kif ukoll in-natura tar-rabtiet soċjali, kulturali u tal-familja li jkun għamel mal-Istat ospitanti u mal-Istat ta’ oriġini. Hija tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, jekk ikun il-każ, it-tul taż-żwieġ tiegħu u t-twelid ta’ wlied leġittimi kif ukoll ta’ kull element ieħor li juri n-natura effettiva tal-ħajja tal-familja tal-koppja. Għal dak li jirrigwarda l-konjuġi, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem toqgħod attenta għan-natura u għall-gravità tad-diffikultajiet li jista’ jiġi kkonfrontat bihom fl-Istat ta’ oriġni tal-applikant ( 23 ).

73.

Fl-ibbilanċjar tad-diversi interessi inkwistjoni, l-aħjar interess tal-wild jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, il-kunsiderazzjoni determinati u jista’, skont in-natura u l-gravità tiegħu, jieħu l-preċedenza fuq dawk tal-ġenituri ( 24 ). L-interess tal-wild jeżiġi li jinżammu r-rabtiet bejnu u l-familja tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li ċirkustanzi eċċezzjonali biss jistgħu, bħala prinċipju, iwasslu għal qtugħ ta’ rabta tal-familja u li għandu jsir minn kollox sabiex jinżammu r-relazzjonijiet personali u l-unità tal-familja jew r-“rikostruzzjoni” tal-familja ( 25 ).

74.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tieħu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi individwali marbutin mal-wild sabiex tiddetermina bl-aħjar mod l-interess tiegħu u tiżgura l-benesseri tiegħu. B’mod partikolari, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-età tiegħu u l-maturità tiegħu kif ukoll il-grad ta’ dipendenza tiegħu b’relazzjoni mal-ġenituri tiegħu u tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-preżenza jew in-nuqqas ta’ dawn tal-aħħar. Hija tagħti kas ukoll tal-ambjent li fih jgħix u s-sitwazzjoni fl-Istat ta’ oriġini tal-ġenitur ikkonċernat sabiex tevalwa d-diffikultajiet li jirriskja li jiġi kkonfrontat bihom hemmhekk ( 26 ).

75.

Huwa meta jitqiesu dawn l-elementi kollha flimkien u meta jitwieżnu mal-interess ġenerali tal-Istat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tevalwa jekk l-Istat, fid-deċiżjoni tiegħu, sabx bilanċ ġust u rrispettax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-KEDB.

76.

Fl-implementazzjoni tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri huma marbutin ukoll li jwieżnu d-diversi interessi li jkun hemm, billi jieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni dawk tal-wild. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan espressament fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, fejn irriferiet fil-parti l-kbira għall-ġurisprudenza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbilixxiet fir-rigward tar-rispett tal-Artikolu 8 tal-KEDB ( 27 ).

77.

Infakkar li d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja huwa ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, fl-istess termini bħal dawk tal-Artikolu 8(1) tal-KEDB, li jfisser, bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li s-sens u l-portata ta’ dan id-dritt għandhom jiġu ddeterminati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 28 ).

78.

Infakkar ukoll li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta għandu jinqara f’korrelazzjoni mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-wild kif stabbilit fl-Artikolu 24(2) tagħha ( 29 ). Fi kliem ieħor, u skont ir-rekwiżiti ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jaraw li l-aħjar interess tal-wild ikun kunsiderazzjoni primarja meta joħorġu, permezz ta’ awtorità pubblika jew privata, att leġiżlattiv li jikkonċerna lill-ulied. Dan ir-rekwiżit huwa espressament imsemmi fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2003/86. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-wild jista’ regolarment ikollu relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri ( 30 ).

79.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għalhekk, naħseb li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fl-implementazzjoni tal-kriterji ddefiniti mid-Direttiva 2003/86 u fil-limitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni li Stat Membru għandu f’dan il-qasam, l-awtorità nazzjonali kompetenti għamlitx evalwazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-interessi rispettivi ta’ kulġadd u, b’mod partikolari, bl-attenzjoni dovuta għar-rispett tal-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati u għad-determinazzjoni tal-aħjar soluzzjoni għal wild. F’dan il-kuntest, hija għandha tagħmel eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tal-familja kollha u tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, kemm jekk ikunu ta’ natura fattwali, affettiva, psikoloġika u materjali.

80.

Madankollu, nixtieq nifformula xi osservazzjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati f’kull wieħed mill-każijiet tal-lum.

81.

Fil-kuntest tal-Kawża C-356/11, tqum il-kwistjoni tat-“tkomplija” tal-ħajja tal-familja fil-Finlandja, għaliex l-applikant jikkoabita mal-isponsor, il-wild tagħhom komuni u l-wild ċittadin tal-Unjoni.

82.

Għalkemm huwa ċertament minnu li dan ma weriex li jeżerċita attività professjonali ta’ natura li tipprovdilu dħul suffiċjenti biex jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 39(1) tal-Liġi fuq il-Barranin. Madankollu, wieħed jistaqsi jekk iċ-ċaħda tat-talba tiegħu u l-istabbiliment tal-familja fil-Côte d’Ivoire kinux ser iġibu konsegwenzi iebsin wisq fir-rigward tal-ulied u tal-isponsor.

83.

L-ewwel nett, huwa fl-interess tal-wild ċittadin tal-Unjoni li jkollu, kemm jista’ jkun possibbli, relazzjonijiet kontinwi ma’ missieru, li joqgħod fil-Finandja u jibbenefika forsi minn dritt ta’ aċċess – naturalment, ħlief jekk il-missier ikun wera li verament ma kienx jistħoqqlu ( 31 ). Ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza lill-applikant u l-ispostament tal-familja lejn il-Côte d’Ivoire jkun effettivament ifisser il-qtugħ ta’ dawn ir-rabtiet, sa fejn ikun iktar diffiċili għall-persuni kkonċernati li jżommu kuntatti regolari. Barra minn hekk, dan il-wild dejjem għex fil-Finlandja, fl-ambjent kulturali, soċjali u lingwistiku ta’ dan l-Istat Membru u anki mar l-iskola hemmhekk. Minħabba f’hekk ftit li xejn għandu rabtiet mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire. Anki jekk huwa f’età fejn il-fakultà ta’ adattament għadha kbira, naħseb li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom jekk jinqala’ mill-ambjent abitwali tiegħu biex imur jgħix fl-Istat ta’ oriġini tal-applikant.

84.

Bl-istess mod, huwa evidenti li l-interess tal-wild komuni jeżiġi, b’mod partikolari minħabba l-età żgħira tiegħu, li jikber fl-ambjent tal-familja u li jinżammu r-rabtiet bejnu u missieru.

85.

It-tieni nett, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-isponsor studjat, tħarrġet u teżerċita attività professjonali fil-Finlandja b’mod li nisġet rabtiet mhux biss personali u soċjali, imma anki ekonomiċi u professjonali f’dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, hija rnexxielha tikseb permess ta’ residenza permanenti. Għaldaqstant, il-kwistjoni hija jekk wieħed jistenniex li S. tagħmel għażla bejn li tabbanduna s-sitwazzjoni li kisbet fil-Finlandja, biex b’hekk tirrinunzja r-relazzjonijiet personali u ekonomiċi li jikkostitwixxu l-ħajja privata tagħha, jew tirrinunzja għall-kumpannija tal-konjuġi tagħha li miegħu tikkoabita u li jikkostitwixxi element fundamentali tal-ħajja tal-familja tagħha. Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza fil-konfront tal-konjuġi tagħha ser iġġib magħha diversi konsegwenzi, jiġifieri, l-ewwel nett, fuq ir-responsabbiltajiet li jaqgħu fuqha bħala omm tal-wild ċittadin tal-Unjoni, sa fejn huwa manifestament fl-interess tiegħu li jibqa’ stabbilit fil-Finlandja, it-tieni nett, bħala konjuġi ta’ ċittadin Ivorjan u omm tat-tieni tarbija ta’ nazzjonalità Ganjana, billi kollha għandhom interess li jgħixu flimkien, u t-tielet nett, fuq is-sitwazzjoni personali u professjonali tagħha billi huwa ċertament fl-interess tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni li kisbet fil-Finlandja, li tkompli tgħix f’dan l-Istat Membru.

86.

Fil-kuntest tal-Kawża C-357/11, madankollu, tqum il-kwistjoni tar-“riunifikazzjoni” tal-familja, billi l-applikant ma għadux jikkoabita mal-isponsor. Għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u tal-ewwel, u dan invista ta’ żewġ elementi marbutin mas-sitwazzjoni materjali tal-applikant.

87.

L-ewwel nett, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-applikant ikkoabita mas-sieħba tiegħu biss għal perijodu relattivament qasir ta’ seba’ xhur u li qatt ma ltaqa’ ma’ wildu li llum għandu ħames snin u nofs. Għalkemm huwa ċertament minnu li dan tneħħa mit-territorju Finlandiż qabel it-twelid ta’ dan il-wild. Madankollu, u kif semmejt diġà, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li t-tneħħija tiegħu kienet akkumpanjata minn digriet ta’ projbizzjoni mid-dħul fit-territorju Finlandiż. Għaldaqstant, nistaqsi kemm kien impossibbli għall-applikant li jżur membri tal-familja tiegħu u jiltaqa’ ma’ wildu. Bl-istess mod u skont dawn l-istess atti, L., li hija madankollu ċittadina Alġerina u li mhux biss għandha permess ta’ residenza permanenti fil-Finlandja, iżda għandha wkoll riżorsi finanzjarji, qatt ma marret fl-Istat ta’ oriġini tagħha biex tara l-konjuġi tagħha u turih il-wildhom komuni. Dawn l-elementi ma jurux, fil-fehma tiegħi, li hemm rieda vera li jgħixu flimkien u, fil-konfront tal-missier, la xewqa reali li jiltaqa’ ma’ ibnu u lanqas li jieħu ħsiebu.

88.

It-tieni nett, inħoss li l-ħajja tal-familja ta’ L. u ta’ M. ġiet stabbilita f’mument u żviluppat f’perijodu meta l-koppja kienet informata li s-sitwazzjoni fid-dawl tar-regoli fuq l-immigrazzjoni kienet tali li t-tkomplija tal-ħajja tal-familja fil-Finlandja kienet, mill-bidu ta’ natura prekarja ( 32 ). Fil-fatt, l-applikant qatt ma kiseb permess ta’ residenza provviżorju fil-Finlandja u ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet dwar ir-riżorsi finanzjarji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Għaldaqstant, it-tnejn li huma setgħu raġonevolment jipprevedu li kien hemm riskju ta’ tneħħija u li l-kontinwità tal-ħajja tal-familja fil-Finlandja kienet fraġli.

89.

Wara li ngħad dan, ma għandix f’idejja l-elementi kollha biex inwieżen b’mod ġust l-interessi kollha preżenti, ħaġa li teħtieġ, naturalment, kuntatt dirett mal-persuni kkonċernati li l-awtoritajiet nazzjonali biss għandhom.

90.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, hija, għaldaqstant, il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fl-implementazzjoni tal-kriterji ddefiniti fid-Direttiva 2003/86 u fil-limitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istat Membru għandu f’dan il-qasam, l-awtorità nazzjonali kompetenti għamlitx evalwazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-interessi konkorrenti inkwistjoni, billi tat attenzjoni partikolari, fost l-oħrajn, għar-rispett tal-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati u billi ddeterminat l-aħjar soluzzjoni għall-wild. F’dan il-kuntest, hija għandha tagħmel eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tal-familja u tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, kemm jekk huma ta’ natura fattwali, affettiva, psikoloġika u materjali.

V – Konklużjoni

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Korkein hallinto-oikeus b’dan il-mod:

1)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrifjuta lil ċittadin ta’ Stat terz ir-residenza fit-territorju tiegħu għar-raġuni li dan ma għandux mezzi ta’ sussistenza suffiċjenti, meta l-imsemmi ċittadin qed jgħix mal-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ Stat terz li qed joqgħod legalment f’dak l-Istat Membru, u mal-wild ċittadin tal-Unjoni ġej mill-ewwel żwieġ tal-konjuġi tiegħu.

Ma hemmx lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod differenti meta ċ-ċittadin ta’ Stat terz jikkoabita mal-konjuġi tiegħu u mal-wild ta’ din tal-aħħar fit-territorju tal-Istat Membru.

Lanqas ma hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata b’mod differenti meta ċ-ċittadin ta’ Stat terz ikun mar lura lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu, iżda li flimkien mal-konjuġi tiegħu, għandu wild ċittadin ta’ Stat terz, li jgħix fl-Istat Membru kkonċernat u jinsab taħt ir-responsabbiltà konġunta taż-żewġ ġenituri tiegħu.

2)

Min-naħa l-oħra, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fl-implementazzjoni tal-kriterji ddefiniti mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u fil-limitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istat Membru għandu f’dan il-qasam, l-awtorità nazzjonali kompetenti għamlitx evalwazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-interessi konkorrenti inkwistjoni, billi tat attenzjoni partikolari, fost l-oħrajn, għar-rispett tal-ħajja tal-familja tal-persuni kkonċernati u billi ddeterminat l-aħjar soluzzjoni għall-wild. F’dan il-kuntest, hija għandha tagħmel eżami fil-fond tas-sitwazzjoni tal-familja kollha u tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, kemm jekk huma ta’ natura fattwali, affettiva, psikoloġika u materjali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“isponsors”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“applikanti”.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

( 5 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011 (C-34/09, Ġabra p. I-1177).

( 6 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 7 ) Konvenzjoni ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

( 8 ) Dan huwa wkoll il-każ fil-Kawża C-356/11.

( 9 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 10 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 73).

( 11 ) Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011 (C-256/11, Ġabra p. I-11315).

( 12 ) Punti 53 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Punt 42.

( 14 ) Punti 43 u 44.

( 15 ) Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex il-qorti li għamlitilha talba għal deċiżjoni preliminari tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma għamlitx riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’April 2012, Bonnier Audio AB, C-461/10, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Sentenza tat-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C-578/08, Ġabra p. I-1839, punt 43)

( 17 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 59).

( 18 ) Sentenza Chakroun, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).

( 19 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 52 et seq).

( 20 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Ahmut vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tat-28 ta’ Novembru 1996, Recueil des arrêts et décisions [Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet] 1996-VI, p. 2030, § 71.

( 21 ) Ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Gül vs L-Isvizzera tad-19 ta’ Frar 1996, Recueil des arrêts et décisions [Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet] 1996-I, p. 174, § 38; Ahmut vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (§ 67), kif ukoll Şen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tal-21 ta’ Diċembru 2001, Recueil des arrêts et décisions [Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet] 2001-I, § 36. Ara wkoll, għal ġurisprudenza reċenti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Bajsultanov vs L-Awstrija, tat-12 ta’ Ġunju 2012, § 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Boultif vs L-Isvizzera, tat-2 ta’ Awwissu 2001, § 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Bajsultanov vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq (§ 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Boultif vs L-Isvizzera, iċċitata iktar ’il fuq (§ 48), u Nunez vs In-Norveġja tat-28 ta’ Settembru 2011, § 70.

( 24 ) Fuq l-aħjar interess tal-wild fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara, b’mod partikolari, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Neulinger u Shuruk vs L-Isvizzera tas-6 ta’ Lulju 2010, § 49 sa 64.

( 25 ) Ibidem (§ 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Şen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq (§ 37), kif ukoll Rodrigues da Silva u Hoogkamer vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tal-31 ta’ Jannar 2006, Recueil des arrêts et décisions [Ġabra tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet] 2006-I, § 39, u “les principes directeurs du Haut-Commissariat des Nations unies pour les réfugiés (HCR) relatifs à la détermination de l’intérêt supérieur de l’enfant”, dokument editjat mill-UNHCR f’Mejju 2008, disponibbli fl-indirizz Internet http://www.unhcr.fr/4b17de746.html.

( 27 ) Punti 62 sa 66 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punt 35).

( 29 ) Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 58).

( 30 ) Id-drittijiet stabbiliti fi-Karta huma ispirati direttament mid-drittijiet stabbiliti fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal adottata fl-20 ta’ Novembru 1989 u li daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Settembru 1990, Ġabra ta’ Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1577, p. 3. Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 3(1), 9(1) u (3), kif ukoll 10 ta’ din il-konvenzjoni.

( 31 ) Ara l-osservazzjoni ġenerali Nru 17 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 24 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat fis-16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 1976.

( 32 ) Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li, meta dan ikun il-każ, huwa biss f’ċirkustanzi partikolarment eċċezzjonali li t-tneħħija ta’ membru tal-familja li ma għandux in-nazzjonalità tal-Istat ospitanti tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB [ara l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Rodrigues da Silva u Hoogkamer vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, (§ 39 u l-ġurisprudenza ċċitata)].