Kawża C-361/10

Intercommunale Intermosane SCRL

u

Fédération de l’industrie et du gaz

vs

L-Istat Belġjan

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju))

“Suq intern — Standards u regolamenti tekniċi — Proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika — Rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għal ċerti installazzjonijiet elettriċi antiki fil-postijiet tax-xogħol”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informatika — Direttiva 98/34 — Regolament tekniku — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikolu 1(11))

L-Artikolu 1(11), tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet li jistabbilixxu rekwiżiti dwar ir-realizzazzjoni ta’ installazzjonijiet elettriċi, dwar il-kostruzzjoni ta’ materjal elettriku u dwar il-protezzjonijiet magħquda ma’ dan il-materjal sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema, bħal dawk kontenuti fil-leġiżlazzjoni Belġjana dwar ir-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għal ċerti installazzjonijiet elettriċi antiki fil-postijiet tax-xogħol, ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tal-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punt 22 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

9 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Suq intern – Standards u regolamenti tekniċi – Proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is‑servizzi tas-soċjetà tal-informatika – Rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għal ċerti installazzjonijiet elettriċi antiki fil-postijiet tax-xogħol”

Fil-Kawża C‑361/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

Intercommunale Intermosane SCRL,

Fédération de l’industrie et du gaz

vs

L-Istat Belġjan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. D. Šváby, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur) u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Intercommunale Intermosane SCRL, minn J. Bourtembourg, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

–        għar-Repubblika tal-Awstrija, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u G. Zavvos, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Intercommunale Intermosane SCRL u l-Fédération de l’industrie et du gaz, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, minn naħa waħda, u l-Istat Belġjan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni dwar ċerti rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għal ċerti installazzjonijiet elettriċi antiki fil-postijiet tax-xogħol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 jistipula:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

1)      ‘prodott’, kull prodott fabbrikat b’mod industrijali u kull prodott agrikolu, inklużi prodotti mill-ħut;

[…]

3)      ‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir‑riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it‑terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l‑imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4)      ‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l‑kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

[…]

11)      ‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l‑osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il‑liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l‑fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]

[…]

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk il-miżuri li l-Istati Membri jqisu meħtieġa skond it-Trattat għall-protezzjoni tal-persuni, b’mod partikolari il‑ħaddiema, meta jiġu użati prodotti, sakemm dawn il-miżuri ma jaffettwawx il‑prodotti”.

4        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 juża l-kliem li ġej:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l‑informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        L-Artikoli 8 sa 13 tad-Digriet Irjali tat-2 ta’ Ġunju 2008, dwar ċerti rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għal ċerti installazzjonijiet elettriċi antiki fil-postijiet tax-xogħol, (Moniteur belge tad-19 ta’ Ġunju 2008, p. 31631, iktar ’il quddiem id‑“Digriet Irjali”) jipprovdu:

“Art. 8.       L-installazzjoni elettrika għandha ssir b’tali mod li l-ħaddiema jkunu protetti kontra r-riskji marbuta mal-kuntatt dirett u l-kuntatt indirett, kontra l-effetti ta’ vultaġġ qawwi żżejjed dovut għal iżolazzjoni difettuża, għall-operazzjonijiet u l-influwenzi atmosferiċi, kontra l-ħruq u riskji oħra tas-saħħa u anki kontra riskji mhux elettriċi dovuti għall-użu tal-elettriku.

      Jekk ma jkunx jidher possibbli li r-riskji msemmija iktar ’il fuq jiġu eliminati permezz ta’ miżuri kunċettwali jew miżuri ta’protezzjoni kollettiva, l‑aċċess għal dawn l-installazzjonijiet għandu jiġi rriżervat esklużivament għall-ħaddiema b’kompetenza tal-Kodiċi BA4 jew BA5 kif inhuwa stipulat fl-Artikolu 47 tar-[regolament ġenerali dwar l-installazzjonijiet elettriċi].

Art. 9.            L-installazzjoni elettrika għandha ssir b’tali mod li:

(1)      jiġu evitati l-arki u t-temperaturi tal-wiċċ perikolużi;

(2)      jiġu evitati t-tisħin żejjed, in-nirien u l-isplużjonijiet.

Art. 10. (1) Kull ċirkuwitu għandu jiġi protett b’għall-inqas strument ta’ protezzjoni wieħed, li jaqta’ l-kurrent f’każ ta’ overload qabel ma dan jisħon b’tali mod li jista’ jikkawża ħsara lill-iżolazzjoni, lill-konnessjonijiet, lill-kondutturi jew lill-ambjent.

      Kull ċirkuwitu għandu jkun protett minn strument ta’ protezzjoni li jaqta’ l‑kurrent f’każ ta’ xort qabel ma jiġu kkawżati effetti perikolużi.

      (2) B’deroga għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (1), ċerti ċirkuwiti jistgħu ma jkunux protetti kontra kurrent eċċessiv, sakemm jiġu osservati l‑kundizzjonijiet u l-proċedura previsti fl-Artikoli 119, 123 u 126 tar-[regolament ġenerali dwar l-installazzjonijiet elettriċi].

Art. 11. (1) Sabiex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet bl-elettriku mitfi, l‑interruzzjoni tal-installazzjoni elettrika jew taċ-ċirkuwiti elettriċi individwali għandha tkun tista’ ssir b’mod sigur u affidabbli.

      (2) Il-kontroll funzjonali għandu jsir b’mod sigur u affidabbli.

      (3) L-effetti ta’ tnaqqis fil-vultaġġ jew in-nuqqas ta’ vultaġġ u r-ripristinu tiegħu ma għandhomx jikkompromettu s-sigurtà tal-ħaddiema.

Art. 12. L-installazzjoni elettrika għandha ssir b’tagħmir elettriku ddisinjat b’tali mod li ma jikkompromettix is-sigurtà tal-persuni, f’każ ta’ installazzjoni u manutenzjoni kif suppost u ta’ użu konformi mal-għan intiż.

      Jekk ikun il-każ, it-tagħmir għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-digrieti li jittrasponu d-direttivi Komunitarji applikabbli f’dan il-qasam.

Art. 13. It-tagħmir elettriku użat għandu jkun, jew permezz tal-mod kif inhu ddisinjat jew permezz ta’ protezzjoni addizzjonali, adattat għall-influwenzi esterni u għall-kundizzjonijiet tal-użu preżenti jew raġonevolment prevedibbli”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz ta’ rikors ippreżentat fit-18 ta’ Awwissu 2008 quddiem il-qorti tar-rinviju, talbu l-annullament tad-Digriet Irjali.

7        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw b’mod partikolari ksur tad-Direttiva 98/34 għar-raġuni li d-Digriet Irjali jinkludi regolamenti tekniċi, li l-abbozz tagħhom kellu, b’mod konformi mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni.

8        Huwa f’dan il-kuntest li l-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikoli 8 sa 13 tad-[Digriet Irjali], li jistabbilixxu rekwiżiti dwar ir-realizzazzjoni ta’ installazzjonijiet elettriċi, dwar il-kostruzzjoni ta’ materjal elettriku u dwar il-protezzjonijiet magħquda ma’ dan il-materjal sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema, jikkostitwixxu regoli tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva [98/34] li l-proġetti tagħha [l-abbozzi tagħhom] għandhom ikunu s-suġġett ta’ notifika skont l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva?

2)      Dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-Artikoli 8 sa 13 tad-[Digriet Irjali], huma miżuri, fis-sens tal-Artikolu 1, in fine, tad-Direttiva [98/34] li l-Istati Membri jqisu bħala neċessarji sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni, u b’mod partikolari tal-ħaddiema, waqt l-użu ta’ prodotti u li ma jolqtux il‑prodotti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

9        Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwwixu regolamenti tekniċi, skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni, li l‑abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tal-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

10      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 98/34 għandha bħala għan li tħares il‑moviment liberu tal-merkanzija, li hu wieħed mis-sisien tal-Unjoni Ewropea, permezz ta’ kontroll preventiv, u dan il-kontroll huwa utli inkwantu regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, minħabba li dawn l-ostakoli ma jistgħux jiġu ammessi ħlief jekk meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti kundizzjonijiet essenzjali biex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International, C-194/94, Ġabra p. I-2201, punti 40 u 48, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2005, Lidl Italia, C‑303/04, Ġabra p. I‑7865, punt 22).

11      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jirriżulta mill-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 li l-kunċett ta’ “regolament tekniku” jinqasam fi tliet kategoriji, jiġifieri, fl-ewwel lok, “speċifikazzjoni teknika” fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva, fit-tieni lok, “ħtiġiet oħra” kif iddefiniti fl-Artikolu 1(4) ta’ din id-direttiva, u fit-tielet lok, il-projbizzjoni tal-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott prevista fl-Artikolu 1(11) tal-istess direttiva (ara s-sentenzi tal-21 ta’ April 2005, Lindberg, C-267/03, Ġabra p. I‑3247, punt 54 u tat-8 ta’ Novembru 2007, Schwibbert, C‑20/05, Ġabra p. I‑9447, punt 34).

12      Jekk jitqies li l-installazzjonijiet elettriċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “prodott”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/34, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża principali jaqgħux taħt waħda minn dawn it-tliet kategoriji.

13      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, biżżejjed jiġi rrilevat qabel kollox li dawn id‑dispożizzjonijiet ma jaqgħux taħt it-tielet kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, peress li ma jinvolvux projbizzjoni tal-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

14      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt l-ewwel kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri l-kunċett ta’ “speċifikazzjoni teknika”.

15      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-kunċett, li huwa ddefinit fl-imsemmi Artikolu 1(3), jippresupponi li l-miżura nazzjonali neċessarjament tirreferi għall-prodott jew għall-imballaġġ tiegħu fih innifsu u għaldaqstant tistabbilixxi waħda mill-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott (ara s-sentenza Schwibbert, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti minimi fir-rigward ta’ kif għandhom isiru ċerti installazzjonijiet elettriċi previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw is-sigurtà ta’ dawn l-installazzjonijiet sabiex jiġu protetti l‑ħaddiema li jużawhom.

17      Għandu jiġi kkonstatat li dawn ir-rekwiżiti minimi jinkludu ħtiġijiet u għanijiet ġenerali fil-qasam tas-sigurtà u tal-protezzjoni, mingħajr ma neċessarjament jirreferu għall-prodott ikkonċernat jew għall-imballaġġ tiegħu fihom infushom u, b’hekk, mingħajr ma jistabbilixxu l-karatteristiċi ta’ dan il-prodott.

18      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinkludux speċifikazzjonijiet tekniċi fis-sens tad-Direttiva 98/34.

19      Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħux taħt it‑tieni kategorija ta’ regolamenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri l-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”.

20      Skont il-ġurisprudenza, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/34, ir-rekwiżiti minimi previsti mill-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jikkostitwixxu “kundizzjonijiet” li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew it-tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lindberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

21      Fid-dawl tan-natura ġenerali tal-imsemmija rekwiżiti, huma ma jistgħux jikkostitwixxu tali kundizzjonijiet u lanqas, konsegwentement, ma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 1(4).

22      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tal-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

23      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

24      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid‑Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tal-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 8(1) ta’ din id‑direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.