Kawża C-399/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Deutsche Post AG

“Appell — Artikolu 87 KE — Għajnuna mogħtija mill-Istati Membri — Miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG — Artikolu 86 KE — Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali — Kumpens għal spejjeż addizzjonali ġġenerati minn politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb — Eżistenza ta’ vantaġġ — Metodu ta’ verifika użat mill-Kummissjoni — Oneru tal-prova — Artikolu 230 KE — Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi li jikkumpensaw l-ispejjeż tal-funzjonijiet tas-servizz pubbliku sostnuti minn impriża — Esklużjoni — Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, C-280/00

(Artikolu 87(1) KE)

2.        Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

3.        Appell — Aggravji — Aggravju intiż kontra kunsiderazzjoni tas-sentenza li ma hijiex neċessarja sabiex ikun iġġustifikat id-dispożittiv tagħha — Aggravju ineffettiv

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58)

4.        Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikolu 230 KE)

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Miżuri intiżi li jikkumpensaw l-ispejjeż tal-funzjonijiet tas-servizz pubbliku sostnuti minn impriża — Esklużjoni — Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, C-280/00

(Artikoli 87(1) KE u 230 KE)

1.        L-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat, sakemm huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE. F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-impriżi responsabbli minn servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, sa fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jqegħdhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l-ambitu tal-Artikolu 87(1) KE.

Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, stabbiliti fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark C‑280/00, għandhom jiġu ssodisfatti. B’mod partikolari, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, b’kunsiderazzjoni għad-dħul rilevanti kif ukoll għal benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Minn dan isegwi li meta l-Kummissjoni jkollha teżamina l-validità ta’ sistema ta’ finanzjament ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk tali kundizzjoni hijiex issodisfatta. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija marbuta teżamina l-provi li jistgħu jirriżultaw li huma rilevanti fil-kuntest tal-analiżi dwar l-eżistenza ta’ “vantaġġ” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li huma prodotti quddiemha mill-partijiet fi proċeduri amministrattivi. Il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-użu ta’ metodu differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Altmark, jekk minħabba raġunijiet oġġettivi, hija kienet prekluża milli twettaq eżami tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet.

Fil-każ ta’ trasferimenti tar-riżorsi tal-Istat lil impriża inkarigata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-Kummissjoni ma tistax tqis li dawn it-trasferimenti jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta hija tonqos milli teżamina, minn naħa, jekk l-ammont totali ta’ dawn it-trasferimenti kienx jeċċedi l-ammont totali tal-ispejjeż sostnuti mill-impriża benefiċjarja u, min-naħa l-oħra, jekk din irreġistratx spejjeż netti oħra marbuta mat-twettiq ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tagħhom hija kien ikollha dritt għal kumpens mit-trasferimenti kollha taħt il kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmar.

(ara l-punti 38, 40‑44, 46, 47, 54, 57)

2.        Mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, meta dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt li, bħala tali, hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 63, 64)

3.        Fil-kuntest ta’ appell, l-ilmenti intiżi kontra motivi, liema motivi saru biss għall-finijiet ta’ eżawriment, ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jimplikaw l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi.

(ara l-punt 75)

4.        Mill-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-oġġettiv ta’ rikors għal annullament huwa l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji elenkati f’tali artikolu. L-analiżi tal-motivi mqajma fil-kuntest ta’ tali rikors la għandha l-għan u lanqas l-effett li tissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva.

Fil-każ ta’ trasferimenti tar-riżorsi tal-Istat lil impriża inkarigata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, meta l-Qorti Ġenerali twettaq analiżi tal-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni sabiex tivverifika jekk it-trasferimenti setgħux jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata li eċċediet il-kompetenza tagħha, bi ksur tal-Artikolu 230 KE, jekk l-eżami tagħha kien limitat għal stħarriġ ġurisdizzjonali tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma tkun issostitwixxiet l-metodu tagħha stess ma’ dak tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 84, 85, 87-89)

5.        L-istħarriġ eżerċitat mill-qrati Komunitarji dwar l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li jkunu saru mill-Kummissjoni għandu neċessarjament ikun limitat għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza fattwali, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-użu ħażin ta’ poter.

Tali evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi għandhom isiru meta l-Kummissjoni teżamina l-validità ta’ sistema ta’ finanzjament ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, li jimplika l-eżami tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark, C‑280/00. Il-Qorti Ġenerali ma hijiex marbuta teżamina l-kriterji kollha stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, ladarba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun ġiet stabbilita fid-dawl ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

(ara l-punti 97, 98)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

2 ta’ Settembru 2010 (*)

“Appell – Artikolu 87 KE – Għajnuna mogħtija mill-Istati Membri – Miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG – Artikolu 86 KE – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali – Kumpens għal spejjeż addizzjonali ġġenerati minn politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb – Eżistenza ta’ vantaġġ – Metodu ta’ verifika użat mill-Kummissjoni – Oneru tal-prova – Artikolu 230 KE – Portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża C‑399/08 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l‑Artikolu 56 tal‑Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, ippreżentat fi-15 ta’ Settembru 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz, J. Flett u B. Martenczuk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund, avukat,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste eV, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Wojtek, avukat,

UPS Europe SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn E. Henny, avukat,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u B. Klein, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Grass,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Marzu 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tal-1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑266/02, Ġabra p. II‑1233, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/753/KE, tad-19 ta’ Ġunju 2002, dwar il‑miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post AG (ĠU L 247, p. 27, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Kif jirriżulta mill-kuntest ġuridiku nazzjonali deskritt fis-sentenza appellata, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tal-Postverfassungsgesetz (Liġi fuq l-organizzazzjoni tal-posta), tat-8 ta’ Ġunju 1989 (BGBl. 1989 I, p. 1026, iktar ’il quddiem il‑“PostVerfG”), id-Deutsche Bundespost (amministrazzjoni postali Ġermaniża) ġiet maqsuma fi tliet entitajiet ġuridiċi distinti, jiġifieri id-Deutsche Bundespost Postdienst (iktar ’il quddiem id-“DB Postdienst”), id-Deutsche Bundespost Telekom (iktar ’il quddiem id-“DB Telekom”) u d-Deutsche Bundespost Postbank. Peress li l-Artikolu 65(2) tal-PostVerfG jipprovdi li dawn l-entitajiet kienu obbligati jżommu s-servizzi li kienet toffri d-Deutsche Bundespost, id-DB Postdienst ħadet f’idejha l-attivitajiet tad-Deutsche Bundespost fis-settur tal-posta.

3        Skont l-Artikolu 37(3) tal-PostVerfG, dawn it-tliet entitajiet ġuridiċi kellhom jagħtu kumpens finanzjarju lil xulxin fil-każ li waħda minnhom ma kinitx f’pożizzjoni li tiffinanzja l-ispejjeż tagħha mid-dħul tagħha stess. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 63(1) tal-PostVerfG, id-Deutsche Bundespost, minkejja d‑diviżjoni tagħha, baqgħet obbligata twettaq ħlasijiet lura lill-Istat li jikkorrispondu għal perċentwali mid-dħul tagħha mill-operat, u dan sal-1995.

4        Skont l-Artikolu 1(1) tal-Postdienst-Pflichtleistungsverordnung (Regolament fuq is-servizzi obbligatorji), tat-12 ta’ Jannar 1994 (BGBl. 1994 I, p. 86, iktar ’il quddiem il-“PPfLV”), id-DB Postdienst kellha tipprovdi s-“servizzi obbligatorji” tagħha fit-territorju nazzjonali kollu skont prinċipju ta’ tariffa waħda. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tar-routing tal-pakketti, l-Artikolu 2(1) tal-PPfLV jipprovdi li d-DB-Postdienst kellha tiżgura l-ġbir, it-trasport u t-tqassim ta’ pakketti ta’ piż massimu ta’ 20 kilogrammi u li jikkorrispondu għal ċerti daqsijiet massimi f’dan it-territorju. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(2)(3) tal-PPfLV kien jawtorizza lid-DB-Postdienst tiffissa tariffa iktar baxxa mit-tariffa waħda fil-każ fejn il-klijenti stess jieħdu ħsieb l-issortjar tal-pakketti jew jekk jiddepożitaw kwantità minima ta’ pakketti.

5        Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Postumwandlungsgesetz (Liġi fuq l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-posta), tal-14 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2339), it-tliet entitajiet ġuridiċi li oriġinaw mid-diviżjoni ta’ Deutsche Bundespost ġew mibdula f’kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata [“Aktiengesellschaft” (AG)] mill-1 ta’ Jannar 1995, jiġifieri Deutsche Post AG (iktar ’il quddiem id-“DP AG”), Deutsche Telekom AG u Deutsche Postbank AG.

6        Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 4(1) tal-Postgesetz (Liġi tal-posta), tat-22 ta’ Diċembru 1997 (BGBl. 1997 I, p. 3294) jirriżulta li r-routing tal-pakketti li l-piż tagħhom ma kienx jeċċedi l-20 kilogramma kien jikkostitwixxi servizz universali.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni

7        DP AG topera kemm fis-settur tat-trasport tal-posta li, meta seħħew il-fatti, kienet tibbenefika fih bħala monopolju, kif ukoll f’żewġ setturi oħra tal-posta, jiġifieri t‑trasport tal-pakketti u, min-naħa l-oħra, it-trasport ta’ perjodiċi u ta’ gazzetti, li kuntrarjament, it-tnejn huma miftuħa għall-kompetizzjoni.

8        Fis-settur tat-trasport tal-pakketti, id-DP AG tiżgura, b’mod partikolari, servizzi ta’ trasport ta’ kwantitajiet kbar ta’ pakketti li ma humiex ipproċessati direttament fl-uffiċċji tal-posta (iktar ’il quddiem is-“settur tal-pakketti bieb bieb”). Dan is‑settur stess huwa maqsum f’żewġ partijiet prinċipali, jiġifieri, minn naħa, it‑trasport ta’ pakketti bieb bieb li huwa mmirat lejn il-klijentela professjonali li twettaq l-issortjar hija stess jew tiddepożita kwantità minima ta’ pakketti u, min-naħa l-oħra, it-trasport ta’ pakketti għall-impriżi ta’ bejgħ bil-posta li jibagħtu merkanzija ordnata minn fuq katalgu jew elettronikament.

9        Fl-1994, l-impriża privata ta’ distribuzzjoni ta’ pakketti UPS Europe SA (iktar ’il quddiem “UPS”) u l-Bundesverband Internationaler Espress- und Kurierdienst eV (iktar ’il quddiem il-“BIEK”) ippreżentaw ilment quddiem il-Kummissjoni. Essenzjalment, UPS u l-BIEK ilmentaw li d-DB-Postdienst, minn naħa, għandha politika ta’ bejgħ b’telf fis-settur tad-distribuzzjoni tal-pakketti bieb bieb li tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE u, min-naħa l-oħra, tkopri t-telf tagħha fl-imsemmi settur permezz jew tad-dħul tagħha mis-settur irriżervat, jew minn riżorsi pubbliċi mogħtija lilha bi ksur tal-Artikolu 87 KE.

10      Fl-20 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/354/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każ COMP/35.141 – Deutsche Post AG) (ĠU L 125, p. 27), li permezz tagħha essenzjalment ikkunsidrat li DB Postdienst u sussegwentement, DP AG, kienet kisret l-Artikolu 82 KE inkwantu kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha biss fis-settur tat-trasport ta’ pakketti bieb bieb li huwa mmirat lejn il-klijentela professjonali li twettaq l‑issortjar hija stess jew tiddepożita kwantità minima ta’ pakketti u, min-naħa l‑oħra, it-trasport ta’ pakketti għall-impriżi ta’ bejgħ bil-posta li jibagħtu merkanzija ordnata minn fuq katalgu jew elettronikament, b’mod partikolari, billi wettqet, mill-1990 sal-1995, politika ta’ bejgħ b’telf billi offriet prezzijiet orħos mill-ispejjeż tagħha marbuta mas-servizz ikkonċernat.

11      Fid-19 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni, li permezz tagħha kkunsidrat li l-ammont tat-trasferimenti li twettqu, skont l‑Artikolu 37(3) tal-PostVerfG, minn DB Telekom u sussegwentement, minn deutsche Telekom AG favur DB Postdienst u, sussegwentement, minn DP AG bħala kumpens tal-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”) kien jeċċedi dak li kien neċessarju sabiex jikkumpensa l‑ispejjeż netti inkorsi lil dawn iż-żewġ impriżi tal-aħħar mill-provvista tal-imsemmija servizzi. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-ammont korrispondenti għal dan il-kumpens kien użat sabiex jagħmel tajjeb għat-telf fil-partijiet tas-settur tas-servizzi tal-pakketti bieb bieb li kienu miftuħa għall-kompetizzjoni. Skont din id-deċiżjoni, dan it-telf jien jammonta għas-somma totali ta’ DEM 1 118.7 miljun u kien jirriżulta mill-politika ta’ bejgħ b’telf imwettqa minn DB Postdienst u, sussegwentement, minn DP AG matul il-perijodu bejn l-1994 sa l-1999, ikkonstatat mid-Deċiżjoni 2001/354.

12      Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-kumpens żejjed kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mat-Trattat KE u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri neċessarji kollha għall-irkupru tal-imsemmija għajnuna mingħand DP AG.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13      DP AG ippreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, billi invokat, b’mod partikolari, il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikoli 87(1) KE u 86(2) KE inkwantu din tal-aħħar ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ favur DP AG.

14      B’mod partikolari, permezz tal-ewwel ilment, DP AG sostniet li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu tagħha li teżamina jekk l-ammont totali ta’ trasferimenti li sar minn DB Telekom kienx eċċeda l-ammont totali ta’ spejjeż netti li kellhom jiġu sostnuti minn DP AG sabiex twettaq il-kompiti tagħha ta’ SIEĠ. Fit-tieni ilment, hija sostniet li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li t-trasferimenti li saru minn DB Telekom kienu ppermettewlha tkopri l-ispejjeż marbuta mal-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha.

15      Fir-rigward tal-ewwel ilment, il-Qorti Ġenerali qabelxejn iddeskriviet il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tasal għall-konklużjoni li DP AG kienet ibbenefikat minn vantaġġ.

16      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni kienet ikkonstatat, l-ewwel nett, li mill-1990 sal-1995, DP AG kienet irċeviet trasferimenti li twettqu minn DB Telekom għall-ammont ta’ DEM 11 081 miljun, li hija kkunsidrat bħala l-uniċi riżorsi pubbliċi rilevanti fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni. It-tieni nett, hija kienet ikkonstatat li DP AG kienet irreġistrat spejjeż addizzjonali netti fl-ammont ta’ DEM 1 118.7 miljun iġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha li saret mill-1994 sal-1999 fil-partijiet tas-servizzi ta’ posta bieb bieb miftuħa għall-kompetizzjoni u li dawn l‑ispejjeż ma kinux marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ. It-tielet nett, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li, mill-1990 sal-1998, DP AG kienet irreġistrat telf totali ta’ DEM 2 289 miljun, b’mod li hija ma setgħetx tkopri l-imsemmija spejjeż bir-riżorsi proprji tagħha. Minn dawn it-tliet konstatazzjonijiet, u peress li DP AG ma kienet ippreżentat ebda prova li turi li hija kienet kopriet l-ispejjeż addizzjonali netti inkwistjoni b’riżorsi oħra minbarra t-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom, il-Kummissjoni ddeduċiet li DP AG kienet neċessarjament ikkumpensat l-imsemmija spejjeż b’dawn it-trasferimenti, b’mod li kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat f’ammont korrispondenti.

17      Sussegwentement, sabiex tanalizza jekk tali metodu kienx korrett, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, mingħajr ma eżaminat l-informazzjoni pprovduta f’dan ir-rigward mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma kinitx tat il-fehma tagħha dwar jekk is-settur tas-servizzi tal-pakketti bieb bieb kienx jikkostitwixxi SIEĠ, iżda kienet irrikonoxxiet, minn tal-inqas impliċitament, li DP AG kienet ukoll irreġistrat, minbarra l-ispejjeż netti li kienu ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha, spejjeż addizzjonali netti li, min-naħa tagħhom, kienu marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ.

18      Il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li skont id‑deċiżjoni inkwistjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ipprovdiet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-piżijiet marbuta mal-kompiti ta’ SIEĠ attribwiti lil DP AG, li kienu jammontaw għal DEM 20 426 miljun, jiġifieri ammont kunsiderevolment ikbar minn DEM 11 081 miljun li jikkorrispondi għat-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom favur DP AG.

19      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni ma kinitx ivverifikat jekk l-ammont totali tat-trasferimenti kienx iżgħar mill-ammont totali tal-ispejjeż netti ta’ DP AG marbuta mal-kompiti ta’ SIEĠ; jekk dan kien il-każ l-imsemmija trasferimenti ma kienu jagħtu ebda vantaġġ lil din tal-aħħar.

20      Konsegwentement, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx uriet b’mod suffiċjenti skont id-dritt li t‑trasferimenti li twettqu minn DB Telekom favur DP AG kienu ppermettew lil din tal-aħħar tibbenefika minn vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

21      F’dan ir-rigward, bħala risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat fil-punt 91 tas-sentenza appellata li l-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha din l-istituzzjoni ma kinitx testendi sal-punt li tippermettiha tippreżumi li t-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom kienu taw vantaġġ lil DP AG mingħajr ma kienet eżaminat minn qabel jekk l-ammont totali ta’ dawn it‑trasferimenti kienx jeċċedi l-ammont totali tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, minkejja li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu pprovdew informazzjoni f’dan ir‑rigward.

22      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l‑Kummissjoni kellha twettaq tali eżami, anki fil-każ fejn, kif sostniet din tal-aħħar f’dan il-każ, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring (C‑53/00, Ġabra p. I‑9067), kif ukoll tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747), ma kinux sodisfatti. Madankollu, il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tikkonstata li l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tad-DP AG ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ kumpens fid-dawl tal-fatt li ma kinux marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, iżda hija ma kinitx ivverifikat jekk DP AG kinitx irreġistrat spejjeż addizzjonali netti oħra, marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, li fir-rigward tagħhom hija kellha d-dritt għal kumpens mit-trasferimenti kollha magħmula minn DB Telekom.

23      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, laqgħet l-ewwel ilment imqajjem minn DP AG.

24      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali eżaminat, għall-finijiet ta’ eżawriment, it-tieni ilment imqajjem minn DP AG. B’mod partikolari, fil-punti 102 sa 107 tas-sentenza appellata, hija eżaminat, abbażi tal-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni inkwistjoni u dik ipprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jekk it‑trasferimenti li twettqu minn par DB Telekom bejn l-1990 u l-1995, fl-ammont ta’ DEM 11 081 miljun, kinux ippermettew lil DP AG tkopri l-ispejjeż netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha, fl-ammont ta’ DEM 1 118.7 miljun. Fil-punt 108 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan ma kienx il-każ fid-dawl tat-telf sostnut minn DP AG matul l-istess perijodu, li kien jammonta għal DEM 16 363 miljun.

25      Fuq din il-bażi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li r-raġunament tal-Kummissjoni li jipprovdi li DP AG kienet ibbenefikat minn vantaġġ ta’ DEM 1 118.7 miljun kien invalidat bil-konklużjoni li t-telf finali li kienet sostniet din il-kumpannija mill-1990 sal-1995 kien ta’ tali ammont li t‑trasferimenti li twettqu minn DB Telekom favur DP AG kienu insuffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali netti ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf imwettqa minn din tal-aħħar mill-1994 sal-1999.

26      Peress li laqgħet dawn iż-żewġ ilmenti, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni, mingħajr ma eżaminat l-ilmenti oħra mqajma minn DP AG.

 It-talbiet tal-partijiet

27      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, u sussegwentement, primarjament, tiċħad ir‑rikors għal annullament ippreżentat minn DP AG jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u tikkundanna lil DP AG għall-ispejjeż.

28      Il-BIEK u UPS ippreżentaw appell inċidentali li permezz tiegħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tikkundanna lil DP AG għall-ispejjeż.

29      DP AG titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell tal-Kummissjoni fl-intier tiegħu u tikkundannaha għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell. Barra minn hekk, hija ttenni t-talbiet, ippreżentati fl-ewwel istanza, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali. DP AG issostni wkoll li l-aggravji mqajma fl-appell inċidentali ma għandhomx bażi legali.

30      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell prinċipali

31      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji, ibbażati, l‑ewwel nett, fuq ksur tal-Artikoli 87(1) KE u 86(2) KE, inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala illegali l-metodu użat sabiex jiġi konkluż li kien hemm għajnuna mill-Istat u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 230 KE, peress li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-kompetenza tagħha billi ssostitwixxiet il-metodu tagħha stess għall-kalkolu tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ ma’ dak użat mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 87(1) u 86(2) KE

 Fuq l-ewwel parti

–       L-argumenti tal-partijiet

32      Skont il-Kummissjoni, il-BIEK u UPS, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 87(1) KE u 86(2) KE, inkwantu din tal-aħħar, mingħajr ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ ma kienx korrett, ikkunsidrat li kellu jiġi applikat metodu ieħor ta’ analiżi sabiex jiġi vverifikat jekk tali vantaġġ jeżistix fil-kawża inkwistjoni.

33      Il-Kummissjoni tqis li l-metodu użat fid-deċiżjoni inkwistjoni kien raġonevoli, inkwantu dan kien ibbażat fuq il-premessa li tipprovdi li “l-flus iridu tabilħaqq jiġu minn xi mkien, minn tal-inqas fuq perijodu medju jew twil, u ma jiġux mix-xejn”. Il-konklużjoni li tipprovdi li l-politika ta’ bejgħ b’telf li twettqet minn DP AG kienet iffinanzjata mill-għajnuna mill-Istat li hija rċeviet tidher iktar inevitabbli peress li, kif jirriżulta mill-fatti, l-attività fis-settur tas-servizzi tal-pakketti bieb bieb kienet eżerċitata b’telf peress li politika aggressiva fil-qasam tal-prezzijiet ma kinitx tippermetti li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ servizzi pprovduti u peress li DP AG ma kinitx qiegħda tagħmel profitt f’attivitajiet oħra li setgħet talloka lill-imsemmi settur.

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jirriżulta “inevitabbilment” li l-konstatazzjoni mhux ikkontestata li kien hemm telf fuq perijodu medju u twil fis-settur tas-servizzi tal-pakketti bieb bieb kif ukoll tan-nuqqas ta’ riżorsi proprji li, fir-rigward ta’ dan is‑settur, DP AG kienet tiddependi fuq kumpens finanzjarju marbut ma’ oqsma oħra ta’ attività tal-impriża, li kienu bbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, ir-relazzjoni bejn il-finanzjament tal-Istat u l-politika ta’ bejgħ b’telf kienet tant evidenti li ebda prova addizzjonali ma hija neċessarja.

35      DP AG twieġeb li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tindika r-raġunijiet li għalihom il‑metodu li ntgħażel mill-Kummissjoni ma kienx korrett, peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-punt 92 tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, li, sabiex ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv tas-servizzi li twettqu mill-impriżi benefiċjarji sabiex jimplementaw obbligi tas-servizz pubbliku ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ dawn l-obbligi. Għalhekk, tali kalkolu huwa obbligatorju u kull metodu li, bħal dak użat f’din il-kawża mill-Kummissjoni, iħalli barra huwa neċessarjament żbaljat.

36      Fi kwalunkwe każ, skont DP AG, il-metodu użat mill-Kummissjoni ma huwiex xieraq sabiex jipprova li t-telf allegat tas-settur tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb huwa “invevitabbilment” iffinanzjat mit-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom favur DP AG. Fil-fatt, tali metodu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, ir‑realtà ekonomika hija tali li, meta t-telf attribwit lil sena partikolari ma jistax jiġi kkumpensat minn riżorsi proprji, dan jiġi rreġistrat bħala telf rifless fil-kontijiet tas-sena ta’ wara. Għalhekk, is-sempliċi fatt li telf ma jistax jiġi kkumpensat minn riżorsi proprji fis-sena li fiha seħħ ma jfissirx neċessarjament li dan ġie kkumpensat minn riżorsi esterni.

37      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kawża preżenti ma tikkonċernax is‑sempliċi kwistjoni dwar il-metodu applikabbli fil-kawża inkwistjoni, iżda tikkonċerna l-portata tal-oneru tal-prova li għandha l-Kummissjoni li tipprova li DP AG kienet kisbet vantaġġ. Skont dan l-Istat Membru, is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, teżiġi il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali netti li twettqu mill-obbligi li jiġi pprovdut SIEĠ u li jiġu pparagunati mar-riżorsi ttrasferiti fir-rigward tal-kumpens għal dawn l-istess obbligi. Huwa biss fid-dawl tar-riżultat ta’ dan il-paragun li tista’ tiġi stabbilita l‑possibbiltà ta’ kumpens żejjed.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) teżiġi li l‑kundizzjonijiet kollha msemmijin f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti (sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs Ufex et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 125, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, Ġabra P. I-5497, punt 63).

39      Għalhekk, sabiex miżura nazzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il‑kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punti 38 u 39; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 56, kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri, C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 52).

40      Peress li dan l-aggravju jikkonċerna biss it-tielet kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l‑interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenzi ċċitati Enirisorse, punt 30; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 59, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 79).

41      F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-impriżi responsabbli minn SIEĠ, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn intervent mill-Istat għandu jitqies bħala kumpens li jirrappreżenta l-korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l‑impriżi ma jgawdux, fil-fatt, vantaġġ finanzjarju u l-imsemmi intervent ma għandux għaldaqstant bħala effett li jqegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l‑ambitu tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Ferring, punt 27; Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 87; Enirisorse, punt 31, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 80).

42      Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, argument li, wara kollox, ma ġiex sostnut fil-kawża prinċipali, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu sodisfatti (is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 88; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 61, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 81).

43      B’mod partikolari, il-kumpens ma jistax jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kunsiderazzjoni għad-dħul rilevanti kif ukoll għal benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar’il fuq Ferring, punt 32; Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 92; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 66, kif ukoll Essent Netwerk Noord et, punt 84).

44      Minn dan isegwi li meta l-Kummissjoni jkollha teżamina l-validità ta’ sistema ta’ finanzjament ta’ SIEĠ fid-dawl tal-Artikolu 87 KE, hija għandha, b’mod partikolari, tivverifika jekk tali kundizzjoni hijiex sodisfatta.

45      F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-ilment li s-sentenza appellata ma hijiex ibbażata fuq in-nuqqasijiet tal-metodu użat mill-Kummissjoni, għandu jiġi nnutat li l-Qorti Ġenerali qabelxejn ikkonstatat, fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma kinitx ivverifikat jekk l-ammont totali tat-trasferimenti li saru minn DB Telekom kienx jeċċedi l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali netti ta’ SIEĠ sostnuti minn DP AG.

46      Sussegwentement, mill-punti 91 u 94 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li l-imsemmija trasferimenti kienu jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE preċiżament peress li hija ma kinitx eżaminat, minn naħa, jekk l-ammont totali tat-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom kienx jeċċedi l-ammont totali tal-ispejjeż addizzjonali mhux ikkontestati sostnuti minn DP AG u, min-naħa l-oħra, jekk din kinitx irreġistrat spejjeż oħra netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ li fir-rigward tagħhom hija kellha dritt għal kumpens mit-trasferimenti kollha taħt il‑kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq.

47      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi ġustament akkużata li ma bbażatx ruħha fuq in-nuqqasijiet tal-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-fatt, minn dak li ntqal jirriżulta li dawn in-nuqqasijiet ġew irrilevati mill-Qorti Ġenerali waqt l-eżami tagħha tal-legalità tal-metodu fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE.

48      Peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod korrett, li l-metodu applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni kien irregolari, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti

–       L-argumenti tal-partijiet

49      Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta minn BIEK u UPS, issostni li huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali akkużatha li ma eżaminatx il-provi kollha, inklużi dawk prodotti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u li, billi għamlet hekk, hija kisret ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova.

50      Il-fatt li DP AG ma kellhiex riżorsi proprji kien suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi li din kienet użat ir-riżorsi proprji li hija rċeviet sabiex tiffinanzja l‑ispejjeż netti tal-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha fis-settur tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u UPS huma tal-fehma li, anki jekk il-Kummissjoni kienet kisbet l-informazzjoni kollha u l-elementi ta’ prova li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, hija ma setgħetx loġikament tasal għal konklużjoni differenti.

51      Il-Kummissjoni tqis ukoll li kienet DP AG li kellha tipprova li l-metodu użat fid-deċiżjoni inkwistjoni kien illegali, u mhux li kien jeżisti metodu ieħor li seta’ wkoll ikun prevedibbli. Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punt 87 tas-sentenza appellata, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova li kien impossibbli li jiġi applikat il-metodu magħżul mill-Qorti Ġenerali.

52      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis f’dan ir-rigward li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni u ta’ UPS li tipprovdi li, l-eżami tal-informazzjoni pprovduta minn DP AG u minnha stess fir-rigward tal-ammont ta’ spejjeż addizzjonali netti marbuta mal-obbligi ta’ interess ġenerali dwar servizzi tal-posta, ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal sabiex il-Kummissjoni tasal għal riżultat differenti fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, ma hijiex fondata u tikkontradixxi l-figuri ppreżentati minn DP AG u mill-imsemmi Stat Membru.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali kisret ir‑regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova billi akkużat lill-Kummissjoni li ma eżaminatx il-provi kollha, għandu jiġi nnutat li, minn naħa, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni, ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ċerti spejjeż addizzjonali marbuta mat-twettiq tal-kompiti ta’ SIEĠ. Min-naħa l-oħra, fil-punt 86 tal-istess sentenza, il‑Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx irrilevat jew stabbilixxiet li dan l-Istat Membru u DP AG kienu pprovdewlha l-informazzjoni neċessarja sabiex tivverifika jekk l-ammont tat-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom kinux jeċċedu l-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati.

54      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 85 sa 88 tas-sentenza appellata, kienet akkużat lill-Kummissjoni li naqset milli teżamina l‑provi li l-partijiet fil-proċedura amministrattiva kienu ppreżentawlha provi li setgħu kienu rilevanti fil-kuntest tal-analiżi dwar l-eżistenza ta’ “vantaġġ” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE fir-rigward ta’ DP AG, kif sostniet il-Kummissjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma injorat ir-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova.

55      Fir-rigward tal-argument li, anki kieku eżaminat l-informazzjoni u l-provi kollha li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, il-Kummissjoni ma kinitx loġikament tasal għal konklużjoni oħra, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa preċiżament billi ħadet inkunsiderazzjoni l-imsemmija informazzjoni li l‑Qorti Ġenerali, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, waslet għal konklużjoni differenti minn dik li ttieħdet mid-deċiżjoni inkwistjoni. Isegwi li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

56      It-tieni nett, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali imponiet b’mod żbaljat fuq il-Kummissjoni, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, l-oneru tal-prova tal-“impossibbiltà” tal-metodu magħżul mill-Qorti Ġenerali stess, għandu jiġi kkonstatat li din l-allegazzjoni tirriżulta minn qari żbaljat ta’ din is-sentenza.

57      Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li kienet taċċetta bħala ġustifikazzjoni l-użu ta’ metodu differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kriterji stabbiliti fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata, għal raġunijiet oġġettivi, twettaq eżami ta’ informazzjoni pprovduta minn DP AG u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

58      Madankollu, fil-punt 87, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tirrileva li l‑Kummissjoni ma kienet invokat ebda fattur li seta’ jistabbilixxi kwalunkwe impediment għal tali eżami. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan l-argument lanqas ma jista’ jintlaqa’.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tielet parti

–       L-argumenti tal-partijiet

60      Il-Kummissjoni, sostnuta minn BIEK u UPS, takkuża lill-Qorti Ġenerali li żnaturat il-fatti tal-proċess meta kkunsidrat, minn naħa, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li hija kienet biss ikkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni l-informazzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ipprovditilha, li tipprovdi li s-setturi tas-servizzi tal-pakketti tal-posta bieb bieb kienu jikkostitwixxu SIEĠ ma kinux fondati, u min-naħa l-oħra, li hija kienet irrikonoxxiet, minn tal-inqas impliċitament, li DP AG kienet ukoll irreġistrat, minbarra l-ispejjeż addizzjonali netti kienu ġġenerati mill-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha, spejjeż netti li kienu, fir-rigward tagħhom, marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ. Madankollu, skont il‑Kummissjoni, fil-punt 76 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, ġie kkonstatat li s-settur inkwistjoni ma jikkostitwixxix SIEĠ u li l-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ spejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ ma kinux, fi kwalunkwe każ, rilevanti fil-kuntest tal-metodu ta’ analiżi li hija kienet għażlet.

61      Min-naħa tagħha, DP AG tqis li din il-parti hija manifestament infondata, inkwantu, minn naħa, fir-rigward tal-imsemmija spejjeż addizzjonali netti, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-punt 43 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, fejn kien hemm inkwistjoni s-servizzi ta’ pakketti kollha, li s-settur tas-servizz ta’ pakketti bieb bieb kien biss parti waħda minnu. Min-naħa l-oħra, l-ilment tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata, fid-dawl tal-fatt li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwisjtoni peress li, fi kwalunkwe każ, il‑Kummissjoni ma vverifikatx jekk it-trasferimenti li twettqu minn DB Telekom kinux iġġustifikati minn spejjeż netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ.

62      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija tal-fehma li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il‑ Kummissjoni tat deċiżjoni biss dwar ċerti servizzi speċifiċi tal-qasam tat-trasport tal-pakketti fir-rigward tan-natura tagħhom ta’ SIEĠ, iżda mhux dwar is-servizz ta’ trasport ta’ pakketti fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, fil-punt 72 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rreferiet, b’mod inekwivoku għal “kompitu preċiżament iddefinit ta’ DP AG” u t-“twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku”. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat rikonoxximent taċitu tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li, fis-settur tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb ukoll, hemm tabilħaqq obbligi ta’ servizz pubbliku taħt il-forma ta’ obbligu ta’ tqassim li josserva tariffa uniformi li tista’ titħallas.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

63      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, meta dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l‑prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt li, bħala tali, hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, Ġabra p. I‑2259, punti 30 u 31 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

64      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Kummissjoni tikkontesta, permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-Kummissjoni ma tatx deċiżjoni dwar l-informazzjoni trażmessa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward tal-fatt li s-settur tas-servizzi ta’ pakketti bieb bieb kien jikkostitwixxi SIEĠ, minkejja li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li dan is-settur ma kienx jikkostitwixxi SIEĠ.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, fil-punt 76 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-espożizzjoni ta’ motivi ta’ PPfLV, li tipprovdi li l-Artikolu 2(2)(3) ta’ dan it-test jeskludi mill-obbligu ġenerali ta’ routing ta’ pakketti żgħar li fir-rigward tagħhom ikunu ġew konklużi dispożizzjonijiet speċjali fil-kuntest ta’ kuntratti partikolari ma’ klijenti partikolari, per eżempju dawk li jissortjaw minn qabel il-posta tagħhom jew dawk li jikkonkludu kuntratti ta’ kooperazzjoni, u li dawn il-klijenti professjonali jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu ta’ routing, peress li l-kompetizzjoni li topera f’dan is‑settur trendih superfluwu.

67      Madankollu, kif irrilevat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-punt tal-espożizzjoni tal-motivi ċċitat, il-Kummissjoni rreferiet għal ċerti servizzi speċifiċi fil-qasam tat-trasport tal-pakketti fid-dawl tan-natura tagħhom ta’ SIEĠ, iżda mhux għas-servizz ta’ trasport ta’ pakketti fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif għamlet DP AG, li l-Qorti Ġenerali annullat id‑deċiżjoni inkwistjoni mhux biss minħabba l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tal-klassifika tas-servizzi inkwisjtoni bħala SIEĠ, iżda minħabba li l‑Kummissjoni ma kinitx ivverifikat jekk it-trasferimenti li saru minn DB Telekom kinux jikkostitwixxu kumpens żejjed meta mqabbel mal-ispejjeż addizzjonali netti mhux ikkontestati marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ.

68      F’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistax jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti inkwistjoni.

69      Għaldaqstant, l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

70      Fir-rigward tat-tieni ilment, li jikkonċerna r-rikonoxximent impliċitu mill-Kummissjoni tal-fatt li DP AG kienet irreġistrat spejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat, fil-punt 73 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, li “hemm għalhekk ammont minimu tal-ispejjeż addizzjonali netti ta’ DP AG li ma huwiex marbut mat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku”. Minn din l-istqarrija, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeduċi, mingħajr ma twettaq żnaturament tal-provi li kienet irrikonoxxiet il‑Kummissjoni, li DP AG kienet ukoll sostniet spejjeż marbuta ma’ SIEĠ.

71      Peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-fatti li ġew ippreżentati għall-evalwazzjoni tagħha, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti

–       L-argumenti tal-partijiet

72      Il-Kummissjoni, sostnuta minn BIEK u UPS, tikkontesta l-motivazzjoni żviluppata, għall-finijiet ta’ eżawriment, fil-punti 101 sa 109 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat, minbarra l-informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni inkwistjoni, dik ipprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. L-imsemmija partijiet huma tal-fehma li din l-informazzjoni, inkluż b’mod partikolari, dik li tikkonċerna l-ħlas lura minn DP AG lill-Istat Ġermaniż kif ukoll it-trasferimenti minn DB Telekom, ma humiex rilevanti għall-applikazzjoni tal-metodu użat mill-Kummissjoni, li jiġġustifika li din ma kkontestatx l-eżattezza tagħhom. Fi kwalunkwe każ, l-evalwazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti u żbaljata, sa fejn, minn naħa, ma jirriżultax, b’mod partikolari, li DP AG setgħet tibqa’ finanzjarment vijabbli mingħajr kumpens minn DB Telekom u, min-naħa l-oħra, li ma kinitx tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk DP AG kellhiex biżżejjed likwidità sabiex tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali netti inkorsi bil-politika ta’ bejgħ b’telf tagħha, u dan minkejja t-telf globali rreġistrat minn din il-kumpannija.

73      F’dan ir-rigward, DP AG issostni li ma huwiex rilevanti l-fatt li l-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma kkonstatatx li DP AG setgħet tibqa’ finanzjarjment vijabbli mingħajr kumpens finanzjarju. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali setgħet tillimita ruħha li teskludi li r-riżorsi joriġinaw minn trasferimenti li saru minn DB Telekom matul is-snin 1990 sa 1994 intużaw sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali netti inkorsi bil-politika ta’ bejgħ b’telf li twettqet mill-1995 sal-1999, minħabba li sa dak iż-żmien kienu ġew eżawriti.

74      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li, fi kwalunkwe każ, il‑Kummissjoni kellha turi li l-kontribuzzjoni tal-Istat inkwisjtoni kienet tikkostitwixxi kumpens żejjed nett inkors minħabba l-provvista ta’ SIEĠ. Barra minn hekk, ebda spejjeż, meħuda separatament, ma setgħu jkopru riżorsi proprji oħra ta’ DP AG, fid-dawl tal-fatt li din kienet sostniet telf matul il-perijodu kkonċernat. Fir-realtà, l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal għar-riżultat assurd li kwalunkwe spejjeż kellhom jiġu ffinanzjati mir-riżorsi pubbliċi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilmenti ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali intiżi kontra motivi li saru biss għall-finijiet ta’ eżawriment ma jistgħux jimplikaw l-annullament ta’ din is-sentenza u b’hekk huma ineffettivi (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Hirschfeldt vs AEE, C‑184/01 P, Ġabra p. I‑10173, punt 48; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 148, kif ukoll id-digriet tad-9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, C‑188/06 P, punt 64).

76      F’dan ir-rigward, mill-analiżi tal-ewwel tliet partijiet ta’ dan l-aggravju jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel ilment ippreżentat minn DP AG fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha, li jipprovdi li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 87(1) KE meta kkunsidrat li t‑trasferimenti li saru minn DB Telekom kienu tawha vantaġġ.

77      Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-motivazzjoni inkluża fil-punti 101 sa 109 tas-sentenza appellata hija żbaljata fid-dritt, għandu jiġi enfasizzat li tali konstatazzjoni ma tistax taffettwa l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-ilment dwar l‑illegalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE.

78      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju hija ineffettiva.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju mqajjem mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 230 KE

–       L-argumenti tal-partijiet

80      Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali li injorat il‑limiti tal-kompetenza tagħha kif jirriżultaw mill-Artikolu 230 KE, peress li ssostitwixxiet il-metodu tagħha stess tal-kalkolu tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ ma’ dak tal-Kummissjoni. Madankollu, fil-każ li l-Kummissjoni tippreferi metodu li jippermettilha tittratta malajr u b’mod effiċjenti l‑oġġezzjonijiet ippreżentati mill-persuni li jilmentaw, fil-kuntest ta’ prassi amministrattiva tajba interna, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi minflokha liema metodu għandu jintgħażel.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sostnuta minn BIEK u UPS, issostni li l-Qorti Ġenerali, fil-motivazzjoni żviluppata fil-punti 101 sa 109 tas-sentenza appellata, issostitwixxiet ruħha mal-Kummissjoni billi eżaminat l-informazzjoni li ma kienet suġġetta għal ebda eżami fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni.

82      Min-naħa l-oħra, DP AG tqis li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tuża l-metodu li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa mandatorju. Fil-fatt, skont il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni, il-konstatazzjoni ta’ vantaġġ fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat minħabba ħlas ta’ riżorsi mill-Istat bħala kumpens għat-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku jippresupponu li jiġu qabelxejn iddeterminati l-ispejjeż inkorsi bit-twettiq ta’ dawn l-obbligi ta’ interess ġenerali.

83      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ssostitwixxietx b’mod illegali l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni. Fil-punti tas-sentenza appellata koperti mill-aggravju preżenti, hija llimitat ruħha li twettaq eżami minn perspettiva ta’ kontabbiltà, wara li kienet wettqet, fil-punti 78 sa 96 tal-istess sentenza, analiżi tad-deċiżjoni inkwistjoni minn perspettiva legali. Fi kwalunkwe każ, peress li ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 87(1) KE, l-imsemmi aggravju huwa ineffettiv.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 230 KE, l-oġġettiv ta’ rikors għal annullament huwa l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji elenkati f’tali artikolu, peress li l-analiżi tal-motivi mqajma fil-kuntest ta’ tali rikors la għandha l-għan u lanqas l-effett li tissostitwixxi investigazzjoni sħiħa tal-kawża fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P et C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 103).

85      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li, fil-punti 68 sa 88 tas-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali wettqet analiżi tal-metodu użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE b’mod partikolari sabiex tivverifika jekk it-trasferimenti li bbenefikat minnhom DP AG mingħand DB Telekom setgħux jikkostitwixxu vantaġġ fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll il‑ġurisprudenza rilevanti.

86      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 80 sa 88 tas-sentenza appellata, l-elementi irregolari tal-kalkolu li sar mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni, minn fejn irriżulta li din kienet baqgħet ma pprovatx li l-imsemmija trasferimenti kienu taw tali vantaġġ lil DP AG.

87      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma ssostitwixxietx il-metodu tagħha stess ma’ dak tal-Kummissjoni, iżda l-eżami tagħha kien illimitat għal stħarriġ ġurisdizzjonali tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni.

88      Fir-rigward tal-ilment dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali, billi wettqet eżami tal-informazzjoni li ma kienet is-suġġett ta’ ebda analiżi fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni, ssostitwixxiet ruħha mal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward, minn naħa, tal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza preżenti fir-rigward tal-fatt li l-konstazzjonijiet li saru mill-Qorti Ġenerali fil-punti 101 sa 109 tas-sentenza appellata saru għall-finijiet ta’ eżawriment kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi kkonstatat li dan it-tieni ilment huwa ineffettiv.

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi akkużata b’mod validu li eċċediet il-kompetenza tagħha, bi ksur tal-Artikolu 230 KE. Għalhekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

90      Peress li ebda wieħed miż-żewġ aggravji invokati mill-Kummissjoni ma ġie milqugħ, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-appelli inċidentali

–       L-argumenti tal-partijiet

91      Permezz tal-appelli inċidentali, il-BIEK u UPS isostnu li l-Qorti Ġenerali injorat is-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, inkwantu naqset milli tikkunsidra li, fil-kawża inkwistjoni, ebda rekwiżiti stabbiliti minn din is-sentenza sabiex jeskludu kumpens għall-provvista ta’ SIEĠ mir-regoli tal-għajnuna mill-Istat ma kienu sodisfatti. Fil-fatt, l-ewwel nett, il‑prassi implementata minn DP AG li kienet tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet orħos mit-tariffa legali fir-rigward tas-settur tas-servizzi tal-pakketti bieb bieb ma kinitx tikkorrispondi għall-missjoni ta’ servizz pubbliku. It-tieni nett, il-kundizzjonijiet li taħthom saru t-trasferimenti minn DB Telekom ma ġewx stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. It-tielet nett, fin-nuqqas ta’ allokazzjoni preċiża, ma kienx possibbli li jiġi determinat jekk dawk it‑trasferimenti tawx lok għal kumpens żejjed. Fl-aħħar nett, il-kumpens li tqies li twettaq permezz tal-imsemmija trasferimenti ngħata lok indipendentement minn kull analiżi tal-ispejjeż marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ.

92      DP AG twieġeb għal dawn l-argumenti li l-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta twettaq eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk DP AG kellhiex issostni l-ispejjeż netti marbuta mat-twettiq tal-obbligi ta’ SIEĠ kienet suffiċjenti sabiex tannulla d‑deċiżjoni inkwistjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93      Billi l-ewwel ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet, minn tal-inqas impliċitament, li DP AG kienet sostniet spejjeż li kienu parzjalment marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, kif ukoll kif ġie rrilevat fil-punti 66 sa 73 tas-sentenza preżenti, kien b’mod korrett li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ eżami tal-legalità, sussegwentement eżaminat l-ilment imqajjem minn DP AG dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kalkolu ta’ kumpens żejjed possibbli fis-sens tat-tielet kundizzjoni tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, kif imfakkar fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza preżenti.

94      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod partikolari, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li peress li dan il-metodu ma kienx ivverifika jekk DP AG kinitx irreġistrat spejjeż addizzjonali netti marbuta mat-twettiq ta’ SIEĠ, ma kienx jippermettiha tistabbilixxi fid-dritt dawn l-ispejjeż, u konsegwentement, iddeċidiet, fir-rigward tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni inkwistjoni kellha tiġi annullata.

95      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 125 sa 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet analiżi tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni tal-limiti tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 230 KE u fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti dwar il‑klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat kif ukoll dik marbuta mal-kumpens għall-obbligi ta’ SIEĠ, li tagħmel parti minnu s-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq.

96      Għandu wkoll jiġi rrilevat li huwa preċiżament kieku kienet eżaminat id-deċiżjoni inkwistjoni meta mqabbla mal-kriterji l-oħra stabbiliti f’din il-kawża, bħal ma sostnew li kellha tagħhmel BIEK u UPS, li l-Qorti Ġenerali kienet tissostitwixxi ruħha mal-Kummissjoni billi twettaq eżami minflokha, kif tosserva ġustament il‑Qorti Ġenerali fil-punt 95 tas-sentenza appellata.

97      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, skont ġurisprudenza stabbilita, li l-istħarriġ li jagħmlu l-qrati Komunitarji dwar l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li jkunu saru mill-Kummissjoni huwa neċessarjament limitat għal verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza fattwali, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-użu ħażin ta’ poter (sentenzi Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 279, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I ‑9291, punt 85).

98      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn teżamina l-kriterji kollha stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, ladarba l-illegalità tad-deċiżjoni inkwistjoni kienet ġiet stabbilita fid-dawl ta’ waħda minn dawn il‑kriterji.

99      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appelli inċidentali għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq l-ispejjeż

100    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess Regoli, l‑Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

101    Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tal-appell prinċipali, skont it-talbiet ta’ DP AG.

102    Fir-rigward tal-appelli inċidentali, anki jekk BIEK u UPS tilfu, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha għal dawn l-appelli, DP AG ma talbitx li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż marbuta magħhom. Isegwi li kull waħda minn dawn il-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha marbuta mal-appelli inċidentali.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell prinċipali u l-appelli inċidentali huma miċħuda.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll dawk sostnuti minn Deutsche Post AG fil-kuntest tal-appell prinċipali.

3)      Il-Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste eV u UPS Europe SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mal-appell prinċipali.

4)      Deutsche Post AG, il-Bundesverband Internationaler Express- und Kurierdienste eV u UPS Europe SA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mal-appelli inċidentali.

5)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.