SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

26 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 56 KE — Artikoli tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi privatizzati — Kriterji għall-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet speċjali miżmuma mill-Istat”

Fil-Kawża C-326/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Pignataro-Nolin u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat id-dispożizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri li jistabbilixxi l-kriterji għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru 332 tal-31 ta’ Mejju 1994, adottat wara li ġie emendat bil-Liġi Nru 474 tat- (decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri, definizione dei criteri di esercizio dei poteri speciali, di cui all’art. 2 del decreto-legge , n. 332, convertito, con modificazioni, dalla legge , n. 474), tal- (GURI Nru 139, tas-, p. 26, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-2004”), ir-Repubblika Taljana kisret l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Digriet Legali Nru 332/1994

2

Id-Digriet Legali Nru 332 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-aċċelerazzjoni tal-proċeduri ta’ ċessjoni tal-ishma li l-Istat u l-korpi pubbliċi għandhom fil-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (decreto-legge n. 332, norme per l’accelerazione delle procedure di dismissione di partecipazioni dello Stato e degli enti pubblici in società per azioni), tal-31 ta’ Mejju 1994, (GURI Nru 126, tal-, p. 38), ġie adottat wara li ġie emendat bil-Liġi Nru 474 tat- (GURI Nru 177, tat-, p. 5). Dan id-digriet legali ġie sussegwentement emendat bil-Liġi Nru 350, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2004) [legge n. 350, disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004)], tal- (Suppliment Ordinarju tal-ĠURI Nru 196, tas-, iktar ’il quddiem il-“liġi finanzjarja Nru 350/2003”). L-imsemmi digriet legali, kif adottat u emendat (iktar ’il quddiem id-“digriet legali Nru 332/1994”), jipprovdi li l-Istat għandu jkollu drittijiet speċjali f’xi kumpanniji (iktar ’il quddiem id-“drittijiet speċjali”).

3

Skont l-Artikolu 2(1) tad-digriet legali Nru 332/1994:

“1.   Il-President tal-Kunsill tal-Ministri għandu, fuq proposta tal-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi bi ftehim mal-Ministru tal-Attivatijiet Produttivi, kif ukoll mal-Ministri kompetenti skont il-qasam, jistabbilixxi b’digriet liema fost il-kumpanniji kkontrollati direttament jew indirettament mill-Istat u li joperaw fl-oqsma tad-difiża, it-trasport, it-telekomunikazzjonijiet, ir-riżorsi tal-enerġija u oqsma oħrajn tas-servizz pubbliku, huma l-kumpanniji li l-artikoli tal-assoċjazzjoni tagħhom għandhom jinkludu, qabel l-adozzjoni ta’ xi miżura li tirriżulta fit-telf tal-kontroll, b’riżoluzzjoni f’dan is-sens approvata f’laqgħa ġenerali straordinarja tal-kumpannija, dispożizzjoni li tagħti lill-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi wieħed jew iktar mid-drittijiet speċjali li ġejjin, li għandhom jiġu eżerċitati b’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Attivitajiet Produttivi […]”

4

Dawn id-drittijiet speċjali, elenkati fl-imsemmi Artikolu 2(1) (a) sa (d) huma s-segwenti:

a)

l-oppożizzjoni għax-xiri, min-naħa ta’ investituri, ta’ ammont sinjifikattiv ta’ ishma li jirrappreżentaw mill-inqas 5% tad-drittijiet tal-vot jew perċentwali inferjuri stabbilita b’digriet mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi. Sabiex jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet għandhom terminu ta’ 10 ijiem li jibda jiddekorri b’effett mid-data tal-komunikazzjoni li għandha titwettaq mid-diretturi tal-kumpannija kkonċernata fil-waqt tat-talba ta’ iskrizzjoni fir-reġistru tal-azzjonisti, filwaqt li ċ-ċessjonarju għandu 60 jum sabiex jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet quddiem il-qorti kompetenti;

b)

l-oppożizzjoni għall-konklużjoni ta’ pattijiet jew ftehim bejn azzjonisti li jirrappreżentaw mill-inqas 5% tad-drittijiet tal-vot jew perċentwali inferjuri stabbilita b’digriet mill-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi. It-termini ta 10 u ta’ 60 jum imsemmija fil-punt a) huma applikabbli, rispettivament, għall-oppożizjoni tal-awtoritajiet u għar-rikorsi tal-azzjonisti li jkunu aderixxew għall-pattijiet jew għall-ftehim ikkonċernati;

c)

il-veto fuq l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ xoljiment tal-kumpannija, ta’ trasferiment tal-impriża, ta’ fużjoni, ta’ qsim, ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija f’pajjiż barrani, ta’ bdil tal-iskop tal-kumpannija, li jemendaw l-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija b’tali mod li jħassru jew jemendaw id-drittijiet speċjali. Terminu ta’ 60 jum huwa previst sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ veto;

d)

il-ħatra ta’ direttur mingħajr dritt għall-vot

5

Mir-rikors jirriżulta li klawżola li tirrigwarda l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali ddaħħlet b’mod partikolari fl-artikoli tal-assoċċjazzjoni tal-kumpanniji rregolati mid-Dritt Taljan ENI, Telecom Italia, Enel u Finmeccanica, li joperaw rispettivament fis-setturi tal-petrokimika u tal-enerġija, tat-telekomunikazzjoni, tal-enerġija elettrika u kif ukoll tad-difiża.

6

L-Artikolu 4(230) tal-liġi finanzjarja Nru 350/2003 jipprovdi li fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmija liġi l-President tal-Kunsill tal-Ministri, fuq proposta kemm tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi u kif ukoll tal-Ministru tal-Attivitajiet Produttivi, għandu jadotta digriet ad hoc li jiddetermina l-kriterji ta’ eżerċizzju tad-drittijiet speċjali billi jillimita l-użu tagħhom biss għall-każijiet ta’ preġudizzju għall-interessi vitali tal-Istat.

Id-digriet tal-2004

7

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-digriet tal-2004:

“1.   Id-drittijiet speċjali tal-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru [332/1994] għandhom jiġu eżerċitati biss meta jkunu ġġustifikati minn raġunijiet kruċjali u imperattivi ta’ interess ġenerali relatati, b’mod partikolari, mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika, mas-saħħa pubblika u mad-difiża, u għandhom jieħdu l-forma ta’ miżuri xieraq u proporzjonati għall-protezzjoni ta’ tali interessi, bħall-iffissar eventwali ta’ termini ta’ żmien xierqa, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji tas-sistema legali interna u tad-Dritt Komunitarja, u l-ewwel u qabel kollox, tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni.

2.   Bla ħsara għall-finalità indikata fil-paragrafu 1, id-drittijiet speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2(1)(a), (b) u (ċ) tad-digriet legali Nru [332/1994] jiġu eżerċitati meta jkunu jeżistu s-segwenti ċirkustanzi:

a)

riskju gravi u reali ta’ nuqqas fil-provvista nazzjonali minima ta’ prodotti petroliferi u tal-enerġija, kif ukoll fil-provvista ta’ servizzi konnessi u derivati u, b’mod ġenerali, fil-provvista ta’ materja prima, ta’ beni essenzjali għall-kollettività jew fil-livell minimu ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni u ta’ trasport;

b)

riskju gravi u reali fil-kontinwità tat-twettieq tal-obbligi lejn il-kollettività fil-qasam tal-provvista ta’ servizz pubbliku, kif ukoll fit-twettieq tal-obbligi ta’ interess pubbliku fdati lill-kumpannija;

ċ)

riskju gravi u reali għas-sigurtà tal-impjanti u tan-netwerks tas-servizzi pubbliċi essenzjali;

d)

riskju gravi u reali għad-difiża nazzjonali, għas-sigurtà militari, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika;

e)

emerġenzi sanitarji.”

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu minħabba ksur tal-Artikoli 43 KE u 56 KE fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet speċjali permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta lir-Repubblika Taljana fis-6 ta’ Frar 2003. Dan l-Istat Membru, sussegwentement, emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu billi adotta l-liġi finanzjarja Nru 350/2003 u kif ukoll id-digriet tal-2004. Madankollu, peress li qieset li dawn l-emendi ma kinux suffiċjenti, il-Kummissjoni bagħtet, fit-, ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

9

Wara li rċeviet ir-risposta tal-Gvern Taljan tal-20 ta’ Mejju 2005 u peress li qieset li ma setgħetx taqbel mal-argumenti li kienu jinsabu f’din ir-risposta, fit- il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana li kienet tikkonċerna biss il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004, u stednitha tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata fit-terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri b’effett min-notifika ta’ din tal-aħħar. Bħala risposta dan l-Istat Membru bagħat nota li kienet essenzjalment tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni.

10

Billi qieset li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

11

Skont il-Kummissjoni, il-ksur min-naħa tar-Repubblika Taljana tal-Artikoli 43 KE u 56 KE huwa dovut għall-fatt li d-digriet tal-2004 ma jispeċifikax b’mod suffiċjenti l-kriterji għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali. Fl-opinjoni ta’ din l-istituzzjoni, l-imsemmija kriterji ma jippermettux li l-investituri jkunu jafu f’liema sitwazzjonijiet jistgħu jintużaw dawn id-drittijiet.

12

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li s-sitwazzjonijiet konkreti li jistgħu jkunu koperti mill-kunċett ta’ “riskju gravi u reali” msemmi fl-Artikolu 1(2) (a) sa (d) tad-digriet tal-2004 huma potenzjalment numerużi, mhumiex determinati u ma jistgħux jiġu determinati. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li jiġġustifikaw li l-Istat juża d-drittijiet speċjali jagħti, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet Taljani għandhom, karattru diskriminatorju lill-imsemmija drittijiet. Dan kollu għandu bħala effett li jiskoraġġixxi, b’mod ġenerali, lill-investituri u, b’mod speċifiku, lil dawk li jkunu jixtiequ jistabbilixxu rwieħhom fl-Italja bl-għan li jinfluwenzaw l-amministrazzjoni tal-impriżi kkonċernati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

13

Il-Kummissjoni tosserva li, peress li l-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004 jirrigwarda l-implementazzjoni tad-drittijiet speċjali pprovduti mid-digriet legali Nru 332/1994, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ dan id-digriet għandha tinkludi l-eżami tal-legalità tal-imsemmija drittijiet f’sitwazzjonijiet speċifiċi.

14

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital jistgħu jkunu limitati permezz ta’ miżuri nazzjonali li jkunu ġġustifikati abbażi tal-Artikoli 46 KE u 58 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, iżda dan biss sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi l-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-interessi fundamentali tal-Istat.

15

F’dak li jirrigwarda l-oqsma rregolati, bħal dawk tal-enerġija, tal-gass naturali u tat-telekomunikazzjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għan tal-protezzjoni tal-interessi fundamentali tal-Istat jista’ jintlaħaq billi jiġu adottati miżuri inqas restrittiv bħal dawk ipprovduti mil-leġiżlatur Ewropew. Il-Kummissjoni tiċċita b’mod partikolari d-Direttivi 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211), 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), kif ukoll 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349). Il-Kummissjoni tenfasizza li dawn id-direttivi jipprovdu għall-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex tiġi protetta l-provvista nazzjonali minima fl-oqsma kkonċernati. Din l-istituzzjoni ssostni li r-Republika Taljana ma tindikax għaliex il-protezzjoni tal-provvista nazzjonali minima fis-setturi ekonomiċi hekk irregolati ma tistax tiġi assigurata abbażi tal-imsemmija direttivi.

16

F’dak li jirrigwarda l-oqsma mhux irregolati, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana ma pproponiet l-ebda ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tal-kriterji inkwistjoni.

17

Barra minn dan, hija tosserva li ma teżisti l-ebda rabta kawżali bejn, minn naħa, in-neċessità li tiġi ggarantita l-provvista enerġetika u kif ukoll li jiġu pprovduti servizzi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-azzjonisti u tal-amministrazzjoni ta’ impriża.

18

Skont il-Kummissjoni, id-digriet tal-2004 għadaqstant jikkostitwixxi att leġiżlattiv li jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ħarsien tal-interessi pubbliċi li huwa jikkontempla.

19

Ir-Repubblika Taljana tosserva, l-ewwel nett, li parti kbira mill-analiżi tal-Kummissjoni hija ddedikata għall-allegata illegalità tas-sistema tad-drittijiet speċjali stabbilita mid-digriet legali Nru 332/1994. Għandu jingħad li n-nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu kkontemplat kemm mir-rikors kif ukoll mill-opinjoni motivata jirrigwarda biss id-digriet tal-2004 u mhux id-digriet legali Nru 332/1994. Konsegwentement, l-allegata illegalità tas-sistema ta’ drittijiet speċjali, li tirriżulta minn dan id-digriet legali, mhijiex koperta mir-rikors preżenti.

20

Dan l-Istat Membru jsostni li minn dan jirriżulta li parti sostanzjali mill-ilmenti li l-Kummissjoni avvanzat fir-rikors tagħha ma tistax tintlaqa. Dan jgħodd ukoll għall-ilmenti li jirrigwardaw il-limiti li r-Repubblika Taljana imponiet fuq ix-xiri ta’ ishma fil-kumpanniji kkonċernati, ilmenti li jikkonċernaw il-proprjetà tal-ishma, jiġifieri l-istruttura ta’ dawn il-kumpanniji. Fil-fatt, prinċipalment, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Taljana talli stabbilixxiet miżuri ta’ kontroll fir-rigward tal-imsemmija struttura, u mhux miżuri li jistgħu jippermettu li jiġu kkontrollati deċiżjonijiet amministrattivi speċifiċi. Issa, għandu jingħad li dawn l-ilmenti jirrigwardaw id-digriet legali Nru 332/1994 u mhux id-digriet tal-2004.

21

Gaħldaqstant, ir-Repubblika Taljana titlob li l-ilmenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet relatati mad-drittijiet speċjali jiġu miċħuda u dan peress li, fil-verita, din il-parti tar-rikors tirrigwarda d-digriet legali Nru 332/1994.

22

It-tieni nett, ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni inkwantu din tibbaża parti sostanzjali mill-ilmenti fuq allegat ksur tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, filwaqt li tgħid ukoll li dawn l-ilmenti jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq ksur tal-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Dan l-Istat Membru jsostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995), jirriżulta li jekk kwistjoni tista’ tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-libertà ta’ stabbiliment, dan jeskludi li din taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital. Għandu jingħad li, peress li l-miżuri kkontestati jikkonċernaw atti intiżi li jeżerċitaw influwenza determinanti fuq l-amministrazzjoni tal-kumpanniji kkonċernati, l-Artikoli 43 KE, 45 KE u 46 KE huma rilevanti. Dan l-aspett huwa importanti peress li dawn l-artikoli jipprovdu dispożizzjonijiet li huma inqas restrittivi minn dawk tal-Artikoli 56 KE u 58 KE.

23

It-tielet nett, Ir-Repubblika Taljana tikkontesta l-fondatezza tal-ilment li jirrigwarda n-natura diskrezzjonali li d-dispożizzjonijiet tad-digriet tal-2004 jagħtu lid-drittijiet speċjali mogħtija lill-amministrazzjoni nazzjonali.

24

Ir-raba’ nett, dan l-Istat Membru jirrifjuta l-argument tal-Kummissjoni dwar id-direttivi applikabbli fis-setturi rregolati. Fil-fatt, dawn id-direttivi huma rilevanti biss li kieku r-rikors jirrigwarda d-digriet legali Nru 332/1994, li jipprovdi miżuri strutturali. Id-digriet tal-2004, min-naħa tiegħu, ma introduċa l-ebda miżura ta’ dan it-tip iżda llimita ruħu li jispeċifika l-każijiet u l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri pprovduti mill-imsemmi digriet legali. Ir-Repubblika Taljana ssostni li, f’kull każ, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw, f’dawn is-setturi essenzjali, miżuri li jistabbilixxu drittijiet ta’ intervent li jmorru saħansitra lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi.

25

Ir-Repubblika Taljana ssostni wkoll li għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija iktar adegwata mil-leġiżlazzjoni Komunitarja sabiex tirregola sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju għall-interessi vitali tal-Istat, sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu eżaminati fi żmien utli u b’mod korrett biss minn dan tal-aħħar.

26

Fis-setturi l-oħra tas-servizz pubbliku li għad ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni, bħas-settur tad-difiża nazzjonali, Stat Membru għandu d-dritt li jadotta miżuri sabiex jilqa’ għal sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju serju għall-interess ġenerali.

27

Skont ir-Repubblika Taljana, l-uniku argument tar-rikors li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-allegat nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-każijiet konkreti fejn ikun possibli li l-Istat juża d-dispożizzjonijiet tad-digriet legali Nru 332/1994. Madankollu, dan l-Istat Membru jsostni li ċ-ċirkustanzi speċifiċi jistgħu jiġu identifikati u evalwati biss meta investitur jippreżenta ruħu. Għaldaqstant, huwa jsostni li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali ma jistgħux jiġu ddeterminati b’iktar preċiżjoni milli kif dawn ġew iddeterminati fid-digriet tal-2004.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq is-suġġett tar-rikors

28

Skont ir-Repubblika Taljana, permezz ta’ parti sostanzjali mill-argumenti tagħha l-Kummissjoni, fil-verità, ma tikkontestax il-kriterji pprovduti fid-digriet tal-2004 iżda d-drittijiet speċjali stabbiliti mid-digriet legali Nru 332/1994, u titlob sabiex jiġi deċiż li dawn id-drittijiet mhumiex konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għaldaqstant dawn l-argumenti jestendu s-suġġett tal-kawża u huma, minħabba f’dan, inammissibbli.

29

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li s-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu huwa limitat mill-opinjoni motivata u mir-rikors (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-350/02, Ġabra p. I-6213, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li, f’din il-kawża, dawn iż-żewġ atti jsemmu biss il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma estendietx is-suġġett tal-kawża u għaldaqstant ir-rikors huwa ammissibbli.

30

Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tiżviluppa xi argumenti fir-rigward tad-drittijiet speċjali stabbiliti mid-digriet legali Nru 332/1994, madankollu hija ma tikkonfuthomx u tikkontesta biss il-kriterji li ppermettew li dawn jiġu implementati.

31

Peress li l-allegat nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu jikkonċerna biss il-kriterji definiti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004, għandha tingħata deċiżjoni biss fuq jekk din id-dispożizzjoni hijiex konformi mad-Dritt Komunitarju.

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE

32

Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu li hija tallega għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-Artikolu 43 KE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment, u fid-dawl tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital.

33

Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra minn dawn il-libertajiet, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-liġi inkwistjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, Ġabra p. I-4051, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għandu jingħad li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż-żamma, minn ċittadin ta’ Stat Membru, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22 u tat-, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I-8995, punt 13).

35

Huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari l-investimenti diretti, jiġifieri l-investimenti ta’ kwalsiasi tip imwettqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet li jtulu fiż-żmien u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-kumpannija li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Dan l-għan jippreżupponi li l-ishma li azzjonist ikollu f’kumpannija jippermettulu li jieħu sehem effettivament fl-amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal dawk l-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mill-kobor tas-sehem li azzjonist ikollu f’kumpannija tista’ taqa kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Holböck, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 24). Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika Taljana, is-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi konkluż li, f’każ bħal dan, huwa biss l-Artikolu 43 KE li huwa rilevanti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 32 tagħha, din id-deċiżjoni tikkonċerna biss sitwazzjoni fejn kumpannija jkollha ishma li jagħtuha l-kontroll ta’ kumpanniji oħra (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-207/07, punt 36).

37

F’dan il-każ, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-kriterji jiġux applikati jew għad-drittijiet ta’ oppożizzjoni li l-Istat għandu fil-konfront tax-xiri ta’ ishma u tal-konklużjoni ta’ pattijiet bejn l-azzjonisti li jirrappreżentaw ċertu perċentwali tad-drittijiet tal-vot, jew inkella għad-dritt ta’ veto fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-kumpannija.

38

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, id-drittijiet ta’ oppożizzjoni, ipprovduti fl-Artikolu 2(1) (a) u (b) tad-digriet legali Nru 332/1994, mill-proċess jirriżulta li l-perċentwali ta’ mill-inqas 5% tad-drittijiet tal-vot jew, skont il-każ, il-perċentwali inferjuri stabbilita mill-ministru kompetenti għandha tkun tippermetti lill-persuni interessati li jieħdu sehem b’mod effettiv fl-amministrazzjoni tal-kumpannija kkonċernata, u dan jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE. Madankollu, bl-ebda mod mhuwa eskluż li, fil-każ ta’ kumpanniji fejn l-ishma huma ġeneralment imferrxa, dawk li jkollhom ishma li jikkorrispondu għal dawn il-perċentwali jkollhom is-setgħa li jinfluwenzaw b’mod ċert l-amministrazzjoni ta’ tali kumpannija u jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, u dan, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 KE. Barra minn dan, peress li d-digriet legali Nru 332/1994 jistabbilixxi perċentwali minima, din il-leġiżlazzjoni tista’ tapplika wkoll fir-rigward ta’ ishma li jaqbżu din il-perċentwali u li jagħtu setgħa ta’ kontroll manifesta. Għalhekk, il-kriterji relatati mal-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet ta’ oppożizzjoni għandhom jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ta-Trattat.

39

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ veto pprovdut fl-Artikolu 2(1)(c) tad-digriet legali Nru 332/1994, għandu jiġi kkonstatat li dan id-dritt jirrigwarda deċiżjonijiet li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-kumpannija u, għaldaqstant, jikkonċerna biss lil dawk l-azzjonisti li jistgħu jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-kumpanniji kkonċernati, b’tali mod li l-kriterji relatati mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 43 KE. Mill-bqija, anki jekk jiġi meqjus li dawn il-kriterji joħolqu effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, dawn l-effetti huma l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami awtonomu fid-dawl tal-Artikolu 56 KE (ara s-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Konsegwentement, l-eżami tal-kriterji relatati mal-eżerċizzju tad-dritt tal-veto għandu jsir unikament fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

Fuq il-kriterji pprovduti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004 inkwantu dawn jirrigwardaw l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni

— Fuq in-nuqqas ta’ twettieq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 56 KE

40

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kriterji eżaminati hawnhekk jiddeterminaw iċ-ċirkustanzi li fihom jistħgu jiġu implementati d-drittijiet tal-Istat li jopponi ruħu għax-xiri ta’ ċerti ishma jew għall-konklużjoni ta’ ċerti pattijiet bejn l-azzjonisti fil-kumpanniji kkonċernati. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-użu ta’ tali drittijiet jista’ jkun imur kontra l-moviment liberu tal-kapital kif iggarantit mill-Artikolu 56 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-98/01, Ġabra p. I-4641, punt 50, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58). Il-kwistjoni li fuqha hemm nuqqas ta’ qbil f’din il-kawża hija dik ta’ jekk l-imsemmija kriterji jistabbilixxux kundizzjonijiet li jippermettu li l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet ikun iġġustifikat.

41

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat permezz ta’ miżuri nazzjonali ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm ma teżistix miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi l-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitati iktar ’il fuq, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fin-nuqqas ta’ din l-armonizzazzjoni Komunitarja, huma bħala prinċipju l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni ta’ tali interessi leġittimi u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Madankollu, huma jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti stabbiliti fit-Trattat u, b’mod partikolari, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-miżuri adottati jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-għan tagħhom jintlaħaq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitati iktar ’il fuq, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn dan, anki f’dawk l-oqsma li kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni, il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa applikabbli fil-każ fejn il-leġiżlatur Komunitarju jkun ħalla marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri.

44

F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni ma jaqblux fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-kriterji applikabbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni fir-rigward tax-xiri ta’ ishma jew tal-konklużjoni ta’ pattijiet bejn l-azzjonisti li jirrappreżentaw minn tal-inqas 5% tad-drittijiet tal-vot, jew saħansitra perċentwali iżgħar f’ċerti każijiet, humiex tali li dan l-eżerċizzju huwa proporzjonali mal-għanijiet imfittxa u, għaldaqstant, kompatibbli mal-libertà ggarantita mill-Artikolu 56 KE.

45

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-kriterji kkontestati jirrigwardaw interessi ġenerali li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-provvista minima ta’ riżorsi enerġetiċi u ta’ beni essenzjali għall-kollettività, il-kontinwità tas-servizz pubbliku, is-sigurtà tal-installazzjonijiet użati fil-kuntest tas-servizzi pubbliċi essenzjali, id-difiża nazzjonali, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika kif ukoll l-urġenzi sanitarji. It-tfittxija ta’ interessi bħal dawn tista’, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tiġġustifika ċerti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-274/06, punt 38).

46

Madankollu, kif ġie mfakkar fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, l-ewwel nett, li l-miżuri adottati jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa.

47

Għandu jingħad li l-applikazzjoni tal-kriterji kkontestati inkwantu dawn huma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni mhijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa f’din il-kawża, u dan minħabba nuqqas ta’ rabta bejn l-imsemmija kriterji u dawn id-drittijiet.

48

Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi xiri ta’ sehem li jkun ta’ iktar minn 10% tal-kapital ta’ kumpannija li topera fis-settur tal-enerġija jew kull xiri ieħor li jagħti influwenza sinjifikattiva fuq kumpannija simili ma jistax, bħala prinċipju, jiġi kkunsidrat, fih innifsu, bħala theddida reali u suffiċjentement gravi għas-sigurtà tal-provvista (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 51).

49

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Taljana ma ressqet l-ebda prova u saħansitra l-ebda indizju li juru li l-applikazzjoni tal-kriterji kkontestati għall-implementazzjoni tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet imfittxa. Waqt it-trattazzjoni, dan l-Istat Membru ċċita xi eżempji. Huwa semma l-eventwalità li operatur barrani li jkun konness ma’ organizzazzjoni terroristika jipprova jixtri numru sinjifikattiv ta’ ishma f’kumpannija nazzjonali f’qasam strateġiku. Huwa semma wkoll il-possibbiltà li kumpannija barranija li tikkontrolla netwerk internazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ enerġija u li, fil-passat, użat din il-pożizzjoni sabiex toħloq diffikultajiet gravi ta’ provvista fil-konfront ta’ pajjiżi konfinanti tipprova tixtri ishma f’kumpannija nazzjonali. Skont dan l-Istat Membru l-eżistenza ta’ preċedenti ta’ dan it-tip tista’ tiġġustifika oppożizzjoni għax-xiri, min-naħa ta’ investituri bħal dawn, ta’ ishma sinjifikattiv fil-kumpanniji nazzjonali kkonċernati.

50

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali kunsiderazzjonijiet mhumiex inklużi fid-digriet tal-2004, li ma jsemmi l-ebda ċirkustanza speċifika u oġġettiva.

51

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li drittijiet ta’ intervent ta’ Stat Membru, bħad-drittijiet ta’ oppożizzjoni fejn il-kriterji inkwistjoni jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju, li ma jkunu suġġetti għall-ebda kundizzjoni ħlief għal referenza għall-protezzjoni tal-interessi nazzjonali li tkun miktuba f’termini ġenerali u mingħajr ma tispeċifika ċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati, jikkostitwixxu dannu gravi għal-libertà ta’ moviment tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, Ġabra p. I-4781, punti 50 u 51).

52

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu applikati għall-kawża preżenti. Fil-fatt, għalkemm il-kriterji inkwistjoni jikkonċernaw tipi differenti ta’ interessi ġenerali, dawn huma miktuba f’termini ġenerali u impreċiżi. Barra minn dan, in-nuqqas ta’ rabta bejn dawn il-kriterji u d-drittijiet speċjali li huma relatati magħhom isaħħaħ l-inċertezza fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati u jagħti karattru diskriminatorju lill-imsemmija drittijiet fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom sabiex jimplementawhom. Marġni ta’ diskrezzjoni bħal dan huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-għanijiet imfittxa.

53

Barra minn dan, is-sempliċi fatt li l-Artikolu 1(1) tad-digriet tal-2004 jipprovdi li d-drittijiet speċjali jistgħu jiġu eżerċitati biss b’mod konformi mad-Dritt Komunitarju, mhuwiex ta’ natura tali li jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawn il-kriterji kompatibbli ma dan id-dritt. Fil-fatt, il-karattru ġenerali u astratt tal-kriterji mhuwiex ta’ natura tali li jiggarantixxi li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali għandu jsir b’mod konformi mal-eżiġenzi tad-Dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/00, Ġabra p. I-4581, punti 63 u 64).

54

Fl-aħħar nett, għalkemm iċ-ċirkustanza li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali jista’ jiġi mistħarreġ mill-qrati nazzjonali, skont l-Artikolu 2(1) (a) sa (c) tad-digriet legali Nru 332/1994, hija neċessarja sabiex ikun hemm protezzjoni tal-persuni fid-dawl tal-applikazzjoni tar-regoli fuq il-moviment liberu tal-kapital, madankollu, din mhijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tagħmel tajjeb għall-fatt li l-kriterji ta’ applikazzjoni tad-drittijiet speċjali huma inkompatibbli ma dawn ir-regoli.

55

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 KE, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għad-drittijiet speċjali pprovduti fl-Artikolu 2(1) (a) u (b) tad-digriet legali Nru 332/1994.

— Fuq in-nuqqas ta’ twettieq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE

56

Inkwantu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni jikkonċerna wkoll ishma li jagħtu lill-proprjetarju tagħhom is-setgħa li jinfluwenza b’mod ċert l-amministrazzjoni tal-kumpanniji kkonċernati u kif ukoll li jiddetermina l-attivitajiet tagħha u, għaldaqstant, jista’ jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment, għandu jiġi kkunsidrat, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti iktar ’il fuq fil-kuntest tal-evalwazzjoni dwar jekk il-kriterji pprovduti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004 humiex kompatibbli mal-Artikolu 56 KE, li dawn il-kriterji jagħtu lill-awtoritajiet Taljani marġni ta’ diskrezzjoni sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ oppożizzjoni.

57

Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 43 KE, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għad-drittijiet speċjali pprovduti fl-Artikolu 2(1) (a) u (b) tad-digriet legali Nru 332/1994.

Fuq il-kriterji pprovduti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004 inkwantu dawn huma relatati mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ veto

58

Kif espost fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-kriterji pprovduti fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004 għad-dritt tal-veto fil-konfront ta’ ċerti deċiżjonijiet għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

59

Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kriterji, inkwantu dawn japplikaw għad-dritt ta’ veto, huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa u, għaldaqstant, imorru kontra l-Artikolu 43 KE. Ir-Repubblika Taljana tikkontesta din l-analiżi.

60

Għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji kkonċernati, id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xoljiment tal-kumpannija, it-trasferiment tal-impriża, il-fużjoni, il-qsim, it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija f’pajjiż barrani, il-bdil tal-iskop tal-kumpannija u li jemendaw l-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija b’tali mod li jħassru jew jemendaw id-drittijiet speċjali, jikkonċernaw aspetti importanti tal-amministrazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji.

61

Huwa possibbli li deċiżjonijiet bħal dawn, li jistgħu jirrigwardaw saħansitra l-istess eżistenza ta’ dawn il-kumpanniji, jaffettwaw b’mod partikolari l-kontinwità tas-servizz pubbliku jew iż-żamma tal-provvista nazzjonali minima ta’ beni essenzjali għall-kollettività, li jikkostitwixxu interessi ġenerali msemmija fid-digriet tal-2004.

62

Għalhekk teżisti rabta bejn id-dritt speċjali ta’ veto u l-kriterji stabbiliti fid-digriet tal-2004.

63

Madankollu, iċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jiġi eżerċitat dan id-dritt mhumiex indikati b’mod speċifiku.

64

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ dritt ta’ oppożizzjoni għal ċerti deċiżjonijiet ta’ ċessjoni jew l-għoti bħala garanzija tal-assi ta’ kumpannija li topera fil-qasam petroliferu, li peress li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma kien suġġett għall-ebda kundizzjoni li tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-ministru fir-rigward tal-kontroll tal-identità tal-proprjetarji tal-assi ta’ dawn il-kumpanniji, is-sistema inkwistjoni kienet tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ dannu għall-provvista minima ta’ prodotti petroliferi fil-każ ta’ theddida effettiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tesponi li, fin-nuqqas ta’ kriterji oġġettivi u preċiżi fl-istruttura tal-imsemmija sistema, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-għan imfittex (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar il-fuq, punti 52 u 53).

65

Għandu jiġi vverifikat jekk kunsiderazzjonijiet simili jistgħux jiġu applikati fil-każ preżenti.

66

Id-digriet tal-2004 ma jinkludix indikazzjonijiet speċifiċi fuq iċ-ċirkustanzi li fihom jistgħu jiġu applikati l-kriterji ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ veto pprovdut fl-Artikolu 2(1)(c) tad-digriet legali Nru 332/1994. Minkejja li dan id-dritt jista’ jiġi eżerċitat biss f’sitwazzjonijiet ta’ riskju gravi u reali jew ta’ urġenza sanitarja, skont l-Artikolu 1(2) tal-imsemmi digriet, u fl-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan l-istess digriet, jiġifieri, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ saħħa pubblika u ta’ difiża, madankollu, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti li jippermettu li d-dritt inkwistjoni jiġi eżerċitat, l-investituri xorta waħda ma jafux meta dan id-dritt ta’ veto jista’ jiġi applikat. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li s-sitwazzjonijiet li jippermettu li jiġi eżerċitat id-dritt ta’ veto huma potenzjalment numerużi, mhumiex determinati u ma jistgħux jiġu determinati, u li dawn jagħtu setgħa kbira ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet Taljani.

67

Madankollu, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà huwa applikabbli għall-oqsma strateġiċi kkonċernati u li l-Istati Membri għandhom iżommu setgħa kbira ta’ diskrezzjoni, peress li huma huma li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jitrattaw sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jaffettwaw interessi vitali tal-Istat. Id-direttivi adottati fl-oqsma rregolati, bħal dak tal-enerġija, jipprovdu biss regoli minimi relatati mal-osservanza tal-eżiġenzi tas-servizz pubbliku.

68

F’dan ir-rigward, kif ġie osservat fil-punt 43 ta’ din is-sentena, għalkemm dawn id-direttivi jagħtu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’mod partikolari sabiex jadottaw miżuri fil-każ ta’ urġenza, madankolu, id-dispożizzjonijiet li huma jadottaw għandhom ikunu fl-osservanza tal-limiti indikati mit-Trattat, u, b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

69

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ korpi li joperaw fis-setturi taż-żejt, tat-telekomunikazzjoni u tal-elettriċità, li l-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista ta’ tali prodotti jew il-provvista ta’ tali servizzi fil-każ ta’ kriżi fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika u, għaldaqstant, jista’ jiġġustifika restrizzjoni ta’ libertà fundamentali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

70

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu essenzjalment ħielsa li jistabbilixxu, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, bħala raġunijiet sabiex jidderogaw minn libertà fundamentali, dawn l-eżiġenzi għandhom jiġu interpretati b’mod strett b’tali mod li l-portata tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment u mingħajr stħarriġ min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika jistgħu jiġu invokati biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-355/98, Ġabra p. I-1221, punt 28; tal-, Église de scientologie, C-54/99, Ġabra p. I-1335, punt 17, u tas-, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

71

Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat din l-analiżi għal sistema ta’ oppożizzjoni li kienet fis-seħħ fil-Belġju fil-qasam tal-enerġija, sistema li kienet tikkonċerna ċerti deċiżjonijiet dwar l-assi strateġiċi tal-kumpanniji nazzjonali, b’mod partikolari n-netwerks tal-enerġija, kif ukoll deċiżjonijiet speċifiċi ta’ amministrazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji, fejn l-Istat seta’ jintervjeni biss fil-każ li jiġu affettwati l-għanijiet tal-politika enerġetika. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din is-sistema kienet imsejsa fuq kriterji oġġettivi u li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-qrati u li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat li setgħu jiġu adottati miżuri oħra anqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-503/99, Ġabra p. I-4809, punti 50 sa 53).

72

Madankollu, fil-kawża preżenti, hekk kif ġie espost fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, id-digriet tal-2004 ma jinkludix indikazzjonijiet speċifiċi fuq iċ-ċirkustanzi konkreti li fihom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt tal-veto u li għaldaqstant il-kriterji li huwa jipprovdi mhumiex imsejsa fuq kundizzjonijiet oġġettivi u li jistgħu jiġu mistħarrġa.

73

Hekk kif ġie mfakkar fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjoni li tipprovdi li d-dritt tal-veto jista’ jiġi eżerċitat biss b’mod konformi mad-Dritt Komunitarju u ċ-ċirkustanza li l-eżerċizzju tiegħu jkun suġġett għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, mhumiex ta’ natura tali li jagħmlu d-digriet tal-2004 kompatibbli mad-Dritt Komunitarju.

74

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi adottat id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(2) tad-digriet tal-2004, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 43 KE, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għad-dritt speċjali pprovduti fl-Artikolu 2(1)(c) tad-digriet legali Nru 332/1994.

Fuq l-ispejjeż

75

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adotta d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(2) tad-tad-Digriet tal-10 ta’ Ġunju 2004 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri li jistabbilixxi l-kriterji għall-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru 332 tal-, adottat wara li ġie emendat bil-Liġi Nru 474 tat- (decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri, definizione dei criteri di esercizio dei poteri speciali, di cui all’art. 2 del decreto-legge , n. 332, convertito, con modificazioni, dalla legge , n. 474), ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont:

l-Artikoli 43 KE u 56 KE, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għad-drittijiet speċjali pprovduti fl-Artikolu 2(1) (a) u (b) ta’ dan id-digriet legali, kif emendat bil-Liġi Nru 350, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-formazzjoni tal-baġit annwali u multiannwali tal-Istat (Liġi Finanzjarja 2004) [legge n. 350, disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge finanziaria 2004)], tal-24 ta’ Diċembru 2003, u

l-Artikolu 43 KE, inkwantu dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għad-dritt speċjali pprovduti fl-imsemmi Artikolu 2(1)(c).

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.