SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta' Diċembru 2005 (*)

"Awtorità għas-Saħħa – Għalf kompost – Indikazzjoni tal-persentaġġ eżatt tal-kompożizzjoni ta' prodott – Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità"

Fil-kawżi magħquda C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit) (C‑453/03), mill-Consiglio di Stato (l-Italja) (C‑11/04 u C‑12/04) u mill-Rechtbank 's-Gravenhage (l-Olanda) (C‑194/04), permezz ta' deċiżjonijiet tat-23 ta' Ottubru 2003, 11 ta' Novembru 2003 u 22 ta' April 2004, li waslu rispettivament fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta' Ottubru 2003, 15 ta' Jannar u 26 ta' April 2004, fil-kawżi

The Queen, fuq talba ta':

ABNA Ltd (C‑453/03),

Denis Brinicombe,

BOCM Pauls Ltd,

Devenish Nutrition Ltd,

Nutrition Services (International) Ltd,

Primary Diets Ltd

vs

Secretary of State for Health,

Food Standards Agency,


Fratelli Martini & C. SpA (C‑11/04),

Cargill Srl

vs

Ministero delle Politiche Agricole e Forestali,

Ministero della Salute,

Ministero delle Attività Produttive,


Ferrari Mangimi Srl (C‑12/04),

Associazione nazionale tra i produttori di alimenti zootecnici (Assalzoo)

vs

Ministero delle Politiche Agricole e Forestali,

Ministero della Salute,

Ministero delle Attività Produttive,

u

Nederlandse Vereniging Diervoederindustrie (Nevedi) (C‑194/04)

vs

Productschap Diervoeder,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas (Relatur), Presidenti ta' Awla, N. Colneric, S. von Bahr, J.N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali, u K. Sztranc, Amministratur,

Wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta' Novembru 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal ABNA Ltd, minn D. Anderson, QC, u E. Whiteford, solicitor,

–       għal Fratelli Martini & C. SpA, minn F. Capelli, avvocato, u B. Klaus, Rechtsanwältin,

–       għal Ferrari Mangimi Srl, minn E. Cappelli, P. De Caterini u A. Bandini, avvocati,

–       għal Nederlandse Vereniging Diervoederindustrie (Nevedi), minn H. Ferment, advocaat,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell (C‑453/03), bħala aġent, assistit minn C. Lewis (C‑453/03), barrister,

–       għall-Gvern Taljan minn I. M. Braguglia u M. Fiorilli (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), bħala aġenti, kif ukoll minn G. Albenzio (C‑194/04), avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Olandiż, S. Terstal (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), H. G. Sevenster (C‑453/03 u C‑194/04) u J. G. M. van Bakel (C‑453/03 u C‑194/04), bħala aġenti,

–       għall-Gvern Daniż, minn J. Molde (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), bħala aġent,

–       għall-Gvern Grieg, minn K. Marinou (C‑453/03) u S. Charitaki (C‑11/04 u C‑12/04) kif ukoll minn G. Kanellopoulos u V. Kontolaimos (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez (C‑453/03, C‑11/04 u C‑12/04) u J. M. Rodríguez Cárcamo (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues (C‑453/03) u R. Loosli-Surrans (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), bħala aġenti,

–       għall-Parlament Ewropew, minn E. Waldherr (C‑453/03) kif ukoll minn M. Moore, G. Ricci (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04) u A. Baas (C‑194/04), bħala aġenti,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn T. Middleton u F. Ruggeri Laderchi (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04) kif ukoll minn A.‑M. Colaert (C‑194/04), bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Doherty u P. Jacob (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04) kif ukoll minn C. Cattabriga (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04), bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-7 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw essenzjalment il-validità tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/2/KE tat-28 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' l-għalf komposti u li tħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/357/KEE (ĠU L 63, p. 23) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tagħha.

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' eżami ta' rikorsi mressqa minn manifatturi ta' għalf kompost jew minn rappreżentanti ta' din l-industrija u li fihom kienu talbu l-annullament jew is-sospensjoni tal-leġiżlazzjoni adottata fid-dawl tat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2002/2.

 Il-kuntest leġiżlattiv

3       Id-Direttiva 2002/2 hija bbażata fuq l-Artikolu 152(4)(b)KE li jipprovdi:

"Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta' l-objettivi msemmija f'dan l-Artikolu, billi jadotta:

[…]

b)      b'deroga mill-Artikolu 37, miżuri fl-oqsma veterinarji u fito-sanitarji, li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika".

4       Huwa xieraq li jiġu riprodotti l-premessi segwenti tad-Direttiva 2002/2:

"(2)      F'dak li jirrigwardja l-ittikkettjar, l-iskop tad-Direttiva 79/373KEE huwa sabiex tassigura li bdiewa li jkabbru l-bhejjem ikunu infurmati oġġettivament u eżatt kemm jista' jkun rigward il-kompożizzjoni u l-użu ta' l-għalf.

(3)      S'issa, id-Direttiva 79/373/KEE ipprovdiet għal dikjarazzjoni flessibbli llimitata għall-indikazzjoni tal-materjali ta' l-għalf mingħajr ma tiddikjara l-kwantità tagħhom fl-għalf għall-annimali tal-produzzjoni, waqt li żżomm il-possibbiltà li tiddikjara l-kategoriji ta' materjali ta' l-għalf minnflok ma tiddikjara l-materjali ta' l-għalf infushom.

(4)      B'dana kollu, il-kriżi tal-enċifalopatija sponġiformi ta' l-annimali tal-fart [tal-bovini] u l-kriżi tad-dijossina reċenti wrew li l-inadekwatezza tad-dispożizzjonijiet attwali u l-bżonn għal aktar informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar il-kompożizzjoni ta' l-għalf kompost għall-annimali tal-produzzjoni.

(5)      L-informazzjoni dettaljata kwantitattiva tista' tgħin sabiex tassigura li materjali ta' l-ikel potenzjalment ikkontaminati tista' tkun intraċċata [jistgħu ikunu intraċċati] għall-gruppi speċifiċi, li jistgħu jkunu benfiċjali għas-saħħa pubblika u sabiex tevita d-distruzzjoni ta' prodotti li ma jippreżentawx riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika.

(6)      Għalhekk huwa xieraq, f'dan l-istadju, li timponi dikjarazzjoni obbligatorja għall-materjali kollha ta' l-għalf kif ukoll l-ammont tagħhom fl-għalf komposti għall-annimali tal-produzzjoni.

(7)      Għal raġunijiet prattiċi, huwa xieraq li d-dikjarazzjonijiet tal-materjali ta' l-għalf inkluż fl-għalf kompost għall-annimali tal-produzzjoni ikunu pprovduti fuq tikketta ad hoc jew b'dokument li jakkumpanja.

(8)      Id-dikjarazjoni tal-materjali ta' l-għalf fil-għalf, f'ċerti każi tikkonstitwixxi, sors importanti ta' informazzjoni għall-bdiewa tat-trobbija tal-bhejjem. Huwa għalhekk xieraq li l-persuna responsabbli għat-tikkettjar li tforni, mat-talba tal-konsumatur, lista dettaljata tal-materjali ta' l-għalf użat u l-persentaġġi eżatti bil-piż.

[…]

(10)      Fuq il-bażi ta' studju flessibbli [studju ta' possibbiltà], il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 1992, akkumpanjat bi proposta xierqa għall-istabbiliment ta' lista pożittiva, li tieħu akkont tal-konklużjonijiet tar-rapport.

[…]

(12)      La darba ma jkunx aktar possibbli fil-futur li tkun iddikjarata l-kategoriji tal-materjali ta' l-għalf minnflok id-dikjarazzjoni tal-materjali ta' l-għalf infushom fil-każ ta' l-għalf kompost għall-annimali tal-produzzjoni, id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/357/KEE tat-13 ta' Ġunju 1991 li tistabbilixxi l-kategoriji tal-materjali ta' l-għalf li jistgħu jkunu użati għall-iskopijiet tat-ittikkettjar ta' l-għalf kompost għall-annimali oħra apparti milli għall-annimali domestiċi […]"

5       L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2002/2 li jemenda l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE tat-2 ta' April 1979, dwar il-marketing ta' għalf kompost (ĠU L 86, p. 30). Dan jipprovdi:

"1)L-Artikolu 5(1) huwa hawnhekk emendat kif ġej:

[…]

b)il-punt segwenti għandu jkun miżjud:

"1)      Fil-każ ta' għalf kompost apparti minn dawk intenzjonati għall-annimali domestiċi, l-indikazzjoni 'il-persentaġġi eżatti bil-piż ta' materjali ta' l-għalf użat f'dan il-għalf jista' jkun miksub minn:….' (l-isem jew l-isem tan-negozju, l-indirizz jew uffiċju rreġistrat, in-numru tat-telefon u l-indirizz "e-mail" tal-persuna responsabbli għad-dettalji li hemm referenza dwarhom f'dan il-paragrafu). Din l-informazzjoni għandha tkun ipprovduta mat-talba tal-konsumatur".

6       L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2 jinkludi ċertu numru ta' dispożizzjonijiet li jissostitwixxu l-Artikolu 5 c tad-Direttiva 79/373. Dan jipprovdi:

"4)      L-Artikolu 5c għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

[…]

1.      Il-materjali ta' l-għalf kollha wżati fl-għalf kompost għandhom ikunu elenkati permezz ta' l-ismijiet speċifiċi tagħhom.

2.      Il-lista tal-materjali ta' l-ikel għall-għalf għandhom ikkunu soġġetti għar-regoli segwenti:

a)      għalf kompost maħsub għall-annimali apparti milli għall-annimali domestiċi:

i)      il-lista tal-materjali ta' l-għalf għall-għalf b'indikazzjoni, f'ordni dixxendenti, tal-persentaġġi bil-piż preżenti fl-għalf kompost;

ii)      f'dak li jirrigwarda il-persentaġġi hawn fuq imsemmija, tolleranza ta' ± 15% tal-valur iddikjarat għandha tkun permissibbli.

[…]"

7       L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/2 jipprovdi li, is-subparagrafu għandu jkun miżjud ma' l-Artikolu 12 tad-Direttiva 79/373. Skond dan, l-Istati Membri "[g]ħandhom jistipulaw li l-manifatturi ta' l-għalf komposti huma obbligati li jagħmlu disponibbli lejn l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali, fuq talba, kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-kompożizzjoni ta' l-għalf intenzjonat sabiex jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni li tippermetti l-eżattezza ta' l-informazzjoni mogħtija mit-tikketta li tkun ivverifikata".

8       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/2 jipprovdi:

"Id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/357/KEE għandha tkun imħassra mis-6 ta' Novembru 2003."

9       L-istadji ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/2, relevanti għall-kawżi preżenti jistgħu jiġu deskritti kif ġej.

10     Fis-7 ta' Jannar 2000 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 79/373 [dokument COM(1999) 744 finali].

11     In-nota spjegattiva ta' din il-proposta tfakkar li, wara l-kriżi marbuta ma' l-enċifalopatija sponġiformi ta' l-annimali tal-fart [tal-bovini] (iktar 'il quddiem il-ESB) il-Parlament Ewropew xtaq li jimponi fuq il-manifatturi ta' l-għalf kompost li jagħmlu dikjarazzjoni fuq il-kwantitajiet ta' ingredjenti differenti li huma parti mill-kompożizzjoni ta' l-għalf. Matul id-diskussjonijiet li segwew, bdiet issir referenza għal din id-dikjarazzjoni permezz ta' l-espressjoni "dikjarazzjoni miftuħa".

12     Din in-nota spjegattiva tindika b'mod partikolari:

"Il-Kummissjoni tifhem il-vantaġġi ta' "dikjarazzjoni miftuħa" fid-dispożizzjonijiet fil-qasam ta' ittikkettjar ta' l-għalf kompost għall-annimali tal-produzzjoni sabiex tiffaċilita t-traċċabilità tal-materja prima.

Il-kontaminazzjoni reċenti ta' żjut u ta' addittivi mid-dioxini rispettivament fil-Belġju u l-Ġermanja, issaħħaħ l-importanza ta' informazzjoni dettaljata fuq l-ittikkettjar ta' l-għalf kompost. Fil-fatt, il-livell ta' kontaminazzjoni ta' għalf kompost jiddependi mill-kwantità ta' materja prima kontaminat li tinsab fl-għalf u b'hekk huwa estremament importanti li informazzjoni eżawrjenti il-materja primakollha li tinsab fl-għalf kompost dwar il-kwantitajiet differenti tagħhom jiġu forniti."

13     B'risposta għall-oġġezzjonijiet ta' l-Istati Membri favur dikjarazzjoni fakultativa, u għal dawk tal-manifatturi ta' l-għalf kompost, li jixtiequ jipproteġu l-proprjetà intellettwali tal-formuli ta' l-għalf, in-nota spjegattiva tipprovdi s-segwenti:

"Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li dikjarazzjoni fakultativa miftuħa hija kontra d-dritt ta' l-agrikolturi għall-informazzjoni u kontra t-trasparenza intiża. Minbarra dan, hija tikkunsidra li dikjarazzjoni apertament fakultativa twassal inevitabbilment għal distorsjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-manifatturi ta' l-għalf.

[…] għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tal-formuli ta' l-għalf, il-Kummissjoni, li tfittex li tilħaq l-akbar trasparenza, ma tistax taċċetta dan l-argument. Fir-realtà, ma jkunx hemm ksur tas-sigriet kummerċjali, minħabba li, bħala regola ġenerali, ma jkunx hemm privattivi għall-formuli ta' l-għalf kompost. Anki jekk dan kien il-każ, il-formuli ma setgħux jibqgħu sigrieti. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni ta' l-ingredienti ma taffettwax id-dritt ta' propjetà intellettwali."

14     Fl-4 ta' Ottubru 2000, il-Parlament, fl-ewwel qari, ifformula ħames emendi għal din il-proposta għal Direttiva (ĠU 2001, C 178, p. 177).

15     Fid-19 ta' Diċembru 2000, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea stabbilixxa il-pożizzjoni komuni (KE) Nru 6/2001 bl-għan ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2002/2 (ĠU 2001, C 36, p. 34). Jirriżulta min-nota spjegattiva tal-Kunsill li, filwaqt li kkunsidra li mhuwiex realist li wieħed jirrikjedi lill-manifatturi li jiddikjaraw il-kwantitajiet preċiżi tal-materja prima l-għalf kompost, dan ikkunsidra s-soluzzjoni permezz ta' dikjarazzjoni li tindika il-materja prima skond il-persentaġġi bil-piż tagħhom, f'ordni dixxendenti skond il-piż u fuq sistema ta' skali. Mandankollu, il-lista ddettaljata u preċiża ta' dawn il-kwantitiajiet kellha tiġi fornita mill-manifattur fuq talba individiwali ta' konsumatur. Fil-21 ta' Diċembru 2000, il-Kummissjoni ppreżentat proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 79/373 skond din il-pożizzjoni komuni [dokument COM(2000) 780 finali, ĠU 2001, C 120 E, p. 178].

16     Fil-5 ta' April 2001, il-Parlament, fit-tieni qari, ippreżenta emendi għal din il-proposta emendata tad-Direttiva li tistabbilixxi id-"dikjarazzjoni miftuħa" (dokument A5-0079/2001, ĠU 2002, C 21 E, p. 310).

17     Mat-tmiem ta' proċedura ta' konċiljazzjoni, test ta' kompromess, meħud mid-Direttiva 2002/2, ġie adottat. Skond dan, il-manifatturi għandhom jindikaw il-kwantitajiet tal-materja prima fil-kompożizzjoni tal-prodotti, b'livell ta' tolleranza ta' ± 15% tal-valur iddikjarat, imma huma obligati, fuq talba tal-konsumatur, li jikkomunikaw il-persentaġġi eżatti bil-piż tad-diversi tipi ta' materja prima li huwa l-kompożizzjoni ta' għalf.

18     Fl-24 ta' April 2003, il-Kummissjoni ppreżentat rapport fuq il-possibbiltà ta' lista pożittiva ta' materja prima għall-għalf [dokument COM(2003) 178 finali]. Jirriżulta minn dan ir-rapport li l-istabbiliment ta' tali lista ma tikkontribwixxix sabiex tiggarantixxi s-sigurta ta' l-għalf u li, għaldaqstant, hija ma kinitx se tippreżenta proposta f'dan is-sens. Madankollu f'dan ir-rapport hija ddikjarat inizjattivi f'oqsma oħra, intiżi sabiex itejbu s-sigurtà ta' l-għalf.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi prelimari

 Fil-kawża C-453/03

19     L-applikanti fil-kawża prinċipali, speċjalizzati fil-manifattura ta' l-għalf kompost, jitolbu l-annullament tal-leġiżlazzjoni adottata għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2002/2 fil-liġi interna. Permezz ta' sentenza tas-6 ta' Ottubru 2003, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court), issospendiet provviżorjament l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni.

20     Ukoll b'sentenza tas-6 ta' Ottubru 2003, il-High Court esponiet ir-raġunijiet għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Id-domanda, kif ifformulata fid-deċiżjoni tat-23 ta' Ottubru 2003, hija s-segwenti:

"Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1)(b) u/jew l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2, safejn jemendaw l-Artikolu 5 c(2)(a) tad-Direttiva 79/373 billi jimponu l-elenku tal-persentaġġi huma nulli minħabba:

a) nuqqas ta' bażi legali skond l-Artikolu 152(4)(b)KE;

b) ksur tad-dritt fundamentali ta' proprjetà;

c) ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità?"

21     B'rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Frar 2004, il-kumpannija Lambey SA talbet li tiġi awtorizzata li tintervjeni, skond l-Artikolu 40 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża C-453/03, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta' Marzu 2004, din it-talba ġiet iddikkjarata inammissibbli.

 Fil-kawżi C-11/04 u C-12/04

22     Id-Direttiva 2002/2 ġiet trasposta fil-liġi Taljana permezz ta' digriet tal-Ministru tal-Politika Agrikola u Forestali, tal-25 ta' Ġunju 2003, li tikkompleta u temenda l-annessi tal-liġi Nru 281 tal-15 ta' Frar 1963, rigward il-preparazzjoni u l-kummerċ ta' l-għalf, skond l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/2/KE tat-28 ta' Jannar 2002 (GURI n° 181 tas-6 ta' Awwissu 2003, iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 281/1963"), dan id-digriet kien applikabbli mis-6 ta' Novembru 2003.

23     Kif josserva il-Consiglio di Stato fid-deċiżjonijiet tar-rinviju li wasslu għall-kawżi C-11/04 u C-12/04, dan id-digriet għandu bħala effett li jagħmel obbligatorju, għall-produtturi ta' l-għalf kompost, li tiġi indikata fuq it-tikketta l-lista tal-materja prima, flimkien ma' indikazzjoni f'ordni dixxendenti skond il-piż, tal-persentaġġi meta mqabbla mal-piż totali. Dawn id-diversi tipi ta' materja prima, skond id-Direttiva 2002/2, għandhom jiġu indikati taħt l-isem speċifiku tagħhom li jista' jiġi sostitwit bl-isem tal-kategorija li tagħha jagħmlu parti, filwaqt li jsegwu l-kategoriji li jiġbru bosta materja prima stabbiliti skond l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 79/373, li kien ġie implimentat permezz tad-Direttiva 91/357/KEE tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 1991 li tistabbilixxi l-kategoriji ta' ingredjenti li jistgħu jiġu użati għall-iskopijiet tat-tikkettjar ta' l-għalf kompost għall-annimali oħra apparti milli għall-annimali domestiċi (ĠU L 193, p. 34).

24     Il-qorti tar-rinviju tfakkar f'dan ir-rigward li d-Direttiva 91/357, imwaqqfa skond l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu 10(a) ġiet imħassra mid-Direttiva 2002/2 mis-6 ta' Novembru 2003, mingħajr ma l-Kummissjoni kienet fil-pożizzjoni li tippreżenta proposta ta' att li kien fih il-lista pożittiva tal-materja prima li setgħet tintuża. L-awtoritajiet Taljani għamlu referenza għall-lista provviżojra tal-materja prima li tinsab fl-Anness VII, parti A, tal-liġi Nru 281/1963 u, għal dawk li mhumiex imsemmija fuq din il-lista, għad-denominazzjonijiet fil-parti B, jiġifieri preċiżament għall-kategoriji ġenerali stabbiliti mid-Direttiva 91/357.

25     L-applikanti fil-kawża prinċipali, speċjalizzati fil-manifattura ta' l-għalf kompost, ressqu appell quddiem il-Consiglio di Stato kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunale amministrativo regionale del Lazio. Huma talbu l-annullament tal-leġiżlazzjoni adottata għat-traspożizzjoni, fil-liġi Taljana, tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2002/2. Permezz ta' żewġ deċiżjonijiet distinti, il-qorti tar-rinviju, ssospendiet provviżorjament l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni.

26     Fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din il-qorti osservat li l-għalf għanndu oriġini veġetali kien jippreżenta inqas riskju mill-għalf kompost li għandu fih laħam u għadam u li l-użu tiegħu wassal għall-BSE. Barra minn hekk, l-Artikolu 152(4)(b)KE huwa intiż biss għall-miżuri li jikkonċernaw il-mard u l-kura ta' l-annimali, filwaqt li l-kwistjoni ta' ittikkettjar ta' l-għalf li għandu oriġini veġetali ma għandhiex direttament bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

27     Fid-deċiżjoni ta' rinviju wasslet għall-kawża C-11/04, il-Consiglio di Stato jsostni li, meta jitqies id-dubju dwar il-proporzjonalità tal-miżura Komunitarja kkontestata, kwistjoni dwar il-ksur tad-dritt ta' proprjetà msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li jinsab ukoll fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, pproklamata f'Nizza fis-7 ta' Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), li tikkonċerna l-proprjetà intellettwali, relatata mas-sigriet industrijali u man-know-how industrijali ma tidhirx manifestament infondata.

28     Fid-deċiżjoni ta' rinviju li wasslet għall-kawża C-12/04, il Consiglio di Stato jistaqsi dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2002/2. Skond din il-qorti, in-nuqqas ta' iffissar tal-lista tad-diversi materja prima li jistgħu jintużaw irendi l-leġiżlazzjoni Komuntarja inkompleta u twassal għall-impossibbiltà li timponi indikazzjonijiet għal dak li jikkonċerna l-ittikkettjar tal-prodotti intiżi għan-nutriment ta' l-annimali kif ukoll l-inutilità ta' l-obbligi għall-finijiet tas-sigurtà tan-nutriment.

29     Fl-istess deċiżjoni ta' rinviju il-Consiglio di Stato josserva wkoll li l-obbligu li jiġu indikati l-kwantitajiet tal-materja prima m'huwiex previst mill-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-ittikkettjar ta' dan in-nutriment bażiku, jiġifieri d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/13/KE ta' l-20 ta' Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-ittikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti ta' l-ikel (ĠU L 109, p. 29). Minn dan jiġi konkluż li, paradossalment, l-għalf kompost huwa soġġett għal sistema ħafna aktar stretta, għal dak li jikkonċerna l-obbligi ta' informazzjoni li għandha tidher fuq it-tikketti, minn dik applikabbli għan-nutriment intiż għall-bniedem.

30     Fil-kawża C-11/04, il-Consiglio di Stato ddeċida li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:

"1)      L-Artikolu 152(4)(b)KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jikkostitwixxi l-bażi ġuridika korretta għall-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet fil-qasam ta' ittikkettjar, li jinsabu fid-Direttiva 2002/2/KE, meta dan jirrigwarda l--ittikkettjar ta' l-għalf li għandu oriġini veġetali?

2)      Safejn timponi l-obbligu ta' l-indikazzjoni eżatta tal-materja prima li tinsab fl-għalf kompost, ikkunsidrata applikabbli wkoll għall-għalf li għandu oriġini veġetali, id-Direttiva 2002/2/KE hija ġġustifikata skond il-prinċipju ta' prekawzjoni, fin-nuqqas ta' analiżi tar-riskji, bbażata fuq studji xjentifiċi, li timponi din il-miżura ta' prekawzjoni minħabba l-possibbiltà ta' konnessjoni bejn il-kwantità tal-materja prima użata u r-riskju ta' mard li għandu jiġi evitat? Fi kwalunkwe każ, din id-Direttiva hija ġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità inkwantu hija tikkunsidra bħala insuffiċjenti sabiex tilħaq l-għanijiet ta' saħħa pubblika li għalihom il-miżura suppost li hija intiża, l-obbligi tal-manifatturi ta' l-għalf li jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi, li għandhom l-obbligu ta' kunfidenzjalità u l-kompetenza sabiex jeffettwaw il-kontrolli sabiex jipproteġu s-saħħa, billi minflok timponi leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-obbligu li jiġu indikati, fuq it-tikketti ta' l-għalf li għandu oriġini veġetali, il-persentaġġi kwantitattivi tal-materja prima użata?

3)      Id-Direttiva 2002/2/KE, safejn hija ma tissodisfax il-prinċipju ta' proporzionalità, tikser id-dritt fundamentali għall-proprjetà li huwa rikonoxxut liċ-ċittadini ta' l-Istati Membri?"

31     Fil-kawża C-12/04, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jisspospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti:

"1)      [Domanda identika għall-ewwel domanda magħmula fil-kawża C-11/04]

2)      [Domanda identika għat-tieni domanda magħmula fil-kawża C-11/04]

3)      Id-Direttiva 2002/2/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni tagħha, u għaldaqstant, l-effikaċità tagħha huma soġġetti għall-adozzjoni tal-lista pożittiva tad-diversi tipi ta' materja prima imsemmija bl-isem speċifiku tagħhom, bħal ma huwa ppreċiżat fl-għaxar premessa u fir-rapport tal-Kummissjoni [COM (2003) 178 finali] ta' l-24 ta' April 2003, jew l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri għandha sseħħ qabel l-adozzjoni tal-lista pożittiva tad-diversi tipi ta' materja prima prevista mid-Direttiva filwaqt li jkun hemm referenza għal elenkar tal-materja prima fl-għalf kompost flimkien mad-denominazzjonijiet u d-definizzjonijiet ġenerali tal-kategoriji kummerċjali tagħhom?

4)      Id-Direttiva 2002/2/KE għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali għar-raġuni tal-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni għad-detriment tal-manifatturi ta' l-għalf meta mqabbla mal-produtturi ta' l-ikel intiż għall-konsum tal-bniedem, safejn il-manifatturi ta' l-għalf huma soġġetti għal sistema li timponi indikazzjonijiet kwantitattivi tal-materja prima li tagħmel parti mill-kompożizzjoni ta' l-għalf kompost?"

32     F'kull waħda mill-kawżi prinċipali, il-Consiglio di Stato jippreċiża li domandi analogi tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-High Court fit-[23] ta' Ottubru 2003, imma li d-deċiżjoni ta' rinviju hija ġġustifika sabiex ma jiġix ippreġudikat id-dritt ta' smigħ xieraq ta' l-appellanti quddiem il-qorti Komunitarja.

33     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 2004, il-kawżi C-11/04 u C-12/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fil-kawża C-194/04

34     In-Nederlandse Vereniging Diervoederindustrie (Nevedi) (assoċjazzjoni ta' l-industrija Olandiża ta' l-għalf kompost, iktar 'il quddiem in-"Nevedi"), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ppreżentat talbiet għas-sospensjoni tal-leġiżlazzjoni adottata għat-traspożizzjoni, fil-liġi Olandiża, tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2002/2.

35     Il-Productschap Diervoeder (iktar 'il quddiem il-"Productschap"), konvenut fil-kawża prinċipali, hija entità ta' dritt pubbliku skond il-liġi fuq l-organizzazzjoni ta' l-impriżi (Wet op de Bedrijfsorganisatie). Din il-liġi tagħti kompetenza lil din l-entità sabiex tadotta regoli li jikkonċernaw l-għalf. Dawn ir-regoli għandhom madankollu jiġu approvati mill-Ministru ta' l-Agrikoltura, tan-Natura u tal-Kwalità ta' l-Ikel.

36     L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2 ġie traspost fil-liġi Olandiża, b'effett mis-6 ta' Novembru 2003, fl-Artikoli 7.3.2(1) u 7.3.1(1)(1) tal-leġiżlazzjoni ta' l-2003 tal-Productschap Diervoeder fuq l-għalf (Verordening PDV Diervoeders 2003), fil-verżjoni li rriżultat mill-leġiżlazzjoni li temenda nru PDV-25 tal-11 ta' April 2003 (PBO blad n° 42 tas-27 ta' Ġunju 2003).

37     B'ittra ta' l-24 ta' Novembru 2003, il-Productschap talbet lill-Ministru ta' l-Agrikoltura, tan-Natura u tal-Kwalità ta' l-Ikel sabiex japprova leġiżlazzjoni ġdida li tħassar ir-regoli dwar l-ittikkettjar li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/2. Fid-19 ta' Jannar 2004, b'risposta għal din it-talba, dan il-Ministru rrifjuta li japprova il-proposta li kienet tressqet quddiemu minħabba li kienet inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. Dan il-Ministru sostna li huma biss il-Qorti tal-Ġustizzja jew qorti nazzjonali – din ta' l-aħħar filwaqt li tistenna deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – li kienu kompetenti sabiex, f'ċerti każijiet, jissospendu l-applikazzjoni ta' miżuri ta' implementazzjoni tad-dritt Komunitarju. Tali kompetenza ma kinitx rikonoxxuta lill-awtoritajiet nazzjonali infushom.

38     Nevedi talbet lill-qorti tar-rinviju s-sospensjoni tal-leġiżlazzjoni li titrasponi d-Direttiva 2002/2 sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta' din ta' l-aħħar. Hija għamlet referenza, b'mod partikolari, għal domanda preliminari magħmula f'dan ir-rigward minn qorti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.

39     Permezz tad-deċiżjoni ta' rinviju, il-qorti tal-proċeduri sommarji tar-Rechtbank 's-Gravenhage laqgħet it-talba għal sospensjoni li kienet quddiemha, imbagħad iddeċidiet li tissospendi fuq il-bqija tat-talbiet u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1)(b) u/jew (4) tad-Direttiva 2002/02 safejn jemendaw l-Artikolu 5c(2)(a) tad-Direttiva 79/373 billi jimponu l-l-indikazzjoni tal-persentaġġi huma nulli minħabba:

a)      nuqqas ta' bażi legali skond l-Artikolu 152(4)(b)KE;

b)      ksur tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt ta' proprjetà u d-dritt għall-eżerċizzju liberu ta' professjoni;

c)      ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità?

2)      Fil-każ li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex qorti nazzjonali ta' Stat Membru tkun tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' miżura kkontestata ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, b'mod partikolari meta l-kwistjoni dwar il-validità ta' din il-miżura kkontestata diġa kienet is-suġġett ta' domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti ta' l-istess Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri oħra jistgħu, huma wkoll, mingħajr intervent tal-qrati, jissospendu l-applikazzjoni ta' din il-miżura kkontestata sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja […] tkun iddeċidiet fuq il-validità tagħha?"

40     Peress illi d-domandi mressqa huma simili, il-kawżi differenti għandhom jingħaqdu sabiex tingħata sentenza waħda.

 Fuq it-talbiet ta' ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

41     Permezz ta' ittra tad-9 ta' Mejju 2005, Fratelli Martini & C. Spa (iktar 'il quddiem "Fratelli Martini") u Cargill Srl, rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża C-11/04, talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. It-talba tagħhom kienet ibbażata fuq il-kostatazzjoni dwar żbalji xjentifiċi fl-eżempju mogħti fis-seduta mill-aġent tal-Gvern Daniż, eżempju li ġie użat mill-Avukat Ġenerali bħala baża għar-raġunament tiegħu. Mat-talba tagħhom huma annettew perizja teknika.

42     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli ta' Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li hija ma għandiex biżżejjed informazzjoni jew jekk il-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta' argument li ma kienx diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 42, kif ukoll ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Arnold André, C-434/02, Ġabra p. I-11825, punt 27, u Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25).

43     Madankollu, f'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, kkunsidrat li hija kellha l-elementi neċessarji kollha sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa. Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari fil-kawża C-194/04

44     Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jsostnu li d-domandi preliminari huma inammissibbli, minħabba li l-qorti tar-rinviju ma kinitx iddeskrivit biżżejjed il-kuntest fattwali u leġiżlattiv kif ukoll ir-raġunijiet li wassluha li tressaq dawn id-domandi. B'mod partikolari, din il-qorti ma tagħti ebda spjegazzjoni fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta' proporzjonalità invokati, kif ukoll għal dak li jikkonċerna t-tieni domanda mressqa.

45     F'dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li hija utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih iridu jinqraw id-domandi li hija tressaq jew li, ta' l-anqas, tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, b'mod partikolari, id-Digriet tat-8 ta' Ottubru 2002, Viacom, C-190/02, Ġabra p. I-8287, punt 15 u r-referenzi ċċitati; is-sentenzi tas-17 ta' Frar 2005, Viacom Outdoor, C-134/03, Ġabra p. I-1167, punt 22, u tat-12 ta' April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 29).

46     Il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet ukoll fuq l-importanza ta' l-indikazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tar-raġunijiet preċiżi li wassluha li tistaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li tikkunsidra neċessarju li tressaq id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta' spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet ta' l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u fuq il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża (ara, b'mod partikolari, id-digriet Viacom, ċċitat iktar 'il fuq, punt 16, u s-sentenza tal-21 ta' Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, C-318/00, Ġabra p. I-905, punt 43).

47     Ir-raġuni għal dawn ir-rekwiżiti hija b'mod partikolari li l-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet ta' rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tweġibiet utli imma wkoll li tagħti lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (digrieti tat-2 ta' Marzu 1999, Colonia Verischerung et., C-422/98, Ġabra p. I-1279, punt 5; Viacom, ċċitat iktar 'il fuq, punt 14, u s-sentenza Keller, ċċitata iktar 'il fuq, punt 30).

48     Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju, permezz ta' deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta' proċedura sommarja, esponiet il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fihom kienu jinsabu d-domandi li hija ressqet. B'mod konċiż, imma suffiċjenti, hija tat ir-raġunijiet li wassluha sabiex tressaq dawn id-domandi.

49     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li din il-qorti għamlet referenza għad-domandi mressqa mill-qorti tar-Renju Unit fuq l-istess suġġett. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma setgħux jonqsu milli jidentifikaw il-kawża C-453/03, li fiha kull wieħed minn dawn l-istituzzjonijiet Komunitarji ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-mument meta d-deċiżjoni ta' rinviju li wasslet għall-kawża C-194/04 kienet ġiet ikkomunikata lilhom. Konsegwentement dawn l-istituzzjonijiet m'għandhomx bażi sabiex isostnu li kien impossibbli għalihom li jippreżentaw l-osservazzjonijiet b'konoxxenza sħiħa tal-fatti.

50     Fl-aħħarnett, fir-rigward tat-tieni domanda, din ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala ipotetika għar-raġuni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet, fi kwalunkwe każ, talbet lill-qorti nazzjonali sabiex tissospendi l-applikazzjoni ta' l-att Komunitarju. Fil-fatt, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ppreżentati minn din ir-rikorrenti li hija tikkontesta r-rifjut tal-Ministru kompetenti li jħassar il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 2002/2, kif ukoll in-neċessità li titlob lill-qorti is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, kif ukoll li tikkalkula l-ispejjeż li din timplika u tad-dannu ikkawżat lill-partijiet. Għaldaqstant ma jidhirx li d-domanda kienet manifestament nieqsa mir-rilevanza fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

51     Id-domandi mressqa fil-kawża C-194/04 għandhom għaldaqstant jiġu ddikjarati bħala ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-bażi ġuridika

52     Permezz tad-domanda (a) mressqa, fil-kawża C-453/03, l-ewwel domanda ta' kull waħda mill-kawżi C-11/04 u C-12/04 kif ukoll l-ewwel domanda (a) fil-kawża C-194/04, il-qrati ta' rinviju fis-sustanza jitolbu lill-Qorti li tiddeċiedi fuq il-validità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2, għar-raġuni li l-Artikolu 152(4)(b)KE ma jikkostitwixxix bażi ġuridika xierqa għall-adozzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, b'mod partikolari meta wieħed jikkunsidra l-fatt li huma jikkonċernaw ittikkettjar ta' għalf li għandu oriġini veġetali.

53     Kif il-Kunsill ippreċiża fl-osservazzjonijiet tiegħu u fit-trattazzjoni tiegħu waqt is-seduta, jekk il-miżura kkontestata ma kellhiex direttament bħala għan il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, hija kienet taqa' taħt l-Artikolu 37KE, li jagħti wkoll kompetenza lill-leġiżlatur Komunitarju. Stħarriġ tal-bażi ġuridika tad-Direttiva 2002/2 jibqa' madankollu relevanti, sabiex jiġi vverifikat jekk il-proċedura ta' adozzjoni ta' din id-Direttiva hijiex ivvizzjata minħabba irregolarità [ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-10 ta' Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 111].

54     Skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tas-sistema ta' kompetenzi tal-Komunità Ewropea, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu ssuġġettati għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost tali elementi hemm, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att [ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' April 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-269/97, Ġabra p. I-2257, paragrafu 43, u tat-30 ta' Jannar 2001, Spanja vs Il-Kunsill, C-36/98, Ġabra p. I-779, paragrafu 58, u British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, ċċitat iktar 'il fuq, punt 93].

55     Id-Direttiva 2002/2 hija bbażata fuq l-Artikolu 152(4)(b)KE li jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri fl-oqsma veterinarji u fitosanitarji li jkollhom bħala objettiv dirett tagħhom il-ħarsien tas-saħħa pubblika.

56     Fit-tielet u r-raba' premessa ta' din id-Direttiva huma esposti s-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam ta' indikazzjonijiet tal-kompożizzjoni ta' għalf bħal ma kien jeżisti sa l-adozzjoni ta' din id-Direttiva u n-neċessità li jkun hemm informazzjoni aktar iddettaljata, li saret evidenti minħabba l-kriżijiet marbuta mal-BSE u mad-dioxini. Skond il-ħames premessa ta' din l-istess Direttiva, l-informazzjoni ddettaljata kwantitattiva tista' tgħin sabiex tassigura li materjali ta' l-ikel potenzjalment ikkontaminati jistgħu jiġu ttraċċati għall-gruppi speċifiċi, li jkun ta' benefiċċju għas-saħħa pubblika.

57     Jirriżulta mill-eżami ta' dawn il-premessi li l-għan imfittex mill-leġiżlatur Komunitarju, meta huwa adotta d-dispożizzjonijiet relatati ma' l-indikazzjonijiet tal-kompożizzjoni ta' għalf, kien li jassigura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

58     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Consiglio di Stato fid-deċiżjonijiet ta' rinvjiu li wasslu għall-kawżi C-11/04 u C-12/04, l-għalf li għandu oriġini veġetali jista' jippreżenta riskji għas-saħħa komparabbli ma' dawk ippreżentati mill-għalf li għandu oriġini mill-annimali. Fratelli Martini u l-istituzzjonijiet li kienu ppreżentaw osservazzjonijiet f'dawn il-kawżi kienu rreferew ġustament għall-problemi kkawżati mill-aflatossin B1, tossin ġenotossiku kaċinoġeniku li ġej minn ċerti fungi preżenti fuq iċ-ċereali u l-ġewż, il-kriżi konnessa mad-dioxini ta' 1999 li laqtet il-manifattura ta' l-għalf kompost fil-Belġju, każijiet ta' kontaminazzjoni ta' ċereali minn prodotti li joqtlu l-ħaxix salvaġġ jew il-preżenza, fl-ilmijiet użati utilizzati għall-manifattura ta' l-għalf, ta' ormon użat għall-prodotti tal-kontraċettivi umani.

59     Kif sostna fis-seduta l-aġent tal-Gvern Daniż, jidher li l-indikazzjoni tal-persentaġġi tal-kompożizzjoni ta' prodott jippermetti, f'każ ta' kontaminazzjoni, li ssir riċerka speċifika u li jiġi rtirat malajr mis-suq l-għalf suspettuż. Skond dan il-Gvern, l-indikazzjoni ta' persentaġġ għoli ta' qamħirrum bijoloġiku li jinsab fl-għalf amministrat minn bdiewa lill-frat ippermetta lill-awtoritajiet Daniżi, fl-2004, li jidentifikaw din il-kompożizzjoni bħala s-sors probabbli ta' livell għoli ta' anflatossin B1 preżenti fil-ħalib magħmul minn dawn il-bdiewa u ddestinat għall-konsum uman. Dan għamel possibbli l-irtirar immedjat tal-prodott ikkontaminat, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi mistenni r-riżultat ta' l-analiżi tal-laboratorju.

60     Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Direttiva 2002/2, ikkontestati fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkontribwixxu direttament għat-tfittxija ta' l-għan ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika.

61     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-oġġezzjonijiet li dawn id-dispożizzjonijiet huma invalidi minħabba li għandhom bażi ġuridika żbaljata mhumiex fondati.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali

62     Permezz tar-raba' domanda tiegħu fil-kawża C-12/04, il-Consiglio di Stato jistaqsi jekk id-Direttiva 2002/2 għandhiex tiġi kkunsidrata bħala illegali minħabba l-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni minħabba l-fatt li l-manifatturi ta' għalf huma soġġetti għal sistema li timponi fuqhom li jipprovdu indikazzjonijiet kwantitattivi tal-materja prima li tintuża fil-manifattura ta' l-għalf kompost, filwaqt li l-produtturi ta' ikel intiż għall-konsum uman mhumiex soġġetti għal dan.

63     Skond ġurisprudenza kostanti, il-prinċipju ta' trattament ugwali jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b'mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi Arnold André, ċċitata iktar 'il fuq, punt 68; Swedish Match, ċċitata iktar 'il fuq, punt 70, u tat-12 ta' Lulju 2005 Alliance for Natural Health et., C-154/04 u C-155/04, għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, punt 115).

64     L-għan intiż mid-Direttiva 2002/2 huwa l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Tali għan jista' jiġġustifika differenza eventwali ta' trattament, waqt li jiġi kkunsidrat fuq kollox l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 152(1)KE, li jiġi aassigurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa umana fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u ta' l-azzjonijiet kollha tal-Komunità.

65     Barra minn hekk, kif enfasizza ġustament il-Kunsill, anki jekk wieħed jista' jasal li juri li miżuri daqshekk restrittivi jiġġustifikaw ruħhom ukoll fis-setturi fejn tali mizui għadhom ma ttieħdux, bħal ma huwa l-ikel intiż għall-konsum uman, dan ma jikkostitwixxix raġuni biżżejjed sabiex wieħed jikkunsidra li l-miżuri meħuda fis-settur li huwa s-suġġett ta' miżuri Komunitarji in kwistjoni mhumiex leġittimi għar-raġuni tan-natura diskriminatorja tagħhom. Jekk ma jkunx hekk, dan ikollu l-effett li jqiegħed il-livell ta' protezzjoni tas-saħħa pubblika fuq il-livell tal-leġiżlazzjoni l-inqas protettiva eżistenti.

66     Minn dan isegwi li l-eżami tad-domanda mressqa ma tindika ebda element ta' natura li jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2 fir-rigward tal-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

67     Permezz tad-domanda (c) mressqa fil-Kawża C-453/03, tat-tieni domanda f'kull waħda mill-kawżi C-11/04 u C-12/04, kif ukoll ta' l-ewwel domanda (c) fil-Kawża C-194/04, il-qrati ta' rinviju jitolbu fis-sustanza jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2 jiksrux l-prinċipju ta' proporzjonalità. F'dan il-kuntest, il-Consiglio di Stato jistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ksur eventwali tal-prinċipju ta' prekawzjoni, minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet kellhom jiġu adottati mingħajr ma saret analiżi tar-riskji bbażati fuq studji xjentifiċi.

68     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni Komunitarja jkunu kapaċi li jilħqu l-għan intiż u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Arnold André, punt 45 u Swedish Match, punt 47).

69     Fir-rigward ta' l-istħarriġ ġudizzjarju ta' dawn il-kundizzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlatur Komunitarju għandha tingħatalu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f'qasam bħal dak tal-każ in eżami, li tinvolvi, min-naħa tiegħu, għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li dwarhom huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta' miżura stabbilita f'dan il-qasam, meta mqabbla ma' l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni jilħqu, li tista' taffettwa l-legalità ta' tali miżura [ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Arnold André, punt 46; Swedish Match, punt 48 u Alliance for Natural Health et, punt 52).

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

70     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sostnuti mill-Gvern Spanjol u mill-Gvern tar-Renju Unit, isostnu essenzjalment li l-komunikazzjoni tal-kompożizzjoni eżatta ta' l-għalf ikkonċernat jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet u l-interessi ekonomiċi tagħhom u ma kinitx neċessarja għall-protezzjoni tas-saħħa meta tiġi kkunsidrata l-leġiżlazzjoni diġa eżistenti fis-settur ta' l-għalf.

71     Huma jinvokaw f'dan ir-rigward dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 79/373, kif emendati permezz tad-Direttiva 2002/2, b'mod partikolari l-Artikolu 5(5)(d) li jimponi l-indikazzjoni tan-numru ta' referenza tal-lott, u l-Artikolu 12 li jimponi fuq il-manifatturi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kull dokument relatat mal-kompożizzjoni ta' l-għalf. Skond ir-rikorrenti tal-kawża prinċipali, dawn iż-żewġ obbligi, li tagħhom mhijiex ikkontestata n-neċessità, jippermettu li tiġi assigurata t-traċċabilità ta' dan l-għalf u fl-istess ħin jiġu rrispettati l-interessi ekonomiċi tal-manifatturi, peress illi dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu ta' kunfidenzjalità u ma jistgħux jużaw l-informazzjoni li jirċievu ħlief sabiex jippreservaw is-saħħa pubblika.

72     Fir-rigward tal-kontenut ta' l-għalf, dawn ir-rikorrenti jirreferu għad-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KE tat-23 ta' Novembru 1970, li tirrigwarda addittivi f'għalf għall-[annimali] (ĠU L 270, p. 1) u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/29/KE tat-22 ta' April 1999 fuq is-sostanzi u l-prodotti mhux mixtieqa fin-nutrizzjoni ta' l-annimali (ĠU L 115, p. 32). Fid-data tas-seduta din l-aħħar Direttiva kienet ġiet emendata u miktuba mill-ġdid permezz tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/32/KE tas-7 ta' Mejju 2002, dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf ta' l-annimali (ĠU L 140, p. 10).

73     Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi proċeduri relatati mas-sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, p. 1) adottat fl-istess ġurnata bħad-Direttiva 2002/2 li, skond dawn, tikkostitwixxi qafas-leġiżlattiv ġdid fil-qasam tas-sigurtà ta' l-ikel. L-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament jimponi t-traċċabilità, b'mod partikolari, ta' kull sustanza li tista' tiġi inkorportata fl-għalf u l-Artikolu 20 tiegħu jipprovdi proċeduri għall-rtir mis-suq ta' għalf li jista' jiġi kkunsidrat li ma jkunx konformi mal-ħtiġijiet tas-sigurtà ta' l-għalf.

74     Il-Gvern Taljan, Olandiż, Daniż, Grieg u Franċiż, il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li r-rekwiżit ta' l-indikazzjoni tal-persentaġġi ta' l-ingredienti li jikkostitwixxu għalf ma jiksirx il-prinċipju ta' proporzjonalità, meta jitqies l-għan tas-saħħa pubblika mfittxa.

75     Il-Parlament jinvoka wkoll għan ta' trasparenza. Huwa jirreferi għat-telf ta' kredibbiltà ta' l-awtoritajiet kompetenti li rriżulta mill-kriżi marbuta ma' l-BSE, li politika ta' trasparenza biss tista' tnaqqas. Dan l-element għandu jiġi kkunsidrat sabiex wieħed jevalwa l-proporzjonalità ta' miżura li sempliċement għandha bħala għan li tħalli l-bdiewa li jkabbru l-bhejjem jiddeċiedu dwar l-għalf tal-bhejjem tagħhom. Kien b'mod partikolari għal din ir-raġuni li ma kienx biżżejjed li l-manifuatturi jikkomunikaw il-kompożizzjoni eżatta ta' l-għalf lill-awtoritajiet sanitarji kompetenti.

 Ir-risposta tal-Qorti

76     Kif ġie osservat fil-punti 59 u 60 ta' din is-sentenza, l-obbligu li jiġu indikati l-persentaġġi tal-kompożizzjoni ta' għalf jikkostitwixxi miżura li tista' tikkontribwixxi għall-għan ta' protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali u dik umana. Hija fil-fatt tippermetti li tiġi identifikata l-kompożizzjoni ta' għalf li dwaru hemm suspett li huwa kkontaminat mingħajr ma tistenna r-riżultati ta' l-analiżi tal-laboratorju u li tirtira malajr dan l-għalf mis-suq.

77     Jidher li din il-miżura m'hijiex superfluwa meta jiġi kkunsidrat r-rekwizit ta' l-indikazzjoni tan-numru ta' lott tal-prodott, previst fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/2. Fil-fatt, din l-aħħar indikazzjoni tippermetti li tiġi stabbilita t-traċċabilità tal-lott ta' għalf kompost, imma mhux direttament dak tal-kompożizzjoni tiegħu. Minbarra dan, l-istħarriġ tat-traċċabilità tista' tirrikjedi ċertu żmien, filwaqt li sitwazzjoni li fiha hemm riskju ta' kriżi ta' l-ikel tirrikjedi reazzjoni ta' malajr.

78     L-istess japplika fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet l-oħra msemmija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dawn fil-fatt jikkonċernaw il-kontenut tal-prodotti (Direttivi 70/524 u 1999/29) jew il-proċeduri relatati mas-sigurtà ta' l-ikel (Regolament Nru 178/2002) imma ebda wieħed minnhom ma kien fih dispożizzjoni li timponi li jiġi indikat, fuq prodott, il-kompożizzjoni tiegħu. Dawn il-leġiżlazzjonijiet b'hekk ma jippermettux lill-awtoritajiet ikkonċernati jew lil min juża l-prodott li jkollu informazzjoni biżżejjed sabiex mall-ewwel jieħu l-miżuri ta' prevenzjoni xierqa f'każ ta' kriżi ta' l-ikel.

79     Id-diversi rikorrenti fil-kawżi prinċipali rispettivi jsostnu li l-indikazzjoni tal-persentaġġi eżatti tal-kompożizzjoni tal-prodott ma jiggarantixxix li l-għalf kompost ikun tajjeb għas-saħħa u lanqas li l-komponenti tiegħu ma jkunux ikkontaminati. Madankollu għandu jiġi osservat li l-għan intiż mill-obbligu li jiġu indikati l-komponenti mhuwiex li jiggarantixxi n-nuqqas ta' kontaminazzjoni, imma li, għall-każ fejn dawn il-komponenti jkunu kontaminati, li jippermetti identifikazzjoni ta' malajr ta' l-għalf li jinkludi dawn.

80     Madankollu, kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punti 115 sa 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-obbligu tal-manifattur li jikkomunika lill-klijenti, li jagħmlu t-talba, l-kompożizzjoni kwantitattiva eżatta ta' l-għalf ma jidhirx li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

81     Minbarra l-indikazzjoni ta' l-informazzjoni li tinsab fl-iskala, jiġifieri b'tolleranza ta' ±15% tal-valur iddikjarat, li għandu jidher fuq it-tikketta tal-prodott skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2, il-manifattur għandu l-obbligu, fuq talba tal-klijent, li jikkomunikalu bil-miktub il-persentaġġi eżatti bil-piż tal-materja prima użata f'dan l-għalf, skond l-Artikolu 1(1)(b) ta' l-istess Direttiva.

82     Kif sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jagħtu lill-klijenti l-indikazzjoni eżatta tal-komponenti ta' għalf iwassal għal theddid serju ta' l-interessi ekonomiċi tal-manifatturi, peress illi dan iġiegħel lil dawn ta' l-aħħar li jagħtu l-formuli ta' kompożizzjoni tal-prodotti tagħhom, bir-riskju li dawn il-prodotti jiġu utilizzati bħala mudelli, eventwalment mill-klijenti stess, u li dawn il-manifatturi ma jkunux jistgħu jieħdu l-benefiċċji mill-investimenti li għamlu fil-qasam tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni.

83     Madankollu, tali obbligu ma setax jiġi ġġustifikat minħabba l-għan ta' protezzjoni tas-saħħa mfittex u jmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Għandu jiġi osservat, partikolarment, li dan l-obbligu huwa indipendenti minn kull problema ta' kontaminazzjoni ta' l-għalf u għandu jiġi sodisfatt fuq sempliċi talba tal-konsumatur. Minbarra dan, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija u mill-eżempji ppreżentati lill-Qorti li l-indikazzjoni, fuq it-tikketta, tal-persentaġġi li jinsabu fl-iskala għandha normalment tippermetti l-identifikazzjoni ta' għalf li hemm suspett li huwa kkontaminat, sabiex jiġi evalwat l-perikolożità tiegħu b'relazzjoni mal-piż indikat u jiġi deċiż eventawlment l-irtirar provviżorju tiegħu sakemm jaslu r-riżultati ta' l-analiżi tal-laboratorju jew sabiex l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jistabbilixxu t-traċċabilità tal-prodott.

84     Fl-aħħarnett, indipendentement mill-proċeduri ta' kontroll stabbiliti fil-kuntest tar-Regolament Nru 178/2002, adottat fl-istess ġurnata bħad-Direttiva 2002/2, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 1(5) tagħha jipprevedi li l-manifatturi ta' l-għalf kompost huma obbligati li jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq ta' l-spezzjonijiet uffiċjali, fuq talba tagħhom, kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-kompożizzjoni ta' l-għalf intenzjonat sabiex jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni li jippermetti li tiġi vverifikata l-eżattezza ta' l-informazzjoni mogħtija mit-tikketta.

85     Fid-dawl ta' dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2002, li jimponi fuq il-manifatturi ta' l-għalf kompost li jipprovdu, fuq talba tal-klijent, il-kompożizzjoni preċiża ta' għalf, huwa invalidu għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta' proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, l-eżami tal-domanda mressqa ma tqajjem ebda element ta' natura li jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 1(4) ta' din id-Direttiva għal dak li jikkonċerna dan il-prinċipju.

86     Permezz tad-domanda (b) ppreżentata fil-Kawża C-453/03, it-tielet domanda fil-Kawża C-11/04 u l-ewwel domanda (b) fil-Kawża C-194/04, il-qrati tar-rinviju kienu wkoll talbu fis-sustanza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-validità tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2 għar-raġuni li dawn ta' l-aħħar jiksru d-drittjiet fundamentali u, partikolarment, id-dritt ta' proprjetà u d-dritt għall-eżerċizzju liberu ta' professjoni.

87     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, li d-dritt ta' proprjetà jagħmel parti, bħad-dritt li tiġi eżerċitata liberament attività ekonomika, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Madankollu, dawn il-prinċipji mhumiex stabbiliti b'mod assolut, iżda għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-funzjoni soċjali tagħhom. Konsegwentement, jistgħu jeżistu xi restrizzjonijiet għad-dritt ta' proprjetà, u anke għad-dritt li tiġi eżerċitata liberament attività ekonomika, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu effettivament għall-għanijiet ta' interess ġenerali li jridu jiġu milħuqa mill-Komunità u ma jikkostitwixxux, fir-rigward ta' l-għan li jrid jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli b'mod li jfixkel is-sustanza stess tad-drittijiet hekk garantiti (fl-aħħarnett, is-sentenza Alliance for Natural Health et., iċċitata iktar 'il fuq, punt 126).

88     Madankollu, kkunsidrata r-risposta mogħtija għad-domanda rigward il-prinċipju ta' proporzjonalità, m'għandux għalfejn jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata hijiex theddida għad-dritt ta' proprjetà tal-manifatturi ta' l-għalf kompost jew għad-dritt ta' l-eżerċizzju liberu ta' professjoni.

 Fuq in-nuqqas ta' adozzjoni ta' lista pożittiva.

89     Permezz tat-tielet domanda fil-Kawża C-12/04, il-Consiglio di Stato jistaqsi jekk id-Direttiva 2002/02 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni tagħha u, għaldaqstant, l-effikaċja tagħha huma soġġetti għall-adozzjoni tal-lista pożittiva tal-materja prima imsemmija bl-ismijiet speċifiċi tagħhom previsti fl-għaxar premessa ta' din id-Direttiva.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

90     Ferrari Mangimi Srl u l-Gvern Spanjol isostnu li dan għandu jkun il-każ. Huma jfakkru li l-leġiżlazzjoni preċedenti kienet timponi l-obbligu li jiġu indikati d-diversi tipi ta' materja prima skond lista proviżorja u, fil-każ fejn ma kinitx ser tiġi użata, l-obbligu alternattiv li jiġu ddikjarati l-kategoriji ġenerali tad-diversi tipi ta' materja prima bħal ma huma indikati fl-anness tad-Direttiva 91/357. Id-Direttiva 2002/2 kienet ħassret din il-leġiżlazzjoni u pprovvdiet l-istabbiliment, mill-Kummissjoni ta' lista pożittiva ta' materja prima. Wara studju, din l-istituzzjoni kienet madankollu waslet għall-konklużjoni li d-definizzjoni ta' tali lista ma kinitx assolutament deċiżiva sabiex tiggarantixxi s-sigurtà ta' l-għalf u ma kienet ippreżentat ebda proposta sabiex tistabbilixxi tali lista. Fir-rapport tal-Kummissjoni, kien enfasizzat li huwa impossibbli li tinkludi f'lista pożittiva eluf ta' prodotti distinti manifatturati f'postijiet differenti b'tekonoloġiji differenti u li setgħu jippreżentaw livell ta' sigurtà u karatteristiċi nutrizzjonali u tekniċi diversi. Minbarra dan kien ġie mfakkar, f'dan ir-rapport, li r-riskju għas-sigurtà ma jinsabx fil-materja prima stess imma pjuttost fil-kontaminazzjoni eventwali tagħhom aċċidentali jew frodulenti.

91     Il-Gvern Spanjol jinsisti fuq ir-rekwiżit mandatorju ta' ċertezza legali, li jeżiġi li leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b'eżattezza l-portata ta' l-obbligi li hija timponi fuqhom.

92     Il-Gvern Grieg jikkonstata li r-reġistrazzjoni, fuq lista waħda, tas-sustanzi li jistgħu jiġu użati ma kinitx ġiet armonizzata mill-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-regolamentazzjoni ta' din il-kwistjoni għaldaqstant taqa' taħt id-dritt nazzjonali. Dan l-istat ta' fatt mhuwiex ostakolu għal applikazzjoni effikaċi tad-Direttiva 2002/2 fl-Istati Membri.

93     Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw li ma teżisti ebda konnessjoni bejn l-adozzjoni tal-lista pożittiva prevista fl-għaxar premessa tad-Direttiva 2002/2 li ma tikkostitwixxix ħlief xewqa nieqsa minn status legali awtonomu u ma tobbligax lill-Kummissjoni ħlief politikament, u l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati ma' l-ittikkettjar. Konsegwentement, l-Istati Membri kienu obbligati li japplikaw din id-Direttiva indipendentement mill-adozzjoni ta' tali lista, billi llimitaw ruħhom għar-rekwiżit ta' l-użu ta' ismijiet komuni tal-materja prima.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

94     Għandu jiġi mfakkar li l-għaxar premessa tad-Direttiva 2002/2 kienet tipprevedi li, fuq il-bażi ta' studju ta' possibbiltà, u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta xierqa, filwaqt li tikkunsidra l-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport, għall-istabbiliment ta' lista pożittiva tal-materja prima fl-għalf kompost għall-annimali tal-produzzjoni.

95     Mit-test ta' din il-premessa jirrizulta li din ma setgħetx tikkostitwixxi ħlief xewqa tal-leġiżlatur Komunitarju li tiġi stabbilita proposta ta' lista pożittiva tal-materja prima. Fil-fatt, hija tipprevedi biss il-preparazzjoni ta' studju ta' possibbiltà, it-tħejjija ta' rapport, u l-preżentazzjoni ta' proposta xierqa li tikkunsidra l-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport.

96     Barra minn hekk, il-kontenut ta' din il-premessa mhuwiex riprodott fil-parti operattiva tad-Direttiva u l-eżami ta' din ma jindika bl-ebda mod li l-implementazzjoni kienet soġġetta għall-adozzjoni ta' din il-lista pożittiva. B'mod aktar partikolari, ma jidhirx li huwa impossibbli li l-obbligu ta' ittikkettjar jiġi rrispettat fin-nuqqas ta' tali lista.

97     Fir-rigward, fil-fatt, tat-tħassir tad-Direttiva 91/357, ma jidhirx li dan għamel impossibbli l-implementazzjoni tad-Direttiva 2002/2, peress illi l-manifatturi setgħu, fin-nuqqas ta' leġiżlazzjoni Komunitajra jew ukoll ta' leġiżlazzjoni nazzjonali f'dan ir-rigward, jużaw ismijiet speċifiċi attwali tal-materja prima.

98     Jirriżulta minn dawn l-elementi li d-Direttiva 2002/2 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni tagħha mhijiex soġġetta għall-adozzjoni tal-lista pożittiva ta' materja prima imsemmija bl-ismijiet speċifiċi tagħhom kif intiżi fl-għaxar premessa ta' din id-Direttiva.

 Fuq is-setgħat ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jissospendu l-applikazzjoni ta' att Komunitarju

99     Permezz tat-tieni domanda tagħha, ir-Rechtbank 's-Gravenhage tistaqsi jekk, fil-każ li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex qorti nazzjonali ta' Stat Membru tkun tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' miżura kkontestata ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji li hija s-suġġett ta' kontestazzjoni, b'mod partikolari meta l-kwistjoni dwar il-validità ta' din il-miżura kkontestata diġa kienet is-suġġett ta' domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti ta' l-istess Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri oħra jistgħu, huma wkoll, mingħajr intervent tal-qrati, jissospendu l-applikazzjoni ta' din il-miżura kkontestata sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq il-validità tagħha.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

100   Nevedi, rikorrenti fil-kawża prinċipali li wasslet għall-Kawża C-194/04 issostni li l-qorti tar-rinviju ressqet it-tieni domanda tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba l-fatt li, fil-kwalità tagħha bħala entità kompetenti sabiex tistipula l-leġiżlazzjonijiet applikabbli fil-qasam ta' l-għalf għall-bovini fl-Olanda, il-Productschap kienet issospendiet ex officio, jiġifieri mingħajr intervent tal-qrati, l-applikazzjoni tar-regoli ta' dikjarazzjoni miftuħa sakemm il-Qorti tkun iddeċidiet il-kawża C-453/03. Kien minħabba r-rifjut tal-Ministru kkonċernat li jissospendi l-leġiżlazzjoni applikabbli li Nevedi kellha tibda proċedura ġudizzjara u titlob lill-qorti tal-proċeduri sommarji li tissospendi din il-leġiżlazzjoni.

101   Hija tfakkar li, meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom hija soġġetta, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-possibbiltà li tinvoka d-dispożizzjonijiet ta' Direttiva quddiem qorti nazzjonali, l-awtoritajiet kollha, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi, huma wkoll obbligati li huma stess japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tat-22 ta' Ġunju 1989, Fratelli Costanzo,103/88, Ġabra p. 1989, p. 1839, punti 31 u 32). Jekk dawn l-awtoritajiet amministrattivi huma, bl-istess mod bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, obbligati li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' Direttiva, huma għandhom ukoll ikunu awtorizzati, għar-raġunijiet ta' ekonomija tal-ġudizzju, li jissospendu l-applikazzjoni ta' att Komunitarju kkontestat fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji.

102   Il-Gvern Taljan, Olandiż u Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni, ifakkru l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-materja ta' miżuri provviżorji, il-garanziji ta' imparzjalità u ta' indipendenza li tipprovdi qorti nazzjonali, il-ħtieġa ta' applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u l-għanijiet tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

103   Kif il-Qorti osservat fis-sentenza tal-21 ta' Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 18, iktar 'il quddiem is-"sentenza Zuckerfabrik") ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-kunsiderazzjoni ta' validità jikkostitwixxi, bl-istess mod bħar-rikors għal annullament, mezz ta' stħarriġ tal-legalità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji. Madankollu, fil-kuntest ta' rikors għal annullament, l-Artikolu 242KE jagħti lir-rikorrenti l-fakultà li titlob is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' l-att ikkontestat u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza sabiex tordnaha. Il-koerenza tas-sistema ta' protezzjoni ġuridika provviżorja b'hekk teżiġi li l-qorti nazzjonali tkun tista' wkoll tordna s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' att amministrattiv nazzjonali bbażat fuq leġiżlazzjoni Komunitarja li l-legalità tagħha hija kkontestata (ara wkoll is-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), C-465/93, Ġabra p. I-3761, punt 22, u tas-26 ta' Novembru 1996, T. Port, C-68/95, Ġabra p. I-6065, punt 49; fuq l-inkompetenza tal-Qorti sabiex tordna miżuri provviżorji fil-kuntest ta' proċedura għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri digriet tal-President tal-Qorti ta' l-24 ta' Ottubru 2001, Dory, C-186/01 R, Ġabra p. I-7823, punt 13).

104   Il-Qorti madankollu ddeċidiet li l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju, li huwa rekwiżit fundamentali ta' l-ordni ġuridiku Komunitarju, jimplika li s-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni ta' atti amministrattivi bbażati fuq leġiżlazzjoni Komunitarja, filwaqt li jaqgħu taħt ir-regoli ta' proċedura nazzjonali, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-introduzzjoni u l-eżami tad-domanda, għandha tkun soġġetta fl-Istati Membri kollha, ta' l-anqas, għal kundizzjonijiet għall-għoti li jkunu uniformi u li huma definiti bħala li huma l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-proċedura sommarja quddiem il-Qorti (sentenza Zuckerfabrik, ċċitata iktar 'il fuq, punti 26 u 27).

105   B'mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet relatati ma' l-urġenza u mar-riskju ta' dannu gravi u irreparabbli humiex sodisfatti, il-qorti li għandha quddiemha proċedura sommarja għandha teżamina ċ-ċirkostanzi propji ta' kull każ u tevalwa l-elementi li jippermettu li jiġi stabbilit jekk l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-att li fir-rigward tiegħu t-talba għal miżuri provviżorji hija fformulata kinitx ta' natura li tikkawża lir-rikorrent danni irreversibbli li ma jistgħux jiġu rimedjati jekk l-att Komunitarju kellu jiġi ddikjarat invalidu (s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Zuckerfabrik, punt 29, u s-sentenza Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), punt 41).

106   Bħala l-qorti inkarigata li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet ta' dritt Komunitarju, u għaldaqstant obbligata li tassigura l-effett sħiħ tad-dritt Komunitarju, il-qorti nazzjonali, li quddiemha ġiet ippreżentata talba għal miżuri provviżorji, għandha tikkunsidra l-ħsara li l-miżura sommarja tista' tagħmel lis-sistema ġuridika stabbilita b'att Komunitarju fil-Komunità kollha. Huwa obbligu tagħha li tikkunsidra, minn naħa, l-effett kumulattiv ipprovokat, fl-ipoteżi fejn bosta qrati kellhom jadottaw ukoll miżuri sommarji għal raġunijiet analogi, u, min-naħa l-oħra, l-ispeċifiċità tas-sitwazzjoni tar-rikorrent li tiddifferenzjah minn operaturi ekonomiċi oħra kkonċernati (sentenza Atlanda Fruchthandelsgesellschaft et, ċċitata iktar 'il fuq, punt 44).

107   B'mod partikolari, meta l-adozzjoni ta' miżuri sommarji jistgħu jwasslu għal riskju finanzjarju għall-Komunità, il-qorti nazzjonali għandha, barra minn hekk, is-setgħa li timponi fuq ir-rikorrenti li jipprovdi garanziji biżżejjed, bħal ma huma d-depożitu ta' flus jew l-għoti ta' garanzija (sentenzi ċċitati Zuckerfabrik, punt 32, u Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I), punt 45).

108   F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li awtoritajiet amministrativi nazzjonali, bħal dawk tal-kawża prinċipali C-194/04, ma jistgħux jadottaw miżuri provviżorji filwaqt li jirrispettaw il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni definiti mill-Qorti.

109   F'dan il-kuntest, għandu b'mod partikolari jiġi osservat li l-istatus stess ta' dawn l-awtorijiet ma jistax, bħala regola ġenerali, jiggarantixxi minnu nnifsu, l-istess livell ta' indipendenza u ta' imparzjalità bħal dak li huwa rikonoxxut li l-qrati nazzjonali għandhom. Bl-istess mod, mhuwiex ċert li dawn l-awtoritajiet jibbenefikaw mill-kontradittorju, parti inerenti tal-proċedura ġudizzjarja, li jippermetti li jinstemgħu l-argumenti ppreżentati mill-partijiet differenti qabel ma l-interessi preżenti jiġu bbilanċjati waqt l-adozzjoni ta' deċiżjoni.

110   Għal dak li jikkonċerna l-argument li l-konsiderazzjonijiet marbuta mal-ħeffa jew ma' l-ispejjeż jistgħu jiġġustifikaw in-neċessità li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza ta' l-awtorijiet amministrativi nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li l-qrati nazzjonali li jiddeċiedu permezz ta' proċedura sommarja jistgħu, ġeneralment, jadottaw deċiżjonijiet fi żmien qasir ħafna. Fi kwalunkwe każ, argument marbut mal-ħeffa jew ma' l-ispejjeż ma jistax ikun determinanti fir-rigward tal-garanziji mogħtija mis-sistemi ta' protezzjoni ġuridika stabbilita permezz ta' sistemi ġuridiċi ta' l-Istati Membri.

111   Għaldaqstant ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li, anki jekk qorti ta' Stat Membru kkunsidrat li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex hija tkun tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' miżura Komunitarja, b'mod partikolari meta l-kwistjoni dwar il-validità ta' din il-miżura kienet diġa s-suġġett ta' domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet amministrativi nazzjonali kompetenti ta' Stati Membri oħra ma jistgħux jissospendu l-applikazzjoni ta' din il-miżura sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq il-validità tagħha. Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, billi tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi proprji tal-każ li jinsab quddiemha, jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' miżuri provviżorji humiex sodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

112   Peress illi dawn l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-eżami tad-domanda (a) mressqa fil-kawża C-453/03, ta' l-ewwel domanda f'kull waħda mill-kawżi C-11/04 u C-12/04 kif ukoll ta' l-ewwel domanda (a) fil-kawża C-194/04 ma tqajjem ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' l-għalf komposti u li tħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/357/KE ma kinux validament adottati fuq il-bażi ta' l-Artikolu 152(4)(b)KE.

2)      L-eżami tar-raba' domanda fil-kawża C-12/04 ma tqajjem ebda element ta' natura li jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 1(1)(b) u l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2002/2 għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni.

3)      L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2002/2 li jimponi l-obbligu fuq il-manifatturi ta' għalf kompost li jindikaw, fuq talba ta' konsumatur, il-kompożizzjoni eżatta ta' għalf hija invalida għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta' proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, l-eżami tad-domanda (c) mressqa fil-kawża C-453/03, tat-tieni domanda ta' kull waħda mill-kawżi C-11/047 u C-12/04 kif ukoll ta' l-ewwel domanda (c) fil-kawża C-194/04 ma tqajjem ebda element ta' natura li taffettwa l-validità ta' l-Artikolu 1(4) ta' din id-Direttiva għal dak li jikkonċerna dan il-prinċipju.

4)      Id-Direttiva 2002/2 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-applikazzjoni tagħha mhijiex soġġetta għall-adozzjoni tal-lista pożittiva ta' materja prima msemmija bl-ismijiet speċifiċi tagħhom, kif intiżi fl-għaxar premessa ta' din id-Direttiva.

5)      Anki jekk qorti ta' Stat Membru kkunsidrat li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex hija tkun tista' tissospendi l-applikazzjoni ta' miżura Komunitarja, b'mod partikolari meta l-kwistjoni dwar il-validità ta' din il-miżura kienet diġa s-suġġett ta' domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtoritajiet amministrativi nazzjonali kompetenti ta' Stati Membri oħra ma jistgħux jissospendu l-applikazzjoni ta' din il-miżura sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq il-validità tagħha. Fil-fatt, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, billi tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi proprji tal-każ li jinsab quddiemha, jekk il-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta' miżuri provviżorji humiex.

Firem


* Lingwi tal-kawża: l-Ingliż,it-Taljan u l-Olandiż.