Kawża T-88/09

Idromacchine Srl et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali — Dikjarazzjonijiet li jistgħu joħolqu preġudizzju lil kumpannija terza — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Obbligu ta’ sigriet professjonali — Danni mhux materjali — Danni materjali — Rabta kawżali — Interessi moratorji u kumpensatorji”

Sommarju tas-sentenza

1.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat — Ksur tal-obbligu ta’ sigriet professjonali — Inklużjoni

(Artikolu 287 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Dannu reali u ċert — Danni kkawżati mill-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Ufficjali ta’ informazzjoni li tippreġudika l-immaġini u r-reputazzjoni ta’ impriża — Inklużjoni

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ il-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom — Dritt għal smigħ tal-benefiċjarju tal-għajnuna — Limiti

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li tirrispetta s-sigriet professjonali

(Artikoli 88 KE u 287 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, premessa 21 u Artikolu 24)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligu tal-Kummissjoni li tirrispetta s-sigriet professjonali — Portata

(Artikoli 88 KE u 287 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 24 u 25; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2003/C 297/03, punti 25 et seq)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Kumpens — Teħid inkunsiderazzjoni tal-inflazzjoni — Interessi moratorji — Metodi ta’ kalkolu

(Artikolu 288 KE)

7.      Rikors għad-danni — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Kundanna tal-Komunità għall-kumpens ta’ dannu skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kumpens in natura f’forma ta’ ordni biex tagħmel jew ma tagħmilx xi ħaġa

(Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Dannu li jista’ jiġi kkumpensat — Spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura ġudizzjarja

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 90 u 91(2))

1.      L-impenn tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha hija suġġetta għal numru ta’ rekwiżiti li għandhom ikunu sodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih l-istituzzjoni tkun akkużata, ir-realtà tad‑dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat.

Fir-rigward tar-rekwiżit tal-aġir illegali li bih l-istituzzjoni jew l-organu kkonċernat ikun akkużat, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ liġi intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifesta u gravi mill-istituzzjoni jew mill-korp Komunitarju kkonċernat, tal-limiti applikabbli għas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Meta din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikollhom biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti, is-sempiċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

F’dan ir-rigward, meta l-Kummissjoni, f’deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat, tiżvela, mingħajr ma jkun meħtieġ għall-finijiet tal-imsemmija deċiżjoni, informazzjoni kunfidenzjali li tikkawża dannu għar-reputazzjoni ta’ impriża u b’hekk tikser l-obbligu ta’ sigriet professjonali stabbilit fl-Artikolu 287 KE, sa fejn dan l-obbligu huwa intiż li jipproteġi drittijiet mogħtija lill-individwi u li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk huwiex xieraq li ma tosservax, f’każ partikolari, ir-regola tal-kunfidenzjalità, hija twettaq ksur suffiċjenti tad-dritt Komunitarju sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

(ara l-punti 23, 24, 56)

2.      Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir mhux leċitu tal-organu tiegħu tidħol fis-seħħ biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament sofra dannu reali u ċert. Huwa dan tal-aħħar li għandu jipproduċi prova lill-qorti Komunitarja sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ tali dannu.

Is-sempliċi pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-dikjarazzjonijiet li jindikaw b’isimha lill-impriża f’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, li juru f’dawl mhux favorevoli lil din l-impriża u li jkunu ta’ natura li jbaxxu l-immaġini u r-reputazzjoni tagħha, huma biżżejjed sabiex jistabilixxu l-karattru reali u ċert tad-dannu subit minnha.

(ara l-punti 25, 60, 61)

3.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill‑Istati hija, meta titqies l-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi Komunitarji tiegħu, għall-għoti tal-għajnuna. Barra minn hekk, fil-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma jista’ jagħmel l-imsemmi Stat Membru. Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill‑Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl‑Artikolu 88(3) KE, li għandha biss l-għan li tippermetti li l‑Kummissjoni ssawwar opinjoni preliminari dwar il‑kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min‑naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami prevista fl‑Artikolu 88(2) KE. Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi ta’ eżami, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il‑fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni ssejjaħ il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija obbligata, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna mill-Istat, li tisma lil impriża li ma hijiex id-destinatarja tal-għajnuna inkwistjoni, hija ma hijiex terza interessata fil-proċedura, peress li hija la kienet il‑benefiċjarja u lanqas kompetitriċi tal-benefiċjarja tal-imsemmija għajnuna.

(ara l-punti 33 sa 36)

4.      Skont l-Artikolu 287 KE, il‑membri tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-membri tal-kumitati u l‑uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Komunità huma obbligati, ukoll wara li jitilqu mill-kariga tagħhom, li ma jiżvelawx informazzjoni li, min-natura tagħha, tkun koperta bis-sigriet professjonali, b’mod partikolari informazzjoni dwar impriżi u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezzijiet tagħhom. Ir-Regoalment Nru 659/1999, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jikkonferma l-obbligu li l‑Kummissjoni għandha li tosserva s-sigriet professjonali fil-kuntest tal‑eżami tagħha tal-għajnuna mill-Istat.

L-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali tista’ tkun kemm informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll sigrieti tan-negozju. B’mod ġenerali, fir-rigward tan-natura tas-sigrieti tan-negozju jew ta’ informazzjoni oħra koperta mis-sigriet professjonali, hemm bżonn, l-ewwel nett, li dawn is-sigrieti tan-negozju jew din l-informazzjoni kunfidenzjali jkunu magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni. It-tieni nett, din għandha tkun informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ joħloq dannu serju lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil terzi. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar tal-informazzjoni jkunu interessi li oġġettivament jistħoqqilhom protezzjoni. L-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġu bbilanċjati l-interessi individwali leġittimi li jipprekludu l-iżvelar tagħha u l-interess ġenerali li jitlob li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji jsiru kemm jista’ jkun bil-miftuħ.

Fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni f’deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, għandha tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni kunfidenzjali dik l-informazzjoni li tgħid li kumpannija li ma kinitx benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi lil parti kontraenti l-oħra prodotti konformi mal-istandards fis-seħħ u skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali, peress li din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni biss għall-bżonnijiet tal-proċedura amministrattiv ta’ eżami tal-għajnuna inkwistjoni u li, barra minn hekk, din l-informazzjoni tikkonċerna l-eżekuzzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-impriżi kkonċernati. Barra minn hekk, tali informazzjoni x’aktarx tikkawża dannu serju lill-impriża kkonċernata peress li tippreżentaha f’dawl xejn favorevoli. Barra minn hekk, sa fejn l-iżvelar tal-informazzjoni jista’ jikkawża dannu lill-immaġni u lir-reputazzjoni tal-impriża, l-interess ta’ din ta’ aħħar sabiex tali informazzjoni ma tiġix żvelata jistħoqqilha oġġettivament protezzjoni. Fl-aħħar nett, tali żvelar huwa sproporzjonat fid-dawl tas-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn huwa biżżejjed għaliha li tirrapporta dwar ksur ta’ kuntratt f’termini ġenerali ħafna jew, skont il-każ, f’termini iktar speċifiċi, mingħajr il-ħtieġa la f’waħda u lanqas fl-oħra ta’ dawn is-suppożizzjonijiet li tinkludi l-isem tal-impriża, sabiex l-interessi leġittimi ta’ din tal-aħħar ikunu jistgħu jiġu ppreżervati.

(ara l-punti 42, 43, 45, 47 sa 51)

5.      Għalkemm l-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 88 KE, u l-punti 25 et seq tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat, jipprovdu, fis-sustanza, li l-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru kkonċernat li mbagħad ikollu, bħala prinċipju, ħmistax-il jum biex jinvoka l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huwa jikkunsidra li għandha tkun koperta bis-sigriet professjonali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jeżentawx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 287 KE, li ma tiżvelax sigrieti professjonali u ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi, fuq l-inizjattiva tagħha stess, li ma tiżvelax informazzjoni li hija tqis koperta bis-sigriet professjonali anki jekk ma tkunx irċiviet talba f’dan is-sens mill-Istat Membru kkonċernat.

(ara l-punt 55)

6.      Ladarba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti għar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-konsegwenzi mhux favorevoli li jirriżultaw miż-żmien li jkun gћadda bejn meta seћћ il-fatt li kkawża d-dannu u d-data tal-ћlas tal-kumpens ma jistgћux jiġu injorati, peress li trid tiġi kkunsidrata l-iżvalutazzjoni monetarja. Din l-iżvalutazzjoni monetarja hija riflessa fir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall‑perijodu kkonċernat, mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn dawn il-kumpanniji huma stabbiliti. L-ammont tal-kumpens dovut jista’ jiġi miżjud bl-interessi moratorji b’effett mid-data li fiha tingћata s-sentenza li tikkonstata l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu. Ir-rata tal-interessi li għandha tiġi applikata hija kkalkolata abbażi tar-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew gћall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, li kienet tapplika matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti.

(ara l-punti 77, 79)

7.      Mit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 KE u mill-Artikolu 235 KE, li ma jeskludux l-għoti ta’ kumpens in natura , jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni li timponi fuq il-Komunità kull forma ta’ kumpens li jkun konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, inkluż, jekk jidher konformi ma’ dawn il-prinċipji, kumpens in natura, jekk ikun il-każ fil‑forma ta’ ordni sabiex issir jew ma ssirx xi ħaġa.

(ara l-punt 81)

8.      Skont l-Artikolu 91(2) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall‑finijiet tal-proċedura.

F’dan ir-rigward, l-ispejjeż assoċjati mar-rapport tal-espert li r-rikorrenti għamlet fil-kuntest ta’ rikors intiż li jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni, bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont tad-danni allegatament subiti, jikkostitwixxu spejjeż sostnuti għall-finijiet tal-proċedura ġudizzjarja li ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu danni distinti mill-ispejjeż tal-kawża. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma hijiex intitolata li tikseb, fuq il-bażi tal-Artikolu 288(2) KE, kumpens għall‑ispejjeż relatati mar-rapport tal-espert li huma kkummissjonaw għall‑finijiet ta’ din il-proċedura.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukat u tal-ivvjaġġar li r-rikorrenti għamlet matul il-fażi ta’ qabel il-proċedura ġudizzjarja, anki jekk xogħol legali sostanzjali jkun ġie mwettaq matul din il-fażi, il-fatt li tali spejjeż jiġu rikonoxxuti n-natura ta’ dannu li għandu jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni huwa f’kuntradizzjoni man-natura mhux rekuperabbli tal-ispejjeż sostnuti matul il-fażi preċedenti tal-proċedura ġudizzjarja. Fil-fatt l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura jirrigwarda biss il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-esklużjoni tal-fażi preċedenti għaliha. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 90 tal-istess Regoli li jevoka il-“proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”.

(ara l-punti 97 sa 100)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Novembru 2011 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni – Dikjarazzjonijiet li jistgħu joħolqu preġudizzju lil kumpannija terza – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Obbligu ta’ sigriet professjonali – Danni mhux materjali – Danni materjali – Rabta kawżali – Interessi moratorji u kumpensatorji”

Fil-Kawża T‑88/09,

Idromacchine Srl, stabbilita f’Porto Marghera (l-Italja),

Alessandro Capuzzo, residenti f’Mirano (l-Italja),

Roberto Capuzzo, residenti f’Mogliano Veneto (l-Italja),

irrappreżentati minn W. Viscardini u G. Donà, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan u E. Righini, bħala aġenti, assistiti minn F. Ruggeri Laderchi, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għad-danni intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minħabba l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea ta’ informazzjoni li tiżgwida li b’mod partikolari tippreġudika l-immaġini u r-reputazzjoni ta’ Idromacchine fid‑Deċiżjoni C (2002) 5426 finali tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Diċembru 2004, “Għajnuna mill-Istat – l-Italja – Għajnuna mill-Istat N 586/2003, N 587/2003, N 589/2003 u C 48/2004 (ex N 595/2003)] – Estensjoni tat‑terminu ta’ kunsinna – Stedina sabiex jiġu preżentati kummenti skont l-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE ”,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Idromacchine Srl hija impriża tal-bini tal-bastimenti li topera b’mod partikolari fis-settur tal-manifattura tal-bojlers. Alessandro Capuzzo u Roberto Capuzzo għandhom kull wieħed 50 % tal-kapital azzjonarju ta’ Idromacchine u huma l-president tal-bord tad-diretturi u d-direttur maniġerjali rispettivament. Idromacchine u A. u R. Capuzzo, ikkunsidrati flimkien, iktar ’il quddiem ser jissejħu r-“rikorrenti”.

2        Fl-2002, Cantiere navale De Poli SpA (iktar ’il quddiem “De Poli”) ordnat lil Idromacchine erba’ tankijiet kbar għat-trasport ta’ gass likwidu fuq il‑bastimenti C.188 u C.189 li l-bini tagħhom kien żgurat minn De Poli.

3        Il-bini tal-bastimenti C.188 u C.189 kien is-suġġett ta’ għajnuna għal funzjonament irregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1540/98, tad-29 Ġunju 1998, li jistabbilixxi regoli ġodda dwar l-għajnuna għall‑bini ta’ vapuri (ĠU L 202, p. 1). Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-imsemmi regolament, l-għajnuna għall-funzjonament mogħtija lit‑tarznari kienet awtorizzata skont ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li dawn ma jkunux mogħtija għal bastimenti kkunsinnati iktar minn tliet snin wara d-data tal-iffirmar tal-kuntratt finali ta’ kostruzzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet awtirizzata testendi dan it-terminu meta dan ikun iġġustifikat mill-komplessità teknika tal-proġett ta’ bini ta’ bastimenti kkonċernat jew meta d-dewmien jirriżulta minn problemi mhux mistennija, ta’ natura sostanzjali u ġustifikabbli fil-programm tax-xogħol ta’ tarzna dovuti għal ċirkustanzi eċċezzjonali, mhux prevedibbli u esterni għall-impriża. Din l-estensjoni tat-terminu setgħet tiġi awtorizzata mill-Kummissjoni biss jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifikalha talba għal-estensjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8 Vol. 1 p. 339).

4        Fil-11 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill‑Kummissjoni b’talba biex testendi t-terminu inizjalment previst għall-kunsinna ta’ bastimenti, inklużi l-bastimenti C.188 u C.189, li l-bini tagħhom kien b’mod partikolari żgurat minn De Poli, skont l-Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1540/98.

5        Bejn il-5 ta’ Frar u t-18 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ripetutament talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni addizzjonali dwar it‑talba tagħhom għall-estensjoni tat-terminu inizjalment previst għall-kunsinna tal-bastimenti. L-imsemmija awtoritajiet irrispondew għat-talbiet tal-Kummissjoni fit-termini mogħtija.

6        Fit-30 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni C (2002) 5426 finali, tat-30 ta’ Diċembru 2004, “Għajnuna mill-Istat – l-Italja – Għajnuna mill-Istat N 586/2003, N 587/2003, N 589/2003 u C 48/2004 (ex N 595/2003) – Estensjoni tat‑terminu ta’ kunsinna – Stedina sabiex jiġu preżentati kummenti skont l-Artikolu 88(2) [KE]”(iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, minn naħa, tat, wara l-fażi preliminari ta’ eżami tal-għajnuna nnotifikata, estensjoni tat-termini ta’ kunsinna previsti għall-bastimenti mibnija minn De Poli wara li qieset li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 3(2) tar‑Regolament Nru 1540/98 kienu ġew sodisfatti u, min-naħa l-oħra, iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE, dwar it-talba għall-estensjoni tat-terminu ta’ kunsinna ta’ tanker għall-ġarr ta’ kimiċi mibni minn tarzna oħra.

8        Fir-rigward tal-eżami mill-Kummissjoni tat-talba għall-estensjoni ta’ termini ta’ kunsinna previsti għall-bastimenti mibnija minn De Poli, il-Kummissjoni tirrileva fil-punt 10(iii) tad-deċiżjoni kkontestata li:

“F’dak li jirrigwarda l-bastimenti C.196 u C.197, it-tarzna kienet ordnat lil Idromacchine [...] waħda mill-manifatturi ewlenin tat-tankijiet, il-bini ta’ tankijiet ta’ tgħabbija għall-bastimenti C.188 u C.189, bastimenti tewmin tal-bastimenti C.196 u C.197. Matul il-bini tal‑bastimenti C.188 u C.189, ir-RINA (Registro italiano navale), il‑korp ta’ ċertifikazzjoni Taljan, iddikjara li t-tankijiet li kienu qed jinbnew għand Idromacchine intiżi għal bastimenti ċċitati iktar ’il fuq ma kinux konformi minħabba l-preżenza ta’ difetti.

[...] It-tankijiet oriġinarjament intiżi għall-bastimenti C.188 u C.189, li kienu s-suġġett ta’ ordni ġdida għand manifattur ieħor, kienu għalhekk ġew installati fuq il-bastimenti C.197 u C.196, b’dewmien fil-kunsinna ta’ sitt xhur b’kollox, għalhekk wara d-data tal-iskadenza tal-31. 12. 2003.

It-tankijiet ta’ tgħabbija huma komponenti indispensabbli sabiex bastiment jiġi awtorizzat iġorr gass likwidu [; l-awtoritajiet Taljani] jiddikjaraw li t-tankijiet użati fuq il-bastimenti C.188 [u], C.189 – u fuq il‑bastimenti tewmin C.196 u C.197 – għandhom jissodisfaw l-istandards stretti ta’ kwalità u ta’ sigurtà navali. – Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Taljani, minħabba l-esperjenza ta’ Idromacchine, it-tarzna [operata minn De Poli] ma setgħetx tipprevedi li r-RINA kienet ser tesprimi opinjoni negattiva dwar il-konformità tat-tankijiet tal‑bastimenti C.188 u C.189. L-awtoritajiet Taljani speċifikaw ukoll li biex tiġi solvuta din id-diffikultà, it-tarzna bdiet immedjatament tfittex fornituri oħra fis-suq. Il-kumpannija [G.] kienet l-unika fornitriċi li aċċettat li tipproduċi tankijiet ġodda, li milli jidher ma setgħux jiġu kkunsinnati, qabel il-31. 1. 2004 u l-31. 3. 2004, għalhekk it-tarzna kienet kostretta li titlob posponiment tat-terminu ta’ kunsinna.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fit-tielet paragrafu tal-punt 28, tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni tikkunsidra li “f’dak li jirrigwarda t-tankijiet, għandu jiġi osservat li l‑inkapaċità tal-manifattur tat-tankijiet, Idromacchine, li jimmanifatura t-tankijiet (komponent essenzjali tal-bastiment) skont l-istandards preskritti ta’ ċertifikazzjoni u l-inkapaċità riżultanti li t-tankijiet jiġu kkunsinnati fit-termini miftiehma huma minn tal-inqas eċċezzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10      Il-Kummissjoni tqis, fit-tielet paragrafu tal-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “fir-rigward tat-tankijiet, għandu jiġi osservat li l-problemi kkawżati mill-inkapaċità ta’ Idromacchine li tikkunsinna t-tankijiet, komponenti neċessarju għall-użu ta’ bastimenti għal finijiet kummerċjali taħt kundizzjonijiet ta’ użu awtorizzati, ukoll kienu imprevedibbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

11      Il-punt 31, tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Il-manifattur ma kienx f’pożizzjoni li jikkunsinna t-tankijiet b’mod konformi mal-obbligi kuntrattwali u t-tarzna kellha tordna dawn il-komponenti mingħand fornitur ieħor, u għalhekk ittardjat it-tlestija tal-bastimenti C.196 u C.197[…] In-nuqqas ta’ rispett tat-termini ta’ kunsinna ta’ provvisti neċessarji huwa indipendenti mill-volontà ta’ [De Poli li] ma kellhiex il-mezzi biex tintervjeni [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

12      Barra minn hekk, fit-Tabella 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm indikat b’mod partikolari li “in-nuqqas ta’ adegwatezza tat-tankijiet difettużi tal-bastimenti tewmin C.188 u C.189, f’fażi iktar avvanzata ta’ bini, ġiegħel lit-tarzna li tinstalla t-tankijiet intiżi għall-bastimenti C.196 u C.197” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

13      Fl-aħħar nett, l-aħħar punt tad-deċiżjoni kkontestata kif ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana fit-30 ta’ Diċembru 2004, jipprovdi dan li ġej:

“[F]il-każijiet fejn din l-ittra fiha informazzjoni kunfidenzjali li ma għandhiex tiġi żvelata, intom mistiedna li tinformaw b’dan lill-Kummissjoni f’terminu ta’ [ħmistax-il] jum ta’ xogħol mid-data ta’ meta tiġi rċevuta l-preżenti. Fin‑nuqqas ta’ talba motivata f’dan is-sens fit-terminu indikat, il‑Kummissjoni ser tassumi li intom taqblu mal-pubblikazzjoni tat-test sħiħ tal-ittra fil-lingwa awtentika fl-indirizz tal-Internet li ġej” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

14      L-awtoritajiet Taljani ma indirizzawx lill-Kummissjoni talbiet sabiex ċerta informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma tiġix żvelata minħabba li din kienet kunfidenzjali.

15      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-18 ta’ Frar 2005 (ĠU C 42, p. 15).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2009, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors għad-danni.

17      Fil-11 ta’ Marzu 2009, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għall-anonimità u l-kunfidenzjalità tad-data mressqa mir-rikorrenti. Fit-2 ta’ April 2009, fuq talba ta’ dawn tal‑aħħar, huwa kkonferma r-rifjut tat-talba inizjali tagħhom għall‑anonimità u l-kunfidenzjalità tad-data.

18      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lilha.

19      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall‑mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2011.

20      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, għad-danni materjali li sofrew, tħallas kumpens ta’ Euro 5 459 641.28 jew xi kumpens ieħor li jista’ jiġi stabbilit mill-Qorti Ġenerali, evalwat mill-ġdid wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata sad-data tal-għoti tas-sentenza u miżjuda bl-interessi moratorji mid‑data tal-għoti tas-sentenza sal-ħlas sħiħ ta’ din is-somma bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall‑operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin, miżjuda b’żewġ punti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, għad-danni morali li sofrew, tħallas kumpens lil Idromacchine u kumpens lil Alessandro u Robert Capuzzo, li l-ammonti tagħhom għandhom jiġu ddeterminati ex aequo et bono, li jikkorrispondu pereżempju, għal perċentwali sinjifikattiva ta’ madwar 30 % sa 50 % tal-ammont ta’ kumpens mogħti fir-rigward ta’ dannu materjali, evalwat mill‑ġdid mid‑data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sad-data tal-għoti tas-sentenza u miżjuda bl-interessi moratorji mid‑data tal-għoti tas-sentenza sal-ħlas sħiħ ta’ din is‑somma bir‑rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin, miżjud b’żewġ punti;

–        tordna lill-Kummissjoni tirrijabilita l-immaġni ta’ Idromacchine u dik ta’ Alessandro u Robert Capuzzo bil-manjiera li jidhrilha l-iktar xierqa, bħall-pubblikazzjoni ad hoc fil-Ġurnal Uffiċjali jew ittra indirizzata lill-operaturi prinċipali fis-settur li tordna r‑rettifika tal-informazzjoni fir-rigward ta’ Idromacchine fid‑deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

22      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Komunità Ewropea għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha hija suġġetta għal numru ta’ rekwiżiti li għandhom ikunu sodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih l-istituzzjoni tkun akkużata, ir-realtà tad‑dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tal‑14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et , T‑383/00, Ġabra p. II‑5459, punt 95).

24      L-ewwel nett, fir-rigward tar-rekwiżit tal-aġir illegali li bih l-istituzzjoni jew l-organu kkonċernat ikun akkużat, il-ġurisprudenza teżiġi li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ liġi intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punt 42). Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun suffiċjentement serju, il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit huwa sodisfatt huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifesta u gravi mill-istituzzjoni jew korp Komunitarju kkonċernat, tal-limiti applikabbli għas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Meta din l-istituzzjoni jew dan il-korp ikollhom biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jew saħansitra ineżistenti, is-sempiċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 54, u tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134).

25      Sussegwentement, fir-rigward tar-rekwiżit tar-realtà tad-dannu, il-Komunità tista’ tinżamm responsabbli biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament sofra dannu “reali u ċert” (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Jannar 1982, Birra Wührer et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 256/80, 257/80, 265/80, 267/80 u 5/81, Ġabra p. 85, punt 9, u De Franceschi vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 51/81, Ġabra p. 117, punt 9; is-sentenza tas-16 ta’ Jannar 1996, Candiotte vs Il-Kunsill, T‑108/94, Ġabra p. II‑87, punt 54). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi prova lill-qorti Komunitarja sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ tali dannu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Mejju 1976, Roquette frères vs Il‑Kummissjoni, 26/74, Ġabra p. 677, punti 22 sa 24, u tal‑Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Jannar 1996, Koelman vs Il-Kummissjoni, T‑575/93, Ġabra p. II-1, punt 97).

26      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat, l-imsemmi dannu għandu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-aġir ilmentat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, ladarba ma hemm ebda obbligu li jiġu kkumpensati l-konsegwenzi kollha dannużi, anki jekk fit-tul, ta’ sitwazzjoni illegali (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il‑Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21, u tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T‑279/03, Ġabra p. II‑1291, punt 130, u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi l-prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ilmentat u dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Settembu 1998, Coldiretti et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑149/96, Ġabra p. II‑3841, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Peress li wieħed mit-tliet rekwiżiti għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma ġiex sodisfatt, it-talbiet għad-danni għandhom ikunu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk iż-żewġ rekwiżiti l-oħra humiex sodisfatti (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37, ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81). Barra minn hekk, il-qorti Komunitarja ma hijiex marbuta li teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni ddeterminat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 13).

28      F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu li huma sofrew danni mhux materjali u materjali li għalihom qed jitolbu kumpens. Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li tiġi eżaminata, l-ewwel nett, it-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali li huma sofrew, u t-tieni nett, it-talba tagħhom għal kumpens għad-danni materjali li huma sofrew.

1.     Fuq it-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali

29      Skont ir-rikorrenti, kemm Idromacchine, kif ukoll Alessandro u Roberto Capuzzo ssubew danni mhux materjali li għandhom jiġu kkumpensati.

 Fuq id-danni mhux materjali subiti minn Idromacchine

30      Fir-rigward tal-allegati danni mhux materjali subiti minn Idromacchine, ir-rekwiżiti li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità għandhom jiġu eżaminati billi jiġi indirizzat, l-ewwel nett, ir-rekwiżit dwar l‑aġir illegali lmentat kontra l-Kummissjoni, wara dan, ir-rekwiżit relatat mar‑realtà tad‑dannu u, fl-aħħar nett, ir-rekwiżit marbuta mal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l‑aġir allegat u d-dannu invokat. Huwa biss fil‑każ li dawn l-imsemmija rekwiżiti jiġu sodisfatti li għandha sussegwentement tiġi eżaminata l-portata tal-kumpens li għandu jingħata lil Idromacchine f’dan il-kuntest.

 Fuq l-aġir illegali allegat kontra l-Kummissjoni

31      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw, essenzjalment, li l‑Kummissjoni wettqet żewġ tipi ta’ aġir illegali.

32      Fir-rigward tal-ewwel tip ta’ aġir illegali lmentat kontra l‑Kummissjoni, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ diliġenza u ta’ rispett tad-dritt tad-difiża li abbażi tagħhom il‑Kummissjoni kellha tagħti lil Idromacchine l-opportunità li tipprovdilha l-kummenti tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tistabbilixxi n-nuqqas tar-responsabbiltà tagħha għad-dewmien fil-kunsinna tat-tankijiet inkwistjoni.

33      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill‑Istati hija, meta titqies l-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi Komunitarji tiegħu, għall-għoti tal-għajnuna (ara s-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra dan, fil-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru ma jistgħux jippretendu li huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħalma jista’ jagħmel l-imsemmi Stat Membru (ara s-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punt 82, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

35      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill‑Istat prevista fl-Artikolu 88 KE, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna stabbilita fl‑Artikolu 88(3), li għandha biss l-għan li tippermetti li l‑Kummissjoni ssawwar opinjoni preliminari dwar il‑kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni u, min‑naħa l-oħra, il-fażi tal-eżami prevista fl‑Artikolu 88(2). Huwa biss fil-kuntest ta’ din il-fażi ta’ eżami, li hija intiża sabiex tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il‑fatti kollha tal-kawża, li t-Trattat KE jobbliga lill-Kummissjoni ssejjaħ il-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 33 sa 35 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, awtorizzat l-estensjoni tat-termini għall-bini tal-bastimenti mibnija minn De Poli, bl-ebda mod ma kienet obbligata, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna inkwistjoni, li tisma lil Idromacchine. Barra minn hekk, din tal-aħħar ma kinitx terza interessata fil-proċedura, peress li hija la kienet il‑benefiċjarja u lanqas kompetitriċi tal-benefiċjarja tal-imsemmija għajnuna.

37      L-argumenti mqajma mir-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jikkonfutawx dawn il-konstatzzjonijiet.

38      Minn naħa, l-argument li jgħid li, essenzjalment, il-Kummissjoni kienet tasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk adottati fid-deċiżjoni kkontestata li kieku semgħet lil Idromacchine qabel ma adottat d-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Fil-fatt, tali argument, fi kwalunkwe każ, ma jpoġġix f’dubju l-konklużjoni fil-punt 36 iktar ’il fuq li tgħid li, fil‑fażi ta’ eżami preliminari tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tisma lil Idromacchine.

39      Min-naħa l-oħra, l-argument li jgħid li l-fatti tal‑kawża preżenti għandhom iwasslu sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża, kif għamlet f’ċirkustanzi simili fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 Settembru 2008, M vs L-Ombudsman (T‑412/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 133 u 136) għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Ombudsman Ewropew kien kiser il-prinċipju ta’ kontradittorju billi semma b’ismu uffiċjali f’waħda mid‑deċiżjonijiet tiegħu dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina mingħajr ma semgħu minn qabel, kif kien madankollu marbut li jagħmel skont id‑dispożizzjonijiet legali li jorbtuh. Madankollu, kuntrarjament għall‑fatti ta’ dik il-kawża, fil-kawża preżenti l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tisma’ lil Idromacchine qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

40      Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret kemm il‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża li rriżultaw minnu billi naqset li tisma lil Idromacchine qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

41      Fir-rigward tat-tieni aġir illegali allegat kontra l-Kummissjoni, ir‑rikorrenti jibbażaw ruħhom, minn naħa, fuq ksur tas-sigriet professjonali peress li l-Kummissjoni kellha żżomm lura milli timputa b’mod partikolari fuq Idromacchine aġir mhux xieraq fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn, skonthom, ma kien hemm ebda ħtieġa li jissemma l-isem ta’ Idromacchine fl-imsemmija deċiżjoni. Huma jargumentaw li anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li Idromacchine kienet responsabbli għal dewmien fil-kunsinna tal‑bastimenti mibnija minn De Poli jew li hija ma kinitx ikkunsinnat it-tankijiet skont l-istandards fis-seħħ, xorta jibqa l-fatt li l‑Kummissjoni xorta waħda kienet indebitament żvelat l-isem ta’ Idromacchine fid‑deċiżjoni kkontestata ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali anki jekk tali żvelar ma kienx neċessarju f’dan il-każ.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 287 KE, il‑membri tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, il-membri tal-kumitati u l‑uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Komunità huma obbligati, ukoll wara li jitilqu mill-kariga tagħhom, li ma jiżvelawx informazzjoni li, min-natura tagħha, tkun koperta bis-sigriet professjonali, b’mod partikolari informazzjoni dwar impriżi u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jew l-elementi tal-prezzijiet tagħhom.

43      Ir-Regolament Nru 659/1999 jikkonferma l-obbligu li l‑Kummissjoni għandha li tirrispetta s-sigriet professjonali fil-kuntest tal‑eżami tagħha tal-għajnuna mill-Istat. Il-premessa 21, fl-aħħar, tal-imsemmi regolament tipprovdi li “l-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tagħti informazzjoni pubblika dwar id-deċiżjonijiet tagħha, għandha tirrispetta r-regoli tas-segretezza legali, f’konformità ma’ l-Artikolu 214 tat-Trattat”. L-Artikolu 24 tal-istess regolament jipprovdi li “Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-uffiċjali u impjegati oħra tagħhom, li jinkludu esperti indipendenti maħtura mill-Kummissjoni, m’għanhomx jiżvelaw informazzjoni li kisbu tramite l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li hija koperta permezz ta’ l-obbligu ta’ segretezza professjonali.”

44      La l-Artikolu 287 u lanqas ir-Regolament KE Nru 659/1999 ma jindikaw espliċitament liema informazzjoni, minbarra s-sigrieti tan-negozju, hija koperta bis-sigriet professjonali.

45      Skont il-ġurisprudenza, l-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali tista’ tkun kemm informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll sigrieti tan-negozju (sentenza tal-Qorti Ġenerali Postbank vs Il-Kummissjoni, T‑353/94, Ġabra p. II-921, punt 86). B’mod ġenerali, fir-rigward tan-natura tas-sigrieti tan-negozju jew ta’ informazzjoni oħra koperta mis-sigriet professjonali, hemm bżonn, l-ewwel nett, li dawn is-sigrieti tan-negozju jew din l-informazzjoni kunfidenzjali jkunu magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni. It-tieni nett, din għandha tkun informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ joħloq dannu serju lill-persuna li tkun tatha jew lil terzi. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar tal-informazzjoni jkunu interessi li oġġettivament jistħoqqilhom protezzjoni. L-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ, f’dan ir-rigward, li jiġu bbilanċjati l-interessi individwali leġittimi li jipprekludu l-iżvelar tagħha u l-interess ġenerali li jitlob li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji jsiru kemm jista’ jkun bil-miftuħ (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il‑Kummissjoni, T‑198/03, Ġabra p. II‑1429, punt 71, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozessef vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, Ġabra p. II-4225, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċittata).

46      Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi mistħarreġ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal‑ġurisprudenza msemmijin fil-punti 42 sa 47 iktar ’il fuq, jekk, kif argumentat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisritx kemm l-obbligu tagħha ta’ sigriet professjonali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, meta indikat b’isimha, fid‑deċiżjoni kkontestata, lil Idromacchine bħala li ma kkunsinnatx tankijiet skont l-istandards fis-seħħ u li din tal-aħħar ma rrispettatx l-obbligi kuntrattwali tagħha.

47      Fil-kawża preżenti, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li tgħid li, essenzjalment, Idromacchine ma kinitx kapaċi tikkunsinna tankijiet skont l-istandards fis-seħħ u skont it-termini kuntrattwali lil De Poli ġiet ipprovduta mir-Repubblika Taljana lill-Kummissjoni għall-iskop waħdieni tal-proċedura amministrattiva ta’ investigazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni. Barra minn hekk, din l-informazzjoni hija relatata, kif iddikjarat essenzjalment u ġustament mir-rikorrenti, mal-eżekuzzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Il-kontenut ta’ din l-informazzjoni għalhekk huwa, f’dan il-każ, ta’ natura kunfidenzjali.

48      It-tieni nett, l-iżvelar tal-informazzjoni msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq hija tat-tip li tikkawża dannu serju lil Idromacchine. Fil-fatt, irrispettivament minn jekk il-Kummissjoni għamlitx jew le żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kkunsidrat li din tal-aħħar aġixxiet ħażin fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha ma’ De Poli, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li l-iżvelar mill-Kummissjoni ta’ fatti u ta’ evalwazzjonijiet ippreżentati li jsemmu lil Idromacchine b’mod xejn favorevoli fid-deċiżjoni kkontestata kien tat-tip li jikkawża dannu serju lil din tal-aħħar.

49      It-tielet nett, sa fejn l-iżvelar tal-informazzjoni msemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq seta’ jikkawża dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni ta’ Idromacchine, l-interess ta’ din tal-aħħar li tali informazzjoni ma tkunx żvelata kienet oġġettivament jistħoqqilha protezzjoni.

50      Ir-raba’ nett, mill-ibbilanċjar, minn naħa, tal-interess leġittimu ta’ Idromacchine li isimha ma jiġix żvelat fiċ-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tal-interess ġenerali; jirriżulta li tali żvelar kien sproporzjonat fid-dawl tal-għan tad-deċiżjoni kkontestata.

51      Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu qabel kollox jiġi nnotat li l-prinċipju li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod miftuħ u l-ħtieġa għat-trasparenza fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet kif stabbilit fl‑Artikolu 1 UE u fl-Artikoli 254 KE u 255 KE, jimponu f’dan il-kawża li, fil-kuntest tal-eżami ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil De Poli, il-Kummissjoni tieħu espliċitament pożizzjoni fid‑deċiżjoni kkontestata dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-dewmien fil‑bini tal-bastimenti inkwistjoni kienx ir-riżultat ta’ partijiet terzi minbarra De Poli. Madankollu, kien ikun biżżejjed għall-Kummissjoni li ssemmi ksur ta’ kuntratt jew, f’termini ġenerali ħafna, min-naħa ta’ fornitur ta’ parti importanti tal-bastimenti inkwistjoni jew, fejn xieraq, f’termini iktar speċifiċi, min-naħa ta’ fornitur tat-tankijiet inkwistjoni, mingħajr il-ħtieġa jew f’waħda jew fl-oħra minn dawn iż-żewġ ipoteżi, issemmi l-isem ta’ dan il-fornitur, sabiex l-interessi leġittimi ta’ dan tal-aħħar setgħu jiġu protetti.

52      Imbagħad l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni biex tiddetermina li ma wettqet l-ebda żball meta żvelat l-isem ta’ Idromacchine fid‑deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jiġu aċċettati.

53      Minn naħa, sa fejn l-Kummissjoni argumentat, b’risposta għal mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta li kien “xieraq, mill-perspettiva tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata]” li jiġi indikat l-isem tal-manifattur tat-tankijiet inkwistjoni li kien “partikolarment affidabbli [iżda] li [,] għal darba, kien il-kawża ta’ dewmien,” dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna inkwistjoni li wassal għall‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija biss il-kwistjoni ta’ jekk ir‑Repubblika Taljana kinitx iġġustifikat, suffiċjentement skont il-liġi, id-dewmien akkumulat minn De Poli fil-kunsinna tal-bastimenti, kienet rilevanti, mingħajr ma l-iżvelar tal‑identità ta’ fornitur wieħed jew iktar li wettqu xi żbalji li jiġġustifikaw l-imsemmi dewmien ma għandu xi effett fuq l‑osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

54      Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li n‑nuqqas ta’ riferiment għall-isem tal-fornitur ta’ tankijiet inkwistjoni fid‑deċiżjoni kkontestata ma kienx ser iwaqqaf lill-pubbliku milli jkun jaf l-identità għaliex is-settur ekonomiku inkwistjoni kien żgħir ħafna, kien kompost minn speċjalisti u li kien hemm kawża, li l-istampa semmiet ripetutament, bejn De Poli u Idromacchine, u li kienet pendenti quddiem il-qorti ta’ Venezja (l-Italja), dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi ma jikkonfutawx il-kunsiderazzjoni li tgħid li, billi identifikat lill-Idromacchine bħala responsabbli għad-dewmien fil-kunsinni, il-Kummissjoni żvelat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatti u l‑evalwazzjonijiet li jippreżentaw b’isimha lil din tal-aħħar bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli prodotti li jikkonformaw mal-istandards fis-seħħ u li tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha anki jekk tali żvelar ma kienx meħtieġ fid-dawl tas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

55      Fl-aħħar nett, l-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li, minn naħa, hija kienet illimitat ruħha li tibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-informazzjoni li ġiet ipprovduta mir-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra, mill‑Artikoli 24 u 25 tar-Regolament Nru 659/1999 u mill-punti 25 et seq tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2003) 4582, tal-1 ta’ Diċembru 2003, dwar is-sigriet professjonali fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, p. 6) jirriżulta li kienet ir-Repubblika Taljana li kellha tindika l-informazzjoni li hija kienet tikkunsidra bħala koperta bis-sigriet professjonali, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Fil-fatt, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu, fis-sustanza, li l-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru kkonċernat li mbagħad ikollu, bħala prinċipju, ħmistax-il jum biex jinvoka l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li huwa jikkunsidra li għandha tkun koperta bis-sigriet professjonali, madankollu dawn ma jeżentawx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 287 KE, li ma tiżvelax sigrieti professjonali u ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi, fuq l-inizjattiva tagħha stess, li ma tiżvelax informazzjoni li hija tqis koperta bis-sigriet professjonali anki jekk ma tkunx irċiviet talba f’dan is-sens mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li r-Repubblika Taljana wettqet xi żbalji meta bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni li ma kinitx korretta u meta ma informathiex dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar it-twettiq tar-relazzjonijiet kummerċ bejn Idromacchine u De Poli, tali żbalji mhux probabbli li jikkonfutaw il-konstatazzjoni li tgħid li l‑Kummissjoni setgħet, fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi fuq l-inizjattiva tagħha stess li ma tiżvelax informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali.

56      Għaldaqstant, l-iżvelar fid-deċiżjoni kkontestata ta’ fatti u ta’ evalwazzjonijiet li jsemmu b’isimha lil Idromacchine bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli l-prodotti skont l-istandards fis-seħħ u li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ sigriet professjonali previst fl-Artikolu 287 KE. Sa fejn dan l-obbligu huwa intiż li jipproteġi drittijiet mogħtija lill-individwi u sa fejn il‑Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk għandhiex titbiegħed, f’każ konkret, mir-regola tal‑kunfidenzjalità, għandu jiġi nnutat li dan il-ksur tad-dritt Komunitarju huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 26 iktar ’il fuq.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi kisret l-obbligu ta’ sigriet professjonali tagħha, il-Kummissjoni aġixxiet ħażin u li dan jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tal-aħħar ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi żvelat, fid-deċiżjoni kkontestata, fatti u evalwazzjonijiet li jindikaw b’isimha lill-Idromacchine bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli prodotti skont l-istandards fis-seħħ u li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha, huwa bla skop. Fil-fatt, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie miksur, dan ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li r-rikorrenti jiksbu, f’din il-kawża u għad-danni li huma jallegaw li sofrew, kumpens li fin-natura jew fl-ammont tiegħu jkun ta’ portata ikbar minn dak li huma jistgħu jiksbu minħabba l-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ sigriet professjonali. Għalhekk, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-ilment.

 Fuq ir-realtà tad-dannu

59      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li Idromacchine sofriet danni mhux materjali minħabba dannu għall-immaġni u għar‑reputazzjoni tagħha sa fejn din ġiet indikata b’isimha fid‑deċiżjoni kkontestata bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli prodotti konformi mal-istandards fis-seħħ u li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mir-riferimenti għad-deċiżjoni kkontestata riprodotti fil-punti 8 sa 12 iktar ’il fuq, il‑Kummissjoni indikat b’isimha b’mod partikolari lil Idromacchine bħala li ma kinitx kapaċi tibni t-tankijiet skont l-istandards taċ‑ċertifikazzjoni [ara l-punt 10(iii), it-tielet paragrafu tal‑punt 28, u t-tielet paragrafu tal-punt 29, tad-deċiżjoni kkontestata] u li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkunsinna t-tankijiet inkwistjoni skont l‑obbligi kuntrattwali tagħha (ara l-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li De Poli kellha ssejjaħ kumpannija oħra biex tikseb sodisfazzjon. Għaldaqstant, tali dikjarazzjonijiet li jippreżentaw lil Idromacchine b’mod mhux favorevoli bħala impriża li mhux kapaċi tipprovdi servizzi konsistenti mal-istandards fis-seħħ u għalhekk li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha, huma tali li jbaxxu l-immaġni u r-reputazzjoni tagħha li fihom infushom għandhom valur kummerċjali, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

61      Barra minn dan, għandu jiġi osservat li, bl-istess mod kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 150 tas-sentenza M vs Ombudsman, punt 39 iktar ’il fuq, li mill-pubblikazzjoni nnifisha fuq sit tal-internet tal-Ombudsman tad-deċiżjoni tiegħu li timplika lir-rikorrent b’ismu fil-kawża li wasslet għal din id-deċiżjoni dwar każ ta’ amministrazzjoni ħażina jirriżulta li din tal-aħħar ġiet affettwata b’mod reali u ċert, is-sempliċi pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-dikjarazzjonijiet li jindikaw b’isimha lil Idromacchine fid-deċiżjoni kkontestata hija biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura reali u ċerta tad-dannu subit minnha.

62      Barra minn hekk, anki jekk jiġi meqjus li, kif sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija ma wettqet l-ebda żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li Idromacchine aġixxiet ħażin fir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħha ma’ De Poli, il-fatt jibqa’ li l-fatti u l-evalwazzjonijiet li jindikaw b’isimha lil Idromacchine bħala li ma kinitx kapaċi li tipprovdi lil De Poli prodotti li jikkonformaw mal-istandards fis-seħħ u li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha huma ta’ dannu għall-immaġini u għar-reputazzjoni ta’ Idromacchine. Barra minn hekk, dan id-dannu huwa speċifiku għal Idromacchine u huwa distint minn dak li jirriżulta minn eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni allegatament imwettqa mill‑Kummissjoni jew mir-Repubblika Taljana meta kkunsidraw li din kienet responsabbli għad-dewmien fil-kunsinna tat-tankijiet inkwistjoni.

63      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li Idromacchine ssubiet dannu għall‑immaġni u għar-reputazzjoni tagħha.

 Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu ivokat

64      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li hemm rabta kawżali diretta bejn, minn naħa, il-ksur tal-obbligu ta’ sigriet professjonali u l‑prinċipju ta’ proporzjonalità u, mill-oħra, id-dannu għall-immaġni u għar‑reputazzjoni ta’ Idromacchine.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li Idromacchine ma kienet issofri l-ebda dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni tagħha li kieku l‑Kummissjoni ma żvelatx, fid-deċiżjoni kkontestata, fatti u evalwazzjonijiet li jindikawha b’isimha bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli prodotti li jikkonformaw mal-istandards fis-seħħ u li tosserva l-obbligi kuntrattwali tagħha. L-argumenti tal-Kummissjoni li jgħidu li ma hemmx rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-allegati nuqqasijiet tagħha u d-dannu invokat mir-rikorrenti ma humiex sostenibbli.

66      L-ewwel nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li d-dannu subit mir‑rikorrenti huwa imputabbli jew fuq De Poli li sostniet fil-kuntest tal‑proċedura tal-għajnuna mill-Istat li d-dewmien fil-bini tal-bastimenti kien ikkawżat prinċipalment mill-aġir ta’ Idromacchine, jew inkella fuq ir-Repubblika Taljana li pprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni żbaljata, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

67      Fil-fatt, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li De Poli pprovdiet informazzjoni żbaljata dwar Idromacchine lir-Repubblika Taljana, li, minn naħa, żbaljatament bagħtithom lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, naqset milli tindika lil din tal-aħħar li l-imsemmija informazzjoni kellha tkun protetta bis-sigriet professjonali, il-fatt jibqa’ li l-kawża diretta tad-dannu lil Idromacchine f’dan ir-rigward ma jirriżultax mill-allegata informazzjoni żbaljata pprovduta minn De Poli jew mir-Repubblika Taljana iżda mill-fatt li l-Kummissjoni żvelat, fid-deċiżjoni kkontestata, fatti u evalwazzjonijiet li jindikawha b’isimha bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli prodotti li jikkonformaw mal-istandards fis-seħħ u li tosserva l‑obbligi kuntrattwali tagħha ukoll jekk dan ma kienx meħtieġ fir-rigward tas-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

68      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni matul is-seduta wara li r-rikorrenti kienu indikaw, b’risposta għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali, li l-Qorti ta’ Venezja tat, f’Diċembru 2009, sentenza fejn ġie deċiż li De Poli ma kinitx wettqet nuqqasijiet fil-kuntest tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha fil-konfront ta’ Idromacchine, sentenza bħal din tibqa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti għall-konstatazzjoni li tgħid li Idromacchine ma kienet issofri ebda dannu għall-immaġni u għar‑reputazzjoni tagħha li kieku l-Kummissjoni ma żvelatx isimha fid‑deċiżjoni kkontestata.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 31 sa 70 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li t-tliet rekwiżiti ta’ attribuzzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE huma sodisfatti u għalhekk għandu jiġi deċiż l‑ammont ta’ kumpens li għandu jingħata lil Idromacchine bħala kumpens għad-dannu mhux materjali li hija sofriet.

 Fuq il-kumpens għad-danni mhux materjali subiti minn Idromacchine

70      Fir-rigward tal-kumpens għad-dannu għall-immaġini u għar-reputazzjoni li sofriet Idromacchine, ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu, l-ewwel nett, kumpens li għandu jiġi ddeterminat ex aequo et bono, sussegwentement, l‑għoti ta’ interessi kumpensatorji li jkopru l-perijodu mill‑pubblikazzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata sal-għoti tas‑sentenza u interessi moratorji li jkopru l-perijodu mill-għoti tas-sentenza sal-ħlas effettiv tal‑kumpens dovut u, finalment, miżuri intiżi li jirrijabilitaw l‑immaġni u r-reputazzjoni ta’ Idromacchine.

71      L-ewwel nett, fir-rigward tat-talba tagħhom għal ħlas mill-Kummissjoni ta’ kumpens li għandu jiġi determinat ex aequo et bono, għandu jiġi kkonstatat li, b’risposta għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrenti indikaw li, inkunsiderazzjoni tal-fatt li d-dannu mhux materjali ma kienx kwantifikabbli, kien biss b’mod purament indikattiv li huma kienu ssuġġerew li l-Qorti Ġenerali għandha tatihom bħala kumpens ammont li jvarja minn 30 % sa 50 % tal-ammont li huma qed jitolbu bħala danni materjali subiti minnhom, jiġifieri ammont li jvarja bejn EUR 1 637 892 u EUR 2 729 820.

72      L-ewwel nett, fir-rigward tal-fatturi li r-rikorrenti jħossu li aggravaw id-danni tagħhom sa fejn il-Kummissjoni “rrepetiet il-pubbliċità negattiva fir-rigward ta’ Idromacchine”, huma jsemmu riferimenti għad-deċiżjoni kkontestata li jinsabu l-ewwel nett, fid‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/948/KE, tal-4 ta’ Lulju 2006, dwar għajnuna mill-Istat li l-Italja qed tippjana li timplimenta favur Cantieri Navali Termoli SpA (ĠU L 383, p. 53) u sussegwentement fid-Deċiżjoni 2008/C 208/07, tas-16 ta’ April 2008, “Għajnuna mill-Istat – l-Italja – għajnuna mill‑Istat C 15/08 (ex N 318/07, N 319/07, N 544/07 u N 70/08) – Estensjoni tat-termini ta’ kunsinna ta’ tliet snin għal erba’ tankers għal ġarr tal-prodotti kimiċi mibnija minn Cantiere Navale de Poli” (ĠU C 208, p. 14), u finalment, fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Novembru 2008, Cantieri Navali Termoli vs Il-Kummissjoni (T‑70/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra) (ĠU C 6, p. 25).

73      Għalkemm huwa minnu li fiż-żewġ deċiżjonijiet u fis-sentenza msemmija fil-punt 72 iktar ’il fuq, li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Ufficjali, hemm riferiment għad‑deċiżjoni kkontestata, għandu madankollu jiġi osservat li ebda riferiment ulterjuri ma sar dwar fatti u evalwazzjonijiet li jindikaw b’isimha lil Idromacchine bħala li ma kinitx kapaċi tipprovdi lil De Poli prodotti li jikkonformaw mal-istandards fis-seħħ u li tosserva l‑obbligi kuntrattwali tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet u din is-sentenza ma humiex tali li aggravaw id-dannu mhux materjali sostnut minn Idromacchine.

74      It-tieni nett, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-rikorrenti ma jipprovdu ebda spjegazzjoni li ssostni t-talba tagħhom għall-għoti ta’ kumpens li jammonta għal somma ugwali għal perċentwali li tvarja minn 30 % sa 50 % tal-ammont ta’ EUR 5 459 641.28 li huma qed jitolbu bħala kumpens għad-danni materjali subiti minnhom. Għalkemm l-iżvelar, minn awtorità pubblika bħall-Kummissjoni, ta’ informazzjoni li tippreżenta lil Idromacchine b’mod mhux favorevoli kien tali li jikkawża dannu reali għall-immaġni u għar-reputazzjoni ta’ din il-kumpannija, madankollu r-rikorrenti ma pprovdew ebda argument jew prova li jispjegaw għaliex dawn l-ammonti għandhom jiġu kkunsidrati kumpens ġust għad-dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni ta’ Idromacchine. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkonstatat b’mod partikolari, minn naħa, li ma ġiex ipprovat li dawn l-ammonti għandhom xi relazzjoni mal-ispiża tal-investimenti magħmula minn Idromacchine sabiex toħloq u żżomm l-immaġni u r-reputazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument jew prova li dawn l-ammonti, li huma minn 12 sa 20 il-darba superjuri għall-ammont ta’ EUR 133 500, li jirrappreżenta l-profitt medju annwali li Idromacchine tallega li għamlet fis-snin qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandhom jikkorrispondi ma’ kumpens ġust għad-danni subiti minn Idromacchine.

75      It-tielet nett, għandu jiġi kkonstat li r-rikorrenti kienu fi kwalunkwe każ, f’pożizzjoni li jillimitaw ħafna l-importanza tad-dannu mhux materjali subit minn Idromacchine. Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-korp ta’ ċertifikazzjoni Taljan kien ħareġ lil Idromacchine, mill-5 ta’ Ottubru 2004, ċertifikat ta’ konformità tat-tankijiet inkwistjoni li kien tali li jistabbilixxi li dawn tal-aħħar kienu konformi mal-istandards fis-seħħ, minn dan għandu jiġi dedott li Idromacchine segħtet tinvoka l-imsemmi ċertifikat, b’mod partikolari mal-klijenti eżistenti u potenzjali tagħha, biex tikkontesta, anki qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tiġi, il-verità tal-evalwazzjonijiet negattivi li jikkonċernawha fl-imsemmija deċiżjoni u b’hekk tillimita d-dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni tagħha li joħorġu minnhom. Għal din ir-raġuni, għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala infondati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta li jgħidu li d-dannu għall‑immaġni u għar-reputazzjoni ta’ Idromacchine kien partikolarment importanti minħabba li, mill-pubblikazzjoni tagħha, id-deċiżjoni kkontestata kienet l-ewwel informazzjoni li tirrigwardha li kienet titla’ fuq mutur ta’ tfittxija fuq l-internet u li d-deċiżjoni kienet disponibbli kemm fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-kompetizzjoni fi ħdan il-Kummissjoni kif ukoll fil-Ġurnal Uffiċjali li l-qari tiegħu kien mifrux ħafna.

76      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 71 sa 75 hawn fuq u fin-nuqqas ta’ elementi iktar preċiżi pprovduti mir-rikorrenti dwar il‑portata tad-dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni li sofriet Idromacchine, il-Qorti Ġenerali tqis li kumpens ta’ EUR 20 000 jirrappreżenta kumpens ġust.

77      It-tieni nett, fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti dwar l-għoti, minn naħa, ta’ interessi kumpensatorji li jkopru l-perijodu mill‑pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sal-għoti tas-sentenza u, min-naħa l-oħra, ta’ interessi moratorji li jkopru l-perijodu mill-għoti tas‑sentenza sal-ħlas effettiv tal-kumpens dovut, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, ladarba jkunu sodisfatti r-rekwiżiti għar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-konsegwenzi mhux favorevoli li jirriżultaw miż-żmien li jkun gћadda bejn meta seћћ il-fatt li kkawża d-dannu u d-data tal-ћlas tal-kumpens ma jistgћux jiġu injorati, peress li trid tiġi kkunsidrata l-iżvalutazzjoni monetarja (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Lulju 2005, Camar vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑260/97, Ġabra p. II‑2741, punt 138; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, tat-3 ta’ Frar 1994, Grifoni vs KEEA, C‑308/87, Ġabra p. I‑341, punt 40). Għandu jiġi kkunsidrat li din l-iżvalutazzjoni tal-munita hija riflessa fir-rata ta’ inflazzjoni annwali rreġistrata, għall‑perijodu kkonċernat, mill-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea) fl-Istat Membru fejn dawn il-kumpanniji huma stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ Jannar 2000, Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑104/89 u C‑37/90, Ġabra p. I‑203, punti 220 u 221; tal-Qorti Ġenerali, Camar vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 139, u tas-26 ta’ Novembru 2008, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 50). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat, f’dan il-każ, li l-fatt li kkawża dannu ġara fil-jum tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fit-18 ta’ Frar 2005.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha tħallas l-interessi kumpensatorji, mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fit-18 ta’ Frar 2005 sal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, b’żieda ta’ żewġ punti.

79      It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont tal-kumpens dovut gћandu jiġi miżjud bl-interessi moratorji b’effett mid-data li fiha tingћata s-sentenza li tikkonstata l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Dumortier et vs Il-Kunsill, punt 26 iktar ’il fuq, punt 25, u Mulder et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 35; Agraz et vs Il‑Kummissjoni, punt 79 iktar ’il fuq, punt 55). Skont il-ġurisprudenza, ir-rata tal-interessi li għandha tiġi applikata gћandha tiġi kkalkolata abbażi tar-rata stabbilita mill-BĊE gћall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, li kienet tapplika matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti (sentenzi Camar vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, u punt 146, Agraz et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 55).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni għandha tħallas l‑interessi moratorji sa mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-ħlas sħiħ tal‑imsemmi kumpens, skont ir-rata stabbilita mill-BĊE għall‑operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il‑perijodu kkonċernat, miżjud b’żewġ punti.

81      It-tielet nett, fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti biex tiġi rrijabilitata l‑immaġini ta’ Idromacchine, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza, mit-tieni sentenza tal‑Artikolu 288 KE u mill-Artikolu 235 KE, li ma jeskludux l-għoti ta’ kumpens in natura, jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġurisdizzjoni li timponi fuq il-Komunità kull forma ta’ kumpens li tkun konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, inkluż, jekk jidher konformi ma’ dawn il-prinċipji, kumpens in natura, jekk ikun il-każ fil‑forma ta’ ordni sabiex issir jew ma ssirx xi ħaġa (sentenza Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 63).

82      F’din il-kawża, it-talba tar-rikorrenti li l-Qorti Ġenerali terġa’ tirrijabilita l‑immaġni ta’ Idromacchine kemm billi tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali korrezzjoni tad-dikjarazzjonijiet allegatament żbaljati li jinsabu fid‑deċiżjoni kkontestata, jew billi tibgħat lill-operaturi fis-settur tat‑tarznari ittra li tikkoreġi l-informazzjoni allegatament żbaljata li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Għalkemm huwa ċertament minnu li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ir-rikorrenti ripetutament affermaw, essenzjalment, li Idromacchine ma għandha ebda tort fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha ma’ De Poli. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas li ġie kkonstatat fil-konfront tal-Kummissjoni fil-punt 56 hawn fuq, kif mitlub mir-rikorrenti, jikkonsisti fl-iżvelar tal-isem ta’ Idromacchine u mhux fi żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti billi qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li Idromacchine kienet responsabbli għat-twettiq mhux xieraq tal-obbligi kuntrattwali tagħha fir-rigward ta’ De Poli. Peress li, fin-nuqqas ta’ talba mir-rikorrenti f’dan is-sens, il-konstatazzjoni ta’ tali żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma tiffurmax parti mis-suġġett ta’ dan ir-rikors, la hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx l-imsemmi żball ta’ evalwazzjoni u lanqas, a fortiori, li l-Kummissjoni tiġi ordnata tieħu miżuri li jistgħu jirrijabilitaw l-immaġni u r-reputazzjoni ta’ Idromacchine.

83      Għalhekk, it-talba ta’ rijabilitazzjoni tal-immaġni u tar-reputazzjoni ta’ Idromacchine mressqa mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

84      Bħala konklużjoni dwar it-talba għad-danni tar-rikorrenti fil-konfront tad-dannu mhux materjali ta’ Idromacchine, hemm għalhekk lok, l-ewwel nett, li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huma sodisfatti, it-tieni nett, li Idromacchine tingħata l-ammont ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-danni mhux materjali sostnuti minnha, it-tielet nett, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-interessi kompensatorju fuq dan l-ammont b’effett mill‑pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġurnal Uffiċjali tat-18 ta’ Frar 2005, sal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata stabbilita mill‑BĊE għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti u, ir-raba’ nett, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-interessi moratorji fuq dan l-ammont mid-data tal-għoti ta’ din id-deċiżjoni sal-ħlas sħiħ tal-kumpens, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti.

 Fuq id-dannu morali subit minn Alessandro u Roberto Capuzzo

85      Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li huma jsostnu, essenzjalment, li Alessandro u Roberto Capuzzo subew żewġ tipi ta’ dannu morali. Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni ta’ Idromacchine affettwaw lil Alessandro u Roberto Capuzzo “bħala konsegwenza” fil-kapaċità tagħhom bħala proprjetarji tal-kapital azzjonarju kollu ta’ Idromacchine u ta’ diretturi ta’ din il-kumpannija. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li sofrew minn “stat ta’ ansjetà li rriżultat għal [Alessandro u Roberto Capuzzo] mill-ħtieġa urġenti biex tissewwa l-ħsara magħmula mill-Kummissjoni minħabba l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni li [huma] kklassifikaw u għadhom jikklassifikaw bħala falza” kif ukoll minn “stat ta’ inċertezza” u minn “stat ta’ frustrazzjoni” li rriżultaw minn tentattivi bla suċċess li huma wettqu wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biex jieħdu kumpens għad-danni subiti minn Idromacchine.

86      Sa fejn fil-punt 57 iktar ’il fuq diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni aġixxiet ħażin, li rriżulta mill-ksur tal-obbligu tagħha ta’ sigriet professjonali, għandu jiġi eżaminat kemm jekk ir-rikorrenti stabbilixxewx f’dan il-każ li Alessandro u Roberto Capuzzo subew danni morali reali u ċerti, u li hemm rabta kawżali bejn dan l-aġir illegali u l-allegat dannu morali li huma sofrew. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, jekk xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jkun nieqes, ir-responsabbiltà tal-Komunità ma tistax tiġi stabbilita.

87      L-ewwel nett, fir-rigward tad-dannu għall-immaġini u għar-reputazzjoni allegatament subit minn Alessandro u Roberto Capuzzo “bħala konsegwenza” tad-dannu għall-immaġini u għar-reputazzjoni subit minn Idromacchine, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li l-ismijiet tagħhom ma jidhru mkien fid-deċiżjoni kkontestata u li ebda aġir ħażin ma ġie attribwit lilhom personalment.

88      Imbagħad għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li Alessandro u Roberto Capuzzo għandhom il-kapital azzjonarju kollu ta’ Idromacchine u huma d-diretturi prinċipali ma huwiex tali li jbiddel il-konstatazzjoni li tgħid li huwa biss l-aġir ta’ Idromacchine, u mhux dak tal-azzjonisti tagħha jew tad-diriġenti tagħha, ġie kkritikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi emfasizzat li, kif jirriżulta mir-riferimenti għad-deċiżjoni kkontestata esposti fil-punti 8 sa 12 iktar ’il fuq, kienet il‑kapaċità nnifisha tal-istess kumpannija li tissodisfa l-obbligi kuntrattwali tagħha u li tipprovdi prodotti li jikkonformaw mal-istandards fis-seħħ, u mhux il‑kwalitajiet ta’ Alessandro u Roberto Capuzzo bħala diriġenti jew azzjonisti, li ġiet ikkritikata fl-imsemmija deċiżjoni.

89      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jirreferu għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tad-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni (T‑231/97, Ġabra p. II‑2403, punti 54 u 55), għandu jiġi osservat li l‑fatti f’dik il-kawża huma differenti minn dawk ta’ din il-kawża u ma għandhomx iwasslu għal konklużjoni identika. Fil-fatt, għalkemm mill‑punti 54 u 55 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet f’din il-kawża li d-dannu għar-reputazzjoni tal-kumpannija inkwistjoni kien affettwa ir-reputazzjoni tad-diriġent li kellu 99 % tal-kapital tagħha, dan kien minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ dik il-kawża li kienu, minn naħa, li l-imsemmi diriġent kien eżerċita waħdu, għall-ewwel, l-attività ta’ din l-impriża fil-forma ta’ “intrapriża individwali” u, min-naħa l-oħra, li personalment tqiegħed f’sitwazzjoni ta’ inċertezza mill‑Kummissjoni li kienet hija stess ikkostrinġitu jagħmel sforzi inutli biex ibiddel is-sitwazzjoni maħluqa minn din tal-aħħar. Fil‑kawża preżenti, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li waħda jew oħra minn dawn iċ-ċirkustanzi kienu sodisfatti.

90      Għalhekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma stabbilixxewx ir-realtà tad-dannu għall-immaġni u għar-reputazzjoni ta’ Alessandro u Roberto Capuzzo bħala azzjonisti u diriġenti ta’ Idromacchine.

91      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda d-dannu morali subit minn Alessandro u Roberto Capuzzo b’konsegwenza tal-istat tagħhom ta’ “ansjetà” li rriżulta mill-ħtieġa li tiġi rrijabilitata l-immaġni ta’ Idromacchine u l‑istat tagħhom ta’ “inċertezza” u ta’ “frustrazzjoni” minħabba tentattivi bla suċċess li huma kienu wettqu wara l‑pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata biex jieħdu kumpens għad‑dannu subit minn Idromacchine, għandu jiġi osservat, minn naħa, li r-rikorrenti llimitaw ruħhom li jinvokaw li huma subew danni ta’ natura psikoloġika mingħajr madankollu ma pproduċew prova ta’ dan.

92      Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti lill-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li f’din il-kawża l-azzjonijiet amministrattivi li Alessandro u Roberto Capuzzo bdew personalment fil-kapaċità tagħhom bħala diriġenti ta’ Idromacchine marru lil hinn mit-trażmissjoni ta’ żewġ ittri ffirmati lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Taljan u lill-Kummissjoni. Madankollu, dawn il-passi waħedhom ma jistgħux jitqiesu bħala li huma tat-tip li jikkaġunaw inkonvenjenti li jmorru lil hinn mill-konsegwenzi normali tal-ħajja tan‑negozju ta’ diriġenti bħalma huma Alessandro u Roberto Capuzzo, tali li jikkostitwixxu dannu morali.

93      Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li Alessandro u Roberto Capuzzo sofrew stat ta “ansjetà”, ta’ “inċertezza” u ta’ “frustrazzjoni” li jikkostitwixxi dannu reali u ċert.

94      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha stabbiliti fil-punti 84 sa 93 iktar ’il fuq, it-talba għad-danni tar‑rikorrenti fir-rigward tad-danni morali subiti minn Alessandro u Roberto Capuzzo għandha tiġi miċħuda. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet tar-rikorrenti, skont it-tieni u t-tielet kap tat-talbiet tagħhom, sabiex jingħataw interessi kumpensatorji u moratorji f’dan ir-rigward jew li l-Kummissjoni tiġi ordnata li “tirrijabilita” l‑immaġini u r-reputazzjoni tagħhom, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.     Fuq it-talba għal kumpens għad-danni materjali

95      Ir-rikorrenti jsostnu li huma subew erba’ tipi ta’ danni materjali.

96      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu li huma allegatament sofrew bħala riżultat tal-ħtieġa għal Idromacchine li tressaq kemm quddiem ir-Repubblika Taljana u kif ukoll quddiem il-Kummissjoni, talba formali għal aċċess għad-dokumenti li dawn tal-aħħar skambjaw fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat li rriżultat fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir‑rigward, huma jitolbu kumpens, minn naħa, għal ammont ta’ EUR 3 569.28 li jikkorrispondi għall-ispejjeż tal-avukat u għall-ispejjeż ta’ vvjaġġar ta’ impjegat ta’ Idromacchine biex ikollhom aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet Taljani u, min-naħa l-oħra, għal ammont ta’ EUR 9 072 li jirrapreżenta l-ispiża tar-rapport tal-espert tekniku u tal-kontabbiltà dwar id-danni allegatament subiti minn Idromacchine u li huma kkummissjonaw lil kumpannija tal-awditjar għall-finijiet ta’ din il-proċedura (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-espert”).

97      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li skont l-Artikolu 91(2) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huma meqjusa bħala spejjeż li jistgħu jiġu rkuprati, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall‑finijiet tal-proċedura.

98      Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tal-ispejjeż assoċjati mar-rapport tal-espert li r-rikorrenti kkummissjonaw biex jiġi stabbilit l-ammont tad-danni allegatament subiti minnhom fil-kuntest ta’ din il‑proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, tali spejjeż sostnuti mill-partijiet għall-finijiet tal-proċeduri legali ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu danni distinti mill-ispejjeż tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Ġunju 1999, Il-Kummissjoni vs Montorio, C‑334/97, Ġabra p. I‑3387, punt 54, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-14 ta’ Settembru 2005, Ehcon vs Il-Kummissjoni, T‑140/04, Ġabra p. II‑3287, punt 79).

99      Konsegwentement, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma humiex intitolati li jiksbu, fuq il-bażi tal-Artikolu 288(2) KE, kumpens għall‑ispejjeż relatati mar-rapport tal-espert li huma kkummissjonaw għall‑finijiet ta’ din il-proċedura.

100    It-tieni nett, fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukat u tal-ivvjaġġar ta’ impjegat ta’ Idromacchine marbutin mat-talbiet għall-aċċess għall-korrispondenza skambjata bejn ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni li r-rikorrenti għamlu matul il-fażi ta’ qabel din il-proċedura, għandu jiġi mfakkar li l‑Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, anki jekk xogħol legali sostanzjali ġie mwettaq diġà matul il-proċedura li tippreċedi l-fażi tal-qorti, l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura jirrigwarda biss il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, bl-esklużjoni tal-fażi preċedenti. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 90 tal‑istess Regoli li jevoka il-“proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Jannar 2002, Groupe Origny vs Il-Kummissjoni, T‑38/95 DEP, Ġabra p. II‑217, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata) Għaldaqstant, il-fatt li tali spejjeż jiġu rikonoxxuti bħala dannu li għandu jiġi kkumpensat fil-kuntest ta’ rikors għad-danni huwa f’kuntradizzjoni man-natura mhux rekuperabbli tal-ispejjeż sostnuti matul il-fażi preċedenti tal-proċedura ġudizzjarja (digriet Ehcon vs Il-Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 79).

101    Għalhekk, hemm ukoll lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma humiex intitolati li jiksbu, fuq il-bażi tal-Artikolu 288(2) KE, kumpens għall-ispejjeż tal-avukati u tal-ivvjaġġar ta’ impjegat ta’ Idromacchine li jkunu saru b’rabta mal-fażi ta’ qabel ta’ dan il-proċediment, quddiem il-Qorti Ġenerali.

102    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 95 sa 101 iktar ’il fuq, għandhom għalhekk jiġu miċħuda t-tabiet għall-kumpens għall-ispejjeż inkorsi mir-rikorrenti, minn naħa, qabel din il-proċedura u, min-naħa l-oħra, dawk sostnuti għall‑finijiet ta’ din il-proċedura.

103    It-tieni nett, peress li l-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat fil-punt 57 iktar ’il fuq li l‑Kummissjoni kienet għamlet żball tat-tip li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti stabbilixxewx ir-realtà ta’ kull wieħed mit-tliet danni materjali li invokaw, u jekk hemmx rabta kawżali bejn kull wieħed mill-imsemmija danni li huma jinvokaw u dan in-nuqqas. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 27 iktar ’il fuq, jekk xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti ma jkunx sodisfatt, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma tistax tiġi invokata.

104    L-ewwel nett, ir-rikorrenti qed jitolbu kumpens ta’ EUR 3 900 000 li jikkorrispondi għall-valur ta’ kostruzzjoni tat-tankijiet inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, Idromacchine ma kinitx kapaċi terġa’ tbigħ l-imsemmija tankijiet minħabba d-dikjarazzjonijiet rigward id-difett allegat tagħhom imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata, kif tindika, essenzjalment, l-ittra ta’ sensal, tat-30 ta’ Marzu 2007, li huma annettew mar-rikors (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-sensal”).

105    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom ir-rikorrenti sostnew li, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li t-tankijiet inkwistjoni baqgħu ma nbiegħux wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, “Idromacchine kellha saħansitra tibda, b’kollaborazzjoni ma’ kumpanniji oħra fis-settur u xi sidien, il-bini ta’ bastiment ad hoc (fejn il-karatteristiċi fiżiċi u mekkaniċi [kienu] paragunabbli ma’ dawk tal-bastiment [ta’ De Poli] li fuqu kellhom jiġu installati t-tankijiet li kienu ordnati) għalxejn”. Għalhekk, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni fuq il-kredibbiltà, bħala prova, tal-ittra tas-sensal, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta, għandu jiġi rrilevat li, skont l-istess ammissjoni tar-rikorrenti, it-tankijiet inkwistjoni ma nbiegħux minħabba l-fatt li dawn kienu mibnija biex jaqdu l‑ispeċifiċitajiet tal-bastimenti li fuqhom De Poli li kellha tinstallhom u mhux minħabba l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

106    Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li d-dannu materjali ta’ Idromacchine f’dan ir-rigward jirriżulta direttament mhux mill-fatt li l-Kummissjoni aġixxiet ħażin, iżda mill-fatt li De Poli ma ħallsux l-imsemmija tankijiet. Għalhekk, huwa fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ responsabbiltà kuntrattwali quddiem il-qrati nazzjonali u mhux fil-kuntest ta’ din il-proċedura li Idromacchine hija, jekk ikun il-każ, intitolati għal kumpens għal dan id-dannu materjali.

107    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li kien hemm rabta kawżali bejn l-aġir ħażin tal-Kummissjoni u d-dannu materjali allegatament subit minn Idromacchine minħabba l-fatt li hija kellha tbati l-ispejjeż tal-bini tat-tankijiet inkwistjoni li baqgħu ma nbiegħux. Għalhekk it-talba għad-danni tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda.

108    It-tieni nett, ir-rikorrenti jitolbu kumpens ta’ EUR 1 013 000 li jikkorrispondi għall-allegati “nuqqas ta’ produttività tal-beni u tat-tagħmir ta’ Idromacchine dedikati unikament għas-settur tal-bojlers mill-2005 sal-2008”. Huma jsostnu li “mill-2005, Idromacchine kellha bilfors issostni serje ta’ spejjeż inevitabbli biex jinżamm ħaj settur li kien sar mhux produttiv preċiżament minħabba l-informazzjoni ppubblikata” fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħom huma rriproduċew tabella, magħmula minn impjegat ta’ Idromacchine, li tgħid li kien hemm erbatax-il biċċa tagħmir użati fil-manifattura ta’ tankijiet, li kienu nxtraw minn Idromacchine bejn l-1995 u l-2002, u li l-valur kurrenti aggregat tagħhom kien ta’ EUR 1 013 000.

109    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ammont mitlub mir-rikorrenti jirrifletti, skont l-istimi tagħhom, il-valur fl-2008 tat-tagħmir użat għall-bini tat-tankijiet, dan l-ammont, madankollu, ma huwiex relatat mas-suġġett innifsu tat-talba tagħhom għad-danni minħabba l-fatt li l-imsemmi tagħmir ma kienx intuża matul tliet snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu li għalih huma qegħdin jitolbu kumpens ta’ EUR 1 013 000 ma huwiex reali u ċert.

110    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, fi kwalunkwe każ, li r-rikorrenti ma stabilixxewx, f’dan il-każ, rabta kawżali bejn l-aġir ħażin tal-Kummissjoni u l-fatt li Idromacchine ma setgħetx tuża dan it-tagħmir matul tliet snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

111    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, minn naħa, is-settur tal-bojlers kiber bejn l-2005 u l-2008, u li, min-naħa l-oħra, Idromacchine qatt ma kienet is-suġġett ta’ lmenti minn klijenti oħra barra De Poli, bl-ebda mod ma jimplikaw li d-dħul mill-bejgħ ta’ Idromacchine u, għaldaqstant, il-kapaċità tagħha sabiex tifdi dan it-tagħmir ma kinux ser jonqsu matul dan il-perijodu li kieku d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx ippubblikata. Fil-fatt, mill-fatt li suq ikun qed jikber ma jistax jiġi dedott li d-dħul mill-bejgħ magħmul minn impriża partikolari f’dan fis-suq għandu neċessarjament jiżdied.

112    Wara dan, l-ittra tas-sensal, li r-rikorrenti pprovdew u li tgħid li l-klijenti kkuntattjati għall-bejgħ tat-tankijiet inkwistjoni “konsistentment qajjmu riżervi insormontabbli [b’kunsiderazzjoni] tal-allegat difett ta’ [t-] tankijiet [inkwistjoni], kif kien irrappurtat mill-Kummissjoni Ewropea fil-[Ġurnal Uffiċjali] tat-18 ta’ Frar 2005” ma tippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u l-fatt li Idromacchine kellha tnaqqis qawwi ħafna fid-dħul mill-bejgħ tagħha bejn l-2005 u l-2008, b’tali mod li ma kinitx f’pożizzjoni li tuża t-tagħmir tagħha matul tliet snin wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata minħabba n-nuqqasijiet imwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti ma jipproduċu ebda prova li, minħabba l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-klijenti eżistenti jew potenzjali ta’ Idromacchine baqgħu lura milli jordnawlha tankijiet għajr dawk koperti mid-deċiżjoni kkontestata jew inkella, per eżempju, li wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Idromacchine kienet ġiet eskluża mil-lista ta’ bejjiegħa li għaliha kienet tappartjeni, u li r-rikorrenti indikaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li hija biss “l-inklużjoni f’tali listi li [kienet] tippermetti li tikseb ordnijiet.”

113    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jipprovdu l-ebda ġustifikazzjoni li tippermetti li wieħed jifhem għaliex il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ġabet magħha tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ Idromacchine anki jekk din setgħet tinvoka, ma kull klijent eżistenti jew potenzjali, il-fatt li, kif indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom stess, il-konformità tat-tankijiet inkwistjoni mal-istandards fis-seħħ kienet ġiet definittivament rikonoxxuti mill-korp Taljan taċ-ċertifikazzjoni fil-5 ta’ Ottubru 2004 qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

114    Għalhekk mill-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 108 sa 113 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti la stabbilixxew l-eżistenza ta’ dannu reali u ċert u lanqas l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni u l-allegat dannu materjali tagħhom li jikkorrispondi għall-allegat “nuqqas ta’ produttività tal-beni u tat-tagħmir ta’ Idromacchine dedikati unikament għas-settur tal-bojlers mill-2005 sal-2008”.

115    It-tielet nett, ir-rikorrenti jitolbu kumpens ta’ EUR 534 000 għall-allegat nuqqas ta’ qligħ subit minn Idromacchine minħabba t-tnaqqis fl-ordnijiet għal tankijiet u li jikkorrispondi għall-ammont totali ta’ profitti li hija kienet tagħmel mill-2005 sal-2008 li kieku d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx ippubblikata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, kif ġie kkonstatat fil-punt 111 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma pproduċew l-ebda prova tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir żbaljat tal-Kummissjoni u t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ magħmul minn Idromacchine u għalhekk, fil-profitti tagħha.

116    Għalhekk, it-talba għad-danni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala infondata sa fejn din tirrigwarda l-allegati danni materjali kollha tagħhom li ġew evalwati fl-ammont totali ta’ EUR 5 459 641.28. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, intiżi biex jiżguraw li dawn jingħataw interessi kumpensatorji u moratorji u fuq l-imsemmi ammont, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

117    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu għalhekk jiġi konkluż li dan ir-rikors għandu jiġi milqugħ sa fejn ir-rikorrenti jitolbu kumpens għad-dannu mhux materjali subit minn Idromacchine u miċħud għall-kumplament.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap wieħed jew iktar tat-talbiet tagħhom.

119    Peress li r-rikors ġie parzjalment milqugħ, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż tar-rikorrenti u, għaldaqstant, li dawn tal-aħħar għandhom ibatu terz tal-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil Idromacchine Srl kumpens ta’ EUR 20 000 għad-dannu mhux materjali subit min din tal-aħħar.

2)      Il-kumpens li għandu jitħallas lil Idromacchine għandu jiġi miżjud bl-interessi kumpensatorji, mit-18 ta’ Frar 2005 sal-għoti ta’ din is-sentenza, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti.

3)      Il-kumpens li għandu jitħallas lil Idromacchine għandu jiġi miżjud bl-interessi moratorju, mill-għoti ta’ din is-sentenza sal-ħlas sħiħ tal-imsemmi kumpens, bir-rata stabbilita mill-BĊE għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u żewġ terzi tal-ispejjeż ta’ Idromacchine, ta’ Alessandro Capuzzo u ta’ Roberto Capuzzo li għandhom ibatu terz tal-ispejjeż tagħhom stess.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Novembru 2011.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq it-talba għal kumpens għad-danni mhux materjali

Fuq id-danni mhux materjali subiti minn Idromacchine

Fuq l-aġir illegali allegat kontra l-Kummissjoni

Fuq ir-realtà tad-dannu

Fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu ivokat

Fuq il-kumpens għad-danni mhux materjali subiti minn Idromacchine

Fuq id-dannu morali subit minn Alessandro u Roberto Capuzzo

2.  Fuq it-talba għal kumpens għad-danni materjali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.