SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Ġunju 2008 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Miżuri meħuda mir-Repubblika Portugiża favur ix-xandar pubbliku RTP biex jiffinanzja l-funzjoni tiegħu ta’ servizz pubbliku — Deċiżjoni li tiddikjara li ċerti miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u li l-oħrajn huma kompatibbli mas-suq komuni — Klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat — Kompatibbiltà mas-suq komuni — Obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali”

Fil-Kawża T-442/03,

SIC — Sociedade Independente de Comunicação, SA, stabbilita f’Carnaxide (il-Portugall), irrappreżentata minn C. Botelho Moniz, E. Maia Cadete u M. Rosado da Fonseca, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn M. Balta u F. Florindo Gijón, imbagħad minn Niejahr, J. Buendía Sierra u G. Braga da Cruz, u finalment minn B. Martenczuk u Braga da Cruz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/406/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2003, dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri ad hoc mill-Portugall favur RTP (ĠU 2005, L 142, p. 1), minħabba li din id-deċiżjoni tiddikjara li wħud minn dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat filwaqt li l-oħrajn huma kompatibbli mas-suq komuni,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikolu 16 KE jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 73 [KE], 86 [KE] u 87 [KE], u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku [importanza ekonomika] ġenerali fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali [tal-Unjoni], il-Komunità u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-iskop ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet [funzjonijiet] tagħhom”.

2

L-Artikolu 86(2) KE jipprovdi:

“Kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun soġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità”.

3

L-Artikolu 87(1) KE jipprovdi:

“Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni”.

4

Il-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (ĠU 1997, C 340, p. 109, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Amsterdam”), introdott mit-Trattat ta’ Amsterdam bħala anness għat-Trattat KE, jipprovdi:

“[L-Istati Membri,] jikkunsidraw li s-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri hija direttament relatata mal-ħtiġiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media ftiehma dwar id-disposizzjonijiet ta’ interpretazzjoni li ġejjin, li għandhom ikunu annessi mat-Trattat [KE]:

Id-disposizzjonijiet tat-Trattat [KE] għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettieq tal-missjoni [funzjoni] ta’ servizz publiku kif mogħtija, definita u organizzata minn kull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffetwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fil-Komunità sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettieq tal-missjoni ta’ dak is-servizz pubbliku”.

5

Fil-15 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli għall-għajnuna tal-istat lis-servizzi ta’ xandir pubbliku (ĠU C 320, p. 5, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq ix-xandir”), fejn hija ħabbret il-prinċipji li hija kienet ser issegwi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87 KE u tal-Artikolu 86(2) KE għall-finanzjament mill-Istat tal-organizzazzjonijiet tax-xandir pubbliku (punt 4 ta’ din il-komunikazzjoni).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6

Ir-RTP — Radiotelevisão Portuguesa, SA, hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata (iktar ’il quddiem PLC) iffinanzjata mill-Istat, inkarigata mis-servizz pubbliku tat-televiżjoni Portugiż, bis-saħħa ta’ kuntratti msemmija “kuntratti ta’ konċessjoni tas-servizz pubbliku tat-televiżjoni”, konklużi, suċċessivament, fis-17 ta’ Marzu 1993 u fil-31 ta’ Diċembru 1996 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kuntratti tas-servizz pubbliku”).

7

Ir-rikorrenti, SIC — Sociedade Independente de Comunicação, SA, hija kumpannija tat-televiżjoni kummerċjali li topera waħda mill-istazzjonijiet prinċipali privati tat-televiżjoni Portugiża.

8

Ir-rikorrenti ressqet tlett ilmenti quddiem il-Kummissjoni, rispettivament, tat-30 ta’ Lulju 1993 u tat-12 ta’ Frar 1994 (NN 133/B/01), tas-16 ta’ Ottubru 1996 (NN 85/B/2001) u tat-18 ta’ Ġunju 1997 (NN 94/B/99), li kienu jinfurmawha li r-Repubblika Portugiża kienet wettqet numru ta’ miżuri ad hoc u kumpensi f’forma ta’ ħlasijiet annwali favur l-RTP, li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

9

Fit-3 ta’ Marzu 1997, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, irreġistrat bir-referenza T-46/97, għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Novembru 1996, mogħtija mingħajr il-ftuħ preċedenti tal-proċedura formali ta’ eżami skont l-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) u li tikkonċerna proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE fil-qasam tal-finanzjament tal-istazzjonijiet pubbliċi tat-televiżjoni, kif ukoll għall-annullament ta’ deċiżjoni li allegatament kienet tinsab f’ittra tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 1996. Permezz ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward ta’ wħud mill-miżuri msemmija fl-ilmenti, li dawn ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u, fir-rigward ta’ wħud mill-miżuri l-oħra, hija talbet informazzjonijiet lill-awtoritajiet Portugiżi.

10

Fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni (T-46/97, Ġabra p. II-2125), il-Qorti tal-Prim’Istanza, billi kkonstatat li, wara l-eżami preliminari min-naħa tal-Kummissjoni li eċċeda kunsiderevolment iż-żmien li normalment hu neċessarju għal dan l-eżami, kien għad fadal diffikultajiet serji li kienu jiġġustifikaw il-ftuħ, minn din l-istituzzjoni, tal-proċedura formali ta’ eżami (punti 105 sa 109 tas-sentenza), annullat id-deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 1996. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat kontra l-ittra tal-20 ta’ Diċembru 1996, minħabba li din l-ittra ma kinitx tammonta għal deċiżjoni (punt 49 tas-sentenza).

11

Wara din is-sentenza, permezz ta’ tliet ittri tas-26 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti għamlet lill-Kummissjoni tliet talbiet sabiex taġixxi, rispettivament fir-rigward tat-tlett ilmenti tagħha initiżi sabiex tikseb il-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami fir-rigward tal-miżuri msemmija f’dawn l-ilmenti.

12

Dawn it-talbiet sabiex il-Kummissjoni taġixxi kienu segwiti minn żewġ rikorsi għal nuqqas li tittieħed azzjoni, li r-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Diċembru 2001 u rreġistrati taħt ir-riferenzi T-297/01 u T-298/01. Dawn ir-rikorsi kienu s-suġġett, wara inizzjattiva tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Novembru 2001 u wara li din l-istituzzjoni adottat pożizjoni fit-13 ta’ Novembru 2001 u fit-30 ta’ Settembru 2003 (punti 13 u 14 iktar ’il quddiem), ta’ deċiżjoni li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Frar 2004 ,SIC vs Il-Kummissjoni, T-297/01 u T-298/01, Ġabra p. II-743).

13

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni, fir-rigward tal-kumpensi f’forma ta’ ħlasijiet annwali msemmija fil-punt 8 iktar ’il fuq, stiednet lir-Repubblika Portugiża, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), sabiex tipprovdilha l-informazzjoni li tippermettilha tiddeċiedi dwar jekk dawn il-ħlasijiet humiex għajnuna ta’ natura ġdida jew ta’ natura eżistenti. Sussegwentement, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Portugiża sabiex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 659/1999, u b’dan il-mod, bdiet l-ewwel stadju tal-eżami ta’ dawn il-miżuri bħala għajnuna eżistenti. Dawn il-kumpensi f’forma ta’ ħlasijiet annwali u l-proċedura li nfetħet fir-rigward tagħhom permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2003 mhumiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

14

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Portugiża dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura formali ta’ eżami skont l-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ miżuri ad hoc meħuda mir-Repubblika Portugiża favur l-RTP bejn l-1992 u l-1998. Dawn il-miżuri huma s-segwenti:

eżenzjoni mill-ħlas ta’ drittijiet u spejjeż relatati mar-reġistrazzjoni tal-att li jistabbilixxi l-RTP, li jammontaw għal 33 miljun escudo Portugiżi (PTE) (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet fiskali”);

faċilitajiet ta’ ħlas, mogħtija mill-kumpannija Portugal Telecom lill-RTP, għal-liċenzja għall-użu tan-netwerk tax-xandir televiżiv (iktar ’il quddiem il-“faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja”);

ftehim amikevoli bejn il-korp inkarigat mis-sigurtà soċjali u l-RTP, sabiex dejn dovut mill-RTP lejn dan il-korp jitħallas bin-nifs u sabiex dan il-korp ma jitlobx imgħax għal ħlas tardiv;

żieda fil-kapital tar-RTP, ta’ PTE 5,4 biljun, fl-1993, bħala ħlas għall-bejgħ tan-netwerk tax-xandir televiżiv mill-RTP;

il-ħruġ ta’ bonds fl-1994, li ammontaw għal PTE 5 biljun, li kienu ggarantiti mir-Repubblika Portugiża (iktar ’il quddiem il-“il-ħruġ ta’ bonds tal-1994”);

protokoll bejn l-RTP u l-Ministeru tal-Kultura Portugiż, konkluż fl-1996, fuq il-finanzjament mill-RTP tal-promozzjoni taċ-ċinema;

pjan ta’ ristrutturar għall-perijodu bejn l-1996 u l-2000;

żieda fil-kapital tal-RTP mir-Repubblika Portugiża bejn l-1994 u l-1997, li kienet tammonta għal PTE 52.2 biljun;

self mogħti mir-Repubblika Portugiża lill-RTP, fl-1997 u fl-1998, għal ammont totali ta’ PTE 20 biljun.

15

Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura formali ta’ eżami kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002, C 85, p. 9) u kienet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Jannar 2002. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

16

Permezz ta’ ittri tat-8 ta’ Frar 2002, bir-referenza 1543.003.CA.001, u tad-9 ta’ Mejju 2002, bir-referenza 1543.003.OB.001, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni.

17

F’dawn l-osservazzjonijiet, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Portugiżi jikkomunikawlha r-rapporti tal-awdituri esterni tar-RTP msemmija fl-Artikolu 19 tal-Kuntratt tas-Servizz Pubbliku tal-1993 u mill-Artikolu 25 tal-Kuntratt tas-Servizz Pubbliku tal-1996 (iktar ’il quddiem ir-“rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti”). Ir-rikorrenti talbet li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti.

18

Il-Kummissjoni ma weġbitx lir-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn it-talbiet.

19

B’effett mix-xahar ta’ Marzu 2003 u biex tikseb il-komunikazzjoni tar-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti jew dikjarazzjoni dwar l-ineżistenza tagħhom, ir-rikorrenti bdiet numru ta’ proċeduri suċċessivi fuq livell nazzjonali, l-ewwel nett quddiem il-Ministru tal-Istat u tal-Finanzi, il-Ministru inkarigat mill-Presidenza u l-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ RTP, wara quddiem il-Kummissjoni Portugiża għall-Aċċess għad-Dokumenti Amministrattivi, u fl-aħħar nett quddiem it-Tribunal Administrativo de Círculo de Lisboa (tribunal amministrattiv taż-żona ta’ Lisbona, il-Portugall).

20

Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2003, ir-rikorrenti reġgħet għamlet it-talba tagħha lill-Kummissjoni sabiex tordna lill-awtoritajiet Portugiżi jippreżentaw ir-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti.

21

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni ma laqgħatx din it-talba.

22

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2003 mibgħuta lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkritikat il-pożizzjoni adottata minn din tal-aħħar.

23

Permezz tad-Deċiżjoni 2005/406/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2003, dwar il-miżuri ad hoc implementati mill-Portugall favur l-RTP (ĠU 2005, L 142, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ddeċidiet li wħud mill-miżuri ad hoc jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li l-miżuri l-oħra ad hoc ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

24

Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2003 u wara sentenza tat-Tribunal Administrativo de Círculo de Lisboa tas-16 ta’ Ottubru 2003, l-awtoritajiet Portugiżi kkomunikaw lir-rikorrenti wieħed mir-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti, li sar fl-2001 minn kumpannija tal-awdituri u li kien jirrigwarda s-sena finanzjarja 1998 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti għall-1998”). L-awtoritajiet Portugiżi informaw lir-rikorrenti, fir-rigward tar-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti għas-snin 1993 sal-1997, li “peress li dawn ma kinux fil-pussess [tal-]Ministru inkarigat mill-Presidenza, [kien] impossibbli għalih li joħroġ dikjarazzjoni dwarhom, peress li l-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ dawn ir-rapporti ma setgħux jiġu stabbiliti b’ċertezza”.

25

Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni nnotifikat id-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26

Permezz ta’ att iddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-31 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27

Peress li b’effett mit-13 ta’ Settembru 2004 inbidlet il-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Imħaleff Relatur ġie ttrasferit, fil-kwalità ta’ president, għall-Ħames Awla u konsegwentement il-kawża ġiet assenjata lill-din l-aħħar Awla.

28

Flimkien mar-r-replika r-rikorrenti annettiet rapport tal-awdituri dwar l-amministrazzjoni tar-RTP, Nru 08/2002, tas-6 ta’ Ġunju 2002, imfassal mit-Tribunal de Contas (Qorti tal-Awdituri, il-Portugall) (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-Tribunal de Contas”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza, skont l-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-informazzjoni dettaljata li, skont ir-risposta tad-difiża, l-awtoritajiet Portugiżi kienu bagħtu lil din l-istituzzjoni.

29

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn l-elementi neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE mhumiex sodisfatti;

tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn tistabbilixxi li l-eżenzjonijiet fiskali, il-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzji u l-ħruġ ta’ bonds tal-1994 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

30

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

Id-dritt

31

Dan ir-rikors, minbarra li huwa maqsum f’erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-obbligi ta’ diliġenza u ta’ imparzjalità, it-tieni nett, fuq żbalji ta’ fatt u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, fuq żball tal-liġi li jirriżulta minħabba li ċerti miżuri ma ġewx ikkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat u, ir-raba’ nett, fuq żbalji tal-liġi rigward il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, huwa mibni, essenzjalment, fuq żewġ kontestazzjonijiet prinċipali li jikkorrispondu għaż-żewġ artikoli tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u għat-tielet u r-raba’ motivi għall-annullament.

32

L-ewwel kontestazzjoni prinċipali, li tikkorrispondi għat-tielet motiv għall-annullament, tirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li wħud mill-miżuri adottati mir-Repubblika Portugiża ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

33

It-tieni kontestazzjoni prinċipali, li tikkorrispondi għar-raba’ motiv għal-annullament, tirrigwarda l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li miżuri oħra, li dwarhom huwa paċifiku li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jistgħu jibbenefikaw mid-deroga li jipprovdi l-Artikolu 86(2) KE (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

34

B’rabta, b’mod partikolari, mat-tieni kontestazzjoni, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel motiv kif ukoll f’uħud mill-elementi tat-tieni motiv, ksur tal-obbligu li l-Kummissjoni għandha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali.

35

L-ewwel nett, għandha tiġi eżeminata l-ewwel kontestazzjoni prinċipali u, għaldaqstant, it-tielet motiv għall-annullament.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball tal-liġi li jirriżulta minħabba n-nuqqas li ċertu miżuri jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat

Fuq l-ewwel fergħa, ibbażata fuq in-nuqqas li l-eżenzjonijiet fiskali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat

— L-argumenti tal-partijiet

36

Skont ir-rikorrenti, il-miżura, pprovduta fl-Artikolu 11(1) tal-Lei nru 21/92, transforma a Radiotelevisão Portuguesa, E.P., em sociedade anónima, tal-14 ta’ Awwissu 1992 (Liġi Portugiża Nru 21/92 dwar l-inkorporazzjoni ta’ Radiotelevisão Portuguesa, E.P., bħala PLC) (Diário da República I, serje I-A, Nru 187, tal-14 ta’ Awwissu 1992, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 21/92”) u li tawtorizza r-reġistrazzjoni uffiċjuża, mingħajr att notarili, tal-inkorporazzjoni tar-RTP bħala PLC, tat vantaġġ lill-RTP li minnu ma bbenefikawx l-operaturi ekonomiċi l-oħra preżenti fis-suq. Fil-fatt, din il-miżura fissret l-eżenzjoni tar-RTP mill-ħlas ta’ drittijiet ta’ reġistrazzjoni u mill-ispejjeż relatati ma’ din l-inkorporazzjoni. Din l-eżenzjoni kienet tammonta għal PTE 33 miljun.

37

Barra minn hekk, l-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 21/92 jipprovdi wkoll, mingħajr ebda limitazzjoni, li l-RTP għandha tibbenefika, għal kull att ta’ iskrizzjoni, ta’ reġistrazzjoni jew ta’ annotazzjoni, quddiem is-servizzi kollha ta’ reġistrazzjoni, quddiem l-amministrazzjonijiet u l-korpi pubbliċi kollha, minn eżenzjoni mill-ħlas tad-drittijiet u tal-ispejjeż kollha.

38

Peress li dawn id-dispożizzjonijiet mill-Istat taw vantaġġi lill-impriża benefiċjarja u peress li huma ta’ natura selettiva, minħabba li japplikaw biss għall-operatur pubbliku, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 125 et seq tad-deċiżjoni kkontestata).

39

Huwa diffiċli li wieħed jara kif il-prinċipji ġenerali u l-istruttura globali tas-sistema ġuridika applikabbli fil-Portugall jistgħu jiġġustifikaw l-għoti ta’ dawn il-vantaġġi lill-RTP, kif tidher li qed issostni l-Kummissjoni.

40

Il-Kummissjoni twieġeb billi tfakkar il-motivazzjonijiet tagħha li jinstabu fil-premessi 125 et seq tad-deċiżjoni kkontestata.

41

Hija tosserva li l-inkorporazzjoni tar-RTP bħala PLC ma kinitx operazzjoni neċessarja u lanqas ma setgħet tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ. Din l-inkorporazzjoni kienet intiża biss sabiex il-funzjonament tal-operatur pubbliku jkun iktar qrib għal dak tal-operaturi privati.

42

Hija tgħid ukoll li, anki li kieku l-pożizzjoni tar-rikorrenti kienet valida u fil-każ fejn l-RTP kellha tbati l-ispejjeż kollha tan-nutar u tar-reġistrazzjoni marbutin mal-emendi fl-istatut tagħha, l-ispejjeż li kienu jirriżultaw kienu jiġu sostnuti mir-Repubblika Portugiża nnifisha, mingħajr ma din l-“għajnuna” tiġi kkunsidrata bħala illegali, peress li, minħabba li huma indispensabbli għall-ħolqien tal-impriża, huma direttament marbuta mat-twettieq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tar-RTP.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

43

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jiġu sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 20, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 68).

44

Il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikolu 87(1) KE jinvolvi l-kundizzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent min-naħa tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, din l-għajnuna għandha tagħti vantaġġ lil min jibbenefika minnha. It-tielet nett, hija għandha tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Ir-raba’ nett, hija għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni.

45

L-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dwar l-użu ta’ riżorsi tal-Istat, mhijiex diskutibbli f’dan il-każ. Huwa paċifiku li din ġiet sodisfatta.

46

L-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq it-tieni kundizzjoni. L-eżenzjonijiet fiskali taw u jkomplu jagħtu, b’mod selettiv, vantaġġ ekonomiku favur l-RTP li minnu ma jgawdux l-operaturi ekonomiċi l-oħra.

47

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li r-rikorrenti tidentifika, essenzjalment, żewġ vantaġġi.

48

L-ewwel nett, l-RTP ibbenefikat minn vantaġġ ad hoc, li jikkonsisti fl-eżenzjoni mill-ħlas tad-drittijiet ta’ reġistrazzjoni u tal-ispejjeż relatati mal-inkorporazzjoni tagħha f’PLC.

49

It-tieni nett, l-RTP ibbenefikat minn vantaġġ permanenti, li jikkonsisti fl-eżenzjoni tad-drittijiet u tal-ispejjeż kollha, mingħajr limitazzjoni, għal kull att ta’ iskrizzjoni, ta’ reġistrazzjoni jew ta’ annotazzjoni, quddiem l-amministrazzjonijiet kollha.

50

Fl-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi eżaminat il-vantaġġ ad hoc li, skont ir-rikorrenti, ibbenefikat minnu l-RTP.

51

Dan il-vantaġġ jinvolvi, fil-verità, żewġ aspetti: minn naħa, l-RTP ġiet eżentata milli tagħmel l-att notarili normalment meħtieġ u, għalhekk, mill-ispejjeż notarili (indikati wkoll bl-espressjoni “spejjeż tan-nutar”) relatati. Min-naħa l-oħra, hija ġiet eżentata mill-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni relatati, minħabba li l-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni relatati mal-inkorporazzjoni tar-RTP f’PLC saru ex officio u minħabba li l-formalitajiet ta’ pubblikazzjoni, skont il-Kummissjoni, kienu inutili minħabba l-pubblikazzjoni fid-Diário da República, tal-Liġi Nru 21/92 (punt 36 iktar ’il fuq).

52

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ aspetti tal-vantaġġ ad hoc, li l-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru 21/92, abbażi ta’ liema l-RTP ġiet eżentata mill-ħlas ta’ spejjeż tan-nutar u ta’ reġistrazzjoni, ma jagħtix vantaġġ speċifiku lill-RTP. Dan it-test jikkonferma sempliċement l-applikabbiltà tal-Lei nru 84/88 transformação das empresas públicas em sociedades anónimas tal-20 ta’ Lulju 1988 (Liġi Portugiża Nru 84/88 dwar l-inkorporazzjoni tal-impriżi pubbliċi f’PLCs) (Diário da República I, serje I, Nru 166, tal-20 ta’ Lulju 1988, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 84/88”) għall-każ partikolari tar-RTP, liema liġi tipprovdi li l-impriżi pubbliċi jistgħu jiġu inkorporati f’PLCs permezz ta’ digriet-liġi li jikkostitwixxi l-att li japprova l-istatuti tal-PLCs u li huwa meqjus bħala dokument suffiċjenti biex jiġu sodisfatti l-obbligi kollha li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni (premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata). It-trattament differenti li huma suġġetti għalih l-impriżi pubbliċi li l-istatus legali tagħhom jiġi mibdul sabiex jiġu inkorporati f’PLCs huwa l-konsegwenza tal-loġika interna tas-sistema u ma jagħtix vantaġġ speċifiku lil dawn l-impriżi, safejn il-fatturi li jiġġeneraw l-ispejjeż ma jeżistux (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

53

Qabel ma tiġi eżaminata din il-motivazzjoni tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġu ċċitati s-siltiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Portugiża:

54

L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 84/88 jipprovdi:

“L-impriżi pubbliċi […] jistgħu, b’digriet-liġi, jiġu inkorporati f’PLCs iffinanzjati mill-Istat jew fil-parti l-kbira ffinanzjati mill-Istat skont il-Kostituzzjoni u skont din il-liġi”.

55

L-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 84/88 jipprovdi li “id-[digriet-liġi li jopera din l-inkorporazzjoni] jikkostitwixxi titolu suffiċjenti għall-atti kollha neċessarji għar-reġistrazzjoni”.

56

L-Artikolu 11(1) u (2) tal-Liġi Nru 21/92 jipprovdi:

“1.   Huma approvati l-istatuti tar-RTP, SA, annessi ma’ din il-liġi, li m’għandhomx ikunu suġġetti għal att notarili, fejn ir-reġistrazzjonijiet relatati ma’ dawn l-istatuti għandhom isiru ex officio, mingħajr taxxi jew ħlasijiet, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fid-Diário da República.

2.   L-atti kollha ta’ iskrizzjoni, ta’ reġistrazzjoni, ta’ validazzjoni, quddiem is-servizzi kollha ta’ kustodja, l-amministrazzjonijiet jew il-korpi pubbliċi kollha, b’mod partikolari r-reġistru nazzjonali tal-persuni ġuridiċi, il-ħażna tal-ipoteki u s-servizz tal-proprjetà tal-karozzi, għandhom isiru permezz ta’ sempliċi talba ffirmata minn żewġ membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija u b’eżenzjoni minn kull taxxa u kull ħlas”.

57

L-ewwel nett, kemm mit-titolu tal-Liġi Nru 84/88 (ara l-punt 52 iktar ’il fuq) kif ukoll mill-Artikolu 1 ta’ din il-liġi (ara l-punt 54 iktar ’il fuq) jirriżulta li din ma tintroduċix miżura ġenerali, applikabbli għall-operaturi ekonomiċi kollha. Din il-liġi tapplika biss għall-inkorporazzjoni ta’ impriżi pubbliċi f’PLCs. Għaldaqstant, l-impriżi privati ma jistgħux jibbenefikaw minnha.

58

Għaldaqstant, fir-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni preċiżament li meta impriża privata rregolata mis-suq tbiddel in-natura ġuridika tagħha, din ma tibbenefikax minn eżenzjonijiet fiskali bħal dawk li minnhom ibbenefikat l-RTP.

59

Fir-rigward tal-Kummissjoni, minkejja li tirrikonoxxi, fil-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija għandha “tevalwa jekk il-miżura […] ġietx applikata esklussivament għall-RTP (jew anki sempliċement għall-impriżi pubbliċi), iżda mhux għall-impriżi privati”, madankollu hija ma tagħti ebda tweġiba għal din il-preokkupazzjoni iktar ’il quddiem fid-deċiżjoni kkontestata, rigward, għall-inqas, il-vantaġġ ad hoc.

60

Għalhekk, il-premessi 126 sa 129 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jikkonfutaw il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 57 iktar ’il fuq, li tgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 84/88 għandhom japplikaw speċifikament għall-impriżi pubbliċi.

61

Għalkemm huwa minnu li l-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li l-RTP ma tibbenefikax minn eżenzjoni ġenerali mill-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, dan ma jikkonfutax il-fatt li l-Liġi Nru 84/88 tagħti din l-eżenzjoni, anki jekk mhux ġenerali, biss lill-impriżi pubbliċi u mhux lill-operaturi kollha.

62

Fir-rigward tal-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li tgħid li l-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 21/92 kull ma jagħmel huwa li jikkonferma l-applikabbiltà tal-Liġi Nru 84/88 għall-RTP, u, għaldaqstant, li l-Liġi Nru 21/92 ma tagħtix vantaġġ speċifiku lill-RTP, iżda kull ma tagħmel huwa li tapplika fil-konfront tagħha s-sistema ġenerali tal-Liġi Nru 84/88, xorta jibqa’ l-fatt, hawn ukoll, li din is-sistema hija “ġenerali” biss fir-rigward tal-impriżi pubbliċi. Din ma tapplikax għal operaturi ekonomiċi l-oħra. Għaldaqastant jeżisti, fid-dawl tar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, vantaġġ mogħti speċifikament lil ċertu impriżi.

63

Fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tallega, madankollu, li “[i]t-trattament differenti li għalih huma suġġetti l-impriżi pubbliċi meta l-istatut ġuridiku tagħhom jiġi emendat biex jiġu inkorporati f’PLCs huwa l-konsegwenza tal-loġika interna tas-sistema u ma jagħtix vantaġġ speċifiku lil dawn l-impriżi, safejn il-fatturi li jiġġeneraw l-ispejjeż ma jeżistux”.

64

Huwa minnu li miżura tal-Istat li, minkejja li tagħti vantaġġ lil kategorija speċifika ta’ operaturi ekonomiċi, ma tidderogax mill-applikazzjoni normali tas-sistema, iżda, għall-kuntrarju, tagħmel parti minnha u b’hekk tikkostitwixxi miżura inerenti għal din is-sistema, jew inkella, meta d-differenzi fit-trattament li jirriżultaw minħabba din il-miżura jistgħu jkunu ġġustifikati min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ selettività (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C-172/03, Ġabra p. I-1627, I-1631, punt 47; tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, I-2103, punt 130, u tal-Avukat Ġenerali Léger għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-159/01, Ġabra p. I-4461, I-4463, punti 36 u 37; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata u tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T-308/00, Ġabra p. I-1933, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għalhekk, sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, jekk ikun il-każ, li l-eżenzjoni mill-ispejjeż notarili, jiġifieri l-ewwel aspett tal-vantaġġ ad hoc, ma kinitx tikkonsisti għajnuna mill-Istat, iżda kienet ġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema li kienet issegwi, mhuwiex suffiċjenti li wieħed jikkonstata, bħal ma għamlet il-Kummissjoni, li, minħabba l-użu tal-liġi għall-inkorporazzjoni tal-impriżi pubbliċi f’PLCs, il-fatt li jiġġenera l-ispejjeż notarili ma kienx jeżisti. Din il-konstatazzjoni kienet, fil-fatt, indikazzjoni ta’ prova.

66

Il-kwistjoni li l-Kummissjoni kellha teżamina kienet dik ta’ jekk kienx isegwi l-loġika tas-sistema legali Portugiża l-fatt li l-inkorporazzjoni tal-impriżi pubbliċi f’PLCs issirx permezz tal-liġi, jew inkella jekk l-użu tal-liġi għal dan it-tip ta’ operazzjonijiet kienx jikkostitwixxi deroga li fil-verità kienet intiża, minħabba l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha (inutilità tal-att notarili, u għaldaqstant, in-nuqqas ta’ spejjeż relatati), sabiex l-impriżi pubbliċi jingħataw vantaġġ meta mqabbla ma’ impriżi oħra.

67

Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni, peress li ma eżaminatx il-kwistjoni ta’ jekk, minkejja l-ispeċifiċità tagħha, l-eżenzjoni mill-ispejjeż notarili kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat minħabba li l-użu ta’ strument leġiżlattiv, liema użu jagħti lok għal din l-eżenzjoni, ma kienx sar bil-għan li l-impriżi pubbliċi jiġu eżentati minn spejjeż, iżda kien sempliċement isegwi l-loġika tas-sistema legali Portugiża, ma pprovdietx bażi legali għall-konklużjoni tagħha li tgħid li l-eżenzjoni mill-ispejjeż notarili ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

68

Fir-rigward tat-tieni aspett tal-vantaġġ ad hoc, jiġifieri l-eżenzjoni mill-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u mill-ispejjeż ta’ pubblikazzjoni relatati mal-inkorporazzjoni tar-RTP f’PLC, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li, fil-premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li għandu jiġi applikat l-istess raġunament li kienet għamlet fil-premessa 128 ta’ din id-deċiżjoni. Hija żżid, essenzjalment, li minħabba l-pubblikazzjoni tal-Liġi Nru 21/92 (li tinkludi l-istatuti tar-RTP fl-anness) fid-Diário da República, kien ikun superfluwu li jiġi impost fuq l-RTP l-obbligu ta’ pubblikazzjoni rikjest mid-dritt ordinarju. Il-pubblikazzjoni fid-Diário da República tipproduċi l-istess effett bħal reġistrazzjoni.

69

Anke li kieku kellu jitqies li dawn id-dikjarazzjonijiet, relatati mal-effetti ta’ pubblikazzjoni fid-Diário da República, huma eżatti — ħaġa li hija, mill-bqija, dubjuża peress li l-kliem użat mil-liġi Portugiża (iċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq) jissuġġerixxu, bil-kontra ta’ dan, li l-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni jibqgħu neċessarji anki meta l-inkorporazzjoni tar-RTP f’PLC tkun saret permezz ta’ att leġiżlattiv — xorta jibqa’ l-fatt li, anke f’dan il-każ, tibqa’ l-kwistjoni ta’ jekk kienx fil-loġika tas-sistema legali Portugiża l-fatt li l-inkorporazzjoni tar-RTP f’PLC ssir mhux bil-metodu li normalment huwa previst għall-kumpanniji privati, jiġifieri b’att notarili (bil-konsegwenzi kollha ta’ dritt ordinarju li jirriżultaw minnu, fir-rigward tal-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni), iżda b’liġi.

70

Peress li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma weġbitx għal din il-mistoqsija, għandu jiġi konkluż, bħal fil-każ tal-eżenzjoni tal-ispejjeż notarili, li din l-istituzzjoni ma stabbilietx suffiċjentement skont il-liġi, fir-rigward tal-eżenzjoni mill-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni relatati mal-inkorporazzjoni tar-RTP f’PLC, li din l-eżenzjoni ma tagħtix vantaġġ speċifiku lill-RTP u li, għaldaqstant, din ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

71

Fir-rigward, sussegwentement, tal-vantaġġ permanenti li ngħata lill-RTP, ir-rikorrenti ssostni li fir-rigward ta’ kull att ta’ iskrizzjoni, ta’ reġistrazzjoni jew ta’ validazzjoni, quddiem l-amministrazzjonijiet kollha, l-RTP tibbenefika, mingħajr limitu, minn eżenzjoni minn kull drittijiet u spejjeż.

72

Il-Kummissjoni twieġeb, fir-risposta tad-difiża, li l-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 21/92 (ara l-punt 56 iktar ’il fuq) jikkonferma sempliċement l-applikabbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali fil-konfronti tar-RTP, fejn l-Artikolu 1 tad-Decreto-Lei Nru 404/90, tal-21 ta’ Diċembru 1990 (digriet-liġi Portugiż Nru 404/90) (Diário da República I, serje I, Nru 293, tal-21 ta’ Diċembru 1990, iktar ’il quddiem id-“digriet-liġi Nru 404/90”) li japprova s-sistema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa (“regime de isenção de sisa”) fil-konfront ta’ impriżi li jwettqu atti ta’ kooperazzjoni jew ta’ konċentrazzjoni (ara, ukoll, il-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

73

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li l-eżenzjoni mogħtija mill-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 21/92 hija “ġenerali”, fis-sens ta’ permanenti matul iż-żmien. Hija sosstni li, f’bosta okkażjonijiet, l-RTP ħallset spejjeż notarili u ta’ reġistrazzjoni marbuta ma emendi li saru wara l-inkorporazzjoni tagħha f’PLC (ara, ukoll, il-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata).

74

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-argument tal-Kummissjoni huwa, essenzjalment, li l-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 21/92 hija biss l-applikazzjoni għal każ partikolari ta’ regola ġenerali u li l-kundizzjoni ta’ speċifiċità rikjesta mill-Artikolu 87(1) KE sabiex il-miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat ma ġietx għaldaqstant sodisfatta f’dan il-każ.

75

Dan l-argument tal-Kummissjoni mhuwiex konvinċenti, jekk wieħed jirreferi għall-kliem tad-digriet-liġi Nru 404/90, fejn l-Artikoli 1 u 2 tiegħu jipprovdu:

Artikolu 1

Fir-rigward ta’ impriżi li, sal-31 ta’ Diċembru 1993, iwettqu atti ta’ kooperazzjoni jew ta’ konċentrazzjoni, huwa possibbli li tingħata eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa relatati mat-trażmissjoni ta’ proprjetà immobbli meħtieġa għal din il-konċentrazzjoni jew għal din il-kooperazzjoni, kif ukoll mill-ħlasijiet u mill-ispejjeż l-oħra legali dovuti fil-kuntest tat-twettieq tal-azzjonijiet tagħhom.

Artikolu 2

1.   Għall-finijiet ta’ dan id-digriet-liġi, att ta’ konċentrazzjoni għandu jfisser:

a)

L-amalgamazzjoni ta’ żewġ impriżi individwali jew iktar u/jew ta’ kumpannija f’kumpannija ġdida permezz ta’ ishma jew permezz ta’ kwoti [kumpannija b’kapital azzjonarju jew kumpannija b’responsabbiltà limitata], li tintegra l-assi kollha tal-imsemmija impriżi jew kumpanniji.

b)

L-inkorporazzjoni minn impriża, permezz tat-trażmissjoni favur tagħha, ta’ parti mill-assi jew tal-assi kollha ta’ impriża, anki jekk din l-aħħar impriża ma tiġix stralċata.

2.   Għall-finijiet ta’ dan id-digriet-liġi, att ta’ kooperazzjoni għandu jfisser:

a)

Il-kostituzzjoni ta’ gruppi komplementari ta’ impriżi, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li jkollhom bħala għan il-provvista ta’ servizzi komuni, ix-xiri jew il-bejgħ flimkien jew f’kooperazzjoni, l-ispeċjalizzazzjoni jew ir-razzjonalizzazzjoni produttiva, l-istudju tas-swieq, il-promozzjoni tal-bejgħ, ix-xiri u t-trażmissjoni ta’ għarfien tekniku jew ta’ organizzazzjoni applikata, l-iżvilupp ta’ tekniċi u ta’ prodotti ġodda, it-taħriġ u t-titjib tal-persunal, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi speċifiċi u ta’ kull għan ieħor komuni ta’ natura rilevanti.

b)

It-twaqqif ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat mingħajr skop ta’ lukru, permezz tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi pubbliċi, ta’ kumpanniji ffinanzjati mill-Istat jew fil-parti l-kbira ffinanzjati mil-Istat, ta’ kumpanniji u persuni oħra rregolati mid-dritt privat, li jkollhom bħala għan li, fis-setturi rispettivi tagħhom, joffru servizz ta’ assistenza teknika, li jorganizzaw sistema ta’ informazzjoni, li jippromwovu l-istandardizzazzjoni u l-kwalità tal-prodotti u t-teknoloġija tajba tal-proċessi ta’ produzzjoni, kif ukoll, b’mod ġenerali, li jistudjaw il-perspettivi tal-iżvilupp tas-settur”.

76

Fil-fatt, wara analiżi preliminari jirriżulta li dan id-digriet-liġi huwa, effettivament, dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali li bl-ebda mod ma tidher li tkopri l-kawża inkwistjoni, jiġifieri l-inkorporazzjoni ta’ kumpannija rregolata mid-dritt pubbliku f’PLC. Din tikkonċerna l-każ ta’ konċentrazzjoni jew ta’ kooperazzjoni bejn żewġ impriżi jew iktar. Matul is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti spjegat, mingħajr ma ġiet ikkontestata bis-serjetà mill-Kummissjoni, li dan id-digriet-liġi ma kienx japplika f’dan il-każ.

77

Għaldaqstant ma jidhirx li impriża privata li sempliċement temenda l-istatut tagħha sabiex issir PLC tista’ tinvoka dan it-test sabiex tikseb l-eżenzjoni mid-drittijiet u mill-ispejjeż legali relatati ma’ din l-inkorporazzjoni. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 130, ma tistabbilixxix suffiċjentement skont il-liġi li l-eżenzjoni pprovduta mill-Artikolu 11(2) tal-Liġi Nru 21/92 hija sempliċement l-applikazzjoni partikolari ta’ regola ġenerali fil-konfronti tar-RTP.

78

Hawnhekk ukoll, bħal fil-każ tal-vantaġġ ad hoc, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-Kummissjoni ma stabbilitx suffiċjentement skont il-liġi li l-miżura inkwistjoni ma tagħtix vantaġġ speċifiku lill-RTP u li, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

79

Rigward l-argument tal-Kummissjoni dwar in-natura mhux permanenti tal-eżenzjoni (ara l-punt 73 iktar ’il fuq), dan huwa probabbilment fondat, iżda ma jbiddel xejn mill-konstatazzjoni li n-natura ġenerali ta’ din l-eżenzjoni mhijiex stabbilita suffiċjentement skont il-liġi u li għaldaqstant ma kienx possibbli, f’dak il-mument, li jiġi konkluż li din l-eżenzjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

80

Fir-risposta tad-difiża, il-Kummissjoni ssostni argument li jgħid li, minkejja li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-RTP għandha tbati l-ispejjeż notarili, ta’ reġistrazzjoni u ta’ pubblikazzjoni applikati fil-konfronti tal-impriżi privati, l-ispejjeż li jirriżultaw jiġu sostnuti mill-Istat innifsu, mingħajr ma din l-“għajnuna” tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala illegali, peress li, minħabba li hija indispensabbli għat-twaqqif tal-impriża, hija direttament marbuta mat-twettieq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

81

Jekk id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-inkorporazzjoni tar-RTP f’PLC saret minħabba li l-Gvern Portugiż qies li kienet neċessarja sabiex l-RTP teżegwixxi l-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku korrettament, hija vera, għalhekk ikun loġiku, safejn att notarili u formalitajiet klassiċi jkunu meħtieġa għal din l-inkorporazzjoni u safejn din l-inkorporazzjoni ma tkunx, fiha nnifisha, vantaġġuża għall-RTP, li l-ispejjeż relatati jiġu sostnuti kollha kemm huma mill-Istat.

82

Madankollu, din id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, li ma tinsabx fid-deċiżjoni kkontestata, ma tinkludi l-ebda prova. Issa, ma jistax jiġi eskluż li l-Gvern Portugiż inkorpora l-RTP f’PLC għal raġunijiet li mhumiex dawk marbutin mal-eżekuzzjoni korretta tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku. Il-Kummisjoni stess tqis, fis-sottomissjonijiet tad-difiża, li din l-inkorporazzjoni ma kinitx neċessarja.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aħħar argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, dwar l-eżenzjonijiet fiskali, hija fondata skont il-liġi u għandha, għaldaqstant, tiġi milqugħa.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas li l-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat

— L-argumenti tal-partijiet

85

Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 13(1)(f) tal-Lei Nru 58/90 regime da actividade de televisão, tas-7 ta’ Settembru 1990 (Liġi Portugiża Nru 58/90, dwar is-sistema tal-attività ta’ televiżjoni) (Diário da República, serje I, Nru 207, tas-7 ta’ Settembru 1990, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 58/90”), dewmien fil-ħlas tal-liċenzja minn operatur privat lil Portugal Telecom jikkostitwixxi raġuni għat-tneħħija tal-liċenzja. Dan jikkuntrasta, minħabba s-serjetà tal-penali mogħtija, mal-benevolenza li biha ġiet ittrattata l-RTP. Dan imur kontra l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ma kien hemm l-ebda differenza bejn il-ħlasijiet imposti minn Portugal Telecom lill-RTP u dawk li hija imponiet lill-operaturi privati, safejn l-element deċiżiv huwa l-limitu tat-terminu raġonevoli sabiex jintalab il-ħlas. Il-fatt li Portugal Telecom, li tagħha r-Repubblika Portugiża kienet l-azzjonista prinċipali bejn l-1991 u l-1997, aċċettat dewmien fil-ħlas tal-liċenzji mill-RTP, jikkostitwixxi għaldaqstant għajnuna mill-Istat. L-allegazzjoni li tgħid li Portugal Telecom ma rrinunzjatx għall-irkupru tal-krediti tagħa u milli teżiġi l-ħlas ta’ imgħax minħabba ħlas tardiv mhijiex biżżejjed, fiha nniffsha, sabiex tikkonfuta din l-evalwazzjoni.

86

Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tosserva li r-Repubblika Portugiża kellha l-kontroll ta’ Portugal Telecom mill-inqas sal-1997 u li l-ftehim konklużi bejn Portugal Telecom u l-RTP kienu saru fil-perijodu ta’ bejn Marzu tal-1996 u Diċembru tal-1997. L-RTP kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment tekniku.

87

Il-Kummissjoni ssostni li eżaminat dan il-punt, iżda r-rikorrenti tikkonstata li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix tweġiba għall-mistoqsijiet li hija kienet għamlet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fir-rigward tad-data li fiha d-dejn lejn Portugal Telecom kien ġie, allegatament, likwidat, fir-rigward tal-ammonti tal-imgħaxijiet moratorji effettivament likwidati u fir-rigward tal-ammont tad-dejn li l-RTP kellha fil-konfront ta’ Portugal Telecom fil-ġurnata ta’ meta saret it-talba.

88

Il-fatt li l-Autoridade Nacional de Comunicações, (Awtorità Nazzjonali Portugiża tal-Komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“Anacom”) inkarigata milli tissorvelja l-applikazzjoni tar-regoli tarriffarji għan-netwerk tax-xandir televiżiv, iddeċidiet, fl-2003, li tnaqqas l-ammont tal-liċenzji mħallas mill-operaturi tat-televiżjoni lil Portugal Telecom fl-2002 mhuwiex rilevant għall-eżami tal-perijodu ta’ bejn l-1992 u l-1998.

89

Il-Kummissjoni tikkontesta l-pożizzjoni tar-rikorrenti li tgħid li r-Repubblika Portugiża hija involuta fl-aċċettazzjoni, min-naħa ta’ Portugal Telecom, ta’ dewmien fil-ħlas u għaldaqstant hija involuta wkoll fl-allegat għoti ta’ kundizzjonijiet ta’ ħlas li mhumiex aċċessibbli għall-kompetituri tar-RTP.

90

Il-Kummissjoni ma eskludietx a priori l-involviment ta’ riżorsi pubbliċi. Madankollu, billi kkonstatat in-nuqqas ta’ indizzji ta’ parteċipazzjoni effettiva min-naħa tal-awtoritaijiet Portugiżi fl-adozzjoni tal-ftehim relatati mal-aċċettazzjoni ta’ posponiment tat-terminu tal-ħlas, hija ma setgħetx tikkonkludi l-implikazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

91

Barra minn hekk, l-imġieba ta’ Portugal Telecom, qabel u wara l-privatizzazzjoni tagħha, fl-1997, ma nbidlitx. Wara l-privatizzazzjoni tagħha, Portugal Telecom baqgħet tikkonkludi ftehim mar-RTP fejn kienet taċċetta dewmien fil-ħlas tal-liċenzji dovut mill-RTP. Ir-raġuni prinċipali ta’ dawn il-ftehim hija n-nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-ammont li għandu jitħallas għal-liċenzja annwali, assoċjat mal-interdipendenza taż-żewġ impriżi. Dan il-fatt huwa wara kollox enfasizzat minn deċiżjoni tal-Anacom, adottata fl-2003, fejn Portugal Telecom kellha tnaqqas ir-rati tagħha b’mod kunsiderevoli. Dan juri li l-imġieba ta’ Portugal Telecom fil-konfronti tar-RTP kienet dik ta’ kreditur privat.

92

Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tindika li r-referenza tagħha għad-deċiżjoni tal-Anacom, adottata fl-2003, hija dovuta biss għall-fatt li din id-deċiżjoni enfasizzat il-fatt li r-raġuni prinċipali tal-ftehim bejn l-RTP u Portugal Telecom tidher li kienet nuqqas ta’ qbil fuq l-ammont li għandu jitħallas għal-liċenzja annwali u li dan ikkostitwixxa indikazzjoni addizzjonali li l-imġieba ta’ Portugal Telecom kienet dik li kien jaddotta kreditur privat f’sitwazzjoni analoga.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

93

Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu attribwibbli lill-Istat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-22 ta’ Mejju 2003, Freskot, C-355/00, Ġabra p. I-5263, punt 81, u tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, Ġabra p. I-7139, punt 35; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-457/00, Ġabra p. I-6931, p. I-6934, punti 67 u 69; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, Ġabra p. II-435, punt 179, u tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, Ġabra p. II-1047, punt 101).

94

Skont il-ġurisprudenza, l-attribwibbiltà ta’ miżura lill-Istat ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ttieħdet minn impriża pubblika (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punti 51 u 57).

95

Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operazzjonijiet tagħha, ma jistax ikun hemm il-preżunzjoni awtomatika li dan il-kontroll ġie effettivament użat f’każ partikolari. Impriża pubblika tista’ taġixxi b’livell ta’ indipendenza għoli jew iktar baxx, skont l-awtonomija li tingħata mill-Istat. Għalhekk, is-sempliċi fatt li impriża pubblika taqa’ taħt il-kontroll tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex miżuri meħuda minnha jkunu attribwibbli lill-Istat. Huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk għandhux jitqies li l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 52).

96

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi mitlub li jiġi pprovat, abbażi ta’ talba preċiża, li l-awtoritajiet pubbliċi konkretament ħeġġu lill-impriża pubblika sabiex taddotta l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi huma stretti, jeżisti riskju reali li għajnuna mill-Istat tingħata permezz tagħhom b’mod ftit trasparenti u bi ksur tas-sistema tal-għajnuna mill-Istat ipprovduta mit-Trattat (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 53).

97

Min-naħa l-oħra, bħala regola ġenerali, huwa diffiċli ħafna, preċiżament minħabba r-relazzjonijiet privileġġjati li jeżistu bejn l-Istat u impriża pubblika, li terza persuna tipprova f’każ partikolari li miżuri ta’ għajnuna adottati minn din l-impriża jkunu ġew effettivament adottata fuq talba tal-awtoritajiet pubbliċi (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 54).

98

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 55 tas-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, tikkunsidra li hemm lok li jiġi aċċettat li l-attribwibbiltà lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn serje ta’ indizzji li jirriżultaw miċ-ċirkustanzi tal-każ u mill-kuntest li fih din il-miżura seħħet. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li diġà ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-korp inkwistjoni ma setax jaddotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 1988, Van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219, punt 37) kif ukoll li, minbarra l-elementi ta’ natura statutorja li jorbtu l-impriżi pubbliċi mal-Istat, li permezz tagħhom tingħata l-għajnuna, dawn kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-direttivi ta’ kumitat interministerjali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-303/88, Ġabra p. I-1433, punti 11 u 12, u C-305/89, Ġabra p. I-1603, punti 13 u 14).

99

Barra minn hekk, indizzji oħra jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu rilevanti sabiex jiġi konkluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika hija attribwibbli lill-Istat, bħal, b’mod partikolari, l-integrazzjoni tagħha fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, in-natura tal-attivitajiet tagħha u l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet fis-suq taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni ma’ operaturi privati, l-istatus legali tal-impriża, jiġifieri jekk din taqax taħt id-dritt pubbliku jew inkella taħt id-dritt ordinarju tal-kumpanniji, il-livell tal-protezzjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq it-tmexxija tal-impriża jew kull indizzju ieħor li juri, fil-każ partikolari, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà ta’ nuqqas ta’ involviment fl-adozzjoni ta’ miżura, ukoll fid-dawl tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha jew tal-kundizzjonijiet li din tinvolvi (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 56).

100

Madankollu, is-sempliċi fatt li impriża pubblika ġiet ikkostitwita taħt il-forma ta’ kumpannija rregolata mid-dritt ordinarju ma tistax, f’dak li jikkonċerna l-awtonomija li din il-forma ġuridika tista’ tagħtiha, tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li miżura ta’ għajnuna meħuda minn din il-kumpannija tkun attribbwibbli lill-Istat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontroll u l-possibbiltajiet reali tal-eżerċizzju ta’ influwenza dominanti li din fil-prattika tikkomporta jipprekludu l-esklużjoni a priori ta’ kull attribwibbiltà lill-Istat ta’ miżura meħuda minn din il-kumpannija u, konsegwentement, ir-riskju li jiġu evitati r-regoli tat-Trattat relatati mal-għajnuna mill-Istat, minkejja r-rilevanza fiha nnifisha tal-forma ġuridika tal-impriża pubblika bħala indizzju, fost indizzji oħra, li jippermetti li jiġi stabbilit f’każ konkret l-implikazzjoni jew in-nuqqas ta’ implikazzjoni tal-Istat (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

101

F’din il-kawża, wara li l-Kummissjoni osservat li ftit jew wisq qabel nofs is-sena 1997, ir-Repubblika Portugiża kienet f’pożizzjoni li tikkontrolla lil Portugal Telecom (premessa 109 tad-deċiżjoni kkontestata), hija kkunsidrat madankollu li xejn ma kien jindika li l-awtoritajiet pubbliċi Portugiżi kienu involuti fl-adozzjoni tal-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

102

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni osservat li r-regoli dwar it-tariffi u s-servizzi proposti minn Portugal Telecom ma kinux jagħmlu distinzjoni bejn l-operaturi privati u x-xandar pubbliku u li Portugal Telecom ma kinitx marbuta, fil-kuntest ta’ obbligu ta’ servizz universali, li tipprovdi servizz ta’ netwerk lill-RTP (premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata).

103

Hija osservat li Portugal Telecom, PLC rregolata mid-dritt privat, ma kinitx integrata fis-servizzi tal-amministrazzjoni (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

104

Hija kkonstatat li, bħala tweġiba għal mistoqsija min-naħa tagħha, l-awtoritajiet Portugiżi ddikjarawalha espliċitament li ma ndaħlux, direttament jew indirettament, fl-għoti tal-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja. Barra minn hekk, l-ebda terza persuna ma pprovditilha indizzji li juru li kien hemm tali ndħil (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

105

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, minn naħa, issostni li l-imġieba ta’ Portugal Telecom ma kinitx inbidlet wara nofs is-sena 1997, peress li kienet baqgħet tikkonkludi ftehim fuq il-faċilitajiet ta’ ħlas mar-RTP, u, min-naħa l-oħra, tippreċiża li r-raġuni prinċipali għal dawn il-ftehim kienet kunflitt fuq l-ammont li għandu jitħallas għall-imsemmija liċenzja. Dan huwa kkonfermat mid-deċiżjoni tal-Anacom, adottata fl-2003 (premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

106

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li l-kritika li tagħmel ir-rikorrenti dwar ir-raġunament u l-provi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija limitata.

107

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li Portugal Telecom kienet ikkontrollata mir-Repubblika Portugiża, bħala azzjonista prinċipali, għalkemm huwa minnu li dan jikkostitwixxi fatt stabbilit tal-kawża, madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-Istat huwa responsabbli għall-miżura kontenzjuża.

108

Ir-rikorrenti ssostni li l-liġi kienet tinkludi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, bejn l-operaturi privati u l-operatur pubbliku, fir-rigward tal-penalità sostnuta fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-liċenzja. Il-liċenzja tal-operaturi privati biss kienet tiġi annullata fil-każ ta’ ħlas tardiv.

109

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, għalkemm huma biss l-operaturi privati li, bħal ma ssostni r-rikorrenti, jaqgħu taħt l-Artikolu 13(1)(f) tal-Liġi Nru 58/90, dan il-fatt mhuwiex ta’ natura tali li jikkostitwixxi prova li r-Repubblika Portugiża kienet involuta fl-għoti tal-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja lill-RTP. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma tiġi kkontestata mir-rikorrenti, li Portugal Telecom bl-ebda mod ma kienet marbuta li tipprovdi servizz ta’ xandir lill-RTP, fil-kuntest ta’ obbligu ta’ servizz universali. Fi kliem ieħor, minkejja li l-liġi pprovdiet formalment l-annullament tal-liċenzja fil-każ ta’ ħlas tardiv biss fir-rigward tal-operaturi privati, xejn ma kien jipprojbixxi lil Portugal Telecom milli tinterrompi jew tissospendi l-provvista tas-servizzi tagħha lill-RTP fil-każ ta’ sitwazzjoni simili.

110

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata, fl-aħħar nett, li r-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-faċilitajiet ta’ ħlas kienu prinċipalment dovuti għal nuqqas ta’ qbil bejn l-RTP u Portugal Telecom fuq l-ammont li għandu jitħallas għal-liċenzja. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, issostni li d-deċiżjoni meħuda mill-Anacom fl-2003 hija irrilevanti f’din il-kawża. Iżda din l-oġġezzjoni, li ma tikkonfutax, a priori, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, mhijiex rilevanti. Fil-fatt, xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tiċċita din id-deċiżjoni tal-2003 bħala prova, ċertament imbiegħeda, iżda madankollu rilevanti, insostenn tal-evalwazzjoni tagħha li tgħid li kien nuqqas ta’ qbil dwar it-tariffi bejn l-RTP u Portugal Telecom li kien ta’ lok għall-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja.

111

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-fatt allegat li Portugal Telecom ma rrinunzjatx għall-ħlas tad-dejn u għall-interessi minħabba ħlas tardiv mhuwiex biżżejjed, fih inniffsu, sabiex il-miżuri ma jiġux ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, għandu jiġi kkonstat li dan l-argument ma jikkonċernax il-kwistjoni tal-attribwibbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat, iżda, l-iktar l-iktar, il-kwistjoni dwar jekk kinux involuti riżorsi tal-Istat. Madankollu, din il-kwistjoni hija stabbilita, safejn, fil-premessa 107 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet, essenzjalment, li tikkunsidra li seta’ kien hemm l-involviment ta’ riżorsi tal-Istat.

112

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tar-referenza li r-rikorrenti tagħmel għall-fatt li l-RTP kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment tekniku, referenza li tista’ tinftiehem bħala li tissuġġerixxi li huwa biss minħabba involviment tar-Repubblika Portugiża li Portugal Telecom ippermettiet il-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzji lill-RTP, madankollu, fiha nniffisha din ma tikkomporta l-ebda konfutazzjoni konkreta tat-teżi tal-Kummissjoni li tgħid li kien nuqqas ta’ qbil dwar it-tariffi bejn l-RTP u Portugal Telecom li ta’ lok għall-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja.

113

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-rikorrenti ma jirnexxiliex tikkonfuta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-ebda indikazzjoni ma ppermettitilha tikkonkludi li l-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja kienu attribwibbli lir-Repubblika Portugiża.

114

Għaldaqstant, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq nuqqas li l-ħruġ tal-bonds tal-1994 jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat

— L-argumenti tal-partijiet

115

Ir-rikorrenti tikkontesta li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-avviż dwar il-ħruġ ta’ bonds tal-1994 kien jindika li l-RTP tiggarantixxi l-ħlas lura tas-self fuq id-dħul tagħha, kienet tippermetti lil din l-istituzzjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm għajnuna mill-Istat.

116

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-sitwazzjoni finanzjarja tar-RTP kienet marret lura ħafna fl-1994. Kien biss minħabba li l-kapital awtorizzat tagħha kien jappartjeni għall-Istat — u minħabba li wieħed kien jaħseb li l-Istat ma kienx se jħalli l-impriża tfalli — li s-suq aċċetta l-ħruġ ta’ bonds tal-1994. Din is-sitwazzjoni jmissha ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni.

117

Fir-replika, ir-rikorrenti tiċċita r-rapport tat-Tribunal de Contas, li minnu jirriżulta li l-livell ta’ dejn mal-banek tar-RTP kien dovut għall-fatt li l-RTP hija impriża pubblika, inkarigata minn servizz pubbliku tat-televiżjoni u kienet tibbenefika mill-appoġġ finanzjarju regolari tal-Istat, li hija garanzija suffiċjenti għad-diversi kredituri tar-RTP.

118

Il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tar-rikorrenti hija żbaljata. Il-Kummissjoni spjegat fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 121) għalhiex hija qieset li l-ħruġ ta’ bonds tal-1994 ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. L-ebda garanzija mill-Istat ma ngħatat formalment, fatt li r-rikorrenti ma tikkontestax. L-RTP stess iggarantiet il-ħlas tad-dejn. L-RTP kienet PLC f’dak iż-żmien u ma kellhiex status li minnu tirriżulta garanzija impliċita tal-Istat.

119

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-ħruġ ta’ bonds tal-1994 sar skont ir-regoli tas-suq u li l-Istat ma rrinunzjax għall-ksib ta’ dħul. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-RTP tappartjeni għall-Istat ma jbiddel xejn minn din il-konklużjoni, fid-dawl tan-newtralità tat-Trattat fir-rigward tal-proprjetà pubblika jew privata tal-impriża inkwistjoni.

120

Il-Kummissjoni ssostni li r-rapport tat-Tribunal de Contas huwa inammissibbli, minħabba li ġie ppreżentat fir-rikors, u tinnota li ċ-ċitazzjoni nnifisha tal-istess rapport invokat mir-rikorrenti turi li r-Repubblika Portugiża ma pprovdietx l-iċken garanzija.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

121

Fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ma rċeviet l-ebda informazzjoni li tipprova li l-ħruġ ta’ bonds tal-1994 kien iggarantit mill-Istart. Skont il-prospectus ta’ dan il-ħruġ ta’ bonds, hija l-RTP stess li ggarantiet l-ħlas lura tad-dejn. L-RTP ma kellhiex status legali li jimplika garanzija impliċita tal-Istat.

122

Huwa paċifiku li l-RTP kienet PLC meta nħarġu l-bonds tal-1994. Minħabba dan l-istatus, il-proprjetarja tar-RTP, ir-Repubblika Portugiża, ma kinitx suġġetta għall-obbligu li tħallas lura mingħajr limitu d-dejn ta’ din il-kumpannija.

123

Huwa wkoll paċifiku li l-prospectus tal-ħruġ ta’ bonds tal-1994 ma kien jipprovdi l-ebda garanzija min-naħa tal-Istat.

124

Ir-rikorrenti tallega, madankollu, li l-fatt li l-Istat kien 100 % proprjetarju tar-RTP jimplika l-eżistenza ta’ garanzija impliċita u li huwa biss dan il-fatt li jispjega kif din il-kumpannija rnexxiela, minkejja sitwazzjoni finanzjarja ħażina, toħroġ il-bonds tal-1994 fis-suq.

125

Jeħtieġ, madankollu, li ma ssirx konfużjoni bejn il-kwistjoni dwar jekk l-Istat qabilx, espliċitament jew impliċitament, li jagħti garanzija, li hija l-unika kwistjoni rilevanti f’din il-kawża, u l-kwistjoni dwar kif is-suq irreaġixxa għall-fatt li min ħareġ il-bonds ma kienx xi operatur privat kwalunkwe, iżda l-RTP.

126

Il-fatt li s-suq aċċetta li jissottoskrivi l-ħruġ ta’ bonds tal-1994 minħabba li, skont il-fehma tar-rikorrenti, ġie meqjus li l-Istat de facto iggarantixxa l-ħlas lura tagħhom, ma jippermettix li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, meta huwa paċifiku li l-Istat ma tax il-garanzija tiegħu, espliċita jew impliċita. Huma biss konstatazzjonijiet oġġettivi li jwasslu għall-konklużjoni li l-Istat huwa legalment marbut iħallas lura dawn il-bonds fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas min-naħa tar-RTP li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ garanzija mill-Istat.

127

Madankollu, la mill-atti tal-proċess u lanqas mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti ma jirriżulta li r-Repubblika Portugiża kellha dan l-obbligu.

128

Fir-rigward tar-rapport tat-Tribunal de Contas, ippreżentat fir-replika, dan ir-rapport, kif inhu kkonstatat fil-punti 186 sa 193 iktar ’il quddiem, mhuwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

129

Għaldaqstant, peress li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova kontra l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ilment tar-rikorrenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ bonds tal-1994 għandu jiġi miċħud.

Konklużjoni fuq it-tielet motiv

130

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi parzjalment milqugħ, u għaldaqstant l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat safejn dan jikkonkludi li l-eżenzjoni mill-ispejjeż notarili u ta’ reġistrazzjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

131

Min-naħa l-oħra, il-bqija ta’ dan il-motiv, jiġifieri safejn jirrigwarda l-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja u l-ħruġ ta’ bonds tal-1994, għandu jiġi miċħud.

132

Għandha tiġi eżaminata, sussegwentement, it-tieni kontestazzjoni prinċipali, imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq u, għaldaqstant, ir-raba’ motiv għal annullament.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji tal-liġi fir-rigward tal-kundizzjonjiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE

133

Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti tqis li l-għoti tas-servizz pubbliku tat-televiżjoni mir-Repubblika Portugiża lill-RTP, mingħajr sejħa għal offerti, jipprekludi l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 86(2) KE. Fit-tieni parti, ir-rikorrenti tallega ksur tal-Artikolu 86(2) KE minħabba ksur min-naħa tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kriterji għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif iddefiniti mill-komunikazzjoni fuq ix-xandir.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-għoti tas-servizz pubbliku tat-televiżjoni lill-RTP mingħajr sejħa għal offerti

— L-argumenti tal-partijiet

134

Ir-rikorrenti, wara li osservat li s-servizz pubbliku tat-televiżjoni ma ngħatax lill-RTP abbażi ta’ sejħa għal offerti, tilmenta li l-Kummissjoni ma ddubitatx dwar il-legalità ta’ din l-għotja. Hija tqis li, li kieku l-Kummissjoni wettqet dan l-eżami, hija kien ikollha tikkonkludi li din l-għotja ma kinitx tirrispetta l-ħtiġijiet tad-dritt Komunitarju u li, għaldaqstant, il-finanzjamenti mogħtija lill-RTP ma setgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 86(2) KE. Hija tinvoka l-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar il-konċessjonijiet fil-liġi Komunitarja (ĠU 2000, C 121, p. 2, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet”) u l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat, fil-XXXI Rapport tagħha fuq il-politika tal-kompetizzjoni [SEC(2002) 462 finali], tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745). Ir-rikorrenti tinvoka wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121).

135

Fir-replika, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li r-raba’ waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-7747, iktar ’il quddiem ir-“raba’ kundizzjoni Altmark”) tirrikjedi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, li l-Kummissjoni tivverifika li l-livell ta’ kumpens mogħti lill-RTP kien ġie ddeterminat abbażi tal-kriterju ta’ impriża medja, amministrata tajjeb u adekwatament attrezzata. Madankollu dan ma kienx, manifestament, il-każ.

136

Il-Kummissjoni ssostni li l-għoti tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ televiżjoni lill-RTP hija kwistjoni differenti — li qatt ma titqajjem matul il-proċedura formali — minn dik tal-kompatibbiltà, fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-kumpensi mogħtija lil din l-impriża.

137

F'kull każ, la mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-Istati Membri huma marbuta li jsegwu proċeduri speċifiċi għall-għażla tal-impriżi inkarigati minn servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”).

138

F’kull każ, fil-każ tas-SIEĠ tax-xandir, id-dritt-Komunitarju ma jeżiġix il-proċeduri miftuħa u s-sejħiet għal offerti normalment meħtieġa, b’mod ġenerali, fil-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizz pubbliku.

139

Ir-riferenzi li r-rikorrenti tagħmel għas-sistema applikabbli għall-konċessjonijiet u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma irrilevanti.

140

Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni Altmark, ir-rikorrenti hija żbaljata dwar il-funzjoni tagħha. Din il-kundizzjoni tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-miżura hijiex għajnuna mill-Istat u mhux dwar jekk din il-miżura tistax tibbenefika mid-deroga prevista mill-Artikolu 86(2) KE.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

141

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kumment preliminari tal-Kummissjoni li jgħid li l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tas-SIEĠ tat-televiżjoni lill-RTP tqajmet għall-ewwel darba quddiem il-qorti Komunitarja, għandu jiġi mfakkar li, filwaqt li parti kkonċernata minn proċedura fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat mhijiex ammessa li tinvoka, quddiem il-qorti Komunitarja, argumenti fattwali li mhumiex magħrufa mill-Kummissjoni u li ma ġewx indikati lilha matul il-proċedura ta’ eżami, min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi lil din il-parti milli, bħal f’din il-kawża, tiżviluppa motiv kontra d-deċiżjoni finali li ma tqajjimx matul il-proċeduri amministrattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1999, Kneissl Dachstein vs Il-Kummissjoni, T-110/97, Ġabra p. II-2881, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata; tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T-274/01, Ġabra p. II-3145, punt 102, u tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, T-111/01 u T-133/01, Ġabra p. II-1579, punt 68).

142

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li l-argumenti tar-rikorrenti huma ġodda, mhijiex ta’ natura tali li tippermetti li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

143

Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, l-istess bħall ma tagħmel il-Kummissjoni, li dan l-argument ma jikkonfutax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

144

Bħal ma huwa mfakkar fil-punt 29 tal-komunikazzjoni fuq ix-xandir, l-għoti ta’ deroga, previst mill-Artikolu 86(2) KE, mill-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat jeżiġi, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci Convenzionali Porto di Genova, C-179/90, Ġabra p. I-5889, punt 26; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T-106/95, Ġabra p. II-229, punti 173 u 178, u tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T-204/97 u T-270/97, Ġabra p. II-2267, punti 125 u 126), li tliet kundizzjonijiet jiġu sodisfatti: l-ewwel nett, is-servizz inkwistjoni għandu jkun SIEĠ u għandu jkun kjarament iddefinit bħala tali mill-Istat Membru; it-tieni nett, l-impriża kkonċernata għandha tkun ġiet espliċitament inkarigata mill-Istat Membru għall-provvista ta’ dan is-SIEĠ; it-tielet nett, l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat — f’dan il-każ il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat — għandha tostakola t-twettieq tal-funzjoni partikolari assenjata lill-impriża u d-deroga ma tistax taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Komunità.

145

L-Artikolu 86(2) KE ma jinkludix, fost il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu, rekwiżit li jgħid li l-Istat Membru għandu jkun segwa proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ SIEG. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni (T-17/02, Ġabra p. II-2031, punt 239), barra minn hekk, osservat espliċitament li la mill-kliem użat fl-Artikolu 86(2) KE u lanqas mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni ma jirriżulta li SIEĠ jista’ jingħata biss lil operatur wara proċedura ta’ sejħa għal offerti.

146

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, l-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni jmissha, fil-kuntest tal-eżami tagħha skont l-Artikolu 86(2) KE, ivverifikat jekk is-SIEĠ tat-televiżjoni ngħatax lil-RTP wara sejħa għal offerti, għandu jiġi miċħud.

147

Minn din il-konklużjoni, li tgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex, fil-kuntest tal-eżami tagħha skont l-Artikolu 86(2) KE, teżamina jekk l-għoti lill-RTP tas-SIEĠ tat-televiżjoni sarx fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti, jirriżulta wkoll li anke li kieku, kellu jitqies li l-għoti tas-SIEĠ tat-televiżjoni jmissu, minħabba raġunijiet oħra bħal dawk invokati mir-rikorrenti u mfakkra fl-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 134 iktar ’il fuq, kien is-suġġett ta’ sejħa għal offerti, madankollu, f’dan il-każ in-nuqqas ta’ tali s-sejħa għal offerti segħet, l-iktar l-iktar, jiġġustifika l-fatt li l-Kummissjoni tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettieq ta’ obbligu kontra r-Repubblika Portugiża, skont l-Artikolu 226 KE, liema proċedura setgħet, skont il-każ, twassal sabiex dan l-Isat Membru jtemm dan l-għoti u jorganizza sejħa għal offerti. Madankollu, dan in-nuqqas ta’ sejħa għal offerti ma jistax, min-naħa l-oħra, ikollu bħala konsegwenza li l-finanzjament mill-Istat tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tal-proprjetarju tas-SIEĠ jiġi, fil-każ li l-kundizzjonijiet ta’ definizzjoni tas-SIEĠ, ta’ mandat u ta’ proporzjonalità jiġu rrispettati, kkunsidrat bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

148

F’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li r-Repubblika Portugiża bl-ebda mod ma kienet, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti minħabba r-raġunijiet imfakkra fl-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 134 iktar ’il fuq, marbuta li torganizza sejħa għal offerti qabel l-għoti tas-SIEĠ tat-televiżjoni lill-RTP.

149

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi, l-ewwel nett, għall-komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet (punt 134 iktar ’il fuq). Issa, għalkemm huwa minnu li l-kuntratti tas-servizz pubbliku, konklużi bejn ir-Repubblika Portugiża u l-RTP, għandhom l-isem ta’ “konċessjoni”, madankollu ma jidhirx, u barra minn hekk ir-rikorrenti lanqas ma tinvoka l-ebda prova f’dan is-sens, li l-RTP hija konċessjonarja fis-sens ta’ din il-komunikazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sitt paragrafu tal-punti 2.2, u t-tielet paragrafu tal-punt 2.4, tal-Komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet), jiġifieri l-RTP tagħmel id-dħul tagħha mill-operat (bħal televiżjoni li xxandar lill-abbonati tagħha) u għaldaqstant hija ssostni r-riskju tal-operat.

150

Jidher li, bil-kontra ta’ dan, l-RTP hija operatur pubbliku tat-televiżjoni li xxandar programmazzjoni għall-benefiċċju u għall-popolazzjoni kollha u li l-ispejjeż tagħha ta’ servizz pubbliku jiġu sostnuti mill-Istat.

151

Barra minn hekk, anke jekk l-RTP kienet konċessjonarja fis-sens tal-komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet, għandu jiġi osservat li din il-komunikazzjoni, għalkemm tindika li “r-relazzjonijiet bejn [l-]awtoritajiet pubbliċi u [l-]impriżi pubbliċi inkarigati b’funzjonijiet ta’ importanza ekonomika ġenerali bħala prinċipju jaqgħu taħt[ha]” (it-tmien paragrafu tal-punt 2.4, tal-komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet), hija madankollu tippreċiża espliċitament li “fis-settur awdjoviżiv, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-[Protokoll ta’ Amsterdam]” (nota ta’ qiegħ il-paġna 29, it-tmien paragrafu tal-punt 2.4 tal-komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet). B’dan il-mod, il-komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tax-xandir tas-servizz pubbliku u teżenta l-każ ta’ dan is-settur.

152

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, skont il-Komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet, dawn “huma suġġetti għar-regoli u l-prinċipji tat-Trattat, safejn dawn […] ikollhom bħala għan il-provvista ta’ attivitajiet ekonomiċi” (l-ewwel paragrafu tal-punt 2.4). iktar ’il quddiem, il-Komunikazzjoni fuq il-konċessjonijiet tindika li hija “ma tirrigwardax l-atti […] li jikkonċernaw attivitajiet ta’ natura mhux ekonomika, bħall-edukazzjoni obbligatorja jew is-sigurtà soċjali” (it-tieni inċiż, tal-ħames paragrafu, tal-punt 2.4).

153

Issa, għalkemm huwa minnu li s-servizz pubbliku tax-xandir huwa meqjus bħala SIEĠ u mhux bħala servizz ta’ interess ġenerali mhux ekonomiku, għandu jiġi osservat li din il-klassifikazzjoni tas-SIEĠ iktar tispjega ruħha permezz tal-impatt li x-xandir ta’ servizz pubbliku jipproduċi, de facto, fuq is-settur, barra minn hekk kompetittiv u kummerċjali, tax-xandir, milli permezz ta’ allegata dimensjoni kummerċjali tax-xandir ta’ servizz pubbliku. Bħal ma jirriżulta kjarament mill-Protokoll ta’ Amsterdan, is-servizz pubbliku tax-xandir huwa “direttament marbut mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà”. Fl-istess sens, mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Istati Membri tal-25 ta’ Jannar 1999 dwar is-servizz pubbliku tax-xandir (ĠU C 30, p. 1), jirriżulta li dan is-servizz pubbliku, “fid-dawl tal-funzjonijiet kulturali, soċjali u demokratiċi li dan jassumi għall-ġid komuni, huwa ta’ importanza vitali sabiex tiġi żgurata d-demokrazija, il-pluraliżmu, il-koeżjoni soċjali u d-diversità kulturali u lingwistika, [u] għandha tkun f’pożizzjoni li tkompli tipproponi firxa wiesgħa ta’ programmi […] lis-soċjetà kollha kemm hi” (premessa B u punt 7 tar-Riżoluzzjoni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

154

Din l-ispeċifiċità tax-xandir tas-servizz pubbliku hija barra minn hekk il-bażi tal-libertà li l-Protokoll ta’ Amsterdam jirrikonoxxi lill-Istati Membri fl-għoti tas-SIEĠ tax-xandir. Hija tispjega u tiġġustifika l-fatt li Stat membru ma jistax jiġi obbligat li jirrikorri għal sejħa għal offerti għall-għoti ta’ dan is-SIEĠ, minn tal-inqas meta jiddeċiedi jiżgura huwa stess dan is-servizz pubbliku permezz ta’ kumpannija pubblika, bħal f’dan il-każ.

155

Huwa, sussegwentement, fid-dawl tal-istess kunsiderazzjonijiet li jidhru għaldaqstant irrilevanti r-riferenzi, magħmula wkoll mir-rikorrenti, għall-XXXI Rapport fuq il-politika tal-kompetizzjoni u għall-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat, f’dan ir-rapport, tas-sentenza Telaustria u Telefonadress, punt 134 iktar ’il fuq, kif ukoll tas-sentenza Teckal, punt 134 iktar ’il fuq. Fil-fatt, permezz ta’ dawn ir-referenzi, li jikkonċernaw attivitajiet totalment differenti mix-xandir tas-servizz pubbliku, ir-rikorrenti għal darb’oħra tinjora l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dan is-settur u l-għanijiet partikolari persegwiti mill-Istati Membri meta jiddefinixxu u jorganizzaw is-servizz pubbliku tax-xandir.

156

Mil-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li mhux biss talli l-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn, sabiex tagħti d-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE, teżamina jekk is-SIEĠ tat-televiżjoni kienx ingħata wara sejħa għal offerti (punt 146 iktar ’il fuq), iżda talli, f’kull każ, ir-Repubblika Portugiża ma kellhiex tirrikorri għal sejħa għal offerti.

157

Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ir-raba’ kundizzjoni Altmark (punt 135 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tqajjem ex officio l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-motivi esposti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u li mhumiex ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, T-40/01, Ġabra p. II-5043, punt 96, u tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, T-134/03 u T-135/03, Ġabra p. II-3923, punt 51). Madankollu, motiv jew argument li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement fir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs L-UASI, C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punti 38 sa 40; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Marzu 2007, Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, T-107/04, Ġabra p. II-669, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

158

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li dan l-ilment tqajjem biss fi stadju tar-replika (punti 14 sa 22), mingħajr ma ġie bbażat fuq elementi ta’ dritt jew fattwali żvelati matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess, invokat ir-raba’ kundizzjoni Altmark fid-difiża tagħha (b’mod partikolari fil-punt 37), għall-finijiet tal-ikkonfutar tal-argument tar-rikors li jgħid li sejħa għal offerti kienet neċessarja għall-assenjazzjoni tas-SIEĠ inkwistjoni, bl-ebda mod ma jikkostitwixxi l-iżvelar matul il-proċedura ta’ element fattwali jew ta’ dritt, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, li tippermetti lir-rikorrenti tressaq validament dan l-ilment, fl-istadju tar-replika.

159

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li dan l-ilment, safejn jinvoka l-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk il-livell tal-kumpens neċessarju ġiex iddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament attrezzata tkun sostniet biex teżegwixxi l-obbligi ta’ servizz pubbliku, ma jikkostitwixxix l-amplifikazzjoni ta’ ebda motiv imqajjem fl-istadju tar-rikors. Fil-fatt, fir-rikors, ir-rikorrenti llimitat ruħha li tikkritika, barra minn hekk mingħajr ma għamlet l-ebda referenza għar-raba’ kundizzjoni Altmark, in-nuqqas ta’ sejħa għal offerti fl-għoti tas-SIEĠ tat-televiżjoni lill-RTP (ara l-punti 175 sa 183 tar-rikors) u mkien ma qajjmet l-ilment — kompletamant differenti — preżentement inkwistjoni li jgħid li, fin-nuqqas ta’ sejħa għal offerti, il-Kummissjoni jmissha, qabel ma tat deroga skont l-Artikolu 86(2) KE, ivverifikat, skont — fil-fehma tar-rikorrenti — ir-raba’ kundizzjoni Altmark, li l-livell tal-kumpensi mogħtija lill-RTP kien jirrifletti l-bżonnijiet ta’ impriża medja, amministrata tajjeb u adegwatament attrezzata.

160

Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ir-raba’ kundizzjoni Altmark huwa inammissibbli.

161

Mil-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE

— L-argumenti tal-partijiet

162

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE hekk kif imfakkra fil-komunikazzjoni fuq ix-xandir u li jgħidu li, l-ewwel nett, l-Istat għandu jiddefinixxi l-funzjoni ta’ servizz pubbliku assenjati lill-impriża inkwistjoni, it-tieni nett, is-servizz għandu jiġi effettivament ipprovdut, it-tielet nett, il-provvista effettiva tas-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt għandu jkun suġġett għal kontroll indipendenti u, ir-raba’ nett, il-kumpensi fi flus mogħtija mill-Istat għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.

163

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, l-Istat ma jistax, fil-każ li, bħal f’dan il-każ, jagħżel li jassenja s-servizz pubbliku lil impriża li fl-istess ħin, hija involuta f’attivitajiet kummerċjali f’kompetizzjoni ma’ operaturi oħra, jagħżel li jaddotta definizzjoni “wiesgħa” tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, tali definizzjoni ma tippermettix distinzjoni ċara bejn l-attività kompetittiva u l-attività ta’ servizz pubbliku u tipprekludi kemm il-kontroll tal-provvista effettiva tas-servizz pubbliku kif ukoll l-attribuzzjoni tal-ispejjeż sostnuti mill-impriża bejn l-attivitajiet kummerċjali tagħha u l-attivitajiet tagħha ta’ servizz pubbliku. L-Istat Portugiż ma ddefiniex kjarament, b’mod trasparenti u kontrollabbli, il-funzjoni ta’ servizz pubbliku assenjat lill-RTP u l-motivi relatati mal-finanzjament ta’ din il-funzjoni.

164

Din il-kritika mhijiex astratta. Hija hija konkretament ibbażata fuq l-ineffiċjenza tal-mekkaniżmi ta’ kontroll. Fost il-mekkaniżmi ta’ kontroll elenkati fil-premessi 56 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, l-uniċi implementati minn korpi indipendenti tar-Repubblika Portugiża u tar-RTP huma dawk effetwati minn kunsill konsultattiv, kompost minn rappreżentanti tal-opinjoni pubblika, u minn awdituri esterni.

165

Madankollu, mhux biss talli l-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza, fid-deċiżjoni kkontestata, għat-twettieq ta’ kontrolli indipendenti, iżda talli hija lanqas biss ma ppruvat tivverifika jekk dawn il-kontrolli effettivament seħħewx. Għaldaqastant, il-Kummissjoni mhijiex biss marbuta li tikkunsidra l-mekkaniżmi teoretikament previsti, iżda wkoll li tivverifika l-applikazzjoni reali tagħhom.

166

Minkejja li kella s-setgħat kollha ta’ investigazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda inizzjattiva u lanqas ma tagħat widen jew aġiet fuq xi waħda mit-talbiet li r-rikorrenti ripetutament għamlet u li kienu intiżi sabiex jinkisbu, mingħand l-awtoritajiet Portugiżi, ir-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti jew dikjarazzjoni li dawn ir-rapporti ma kinux jeżistu. Minn naħa, l-informazzjoni miksuba mir-rikorrenti turi, li, bejn l-1992 u l-1997, l-RTP ma kienet suġġetta għal ebda kontroll minn awdituri indipendenti. Min-naħa l-oħra, mill-elementi disponibbli fir-rigward tar-rapport tal-awdituri esterni previst mill-kuntratti li sar fl-1998 juru li kien hemm nuqqasijiet serji.

167

Barra minn hekk, il-Kummissjoni lanqas ma rrispettat il-kriterju bbażat fuq l-eżistenza tal-provvista effettiva tas-servizz pubbliku. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata mhija sostnuta minn l-ebda prova dokumentata tar-rispett effettiv min-naħa tar-RTP tal-mandati ta’ servizz pubbliku assenjati lilha. Barra minnhekk, l-ebda kontroll indipendenti ma sar bejn l-1992 u l-1997 u r-rapport tal-awdituri esterni previst mill-kuntratti għall-1998 juri numru ta’ nuqqasijiet fil-provvista tas-servizz pubbliku mill-RTP.

168

Għaldaqstant, peress li l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, kif iddefiniti mill-Kummissjoni nnifisha, ma kinux irrispettati, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

169

Ir-rikorrenti żżid li, fil-każ li l-mekkaniżmi ta’ kontroll tat-twettieq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jaħdmux, il-Komunikazzjoni fuq ix-xandir tipprojbixxi l-konstatazzjoni li s-servizz pubbliku ġie effettivament ipprovdut. Barra minn hekk, ladarba l-kontroll jaħdem u l-awtoritajiet kompetenti jqisu li s-servizz pubbliku ma ġiex ipprovdut jew li ċerti spejjeż mhumiex dovuti għal dan is-servizz, il-Kummissjoni ma tistax tiċħad dan il-kontroll u tqis, bħal ma għamlet fid-deċiżjoni kkontestata u fis-sottomissjonijiet tad-difiża, li, b’mod definittiv, kollox kien jaqa’ taħt is-servizz pubbliku u li l-ispejjeż ippreżentati mill-impriża kienu kollha kemm huma dovuti għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

170

Jeħtieġ li terġa’ ssir referenza għar-rapport tat-Tribunal de Contas, adottat iktar minn sena qabel id-deċiżjoni kkontestata, li evidentement kienu jafu dwaru kemm ir-Repubblika Portugiża u kif ukoll l-RTP u li kellha tkun taf dwaru wkoll il-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni, kemm fid-dawl tal-qedem tal-eżami tagħha tar-RTP kif ukoll fid-dawl tal-obbligu tal-kooperazzjoni leali tal-Istati Membri lejn l-istituzzjonijiet Komunitarji, ma setgħetx ma kinitx taf li t-Tribunal de Contas għamlet investigazzjoni ddettaljata u ma setgħetx ma kinitx taf dwar l-eżistenza ta’ dan ir-rapport.

171

Dan ir-rapport jikkonferma r-rapport tal-awdituri estern previst mill-kuntratti għall-1998 kif ukoll it-termini tar-rikors fir-rigward tal-iżbalji tal-Kummissjoni matul l-analiżi tal-ispejjeż sostnuti mill-RTP għall-provvista ta’ servizz pubbliku. Jikkonferma wkoll l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-iżball tad-dritt tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, b’mod partikolari rigward l-ineffiċjenza tal-mekkaniżmi ta’ kontroll. Ir-rapport jikkonferma, fl-aħħar nett, li l-RTP ma pprovdietx is-servizz mistenni. Għaldaqstant, fid-dawl tal-kriterji tal-Komunikazzjoni fuq ix-xandir, “il-Kummissjoni ma [kellhiex il-possibbiltà li] twettaq ix-xogħlijiet tagħha taħt l-Artikolu 86(2) [KE] u, għalhekk, ma setgħetx tagħti l-ebda eżenzjoni taħt dik id-dispożizzjoni” (punt 43 tal-komunikazzjoni).

172

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx ma tkunx taf dwar ir-rapport tat-Tribunal de Contas, li minnu jirriżulta b’mod ċar li l-kundizzjonijet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE, ma kinux sodisfatti. Il-Kummissjoni ma tistax tikkontrolla l-mod li bih l-RTP tiżgura s-servizz pubbliku abbażi tar-rapporti annwali stabbiliti minn awditur tal-impriża jew abbażi tal-kontabbiltà tal-impriża. Barra minn hekk, ir-rwol tal-awditur la huwa dak li jivverifika jekk impriża partikolari tiżgurazx jew le il-provvista ta’ servizz pubbliku u wisq inqas dak li jivverifika liema ammonti muma relatati jew le ma din il-provvista. Id-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant manifestament illegali u għandha tiġi annullata.

173

Il-Kummissjoni twieġeb li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Komunikazzjon fuq ix-xandir ma timponix obbligu ta’ kontroll indipendenti fir-rigward tal-provvista effettiva tas-servizz pubbliku tax-xandir. Fil-punt 29, din il-komunikazzjoni tistabbilixxi tliet kriterji sabiex miżura tkun tista’ tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE. Dawn il-kriterji, dwar id-definizzjoni tas-SIEĠ, il-funzjoni ta’ servizz pubbliku u l-proporzjonalità, huma dawk li ġew applikati fid-deċiżjoni kkontestata.

174

Mhuwiex eżatt li definizzjoni “wiesgħa’” tas-servizz pubbliku ma tippermettix li ssir distinzjoni bejn l-attività kompetittiva u l-attività ta’ servizz pubbliku, u lanqas li tipprekludi l-kontroll tal-provvista effettiva tas-servizz pubbliku u l-attribuzzjoni tal-ispejjeż għall-attivitajiet kompetittivi minn naħa, u għall-attivitajiet ta’ servizz pubbliku min-naħa l-oħra.

175

Ir-rwol tal-Kummissjoni fis-settur tax-xandir huwa limitat għall-verifika ta’ eventwali żbalji manifesti fid-definizzjoni tas-servizz pubbliku, liema verifika għandha taqbel mal-għan li jiġu sodisfatti l-bżonnijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ soċjetà partikolari. Il-Kummissjoni ma kkonstatatx żbalji bħall dawn.

176

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni kienet dwar jekk il-finanzjament tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku kienx proporzjonali jew le għall-ispiża netta tas-servizz pubbliku. Issa, il-konlużjoni tal-Kummissjoni hija li l-finanzjament totali rċevut mill-RTP matul il-perijodu kkunsidrat ma qabiżx l-ispejjeż netti ta’ servizz pubbliku.

177

Deher li l-RTP kienet iżżomm kontabbiltà separata bejn l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u l-attivitajiet kummerċjali, fejn dawn tal-aħħar kienu eżerċitati minn impriżi ġuridikament distinti. Il-kontabbiltà tar-RTP għaldaqstant uriet liema kienu l-ispejjeż u d-dħul tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku kif ukoll l-ishma tar-RTP f’impriżi kummerċjali, imniżżlin fil-kontabbiltà bħala investiment finanzjarji. Il-kontijiet finanzjarji tar-RTP dejjem kienu suġġetti għal kontroll ta’ kull sena minn awditur. Barra minn hekk, fil-kuntest tas-sistema interna ta’ finanzjament Portugiż, l-RTP kisbet biss il-ħlas lura parzjali tal-ispejjeż tagħha ta’ servizz pubbliku. F’dan il-kuntest, l-RTP applikat it-tieni livell ta’ kontabbiltà analitika fi ħdan l-attivitajiet ta’ servizz pubbliku veri u proprja — ħaġa li dejjem ġiet riflessa fir-rapporti fuq is-servizz pubbliku — li wera b’mod trasparenti liema spejjeż setgħu jitħallsu lura għal attività ta’ servizz pubbliku.

178

Huwa minnu li, inizzjalment, l-awtoritajiet Portugiżi għażlu li jimplementaw, permezz tal-kuntratt ta’ servizz pubbliku, mekkaniżmu ta’ kumpens li ma kienx ikopri l-ispejjeż kollha ta’ servizz pubbliku. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt Komunitarju jippermetti li l-imsemmija spejjeż jiġu kkumpensati kollha kemm huma. Ir-rikorrenti ma tistax għaldaqstant tikkontesta miżuri oħra meħuda iktar tard mill-awtoritajiet Portugiżi sabiex tiġi koperta l-parti tal-ispejjeż li kienet għadha ma kinitx is-suġġett ta’ kumpens.

179

Barra minn hekk, il-kunċett li jgħid li kien leġittimu li wieħed jaċċetta definizzjoni “wiesgħa” tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku fil-każ tar-RTP, peress li kien ġie pprovat li l-finanzjament ta’ din il-funzjoni kien proporzjonali għall-ispejjeż netti tagħha, huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li ma kien hemm l-ebda distorsjoni fis-suq fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ servizz pubbliku.

180

Rigward l-argument ibbażat fuq l-allegata ineffiċjenza tal-mekkaniżmi ta’ kontroll, dan mhuwiex validu. Fil-fatt, ir-rwol tal-Kummissjoni mhuwiex li tevalwa jekk l-RTP jew ir-Repubblika Portugiża applikawx korrettement ir-regoli interni Portugiżi kollha, iżda biss li tivverifika jekk il-finanzjament mill-Istat lill-RTP kienx kompatibbli mat-Trattat. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni kellha tanalizza u tevalwa data oġġettiva u kredibbli dwar l-ispejjeż tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku u dwar l-attivitajiet kummerċjali tar-RTP.

181

Jeħtieġ li jiġi enfasizzat, bħal ma hu speċifikat fil-premessi 117 et seq tad-deċiżjoni kkotnestata, li din id-data kollha analizzata u kkonfermata mill-Kummissjoni kienet suġġetta għall-mekkaniżmi ta’ kontroll adegwati fil-Portugall.

182

Anki li kieku kellu jiġi ulterjorment ikkonstatat li s-sistemi kollha ta’ kontroll deskritti ma ħadmux kif suppost jew li d-data pprovduta lill-Kummissjoni ma kinitx eżatta, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata tkun ivvizzjata. Fil-fatt, il-Kummissjoni adottat din id-deċiżjoni abbażi tal-elementi li hija kellha fid-data tal-adozzjoni tagħha u li hija ma kellhiex raġuni li tiddubita minnhom.

183

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ibbażata fuq l-ebda prova li tattesta li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku tar-RTP kien ġiet effettivament ipprovduta, dan huwa żbaljat. Fil-fatt, mhijiex il-Kummissjoni li għandha tevalwa konkretament jekk il-kuntratti ta’ servizz pubbliku ġewx eżegwiti fid-dettali u lanqas jekk ir-regoli ta’ kwalità ddefiniti f’dawn il-kuntratti ġewx irrispettati. Ir-rwol tagħha huwa llimitat li tivverifika jekk l-attivitajiet eżerċitati bħala servizz pubbliku min-naħa tar-RTP setgħux jew le jiġu kkunsidrati bħala SIEĠ fis-sens tat-Trattat.

184

L-attivitajiet kollha eżerċitati mill-RTP bħala SIEĠ huma leġittimi u mhuma vvizzjati minn l-ebda żball manifest. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ppermettiet li jiġi konkluż li l-finanzjament mogħti lill-RTP kien ġie effettivament iddedikat għat-twettieq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku.

185

Il-Kummissjoni tosserva li l-preżentazzjoni, fir-replika, tar-rapport tat-Tribunal de Contas, saret tardivament u mingħajr ebda ġustifikazzjoni konvinċenti għal dan id-dewmien. Min-naħa tagħha, hija tikkontesta formalment li kienet taf dwar l-eżistenza ta’ dan ir-rapport qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu dan ir-rapport b’ebda mod ma jikkonfuta l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

186

Preliminarjament, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk ir-rapport tat-Tribunal de Contas, ippreżentat f’anness mar-replika, huwiex ammissibbli u rilevanti, f’dan ir-rikors, għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

187

Jeħtieġ li tiġi ttrattata, direttament, il-kwistjoni tar-rilevanza ta’ dan ir-rapport.

188

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament imressaq abbażi tal-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni eżistenti fid-data ta’ meta l-att ġie adottat. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati unikament skont l-elementi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument ta’ meta hija għamlet dawn l-evalwazzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 86; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T-371/94 u T-394/94, Ġabra p. II-2405, punt 81, u tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il-Kummissjoni, T-126/96 u T-127/96, Ġabra p. II-3437, punt 88).

189

Ir-rikorrenti tikkunsidra li, kemm fid-dawl tal-qedem tal-eżami tar-RTP mill-Kummissjoni kif ukoll tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali tal-Istati Membri lejn l-istituzzjonijiet Komunitarji, din l-istituzzjoni ma setgħetx ma kinitx taf li t-Tribunal de Contas għamlet investigazzjoni dettaljata fuq l-RTP u ma setgħetx ma kinitx taf dwar l-eżistenza ta’ dan ir-rapport.

190

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, li għandha l-oneru tal-prova, minbarra d-dikjarazzjonijiet ġenerali msemmija iktar ’il fuq, ma pprovdiet l-ebda prova konkreta li l-Kummissjoni effettivament kienet taf dwar dawn il-fatti, anki jekk sempliċement dwar l-eżistenza tal-imsemmi rapport, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti ssostni barra minn hekk li hija ma kinitx taf dwar l-eżistenza ta’ dan ir-rapport meta ġiet adottata din id-deċiżjoni.

191

Rigward il-Kummissjoni, hija ssostni formalment li hija ma kellha l-ebda għarfien dwar dan ir-rapport meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u li, għaldaqstant, lanqas biss ma setgħet titlob li dan jiġi kkomunikat lilha.

192

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhuwiex paċifiku li l-Kummissjoni kienet taf dwar l-eżistenza tar-rapport tat-Tribunal de Contas meta ġiet adottata d-deċijoni kkontestata.

193

Minn dan isegwi li, indipendentement mill-kwistjoni nnifisha dwar jekk dan ir-rapport, minkejja li ġie ppreżentat biss matul ir-replika, għandux jitqies bħala ammissibbli skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi ddikjarat nieqes minn kull rilevanza u ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

194

Issa li din il-kwistjoni preliminari ġiet deċiża, jeħtieġ li tiġi ttrattata l-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li Stat Membru ma jistax, meta jagħżel, bħal f’dan il-każ, li jagħti SIEĠ tax-xandir lil operatur li fl-istess ħin iwettaq attivitajiet kummerċjali, jagħżel definizzjoni “wiesgħa” tas-servizz pubbliku.

195

Għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FFSA et vs Il-Kummissjoni, punt 144 iktar ’il fuq, punt 99) u kif tesponi l-Kummissjoni fil-punt 22 tal-Komunikazzjoni COM(2000) 580 finali, tal-20 ta’ Settembru 2000, dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali fl-Ewropa, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni tas-servizzi li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ. Għaldaqstant, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, I-1583, punt 162; sentenza Olsen vs Il-Kummissjoni, punt 145 iktar ’il fuq, punt 216).

196

L-importanza tas-SIEĠ għall-Unjoni Ewropea u n-neċessità li jiġi ggarantit li dawn is-servizzi jiffunzjonaw tajjeb, ġew wara kollox enfasizzati bl-introduzzjoni fit-Trattat KE, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, tal-Artikolu 16 KE (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C-340/99, Ġabra p. I-4109, I-4112, punt 94; tal-Avukat Ġenerali Jacobs għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C-475/99, Ġabra p. I-8089, I-8094, punt 175, u tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769, I-13772, punt 124, u tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il-Kummissjoni, C-205/03 P, Ġabra p. I-6295, I-6297, nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 26; ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Mejju 2001, Poste Italiane vs Il-Kummissjoni, T-53/01 R, Ġabra p. II-1479, punt 132).

197

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tas-SIEĠ tax-xandir, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat-30 ta’ April 1974, Sacchi (155/73, Ġabra p. 409) dwar, fost oħrajn, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt esklussiv, mogħti minn Stat Membru lil impriża, sabiex ixxandar kull tip ta’ programmi televiżivi, anki għal finijiet ta’ reklamar, jikkostitwixxix ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, essenzjalment irrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu leġittimament jiddefinixxu SIEĠ tax-xandir li jkopri x-xandir ta’ programmazzjoni ta’ natura ġenerali. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li “xejn fit-Trattat ma jipprekludi lill-Istati Membri milli, minħabba ċirkustanzi ta’ interess pubbliku li jkunu ta’ natura mhux ekonomika, ineħħu x-xandir bit-televiżjoni […] mil-logħba tal-komeptizzjoni billi jagħtu lil stabbiliment jew numru ta’ stabbilimenti d-dritt esklussiv li jwettqu dan ix-xandir” (sentenza Sacchi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Reischl għal din is-sentenza, Ġabra p. 433, p. 445, it-tieni sal-ħames paragrafu, u tal-Avukat Ġenerali Léger għas-sentenza Wouters et, punt 195 iktar ’il fuq, punt 163).

198

Barra minn hekk, ladarba, fil-Protokoll ta’ Amsterdam, l-Istati Membri qalu li “[ix-xandir ta’ servizz pubbliku] fl-Istati Membri [huwa] direttament [relatat] mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jkun imħares il-pluraliżmu tal-media”, huma rreferew direttament għas-sistemi ta’ xandir ta’ servizz pubbliku mwaqqfa minnhom u inkarigati mix-xandir, għal benefiċċju tal-popolazzjoni kollha ta’ dawn l-Istati, ta’ programmi televiżivi ta’ natura ġenerali.

199

Fl-aħħar nett, għandhom jiġu mfakkra l-kliem li bihom il-Kunsill u l-Istati Membri, fir-Riżoluzzjoni tagħhom tal-25 ta’ Jannar 1999 dwar is-servizz pubbliku tax-xandir (punt 153 iktar ’il fuq), ikkonfermaw l-importanza tas-SIEĠ tax-xandir.

200

F’din ir-riżoluzzjoni, l-Istati Membri, “filwaqt li jikkunsidraw li s-servizz pubbliku tax-xandir, fid-dawl tal-funzjonijiet kulturali, soċjali u demokratiċi li dan jassumi għall-ġid komuni, huwa ta’ importanza vitali sabiex tiġi żgurata d-demokrazija, il-pluraliżmu, il-koeżjoni soċjali u d-diversità kulturali u lingwistika, […] jenfasizzaw li d-diversifikazzjoni dejjem tiżdied tal-programmi proposti fl-ambjent medjatiku ġdid issaħħaħ l-importanza tal-funzjoni globali tal-korpi pubbliċi tax-xandir [u] ifakkru d-dikjarazzjoni tal-kompetenza tal-Istati Membri rigward il-mandat u l-finanzjament tas-servizz imsemmi fil-[Protokoll ta’ Amsterdam]”, innotaw u kkonfermaw li l-imsemmi protokoll jikkonferma “r-rieda [tagħhom] […] li jiffokaw r-rwol tas-servizz pubbliku tax-xandir”, li “s-servizz pubbliku tax-xandir għandu jkun f’pożizzjoni li jkompli jipproponi varjetà kbira ta’ programmi, skont il-funzjoni tiegħu hekk kif iddefinita mill-Istati Membri, sabiex jindirizza ruħu lis-soċjetà kollha kemm hi” u li, “f’dan il-kuntest, huwa leġittimu li s-servizz pubbliku tax-xandir jipprova kemm jista’ jkun jilħaq pubbliku wiesgħa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

201

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li d-dritt Komunitarju bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Istat Membru milli jiddefinixxi s-SIEĠ tax-xandir b’mod wiesgħa, liema definizzjoni tkun tinkludi x-xandir ta’ programmi ta’ natura ġenerali.

202

Din il-possibbiltà mhijiex ikkonfutata mill-fatt li x-xandar tas-servizz pubbliku jeżerċita, barra minn hekk, attivitajiet kummerċjali, b’mod partikolari l-bejgħ ta’ spazji għal reklamar.

203

Fil-fatt, tali konfutazzjoni twassal sabiex id-definizzjoni nnifisha tas-SIEĠ tax-xandir issir dipendenti fuq il-metodu ta’ finanzjament ta’ dan is-servizz. Issa, SIEĠ huwa ddefinit, bħala ipoteżi, skont l-interess ġenerali li għandu l-intenzjoni li jissodisfa u mhux skont il-mezzi li jiżguraw il-provvista tiegħu. Bħal ma tosserva l-Kummissjoni, fil-punt 36 tal-komunikazzjoni fuq ix-xandir, “il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-[funzjoni] tas-servizz pubbliku [m’għandiex tiġi konfuża] mal-kwistjoni tal-mekkaniżmu finanzjarju magħżul biex [jiġu pprovduti] dawn is-servizzi”.

204

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddefinixxu s-SIEĠ tax-xandir b’tali mod li jkun jinkludi x-xandir ta’ varjetà wiesgħa ta’ programmi, filwaqt li jawtorizzaw lill-operatur inkarigat minn dan is-SIEĠ li jeżerċita attivitajiet kummerċjali, bħall-bejgħ ta’ spazju għal reklamar, ma tistax tiġi kkontestata.

205

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, l-ewwel nett, li indipendentement mill-kritika espressa mir-rikorrenti kontra definizzjoni wiesgħa tas-servizz pubbliku fil-każ ta’ xandar li jeżerċita wkoll attivitajiet kummerċjali, l-ilmenti tar-rikorrenti jirrigwardaw, fuq kollox, l-eżekuzzjoni ta’ din il-funzjoni mill-RTP u fuq il-kontroll tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

206

Skont ir-rikorrenti, fil-fatt, il-Kummissjoni ma ppruvatx tiżgura ruħha li l-eżekuzzjoni tal-funzjoni tagħha mill-RTP kienet suġġetta għal kontrolli indipendenti. Il-Kummissjoni mhijiex biss marbuta li tieħu nota tal-mekkaniżmi ta’ kontroll teoretikament previsti. Hija għandha, barra minn hekk, tivverifika l-implementazzjoni effettiva tagħhom. Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma segwietx it-talbiet tagħha intiżi għall-komunikazzjoni, mill-awtoritajiet Portugiżi, tar-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti, jew għall-dikjarazzjoni, min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, li dawn ir-rapporti ma kinux jeżistu. Hija tilemnta, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, ma pprovdietx, fid-deċiżjoni kkontestata, provi li l-RTP effettivament osservat il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku mogħtija lilha.

207

Il-premessi rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata huma l-premessi 56 sa 59 u 177 sa 181.

208

Fl-aħħar nett, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ta’ dawn l-ilmenti tar-rikorrenti, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-kontroll tal-osservanza, min-naħa tax-xandar ta’ servizz pubbliku, tal-mandat tiegħu ta’ servizz pubbliku.

209

Dan l-eżami jimplika analiżi maqsuma f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-kontroll tal-osservanza, min-naħa tar-RTP, tal-kriterji kwalitattivi — jew magħrufa wkoll bħala regoli ta’ kwalità — applikabbli b’mod ġenerali għall-attivitajiet kollha tagħha ta’ xandir ta’ servizz pubbliku. Fit-tieni parti, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar il-kontroll tar-realtà tal-provvista, min-naħa tar-RTP, tas-servizzi konkreti ta’ servizz pubbliku mistennija minnha u l-verifika li din il-provvista tirrifletti l-ispejjeż indikati għaliha.

210

Fil-waqt li l-ewwel parti tal-analiżi tirrigwarda evalwazzjoni, mimlija suġġettività, tal-livell kwalitattiv tat-televiżjoni ta’ servizz pubbliku, it-tieni parti tikkonċerna l-kwistjoni, oġġettiva, tas-sinċerità amministrattiva u tal-kontabbiltà tar-RTP rigward l-ispejjeż li din tikkomporta u rigward l-ispejjeż indikati fiha. Effettivament, il-Kummissjoni tista’ tivverifika utilment il-proporzjonalità tal-finanzjament mill-Istat mal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku biss jekk hija tkun raġjonevolment konvinta dwar l-affidabbiltà tad-data finanzjarja u tal-kontabbiltà mibgħuta lilha dwar l-operatur tas-servizz pubbliku u dwar l-attività tiegħu.

211

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni tal-kontroll tar-rispett, min-naħa tar-RTP, tal-kriterji kwalitattivi, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-impatt ekonomiku tiegħu, ix-xandir ta’ servizz pubbliku definit f’sens wiesgħa jista’ jkollu l-finanzjament tiegħu mill-Istat iddikjarat bħala konfromi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq l-għajnuna mill-Istat biss sakemm jiġu rrispettati l-ħtiġijiet kwalitattivi espressi fil-mandatt ta’ servizz pubbliku. Dawn il-ħtiġijiet kwalitattivi huma, fil-fatt, ir-raison d’être tas-SIEĠ tax-xandir fl-ambjent awdjoviżiv nazzjonali u għaldaqstant mhemm l-ebda raġuni li SIEĠ tax-xandir iddefinit b’mod wiesgħa, iżda li jissagrifika l-osservanza ta’ dawn il-ħtiġijiet kwalitattivi favur l-imġieba ta’ operatur kummerċjali li tikkonsisti fix-xandir ta’ programmi speċjalment intiżi sabiex tintlaħaq udjenza mixtieqa mill-aspett tar-reklamar, jibqa’ jiġi ffinanzjat mill-Istat taħt l-istess kundizzjonijiet daqs li kieku ġew osservati dawn il-ħtiġijiet kwalitattivi.

212

Madankollu, huwa biss l-Istat Membru li jista’ jevalwa l-osservanza, min-naħa tax-xandar ta’ servizz pubbliku, tal-istandards ta’ kwalità ddefiniti fil-mandat ta’ servizz pubbliku. Kif tosserva l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni COM(1999) 657 finali lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-14 ta’ Diċembru 1999, fuq il-prinċipji u l-linji gwida tal-politika awdjoviżiva tal-Komunità fl-era diġitali, “il-kwistjonijiet dwar il-kontenut huma, min-natura tagħhom, essenzjalment nazzjonali, peress li huma direttament u strettament marbuta mal-ħtiġijiet kulturali, soċjali u demokratiċi ta’ soċjetà partikolari” u, “konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-regolamentazzjoni tal-kontenut għaldaqstant hija, essenzjalment, responsabbiltà tal-Istati Membri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant mhijiex il-Kummissjoni li għandha tevalwa l-osservanza tal-istandards ta’ kwalità peress li hija għandha tkun tista’ tistrieħ fuq kontroll adegwat imwettaq mill-Istat Membru (premessa 41 tal-komunikazzjoni fuq ix-xandir).

213

Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti sabiex tivverifika konkretament l-osservanza tal-istandards ta’ kwalità, hija tista’ u għandha, bħala prinċipju, tillimita ruħha għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll, minn korp indipendenti, tal-osservanza, min-naħa tax-xandar ta’ servizz pubbliku, tal-mandat tiegħu.

214

Huwa biss jekk l-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tkun tinkludi indizzji serji li l-mekkaniżmu ta’ kontroll, minkejja li jeżisti, ma ġiex implementat, li l-Kummissjoni tista’ jkollha teżamina r-realtà ta’ din l-implementazzjoni, filwaqt li tiżgura, f’dan is-sens, li ma teċċedix is-setgħat mogħtija lilha għal dan l-eżami u, b’mod partikolari, li ma tissostitwixxix l-Istat Membru fl-evalwazzjoni konkreta tal-osservanza tal-kriterji kwalitattivi.

215

F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-Kummissjoni osservat l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll tal-osservanza min-naħa tar-RTP tal-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata tindika li “il-kuntratti ta’ servizz pubbliku jipprovdu kunsill konsultattiv kompost minn rappreżentanti tad-diversi setturi tal-opinjoni pubblika, li jistgħu jintervjenu sabiex jevalwaw jekk l-obbligi, ġenerali u speċifiċi, imposti fuq ix-xandir tas-servizz pubbliku ġewx osservati” (premessa 56), li l-RTP għandha tippreżenta “rapport fuq l-osservanza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku matul is-sena finanzjarja preċedenti” (iktar ’il quddiem ir-“rapport fuq is-servizz pubbliku” ) (it-tieni sentenza tal-premessa 57 tad-deċiżjoni kkontestata) u li “l-Ministru tal-Finanzi u l-membru tal-Gvern inkarigat mill-medja għandhom jivverifikaw l-osservaza tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku” (l-ewwel sentenza tal-premessa 58).

216

Dawn il-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata jikkaratterizzaw suffiċjentement l-eżistenza ta’ mekkaniżmu indipendenti ta’ kontroll tal-osservanza, min-naħa tar-RTP, tal-ħtiġijiet kwalitattivi tal-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku.

217

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva, ulterjorment, li mhuwiex ikkontestat, li, bħal ma tindika d-deċiżjoni kkontestata (premessi 178 u 179), ta’ kull sena l-RTP effettivament ħarġet ir-rapport fuq is-servizz pubbliku u li l-Ministru tal-Finanzi u l-membru tal-Gvern inkarigat mill-medja wettqu kontroll fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku.

218

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkontestata minħabba raġunijiet konnessi mal-verifika, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll tal-istandards ta’ kwalità.

219

Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-kontroll tar-realtà tal-provvista, min-naħa tar-RTP, tas-servizzi konkreti ta’ servizz pubbliku mistennija minnha u l-verifika li din il-provvista tirrifletti l-ispejjeż indikati għaliha u tar-realtà tal-ispejjeż allegatament sostnuti għal din il-provvista.

220

It-teżi tar-rikorrenti hija li l-Kummissjoni ma żguratx ruħha, bl-attenzjoni meħtieġa, dwar ir-realtà u l-affidabbiltà tal-informazzjoni kkomunikata lilha, fir-rigward tal-provvisti ta’ servizz pubbliku pprovduti u l-ispiża tagħhom. Il-Kummissjoni ma ddubitatx, bi ftit newtralità u imparzjalità, dwar in-natura kredibbli taċ-ċifri ppreżentati mill-RTP bħala spejjeż marbutin mas-servizz pubbliku. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tilmenta lill-Kummissjoni talli din ma tatx widen għat-talbiet tagħha sabiex ir-Repubblika Portugiża tintalab tippreżenta rapporti tal-awdituri esterni previsti fil-kuntratti ta’ servizz pubbliku u li huma intiżi għall-evalwazzjoni u għall-kontroll tal-konnessjoni bejn il-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku u l-ħlas tal-ispejjeż effettivi korrispondenti.

221

It-tweġiba tal-Kummissjoni hija li, fid-dawl tal-mekkaniżmi tal-kontabbiltà u tal-kontrolli stabbiliti u applikati, hija kienet iġġustifikata li tikkunsidra li l-informazzjoni mibgħuta lilha kienet affidabbli. Għaldaqstant, ma tistax tiġi kkritikata talli ma qisietx utli jew neċessarju li tilqa’ t-talba tar-rikorrenti intiża għall-preżentazzjoni, min-naħa tar-Repubblika Portugiża, tar-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti. Mhijiex rilevanti wisq il-kwistjoni ta’ jekk il-proċeduri kollha ta’ kontroll previsti fuq livell nazzjonali kinux neċessarjament osservati, sakemm l-affidabbiltà oġġettiva tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru rigward il-provvisti ta’ servizz pubbliku pprovduti u l-ispejjeż tagħhom kienet żgurata biżżejjed.

222

Għandu jiġi mfakkar li l-proċedura ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfronti tal-Istat Membru responsabbli, fir-rigward tal-obbligi Komunitarji tiegħu, għall-għoti tal-għajnuna. F’din il-proċedura, il-partijiet ikkonċernati l-oħra li mhumiex l-Istat Membru kkonċernat għandhom biss ir-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni u, f’dan ir-rigward, huma ma jistgħux jippretendu diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni, bħal dik miftuħa għal-benefiċċju tal-imsemmi Stat Membru (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, T-366/00, Ġabra p. II-1763, punti 52 u 53; tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il-Kummissjoni, T-109/01, Ġabra p. II-127, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il-Kummissjoni, punt 141 iktar ’il fuq, punt 48). Il-partijiet ikkonċernati li mhumiex l-Istat Membru kkonċernat għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni (sentenzi British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 60, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 125).

223

F’dan il-kuntest, parti kkonċernata li tadixxi lill-Kummissjoni b’talba intiża sabiex din l-istituzzjoni teżerċita s-setgħat tagħha sabiex tikseb mingħand l-Istat Membru ċerta informazzjoni m’għandha l-ebda dritt iġġiegħel lill-Kummissjoni ssegwi t-talba tagħha. Hija l-Kummissjoni li, jekk ikun il-każ, għandha tevalwa l-utilità ta’ din it-talba għall-ħtiġijiet tal-kontroll tagħha tal-miżuri inkwistjoni. F’din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li hija għandha diġà.

224

Għalhekk, in-natura restrittiva tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni u ta’ informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati li mhumiex l-Istat Membru bl-ebda mod ma tmur kontra l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali li l-Kummissjoni għandha twettaq fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara, b’analoġija, għall-istess raġunament applikat għall-obbligu tal-motivazzjoni, is-sentenza British Airways et vs Il-Kummissjoni, punt 188 iktar ’il fuq, punt 64; ara, għad-dikjarazzjoni tal-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punti 60 sa 62; is-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 93 iktar ’il fuq, punt 167).

225

Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, hija ma tistax, fid-dawl tal-obbligu tagħha ta’ eżami diliġenti u imparzjali, teskludi milli titlob il-komunikazzjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni meta jidher li huma ta’ natura tali li jikkonfermaw jew jikkonfutaw elementi ta’ informazzjoni oħra rilevanti għall-eżami tal-miżura inkwistjoni, iżda li l-affidabbiltà tagħhom ma tistax tiġi kkunsidrata li ġiet stabbilita biżżejjed.

226

F’dan il-każ, huwa, l-ewwel nett, paċifiku li l-Kummissjoni kellha f’idejha l-kontijiet finanzjarji annwali tar-RTP (it-tieni sentenza tal-premessi 67 u 180, tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa wkoll paċifiku li dawn il-kontijiet annwali kienu ta’ kull sena suġġetti, bejn l-1992 u l-1998, għal kontroll minn awditur magħżul mill-partijiet (it-tielet sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri minn korp estern għall-impriża u indipendenti.

227

Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza ta’ dan il-kontroll, u lanqas ma tallega li huwa kien jiżvela żbalji fil-kontijiet annwali tar-RTP. Hija tillimita ruħha li tosserva li l-Kummissjoni “ma tistax tikkontrolla l-mod li bih l-RTP tiżgura s-servizz pubbliku ta’ televiżjoni abbażi ta’ rapporti annwali li awditur tal-impriża jkun fassal jew abbażi tal-kontabbiltà tal-impriża”, u tosserva, f’dan ir-rigward, li, skont l-istatut legali tal-awditur [Decreto-Lei Nru 487/99, tas-16 ta’ Novembru 1999, (Digriet-liġi Portugiż Nru 487/99) (Diário da República I, serje I-A, Nru 267, tas-16 ta’ Novembru 1999)], l-awditur la għandu jivverifika jekk impriża partikolari tiżgurax jew le l-provvisti ta’ servizz pubbliku u wisq inqas m’għandu jiddetermina liema huma l-ammonti korrispondenti jew le ma’ din il-provvista ta’ servizz pubbliku.

228

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-funzjoni legali tal-awditur mhijiex, bħala prinċipju, dik li jivverifika jekk impriża tiżgurax jew le provvisti ta’ servizz pubbliku, u lanqas li jagħmel evalwazzjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ provvisti bħala “ta’ servizz pubbliku” fir-rigward tas-servizzi li jiddaħħlu fil-kontijiet, u lanqas li jevalwa liema huma l-ispejjeż li jistgħu jiġu attribwiti lil dawn is-servizzi. Il-funzjoni legali tal-awditur hija, bħala prinċipju, li jiċċertifika l-kontijiet, jiġifieri li jesprimi evalwazzjoni esterna u indipendenti fuq ir-regolarità u s-sinċerità tal-kontijiet u fuq il-kwistjoni dwar jekk jirriflettux fedelment l-istat tal-kumpannija.

229

Safejn u sakemm iċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet annwali mill-awditur tal-kumpannija tippermetti lill-Kummissjoni li, ġustament, tikkunsidrhom bħala affidabbli, xejn ma jipprekludi — pjuttost bil-kontra — lil din l-istituzzjoni milli tagħmel użu mill-kontijiet hekk iċċertifikati, meta dawn ikunu jinkludu informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-ispejjeż ta’ servizz pubbliku, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-għajnuna fil-kuntest tal-Artikolu 86(2) KE.

230

Barra minn hekk u safejn l-awditur jista’ jkun inkarigat li, flimkien mal-funzjoni tiegħu ta’ ċertifikazzjoni legali tal-kontijiet, li jagħti opinjonijiet dettaljati fuq kwistjonijiet oħra, dwar, per eżempju, l-eżekuzzjoni ta’ funzjoni ta’ servizz pubbliku, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu dawn l-opinjonijiet inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ.

231

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni la setgħet leġittimament tibbaża ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha, fuq kontijiet annwali ċertifikati tar-RTP, u lanqas fuq l-opinjonijiet tal-awdituri tar-RTP.

232

Sussegwentement, fir-rigward tar-rapporti fuq is-servizz pubbliku, imsemmija fit-tieni sentenza tal-premessa 57 u fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontestata u li “jiddeskriv[u] l-mod li bih kull obbligu ta’ servizz pubbliku ġie soddisfat, billi jidentifikaw l-ispejjeż abbażi ta’ sistema ta’ kontabbiltà analitika” (premessa 178) [traduzzjoni mhux uffiċjali], mhuwiex qed jiġi kkontestat li l-Kummissjoni kellha dawn ir-rapporti matul is-snin kollha li matulhom dagħmet għaddejja l-invenstigazzjoni.

233

Madankollu, l-informazzjoni li tinsab f’dawn ir-rapporti għandha difett oġġettiv li kien magħruf mill-Kummissjoni. Dan id-difett kien dovut għall-fatt li dawn ir-rapporti fuq is-servizz pubbliku ma kinux sistematikament jinkludu “dikjarazzjoni ta’ awditur” (“relatório de auditoria”) (l-aħħar sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

234

Fi kliem ieħor, ma kienx hemm iċ-ċertezza li dawn ir-rapporti fuq is-servizz pubbliku, li pprovdew id-dettall analitiku tal-ispejjeż sostnuti għall-kull provvista ta’ servizz pubbliku pprovduta, kienu suġġetti għal kontroll estern indipendenti, mill-awditur tar-RTP.

235

Għandu jiġi osservat, f’dan il-istadju, li dan il-kontroll estern indipendenti tal-awdituri fuq ir-rapporti fuq is-servizz pubbliku, imsemmi fl-aħħar sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa deskritt, f’partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata, kemm fil-verżjoni Portugiża tagħha li tattesta l-verżjoni oriġinali kif ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, b’mod partikolari l-verżjoni Franċiża, abbażi ta’ terminoloġija li tinbidel u nieqsa minn koerenza: “Paracer do Gabinete de Auditoria” u “avis du conseil des commissaires aux comptes” (it-tieni sentenza tal-premessa 57), “Paracer do Gabinete de Auditoria” u “avis du conseil interne des commissaires aux comptes” (l-ewwel sentenza tal-premessa 178), “controlo […] pelo Gabinete de Auditoria a nível interno” u “contrôle […] par le comité d’audit en interne” (l-ewwel sentenza tal-premessa 181), jew ulterjorment “auditoria externa sistemática” et “audit externe systématique” (it-tieni sentenza tal-premessa 181).

236

Indipendentement minn dawn l-impreċiżjonijiet terminoloġiċi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-Kummissjoni kkunsidrat li d-difett ikkonstatat fil-punti 233 u 234 iktar ’il fuq kien ikkumpensat mill-kapaċità li r-regoli ta’ kompatibbiltà analitika implementati kellhom li jidentifikaw, b’mod ċar u kontrollabbli, il-provvisti ta’ servizz pubbliku u l-ispejjeż tagħhom (l-aħħar sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata).

237

iktar ’il quddiem, il-Kummissjoni żiedet li, “minkejja li ma jidhirx li kien hemm kontroll estern sistematiku għar-rapporti fuq is-servizz pubbliku, is-sistema deskritta tiggarantixxi li s-servizz pubbliku ġie pprovdut skont kif previst” (it-tieni sentenza tal-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

238

Madankollu l-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jiġi aċċettat.

239

Fir-rigward tal-ewwel argument (punt 236 iktar ’il fuq), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ kontroll estern mill-awdituri mhuwiex, loġikament, kopert mid-dikjarazzjoni li tgħid li “r-regoli stretti tal-kompatibbiltà analitika jiggarantixxu li l-ispejjeż ta’ kull obbligu ta’ servizz pubbliku […] jistgħu jiġu identifikati u kkontrollati fir-regoli” (l-aħħar sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

240

Fil-fatt, din l-affermazzjoni terġa tirreferi, b’mod definittiv, għall-proposta, kontradittorja fil-kliem tagħha, li tgħid li l-fatt li ma kienx hemm kontroll kien mingħajr konsegwenza fuq l-affidabbiltà tal-informazzjoni, meta dan il-kontroll kien possibbli. Fil-fatt, impriża jista’ jkollha regoli ta’ kontabbiltà analitika preċiżi u ċari li jippermettu identifikazzjoni u kontroll effiċjenti u, fl-istess ħin, tinkludi fil-kontabbiltà tagħha, kemm bi żball jew intenzjonalment, ammonti jew titoli li ma jikkorrispondux mar-realtà tal-fatti. Huwa preċiżament minħabba nuqqas ta’ kontroll li dawn id-differenzi meta mqabbla mar-realtà ma jiġux ikkonstatati.

241

Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ kontroll estern sistematiku tar-rapporti fuq is-servizz pubbliku mill-awdituri tar-RTP u bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-aħħar sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata din l-istituzzjoni kella jew kellu jkollha, neċessarjament, dubju fir-rigward tal-affidabbiltà tal-informazzjoni li kienet tinsab f’dawn ir-rapporti, liema dubju ma setax jitneħħa mis-sempliċi dikjarazzjoni dwar il-kwalità tar-regoli ta’ kontabbiltà analitika.

242

Fir-rigward tat-tieni argument tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata u mfakkra fil-punt 237 iktar ’il fuq, li tgħid li, anke apparti mill-ewwel argument ibbażat fuq il-kwalità tar-regoli ta’ kontabbiltà, hija s-“sistema” (“sistema”) kollha kemm hi li wasslet lil din l-istituzzjoni tikkonkludi li hija kellha informazzjoni affidabbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi aċċettat, peress li anke dan fih kuntradizzjoni interna.

243

Fil-fatt, dan l-argument, ikkunsidrat fid-dawl tal-kjarifiki fuq it-terminoloġija tad-deċiżjoni kkontestata pprovduti fil-punt 235 iktar ’il fuq, jinvolvi r-raġunament li ġej.

244

Qabel kollox, fl-ewwel sentenza tal-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni essenzjalment tesponi li mill-premessi preċedenti ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li kien hemm sistema ta’ kontroll fuq tliet livelli differenti.

245

L-ewwel element ta’ din is-sistema identifikata mill-Kummissjoni huwa l-“kontroll […] mill-kumitat intern tal-awdituri”. Dan jirrigwarda l-kontroll mill-awdituri tar-rapporti fuq is-servizz pubbliku, imsemmi fil-premessa 178 tad-deċiżjoni kkontesta u li jerġa jissemma fl-ewwel parti tal-aħħar sentenza tal-premessa 180 ta’ din id-deċiżjoni.

246

It-tieni element ta’ din is-sistema identifikata mill-Kummissjoni huwa l-“kontroll […] mill-korpi pubbliċi responsabbli”. Dan jirrigwarda l-kontroll imsemmi fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata.

247

It-tielet element ta’ din is-sistema identifikata mill-Kummissjoni huwa l-“kontroll […] estern, minn kumpannija tal-awdituri”. Dan jirrigwarda l-kontroll imsemmi fl-ewwel sentenza tal-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata.

248

Fit-tieni sentenza tal-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tkompli billi essenzjalment tesponi li minkejja li ma jidhirx li kien hemm kontroll estern sistematiku tar-rapporti fuq is-servizz pubbliku, jiġifieri minkejja li ma jidhirx li l-ewwel element tas-sistema ħadem korrettement, din is-sistema xorta waħda kienet tiggarantixxi li s-servizz pubbliku kien ġie pprovdut kif previst.

249

Minn din id-deskrizzjoni tar-raġunament tal-Kummissjoni jirriżulta li din l-istituzzjoni, għaldaqstant, tibbaża l-argument tagħha fuq l-eżistenza u l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll ikkostitwit minn tliet elementi biex minn dan tiddeduċi li s-servizz pubbliku ġie pprovdut kif previst, filwaqt li hija tikkonstata li din is-sistema ma ħadmitx korrettement, preċiżament, fir-rigward ta’ waħda mit-tliet elementi kostitutivi tagħha. Għalhekk, ir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata jinvolvi, anke f’dan il-każ, kuntradizzjoni interna.

250

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, minkejja ż-żewġ argumenti msemmija iktar ’il fuq, imressqa mill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni ma setgħetx, fin-nuqqas tal-prova tal-kontroll estern sistematiku tar-rapporti fuq is-servizz pubbliku minn awditur, tqis bħala affidabbli l-elementi ta’ informazzjoni li kienu jinsabu f’dawn ir-rapporti li ma kinux jinkludu dikjarazzjoni ta’ awditur.

251

Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti kienet ripetutament ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar rapporti oħra, jiġifieri r-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti, u talbet sabiex din l-istituzzjoni titlob il-komunikazzjoni tagħhom mir-Repubbliku Portugiża. Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-8 ta’ Frar 2002, ir-rikorrenti indikat li, skont l-informazzjoni li kellha, ir-rapport tal-awdituri esterni previst mill-kuntratti għas-sena 1998 kien kritiku ħafna fir-rigward tal-eżekuzzjoni, min-naħa tar-RTP, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ servizz pubbliku tal-1996.

252

Minkejja li dawn l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti mhumiex, fihom infushom, determinanti, fid-dawl tar-rwol, limitat, assenjat lill-partijiet ikkonċernati fil-proċedura ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-inċertezza li fiha neċessarjament kienet tinsab il-Kummissjoni, dawn l-osservazzjonijiet kienu kjarament ta’ natura tali li jikkonfermaw in-neċessità għal din l-istituzzjoni li titlob lir-Repubblika Portugiża l-komunikazzjoni tar-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti.

253

Din in-neċessità kienet timponi ruħha iktar u iktar peress li l-Kummissjoni kienet taf li l-għan tar-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti kien, skont il-kliem stess tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku, dak li tiġi vverifikata l-korrispondenza bejn il-provvisti ta’ servizz pubbliku pprovduti u l-ispejjeż imħallsa. Hija ma setgħetx għaldaqstant tinjora li dawn ir-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti setgħu, minn tal-inqas għas-snin li għalihom ma kienx jeżisti kontroll estern tar-rapporti fuq is-servizz pubbliku, jipprovdulha informazzjoni rilevanti li tikkonferma — jew tinnega — id-data li diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

254

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni, billi ma talbitx lir-Repubblika Portugiża tipprovdilha r-rapporti tal-awdituri esterni previsti mill-kuntratti, naqqset mill-obbligu li hija għandha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali.

255

Billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma qegħditx lilha nnifisha f’sitwazzjoni li jkollha informazzjoni affidabbli biżżejjed rigward id-determinazzjoni tal-provvisti ta’ servizz pubbliku effettivament ipprovduti u tal-ispejjeż effettivament sostnuti għall-provvista ta’ dawn is-servizzi. Fin-nuqqas tat-tali informazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx sussegwentement twettaq verifika utli tal-proporzjonalità tal-finanzjamenti għall-ispejjeż tas-servizz pubbliku u ma setgħetx għaldaqstant tikkonkludi validament li ma kienx hemm kumpens żejjed tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku.

256

Minn dan isegwi li, mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi ordnata l-miżura istruttorja msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq jew li jiġu eżaminati l-ilmenti u l-motivi l-oħra tar-rikorrenti, li, safejn jilmentaw ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu li twettaq eżami, jingħataw tweġiba hawn fuq, għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-RTP, imsemmija fl-imsemmi artikolu, ma kienet tat lok għal ebda kumpens eċċessiv tal-ispejjeż netti tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lil dan l-operatur.

Konklużjoni

257

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li kemm l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u kif ukoll l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, safejn jipprovdi li l-“eżenzjoni mill-ispejjeż notarili u ta’ reġistrazzjoni” ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu annullati.

258

Il-bqija tar-rikors, jiġifieri safejn jirrigwarda l-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja u l-ħruġ ta’ bonds tal-1994, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

259

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u 80 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti filwaqt li r-rikorrenti tbati 20 % tal-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/406/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2003, dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri ad hoc mill-Portugall favur RTP, huwa annullat.

 

2)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2005/406 huwa annullat safejn jikkonkludi li l-eżenzjoni mill-ispejjeż notarili u ta’ reġistrazzjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u 80 % tal-ispejjeż ta’ SIC — Sociedade Independente de Comunicação, SA.

 

5)

SIC — Sociedade Independente de Comunicação, SA, għandha tbati 20 % tal-ispejjeż tagħha.

 

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuh fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Ġunju 2008.

E. Coulon

Reġistratur

M. Vilaras

President

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball tal-liġi li jirriżulta minħabba n-nuqqas li ċertu miżuri jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat

 

Fuq l-ewwel fergħa, ibbażata fuq in-nuqqas li l-eżenzjonijiet fiskali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-nuqqas li l-faċilitajiet ta’ ħlas tal-liċenzja jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq nuqqas li l-ħruġ tal-bonds tal-1994 jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Konklużjoni fuq it-tielet motiv

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji tal-liġi fir-rigward tal-kundizzjonjiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE

 

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-għoti tas-servizz pubbliku tat-televiżjoni lill-RTP mingħajr sejħa għal offerti

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) KE

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Konklużjoni

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.