SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

13 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt tal-parti danneġġjata li taġixxi direttament kontra min jassigura tal-persuna responsabbli ta’ inċident – Klawżola li tagħti ġurisdizzjoni konkluża bejn min jassigura u l-awtur tad-dannu”

Fil-Kawża C‑368/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (qorti suprema, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Assens Havn

vs

Navigators Management (UK) Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Navigators Management (UK) Limited, minn H. Nissen, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u J. Van Holm, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u L. Grønfeldt, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(5) u tal-punt 2(a) tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Assens Havn (port ta’ Assens, id-Danimarka) u Navigators Management (UK) Limited, kumpannija tal-assigurazzjoni (iktar ’il quddiem “Navigators Management”) dwar il-kumpens għal ħsara kkawżata lill-installazzjonijiet ta’ baċir tal-port ta’ Assens minn irmonk assigurat mingħandha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessi 11 u 13 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti […]

[…]

(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

4

L-Artikoli 8 sa 14 tas-Sezzjoni 3, intitolata “Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni”, jistabbilixxu r-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni.

5

Skont l-Artikolu 8 ta’ dan l-istess Regolament:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għal l-Artikolu 4 u punt 5 ta’ l-Artikolu 5.”

6

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li:

“Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

(a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat, jew

(b)

fi Stat membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat […]

[…]”

7

Skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament:

“F’dak li għandu x’jaqsam ma’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità jew assigurazzjoni fuq propjetà immobli, l-assiguratur jista’ jiġi mfittex ukoll fil-qrati tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara. L-istess japplika jekk propjetà mobbli u immobli taqa’ taħt l-istess polza ta’ assigurazzjoni u t-tnejn jiġu effettwati ħażin bl-istess kontinġenza.”

8

Skont l-Artikolu 11(2), tal-imsemmi regolament:

“L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibli tali azzjonijiet diretti.”

9

L-Artikolu 13 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sezzjoni jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

[…]

2)

li tippermetti lil min ikollu polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew benefiċjarju li jressaq proċedimenti fi qrati apparti minn dawk indikati f’din is-Sezzjoni, jew

3)

li jkunu ġew konklużi bejn dak li jkollu l-polza ta’ l-assigurazzjoni u dak li jassigura, li t-tnejn li huma fil-waqt tal-konklużjoni tal-kontratt ikunu domiciljati jew abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jkollu l-poter li jagħti ġurisdizzjoni fuq il-qrati ta’ dak l-Istat anki jekk l-inċident ta’ ħsara kellu jseħħ il-barra mill-Istat, basta illi ftehim bħal dak ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat, jew

[…]

5)

li tkun relatata ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni sa kemm ikopri wieħed jew aktar mir-riskji mniżżla fl-Artikolu 14.”

10

Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fl-Artikolu 13(5):

1.

xi telf jew ħsara għal:

(a)

vapuri tajbin għat-tbaħħir, installazzjonijiet il barra mix-xatt jew fuq il-baħar, jew ajruplani, li joriġinaw mill-perikoli li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu tagħhom jew għal skopijiet kummerċjali;

[…]

2.

xi responsabbilità, apparti minn dik ta’ korriment tal-passiġġieri jew telf jew ħsara tal-bagalji tagħhom:

(a)

li joriġinaw mill-użu jew operat tal-vapuri, installazzjonijiet jew ajruplani li hemm referenza għalihom f’punt 1(a) sakemm, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn ta’ l-aħħar, il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn ikun irreġistrat dak l-ajruplan ma jkunx għamel ftehim ipprojbit dwar il-ġurisdizzjoni li tirrigwardja l-assigurazzjoni ta’ riskji bħal dawk;

[…]”

11

L-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament, li jidher fis-Sezzjoni 7 ta’ dan l-istess Kapitolu II, intitolat “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 5 tiegħu:

“1.   Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

(a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba; jew

(b)

f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew

(ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.

[…]

5.   Ftehim dwar disposizzjonijiet ta’ strument ta’ fiduċja li jagħti ġurisdizzjoni m’għandux ikollhom forza legali jekk dawn ikunu kuntrarji għal l-Artikoli 13, 17 jew 21, jew jekk il-qrati li l-ġurisdizzjoni tagħhom dawn iridu jeskludu jkollhom il-ġurisdizzjoni esklussiva bis-saħħa ta’ l-Artikolu 22.”

12

Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar bl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Issa, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tiegħu, dan ir-regolament tal-aħħar huwa applikabbli biss sa mill-10 ta’ Jannar 2015.

Il-ftehim KE-Danimarka

13

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’ materji ċivili u kummerċjali ffirmat fi Brussell fid-19 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 173M, p. 128, iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Danimarka”), approvat, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE, tas-27 ta’ April 2006, (ĠU L 294M, p. 8), għandu bħala għan li japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2007, skont l-Artikolu 12(2) tiegħu (ĠU 2008, L 4M, p. 324).

14

Il-preambolu tal-Ftehim KE-Danimarka jinqara kif ġej:

“[…]

Wara li kkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea] għandu jkollha ġurisdizzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq mistoqsijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim imqajma minn qorti jew tribunal Daniż/a, u li għaldaqstant il-qrati jew it-tribunali Daniżi għandhom jitolbu li jingħataw deċiżjonijiet preliminari taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-qrati u t-tribunali ta’ Stati Membri oħra rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament [Nru 44/2001] u l-miżuri tal-implimentazzjoni tiegħu,

[…]”

15

L-Artikolu 2 tal-Ftehim KE-Danimarka, intitolat “Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 44/2001], li huwa mehmuż ma’ dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu li ġew adottati skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament u - fil-każ ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim - implimentati mir-[Renju tad-Danimarka] kif jissemma’ fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, u l-miżuri adottati skond l-Artikolu 74(1) ta’ dan ir-Regolament, taħt il-liġi internazzjonali japplikaw għar-relazzjonijiet bejn [l-Unjoni] u r-[Renju tad-Danimarka].”

16

L-Artikolu 6 tal-Ftehim KE-Danimarka, intitolat “Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] rigward l-interpretazzjoni tal-Ftehim”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn titqajjem mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim waqt kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal Daniż/a, il-qorti jew tribunal ikkonċernat/a jitlob/titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fuq din il-mistoqsija kull meta taħt l-istess ċirkostanzi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-Unjoni Ewropea jkun jeħtieġlu/jeħtiġilha [tkun obbligata/ikun obbligat] li tagħmel dan fir-rigward tar-Regolament [Nru 44/2001] u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 2(1) hawnekk.”

Id-dritt Daniż

17

L-Artikolu 95 tal-forsikringsaftaleloven (liġi fuq il-kuntratti tal-assigurazzjoni) jipprovdi:

“1.   Meta l-obbligu tal-assigurat li jikkumpensa l-vittma hija stabbilita u l-ammont tal-kumpens ġie determinat, il-vittma ġiet issurrogata fid-drittijiet tal-assigurat kontra l-kumpannija sa fejn hija ma ġietx diżinteressata.

2.   Il-vittma tiġi ssurrogata wkoll fid-drittijiet tal-assigurat kontra l-kumpannija jekk il-kreditu tagħha ta’ kumpens huwa affettwat mill-falliment tal-assigurat, jew minn ftehim jew ristrutturazzjoni tad-dejn. Jekk il-vittma ma ġietx diżinteressata, hija tista’ tinvoka l-kreditu kollu ta’ kumpens tagħha kontra l-kumpannija. Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel punt, il-kumpannija tinforma lill-assigurat f’terminu raġonevoli li hija rċeviet komunikazzjoni ta’ kreditu ta’ kumpens.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Fil-ħarifa tal-2007, Skåne Entreprenad Service AB, kumpannija tad-dritt Svediża (iktar ’il quddiem “Skåne Entreprenad”), ittrasportat pitravi taz-zokkor lejn fabbrika li nstabet fi Nykøbing Falster (id-Danimarka). Parti mit-trasport seħħet bil-baħar minn Assens għall Nakskov (id-Danimarka). Fid-dawl ta’ dan il-vjaġġ, Skåne Entreprenad kriet serje ta’ rmonk u ta’ braken, fosthom l-irmonk Sea Endeavour I, u ssottoskriviet għal dan il-għan assigurazzjoni ta’ responsabbiltà mingħand Navigators Management.

19

Il-polza ta’ assigurazzjoni kienet tikkontjeni b’mod partikolari l-klawżola li ġejja:

“Il-liġi applikabbli u t-tribunali b’ġurisdizzjoni

Din l-assigurazzjoni hija rregolata mid-dritt applikabbli fl-Ingilterra u f’Wales u għandha tiġi interpretata skont dan id-dritt, u kull waħda mill-partijiet timpenja ruħha li tissometti għall-ġurisdizzjoni eklużiva tat-tribunali u tal-qrati tal-Ingilterra u ta’ Wales.”

20

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni ta’ Navigators Management kienu jinkludu l-klawżola li ġejja:

“7) Il-liġi applikabbli, il-proċedura f’każ ta’ tilwima u riżoluzzjoni tat-tilwima

Din l-assigurazzjoni hija rregolata mid-dritt Ingliż u għandha tiġi interpretata skont dan id-dritt. Hija, b’mod partikolari, suġġetta għal-liġi tal-1906 dwar l-assigurazzjoni marittima, kif emendata, jekk ikun il-każ, li d-dispożizzjonijiet tagħha huma meqjusa li jagħmlu parti mill-assigurazzjoni. Din l-assigurazzjoni kif ukoll kull tilwima maħluqa matul l-implimentazzjoni tagħha jew b’rabta magħha jirriżultaw fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-[High Court of Justice (England & Wales) - qorti għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) f’Londra, ir-Renju Unit].”

21

Fl-24 ta’ Novembru 2007, matul il-passaġġ tal-irmonk Sea Endeavour I fil-port ta’ Assens, ġew ikkawżati danni lill-installazzjonijiet tal-baċir. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux fuq il-kwistjonijiet ta’ kif dawn id-danni seħħew u min għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

22

Peress li Skåne Entreprenad kienet fil-frattemp is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment, Assens Havn bdiet azzjoni diretta kontra Navigators Management, assiguratur ta’ responsabbiltà tal-allegat attur tad-dannu, quddiem is-Sø- og Handelsretten (tribunal tal-kawżi marittimi u kummerċjali, id-Danimarka), billi talbet il-kundanna ta’ din il-kumpannija tal-aħħar biex tħallasha s-somma ta’ 1310536 kroner Daniż (DKK) (madwar EUR 176270) b’kumpens tal-imsemmija danni.

23

Wara li ssottometta d-domanda tal-ġurisdizzjoni għal proċedura partikolari, dan it-tribunal, permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2014, ċaħad ir-rikors għal nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tat-tribunali Daniżi, minħabba li l-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni konkluża bejn il-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni kienet opponibbli għall-vittma. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-qorti tar-rinviju, ippreżentat mill-Assens Havn.

24

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni prinċipali hija dwar jekk Assens Havn, li, bis-saħħa tal-Artikolu 95(2) tal-liġi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni, għandu d-dritt li jaġixxi direttament kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni tal-awtur tad-dannu, hija marbuta permezz tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni inkluża fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn Skåne Entreprenad u Navigators Management, bis-saħħa tal-punt 5 tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 44/2001, ikkunsidrat flimkien mal-punt 2(a) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament. Jekk iva, is-Sø- og Handelsretten (tribunal tal-kawżi marittimi u kummerċjali) kien korrettament ċaħad ir-rikors ippreżentat mill-Assens Havn.

25

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm, fil-prinċipju, it-vittma ta’ dannu, ma tistax, fid-dritt Daniż, tibda azzjoni diretta kontra l-kumpannija tal-assigurazzjoni tal-awtur ta’ dannu, l-Artikolu 95 tal-liġi fuq il-kuntratti tal-assigurazzjoni jawtorizza madankollu tali azzjoni meta, pereżempju, id-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni falla, kif dan kien f’dan il-każ.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Højesteret (qorti suprema, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13(5), meqjus flimkien mal-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna leża li għandha d-dritt, skont il-liġi nazzjonali, li taġixxi direttament kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni tal-awtur tad-dannu hija, skont l-Artikolu 13(5), meqjus flimkien mal-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmi regolament, marbuta bi klawżola li tattribwixxi [tagħti] ġurisdizzjoni konkluża b’mod regolari mill-assiguratur u d-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (5) tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 44/2001, meqjus flimkien mal-punt (2)(a) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li vittma li għandha azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-awtur tad-dannu li ssubixxiet tista’ tiġi marbuta permezz ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni konkluża bejn dan l-assiguratur u dan l-awtur.

28

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jsir riferiment għall-istruttura tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 u għall-għanijiet sottostanti minnhom.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 29).

30

Bħall-oqsma dwar il-ħaddiema u l-konsumaturi, l-azzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni hija kkaratterizzata minn ċertu żbilanċ bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C‑77/04, EU:C:2005:327, punt 22) żbilanċ li r-regoli previsti fl-Artikolu 8 tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 intiżi li jikkoreġu billi tiġi bbenefikata l-parti l-iktar dgħajfa mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni l-iktar favorevoli għall-interessi tagħha li ma humiex ir-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 40).

31

B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjonijiet jiffaċilitaw is-sitwazzjoni tal-vittma ta’ dannu assigurat billi jippermettu lilha li tħarrek l-assiguratur inkwistjoni b’mod partikolari quddiem it-tribunal tal-lok fejn seħħ l-avveniment dannuż, bil-kundizzjoni li d-dritt nazzjonali jipprevedi tali azzjoni diretta.

32

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju, li għandha l-obbligu tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, meta wieħed jikkunsidra li l-Artikolu 95(2) tal-liġi fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni, applikabbli fil-kawża prinċipali, tistabbilixxi għall-benefiċċju tal-vittma, id-dritt li tibda azzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, kontra l-assiguratur.

33

Fir-rigward tal-infurzabbiltà ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-vittma ta’ dannu, jidher, minn naħa, li, skont il-punt 5 tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-punt 2(a) tal-Artikolu 14 tiegħu, jista’ jiġi dderogat minn tali klawżola lid-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tal-imsemmi regolament, b’mod partikolari fil-każ tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru kull responsabbiltà li tirriżulta mill-użu jew mill-isfruttament tal-bastimenti.

34

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, li jrendi applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 sa 10 ta’ dan ir-regolament f’każ ta’ azzjoni diretta mibdija mill-vittma kontra l-assiguratur, ma jikkonċernax l-Artikoli 13 u 14 tal-imsemmi regolament u, għaldaqstant, il-klawżoli tal-estensjoni tal-ġurisdizzjoni.

35

Għalhekk ma jirriżultax mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001 li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tkun infurzabbli għall-vittma.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrileva li, fil-qasam tal-assigurazzjoni, l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tibqa’ strettament ikkontrollata mill-għan tal-protezzjoni tal-persuna ekonomikament l-iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 31).

37

Għaldaqstant, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 44/2001 jenumera b’manjiera limitattiva, l-ipoteżi li fihom il-partijiet jistgħu jidderogaw mir-regoli stabbiliti f’Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

38

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(5) tal-imsemmi regolament, il-Konvenzjonijiet li jagħtu ġurisdizzjoni ma għandhomx jkollhom ebda forza legali jekk dawn ikunu jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 13. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-imsemmi regolament jistabbilixxi sistema li fiha d-derogi għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni huma ta’ interpretazzjoni stretta (ara, b’analoġija, sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280, punt 31).

39

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-vittma terza parti ta’ dannu assigurat hija mbiegħda iktar mir-relazzjoni kuntrattwali flimkien ma’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni minn dik tal-assigurat benefiċjarju li ma tax il-kunsens espressament għal dan, ikkontemplat fis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280).

40

Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li klawżola li tagħti ġurisdizzjoni miftiehma bejn l-assiguratur u l-persuna li titlob l-assigurazzjoni ma tistax tiġi mqajma lill-vittma ta’ dannu assigurat li tixtieq taġixxi direttament kontra l-assiguratur quddiem il-qorti tal-lok fejn l-avveniment dannuż seħħ, kif ġie mfakkar fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, jew quddiem it-tribunal tal-lok fejn hija domiċiljata, possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 31).

41

Fil-fatt, l-estensjoni lill-vittmi tal-effett vinkolanti tal-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni bbażat fuq id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 44/2001 jista’ jikkomprometti l-għan li għandu jintlaħaq mis-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tiegħu, jiġifieri li jipproteġu l-parti ekonomikament u legalment l-iktar dgħajfa (ara, f’dan is-sens, sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C‑347/08, EU:C:2009:561, punt 40).

42

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, il-punt (5) tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 44/2001, meqjus flimkien mal-punt (2)(a) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li vittma li għandha azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-awtur tad-dannu li ssubixxiet ma tistax tiġi marbuta permezz ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni konkluża bejn dan l-assiguratur u dan l-awtur.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt (5) tal-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, meqjus flimkien mal-punt (2)(a) tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li vittma li għandha azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-awtur tad-dannu li ssubixxiet ma tistax tiġi marbuta permezz ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni konkluża bejn dan l-assiguratur u dan l-awtur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.