DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Investimenti — Proprjetà — Aġġustament tat-tnaqqis — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxar snin”

Fil-Kawża C‑500/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Gmina Międzyzdroje

vs

Minister Finansów,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President ta’ Awla, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gmina Międzyzdroje, minn K. Wojtowicz, M. Konieczny u M. Janicki, conseillers fiscaux,

għall-Minister Finansów, minn T. Tratkiewicz u J. Kaute, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-avukat ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 167, 187 u 189 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il‑“VAT”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Gmina Międzyzdroje (il-komun ta’ Międzyzdroje) u l-Minister Finansów (il-Ministru tal-Finanzi), fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata minn dan tal-aħħar wara talba għal interpretazzjoni li tikkonċerna l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal investimenti użati, inizjalment, għal attività eżentata u, sussegwentement, għal attività taxxabbli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112 huwa redatt kif ġej:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

4

L-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

5

L-Artikolu 184 tal-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

6

Skont l-Artikolu 185(1) tal-istess direttiva:

“L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.”

7

L-Artikolu 187 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“1.   Fil–każ ta’ merkanzija kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluża dik meta l-merkanzija kienet akkwistata jew iffabbrikata.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perijodu ta’ ħames snin sħaħ li jibda miż-żmien meta l-merkanzija hija użata għall-ewwel darba.

Fil-każ ta’ proprjetà immobbli akkwistata bħala merkanzija kapitali, il-perijodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż sa 20 sena.

2.   L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tal-VAT imposta fuq il-merkanzija kapitali, jew, jekk il-perijodu ta’ referenza ġie estiż, fir-rigward tal-frazzjoni korrispondenti tiegħu.

L-aġġustament imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jsir abbażi tal-varjazzjonijet fid-dritt għal tnaqqis fi snin sussegwenti b’relazzjoni għal dik fis-sena li fiha l-merkanzija kienet akkwistata, iffabbrikata jew, fejn hu xieraq, użata għall-ewwel darba.”

8

L-Artikolu 189 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 187 sa 191, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri li ġejjin:

a)

jiddefinixxu l-kunċett ta’ merkanzija kapitali;

b)

jispeċifikaw l-ammont tal-VAT li jrid jittieħed in konsiderazzjoni għall-aġġustament;

ċ)

jaddottaw kalunkwe miżuri xierqa biex jiżguraw li l-aġġustament ma jwassalx għal kwalunkwe vantaġġ mhux ġustifikat;

d)

jippermettu simplifikazzjonijet amministrattivi.”

Id-dritt Pollakk

9

Il-Liġi dwar it-taxxa fuq il-beni u s-servizzi (ustawa o podatku od towarów i usług), tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. Nru 54, pożizzjoni 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tinkludi Artikolu 91, li l-paragrafi 1 sa 3, 7 u 7a tagħha huma redatti kif ġej:

“1.   Wara tmiem is-sena li matulha bbenefikat mid-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa, imsemmija fl-Artikolu 86(1), il-persuna taxxabbli għandha l-obbligu, għas-sena fiskali magħluqa, li taġġusta t-tnaqqis skont l-Artikolu 90(2) sa (9), b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prorata kkalkolata skont il-metodu previst fl-Artikolu 90(2) sa (6), jew skont id-dispożizzjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 90(11). L-aġġornament ma jsirx jekk id-differenza bejn il-prorata ta’ tnaqqis iddefinita fl-Artikolu 90(4) u l-prorata ddefinita fis-sentenza preċedenti ma jkunux iżjed minn żewġ punti perċentwali.

2.   Fir-rigward tal-beni u tas-servizzi li, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-profitti, huma użati mill-persuni taxxabbli għall-assi immobbli korporali u inkorporali deprezzabbli, kif ukoll tal-artijiet u drittijiet emfitewtiċi użati għall-assi immobbli korporali u inkorporali tax-xerrej, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-valur inizjali tagħhom ma jeċċedix 15000 [złoty Pollakk (PLN)], il-persuna taxxabbli tipproċedi għall-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 1 matul perijodu ta’ 5 snin mis-sena tal-bidu tal-użu, jew ta’ 10 snin fir-rigward tal-artijiet u drittijiet emfitewtiċi. L-aġġustament annwali, fil-każ imsemmi fl-ewwel sentenza, huwa ta’ 20 % jew, fir-rigward tal-proprjetà u drittijiet emfitewtiċi, ta’ 10 % tal-ammont tat-taxxa kkalkolata max-xiri jew mal-produzzjoni tagħhom. Għall-assi immobbli korporali jew inkorporali li l-valur inizjali tagħhom ma jeċċediz PLN 15 000, il-paragrafu 1 japplika mutatis mutandis, fejn l-aġġustament għandu jseħħ fi tmiem is-sena tal-bidu tal-użu.

[...]

3.   L-aġġustament imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jsir fid-dikjarazzjoni fiskali ppreżentata għall-ewwel perijodu ta’ dikjarazzjoni tas-sena ta’ wara dik li għaliha jsir l-aġġustament u, fil-każ ta’ waqfien tal-attività ekonomika, fid-dikjarazzjoni fiskali tal-aħħar perijodu ta’ dikjarazzjoni.

[...]

7.   Il-paragrafi 1 sa 6 għandhom japplikaw mutatis mutandis meta l-persuna taxxabbli kellha d-dritt li tnaqqas it-taxxa kollha tal-input imħallsa għal beni jew servizz użat minn din il-persuna taxxabbli, u meta hija tkun għamlet dan it-tnaqqis, jew meta hija ma kellhiex dan id-dritt għal tnaqqis, iżda sussegwentement kien hemm bidla fid-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal dan il-beni jew servizz.

7a.   Fir-rigward tal-beni u tas-servizzi li, abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-profitti, huma użati mill-persuni taxxabbli għall-assi immobbli korporali u inkorporali deprezzabbli, kif ukoll tal-artijiet u drittijiet emfitewtiċi użati għall-assi immobbli korporali u inkorporali tax-xerrej, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li l-valur inizjali tagħhom ma jeċċedix PLN 15 000, il-persuna taxxabbli tipproċedi għall-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 7 konformement mar-regoli ddefiniti fl-ewwel u t-tieni sentenzi tal-paragrafu 2, u fil-paragrafu 3. Dan l-aġġustament isir f’kull bidla suċċessiva tad-dritt għal tnaqqis, meta tali bidla tirriżulta matul il-perijodu ta’ aġġustament.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li matul is-snin 2007 sa 2010, il-Gmina Międzyzdroje għamlet investiment li kien jikkonsisti f’li jsir tkabbir f’ġinnasju proprjetà tagħha, fejn magħha żiedet binja annessa ħdejn l-iskola primarja li tagħha hija wkoll il-proprjetarja. Fil-kuntest tax-xogħlijiet ta’ tkabbir, ġew ikkunsinnati beni u pprovduti servizzi għal dan il-komun, li għalihom hija ħallset il-VAT.

11

Matul l-imsemmija xogħlijiet, il-Gmina Międzyzdroje ħadet ħsieb li tbiddel is-sistema kollha ta’ ġestjoni tal-beni komunali intiżi għall-edukazzjoni fiżika u għall-isport, li minnha kien jagħmel ukoll parti dan il-ġinnasju. Din il-bidla kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jinkera dan il-ġinnasju lil kumpannija rregolata bil-liġi kummerċjali, intiża li tiżgura l-ġestjoni ta’ din tal-aħħar kif ukoll tal-installazzjonijiet sportivi kollha li tagħhom kien proprjetarju l-komun. Ġie previst li din il-kumpannija tħallas kera lill-Gmina Międzyzdroje u li, bħala kontroparti, hija kellha tibbenefika mid-dritt li tuża dan l-istess ġinnasju u li tiġbor id-dħul, jiġifieri s-somom li jkollhom jitħallsu minn kull persuna jew entità li tixtieq tagħmel użu mill-installazzjonijiet sportivi kkonċernati.

12

Il-Gmina Międzyzdroje ressqet talba għall-interpretazzjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-beni u s-servizzi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għal dan il-proġett ta’ kera tal-ġinnasju fil-kawża prinċipali quddiem il-Minister Finansów li kkonstata, permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Settembru 2011, li, skont l-Artikolu 91(2), (3) u (7a) ta’ din il-liġi, l-aġġustament tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT imħallsa minn dan il-komun fil-kuntest tax-xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ dan il-ġinnasju kellu jsir fuq perijodu ta’ għaxar snin u, ta’ kull sena, fuq 10 % tal-ammont tal-VAT imħallsa, fejn 10 % ta’ dan l-ammont ma setax jiġi aġġustat minħabba l-użu tal-imsemmi ġinnasju, matul is-sena 2010, għal attivitajiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis.

13

Fit‑12 ta’ April 2012, ir-rikors ippreżentat mill-Gmina Międzyzdroje kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny we Szczecinie (tribunal amministrattiv tal-Vojvodat ta’ Szczecin). Din il-qorti ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li dan il-komun ma setax iwettaq aġġustament uniku, fuq sena fiskali waħda, tat-tnaqqis kollu, ġaladarba l-leġiżlatur nazzjonali kien, konformement mal-Artikolu 187 tad-Direttiva 2006/112, stabbilixxa perijodu ta’ aġġustament fuq perijodu ta’ għaxar snin.

14

Wara li quddiemha ġie ppreżentat appell mill-Gmina Międzyzdroje, in-Naczelny Sąd Administracyjny (Qorti suprema amministrattiva) stħarrġet dwar l-interpretazzjoni li għandha ssir tal-Artikoli 187 u 189 tad-Direttiva 2006/112. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi dwar il-punt jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn hija tipprevedi għal sistema ta’ aġġustament fuq perijodu ta’ għaxar snin, hijiex konformi mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT ikkunsidrat minn din id-direttiva, peress li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jirrikjedi li l-persuna taxxabbli tista’ tirkupra l-VAT imħallsa żejda f’terminu raġonevoli.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, tirriżulta wkoll il-kwistjoni dwar jekk, fir-rigward ta’ sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-użu ta’ investiment huwa mibdul, fejn dan il-beni kien intuża, inizjalment, għall-eżerċiżzju ta’ attività li ma tagħtix lok għal dritt għat-tnaqqis tal-VAT, u, sussegwentement, għall-eżerċizzju ta’ attività li tagħti lok għal tali dritt ta’ tnaqqis, l-Artikolu 189 tad-Direttiva 2006/112 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi estensjoni tal-perijodu ta’ aġġustament li jista’ jammonta għal għaxar snin. Din il-qorti żżid tgħid li din tista’ tagħti lok għal tweġiba fin-negattiv, peress li tali leġiżlazzjoni tidher li tikkonċerna l-għan li jiġi evitat li l-aġġustamenti ma jiksbux vantaġġ mhux ġustifikat. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ, skont l-imsemmija qorti, li wieħed jistaqsi dwar il-punt jekk dritt li wieħed jipproċedi għal aġġustament uniku, bħal dak invokat mill‑Gmina Międzyzdroje, jistax jitqies li jikseb tali vantaġġ mhux ġustifikat.

16

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li n-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 167, 187 u 189 tad-[Direttiva 2006/112], u l-prinċipju ta’ newtralità jaċċettaw dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal [dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali], li, fil-każ li jkun hemm bdil tad-destinazzjoni tal-użu ta’ investiment minn eżerċizzju ta’ attività li ma tagħtix id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal eżerċizzju ta’ attività li tippermetti l-benefiċċju ta’ dan id-dritt, ikollhom l-effett li ma jkunx possibbli li jkun hemm regolarizzazzjoni unika [aġġustament uniku], iżda jkun meħtieġ li din ir-regolarizzazzjoni ssir fuq perijodu ta’ 5 snin dekorribbli mis-sena li fih il-beni jibda jintuża, jew ta’ 10 snin fil-każ ta’ immobbli [proprjetà]?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

19

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont l-istruttura tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/112, it-taxxa tal-input imħallsa fuq il-beni jew is-servizzi użati minn persuna taxxabbli għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha tista’ titnaqqas. It-tnaqqis tat-taxxi tal-input huwa marbut mal-ġbir tat-taxxa tal-output. Meta l-beni jew servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli huma użati għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet eżenti jew li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, ma jkun hemm la l-ġbir ta’ taxxa tal-output u lanqas tnaqqis tat-taxxa tal-input. Min-naħa l-oħra, sa fejn beni jew servizzi jintużaw għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati fuq l-output, ikun meħtieġ li jsir tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa fuqhom sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Uudenkaupungin kaupunki, C-184/04, EU:C:2006:214, punt 24).

20

Il-perijodu ta’ aġġustament tat-tnaqqis previst mill-Artikolu 187 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti li jiġu evitati ineżattezzi fil-kalkolu tat-tnaqqis u tal-vantaġġi jew tal-iżvantaġġi mhux ġustifikati għall-persuna taxxabbli meta, b’mod partikolari, tibdil fl-elementi inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont tat-tnaqqis iseħħ wara d-dikjarazzjoni. Il-probabbiltà ta’ tibdil simili huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ investimenti li ta’ spiss jintużaw matul perijodu ta’ numru ta’ snin li matulu l-użu tagħhom jista’ jvarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Uudenkaupungin kaupunki, EU:C:2006:214, punt 25).

21

Għalhekk fl-Artikolu 187(1) tagħha, id-Direttiva 2006/112 tipprovdi perijodu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż għal għoxrin sena fil-każ ta’ beni ta’ proprjetà immobbli, perijodu li fih jista’ jkun hemm tnaqqis li jvarja. Din id-dispożizzjoni tippermetti wkoll lill-Istati Membri jibbażaw ruħhom fuq perijodu ta’ aġġustament sħiħ mill-bidu tal-użu tal-beni.

22

L-Artikolu 187(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li, fil-każ fejn il-perijodu ta’ aġġustament ġie estiż lil hinn minn perijodu ta’ ħames snin, l-aġġustament għandu jikkonċerna biss il-frazzjoni korrispondenti tal-VAT li tħallset fuq l-investimenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li dan l-aġġustament għandu jsir abbażi tal-bidliet fid-dritt għal tnaqqis li jkunu saru matul is-snin sussegwenti, meta mqabbel ma’ dak tas-sena li matulha l-beni ġie akkwistat, iffabbrikat jew, jekk ikun il-każ, użat għall-ewwel darba.

23

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 187 tad-Direttiva 2006/112 jikkonċernaw sitwazzjonijiet ta’ aġġustament ta’ tnaqqis, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom investiment li l-użu tiegħu ma jagħtix lok għal dritt għal tnaqqis huwa sussegwentement iddestinat għal użu li jagħti lok għal tali dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Uudenkaupungin kaupunki, EU:C:2006:214, punt 30).

24

Is-sistema ta’ aġġustament tat-tnaqqis tikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2006/112 inkwantu għandha bħala għan li tiżgura l-eżattezza tat-tnaqqis u għalhekk in-newtralità tal-oneru fiskali. L-Artikolu 187 tal-imsemmija direttiva, li jikkonċerna l-investimenti, rilevanti fil-kawża prinċipali, huwa barra minn hekk redatt fi kliem li ma jħalli ebda dubju dwar in-natura vinkolanti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Uudenkaupungin kaupunki, EU:C:2006:214, punt 26).

25

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali tipprovdi, għall-investimenti fi proprjetà, perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxar snin mill-bidu tal-użu tal-beni kkonċernat. Skont din il-leġiżlazzjoni, l-aġġustament annwali li jista’ jsir għal tali beni huwa ta’ 10 % tal-ammont tat-taxxa kkalkolata fil-mument tal-akkwist jew tal-fabbrikazzjoni ta’ dawn il-beni.

26

Għandu jiġi kkonstatat li r-regoli previsti minn tali leġiżlazzjoni nazzjonali jikkostitwixxu manifestament traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 187 tad-Direttiva 2006/112, imfakkra fil-punti 21 u 22 ta’ dan id-digriet, u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkritikati fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

27

Min-naħa l-oħra, ġaladarba l-imsemmi Artikolu 187 huwa kjarament ta’ natura vinkolanti, hekk kif tfakkar fil-punt 24 ta’ dan id-digriet, huwa jipprekludi sistema li tippermetti aġġustament tat-tnaqqis fuq perijodu inferjuri għal ħames snin u, għaldaqstant, huwa jipprekludi wkoll sistema ta’ aġġustament uniku, bħal dak invokat mill-Gmina Międzyzdroje, li tippermetti aġġustament matul sena ta’ taxxa waħda.

28

Sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali tipprovdi, għall-investimenti fi proprjetà, perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxar snin mill-bidu tal-użu tal-beni, hija ma tistax għalhekk tiġi kkritikata fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità.

29

Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 20 u 24 ta’ dan id-digriet, ir-rekwiżit ta’ perijodu ta’ aġġustament ta’ mill-inqas ħames snin għall-investimenti jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ aġġustamenti stabbilit bid-Direttiva 2006/112, inkwantu din is-sistema tippermetti li jiġu evitati ineżattezzi fil-kalkolu tat-tnaqqis u tal-vantaġġi jew tal-iżvantaġġi mhux ġustifikati għall-persuna taxxabbli u b’hekk hija intiża sabiex tiżgura n-newtralità tal-oneru fiskali.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 167, 187 u 189 tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’każijiet fejn ikun hemm bidla fl-użu ta’ investiment fi proprjetà, fejn dan il-beni jintuża, inizjalment, għal użu li ma jagħtix lok għal dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, sussegwentement, għal użu li jagħti lok għal tali dritt, jipprevedu perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxar snin mill-bidu tal-użu ta’ dan il-beni u, għaldaqstant, jeskludu aġġustament uniku matul sena tat-taxxa waħda.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikoli 167, 187 u 189 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, f’każijiet fejn ikun hemm bidla fl-użu ta’ investiment fi proprjetà, fejn dan il-beni jintuża, inizjalment, għal użu li ma jagħtix lok għal dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, sussegwentement, għal użu li jagħti lok għal tali dritt, jipprevedu perijodu ta’ aġġustament ta’ għaxar snin mill-bidu tal-użu ta’ dan il-beni u, għaldaqstant, jeskludu aġġustament uniku matul sena tat-taxxa waħda.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.