KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2013 ( 1 )

Kawża C‑409/12

Backaldrin Österreich The Kornspitz Company GmbH

vs

Pfahnl Backmittel GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Patent- und Markensenats (l-Awstrija)]

“Trade marks — Direttiva 2008/95/KE — Artikolu 12(2)(a) — Raġunijiet għar-revoka — Trade mark li saret l-isem komuni fil-kummerċ tal-prodott li għalih hija rreġistrata — Kundizzjonijiet oġġettivi u suġġettivi għar-revoka — Determinazzjoni tal-pubbliku rilevanti — Inattività tal-proprjetarju tat-trade mark — Eżistenza ta’ ismijiet alternattivi — Assenza ta’ referenza għat-trade mark min-naħa tal-intermedjarji”

1. 

It-trade marks ma jikkontribwixxux biss sabiex jiddefinixxu s-sistema ekonomika tagħna u l-aġir tagħna bħala xerrejja. Dawn ħallew ukoll marka, li hija sottili iżda ma tistax tiġi miċħuda, fuq il-lingwa li nitkellmu. Uħud minnhom tant iffurmaw b’saħħa l-kunċett tagħna ta’ oġġett li daħlu fil-vokabularju attwali biex nirreferu għal dak l-oġġett ( 2 ).

2. 

Il-bidla fit-tifsira ta’ trade mark ma tistax tonqos milli toħloq problemi għall-proprjetarju tagħha. Effettivament, jirriżulta mill-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2008/95/KE ( 3 ) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva”) li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jitlef id-drittijiet tiegħu meta t-trade mark tkun saret, minħabba l-attività jew l-inattività tal-proprjetarju tagħha, l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott li għalih tkun irreġistrata. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità tippreċiża ulterjorment il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għar-revoka. B’mod partikolari, għandu jiġi ddeterminat għal liema pubbliku t-trade mark għandha ssir l-isem tal-prodott, f’xiex tikkonsisti inattività rilevanti u jekk l-eżistenza ta’ ismijiet alternattivi ekwivalenti għall-prodott hijiex kundizzjoni għar-revoka. Fuq l-ewwel punt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet pożizzjoni fundamentali fis-sentenza Björnekulla Fruktindustrier ( 4 ) u hija diġà għamlet ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar it-tieni punt fis-sentenza Levi Strauss ( 5 ), iżda essenzjalment din hija l-ewwel darba li ser tindirizza t-tielet punt.

3. 

Dawn il-kwistjonijiet iqumu fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-validità tat-trade mark “Kornspitz” bejn il-proprjetarja tat-trade mark, il-kumpannija Backaldrin Österreich The Kornspitz Company GmbH (iktar ’il quddiem “Backaldrin”), u l-kompetitriċi tagħha, il-kumpannija Pfahnl Backmittel GmbH (iktar ’il quddiem “Pfahnl”). Waqt li huwa minnu li l-konsumaturi jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkunsidraw dik it-trade mark bħala isem ġeneriku għal tip ta’ ħobż żgħir, l-istess ma jistax jingħad għall-furnara.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva ( 6 ) jiddefinixxi s-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark:

“Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.”

5.

B’mod loġiku, l-Artikolu 3(1) b’hekk jipprovdi:

“1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

b)

trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;

d)

trade marks li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ”

6.

L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva jipprovdi:

“2.   Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, it-trade mark tista’ tiġi suġġetta għar-revokazzjoni jekk, wara d-data li fiha ġiet reġistrata:

a)

b’konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, saret l-isem komuni fil-kummerċ għal prodott jew servizz li fir-rigward tagħhom hija ġiet reġistrata;”

B – Id-dritt nazzjonali

7.

L-Artikolu 33b(1) tal-Markenschutzgesetz (liġi Awstrijaka dwar il-protezzjoni tat-trade marks – iktar ’il quddiem l-“MSchG”), li jittrasponi l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, jipprovdi:

“Kull persuna tista’ titlob il-kanċellazzjoni ta’ trade mark meta, wara d-data tar-reġistrazzjoni tagħha, it-trade mark tkun saret, minħabba l-attività jew l-inattività tal-proprjetarju tagħha, l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih tkun irreġistrata.”

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

8.

Backaldrin hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali Awstrijaka “KORNSPITZ” (Nru 108.725), li ġiet irreġistrata b’effett mit-13 ta’ Diċembru 1984 biex tindika, fil-klassi 30 tal-klassifikazzjoni ta’ Nice ( 7 ), kemm prodotti tal-ħami u tal-pastiċċerija, inklużi dawk lesti biex jinħmew, kif ukoll prodotti mhux maħduma u intermedji (bħal pereżempju d-dqiq u l-għaġina) li jintużaw fil-produzzjoni ta’ dawk il-prodotti. Din il-proċedura tikkonċerna biss ir-reġistrazzjoni bħala trade mark ta’ prodotti (lesti), bl-esklużjoni tal-prodotti mhux maħduma u intermedji.

9.

Backaldrin tipproduċi taħt it-trade mark “Kornspitz” taħlita ta’ prodotti lesti biex jinħmew magħmula minn diversi tipi ta’ dqiq u ċereali mitħuna ħoxnin, żrieragħ tal-kittien u melħ mill-oħxon, li hija tbigħ prinċipalment lill-furnara. Dawn tal-aħħar iżidu l-ilma, il-ħalib u l-ħmira ma’ din it-taħlita, qabel ma jagħtuha l-forma u jaħmu l-prodott finali, li huma jbigħu direttament jew permezz ta’ ħwienet tal-merċa bl-isem “Kornspitz”, li jintuża bil-kunsens ta’ Backaldrin.

10.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-prodott finali maħdum mill-furnara għandu togħma tipika u forma karatteristika. Il-partijiet ma jaqblux dwar il-grad ta’ uniformità ta’ dan il-prodott. Backaldrin issostni li r-riċetta, it-taħriġ u l-liċenzja mhux esklużiva mogħtija lill-furnara biex jużaw it-trade mark jippermettulha tiggarantixxi prodott uniformi, b’forma kostanti u li ma fih ebda ingredjent ieħor għajr dawk indikati fil-punt preċedenti. Pfahnl tafferma għall-kuntrarju li l-furnara għandhom il-libertà kollha fil-mod kif jaħdmu l-prodott u ma humiex ikkontrollati minn Backaldrin, bil-konsegwenza li hemm varjetà notevoli fil-forma mogħtija lill-prodott finali u fl-ingredjenti miżjuda miegħu.

11.

Il-prodott mibjugħ taħt it-trade mark “Kornspitz” huwa magħruf sew fost il-konsumaturi finali fl-Awstrija u jista’ jinxtara minn kullimkien. Backaldrin tafferma li tipprovdi t-taħlita tagħha lesta għall-ħami lil 1200 mill-1500 ħanut tal-ħobż fl-Awstrija, kif ukoll lil għadd kbir ta’ impriżi barranin.

12.

Skont il-konstatazzjonijiet li saru fl-ewwel istanza u li huma kkontestati minn Backaldrin fl-appell, il-maġġoranza ferm kbira tal-konsumaturi finali jużaw l-isem “Kornspitz” sabiex jirreferu għal prodott tal-ħami u mhux bħala terminu li jirreferi għall-impriża minn fejn joriġina l-prodott. Min-naħa l-oħra, il-kompetituri u l-furnara jagħfu li “Kornspitz” hija trade mark.

13.

Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-furnara li lilhom Backaldrin tipprovdi l-prodott ġeneralment ma jinformawx lill-klijenti tagħhom dwar il-fatt li l-prodott inkwistjoni huwa maħdum minn taħlita lesta għall-ħami mixtrija mingħand Backaldrin.

14.

Backaldrin stess tagħmel il-marketing u r-reklamar tat-trade mark tagħha. F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tat-trade mark kontra l-ksur minn terzi tad-drittijiet mogħtija minnha, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li ma kinitx ġiet stabbilita li l-eżistenza ta’ numru sinjifikattiv ta’ tali ksur. Skont il-konstatazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, kien biss f’erba’ każijiet speċifiċi li Backaldrin naqset milli tintervjeni jew damet biex tieħu azzjoni kontra furnara li biegħu prodott bħala “Kornspitz” meta ma kienx maħdum bit-taħlita mibjugħa minn Backaldrin.

15.

Pfahnl issostni li Backaldrin ma tissorveljax is-suq sabiex tipproteġi ruħha kontra l-użu abużiv tat-trade mark tagħha. L-isem “Kornspitz” huwa inkluż fl-40 edizzjoni tal-Österreichisches Wörterbuch (dizzjunarju Awstrijakk) u f’lista ta’ termini Awstrijaki ppubblikata fuq Wikipédia. Backaldrin tirribatti li hija tipprovdi materjal ta’ reklamar għad-dispożizzjoni tal-furnara, li l-eżistenza tat-trade mark xi kultant hija indikata bis-simbolu ® jew bl-iskrizzjoni “Kornspitz” u li ebda dizzjunarju ma jiċċita l-kelma mingħajr ma jfakkar li din tikkonsisti fi trade mark. Min-naħa l-oħra, huwa evidenti għall-konsumaturi, b’mod speċjali fil-bliet fejn hemm ħwienet kbar tal-ħobż u fergħat, li l-prodotti tal-ħami ma humiex maħduma fuq il-post.

III – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Fuq il-bażi tal-Artikolu 33b(1) tal-MSchG, Pfahnl talbet, fl-14 ta’ Mejju 2010, il-kanċellazzjoni tat-trade mark “Kornspitz” kemm għall-prodotti tal-ħami kif ukoll għal dawk li jintużaw fil-produzzjoni tagħhom. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Österreichische Patentamt (Uffiċċju Awstrijakk tal-Privattivi) ordnat, fis-26 ta’ Lulju 2011, il-kanċellazzjoni tat-trade mark għall-prodotti kollha indikati. Backaldrin appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.

Insostenn tat-talba tagħha Pfahnl argumentat li “Kornspitz” kien sar, għall-manifatturi, għall-konsumaturi u għall-kummerċjanti, l-isem għal ħobż żgħir magħmul mid-dqiq ismar, li jispiċċa għall-ponta fiż-żewġt itruf. It-trade mark b’hekk ma għadhiex tiddistingwi l-prodotti ta’ Backaldrin minn dawk ta’ manifatturi oħrajn.

18.

Fir-rigward tar-reġistrazzjoni għall-prodotti mhux maħduma u intermedji, Backaldrin tirrispondi li l-kanċellazzjoni hija eskluża, mhux inqas minħabba l-fatt li l-furnara u l-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel ikomplu jqisu “Kornspitz” bħala trade mark. Fir-rigward tar-reġistrazzjoni għall-prodotti lesti, Backaldrin tikkontesta li l-furnara, il-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel jew il-konsumaturi jikkunsidraw it-trade mark bħala isem ġeneriku. Anki jekk wieħed jassumi li l-konsumaturi ma għadhomx konxji li din hija trade mark, l-evoluzzjoni lejn isem ġeneriku hija eskluża mill-fatt li l-furnara u l-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel għadhom konxji mill-fatt li l-isem huwa trade mark. Hija ssostni li l-kanċellazzjoni hija eskluża wkoll mill-fatt li jeżistu, għall-prodott inkwistjoni, ismijiet alternattivi bħal “Knusperspitz”, “Kerni”, “Bio Urkornweckerl”, “Kornstange”, “Kornweckerl” jew “Alpenspitz”. Barra minn hekk, il-kanċellazzjoni toħloq dannu mhux iġġustifikat għall-proprjetà ta’ Backaldrin, li hija protetta mid-dritt kostituzzjonali.

19.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark inkwistjoni saritx isem komuni, l-Oberste Marken- und Patentsenat tiddistingwi, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, bejn id-diversi prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata. Inkwantu t-trade mark ġiet irreġistrata għal prodotti mhux maħduma u intermedji, is-suq tal-prodott huwa kkostitwit prinċipalment mill-furnara u mill-kummerċjanti ta’ prodotti tal-ikel, li huma perfettament konxji mill-fatt li l-isem huwa trade mark. F’dan ir-rigward, il-kanċellazzjoni hija eskluża u d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-Österreichisches Patentamt għandha tiġi emendata mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja.

20.

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-“prodotti tal-ħami” u tal-“pastiċċerija”, is-suq tal-prodott huwa kkostitwit prinċipalment mill-konsumaturi finali. Skont il-konstatazzjonijiet li saru fil-prim’istanza, u kkontestati minn Backaldrin, dawn iqisu “Kornspitz” bħala l-isem ta’ ċertu tip ta’ prodott tal-ħami. Ma hemm xejn fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jingħad li l-evoluzzjoni ta’ trade mark lejn isem ġeneriku hija possibbli meta l-konsumaturi, iżda mhux il-bejjiegħa bl-imnut u l-internedjarji, iqisu s-sinjal bħala kunċett ġeneriku. Id-duttrina Ġermaniża u l-ġurisprudenza Awstrijaka jeskludu dan.

21.

Skont il-qorti tar-rinviju, wieħed jista’ jiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-perspettiva tal-intermedjarji hija rilevanti biss jekk ikollha impatt fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur finali. Issa, f’dan il-każ, il-furnara ma għandhom ebda interess li jinformawhom li qegħdin jużaw taħlita lesta għall-ħami u li ma jaħdmux b’mod “tradizzjonali”. B’hekk, dak li jaf il-furnar ma għandu ebda impatt fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur. Jekk, sabiex tiġi segwita din il-perspettiva, wieħed jirreferi biss għall-konsumaturi, ikunu preċiżament dawk it-trade marks li jkollhom l-ikbar suċċess li jkunu l-iktar mhedda mill-perikolu ta’ revoka. Barra minn hekk, ir-revoka tat-trade mark għall-ħobż żgħir thedded ukoll it-trade mark għat-taħlita lesta għall-ħami, għaliex ir-revoka għall-ħobż żgħir tippermetti lill-kompetituri jsemmu fuq il-prodott ta’ bażi użat l-ewwel li dan huwa intiż għall-produzzjoni tal-“Kornspitze”. Wieħed b’hekk jista’ jistaqsi jekk dan jistax jiġi rrikonċiljat mal-protezzjoni kostituzzjonali tal-proprjetà intellettwali.

22.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk huwiex possibbli li wieħed jakkuża lil Backaldrin b’inattività sinjifikattiva. L-inattività jew id-dewmien ta’ reazzjoni f’erba’ każijiet ta’ ksur tat-trade mark ma jistgħux jitqiesu li jikkawżaw it-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem ġeneriku. Madankollu, wieħed irid jistaqsi jekk Backaldrin kellhiex teżiġi li l-furnara jagħmlu ċert li l-konsumatur jagħraf sew l-isem bħala trade mark jew jekk kellhiex tinsisti hija stess fuq in-natura tat-trade mark bħala indikazzjoni tal-oriġini.

23.

Finalment, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ġurisprudenza Awstrijaka tikkunsidra li anki trade mark li tkun għadha pperċepita bħala tali mill-kummerċ tista’ tkun irrevokata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku meta l-konsumaturi finali jqisuha bħala l-isem komuni tal-prodott u ma jkunx hemm isem alternattiv fil-kummerċ. F’dan il-każ, ikun hemm bżonn li l-isem ikun jista’ jintuża liberament fil-kummerċ.

24.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-11 ta’ Lulju 2012 l-Oberste Patent- und Markensenat issospendiet il-proċeduri quddiemha u rrinvjat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 267 TFUE dawn id-domandi preliminari:

“1.

Trade mark issir ‘l-isem komuni fil-kummerċ għal prodott jew servizz’ fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2008/95/KE meta

a.

il-kummerċjanti jkollhom għarfien tal-fatt li din hija indikazzjoni ta’ oriġini, iżda huma ma jinfurmawx ġeneralment lill-konsumaturi finali dwar dan u li

b.

għal din ir-raġuni (b’mod partikolari), il-konsumaturi finali ma jipperċepixxux it-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, iżda bħala l-isem komuni ta’ prodotti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata?

2.

Il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark jibqa’ inattiv filwaqt li l-kummerċjanti ma jindikawx lill-klijenti tagħhom li din hija trade mark irreġistrata huwa suffiċjenti sabiex jikkostitwixxi ‘inattività’ fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2008/95?

3.

Id-drittijiet marbuta ma’ trade mark li saret, minħabba l-attività jew l-inattività tal-proprjetarju tagħha, isem komuni għall-konsumaturi finali, iżda mhux għall-kummerċ, għandhom jiġu ddikjarati revokati fil-każ u unikament fil-każ fejn il-konsumaturi finali ma għandhomx possibbiltà oħra ħlief li jużaw dan l-isem peress li ma jeżistux termini alternattivi ekwivalenti?”

25.

Backaldrin, Pfahnl, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

26.

Matul is-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali minn Backaldrin, minn Pfahnl, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

A – Osservazzjonijiet preliminari

27.

Fid-dritt tat-trade marks, is-soluzzjoni għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ta’ spiss tinsab fil-funzjoni tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark. Il-funzjoni prinċipali tat-trade mark hija, skont il-premessa 11 tad-Direttiva u skont ġurisprudenza kostanti, l-hekk imsejħa funzjoni ta’ “indikazzjoni ta’ oriġini”. It-trade mark tippermetti lill-konsumatur jew lill-utent finali jidentifika l-oriġini tal-merkanzija mmarkata ( 8 ) u li jiddistingwiha minn merkanzija b’oriġini oħra ( 9 ). Il-fattur importanti f’dan ir-rigward ma huwiex li l-konsumatur ikun jista’ jidentifika l-manifattur “fiżiku”, jiġifieri l-impriża li timmanifattura l-prodott innifsu ( 10 ). Dan ma jkunx konsistenti mar-realtà tal-ekonomija attwali, li hija kkaratterizzata mit-tqassim tax-xogħol, fejn il-prodotti huma mmanifatturati b’liċenzja, permezz ta’ ċirkwiti ta’ produzzjoni kumplessi. Trade mark tiggarantixxi fil-fatt li l-merkanzija tkun immanifatturata taħt il-kontroll ta’ impriża, li tkun il-proprjetarja tat-trade mark ( 11 ).

28.

Madankollu, jekk l-għan prinċipali ta’ trade mark huwa li tippermetti li tiġi ddeterminata l-oriġini ta’ merkanzija, jiġifieri l-impriża li tikkontrolla l-manifattura, huwa loġiku li, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tad-Direttiva, jistgħu jintużaw biss bħala trade mark dawk is-sinjali li huma kapaċi jiddistingwu l-merkanzija ta’ impriża minn dik ta’ impriżi oħrajn. Is-sinjali li ma humiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati ( 12 ). Dan il-karattru huwa pereżempju nieqes fil-każ ta’ sinjali li jkunu saru komuni fil-lingwa attwali jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ sabiex issir referenza għall-prodott innifsu. Dawn is-sinjali jikkostitwixxu raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva ( 13 ). L-Artikolu 3 tad-Direttiva jikkonċerna każijiet fejn it-trade mark ma tissodisfax a priori l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. Madankollu, sinjal li jkun sar isem ġeneriku komuni biss wara r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark u li ma jkunx għadu jinftiehem mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni ta’ oriġini, ukoll ma għandux karattru distintiv. L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva jipprovdi għar-revoka ta’ dawn it-trade marks, taħt ċerti kundizzjonijiet ( 14 ).

29.

Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jikkostitwixxu regolamentazzjoni globali koerenti, li għandha tiġi interpretata fil-kuntest tagħha. Minbarra l-ġurisprudenza dwar id-Direttiva, u dwar id-Direttiva 89/104/KEE ( 15 ) li hija tissostitwixxi, għandha titqies ukoll il-ġurisprudenza relatata mar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja, li jinkludi dispożizzjonijiet analogi ( 16 ).

30.

Għalkemm ir-revoka ta’ trade mark li tkun saret isem ġeneriku tista’ tiġi spjegata perfettament abbażi tal-fatt li ma tkunx għadha teżisti l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, ma għandux jiġi injorat il-fatt li dik ir-revoka tikkostitwixxi konsegwenza serja għall-proprjetarju tat-trade mark, ħafna iktar serja min-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ isem ġeneriku bħala trade mark fil-bidu tal-eżistenza ekonomika tiegħu. Il-fatt li trade mark tidħol fil-lingwa attwali sabiex issir referenza għall-prodott innifsu juri b’mod definittiv is-suċċess tal-ħidma li tkun saret, spiss għal bosta snin, mill-proprjetarju tat-trade mark li l-prodott tiegħu jispiċċa biex isir is-sinonimu tal-gamma ta’ prodotti korrispondenti f’għajnejn id-dinja. Spiss jiġri li, bis-saħħa ta’ prodott partikolarment innovattiv, il-proprjetarju tat-trade mark letteralment joħloq gamma ta’ prodotti li finalment issir magħrufa bl-isem tat-trade mark.

31.

F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur kellu jsib bilanċ bejn l-interessi. Min-naħa waħda, kellu jitqies l-interess tal-pubbliku u tal-kompetizzjoni li jintuża b’mod liberu terminu li l-pubbliku destinatarju ma jkunx għadu jassoċja ma’ oriġini u li l-monopolizzazzjoni tiegħu tobbliga lill-kompetituri biex ma jużawhx, xi kultant billi jużaw alternattiva li tista’ tidher artifiċjali. Min-naħa l-oħra, għandu jitqies l-interess tal-proprjetarji, li t-trade marks tagħhom, bħala proprjetà intellettwali, huma protetti mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 17 ). Il-leġiżlatur ikkonkluda dan il-bilanċ billi kkonstata li t-trasformazzjoni tat-trade mark f’isem komuni ta’ prodott tista’ tiġi invokata kontra l-proprjetarju biss jekk din tkun dovuta għall-attività jew għall-inattività tal-proprjetarju ( 18 ).

32.

L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva b’hekk jissuġġetta l-applikazzjoni tiegħu għall-kundizzjoni oġġettiva li t-trade mark tkun saret l-isem komuni fil-kummerċ tal-prodott jew tas-servizz li għalih tkun ġiet irreġistrata. Bħala kundizzjoni suġġettiva għall-applikazzjoni tagħha, dik id-dispożizzjoni tipprovdi li dik l-evoluzzjoni għandha tkun dovuta għall-attività jew għall-inattività tal-proprjetarju tat-trade mark.

33.

Din il-proċedura ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża iktar dawn iż-żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel u t-tielet domandi preliminari jikkonċernaw il-kundizzjoni oġġettiva, li ser neżamina fl-ewwel lok; it-tieni domanda min-naħa l-oħra tikkonċerna l-kundizzjoni suġġettiva.

B – Kundizzjoni oġġettiva (l-ewwel u t-tielet domanda preliminari)

1. L-ewwel domanda preliminari

34.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi għal liema tip ta’ pubbliku trade mark għandha tkun saret l-isem komuni ta’ prodott sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni oġġettiva u sabiex ikun hemm riskju li t-trade mark tiġi rrevokata abbażi tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex suffiċjenti f’dan ir-rigward li l-konsumaturi finali ma jibqgħux jagħrfu l-isem bħala indikazzjoni ta’ oriġini, minkejja li l-kummerċjanti jkunu għadhom jarawh f’dak il-mod, iżda ġeneralment ma jinformawx lill-konsumaturi finali dwar dan.

35.

Backaldrin, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, f’sitwazzjonijiet bħal f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit kemm mill-konsumaturi kif ukoll mill-intermedjarji. Skont Pfahnl u r-Repubblika Taljana, għandhom jitqiesu biss il-konsumaturi.

a) Teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità

36.

Qabel ma nindirizza l-kwistjoni tal-pubbliku rilevanti, jeħtieġ li neżamina argument invokat f’dan il-kuntest minn Backaldrin u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

37.

Backaldrin u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li, fl-evalwazzjoni tal-mogħdija tat-trade mark lejn l-istatus ta’ isem komuni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, iżda wkoll il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità jew ta’ garanzija ta’ trade mark, jiġifieri mill-perspettiva jekk il-pubbliku rilevanti jassoċjax karatteristiċi konkreti u kwalità kostanti mal-prodotti ddistribwiti taħt it-trade mark .

38.

Il-Kummissjoni ċaħdet din il-perspettiva matul il-proċedura orali. Jekk, fil-kuntest tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, jitqiesu l-funzjonijiet kollha tat-trade marks, ir-revoka tkun impossibbli u d-dispożizzjoni inkwistjoni ssir bla skop. Organizzazzjoni tal-proċess ta’ manifattura li permezz tagħha dawk li jkollhom liċenzja jibbenefikaw minn libertà ta’ azzjoni f’dak li jirrigwarda l-prodott għandu jkollha bħala konsegwenza reazzjoni korrispondenti mill-konsumatur, iżda mhux ir-revoka tat-trade mark.

39.

Huwa inkontestabbli li lil hinn mill-funzjoni prinċipali tagħhom, il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini ( 19 ), it-trade marks għandhom ukoll serje ta’ funzjonijiet oħrajn ( 20 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq ippreċiżat fil-ġurisprudenza tagħha li l-proprjetarju jista’ jinvoka d-dritt esklużiv tiegħu abbażi tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva mhux biss fil-każ ta’ ksur tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, iżda wkoll fil-każ ta’ ksur tal-funzjoni ta’ garanzija tal-kwalità ta’ prodott jew tal-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar ( 21 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-punt dwar jekk dawk il-funzjonijiet għandhomx ukoll rwol fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk sinjal ikunx sar isem ġeneriku.

40.

Il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni.

41.

Dan jirriżulta fl-ewwel lok jekk nifhmu b’mod adegwat il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità nnifisha. Trade mark tippermetti lil impriża tinvesti fil-kwalità tal-prodott tagħha. Effettivament, din tippermetti lill-konsumatur li jidentifika l-impriża responsabbli mill-manifattura tal-prodott u, fuq il-bażi tal-esperjenzi tiegħu, li jikkumpensa lill-manifattur ta’ prodotti ta’ kwalità billi jixtri l-prodotti tiegħu waqt li jippenalizza lill-manifattur ta’ prodotti medjokri billi ma jixtrix il-prodotti tiegħu ( 22 ). F’dan is-sens, trade mark isservi bħala indikazzjoni tal-kwalitajiet kostanti ta’ prodott ( 23 ).

42.

Il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità b’hekk tippresupponi li trade mark tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. L-Avukat Ġenerali Jacobs ġustament ikkonstata f’dan ir-rigward li “minħabba l-funzjoni tagħhom ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, it-trade marks jistgħu jkunu elementi patrimonjali li jifformaw parti mill-avvjament ta’ impriża (jew ta’ wieħed mill-prodotti speċifiċi tagħha)” ( 24 ). It-trade mark tipproteġi l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-prodott ta’ impriża u mhux fir-rigward ta’ terminu pperċepit mill-konsumatur bħala isem ġeneriku. Jekk it-trade mark ma tibqax tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, għaliex tkun saret l-isem ġeneriku tal-prodott, din lanqas ma tkompli tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ kwalità.

43.

Jekk, min-naħa l-oħra, matul l-evalwazzjoni tat-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem ġeneriku, isir ukoll riferiment għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità, biex b’hekk tiġi miċħuda t-trasformazzjoni għal trade marks li jkunu tilfu l-funzjoni ta’ oriġini tagħhom, iżda li jkunu żammew il-funzjoni tagħhom ta’ indikazzjoni ta’ kwalità, l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva ma jibqagħlux skop għal xiex japplika, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni.

44.

Effettivament, fl-ewwel lok, il-konsumaturi jassoċjaw ukoll ma’ kull isem ġeneriku (u mhux biss mat-trade marks) ċerti karatteristiċi kostanti. Croissant li jkollu l-forma ta’ baguette jew li ma jkollux ċerti karatteristiċi ta’ togħma ma jkunx croissant. Mejda b’wiċċ vertikali ma tkunx mejda.

45.

Fit-tieni lok, il-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità tipproteġi l-fatt li wieħed ma jibbażax fuq kwalità partikolarment għolja, iżda fuq kwalità speċifika. B’hekk, il-konsumatur jista’ jassoċja mat-trade mark A prodotti eċċellenti, mat-trade mark B prodotti medjokri u mat-trade mark C prodotti li l-kwalità tagħhom tvarja ( 25 ). B’hekk, huwa impossibbli li wieħed jgħid f’liema mument funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ kwalità li hija iżolata mill-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini għandha tieqaf tkun issodisfatta.

46.

B’hekk, sabiex tiġi evalwata t-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem ġeneriku, għandu jsir riferiment biss għall-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark.

b) Il-pubbliku rilevanti

47.

Abbażi tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark, issa jeħtieġ li niċċaraw liema huwa l-pubbliku rilevanti, fil-kuntest tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark tkunx saret l-isem ġeneriku ta’ prodott.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat din il-kwistjoni fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier. It-tilwima prinċipali f’dik il-kawża kienet tirrigwarda trade mark għal ħjar tal-pikles imqatta’ u mmarinat li l-investigazzjonijiet urew li kienet ċertament saret isem ġeneriku għall-konsumaturi, iżda mhux għall-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, għall-kantini u għall-ħwienet tal-ikel ta’ malajr.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 89/104/KEE, li d-diċitura tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva. Hija kkonstatat li l-objettiv tal-proċess kollu ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa l-akkwist tal-prodott mill-konsumaturi u mill-utenti finali. Ir-rwol tal-intermedjarji kien jikkonsisti f’li jiskopru u f’li jantiċipaw id-domanda, f’li jamplifikawha jew f’li jiggwidawha. Bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fil-każ li intermedjarji jintervjenu fid-distribuzzjoni lill-konsumatur jew lill-utent finali ta’ prodott kopert minn trade mark irreġistrata, il-partijiet ikkonċernati, li l-perspettiva tagħhom għandha titqies sabiex jiġi evalwat jekk dik it-trade mark saritx, fil-kummerċ, l-isem komuni tal-prodott inkwistjoni, huma kkostitwiti mill-konsumaturi jew mill-utenti finali kollha u, skont il-karatteristiċi tas-suq tal-prodott ikkonċernat, mill-operaturi kollha involuti fil-kummerċjalizzazzjoni tiegħu” ( 26 ).

50.

Il-konklużjonijiet li l-partijiet jisiltu minn dik il-ġurisprudenza għal din il-kawża ma humiex kollha l-istess. Skont Backaldrin, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni, f’din il-kawża l-furnara jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti, minħabba l-karatteristiċi tas-suq tal-prodott inkwistjoni. Minn din il-perspettiva, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jidhrilhom li l-fatt li l-furnara jipparteċipaw fl-għażla li ssir mill-klijent huwa determinanti. Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li, inkwantu huma jonqsu apposta milli jindikaw it-trade mark lill-konsumaturi, il-furnara għandhom influwenza saħansitra ikbar fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tagħhom. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża l-argument tagħha fuq il-fatt li l-prodott huwa pproċessat mill-furnara. Il-Kummissjoni tiddikjara wkoll li l-influwenza tal-intermedjarji tikber fi proporzjoni mal-influwenza tagħhom fuq il-prodott. Backaldrin targumenta li għandha tingħata importanza kbira lill-perspettiva tal-kummerċjanti għall-prodotti ppreżentati mingħajr imballaġġ, li lanqas ma joffru l-possibbiltà li titwaħħal indikazzjoni relatata mad-drittijiet ta’ trade mark. Bħala regola ġenerali, trade mark issir isem komuni biss meta r-rabta bejn is-sinjal u oriġini partikolari tibqa’ ssir biss minn porzjon għalkollox negliġibbli tal-partijiet kummerċjali kkonċernati.

51.

Pfahnl u r-Repubblika Taljana min-naħa l-oħra jsostnu li, f’din il-kawża, il-furnara ma jagħmlux parti mill-pubbliku rilevanti. Skont Pfahnl, il-furnara ma għandhom ebda influwenza fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur, li jagħżel b’mod awtonomu u mingħajr ma jingħata parir. Barra minn hekk, il-furnar ma huwiex intermedjarju, iżda dak li jipproduċi l-prodott, u t-taħlita lesta għall-ħami tikkostitwixxi sempliċement mezz biex iħaffef xogħlu. Skont ir-Repubblika Taljana, il-perspettiva tal-furnara ma hijiex importanti, għaliex il-fatt li huma jkunu konxji li hemm trade mark involuta ma għandu ebda impatt fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumaturi finali.

52.

Skont il-ġurisprudenza invokata hawn fuq, li magħha jiena naqbel, il-kwistjoni jekk trade mark tkunx saret isem ġeneriku għandha tiġi evalwata b’riferiment qabel kollox għall-konsumatur u, “skont il-karatteristiċi tas-suq”, għall-operaturi li jintervjenu fid-distribuzzjoni tal-prodott, li tqajjem il-kwistjoni dwar x’inhuma l-karatteristiċi rilevanti tas-suq.

53.

Il-kliem tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, li l-Avukat Ġenerali Léger interpreta fid-dettall fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier ( 27 ), ma jagħti ebda indikazzjoni utli f’dan ir-rigward.

54.

Huwa ċertament possibbli li jiġu dedotti mill-kuntest leġiżlattiv argumenti favur it-teżi li l-konsumatur finali għandu jitpoġġa fiċ-ċentru tal-evalwazzjoni; dan il-kuntest madankollu ma jagħti ebda indikazzjoni konklużiva rigward il-kwistjoni tal-karatteristiċi tas-suq li fil-preżenza tagħhom il-partijiet kummerċjali għandhom jitqiesu wkoll bħala li jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti.

55.

Fil-kuntest tal-interpretazzjoni sistematika, skont dak li għadni kif għidt, għandu jitqies li l-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks “li jikkonsistu esklussivament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji fil-lingwa kurrenti jew fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ”. Din ir-raġuni għal rifjut – li hija każ partikolari ta’ nuqqas ta’ karattru distintiv [l-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva] – tista’ tiġi mwarrba jekk ikun hemm karattru distintiv miksub, b’mod konformi mal-Artikolu 3(3).

56.

Skont id-diċitura tal-Artikolu 3(1)(d) tad-Direttiva (“lingwa kurrenti” jew “fil-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ”), terminu ikun ġeneriku meta jitqies bħala tali mill-konsumaturi jew mill-kummerċ ( 28 ). Dan jidher li jimmilita favur l-argument li, sabiex isseħħ it-trasformazzjoni f’terminu ġeneriku, huwa ġeneralment biżżejjed li l-konsumaturi jkunu integraw il-bidla fit-tifsira. Dak l-argument jista’ wkoll ikun ibbażat fuq il-fatt li, fl-evalwazzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-karattru distintiv, il-Qorti tal-Ġustizzja repetitivament irreferiet għall-konsumatur, jiġifieri l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat ( 29 ). Ċertament, jeżistu wkoll eżempji ta’ każijiet fejn il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet lill-operaturi kummerċjali fil-pubbliku rilevanti ( 30 ).

57.

Għalhekk, huwa l-objettiv tal-leġiżlazzjoni li jikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi tas-suq li fil-preżenza tagħhom it-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem ġeneriku għandha tiġi evalwata fir-rigward ukoll tal-operaturi kummerċjali li jintervjenu fid-distribuzzjoni tal-prodott.

58.

Kif diġà enfasizzajt, il-funzjoni prinċipali tat-trade mark hija l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. Fil-kuntest tal-bejgħ ta’ prodott, it-trade mark tagħti informazzjoni dwar l-oriġini tiegħu. It-trade mark – bħal-lingwa b’mod ġenerali – tifforma parti integrali minn proċess ta’ komunikazzjoni, f’dan il-każ bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja. Dan il-proċess jista’ jkollu s-suċċess mixtieq u t-trade mark tista’ tassumi l-funzjoni li tiġġustifika l-eżistenza tagħha biss jekk iż-żewġ partijiet fil-komunikazzjoni jifhmu t-trade mark bħala tali, jiġifieri jkunu konxji mill-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. Jekk wieħed miż-żewġ gruppi jqis it-trade mark bħala isem ġeneriku, ma jkunx hemm it-trasferiment ta’ informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata permezz tat-trade mark. Sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni oġġettiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, b’hekk huwa meħtieġ bħala regola ġenerali li l-konsumaturi jikkunsidraw trade mark bħala isem ġeneriku. Dan huwa dak li riedet tgħid il-Qorti tal-Ġustizzja meta kkonstatat li b’mod ġenerali, “il-perċezzjoni tal-konsumaturi jew tal-utenti finali għandha rwol determinanti”, peress li l-għan tal-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa li jinxtara l-prodott ( 31 ).

59.

Abbażi ta’ dan il-proċess ta’ komunikazzjoni bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja, huwa faċli li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi li suq irid ikollu sabiex intermedjarju jkollu rwol fl-evalwazzjoni tal-karattru ġeneriku. Effettivament, anki jekk ix-xerrej jinjora l-fatt li jkun hemm trade mark, it-trade mark tista’ tkompli teżerċita l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini meta intermedjarju jeżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tax-xerrej, b’mod li l-għarfien tiegħu tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark jippermetti li l-proċess ta’ komunikazzjoni jirnexxi. Dan huwa l-każ meta, fis-suq korrispondenti, ikun hemm id-drawwa li l-intermedjarju jagħti pariri determinanti għad-deċiżjoni ta’ xiri, jew inkella jieħu dik id-deċiżjoni minflok il-konsumatur, bħalma huwa l-każ għall-ispiżjara u t-tobba fir-rigward ta’ mediċini bir-riċetta ( 32 ).

60.

F’dan il-każ, ma hemmx influwenza daqstant determinanti fuq id-deċiżjoni ta’ xiri. Il-klijenti ta’ ħanut tal-ħobż jieħdu d-deċiżjoni dwar ix-xirja tagħhom mingħajr ma jingħataw ħafna pariri jew jiġu influwenzati.

61.

Il-fatt li bl-akkwist ta’ ċerti taħlitiet lesti għall-ħami, il-furnara jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-klijenti ma jbiddel xejn minn dik il-konklużjoni. L-akkwist ta’ taħlita lesta għall-ħami ma jinfluwenzax l-akkwist tal-prodott finali. Dan tal-aħħar huwa prodott differenti, li l-furnar joffri lill-klijent wara li jkun ipproduċieh taħt liċenzja bl-użu ta’ prodott ta’ bażi.

62.

Id-deċiżjoni tal-furnara dwar il-prodotti li joffru u l-assenza ta’ informazzjoni mogħtija lill-klijenti tagħhom dwar il-fatt li l-isem ta’ prodott huwa trade mark lanqas ma jinfluwenzaw b’mod determinanti d-deċiżjoni ta’ xiri li l-konsumatur jista’ jieħu. Skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din l-influwenza tippresupponi li l-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark tkun assunta mill-furnara, li b’hekk jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur, fil-kuntest tal-proċess ta’ bejgħ bejn bejjiegħa u konsumaturi. Issa, f’dan il-każ, il-furnara jibdew billi jaħdmu l-prodott lest huma stess taħt liċenzja. B’hekk huma jaqgħu taħt il-kategorija tal-manifatturi u mhux tal-konsumaturi. In-natura limitata tal-gamma ta’ prodotti proposti u l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-kwalità ta’ trade mark għandhom mingħajr dubju influwenza de facto fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumaturi, iżda madankollu ma huwiex fir-rigward tax-xerrej li l-furnara jeżerċitaw influwenza fuq id-deċiżjoni ta’ xiri, iżda fir-rigward tal-bejjiegħ.

63.

Id-dritt Ewropew tat-trade marks ċertament ma jagħmilx eċċezzjoni meta jirreferi prinċipalment għall-konsumatur sabiex jiġi evalwat jekk trade mark kisbitx karattru ġeneriku. Fl-Istati Uniti tal-Amerika, l-Imħallef Learned Hand ikkonkluda ilu ħafna li l-kriterju deċiżiv huwa l-mod kif il-konsumatur jifhem it-tifsira tat-terminu korrispondenti ( 33 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Komunità Andina taqta’ l-kwistjoni jekk trade mark saritx isem ġeneriku billi tirreferi għall-perċezzjoni li l-konsumatur għandu ta’ dik it-trade mark, għaliex il-konsumatur huwa s-“suġġett tal-protezzjoni mogħtija lit-trade marks” ( 34 ).

64.

Min-naħa l-oħra, anki wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier, l-Oberste Gerichtshof Awstrijaka tkompli fil-prinċipju tibbaża ruħha fuq il-kriterju ta’ “determinazzjoni globali tal-perċezzjonijiet rispettivi tal-klassijiet kollha ta’ persuni kkonfrontati bit-trade mark”, li, minbarra l-konsumaturi finali jinkludi, il-manifatturi u l-kummerċjanti. L-argument invokat insostenn ta’ dan huwa li l-konsumatur finali faċilment għandu tendenza juża t-trade marks daqs li kieku kienu ismijiet ġeneriċi ( 35 ).

65.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix. Ċertament, il-konsumaturi spiss jużaw trade marks bħala isem ġeneriku, iżda ġeneralment ikunu konxji li din tkun trade mark, fatt li ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni oġġettiva għal revoka. Huwa relattivament rari li l-konsumatur ikun tilef dak l-għarfien li din tkun trade mark. Meta dan iseħħ, it-trade mark ma tibqax tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. Ma hemm ebda raġuni għalfejn, f’każ bħal dan, il-mogħdija tat-trade mark lejn l-istatus ta’ isem ġeneriku, li hija l-kundizzjoni oġġettiva għar-revoka, għandha tiġi ostakolata b’mod artifiċjali billi jintuża bħala pubbliku rilevanti grupp ta’ referenza li jikkonsisti minn persuni partikolarment konxji mill-eżistenza tat-trade mark. Il-protezzjoni li minnha jibbenefika l-istatus ta’ proprjetarju tal-proprjetarju tat-trade mark bis-saħħa tad-drittijiet fundamentali ma tiġġustifikax dak ir-rekwiżit. Dik il-protezzjoni diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-fatt li t-twettiq tal-kundizzjoni oġġettiva ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex iwassal għar-revoka tat-trade mark.

66.

Finalment, ebda interpretazzjoni oħra ma tista’ tiġi adottata fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li skonthom, fil-każ ta’ revoka tat-trade mark “Kornspitz” applikata għal prodotti lesti, il-kompetituri jistgħu, skont l-Artikolu 6(1)(b), ipoġġu fuq it-taħlitiet tagħhom lesti għall-ħami l-indikazzjoni “għall-produzzjoni ta’ Kornspitze”, li jtellef il-valur tat-trade mark irreġistrata minn Backaldrin għat-taħlitiet lesti għall-ħami. Ir-riskju li jintilef il-valur tat-trade mark applikabbli għall-prodott ta’ bażi minħabba r-revoka tat-trade mark fir-rigward tal-prodott lest jirriżulta mid-deċiżjoni li t-trade mark tiġi rreġistrata għaż-żewġ gruppi ta’ prodotti u mill-istruttura speċifika ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tal-prodott finali, inkwantu dan huwa mmanifatturat b’mod partikolari minn furnara li jkollhom liċenzja sabiex ibigħu l-prodott lest taħt it-trade mark. Dawn id-deċiżjonijiet ttieħdu mill-proprjetarja tat-trade mark stess, li minħabba dan il-fatt ħolqot ir-riskju korrispondenti. Il-proprjetarja tat-trade mark hija madankollu protetta mill-fatt li revoka tat-trade mark hija eskluża inkwantu t-trasformazzjoni f’isem ġeneriku ma hijiex dovutà għall-attività jew għall-inattività tagħha.

67.

B’hekk, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandu jiġi evalwat jekk trade mark saritx l-isem komuni fil-kummerċ tal-prodott li għalih din tkun ġiet irreġistrata, huwa kompost qabel kollox mill-konsumaturi u mill-utenti finali. Għal suq li għandu ċerti karatteristiċi, għandhom jitqiesu wkoll l-operaturi li jintervjenu fid-distribuzzjoni tal-prodott. Tali karatteristiċi jkunu preżenti b’mod partikolari meta l-operaturi korrispondenti jkunu jeżerċitaw ċerta influwenza fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur finali. Fin-nuqqas ta’ dan, trade mark titqies li saret l-isem komuni tal-merkanzija li għaliha din tkun ġiet irreġistrata meta din titqies bħala tali mill-konsumaturi finali, anki jekk il-manifatturi li jipproduċu huma stess il-prodott minn prodott ta’ bażi pprovdut mill-proprjetarju tat-trade mark u li jbiegħuh taħt it-trade mark bil-kunsens ta’ dak il-proprjetarju, ikunu konxji mill-fatt li din hija indikazzjoni ta’ oriġini u ġeneralment ma jinformawx lill-konsumatur finali dwar dan.

2. It-tielet domanda preliminari

68.

It-tielet domanda tirrigwarda jekk ir-revoka ta’ trade mark li, minħabba l-attività jew l-inattività tal-proprjetarju tagħha, tkun saret isem komuni għall-konsumaturi finali, iżda mhux għall-kummerċ, hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li ma jkunx hemm isem alternattiv ekwivalenti, b’mod li konsumatur finali ma jkollu ebda għażla oħra għajr li juża dak l-isem.

69.

Skont l-Oberste Marken- und Patentsenat, l-isfond ta’ dik id-domanda huwa l-ġurisprudenza tal-Oberste Gerichtshof Awstrijaka. Skont dik il-ġurisprudenza, it-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem ġeneriku hija eskluża a priori meta din tkun meqjusa bħala indikazzjoni ta’ oriġini fil-kummerċ. Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta fil-kummerċ ma jkunx hemm alternattiva ekwivalenti għal trade mark li l-konsumaturi finali jqisu bħala isem ġeneriku ( 36 ). Għalkemm, skont il-qorti tar-rinviju, din il-kundizzjoni ma hija sostnuta bl-ebda mod mit-test, din madankollu tippermetti li jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn id-drittijiet, inklużi dawk fundamentali, tal-proprjetarju ta’ trade mark u l-interess ġenerali fid-disponibbiltà ta’ sinjali li jindikaw prodotti u servizzi.

70.

Skont Backaldrin, l-evoluzzjoni ta’ trade mark lejn isem ġeneriku hija eskluża jekk ikun hemm ismijiet alternattivi għall-prodott. L-eżistenza ta’ ismijiet alternattivi tinżamm anki jekk dawn ma jkunux għalkollox ekwivalenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kemm ikunu mifruxa.

71.

Pfahnl jidhrilha li dan ir-rekwiżit huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-revoka ta’ trade mark. Hija ma ssib ebda bażi għal dan fid-diċitura, fl-iskema jew fl-għan tad-Direttiva. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din il-fehma.

72.

Bl-istess mod, ir-Repubblika Franċiża ma tqisx li l-preżenza ta’ ismijiet alternattivi hija meħtieġa sabiex trade mark tkun tista’ tiġi ttrasformata f’isem ġeneriku, iżda hija taqbel li din tista’ tkun indikazzjoni. Ir-Repubblika Taljana tqis l-assenza ta’ isem alternattiv biss bħala “fattur ta’ riskju” li jista’ jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem ġeneriku.

73.

Fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi eżaminat jekk trade mark tistax tkun irrevokata, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk fil-kummerċ jeżistux ismijiet alternattivi ekwivalenti għall-prodott innifsu.

74.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat x’tifhem il-qorti tar-rinviju meta hija tafferma li “ma jeżistux termini alternattivi ekwivalenti”. Hija ma tistax tfisser b’dan li għandu “jeżisti” oġġettivament sinonimu. Il-lingwa fil-fatt hija fenomenu soċjali u mhux spazju ddefinit oġġettivament. Terminu ivvintat b’mod spontanju (mill-proprjetarju tat-trade mark) ma jistax jikkostitwixxi “terminu alternattiv ekwivalenti”. It-tifsira ta’ kelma hija l-użu tagħha fil-lingwa ( 37 ). Ladarba jiddaħħal, kontenut ikun ċertament suġġett għall-evoluzzjoni tal-użu lingwistiku, iżda ma jkunx faċli li jiġi mmodifikat b’mod volontarju. Il-kwistjoni jekk kelma tirrappreżentax “alternattiva” għal kelma oħra, jew jekk il-kelma hijiex “ekwivalenti”, b’hekk hija ddeterminata mill-komunità lingwistika, u mhux minn qorti. Dik il-komunità tista’ tinterpreta b’mod differenti kelma li prima facie tkun tidher “ekwivalenti”, jew inkella tiċħad kompletament l-użu tagħha. Il-kriterju b’hekk għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għal sinonimi għat-terminu li jidħlu fl-użu lingwistiku effettiv. Dan jikkorrispondi barra minn hekk mal-interpretazzjoni tal-Oberste Gerichstshof Awstrijaka, li tirreferi għal “terminu alternattiv li jintuża” ( 38 ).

75.

Dan il-kriterju madankollu ma huwiex previst mit-test tad-dispożizzjoni u ma huwiex kompatibbli mal-għan tagħha. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati hawn fuq, ir-ratio tar-riskju ta’ revoka f’każ ta’ trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem komuni huwa l-fatt li t-trade mark ma tkunx tista’ tkompli tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini. Ir-revoka hija l-mekkaniżmu li permezz tiegħu l-ordinament ġuridiku jissodisfa l-bżonn tas-soċjetà li tkun tista’ tuża liberament is-sinjal (“rekwiżit ta’ disponibbiltà”) ( 39 ). Il-kundizzjoni ġuridika preliminari għar-revoka madankollu ma hijiex il-prova ta’ bżonn tas-soċjetà li tkun tista’ tuża s-sinjal, bżonn li jista’ jkun inqas b’saħħtu meta sinjali oħrajn ikunu disponibbli għall-istess għan. L-unika kundizzjoni legali hija li t-trade mark tkun saret l-isem komuni ta’ prodott. Dik il-kwistjoni hija indipendenti mill-kwistjoni jekk ikunux daħlu sinonimi fil-lingwa attwali.

76.

Finalment, hemm lok li jiġi miċħud l-argument li l-kriterju diskuss f’dik id-domanda preliminari huwa neċessarju sabiex tiġi ssodisfatta l-protezzjoni li d-drittijiet fundamentali jiggarantixxu lill-proprjetà tal-proprjetarju tat-trade mark. Kif diġà osservajt, il-leġiżlatur issodisfa l-obbligu tiegħu li jibbilanċja l-interessi tas-soċjetà u d-drittijiet fundamentali tal-proprjetarju tat-trade mark billi rrikjeda li sabiex issir revoka, minbarra t-trasformazzjoni ta’ trade mark f’terminu ġeneriku, it-trade mark għandha tissodisfa l-kriterji tal-kundizzjoni suġġettiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva. B’hekk ma hemmx post għal kriterji supplimentari mhux miktuba fil-kundizzjoni oġġettiva.

77.

B’hekk hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-revoka ta’ trade mark, huwa irrilevanti li l-konsumatur finali jsib ruħu mġiegħel juża l-isem korrispondenti għaliex ma jkunx hemm termini alternattivi ekwivalenti.

C – Kundizzjoni suġġettiva (it-tieni domanda preliminari)

78.

It-tieni domanda preliminari tikkonċerna l-kundizzjoni suġġettiva għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, fi kliem ieħor il-kwistjoni jekk l-evoluzzjoni fit-tifsira tas-sinjal hijiex imputabbli lill-proprjetarju tat-trade mark. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf f’dan ir-rigward jekk, sabiex ikun hemm inattività, huwiex biżżejjed li l-proprjetarju tat-trade mark jibqa’ inattiv minkejja l-fatt li l-kummerċjanti li jiddistribwixxu l-prodott tiegħu ma jindikawx lill-klijenti tagħhom li din hija trade mark irreġistrata.

79.

Backaldrin huwa tal-fehma li għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. Ikun hemm inattività fis-sens tad-Direttiva biss jekk il-proprjetarju tat-trade mark ma jirreaġġixxix għal użu illeċitu tagħha minn terzi. F’dan il-każ, madankollu, Backaldrin ippermettiet lill-klijenti tagħha, il-furnara, fil-kuntest ta’ liċenzja mhux esklużiva, jiddistribwixxu l-prodotti inkwistjoni taħt it-trade mark “Kornspitz”. Li jiġi impost obbligu fuq il-furnara li jinformaw lix-xerrejja li “Kornspitz” hija trade mark ikun mhux tas-soltu u abużiv fil-kummerċ tal-prodotti tal-ikel friski. Ikun suffiċjenti li jiġi pprovdut materjal pubbliċitarju li jista’ jitqassam fil-ħwienet tal-ħobż.

80.

Pfahnl, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni min-naħa l-oħra jirrispondu fl-affermattiv għal din id-domanda. Il-proprjetarju tat-trade mark huwa obbligat ukoll ikun suffiċjentement attent għall-protezzjoni tal-karattru distintiva tagħha u li juża fil-kummerċ il-possibiltajiet kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jikkumbatti t-trasformazzjoni f’isem ġeneriku. B’hekk hija r-responsabbiltà tieħgu jitlob lill-furnara jenfasizzaw il-preżenza tat-trade mark tiegħu. Il-fatt li jonqos milli jagħmel dan jitqies mir-Repubblika Franċiża bħala indikazzjoni ta’ inattività fis-sens tad-Direttiva.

81.

B’mod konformi mal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva, it-trasformazzjoni ta’ trade mark f’isem komuni ta’ prodott ma hijiex biżżejjed sabiex twassal għar-revoka tagħha. Effettivament, jeħtieġ li dik it-trasformazzjoni tkun dovuta għall-“atti jew inattività” tal-proprjetarju tat-trade mark. It-test tad-dispożizzjoni ma jipprevedix restrizzjoni fir-rigward tan-natura tal-inattività li minħabba fiha trade mark tista’ ssir isem ġeneriku.

82.

Fil-kawża Levi Strauss, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkumenta fuq liema tip ta’ inattività hija suffiċjenti biex tissodisfa l-kundizzjoni oġġettiva. Hija kkonstatat li: “[I]nattività tista’ wkoll tikkorrispondi għal omissjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark milli jirrikorri fiż-żmien stipulat għal dan l-Artikolu 5, sabiex jitlob lill-awtorità kompetenti tipprojbixxi lil terzi persuni kkonċernati milli jużaw is-sinjal li fir-rigward tiegħu teżisti possibbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark, peress illi dawn it-talbiet għandhom preċiżament bħala għan li jippreservaw is-setgħa distintiva ta’ l-imsemmija trade mark” ( 40 ) It-terminu “wkoll” juri li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet sempliċement tiċċita dan il-każ bħala eżempju ta’ inattività rilevanti.

83.

Il-portata tal-obbligi tal-proprjetarju tat-trade mark tista’ tiġi ppreċiżata abbażi tas-sens u s-suġġett tar-regola. Id-Direttiva hija intiża sabiex tibbilanċja l-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark u dawk ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn relatati mal-użu ta’ sinjali. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju b’hekk ma hijiex mingħajr ebda kundizzjoni, għaliex huwa għandu jkun viġilanti fir-rigward tal-protezzjoni tat-trade mark tiegħu ( 41 ). Dan jgħodd, fil-fehma tiegħi, mhux biss għall-protezzjoni tat-trade mark kontra ksur, iżda wkoll għar-riskju li trade mark issir isem ġeneriku. L-obbligu ta’ viġilanza jimplika li l-proprjetarju tat-trade mark jissorvelja s-suq u jagħmel dak kollu li huwa raġonevolment possibbli sabiex jipproteġi t-trade mark tiegħu kontra t-trasformazzjoni f’isem ġeneriku.

84.

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw il-miżuri xierqa li wieħed jista’ raġonevolment jeżiġi mingħand il-proprjetarju tat-trade mark. Eżempji ta’ tali miżuri jistgħu jinstabu kemm fil-ġurisprudenza tal-UASI kif ukoll fid-duttrina. Wieħed jista’ jaħseb fir-reklamar , fit-tqegħid ta’ avviżi fuq tikketti (jew tabelli mqiegħda maġenb il-prodott u li jindikaw ismu) jew inkella kuntatti mal-edituri ta’ dizzjunarji, sabiex dawn jindikaw li kelma hija trade mark ( 42 ). Il-proprjetarju tat-trade mark stess għandu jevita li jużaha bħala isem ġeneriku ( 43 ), għandu jieħu l-miżuri kollha li jista’ raġonevolment jieħu sabiex jiġġieled kontra tali użu minn terzi u għandu jiġbed l-attenzjoni tal-kummerċjanti għall-fatt li din hija trade mark ( 44 ). Jekk tingħata liċenzja għall-użu ta’ trade mark, jeħtieġ li f’dan il-kuntest jittieħdu wkoll il-miżuri li l-proprjetarju jista’ raġonevolment jieħu biex jipproteġi t-trade mark; fi kliem ieħor, għandu jinkludi stipulazzjonijiet f’dan is-sens fil-liċenzja u jiżgura sa livell raġonevoli li dawn jiġu osservati.

85.

B’hekk hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda preliminari tkun li jkun hemm inattività fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva jekk il-proprjetarju tat-trade mark ma jiħux il-miżuri li jistgħu jkunu raġonevolment meħtieġa minnu sabiex jipproteġi t-trade mark tiegħu kontra t-trasformazzjoni f’isem ġeneriku. Dawn il-miżuri jinkludu wkoll azzjonijiet intiżi sabiex jinfluwenzaw l-aġir ta’ dawk li jingħataw liċenzja.

V – Konklużjoni

86.

Għal dawn il-motivi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi prleiminari skont kif ġej:

L-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandu jiġi evalwat jekk trade mark saritx l-isem komuni fil-kummerċ tal-prodott li għalih din tkun ġiet irreġistrata, huwa kompost qabel kollox mill-konsumaturi u mill-utenti finali. Għal suq li għandu ċerti karatteristiċi, għandhom jitqiesu wkoll l-operaturi li jintervjenu fid-distribuzzjoni tal-prodott. Tali karatteristiċi jkunu preżenti b’mod partikolari meta l-operaturi korrispondenti jkunu jeżerċitaw ċerta influwenza fuq id-deċiżjoni ta’ xiri tal-konsumatur finali. Fin-nuqqas ta’ dan, trade mark titqies li saret l-isem komuni tal-merkanzija li għaliha din tkun ġiet irreġistrata meta din titqies bħala tali mill-konsumaturi finali, anki jekk il-manifatturi li jipproduċu huma stess il-prodott minn prodott ta’ bażi pprovdut mill-proprjetarju tat-trade mark u li jbiegħuh taħt it-trade mark bil-kunsens ta’ dak il-proprjetarju, ikunu konxji mill-fatt li din hija indikazzjoni ta’ oriġini u ġeneralment ma jinformawx lill-konsumatur finali dwar dan.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-revoka ta’ trade mark, huwa irrilevanti li l-konsumatur finali jsib ruħu mġiegħel juża l-isem korrispondenti għaliex ma jkunx hemm termini alternattivi ekwivalenti.

Ikun hemm inattività fis-sens tal-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva jekk il-proprjetarju tat-trade mark ma jiħux il-miżuri li jistgħu jkunu raġonevolment meħtieġa minnu sabiex jipproteġi t-trade mark tiegħu kontra t-trasformazzjoni f’isem ġeneriku. Dawn il-miżuri jinkludu wkoll azzjonijiet intiżi sabiex jinfluwenzaw l-aġir ta’ dawk li jingħataw liċenzja.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) F’dak li jirrigwarda l-lingwa Ġermaniża, dan huwa l-każ pereżempju tat-trade marks “Fön” (Deutsches Patent- und Markenamt, reġistrazzjoni Nru 739154) jew “Heroin” (reġistru tar-Reichspatentamt, Nru 31650). Minn wara t-30 ta’ Settembru 1950, din l-aħħar trade mark ma tistax tkompli tintuża. De Ridder, M., Heroin – Vom Arzneimittel zur Droge, Campus, Frankfurt/Main, 2000, p. 63 u 64. Għal eżempji bil-Franċiż, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier, sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C 371/02, Ġabra p. I-5791, punt 50).

( 3 ) Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25).

( 4 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Björnekulla Fruktindustrier (C-371/02, Ġabra p. I-5791).

( 5 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-27 ta’ April 2006, Levi Strauss (C-145/05, Ġabra p. I-3703, punt 34).

( 6 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 7 ) Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif emendat.

( 8 ) It-trade marks jistgħu, naturalment, ikopru wkoll servizzi. Peress li din il-kawża tikkonċerna biss prodotti, għall-finijiet ta’ simpliċità ser nirreferi biss għal dawn tal-aħħar.

( 9 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C-482/09, Ġabra p. I-8701, punt 71), tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell (C-517/99, Ġabra p. I-6959, punt 22), u tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 28).

( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Martín y Paz (C‑661/11, punt 75).

( 11 ) Sentenzi Canon (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 28) u tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG II (C-10/89, Ġabra p. I-3711, punti 13 u 14).

( 12 ) Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva.

( 13 ) Ara s-sentenza Merz & Krell (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 28 u 31) kif ukoll il-punt 40 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fl-istess kawża.

( 14 ) Sentenza Björnekulla Fruktindustrier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 22).

( 15 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).

( 16 ) Ara l-Artikoli 4, 7(1)(d) u 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1). Dispożizzjonijiet analogi kienu diġà jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1).

( 17 ) Sentenza tal-QEDB Anheuser-Busch vs Il‑Portugall tal-11 ta’ Jannar 2007 (Nru 73049/01).

( 18 ) Sentenza Levi Strauss (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 19).

( 19 ) Punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara, biex nagħti eżempju wieħed, il-punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Arsenal Football Club (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I-10273).

( 21 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C-323/09, Ġabra p. I-8625, punt 38), tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C-236/08 sa C-238/08, Ġabra p. I-2417, punt 77), u tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 58). Ara wkoll. Cornish, W. et, Intellectual Property, London, Sweet & Maxwell, Edizzjoni Nru 7 2010, p. 658 sa 661.

( 22 ) Jehoram, T. et, European Trademark Law, Kluwer, Alpen aan den Rijn, 2010, p. 12 u 13.

( 23 ) Fezer, K.-.H., Markenrecht, C.H. Beck, München, Edizzjoni Nru 4 2009, Introduzzjoni, punt 8.

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Parfums Christian Dior (sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, C-337/95, Ġabra p. I-6013), punt 39 (Enfasi tiegħi).

( 25 ) Fir-rigward tal-kwistjoni għalkollox differenti tas-sanzjonijiet previsti mid-dritt tat-trade marks f’każ ta’ varjazzjonijiet kbar fil-karatteristiċi ta’ prodott, ara (għad-dritt Amerikan) Hennig-Bodewig, F., Die Qualitätsfunktion der Marke im amerikanischen Recht, GRUR Int. 1985, 445.

( 26 ) Sentenza Björnekulla Fruktindustrier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 24 u 26).

( 27 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 29 - 43.

( 28 ) Huwa minnu li, skont l-Avukat Ġenerali Léger, il-formolazzjoni tat-test u l-prattika tal-UASI jindikaw li għandhom jitqiesu kemm il-perspettiva tal-konsumatur medju kif ukoll dik tal-operaturi professjonali responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 57-60).

( 29 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C-104/01, Ġabra p. I-3793, punti 45 u 46), tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C-363/99, Ġabra p. I-1619, punt 76), tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel (C-218/01, Ġabra p. I-1725, punt 50), tal-21 ta’ Ottubru 2004, UASI vs Erpo Möbelwerk (C-64/02 P, Ġabra p. I-10031, punt 43), u tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 53); konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Merz & Krell (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9), punt 44, kif ukoll fil-kawża Levi Strauss (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 23.

( 30 ) Sentenza Windsurfing Chiemsee (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 29).

( 31 ) Sentenza Björnekulla Fruktindustrier (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 24).

( 32 ) Ara f’dan is-sens, għall-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI (C-412/05 P, Ġabra p. I-3569, punt 56). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-istess kawża (punti 48 sa 52).

( 33 ) Bayer Co. vs United Drug Co. (S.D.N.Y. 1921), 272 F. 505. Ara Berner Intern. Corp. vs Mars Sales Co. (3rd Cir. 1993), 987 F.2d 975; Lemley, M. und McKenna, M., Is Pepsi Really a Substitute for Coke?, 100 Georgetown L. J. S. 2055, 2066 sa 2069 (2012).

( 34 ) Proceso 11-IP-2002.

( 35 ) 4 Ob 128/04h – Memory. L-argument invokat fl-aħħar lok jintuża wkoll mill-ġurisprudenza Ġermaniża biex tiddefendi interpretazzjoni restrittiva: OLG München, GRUR-RR 2006, 84, 85 “Memory”.

( 36 ) OGH, 4 Ob 269/01i – Sony Walkman II, tad-29 ta’ Jannar 2002; ara OGH, 4 Ob 128/04h – Memory, tas-6 ta’ Lulju 2004.

( 37 ) Wittgenstein, L., Philosophische Untersuchungen, Akademie Verlag, Berlin 2011, § 43.

( 38 ) OGH, 4 Ob 128/04h – Memory, tas-6 ta’ Lulju 2004.

( 39 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2008, adidas u adidas Benelux, C-102/07, Ġabra p. I-2439, punti 22 sa 24).

( 40 ) Sentenza Levi Strauss (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 34).

( 41 ) Sentenza Levi Strauss (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 29 u 30).

( 42 ) Jekk jeżisti dritt f’dan is-sens, l-eżerċizzju tiegħu huwa obbligatorju. Direttivi dwar il-proċeduri quddiem l-UASI. Verżjoni finali : Novembru 2007. Parti D, Taqsima 2, paġna 9.

( 43 ) BK 595/2008-4 – 5HTP; De la Fuente García, E. f’O’Callaghan Muñoz, X., Propiedad Industrial, Centro de Estudios Ramón Areces, Madrid, 2001, p. 223.

( 44 ) Eisenführ, G. f’Eisenführ, G. & Schennen, D., Gemeinschaftsmarkenverordnung, Carl Heymanns Verlag, Köln, it-tielet edizzjoni 2010, Art. 51 punt 22; Galli, C. et f’Bonlini G. & Confortini, M., Codice Commentato della Proprietà Industriale e Intelletuale, UTET, Milanofiori Assago 2011, p. 191.