Kawża C-10/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-kapital — Tnaqqis tad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim — Tnaqqis limitat għad-donazzjonijiet magħmula lill-istituzzjonijiet stabbiliti fit-territorju nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Tnaqqis tad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim limitat għad-donazzjonijiet magħmula lill-istituzzjonijiet nazzjonali

(Artikoli 56 KE u 58 KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40)

Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, Stat Membru li jawtorizza t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim esklużivament meta l-imsemmija istituzzjonijiet ikunu stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat.

Fil-fatt, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tiddistingwi bejn donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet nazzjonali u dawk mogħtija lil istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew għandha tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, id-differenza fit-trattament ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni

Issa, minn naħa, kriterju li jagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli esklużivament fuq il-bażi tal-post fejn ikun stabbilit il-benefiċjarju tad-donazzjonijiet ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, ikun kriterju validu għall-evalwazzjoni tal-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet u, konsegwentement, sabiex tiġi stabbilita differenza oġġettiva bejniethom. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-promozzjoni tar-riċerka u tal-iżvilupp tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ kreditu tat-taxxa unikament għar-riċerka li ssir fl-Istat Membru kkonċernat tmur direttament kontra l-għan tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku. Fil-fatt, skont l-Artikolu 163(2) KE, din il-politika għandha l-għan, b’mod partikolari, li tneħħi l-ostakoli fiskali għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u, għalhekk, ma tistax tkun implementata permezz tal-promozzjoni tar-riċerka u tal-iżvilupp fil-livell nazzjonali.

(ara l-punti 29, 35, 37, 44 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Ġunju 2011 (1

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-kapital – Tnaqqis tad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim – Tnaqqis limitat għad-donazzjonijiet magħmula lill-istituzzjonijiet stabbiliti fit-territorju nazzjonali”

Fil-Kawża C‑10/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn C. Pesendorfer, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, C. Toader, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), billi awtorizzat it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim biss fil-każ li dawn l-istituzzjonijiet ikunu stabbiliti fl-Awstrija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ŻEE

2        L-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri [tal-Unjoni Ewropea] jew fi Stati ta’ l-[Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA)] u ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq ic-cittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jigi implimentat dan l-Artikolu.”

3        L-Anness XII tal-Ftehim ŻEE, intitolat “Moviment liberu tal-kapital”, jirreferi għad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu abrogat mit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva, il-movimenti ta’ kapital huma kklassifikati skont in-nomenklatura stabbilita fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

 Id-dritt nazzjonali

4        L-Artikolu 4 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) tas-7 ta’ Lulju 1988 (BGB1. 400/1988, iktar ’il quddiem l-“EStG”) jikkunsidra d-determinazzjoni tal-qligħ bħala l-bażi għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul. Dan l-artikolu jipprovdi li l-ispejjeż tal-operat għandhom jitnaqqsu mill-qligħ. Il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jipprovdi inter alia li ċerti spejjeż imsemmija speċifikament “huma fi kwalunkwe każ” spejjeż tal-operat.

5        L-Artikolu 4(a)(1) tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi tal-2009 li wettqet riforma fiskali (BGB1. I, 26/2009, iktar ’il quddiem l-“EStG emendata”), li jirrigwarda d-donazzjonijiet li joħorġu mill-kapital tal-impriża, jelenka numru ta’ donazzjonijiet li huma ukoll meqjusa li huma spejjeż tal-operat. F’dan il-kuntest l-Artikolu 4(a) tal-EStG emendata jirrepeti l-lista tal-ispejjeż tal-operat li sal-31 ta’ Marzu 2009 kienet tidher fl-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG.

6        L-Artikolu 4(a) tal-EStG emendata huwa fformulat kif ġej:

“Jitqiesu wkoll bħala spejjeż tal-operat:

1.       id-donazzjonijiet mogħtija mill-kapital tal-impriża bil-għan li jkunu jistgħu jitwettqu

–        attivitajiet ta’ riċerka jew

–        attivitajiet ta’ tagħlim fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti, meta dawn ikunu jirrigwardaw tagħlim xjentifiku jew artistiku u jkunu konformi mal-liġi dwar l-Università tal-2002,

u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet u dokumenti xjentifiċi relatati ma’ dan, lill-istituzzjonijiet li ġejjin:

a)       universitajiet, skejjel ta’ tagħlim avvanzat artistiku u l-Akkademja tal-arti klassiċi, il-fakultajiet tagħhom, kif ukoll dipartimenti jew istituzzjonijiet speċjali;

b)       fondi maħluqa minn liġi federali jew reġjonali li jkunu inkarigati minn missjonijiet relatati mal-promozzjoni tar-riċerka;

c)      l-Akkademja Awstrijaka tax-xjenza;

d)       istituzzjonijiet ta’ awtoritajiet territorjali mhux awtonomi mill-aspett ġuridiku, li jkunu inkarigati prinċipalment minn attivitajiet ta’ riċerka u tagħlim tat-tip imsemmi iktar ’il fuq għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet u dokumenti xjentifiċi relatati;

e)       persuni ġuridiċi li jkunu inkarigati prinċipalment minn attivitajiet ta’ riċerka u tagħlim tat-tip imsemmi iktar ’il fuq għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet u dokumenti xjentifiċi relatati. Il-kundizzjoni l-oħra hija li entità lokali jkollha sehem ta’ mill-inqas b’mod maġġoritarju f’dawk il-persuni ġuridiċi jew li l-persuna ġuridika bħala entità lokali skont l-Artikoli 34 et sequitur tal-kodiċi federali dwar it-taxxa tkun issegwi esklużivament għanijiet xjentifiċi.

Il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti d) u e) għandhom jiġu ppruvati mill-istituzzjoni kkonċernata permezz ta’ attestazzjoni tal-Finanzamt Wien 1/23, flimkien ma’ riżerva li tippermetti li tiġi rrevokata f’kull ħin. Il-lista tal-istituzzjonijiet kollha li għalihom tkun inħarġet tali attestazzjoni għandha tiġi ppubblikata ta’ mill-inqas darba fis-sena, fuq formola elettronika adattata, fuq il-paġna tal-internet ewlenija tal-ministeru federali tal-finanzi. Il-valur monetarju tad-donazzjonijiet jista’ jitnaqqas kemm-il darba, meta jiżdied mal-valur monetarju tad-donazzjonijiet fis-sens tal-punt 2), ma jaqbiżx l-10 % tal-qligħ tas-sena finanzjarja preċedenti.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

7        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni talbet lill-Ministeru Federali tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Awstrija sabiex jippreċiża jekk il-benefiċjarji tad-donazzjonijiet skont l-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG (li sar l-Artikolu 4a(1) tal-EStG emendata) setgħux ikunu biss istituzzjonijiet stabbiliti fl-Awstrija jew jekk setgħux ikunu wkoll istituzzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

8        Il-Ministeru Federali tal-Finanzi rrisponda għal din l-ittra permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Settembru 2005, fejn ikkonferma li l-benefiċjarji tad-donazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (d) tal-EStG setgħu jkunu biss istituzzjonijiet Awstrijaċi. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4)(5)(e) tal-EStG ma kinitx limitata, skont il-formulazzjoni tiegħu stess, għall-istituzzjonijiet Awstrijaċi.

9        Fl-4 ta’ April 2007 il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija, fejn ikkonkludiet li l-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (e) tal-EStG kienu jiksru l-Artikolu 49 KE kif ukoll l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE u stiednet lir-Repubblika tal-Awstrija sabiex tissottometti l-kummenti tagħha dwar dan is-suġġett fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-ittra.

10      Fir-risposta tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2007, ir-Repubblika tal-Awstrija oġġezzjonat għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u argumentat li d-donazzjonijiet rregolati mid-dispożizzjoni kkontestata ma kinux ħlas għal servizz. Hija ċaħdet ukoll kwalunkwe ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital.

11      F’ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tas-6 ta’ Mejju 2008, trażmessa lir-Repubblika tal-Awstrija fit-8 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni kkompletat l-evalwazzjoni legali magħmula fl-ewwel ittra ta’ intimazzjoni billi indikat li, minbarra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija kienet qegħda tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE peress li s-sistema fiskali inkwistjoni għamlet anqas attraenti d-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE jew taż-ŻEE.

12      Ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2008, fejn essenzjalment irreferiet għar-risposta tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2007 fis-sens li ma kien hemm ebda ksur, la tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u lanqas tal-moviment liberu tal-kapital.

13      Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, hija adottat opinjoni motivata fid-19 ta’ Marzu 2009, fejn ikkonkludiet li r-Repubblika tal-Awstrija kienet qegħdha tikser l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE billi tawtorizza t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim fil-każ biss li dawn l-istituzzjonijiet ikunu stabbiliti fl-Awstrija. Fl-analiżi legali tagħha tal-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG, il-Kummissjoni ddistingwiet bejn l-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (d), minn naħa, u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4)(5)(e), min-naħa l-oħra. Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel jagħmlu distinzjoni fuq il-bażi tas-sede tal-istituzzjoni kkonċernata. Huma biss id-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet u li jkunu stabbiliti fl-Awstrija li jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala spejjeż tal-operat li jistgħu jitnaqqsu. Min-naħa l-oħra, għalkemm l-Artikolu 4(4)(5)(e) tal-EStG ma jagħmilx distinzjoni fuq il-bażi tas-sede tal-benefiċjarju tad-donazzjoni, il-klassifikazzjoni tad-donazzjonijiet bħala spejjeż tal-operat hija aċċettata biss jekk il-persuna ġuridika kkonċernata tkun prinċipalment attiva f’isem ix-xjenza jew l-ekonomija tal-Awstrija.

14      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2009 ir-Repubblika tal-Awstrija saħħqet u kkompletat l-argumenti tagħha li hija kienet diġà invokat fir-risposti tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni u għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta r-rikors ineżami.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

15      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata huma kuntrarji għall-moviment liberu tal-kapital kif iggarantit mill-Artikolu 56 KE u mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE sa fejn jawtorizzaw biss it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet magħmula lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim li jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija filwaqt li jeskludu donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet komparabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE jew taż-ŻEE.

16      Tali dispożizzjoni tal-liġi Awstrijaka hija bħala prinċipju pprojbita permezz tal-Artikolu 56 KE u ma tistax tiġi ġustifikata. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija fil-proċedura prekontenzjuża jirriżulta b’li din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni purament abbażi ta’ kriterji purament ġeografiċi, jiġifieri jekk is-sede tal-benefiċjarju hijiex fl-Awstrija. Dawn il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-Artikolu 56 KE japplikaw kollha mutatis mutandis għall-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

17      Ir-Repubblika tal-Awstrija tammetti li l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata jagħmlu distinzjoni, sa ċertu punt, bejn l-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Awstrija u dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra, iżda tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital. Fl-ewwel lok, hija tqis li l-istituzzjonijiet b’funzjoni ta’ riċerka u ta’ tagħlim, elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata, ma humiex oġġettivament komparabbli ma’ istituzzjonijiet simili stabbiliti fi Stati Membri oħra, u dan peress li dawk tal-ewwel biss huma suġġetti għall-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi tar-Repubblika tal-Awstrija.

18      Fit-tieni lok, fil-każ li tiġi stabbilita restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li din tkun ġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Iktar speċifikament, il-limitazzjoni tal-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali għad-donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata tikkorrispondi għall-għan, fl-interess ġenerali tal-pubbliku nazzjonali, li tinżamm u tiġi appoġġjata l-pożizzjoni tal-Awstrija bħala ċentru kulturali u xjentifiku. L-istituzzjonijiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata jistgħu, madankollu, l-istess bħall-istituzzjonijiet komparabbli stabbiliti fi Stati Membru ieħor u mhux fir-Repubblika tal-Awstrija, jibbenefikaw mit-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet skont l-Artikolu 4a(1)(e) tal-EStG emendata jekk dawn isegwu għanijiet fl-interess ġenerali fil-qasam tax-xjenza u tal-ekonomija.

19      Ir-rinunzja għal dħul mit-taxxa minħabba t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet magħmula lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata hija ġustifikata peress li dawn l-istituzzjonijiet jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom lill-interess ġenerali permezz ta’ prestazzjonijiet materjali u peress li dawn id-donazzjonijiet jistgħu jieħdu post il-ħlas tat-taxxi. It-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jippermetti li mezzi finanzjarji addizzjonali jkunu disponibbli għall-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet fl-interess pubbliku.

20      Il-limitazzjoni tat-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet għall-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata hija xierqa u meħtieġa sabiex tikseb l-għan mixtieq. Estensjoni ta’ dan it-tnaqqis għall-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor u mhux fir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tiggarantixxi l-istess għanijiet peress li tista’ twassal sabiex parti mid-donazzjonijiet inkwistjoni, li jistgħu jitnaqqsu sa 10 % mill-qligħ tal-istituzzjoni donatriċi, tmur għall-benefiċċju ta’ istituzzjonijiet li għandhom għanijiet li ma humiex fl-interess ġenerali tar-Repubblika tal-Awstrija, b’tali mod li twassal għalhekk għal tnaqqis fil-mezzi tal-istituzzjonijiet stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      Fil-proċedura preżenti, għandu jkun osservat mill-bidu nett li, kif wieħed jista’ jara mir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirreferi biss għall-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata u ma tagħmilx riferiment għall-Artikolu 4a(1)(e).

22      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata, billi jawtorizza t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, jagħmel distinzjoni fuq il-bażi tal-kriterju uniku tas-sede tal-benefiċjarju tad-donazzjoni, distinzjoni li hija tqis inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 56 KE u tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

23      Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxa diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jeżerċitaw din il-kompetenza inkonformità mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, Ġabra p. I‑10659, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      L-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi. Għalkemm it-Trattat KE ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ moviment tal-kapital, huwa xorta waħda paċifiku li d-Direttiva 88/361, flimkien man-nomenklatura annessa magħha, għandha valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni ta’ dan il-kunċett (ara s-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-282/04 u C-283/04, Ġabra p. I-9141, punt 19). Issa, id-donazzjonijiet (“rigali”) u l-għotjiet (“iddotar”) jidhru fil-Parti XI, intitolata “Movimenti ta’ kapitali personali”, tal-Anness I tad-Direttiva 88/361.

25      Fil-każ preżenti, l-EStG emendata tipprovdi għat-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet magħmula mill-kapital tal-impriża lill-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (e) tagħha. Kif ir-Repubblika tal-Awstrija rrikonoxxiet matul il-proċedura prekontenzjuża, il-benefiċjarji tad-donazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) jistgħu jkunu biss istituzzjonijiet li jkollhom is-sede tagħhom fir-Repubblika tal-Awstrija.

26      Konsegwentement, għandu jiġi osservat li s-sistema tat-tnaqqis fiskali inkwistjoni tfisser, għall-persuni taxxabbli li jagħmlu donazzjonijiet lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim stabbiliti fi Stat Membru ieħor u mhux fir-Repubblika tal-Awstrija, piż fiskali ikbar milli għall-persuni taxxabbli li jagħmlu donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata. Peress li l-possibbiltà li wieħed jikseb tnaqqis fiskali jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq l-attitudni tad-donatur, il-fatt li d-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim stabbiliti fi Stat Membru ieħor u mhux fir-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux jitnaqqsu jista’ jiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli milli jagħtuhom donazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 38).

27      L-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata għalhekk jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill‑Artikolu 56(1) KE.

28      Madankollu, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, l-Artikolu 56 KE huwa bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri “li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni […] rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”. Min-naħa tagħha, din id-deroga hija limitata mill-Artikolu 58(3) KE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 58(1) KE “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56”. Id-differenzi fit-trattament awtorizzati mill-Artikolu 58(1)(a) KE huma għalhekk distinti mid-diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 58(3) KE.

29      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tiddistingwi bejn donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet nazzjonali u dawk mogħtija lill-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru ieħor, tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew għandha tkun ġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex tkun ġustifikata, id-differenza fit-trattament ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 32, u Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

30      Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, fl-ewwel lok, li l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata ma humiex oġġettivament komparabbli mal-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim korrispondenti stabbiliti fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, sa fejn is-sistema fiskali marbuta mad-donazzjonijiet inkwistjoni twassal għal differenza fit-trattament tal-persuni taxxabbli skont il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li d-differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-persuni taxxabbli Awstrijaċi li jagħmlu donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata u, min-naħa l-oħra, dawk li jagħmlu donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet korrispondenti stabbiliti fi Stati Membri oħra hija permessa minħabba d-differenza bejn il-benefiċjarji tad-donazzjonijiet imsemmija.

31      Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, din id-differenza hija ġustifikata minħabba l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi fl-Awstrija fuq l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata, influwenza li ma hijiex preżenti fil-każ ta’ istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra. Din l-influwenza tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiddefinixxu l-għanijiet ta’ interess ġenerali assenjati lill-istituzzjonijiet elenkati f’dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex jiddiriġuhom attivament fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet u sabiex jintervjenu jekk l-għanijiet imsemmija ma jintlaħqux.

32      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali li huma jixtiequ jippromwovu billi jagħtu vantaġġi fiskali lil korpi privati jew pubbliċi li jridu jilħqu l-istess għanijiet b’mod diżinteressat u li jħarsu r-rekwiżiti dwar l-implementazzjoni tal-imsemmija għanijiet, huma għandhom jeżerċitaw din is-setgħa diskrezzjonali inkonformità mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). Għalkemm huwa minnu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom mezzi addizzjonali sabiex jissorveljaw u jinfluwenzaw il-kondotta tal-istituzzjonijiet stabbiliti fit-territorju Awstrijak meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli turi li tali intervent fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet inkwistjoni huwa meħtieġ sabiex jiġi ggarantit li jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li dan l-Istat Membru jixtieq jippromwovi.

33      Barra minn hekk, għalkemm huwa leġittimu għal Stat Membru li jirriżerva l-għoti ta’ benefiċċji fiskali għal entitajiet li għandhom għanijiet li huma ta’ interess ġenerali, Stat Membru ma jistax madankollu jirriżerva l-benefiċċju ta’ vantaġġi tali għall-entitajiet biss stabbiliti fuq it-territorju tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

34      Fil-każ preżenti, ir-Repubblika tal-Awstrija tindika li l-għan ta’ interess ġenerali segwit mill-Artikolu 4a(1) tal-EStG emendata huwa l-promozzjoni tal-pożizzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u ta’ tagħlim. Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-għan huwa ddefinit b’tali mod u manjiera li kważi l-istituzzjonijiet kollha b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim li jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija jikkonformaw ma’ dan l-għan, filwaqt li kwalunkwe istituzzjonijiet korrispondenti li tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor hija awtomatikament eskluża mill-benefiċċju tal-vantaġġ fiskali inkwistjoni.

35      Minn dan isegwi li l-uniku kriterju li kapaċi jiddistingwi bejn persuni taxxabbli li jagħtu donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet li jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija u dawk li jagħtu donazzjonijiet lil istituzzjonijiet korrispondenti li jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra huwa fil-fatt il-post tal-istabbiliment tal-benefiċjarju tad-donazzjoni. Kriterju bħal dan, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma jistax ikun kriterju validu għall-evalwazzjoni tal-komparabbiltà oġġettiva tas-sitwazzjonijiet u, konsegwentement, sabiex tiġi stabbilita differenza oġġettiva bejniethom (ara, bħala analoġija, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C-76/05, Ġabra p. I-6849, punti 72 u 73).

36      Għalhekk, huwa xieraq li jiġu rrifjutati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata, minn naħa, u l-istituzzjonijiet korrispondenti b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim li jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra, min-naħa l-oħra, ma humiex f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli, u, konsegwentement, fis-sens li d-differenza fit-trattament bejn il-persuni taxxabbli li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija skont fejn huwa investit il-kapital tagħhom hija ġustifikata.

37      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li hemm raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 23 tas-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier (C-39/04, Ġabra p. I-2057), li l-promozzjoni tar-riċerka u tal-iżvilupp jistgħu jikkostitwixxu tali raġuni, hija madankollu kkunsidrat li leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-benefiċċju ta’ kreditu tat-taxxa unikament għar-riċerka li ssir fl-Istat Membru kkonċernat kienet tmur direttament kontra l-għan tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku. Skont l-Artikolu 163(2) KE, din il-politika għandha l-għan, b’mod partikolari, li tneħħi l-ostakoli fiskali għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka u, għalhekk, ma tistax tkun implementata permezz tal-promozzjoni tar-riċerka u tal-iżvilupp fil-livell nazzjonali. L-istess jgħodd għas-sistema fiskali rigward id-donazzjonijiet inkwistjoni fil-każ preżenti, sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tistrieħ fuq dan l-għan sabiex tillimita t-tnaqqis għad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet u universitajiet b’funzjoni ta’ riċerka fl-Awstrija.

38      Sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tistrieħ fuq l-għan li tippromwovi t-taħriġ nazzjonali, anki jekk wieħed jassumi li għan bħal dan jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li kapaċi jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex tkun tista’ tiġi ġustifikata, miżura restrittiva għandha tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Awstrija ma pprovdiet ebda argument sabiex turi li l-għan li tixtieq tilħaq f’dan il-qasam ma setax jintlaħaq mingħajr il-leġiżlazzjoni kkontestata u ma setax jintlaħaq billi jiġu applikati miżuri anqas restrittivi fir-rigward tal-possibiltà għall-persuni taxxabbli Awstrijaċi sabiex jagħżlu lill-benefiċjarji tad-donazzjonijiet li huma jixtieq jagħmlu.

39      Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Awstrija sempliċement sostniet, barra minn hekk f’termini ġenerali, li l-effett tal-estensjoni tal-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali għad-donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra jkun bidla parzjali fid-destinazzjoni tad-donazzjonijiet li attwalment jingħataw lill-istituzzjonijiet Awstrijaċi u, għalhekk, tnaqqis fil-mezzi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom bħala riżultat tad-dħul mid-donazzjonijiet. Hija targumenta li l-fondi li jirriżultaw minn donazzjonijiet privati jikkompletaw il-baġit tal-istituzzjonijiet, b’tali mod li t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet inkwistjoni jagħmilha possibbli li dawn il-funzjonijiet pubbliċi jkollhom mezzi finanzjarji addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom mingħajr ma jżidu n-nefqa baġitarja.

40      F’dak li jirrigwarda dan l-argument, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-bżonn li jiġi evitat tnaqqis fid-dħul mit-taxxa la huwa fost l-għanijiet iddikjarati fl-Artikolu 58 KE u lanqas ma huwa raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li kapaċi tiġġustifika restrizzjoni għal libertà stabbilita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minn dan isegwi li r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mis-sistema inkwistjoni ma tistax tkun ġustifikata minħabba r-raġunijiet mogħtija mir-Repubblika tal-Awstrija.

42      Sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandhom l-istess portata legali bħad-dispożizzjonijiet, li huma sostanzjalment identiċi, tal-Artikolu 56 KE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-521/07, Ġabra p. I-4873, punt 33, u Établissements Rimbaud, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), il-kunsiderazzjonjiet preċedenti kollha jistgħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, ikunu trasposti mutatis mutandis għall-imsemmi Artikolu 40.

43      Minn dak kollu li ntqal, jirriżulta li l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG emendata, sa fejn jillimita t-tnaqqis tad-donazzjonijiet għar-raġunijiet tat-taxxa fuq id-dħul għal dawk mogħtija lill-istituzzjonijiet li jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 56 KE u fl-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

44      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi tawtorizza t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim esklużivament meta dawn l-istituzzjonijiet ikunu stabbiliti fl-Awstrija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi tawtorizza t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ tagħlim esklużivament meta dawn l-istituzzjonijiet ikunu stabbiliti fl-Awstrija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992.

2)      Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


1 Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż