Kawża C-322/09 P

NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Ilment ta’ kompetitur — Ammissibbiltà — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikoli 4, 10, 13 u 20 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tipproċedix bl-eżami tal-ilment — Klassifikazzjoni tal-miżuri mill-Kummissjoni, parzjalment, bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, parzjalment, bħala għajnuna eżistenti kompatibbli mas-suq komuni — Artikolu 230 KE — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Appell — Aggravji — Użu ta’ argument ġdid — Ammissibbiltà — Limiti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(2))

2.        Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Atti li jistgħu jiġu kkontestati mill-awtur ta’ lment li jallega għajnuna mill-Istat — Ittra tal-Kummissjoni li tinforma lill-persuna li ressqet l-ilment bin-nuqqas ta’ raġunijiet suffiċjenti sabiex tiddeċiedi l-każ — Deċiżjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 — Att li jista’ jiġi kkontestat — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Ammissibbiltà

(Artikolu 88(2) u (3) KE u Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4 u 13)

1.        Mid-dispożizzjonijiet, meqjusa flimkien, tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ appell, ikun mixtieq li r-rikorrent jinvoka kull argument li huwa rilevanti bl-unika kundizzjoni li l-appell ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

(ara l-punt 41)

2.        F’dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, għandha tiġi evalwata s-sustanza stess tal-atti kkontestati sabiex dawn jiġu kkwalifikati. Il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament. Għalhekk, bħala regola, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifika tal-att ikkonċernat jekk dan jissodisfax jew le ċerti rekwiżiti formali, jiġifieri, b’mod partikolari, jekk huwiex intitolat kif suppost mill-awtur tiegħu, jew jekk isemmix id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu, jew il-ħtieġa ta’ notifika lil terz.

Jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 230 KE, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, u li ma għandhomx tali effetti.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami meta jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni li tikkonċerna allegata għajnuna illegali, ikun liema jkun is-sors ta’ din l-informazzjoni. L-eżami ta’ lment jinvolvi l-bidu tal-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, u jobbliga lill-Kummissjoni tinvestiga, mingħajr dewmien, l-eżistenza eventwali ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 tat-Trattat tal-KE, jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjoni li jew tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, jew li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, jew li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li din l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ eżami. Konsegwentement, meta jasal il-mument, din għandha jew tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni sussegwenti, prevista fl-Artikolu 88(2) KE, jew tagħlaq il-każ billi tadotta deċiżjoni f’dan is-sens.

Meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami ta’ lment, li investigazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, jew tikkwalifika l-miżura bħala għajnuna eżistenti, u b’hekk tissuġġettaha għall-eżami permanenti previst fl-Artikolu 88(1) KE, hija tirrifjuta b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Tali deċiżjoni li tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE għandha karattru definittiv, u huwa impossibbli li din tiġi kkwalifikata bħala sempliċi miżura provviżorja.

Għalhekk, ittra tal-Kummissjoni li tikkwalifika, fost affarijiet oħra, bħala għajnuna eżistenti lil għajnuna rrapurtata f’ilment imressaq minn impriża kompetitriċi tal-impriża benefiċjarja mill-għajnuna, u li tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw it-tkomplija tal-eżami, tikkostitwixxi deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, u għandha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li hemm nuqqas ta’ raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw it-tkomplija tal-eżami tal-ilment, ikun jirriżulta mis-sustanza tal-att ikkontestat li din l-istituzzjoni fformat opinjoni definittiva fir-rigward tal-miżuri eżaminati, u b’hekk esprimiet ir-rieda tagħha li twaqqaf l-eżami preliminari tagħha. B’din il-konstatazzjoni, hija tirrifjuta b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE.

F’sitwazzjoni bħal din, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE jistgħu jiżguraw li dawn jiġu osservati biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 46-54, 57-60)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

18 ta’ Novembru 2010 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Ilment ta’ kompetitur – Ammissibbiltà – Regolament (KE) Nru 659/1999 – Artikoli 4, 10, 13 u 20 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tipproċedix bl-eżami tal-ilment – Klassifikazzjoni tal-miżuri mill-Kummissjoni, parzjalment, bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, parzjalment, bħala għajnuna eżistenti kompatibbli mas-suq komuni – Artikolu 230 KE – Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’”

Fil-Kawża C-322/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-8 ta’ Awwissu 2009,

NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB, stabbilita fi Stokkolma (l-Isvezja), irrappreżentata minn M. Merola u L. Armati, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u T. Scharf, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, E. Juhász, G. Arestis, u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB (iktar ’il quddiem “NDSHT”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li mill-1 ta’ Diċembru 2009 saret il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) tad-9 ta’ Ġunju 2009, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (T‑152/06, Ġabra p. II‑1517, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala inammissibbli r-rikors tal-appelanti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittri tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-24 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2006 mibgħuta lil NDSHT, dwar ilment li jirrigwarda għajnuna mill-Istat allegatament illegali mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma lil Stockholm Visitors Board AB (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Hekk kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), kif emendat bl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 659/1999”), jikkodifika u jsostni, fil-qasam tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat, il-prattika stabbilita mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3        Skont l-Artikolu 1(b)(i) ta’ dan ir-Regolament, “għajnuna eżistenti” għandha tfisser, “mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 144 u 172 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja u għall-Anness IV, il-punt 3 u l-Appendiċi ta’ dak l-Anness ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, kull għajnuna li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat [KE] fl-Istat Membru rispettiv, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u li għadhom applikabbli wara, id-dħul fis-seħħ tat-Trattat”.

4        Skont l-Artikolu 1(h) tal-imsemmi Regolament, il-kunċett ta’ “partijiet interessati” għandu jfisser “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

5        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Proċedura dwar għajnuna notifikata”, jiddisponi, fil-paragrafi (1) sa (4) tiegħu:

“1.      Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f'dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta' miżura notifikata, safejn taqa' fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu [87(1) KE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88(2) KE] (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).”

6        Il-Kapitolu III tal-imsemmi regolament jirregola l-proċedura fil-qasam ta’ għajnuna illegali. Taħt dan il-kapitolu, l-Artikolu 10(1) jiddisponi:

“Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.”

7        Fl-imsemmi Kapitolu III, l-Artikolu 13, intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). […]”

8        Fil-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Partijiet interessati”, l-Artikolu 20(2) u (3) jiddisponi:

“2.      Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

3.      Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

9        Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999:

“Deċiżjonijiet meħudha skond il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      NDSHT hija kumpannija rregolata bil-liġi Svediża li teżerċita attivitajiet relatati mal-ivjaġġar fi Stokkolma permezz tas-sit Internet tagħha. Hija toffri servizz globali li jinkludi r-riżervazzjoni ta’ kmamar f’lukanda u biljett turistiku bl-isem “Stockholm à la carte” li jippermetti lid-detenturi tiegħu li jkollhom aċċess għal diversi servizzi u infrastrutturi fil-belt ta’ Stokkolma, bħal mużewijiet u t-trasport lokali.

11      Stockholm Visitors Board AB (iktar ’il quddiem “SVB”) hija kumpannija li hija l-proprjetà tal-belt ta’ Stokkolma permezz ta’ diversi kumpanniji sussidjarji. Hija kienet inkarigata mill-provvista ta’ informazzjoni turistika kif ukoll mill-promozzjoni tar-reġjun ta’ Stokkolma. B’konnessjoni ma’ dan it-tip ta’ attivitajiet, hija teżerċita wkoll attivitajiet kummerċjali li jikkonsistu, b’mod partikolari, f’servizzi ta’ riżervazzjoni ta’ kmamar f’lukanda bi prezzijiet imnaqqsa fi Stokkolma u l-bejgħ ta’ numru ta’ servizzi relatati mat-turiżmu, permezz ta’ biljett imsejjaħ “Stockholm Card”, li joffri aċċess b’xejn għal xi siti u infrastrutturi fil-belt ta’ Stokkolma.

12      F’Settembru 2004, NDSHT bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar is-sussidji annwali mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma lil SVB għas-snin 2003 sa 2005, fejn allegat li dawn is-sussidji kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE. Fl-ilment tagħha, NDSHT sostniet li din l-allegata għajnuna mill-Istat kienet tikkonsisti minn allokazzjonijiet annwali tal-baġit tal-belt ta’ Stokkolma favur SVB, mir-rimbors regolari mill-kumpannija parent ta’ SVB tat-telf tagħha qabel it-taxxa u mill-aċċess preferenzjali għal infrastrutturi pubbliċi, bħal parking bi ħlas ġestit mill-belt imsemmija. Skont NDSHT, SVB tista’ tuża din l-għajnuna sabiex tiffinanzja l-attivitajiet kummerċjali tagħha, li fuq kollox jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk ta’ impriżi nazzjonali u internazzjonali oħra, u b’hekk toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

13      Il-Kummissjoni eżaminat l-ilment ta’ NDSHT fid-dawl tal-informazzjoni supplimentari pprovduta minnha u ta’ dik mibgħuta mill-awtoritajiet Svediżi b’risposta għal talbiet għal informazzjoni li kienu ġew trażmessi lilhom mill-Kummissjoni.

14      Fl-24 ta’ Marzu 2006, id-Direttur tad-Direttorat “Għajnuna mill-Istat 1: Koeżjoni u kompetizzjoni” tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl (iktar ’il quddiem id-“Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl”) bagħat lil NDSHT ittra redatta kif ġej:

“[…]

Nixtieq ninformak li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, is-servizzi kompetenti tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni wasslu għall-konklużjoni li ma hemmx raġunijiet suffiċjenti li jiġġustifikaw it-tkomplija tal-eżami tal-ilment tiegħek. […]

Mill-analiżi tagħna jirriżulta li l-attivitajiet konnessi mal-‘iStockholm Card’ u mar-riżervazzjonijiet ta’ kmamar f’lukanda (bl-eċċezzjoni għall-postijiet ta’ parking inklużi fl-‘iStockholm Card’) huma mwettqa skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Għaldaqstant, dawn l-attivitajiet ma humiex iffinanzjati permezz ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Rigward l-użu bla ħlas ta’ ċerti postijiet ta’ parking, jista’ jiġi sostnut li dan ma għandux effett fuq il-kummerċ, u anki jekk dan kien il-każ, din l-għajnuna kienet inkluża fl-‘iStockholm Card’ sew qabel ma l-Isvezja aderiet mal-Unjoni Ewropea fl-1995, u għaldaqstant kienet tikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2006, dan is-servizz ma għadux iktar inkluż fl-‘iStockholm Card’.

Fir-rigward tal-attivitajiet l-oħrajn (provvista ta’ informazzjoni turistika, eċċ), jidher li dawn jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ). Ma jidhirx li jeżistu sussidji trażversali favur attivitajiet ekonomiċi. Fil-każ fejn il-kumpens għas-SIEĠ ikun ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, tali għajnuna tkun madankollu mogħtija taħt l-istess kundizzjonijiet sa minn ħafna qabel l-1995, u tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna eżistenti.

Fil-qosor, ir-riċerki fil-fond li aħna għamilna fuq dan l-ilment juru li aħna għandna quddiemna għajnuna eżistenzi u mhux għajnuna illegali, li f’kull każ hija kompatibbli mas-suq komuni. Peress li ma hemmx lok li tiġi implementata l-proċedura tal-miżuri xierqa previsti fl-Artikolu 88(1) KE, aħna ma għandniex l-intenzjoni nadottaw miżura oħra f’dan il-każ.

[…]”

15      B’ittra tal-5 ta’ April 2006, NDSHT informat lill-Kummissjoni li mill-ittra tal-24 ta’ Marzu 2006 hija ddeduċiet li l-ilment tagħha kien ġie miċħud u li kienet ġiet adottata deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri finanzjarji inkwistjoni b’applikazzjoni tal-Artikoli 13 u 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 659/1999. NDSHT talbet ukoll lill-Kummissjoni sabiex tibgħatilha kopja ta’ din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 20 tal-istess regolament.

16      B’ittra tat-28 ta’ April 2006, id-Direttur tas-servizz tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl irrisponda lil NDSHT billi fakkarha li mill-informazzjoni pprovduta kien jirriżulta li l-miżuri allegati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat u li, għaldaqstant, ma setgħetx tiġi pprovduta lilha deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2006, NDSHT talbet l-annullament tal-att ikkontestat kif ukoll il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tal-Artikolu 88(2) KE.

18      B’att separat, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li NDSHT għamlet risposta għaliha fid-9 ta’ Novembru 2006.

19      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, NDSHT sostniet li l-att ikkontestat kien jesprimi fl-istess ħin rifjut finali tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE u deċiżjoni li jingħalaq il-każ. Għalhekk, l-att ikkontestat għandu jitqies bħala deċiżjoni li tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ NDSHT. B’hekk, dan jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

20      Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ NDSHT bħala inammissibbli u kkundannatha għall-ispejjeż.

21      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sabiex tiddetermina jekk l-att ikkontestat jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, għandha ssir distinzjoni, fir-rigward tas-sustanza tiegħu, jekk dan huwiex deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jew sempliċement komunikazzjoni informali abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmi Regolament.

22      Il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tadotta deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 b’risposta għal kull ilment. Tali obbligu jkun jeżisti biss fil-każ fejn ikun japplika l-Artikolu 13 tar-Regolament. Issa, dan ma jkunx il-każ meta l-ilment ikun jirrigwarda għajnuna eżistenti. Fil-punt 64 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-obbligu li tiġi adottata deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament b’riżultat ta’ lment dwar għajnuna eżistenti, jmur kontra l-ekonomija tal-proċedura tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.

23      Mis-sustanza tal-ittri tal-24 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“ittri kkontestati”) jirriżulta li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tkomplix tipproċessa l-ilment minħabba li l-għajnuna inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna eżistenti li tifforma parti mill-proċedura skont l-Artikolu 88(1) KE. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, fir-rigward tal-ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, permezz ta’ lment, li tindirizza lill-Istat Membru kkonċernat rakkomandazzjoni li tipproponi miżuri xierqa skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 659/1999. Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu applikabbli fil-qasam tal-għajnuna eżistenti ma tipprovdi għall-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tadotta att ta’ natura deċiżorja mat-tmiem tal-fażi preliminari ta’ eżami ta’ din l-għajnuna.

24      Finalment, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li peress li l-Kummissjoni qieset, mat-tmiem tal-ewwel eżami tal-miżuri finanzjarji inkwistjoni, li dawn kellhom jitqiesu bħala għajnuna eżistenti, l-ittri kkontestati ma setgħux jikkostitwixxu rifjut ta’ bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE.

25      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ittri kkontestati għandhom jitqiesu mhux bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, iżda bħala komunikazzjoni informali fis-sens tal-Artikolu 20 tiegħu. Għaldaqstant, dawn ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26      Permezz tal-appell tagħha, filwaqt li tikkontesta l-kwalifika tal-miżuri kkontestati min-naħa tal-Kummissjoni, NDSHT titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata u wara, b’mod prinċipali, sabiex tilqa’ t-talba tagħha fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż jew, sussidjarjament, li tiddikjara r-rikors tagħha ammissibbli u li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tissospendi d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż relatati maż-żewġ proċeduri.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li NDSHT tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

28      NDSHT tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

29      L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żnaturament manifest tal-kontenut tal-ittri kkontestati. Bit-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset l-att ikkontestat bħala att preparatorju li ma jikkostitwixxix deċiżjoni definittiva li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Skont it-tielet aggravju tagħha, NDSHT tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni kellha titqies bħala rifjut ta’ talba li jittieħdu miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE. Finalment, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, NDSHT tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-kwalifika mill-Kummissjoni, tal-miżuri finanzjarji inkwistjoni bħala għajnuna eżistenti kienet timpedixxi l-kontestazzjoni tar-rifjut tal-ilment. Tali soluzzjoni hija bbażata fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-Artikoli 4, 10, 13 u 20 tar-Regolament Nru 659/1999.

30      Peress li t-tieni u r-raba’ aggravji tal-appell huma marbuta mill-qrib, dawn għandhom jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq it-tieni u r-raba’ aggravji

 L-argumenti tal-partijiet

31      B’riferiment, b’mod partikolari, għas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C-521/06 P, Ġabra p. I‑5829), NDSHT tilmenta li l-Qorti Ġenerali injorat l-Artikoli 4, 10, 13 u 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 meta ddeċidiet li r-rifjut tal-ilment tagħha mill-Kummissjoni ma għandux il-karatteristiċi ta’ deċiżjoni li toħloq effetti legali vinkolanti ta’ natura li jolqtu l-interessi tagħha u, b’hekk, ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

32      Fil-fatt, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-att ikkontestat ma kienx jikkostitwixxi deċiżjoni definittiva, iżda att preparatorju. Hija ssostni li l-Kummissjoni kienet, b’mod kuntrarju, itterminat l-eżami tagħha u adottat deċiżjoni, mingħajr madankollu ma fformalizzata, li s-suġġett tagħha kien jikkonsisti fir-rifjut tal-ilment minħabba li l-għajnuna finanzjarja mogħtija kienet kompatibbli mas-suq komuni.

33      F’dan ir-rigward, permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 57 et seq. tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta kkwalifikat l-adozzjoni tal-pożizzjoni mill-Kummissjoni bħala rifjut ta’ talba għal teħid ta’ miżuri xierqa fis-sens tal-Artikolu 88(1) KE u mhux bħala rifjut li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali abbażi tal-paragrafu (2) tal-istess artikolu. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali sostniet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata minn persuna li tressaq ilment sabiex tadotta deċiżjoni mat-tmiem tal-fażi tal-eżami preliminari.

34      Barra minn hekk, permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tosserva li l-Artikoli 4, 10 u 13 tar-Regolament Nru 659/1999 jimponu fuq il-Kummissjoni meta din twettaq eżami ta’ lment li jirraporta l-eżistenza ta’ allegata għajnuna illegali, li tagħlaq il-fażi ta’ eżami preliminari bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni, hekk kif ġie sostnut fil-punt 40 tas-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

35      Dan l-obbligu li tippronunzja ruħha permezz ta’ deċiżjoni japplika wkoll fil-każ meta l-fażi ta’ eżami preliminari twassal lill-Kummissjoni sabiex taħseb li jkun każ ta’ għajnuna eżistenti. Il-possibbiltà li tiġi kkontestata ittra tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba li l-għajnuna kkontestata kienet għajnuna eżistenti kienet, effettivament, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Marzu 1993 CIRFS et vs Il‑Kummissjoni (C‑313/90, Ġabra p. I‑1125). B’hekk, skont l-appellanti, l-interpretazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 64 et seq. tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa kontra l-ekonomija tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tkun neċessarjament adottat deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 meta tinforma lil persuna li tressaq ilment li l-ilment tagħha jikkonċerna għajnuna eżistenti, hija xhieda ta’ konċepiment profondament żbaljat ta’ din is-sistema proċedurali. Din l-interpretazzjoni timplika li l-Kummissjoni, meta tikkwalifika l-miżuri finanzjarji kkontestati bħala għajnuna eżistenti, tista’ tevita kull stħarriġ mill-Qrati tal-Unjoni, liema ħaġa tkun manifestament inaċċettabbli.

36      Il-Kummissjoni tammetti, qabel kollox, li l-ittri kkontestati ma jittrattawx dwar il-miżuri finanzjarji kkontestati kollha, u li permezz ta’ dawn l-ittri, hija ma adottatx deċiżjoni dwar għajnuna eżistenti. B’mod kuntrarju, l-ittri msemmija fihom ċertu numru ta’ konklużjonijiet ipotetiċi, u għalhekk, mhux definittivi, li barra minn hekk ma jwasslux għal kwalifikazzjoni identika ta’ dawn id-diversi miżuri. F’dawn l-istess ittri, il-Kummissjoni, l-iktar l-iktar, ġabret fi ftit kliem il-pożizzjoni tas-servizz inkarigat mill-ilment, li tgħid li f’dak il-mument, dan ma kellux l-intenzjoni li jipproċedi bl-ilment.

37      Sussegwentement, l-argument imressaq minn NDSHT, li jgħid li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni mingħajr lanqas ma tatha karattru formali huwa inammissibbli, peress li dan ma tressaqx matul il-proċedura fl-ewwel istanza.

38      F’kull każ, il-Kummissjoni tosserva li hija ma adottatx deċiżjoni u limitat ruħha għal eżami provviżorju, fejn l-għeluq tal-ilment seħħ biss matul ix-xahar ta’ Diċembru 2006. Barra minn hekk, fir-rigward tal-għajnuna eżistenti, din ma tistax tadotta deċiżjoni immedjatament, iżda għandha qabel kollox, meta tikkunsidra l-miżuri bħala inkompatibbli mas-suq komuni, tinforma lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma eventwalment tipproponi miżuri xierqa. Peress li r-Regolament Nru 659/1999 ma jipprevedix proċedura partikolari li għandha tiġi segwita f’tali każ, huwa biss ir-rikors għal nuqqas ta’ azzjoni li kien ikun soluzzjoni prevedibbli sabiex jiġi kkontestat l-att inkwistjoni.

39      Finalment, il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza tar-riferimenti għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CIRFS et vs Il‑Kummissjoni kif ukoll Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, għaliex, peress li kkonstatat il-preżenza ta’ għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni ma hijiex iktar f’pożizzjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-argument invokat minn NDSHT dwar in-nuqqas ta’ formalizzazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

40      Skont il-Kummissjoni, l-argument invokat mill-appellanti, li jgħid li hija kkonkludiet l-eżami tagħha tal-miżuri fiskali kkontestati b’deċiżjoni li ma ġietx ifformalizzata, ma ġiex invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, u għalhekk, huwa inammissibbli.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mid-dispożizzjonijiet, meqjusa flimkien, tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ appell, ikun mixtieq li r-rikorrent jinvoka kull argument li huwa rilevanti bl-unika kundizzjoni li l-appell ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I‑439, punt 66, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2007, Herrero Romeu vs Il‑Kummissjoni, C‑8/06 P, Ġabra p. I‑10333, punt 32).

42      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-imsemmi argument kien diġà jinsab fir-rikors ippreżentat minn NDSHT quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn huwa speċifikat, fil-punt 29, li “hija ġurisprudenza stabbilita li l-forma tal-atti jew tad-deċiżjonijiet adottati ma għandhiex impatt fuq id-dritt li dawn jiġu kkontestati”. Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dan l-argument ma ġiex espress fl-appell fl-istess termini bħal dawk użati fl-imsemmi rikors, dan ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

43      Minn dan jirriżulta li dan l-argument huwa ammissibbli.

–       Fuq il-mertu

44      Essenzjalment, l-appellanti tipprova turi, permezz tat-tieni u tar-raba’ aggravji tagħha, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-ittri kkontestati ma kinux jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet li r-rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra p. I-669, punt 51).

46      Minn ġurisprudenza stabbilita dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament jirriżulta wkoll li għandha tiġi evalwata s-sustanza stess tal-atti kkontestati sabiex dawn jiġu kkwalifikati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punt 27).

47      Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament. Għalhekk, bħala regola, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifika tal-att ikkonċernat jekk dan jissodisfax jew le ċerti rekwiżiti formali, jiġifieri, b’mod partikolari, jekk huwiex intitolat kif suppost mill-awtur tiegħu, jew jekk isemmix id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu. Għalhekk huwa irrilevanti l-fatt li dan l-att ma jissejjaħx “deċiżjoni” jew li ma jirreferix għall-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999. Lanqas ma hu importanti l-fatt li l-att inkwistjoni ma ġiex innotifikat mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, bi ksur tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, billi nuqqas bħal dan ma jistax ibiddel is-sustanza ta’ dan l-att (ara s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 43 u 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, jikkostitwixxu, bħala regola, atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 230 KE, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, u li ma għandhomx tali effetti (ara s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fir-rigward tal-eventwali karattru definittiv u kontestabbli tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Kummissjoni għandha, abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999, twettaq eżami meta jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni li tikkonċerna allegata għajnuna, ikun liema jkun is-sors tal-informazzjoni. L-eżami ta’ lment, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jinvolvi l-bidu tal-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, u jobbliga lill-Kummissjoni tinvestiga, mingħajr dewmien, l-eżistenza eventwali ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

50      L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li japplika fil-kuntest tal-eżami ta’ lment li jirrigwarda għajnuna allegatament illegali, jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, peress li din l-istituzzjoni ma hijiex awtorizzata tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ eżami. Konsegwentement, meta jasal il-mument, għandha jew tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni sussegwenti, prevista fl-Artikolu 88(2) KE, jew tagħlaq il-każ billi tadotta deċiżjoni f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Meta l-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami ta’ lment, li investigazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE, hija tirrifjuta b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 47).

52      F’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li miżuri rapportati jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, għandu jiġi kkonstatat li għajnuna eżistenti hija ċertament suġġetta għall-eżami permanenti previst fl-Artikolu 88(1) KE u għandha titqies li hija legali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat in-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara s-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Namur‑Les assurances du crédit, C‑44/93, Ġabra p. I‑3829, punt 34, u tad-9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I‑7303, punt 48). Madankollu, meta jkollha quddiemha lment li jqiegħed f’diskussjoni għajnuna allegatament illegali, il-Kummissjoni, meta tikkwalifika l-miżura bħala għajnuna eżistenti, tissuġġetta lil din għall-proċedura prevista fl-Artikolu 88(1) KE u b’hekk tirrifjuta b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il‑Kummissjoni, C‑321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 61).

53      Tali deċiżjoni li tirrifjuta li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE għandha karattru definittiv, u huwa impossibbli li din tiġi kkwalifikata bħala sempliċi miżura provviżorja (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, punt 26, kif ukoll, f’dan is-sens, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, punti 54 u 58).

54      F’sitwazzjoni bħal din, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiżguraw li dawn jiġu osservati biss jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Dan il-prinċipju japplika kemm fil-każ fejn id-deċiżjoni tittieħed minħabba li l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni kif ukoll meta hija tkun tal-opinjoni li l-eżistenza stess ta’ għajnuna għandha tkun eskluża (sentenza Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47) jew inkella meta tqis li din hija għajnuna eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CIRFS et vs Il‑Kummissjoni, punt 27, kif ukoll ARAP et vs Il‑Kummissjoni, punt 62).

55      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999, li jirregola d-drittijiet tal-partijiet interessati. Skont it-tieni u t-tielet frażijiet tal-paragrafu (2) ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni, wara li tkun kisbet mingħand tali parti interessata informazzjoni dwar l-allegata għajnuna illegali jew l-applikazzjoni allegatament abbużiva ta’ għajnuna, għandha jew tqis li ma hemmx motivi suffiċjenti sabiex tippronunzja ruħha dwar il-każ u tinforma b’dan lill-imsemmija parti interessata, jew tadotta deċiżjoni dwar il-każ fir-rigward tas-suġġett tal-informazzjoni pprovduta. Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tkun eżaminat tali informazzjoni u tkun ħadet pożizzjoni dwarhom, hija tieħu deċiżjoni.

56      Għalhekk, għandu jitqies bħala ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ rifjut li tinfetaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, ippreżentat minn persuna interessata fis-sens ta’ dan l-artikolu, meta l-awtur ta’ dan ir-rikors ikun qiegħed b’hekk jipprova jipproteġi d-drittijiet proċedurali tiegħu derivanti minn din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-Kummissjoni eżaminat l-ilment tal-appellanti fid-dawl tal-informazzjoni komplimentari pprovduta minn din tal-aħħar u ta’ dik mibgħuta mill-awtoritajiet Svediżi wara t-talbiet għal informazzjoni li kienu ntbagħtu lilhom mill-Kummissjoni. Fi tmiem l-eżami tal-ilment, il-Kummissjoni kkonkludiet, fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Marzu 2006, li ma kienx hemm motivi suffiċjenti li jiġġustifikaw it-tkomplija ta’ dan l-eżami, u żiedet li ma kinitx qed tikkunsidra li tadotta miżuri oħra f’dan il-każ. Barra minn hekk, bl-ittra tagħha tat-28 ta’ April 2006, hija fakkret li l-miżuri finanzjarji kkontestati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna illegali.

58      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm motivi suffiċjenti li jiġġustifikaw it-tkomplija tal-eżami tal-ilment, mis-sustanza tal-att ikkontestat jirriżulta li din l-istituzzjoni ffurmat opinjoni definittiva dwar il-miżuri eżaminati, u b’hekk esprimiet ir-rieda tagħha li ttemm l-eżami preliminari tagħha. B’din il-konstatazzjoni, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, hija rrifutat b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE.

59      Issa, l-appellanti, bħala impriża kompetitriċi tal-kumpannija benefiċjarja mill-miżuri rrapportati, tinsab mingħajr dubju fost il-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, Ġabra p. I‑5963, punt 32), fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-att ikkontestat ma kellux il-karatteristiċi ta’ deċiżjoni li toħloq effetti legali vinkolanti ta’ natura li jolqtu l-interessi tal-appellanti, u b’mod partikolari, li ma kienx jikkostitwixxi deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999. Isegwi li l-att ikkontestat għandu jitqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

61      Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni u r-raba’ aggravji mqajma minn NDSHT insostenn tal-appell tagħha għandhom jiġu milqugħa.

62      Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-punti 52 u 60 ta’ din is-sentenza li deċiżjoni bħall-att ikkontestat tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat anki meta din tikkonstata li l-miżuri rrapportati mill-persuna li tilmenta jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel aggravju mqajjem mill-appellanti bbażat fuq l-iżnaturament tal-ittri kkontestati.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

64      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni.

65      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors ippreżentat minn NDSHT. Dan l-aspett tar-rikors, u b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni żbaljatx meta ddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE minħabba li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna eżistenti f’kull każ kompatibbli mas-suq komuni, jimplika li jsiru evalwazzjonijiet ta’ fatt abbażi ta’ elementi li ma ġewx evalwati mill-Qorti Ġenerali u lanqas diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza.

66      Għar-raġunijiet elenkati fil-punti 44 sa 62 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-fatt li l-att ikkontestat ma jistax ikun suġġett għal rikors għal annullament, għandha tiġi miċħuda.

67      Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tiġi rinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ NDSHT intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittri kkontestati li ma tkomplix tipproċessa l-eżami tal-ilment ippreżentat mill-appellanti dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma lil SVB.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-kawża ġiet irrinvijata lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Ġunju 2009, NDSHT vs Il‑Kummissjoni (T‑152/06), hija annullata.

2)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej quddiem il-Qorti Ġenerali hija miċħuda.

3)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ NDSHT Nya Destination Stockholm Hotell & Teaterpaket AB intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li tinsab fl-ittri tagħha tal-24 ta’ Marzu u tat-28 ta’ April 2006, li ma tkomplix tipproċessa l-eżami tal-ilment li din il-kumpannija kienet ippreżentat dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali mogħtija mill-belt ta’ Stokkolma lil Stockholm Visitors Board AB.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.