SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt Ġermaniż

 

Is-sistema kollettiva ta’ DSD, il-kuntratt għall-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi

 

Id-Direttiva 89/104/KEE

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Id-deċiżjoni inkwistjoni

 

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

 

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-appell

 

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-motivi kontradittorji tas-sentenza appellata

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-kuntratt għall-użu tal-logo u fuq provi oħra fil-proċess

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fuq żnaturament tal-fatti u fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tad-drittijiet esklużivi marbuta mal-logo DGP

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tat-trade marks Komunitarji

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 82 KE

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ fi żmien raġonevoli

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

Fuq l-ispejjeż

“Appell — Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Sistema ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ imballaġġi użati fil-Ġermanja — Logo ‘Der Grüne Punkt’ — Dritt dovut skont il-kuntratt għall-użu tal-logo — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Dritt esklużiv ta’ proprjetarju ta’ trade mark — Tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Terminu raġonevoli — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Artikoli 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C 385/07 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-8 ta’ Awwissu 2007,

Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH, stabbilita f’Koln (il-Ġermanja), irrappreżentata minn W. Deselaers, E. Wagner u B. Meyring, Rechtsanwälte,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Interseroh Dienstleistungs GmbH, stabbilita f’Kolonja, irrappreżentata minn W. Pauly, A. Oexle u J. Kempkes, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl-appell,

Vfw GmbH, stabbilita f’Kolonja, irrappreżentata minn H. Wissel, Rechtsanwalt,

Landbell AG für Rückhol-Systeme, stabbilita f’Mayence (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne u M. Westrup, Rechtsanwälte,

BellandVision GmbH, stabbilita f’Pegnitz (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Rinne u M. Westrup, Rechtsanwälte,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, M. Ilešič (Relatur), J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “DSD”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-151/01, Ġabra p. II-1607, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/463/KE, tal-20 ta’ April 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każ COMP D3/34493 — DSD) (ĠU L 166, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Ġermaniż

2

Fit-12 ta’ Ġunju 1991, ġie adottat id-digriet dwar il-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ skart mill-imballaġġ (Verordnung über die Vermeidung von Verpackungsabfällen, BGB1. 1991 I, p. 1234), li l-verżjoni riveduta tiegħu — applikabbli fil-kawża preżenti — daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Awwissu 1998 (iktar ’il quddiem id-“digriet dwar l-imballaġġ”). Dan id-digriet għandu l-għan li jnaqqas l-effetti tal-iskart tal-imballaġġ fuq l-ambjent u għal dan l-iskop, huwa jobbliga lill-manifatturi u lid-distributuri li jerġgħu jieħdu u jirkupraw l-imballaġġi ta’ bejgħ użati, apparti s-sistema pubblika ta’ rimi tal-iskart.

3

B’mod partikolari, il-manifatturi u d-distributuri għandhom jerġgħu jiġbru mingħajr ħlas l-imballaġġi użati, koperti mid-digriet dwar l-imballaġġ, fil-punt tal-bejgħ jew fil-viċinanza immedjata tiegħu, u għandhom jissuġġettawhom għal irkupru (iktar ’il quddiem is-“sistema individwali”). Il-konsumatur għandu jiġi avżat b’din il-possibbiltà permezz ta’ tabelli li jistgħu jintgħarfu b’mod ċar.

4

Madankollu, l-imsemmi digriet jipprovdi li mhumiex suġġetti, għal obbligu ta’ ġbir lura u ta’ rkupru individwali, il-manifatturi u d-distributuri li jipparteċipaw f’sistema li tiżgura ġbir regolari, fiż-żona sħiħa tas-suq tad-distributur, tal-imballaġġi ta’ bejgħ użati mingħand il-konsumatur finali jew fil-viċinanzi tar-residenza tiegħu sabiex jiġu ssuġġettati għal irkupru (iktar ’il quddiem, is-“sistema kollettiva”). Il-manifatturi u d-distributuri li jipparteċipaw f’sistema kollettiva huma eżentati mill-obbligi tagħhom ta’ ġbir u ta’ rkupru għall-imballaġġi kollha koperti minn din is-sistema u għandhom jindikaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’sistema kollettiva “permezz ta’ tikkettar jew kull mezz xieraq ieħor”. Għaldaqstant, huma jistgħu jsemmu din il-parteċipazzjoni fuq l-imballaġġi jew jużaw miżuri oħra bħal, pereżempju, informazzjoni lill-klijentela fil-post tal-bejgħ jew avviż miżjud fuq l-imballaġġ.

5

Is-sistemi kollettivi għandhom ikunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder inkwistjoni. Sabiex jiġu approvati, dawn is-sistemi għandhom, b’mod partikolari, ikollhom rata ta’ kopertura li testendi għat-territorju ta’ mill-inqas Land wieħed, iwettqu ġbir regolari fil-viċinanzi tar-residenza tal-konsumaturi u jibbażaw ruħhom fuq ftehim bil-miktub mal-assoċjazzjonijiet lokali inkarigati mill-amministrazzjoni tal-iskart. Kull impriża li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet f’Land tista’ torganizza hemmhekk sistema kollettiva.

6

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2000, is-sistemi kollettivi kif ukoll il-manifatturi u d-distributuri li għażlu sistema individwali huma suġġetti għall-istess rati ta’ rkupru. Dawn ir-rati, li jidhru fl-Anness I tad-digriet dwar l-imballaġġ, ivarjaw skont il-materjal li huwa magħmul minnu l-imballaġġ. L-osservanza tal-obbligi ta’ ġbir lura u ta’ rkupru huwa ggarantit, fil-każ tas-sistema individwali, permezz ta’ ċertifikati maħruġa minn esperti indipendenti u, fil-każ tas-sistema kollettiva, billi tiġi pprovduta informazzjoni li tista’ tiġi vverifikata fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi miġbura u rkuprati.

Is-sistema kollettiva ta’ DSD, il-kuntratt għall-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi

7

DSD hija kumpannija li tiġġestixxi, b’effett mill-1991, sistema kollettiva fit-territorju Ġermaniż kollu (iktar ’il quddiem is-“sistema DSD”). Għal dan il-għan, DSD ġiet approvata, fl-1993, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Länder kollha. Is-sistema tagħha hija kklassifikata bħala “doppja” sa fejn il-ġbir lura u l-irkupru tal-imballaġġi jsir minn impriża privata, indipendentement mis-sistema ta’ ġestjoni tal-iskart tal-assoċjazzjonijiet lokali.

8

Ir-relazzjonijiet bejn DSD u l-manifatturi u d-distributuri msieħba fis-sistema tagħha huma rregolati permezz ta’ kuntratt li għandu bħala suġġett l-użu tal-logo “Der Grüne Punkt” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt għall-użu tal-logo”). Bl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt, l-impriża msieħba tkun awtorizzata, bi ħlas, twaħħal il-logo “Der Grüne Punkt” (iktar ’il quddiem il-“logo DGP”) fuq l-imballaġġi inklużi fis-sistema DSD.

9

DSD irreġistrat l-imsemmi logo, irrappreżentat kif ġej, bħala trade mark fl-1991, mal-Uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u tat-trade marks:

Image

10

Għall-użu tal-logo DGP barra mit-territorju tal-Ġermanja, b’mod partikolari, fi Stati Membri oħra tal-Komunità Ewropea, DSD ikkonċediet id-drittijiet ta’ użu tagħha, taħt liċenzja ġenerali, lil Packaging Recovery Organisation Europe SPRL (ProEurope), li s-sede tagħha tinsab fi Brussell.

11

Fil-Ġermanja, DSD tiżgura, bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-kuntratt għall-użu tal-logo, fir-rigward tal-impriżi li jaderixxu mas-sistema tagħha, il-ġbir, l-għażla u l-irkupru tal-imballaġġi użati li jiddeċiedu li jipproċessaw bis-sistema DSD, u b’hekk ineħħuhom mill-obbligu tagħhom ta’ ġbir u ta’ rkupru ta’ dawn l-imballaġġi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi kuntratt jipprovdi li l-impriżi msieħba huma marbuta li jsemmu t-tipi ta’ imballaġġ li jixtiequ jipproċessaw permezz tas-sistema DSD u li jwaħħlu l-logo DGP fuq kull imballaġġ ta’ dawn it-tipi u ddestinati għall-konsum intern fil-Ġermanja.

12

Skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-użu tal-logo fis-seħħ fid-data ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, l-utent tal-logo jħallas lil DSD dritt għall-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il-logo DGP li jiddistribwixxi fit-territorju Ġermaniż b’applikazzjoni ta’ dan il-kuntratt. Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi kuntratt, l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom ikunu suġġetti għal ftehim separat bil-miktub. L-Artikolu 5(1) tal-istess kuntratt jipprovdi wkoll li l-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom il-logo DGP u ddistribwiti mill-utent tal-logo fit-territorju Ġermaniż ikunu fatturati.

13

L-ammont tad-dritt huwa kkalkolat minn żewġ tipi ta’ elementi, jiġifieri, minn naħa waħda, il-piż tal-imballaġġ u t-tip ta’ materjal użat u, min-naħa l-oħra, il-volum jew is-superfiċji tal-imballaġġ. Skont l-Artikolu 4(2) u (3) tal-kuntratt għall-użu tal-logo, id-drittijiet ma jinkludux żieda skont il-benefiċċji u huma ddestinati esklużivament biex ikopru l-ispejjeż tal-ġbir, tal-għażla u tal-irkupru, kif ukoll l-ispejjeż amministrativi li huma marbuta magħhom.

14

Fil-kuntest tas-sistema DSD, l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo DGP jistgħu jinġabru kemm f’reċipjenti speċjali u ddifferenzjati skont jekk ikunux magħmula mill-metall, mill-plastik u minn materjali kompożiti, kif ukoll f’kontenituri mqiegħda fil-viċinanzi tad-djar (b’mod partikolari għall-karti u għall-ħġieġ), filwaqt li l-iskart residwu għandu jintrema fir-reċipjenti tas-sistema pubblika tar-rimi tal-iskart.

15

Madankollu, DSD la tiġbor u lanqas tirkupra hija stess l-imballaġġi użati, iżda tagħti b’subappalt dan is-servizz lil impriżi lokali tal-ġbir. Ir-relazzjonijiet bejn DSD u dawn l-impriżi huma rregolati minn kuntratt standard, emendat diversi drabi, li għandu bħala għan l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ sistema intiża għall-ġbir u l-għażla tal-imballaġġi (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ servizzi”). Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, iffirmat bejn DSD u 537 impriża lokali, kull waħda minn dawn l-impriżi tiddisponi mis-setgħa esklużiva li teżerċita, f’żona determinata, il-ġbir ta’ imballaġġi f’isem DSD. Wara li jintagħżlu, dawn l-imballaġġi jiġu ttrasportati lejn ċentru ta’ riċiklaġġ sabiex jiġu rkuprati.

16

Il-kuntratt ta’ servizzi huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/837/KE, tas-17 ta’ Settembru 2001, fi proċedura bil-miftuħ skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każijiet COMP/34493 — DSD, COMP/37366 — Hofmann + DSD, COMP/37299 — Edelhoff + DSD, COMP/37291 — Rethmann + DSD, COMP/37288 — ARGE u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37287 — AWG u ħames impriżi oħra + DSD, COMP/37526 — Feldhaus + DSD, COMP/37254 — Nehlsen + DSD, COMP/37252 — Schönmakers + DSD, COMP/37250 — Altvater + DSD, COMP/37246 — DASS + DSD, COMP/37245 — Scheele + DSD, COMP/37244 — SAK + DSD, COMP/37243 — Fischer + DSD, COMP/37242 — Trienekens + DSD, COMP/37267 — Interseroh + DSD) (ĠU L 319, p. 1). Permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-289/01, Ġabra p. II-1691), li ma kinitx suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikors ta’ DSD intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni 2001/837 ġie miċħud.

Id-Direttiva 89/104/KEE

17

L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) tipprovdi, fl-Artikolu 5(1) tagħha:

“It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li [għalihom] t-trade mark hi reġistrata;

b)

kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ tal-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.”

18

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Trade mark tista’ tkun liċenzjata għal ftit jew għall-merkanzija jew is-servizzi kollha li għalihom hi reġistrata u għal kollu jew parti mill-Istat Membru konċernat. Liċenzja tista’ tkun esklużiva jew mhux esklużiva.

2.   Il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra liċenzjat li jikser kwalunkwe disposizzjoni fil-kuntratt tal-liċenzja tiegħu dwar it-tul tagħha, il-formola koperta mir-reġistrazzjoni li fuqha tista’ tintuża t-trade mark, l-iskop tal-merkanzija jew servizzi li għalihom il-liċenzja hi maħruġa, it-territorju fejn it-trade mark tista’ titwaħħal, jew il-kwalità tal-merkanzija manifatturati jew tas-servizzi provduti minn min ingħata l-liċenzja.”

19

Id-Direttiva 89/104 ġiet abrogata bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008. Madankollu, fid-dawl ta’ meta seħħew il-fatti, il-kawża preżenti tibqa’ rregolata bid-Direttiva 89/104.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

20

Fit-2 ta’ Settembru 1992, DSD innotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-kuntratt għall-użu tal-logo u l-kuntratt ta’ servizzi, sabiex tikseb ċertifikazzjoni negattiva jew, fin-nuqqas ta’ dan, deċiżjoni ta’ eżenzjoni.

21

Wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fis-27 ta’ Marzu 1997 (ĠU 1997, C 100, p. 4), fejn ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiddikjara ruħha favorevoli għall-ftehim innotifikati, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand terzi persuni interessati, b’mod partikolari, f’aspetti differenti tal-implementazzjoni tal-kuntratt għall-użu tal-logo. B’mod partikolari, dawn it-terzi persuni interessati ddenunzjaw distorsjoni tal-kompetizzjoni allegata li kienet tirriżulta mill-ħlas ta’ dritt doppju fil-każ ta’ parteċipazzjoni fis-sistema DSD u f’dik ta’ fornitur ta’ servizzi ieħor.

22

Fil-15 ta’ Ottubru 1998, DSD ippreżentat lill-Kummissjoni numru ta’ impenji intiżi sabiex jiġi evitat li l-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema DSD ma jkollhomx iħallsu dritt doppju fil-każ fejn dawn jipparteċipaw f’sistema kollettiva oħra li topera fuq livell reġjonali. B’mod partikolari, DSD ipprevediet is-sitwazzjoni li fiha sistemi kollettivi, limitati għal Länd waħda jew iktar, jiġu stabbiliti b’mod parallel mas-sistema DSD. F’dan il-każ, imballaġġi tal-istess tip u tal-istess distributur jew manifattur ikunu jistgħu jinġabru, f’dawn il-Länder, minn waħda mis-sistemi kollettivi l-ġodda u, fil-Länder l-oħrajn, mis-sistema DSD, u l-impenn ta’ DSD f’dan ir-rigward kien is-segwenti:

“Jekk sistemi oħra minbarra s-[sistema DSD], li joperaw fuq skala reġjonali, jiġu stabbiliti u jiġu uffiċjalment approvati mill-ogħla awtoritajiet tal-Land skont id-digriet dwar l-imballaġġi, [DSD] hija disposta li tapplika l-kuntratt għall-użu tal-logo b’tali mod li dawk li jaderixxu jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw f’wieħed minn dawn is-sistemi fir-rigward ta’ parti mill-imballaġġi tagħhom. Għaldaqstant, [DSD] ma tirċievi l-ebda dritt bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo għall-imballaġġi miġbura minn dawn is-sistemi, bil-kundizzjoni li dan it-tieni tip ta’ ġbir ikollu jiġi vverifikat permezz ta’ provi. It-tieni kundizzjoni imposta għall-eżenzjoni tad-drittijiet dovuti fuq l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo [DGP] hija li ma jkun hemm ebda ksur kontra l-protezzjoni tat-trade mark [DGP].”

23

Fit-3 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni qieset li n-numru ta’ impenji ppreżentati minn DSD fil-15 ta’ Ottubru 1998 ma kellhomx jiġu limitati biss għas-sistemi kollettivi, iżda kellhom jinkludu fihom ukoll is-sistemi individwali użati għall-ipproċessar ta’ parti mill-imballaġġi.

24

Fil-15 ta’ Novembru 1999, xi manifatturi ta’ imballaġġi ppreżentaw ilment lill-Kummissjoni. Huma sostnew li l-kuntratt għall-użu tal-logo kien jostakola l-istabbiliment ta’ sistema individwali tal-ġbir tal-imballaġġi. Dawn qiesu li l-użu tal-logo, mingħajr il-provvista effettiva ta’ servizz ta’ pproċessar ta’ skart minn DSD, jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn DSD.

25

B’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2000, DSD ippreżentat lill-Kummissjoni żewġ impenji addizzjonali. Wieħed minnhom kien jirrigwarda l-każ fejn il-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi jagħżlu sistema individwali fir-rigward ta’ parti mill-imballaġġi tagħhom u jaderixxu mas-sistema DSD għall-bqija. F’dan il-każ, DSD obbligat ruħha li ma tirċievi l-ebda dritt bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo għal dik il-parti tal-imballaġġi miġbura mis-sistema individwali, bil-kundizzjoni li jingħatawlha l-provi għal dan it-tieni tip ta’ ġbir.

26

Fit-3 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil DSD, u din tal-aħħar irrispondiet għaliha b’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2000.

27

Fl-20 ta’ April 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni.

Id-deċiżjoni inkwistjoni

28

Id-deċiżjoni inkwistjoni tirrileva, fil-punt 20 tal-motivi tagħha, li mill-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li huwa possibbli li tiġi mħallta sistema individwali ma’ sistema kollettiva billi jkun hemm parteċipazzjoni f’sistema kollettiva biss għall-irkupru għal parti mill-imballaġġi kkummerċjalizzati (iktar ’il quddiem is-“sistemi mħallta”). L-imsemmija deċiżjoni tenfasizza wkoll, fil-punt 23 tal-motivi tagħha, li minn risposta tal-awtoritajiet Ġermaniżi jirriżulta li d-digriet dwar l-imballaġġi ma jimplikax li huwa possibbli biss l-użu ta’ sistema unika. Il-leġiżlatur qatt ma kellu l-intenzjoni li jippermetti biss l-istabbiliment ta’ sistema kollettiva waħda fil-pajjiż kollu jew f’kull Land.

29

Fil-punt 95 tal-motivi tagħha, id-deċiżjoni inkwistjoni tieħu bħala punt ta’ tluq il-fatt, li mhuwiex ikkontestat minn DSD, li din tal-aħħar għandha pożizzjoni dominanti, li tikkonsisti, fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, fil-fatt li hija kienet l-unika impriża li toffri sistema kollettiva fit-territorju Ġermaniż kollu u s-sistema DSD tiġbor madwar 70% tal-imballaġġi tal-bejgħ fil-Ġermanja kif ukoll madwar 82% tal-imballaġġi tal-bejgħ miġbura mingħand konsumaturi finali fil-Ġermanja.

30

Skont il-punti 100 sa 102 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti huwa bbażat fuq il-fatt li d-drittijiet irċevuti minn DSD mingħand manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi li jaderixxu mas-sistema DSD ma jiddipendux fuq l-użu effettiv ta’ din is-sistema, iżda huma kkalkolati abbażi tan-numru ta’ imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo DGP li dawn il-manifatturi jew distributuri jikkummerċjalizzaw fil-Ġermanja. Għandu jingħad ukoll li, il-manifatturi u d-distributuri li jaderixxu mas-sistema DSD għandhom ipoġġu l-logo DGP fuq kull imballaġġ innotifikat lil DSD u intiż għall-konsum fil-Ġermanja. Mill-inkjesta mwettqa mill-Kummissjoni, jirriżulta li l-metodu ta’ kalkolu tad-drittijiet imħallsa lil DSD jostakola x-xewqa ta’ ċerti manifatturi ta’ imballaġġi, klijenti tas-sistema DSD, li jkunu jistgħu jużaw is-sistema individwali tagħhom stess jew sistema kollettiva oħra sabiex jieħdu ħsieb parti mill-imballaġġi li jikkummerċjalizzaw.

31

Skont il-punti 103 sa 107 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, is-soluzzjoni proposta minn DSD, jiġifieri rinunzja għat-twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi li ma jaqgħux taħt is-sistema DSD iżda jaqgħu taħt sistema oħra, tfalli fil-konfront tar-realtajiet ekonomiċi. Tali soluzzjoni tkun tirrikjedi twaħħil selettiv tal-imballaġġi (bil-logo DGP jew mingħajr), li jkun ifisser żieda sinjifikattiva. Barra minn hekk, tali soluzzjoni tkun tirrikjedi li manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi li jużaw sistemi mħallta jiżguraw li l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo DGP jipu ddepożitati fil-postijiet fejn is-sistema DSD tiġbor dawn l-imballaġġi u li dawk li fuqhom ma jidhirx dan il-logo jiġu ddepożitati fil-postijiet fejn is-sistemi l-oħra jiżguraw il-ġbir, li tkun impossibbli fil-prattika. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li ta’ spiss, huwa biss wara li jinxtara l-prodott imballat jew, eventwalment, wara li jintuża, li l-konsumatur finali jiddeċiedi jekk jiddepożitax l-imballaġġ f’sistema kollettiva fil-viċinanzi ta’ fejn jirrisjedi jew jekk jiħdux lura fil-punt tal-bejgħ sabiex ipoġġieh f’sistema individwali, huwa impossibbli li l-parti tal-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo DGP tiġi assenjata lil tip jew ieħor ta’ ġbir.

32

Fil-punti 111 sa 115 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tqis li l-effetti tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti huma doppji. Minn naħa, bl-issuġġettar tad-drittijiet b’mod esklużiv għall-użu tal-logo, DSD tesponi lill-impriżi li ma jużawx is-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-imballaġġi, jew li jużawha biss għal parti mill-imballaġġi, għal prezzijiet u għal kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni mhux ekwi. Minħabba d-differenza eċċessiva bejn l-ispejjeż tal-provvista tas-servizz u l-prezz tiegħu, dan huwa każ ta’ użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82(2)(a) KE. Minn naħa l-oħra, minħabba s-sistema ta’ drittijiet stabbilita mill-kuntratt għall-użu tal-logo, mhuwiex ekonomikament vijabbli, għall-impriżi milquta, li jaderixxu ma’ sistema individwali jew kollettiva kompetitriċi, għaliex dawn l-impriżi jkollhom kemm iħallsu d-drittijiet lil-DSD, minbarra l-ħlas dovut lill-kompetitur, kif ukoll jintroduċu linji ta’ imballaġġi u ċirkwiti ta’ distribuzzjoni distinti. Għaldaqstant, is-sistema tad-drittijiet tirrendi iktar diffiċli d-dħul fis-suq tal-kompetituri tas-sistema DSD.

33

Fil-punti 143 sa 153 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni tirrileva li l-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mhijiex invalidata min-neċessità li jiġi ppreżervat il-karattru distint tal-logo DGP. Rigward dan il-punt, id-deċiżjoni inkwistjoni tipprovdi li l-funzjoni essenzjali ta’ dan il-logo hija sodisfatta jekk turi lill-konsumatur li dan għandu l-possibbiltà li jipproċessa l-imballaġġ bis-servizz ta’ DSD.

34

Fil-punti 155 sa 160 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni tirrileva li l-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jiġi affettwat b’mod apprezzabbli mill-użu abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti li jikkonsisti fil-metodi tad-drittijiet kuntrattwali kkontestati, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi adegwati għall-ġbir lura u għall-irkupru tal-imballaġġi fil-Ġermanja u fis-suq komuni.

35

B’konklużjoni għall-evalwazzjoni dwar il-kawża mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 82 KE, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi kif ġej:

“L-imġiba ta’ [DSD] li tikkonsisti fir-rekwiżit, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(1) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(1) tal-kuntratt għall-użu tal-logo tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi tal-bejgħ kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo [DGP] mhijiex kompatibbli mas-suq komuni meta l-impriżi suġġetti bis-saħħa tad-digriet fuq l-imballaġġi:

a)

ma jirrikorrux għas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-iskart stabbilit fl-Artikolu 2 tal-kuntratt għall-użu tal-logo ħlief għal parti mill-imballaġġi jew li ma jirrikorrux għalih, iżda jpoġġu fis-suq fil-Ġermanja imballaġġ standardizzat, li huwa kkummerċjalizzat ukoll fi Stati Membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u li għalihom dawn jaderixxu ma’ sistema ta’ ġbir li tuża l-logo [DGP], u

b)

jipprovaw li, fir-rigward tal-kwantità tal-imballaġġi, totali jew parzjali, li għalihom dawn ma jirrikorrux għas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-iskart, dawn jissodisfaw l-obbligi tal-ġbir imposti fuqhom mid-Digriet Leġiżlattiv fuq l-imballaġġi permezz ta’ sistemi kollettivi kompetituri jew ta’ sistemi individwali.”

36

Wara li kkonstatat l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni ddeterminat, fil-punti 161 sa 167 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni tagħha u fl-Artikoli 2 sa 7 ta’ din tal-aħħar, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il-mod li bih DSD għandha ttemm il-ksur ikkonstatat.

37

Il-miżura prinċipali tobbliga lil DSD li ma tirċevix drittijiet fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo DGP li fir-rigward tagħhom ma sarx użu tas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu ta’ pproċessar tal-iskart u li għalihom l-obbligi imposti fid-digriet fuq l-imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor. Din il-miżura, stabbilita fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, hija s-segwenti:

“DSD hija marbuta li tintrabat mal-firmatarji kollha tal-kuntratt għall-użu tal-logo sabiex ma tirċevix ħlas fuq il-kwantitajiet ta’ imballaġġi ta’ bejgħ bil-logo [DGP] ikkummerċjalizzati fil-Ġermanja, li għalihom ma sarx l-użu tas-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tar-rimi tal-iskart skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi kuntratt għall-użu tal-logo u li għalihom l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor.

Ir-rabta msemmija fl-ewwel paragrafu tissostitwixxi dispożizzjoni derogatorja stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(1) tal-kuntratt għall-użu tal-logo.”

38

Barra minn hekk, fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ssemmi r-regoli tal-prova mitluba f’dawn il-każijiet kif isegwi:

“1.   Jekk parti minn, jew l-imballaġġi kollha, huma miġbura minn sistema kollettiva kompetitriċi, il-konferma tal-amministratur tas-sistema li tiddikjara li l-kwantità korrispondenti hija meħuda minn din is-sistema kollettiva kompetitriċi tikkostitwixxi prova suffiċjenti sabiex l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jiġu sodisfatti b’mod ieħor.

2.   Jekk parti minn, jew l-imballaġġi kollha, huma miġbura minn sistema individwali, il-preżentazzjoni ulterjuri ta’ dikjarazzjoni ta’ espert indipendenti li turi li l-obbligi tal-ġbir u tal-irkupru ġew sodisfatti tkun biżżejjed. Id-dikjarazzjoni tista’ tiġi stabbilita kemm individwalment għal kull manifattur jew distributur, kif ukoll għall-impriżi kollha li jipparteċipaw f’sistema individwali.

[…]

4.   Fir-rigward tal-elementi ta’ prova li għandhom jiġu ppreżentati lil DSD, ikun biżżejjed, indipendentement mill-verżjoni korrispondenti tad-digriet fuq l-imballaġġi, li d-dikjarazzjoni tikkonferma lill-kontraenti li l-obbligi tal-ġbir u tal-irkupru ġew sodisfatti għal volum determinat ta’ imballaġġi.

[…]”

39

L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi:

“1.   DSD mhijiex awtorizzata li tirċievi drittijiet għall-imballaġġi miġbura fi Stat Membru ieħor minn sistema ta’ ġbir u rkupru li tuża l-logo [DGP] u li huma kkummerċjalizzati fit-territorju fejn huwa applikabbli d-digriet fuq l-imballaġġi bil-logo, bil-kundizzjoni li jiġi ddikjarat li l-obbligi imposti mid-digriet fuq l-imballaġġi jkunu sodisfatti b’mod ieħor milli l-adeżjoni mas-sistema mħaddma minn DSD […].

[…]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

40

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Lulju 2001, DSD ressqet rikors bis-saħħa tal-Artikolu 230(4) KE, bil-għan li tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni.

41

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fl-istess ġurnata, DSD ressqet ukoll, bis-saħħa tal-Artikolu 242 KE, talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll tal-Artikoli 4, 5, 6 u 7 sa fejn dawn jirreferu għall-Artikolu 3, sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq il-mertu.

42

B’digriet tal-15 ta’ Novembru 2001, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (T-151/01 R, Ġabra p. II-3295), il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

43

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Novembru 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza awtorizzat l-intervent tal-impriżi Vfw AG (li saret Vfw GmbH, iktar ’il quddiem “Vfw”), Landbell AG für Rückhol-Systeme (iktar ’il quddiem “Landbell”) u BellandVision GmbH (iktar ’il quddiem “BellandVision”) insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn l-impriżi, li huma kompetituri ta’ DSD, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fis-7 ta’ Frar 2002.

44

L-aħħar osservazzjoni ġiet ippreżentata fis-27 ta’ Mejju 2002. It-tmiem tal-proċedura bil-miktub ġie nnotifikat lill-partijiet fid-9 ta’ Settembru 2002.

45

Matul Ġunju tal-2006, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet oralment waqt is-seduta. Dawn id-domandi kienu jirrigwardaw id-diversi fażijiet tal-proċess ta’ ġbir lura u ta’ rkupru tal-imballaġġi u l-kundizzjonijiet li fihom seta’ jkun hemm kompetizzjoni bejn is-sistemi individwali u kollettivi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stiednet ukoll lill-Kummissjoni tressaq dokument ippreżentat mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-kuntest tal-proċedura amministrativa. Il-Kummissjoni ppreżentat dan id-dokument fis-26 ta’ Ġunju 2006.

46

Il-partijiet instemgħu waqt it-trattazzjonijiet tagħhom u waqt ir-risposti għall-mistoqsijiet li sarulhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduti tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2006.

47

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors li ġie ppreżentat quddiemha u kkundannat lil DSD għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, ta’ Landbell u ta’ BellandVision, inklużi dawk relatati għall-proċeduri għal miżuri provviżorji. Hija kkundannat lill-Vfw AG għall-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

48

DSD kienet invokat tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 82 KE, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 86(2) KE.

49

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, DSD issostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt għall-użu tal-logo huma neċessarji sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq l-għan tad-digriet dwar l-imballaġġi, li jitħarsu l-funzjonijiet differenti tat-trade mark Der Grüne Punkt (iktar ’il quddiem it-“trade mark DGP”) u li tippermetti t-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD.

50

Bħala risposta għad-diversi argumenti żviluppati minn DSD fil-kuntest ta’ dan il-motiv, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet fil-punti 139 u 154 tas-sentenza appellata li kien possibbli għall-manifattur jew għal distributur tal-imballaġġi li jagħmlu użu minn diversi sistemi sabiex jikkonformaw mar-rata ta’ rkupru:

“139

[…] il-manifattur jew id-distributur tal-imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il-logo Der Grüne Punkt, iżda pjuttost kwantità ta’ materjal li dan il-manifattur jew distributur jikkummerċjalizza fil-Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l-intenzjoni li jafda lis-sistema DSD bil-ġbir u l-irkupru. Għaldaqstant huwa possibbli għal manifattur jew għal distributur ta’ imballaġġi li jagħmel użu minn sistemi mħallta sabiex jikkonforma ruħu mar-rati ta’ rkupru stabbiliti mid-digriet.

[…]

154

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li fid-digriet [dwar l-imballaġġi] mhuwiex stabbilit li l-logo [DGP] ma jistax jidher fuq l-imballaġġi miġbura fil-kuntest ta’ sistema kollettiva kompetitriċi jew ta’ sistema individwali kemm-il darba dawn ikunu jirrispettaw, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet imposti [fl-imsemmi] digriet sabiex tiġi identifikata s-sistema użata flimkien mas-sistema DSD. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jkunu kumulattiv u l-istess imballaġġ għaldaqstant jista’ jaqa’ taħt diversi sistemi fl-istess ħin. Huwa f’dan is-sens li l-Kummissjoni tinterpreta, ġustament, il-kontenut tal-obbligu ta’ trasparenza ddefinit mill-awtoritajiet Ġermaniżi fl-osservazzjonijiet tagħhom, li għandu jiġi ddefinit b’mod ċar, liema huma l-imballaġġi suġġetti għall-obbligu tal-ġbir fil-punti tal-bejgħ jew fil-viċinanzi immedjati tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu […].”

51

IL-Qorti tal-Prim’istanza ddeċidiet ukoll, fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li l-logo [DGP] u l-indikazzjoni ta’ “metodu xieraq” li jindika lil sistema kollettiva oħra […], ikunu jidhru fuq l-istess imballaġġ, fil-każ ta’ użu konġunt ta żewġ sistemi kollettivi, u l-fatt li fuq l-istess imballaġġ jidhru l-logo [DGP] u l-indikazzjoni ta’ possibbiltà ta’ restituzzjoni fil-ħanut, fil-każ ta’ użu konġunt tas-sistema DSD u ta’ sistema individwali, ma jiksirx il-funzjoni essenzjali tat-trade mark”.

52

Fil-punt 163 ta-ssentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet ukoll li, “fir-rigward tal-argumenti dwar in-neċessità li jiġi rrispettat it-tħaddim tajjeb tas-sistema DSD […], […] jirriżulta li dan mhuwiex imqiegħed f’dubju fil-każ ta’ sistemi mħallta. F’kull każ, in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jistgħux jiġġustifikaw l-imġiba tar-rikorrenti kkaratterizzata fis-sentenzi BäKo tal-Bundesgerichtshof u Hertzel tal-Oberlandesgericht Düsseldorf, iċċitati mill-Kummissjoni […], id-diversi lmenti ppreżentati lill-Kummissjoni […], u r-raġunament ippreżentat inizjalment minn DSD fl-appell tagħha […], li jikkonsisti fl-eżiġenzi tal-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo [DGP], filwaqt li fl-istess ħin tingħata prova li xi wħud minn dawn l-imballaġġi nġabru u ġew rkuprati minn sistema kollettiva oħra jew minn sistema individwali.”

53

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 164 tas-sentenza appellata, li “la l-liġi tat-trade marks u lanqas in-neċessitajiet meħtieġa għat-tħaddim tas-sistema DSD ma jawtorizzaw lil [DSD] teżiġi mingħand l-impriżi li jagħmlu użu mis-sistema tagħha l-ħlas tad-drittijiet għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja bil-logo [DGP], meta dawn l-impriżi jipprovaw li huma ma jagħmlux użu mis-sistema DSD għal parti minn dawn l-imballaġġi jew l-imballaġġi kollha.”

54

Permezz tat-tieni motiv tagħha, DSD sostniet li sistema ta’ twaħħil selettiv tal-imballaġġi skont is-sistema użata hija iktar xierqa mill-obbligu impost fid-deċiżjoni inkwistjoni. L-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni huma sproporzjonati peress li jobbligaw lil DSD tagħti liċenzja lil terzi.

55

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv. Hija ddeċidiet, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, li “l-fatt li fit-teorija jista’ jkun possibbli li l-logo [DGP] jitwaħħal b’mod selettiv fuq l-imballaġġi, ma jistax ikollu l-konsegwenza li jwassal għall-annullament tal-miżuri [adottati fil-kuntest tad-deċiżjoni inkwistjoni] peress li għall-manifatturi u d-distributuri ta’ imballaġġi din is-soluzzjoni tiswa iktar sabiex titħaddem mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 5 ta’ [din id-deċiżjoni] […]”.

56

Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ukoll, fil-punt 181 tas-sentenza appellata, li l-obbligi inklużi fid-deċiżjoni inkwistjoni ma kellhomx l-għan “li jimponu liċenzja fuq DSD mingħajr restrizzjoni fiż-żmien għall-użu [tal-logo DGP], iżda biss li jobbligaw lil DSD li ma tirċevix il-ħlas ta’ drittijiet fuq l-imballaġġi kollha li għandhom fuqhom l-imsemmi logo meta jiġi pprovat li l-imballaġġi kollha jew parti minnhom biss inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistema oħra”.

57

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teskludix il-possibbiltà għal DSD li tirċievi l-ħlas ta’ drittijiet adegwati għall-użu biss tat-trade mark fil-każ meta jiġi pprovat li l-imballaġġ li għandu fuqu l-imsemmi logo ġie miġbur u rkuprat minn sistema oħra.

58

Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet, fil-punti 193 u 194 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“193

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tgħid li l-obbligu impost fuq DSD fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, jippermetti lill-manifatturi u d-distributuri li jgħamlu użu mis-sistema tagħha għal parti biss mill-imballaġġi tagħhom li ma jħallsux id-drittijiet lil DSD meta tingħata l-prova li l-imballaġġi li għandhom fuqhom il-logo [DGP] ma jkunux ġew miġbura u rkuprati mis-sistema DSD iżda minn sistema kompetitriċi.

194

Għaldaqstant, anki f’dan il-każ, ma jistax jiġi eskluż li t-trade mark [DGP] imwaħħla fuq l-imballaġġ inkwistjoni jista’ jkollha valur ekonomiku bħala tali, peress li din tippermetti li jiġi indikat lill-konsumatur li l-imballaġġ in kwistjoni jista’ jingħata lis-sistema DSD […]. Possibbiltà bħal din offerta lill-konsumatur għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati bil-logo [DGP], kemm jekk ikunu jaqgħu taħt is-sistema DSD jew le, wara l-verifika tal-kwantitajiet miġbura, hija kapaċi li jkollha prezz, li, anki jekk ma jistax jirrappreżenta l-prezz effettiv tal-prezz tal-ġbir u tal-irkupru kif seta jkun il-każ fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-kuntratt għall-użu tal-logo, għandhom ikunu jistgħu jitħallsu lil DSD għas-servizz ipprovdut f’dan il-każ, jiġifieri l-provvista tas-sistema tagħha.”

59

Permezz tat-tielet motiv tagħha, DSD sostniet li tali ksur tal-Artikolu 82 KE kien eskluż, peress li hija kienet inkarigata minn servizz ta’ interess ta’ importanza ekonomika ġenerali skont l-Artikolu 86(2) KE, jiġifieri l-ġestjoni tal-iskart għall-finijiet ambjentali.

60

Il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 208 tas-sentenza appellata li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti hija responsabbli minn tali servizz, xorta jibqa’ l-fatt li r-riskju li din il-funzjoni terġa’ titqiegħed fid-dubju minħabba d-deċiżjoni inkwistjoni mhijiex ipprovata.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

61

DSD ippreżentat l-appell preżenti fit-8 ta’ Awwissu 2007.

62

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Novembru 2007, Intersoh Dienstleistungs GmbH (iktar ’il quddiem “Interseroh”), li tiġġestixxi, b’effett mill-2006, sistema kollettiva fit-territorju Ġermaniż kollu, talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Frar 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza dan l-intervent.

63

DSD titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni;

sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

64

Il-Kummissjoni, Vfw, Landbell, BellandVision u Interseroch jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil DSD għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-motivi kontradittorji tas-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

65

Skont DSD, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha tas-sentenza appellata billi għamlet konstatazzjonijiet kontradittorji fuq l-allegat abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.

66

Insostenn ta’ dan il-motiv, DSD tistabbilixxi paragun bejn il-mod kif l-imsemmi abbuż ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fil-punti 101, 102, 111 u 115 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, kif msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 48, 50, 58, 60, 119, 163 u 164 tas-sentenza appellata, u l-motivi sostnuti fil-punt 194 ta’ din tal-aħħar.

67

Minn naħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq il-fatt li DSD teżiġi mingħand impriżi li jipprovaw li huma ma jużawx is-sistema tagħha jew li jużawha biss għal parti mill-imballaġġi ta’ bejgħ li għandhom il-logo DGP sabiex iħallsu d-drittijiet kollha dovuti skont il-kuntratt għall-użu tal-logo.

68

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssuġġeriet, fil-punt 194 tas-sentenza appellata li, għall-imballaġġi li mhumiex suġġetti għas-sistema DSD, DSD ma teżiġix neċessarjament il-prezz tas-servizz tal-ġbir u tal-irkupru. Għalhekk, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma manifestament kontradittorji.

69

Il-Kummissjoni tfakkar li l-ħlas ta’ dritt huwa intiż li jkopri l-ispejjeż tal-ġbir, tal-għażla u tal-irkupru tal-imballaġġi, kif ukoll l-ispejjeż amministrativi u għalhekk mhux inkambju għall-użu tat-trade mark. Konsegwentement, id-deċiżjoni inkwistjoni u s-sentenza appellata ma jikkonċernawx ħlas ta’ dritt għall-użu tat-trade mark DGP.

70

Vfw, Landbell u BellandVision, kif ukoll il-Kummissjoni, jikkontestaw l-eżistenza tal-kontradizzjoni invokata minn DSD. Il-punt 194 tas-sentenza appellata ma jinkludi ebda element dwar il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-abbuż tal-pożizzjoni dominanti. Din tikkonċerna biss il-kwistjoni dwar jekk is-sempliċi twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi jista’ jkollha prezz, anki meta DSD ma tipprovdi ebda servizz tal-ġbir tal-imballaġġi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 25; tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 77, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 90).

72

Fil-kawża inkwistjoni, DSD tqis li teżisti kontradizzjoni bejn il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 194 tas-sentenza appellata u dawk li permezz tagħhom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-eżistenza tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti deskritta mill-Kummissjoni.

73

Kif jirriżulta mill-punti 193 u 194 tas-sentenza appellata, dawn jirrigwardaw il-fatt li, bħala konsegwenza tal-obbligi imposti mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni, DSD ma tistax tirċievi iktar id-dritt stabbilit fil-kuntratt għall-użu tal-logo għall-imballaġġi li huma nnotifikati lilha, li għandhom il-logo DGP u li fir-rigward tagħhom huwa pprovat li ma ġewx miġbura u rkuprati mis-sistema DSD.

74

Fil-punt 194 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, minkejja dan il-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-manifatturi u d-distributuri ta’ tali imballaġġi għandhom iħallsu somma lil DSD inkambju għas-sempliċi twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġ, fid-dawl tal-fatt li dan it-twaħħil jimplika li s-sistema DSD titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur u għalhekk tirrappreżenta użu tat-trade mark li jista’ jkollu prezz.

75

Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Prim’Istanza stess fl-istess punt, is-somma li DSD tista’ eventwalment tirċievi inkambju għat-twaħħil tat-trade mark DGP huwa distint mid-dritt li huwa dovut għall-imballaġġi effettivament miġbura u rkuprati minn DSD skont il-kuntratt għall-użu tal-logo.

76

Minn dak li ntqal jirriżulta l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’ebda mod ma kkonstatat, fil-punt 194 tas-sentenza appellata, li DSD tista’ tirċievi, inkambju għal fatt li s-sistema tagħha tkun tista’ tintuża, somma ekwivalenti għall-prezz tas-servizz tal-ġbir u tal-irkupru.

77

Minn dan isegwi, it-tieni nett, li l-punt 194 tas-sentenza appellata jikkonċerna l-konsegwenzi tal-miżuri sostnuti fid-deċiżjoni inkwistjoni u mhux il-konstatazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Huwa għandu biss bħala għan li jikkonstata, kuntrarjament għal dak li ssostni DSD quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li d-deċiżjoni inkwistjoni ma għandhiex bħala konsegwenza li tagħmilha impossibbli lil DSD li tirċievi ħlas għas-sempliċi twaħħil tat-trade mark DGP fuq l-imballaġġi.

78

Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ DSD li s-sentenza appellata tinkludi motivi kontradittorji ma tistax tiġi kkunsidrata bħala fondata u konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-kuntratt għall-użu tal-logo u fuq provi oħra fil-proċess

L-argumenti tal-partijiet

79

DSD tirrileva li l-punt ċentrali tal-kawża huwa l-konstatazzjoni, sostnuta fil-punt 111 tal-motivi tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tipprovdi li “DSD timponi prezzijiet inġusti kull darba li l-kwantità tal-imballaġġi jkollhom il-logo [DGP] hija ikbar minn dik tal-imballaġġi li jittieħdu mis-sistema kollettiva”. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, bis-saħħa tal-kuntratt għall-użu tal-logo, DSD tagħti liċenzja iżolata għall-użu tal-logo DGP, jiġifieri liċenzja għat-twaħħil ta’ imballaġġi li għalihom ma tintużax is-sistema DSD.

80

Din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal-kuntratt għall-użu tal-logo, peress li dan il-kuntratt sempliċement jagħti d-dritt li jintuża l-logo DGP flimkien mall-assunzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-digriet dwar l-imballaġġi.

81

Barra minn hekk, l-imsemmija konstatazzjoni twassal għal żnaturament ta’ provi oħra fil-proċess. F’dan ir-rigward, DSD tenfasizza li l-korrispondenza skambjata bejnha u bejn il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva turi li din ma tatx liċenzja li kellha l-karatteristiċi deskritti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda li kienet sempliċement irrifjutat li taċċetta l-proposta tal-Kummissjoni li l-imballaġġi intiżi għal sistemi tal-kompetituri jużaw il-logo DGP.

82

Il-konstatazzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza, dwar “liċenzja separata” twassal għal żnaturament, barra minn hekk, tal-provi fil-proċess li fuqhom hija espressament ibbażat ruħha, b’mod partikolari fil-punt 163 tas-sentenza appellata, bħal ċerti sentenzi tal-qrati Ġermanizi u l-ilmenti ppreżentati quddiem il-Kummissjoni.

83

Skont il-Kummissjoni, Vfw, Landbell, BellandVision u Interseroh, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ “liċenzja separata”, li hija imputata fir-rigward tagħha minn DSD.

84

Vfw, Landbell u BellandVision huma tal-fehma, barra minn hekk, li dan l-aggravju huwa inammissibbli, inkwantu DSD tista’ biss tibbaża l-appell tagħha fuq ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ dispożizzjonijiet legali u mhux fuq evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-fatti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

Kuntrarjament għal dak li huwa sostnut minn Vfw, Landbell u BellandVision, dan l-aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal-kuntratt għall-użu tal-logo u fuq provi oħra fil-proċess, huwa ammissibbli.

86

Fil-fatt, lż-iżball li fir-rigward tiegħu DSD tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza jikkonċerna ż-żnaturament tal-portata tal-liċenzja mogħtija mill-kuntratt għall-użu tal-logo.

87

Kif ġie espost fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, il-kuntratt għall-użu tal-logo għandu bħala għan li jippermetti lill-partijiet kontraenti ta’ DSD li jinħelsu mill-obbligu tagħhom ta’ ġbir lura u ta’ rkupru tal-imballaġġi li huma jinnotifikaw lil DSD. F’dan ir-rigward, il-kuntratt jipprovdi li l-impriżi kontraenti mas-sistema DSD għandhom iwaħħlu l-logo DGP fuq kull imballaġġ innotifikat lil DSD u intiż għall-konsum domestiku fil-Ġermanja.

88

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-liċenzja għall-użu tal-logo mogħti lill-klijenti ta’ DSD jikkonċerna t-twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi kollha nnotifikati lil DSD u intiżi għall-konsum fil-Ġermanja.

89

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti kkonstatat mill-Kummissjoni joriġina mill-fatt li l-kuntratt għall-użu tal-logo jeżiġi mill-klijenti ta’ DSD il-ħlas ta’ dritt għall-imballaġġi kollha nnotifikati lil DSD, anki jekk huwa pprovat li numru minn dawn inġabru u ġew irkuprati permezz ta’ sistemi kollettivi kompetittivi jew minn sistemi individwali.

90

Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żnaturament tal-provi fil-proċess.

91

Għaldaqstant, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreċiżat b’mod korrett li “huma biss id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt għall-użu tal-logo dwar id-drittijiet li huma kkwalifikati bħala abbużivi mid-deċiżjoni inkwistjoni [u li l-imsemmija] d-deċiżjoni inkwistjoni ma tikkritikax il-fatt li [l-imsemmi] kuntratt [j]imponi fuq il-manifattur jew id-distributur li jixtieq juża s-sistema DSD li jwaħħal il-logo [DGP] fuq kull imballaġġ mogħti jew intiż għall-konsum intern”.

92

Fir-rigward konkretament tal-portata tal-liċenzja mogħtija mill-kuntratt għall-użu tal-logo, DSD ma rnexxilhiex tidentifika s-siltiet mis-sentenza appellata li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet b’mod żbaljat il-portata ta’ din il-liċenzja. Fir-rigward tas-siltiet li jesponu l-evalwazzjoni fattwali u ġuridika li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, DSD, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, semplċement semmiet il-punti 119, 163 u 164 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni u kkunsidrat li, minkejja l-argumenti ta’ DSD dwar in-neċessità li jiġi ppreżervat it-tħaddim sew tas-sistema tagħha, il-Kummissjoni kienet ġustament ikkonstatat li l-fatt li teżiġi dritt għall-imballaġġi nnotifikati lil DSD u li kellhom il-logo DGP kien abbużiv, minkejja li din il-prova kienet turi li numru minn dawn l-imballaġġi kienu nġabru u ġew irkuprati b’sistema kollettiva oħra jew b’sistema individwali.

93

Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tieni aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, fuq żnaturament tal-fatti u fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tad-drittijiet esklużivi marbuta mal-logo DGP

L-argumenti tal-partijiet

94

Skont DSD, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-logo DGP ma jibbenefikax mill-esklużività allegata minn DSD, bil-konsegwenza li ma tistax tillimita l-għoti tal-liċenzja għall-imballaġġi pproċessati bis-sistema tagħha, mhijiex motivata biżżejjed. L-imsemmija konstatazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq il-konklużjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 130 et seq tas-sentenza appellata, fit-trattazzjonijiet u fir-risposti mogħtija mill-partijiet waqt is-seduta, mingħajr ma jkun possibbli li jiġi ddeterminat l-għan veru tad-diskussjonijiet bejn il-partijiet.

95

Sussegwentement, il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 139 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li “l-manifattur jew id-distributur tal-imballaġġi ma jitrasferixxix lil DSD numru determinat ta’ imballaġġi intiżi li jitwaħħal fuqhom il-logo [DGP], iżda pjuttost kwantità ta’ materjal li dan il-manifattur jew distributur jikkummerċjalizza fil-Ġermanja u li tiegħu huwa għandu l-intenzjoni li jafda lis-sistema DSD bil-ġbir u l-irkupru”, tmur manifestament kontra d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt għall-użu tal-logo relatati mal-ipproċessar tal-imballaġġi, id-dispożizzjonijiet tad-digriet dwar l-imballaġġi relatati mal-osservanza tal-obbligu li jiġi pproċessat l-iskart, ir-rekwiżit ta’ trasparenza li jirriżulta minn dan id-digriet u l-eżiġenza, li tirriżulta mid-dritt dwar it-trade marks, li tipprovdi li imballaġġi taħt is-sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati.

96

Bl-istess mod, il-punti 129 u 154 tas-sentenza appellata, li jipprovdu li imballaġġ fdat lis-sistema DSD jista’ jkun kopert fl-istess waqt minn sistema oħra ta’ pproċessar, iwasslu għal żnaturament tal-provi fil-proċess, b’mod partikolari, id-digriet dwar l-imballaġġi.

97

Il-punt 137 tal-imsemmija sentenza, li jipprovdi li, distributur li jipparteċipa f’sistema kollettiva jista’ a posteriori jinkariga ruħu li jiġbor u jirkupra l-iskart u viċi versa, iwettaq żnaturament tad-digriet dwar l-imballaġġi. Fil-fatt, skont id-digriet, il-parteċipazzjoni fis-sistema kollettiva timplika osservanza mal-obbligi tal-ipproċessar. Konsegwentement, fir-rigward ta’ imballaġġ kopert mis-sistema kollettiva, mhuwiex possibbli li tintuża a posteriori s-sistema individwali.

98

Il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma, barra minn hekk, inkompatibbli mad-dritt tat-trade marks. Is-sitwazzjoni deskritta mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li fiha l-imballaġġi mhux ipproċessati mis-sistema DSD jistgħu jkollhom il-logo DGP, iċċaħħad dan il-logo mill-karattru distintiv tiegħu. DSD tenfasizza li l-imsemmi logo, bħala trade mark irreġistrata, jirreferi esklużivament għas-sistema tiegħu u għalhekk għas-servizzi tagħha.

99

Il-Kummissjoni ssostni li fil-motivi tas-sentenza appellata, li ġew ikkritikati minn DSD, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet l-eżami tal-karattru distintiv tal-logo DGP u tat-tħaddim tas-sistemi mħallta, jiġifieri l-koinċidenza tas-sistema DSD u ta’ sistema kollettiva jew sistema individwali oħra.

100

Fir-rigward tal-punt 154 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tqis li fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet b’mod korrett id-dikjarazzjoni tal-Gvern Ġermaniż li l-istess imballaġġ jista’ jkun suġġett għal diversi sistemi fl-istess ħin. DSD tassumi b’mod żbaljat li d-digriet dwar l-imballaġġi jadotta approċċ ibbażat fuq imballaġġ individwali, li ma jirriflettix il-kundizzjonijiet ekonomiċi li fihom joperaw is-sistemi mħallta.

101

Fir-rigward tal-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li dan il-punt jikkostitwixxi obiter dictum rigward l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi korrettivi eventwali fil-każ fejn ir-rati ta’ rkupru ma jintlaħqux. Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, il-kritika ta’ DSD rigward l-imsemmi punt tas-sentenza mhuwiex fondat.

102

Fir-rigward tal-punt 161 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-logo DGP jindika biss sempliċi possibbiltà ta’ ġbir lura u ta’ rkupru minn DSD. Hija tfakkar li dan il-logo huwa intiż li jinforma lill-kummerċjanti u lill-konsumatur finali, li l-imballaġġ li fuqu huwa mwaħħal jista’ jiġi pproċessat permezz tas-sistema DSD.

103

Skont Vfw, DSD issostni b’mod żbaljat li imballaġġ ma jistax ikun suġġett għal żewġ sistemi differenti.

104

Landbell u BellandVision isostnu li dan l-aggravju, sa fejn ifittex li jiġġustifika l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti mid-digriet dwar l-imballaġġi u mid-dritt tat-trade marks, huwa manifestament infondat. Kuntrarjament għal dak li ssostni DSD, sistemi mħallta huma ammissibbli, kif barra minn hekk, ġie sostnut mill-Gvern Ġermaniż.

105

Skont Interseroh, DSD tinterpreta b’mod inkorrett id-digriet dwar l-imballaġġi meta hija ssostni li s-servizz tal-assunzjoni tal-obbligu tal-ipproċessar japplika għal imballaġġ speċifiku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti ta’ DSD li jipprovdu li t-twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi mhux ipproċessati mis-sistema tagħha jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tat-trade marks huma essenzjalment l-istess bħal dawk li ġew invokati abbażi tar-raba’ aggravju. Għalhekk, dawn ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-aħħar aggravju.

107

Għall-kumplament, permezz ta’ dan l-aggravju, DSD essenzjalment issostni li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 139, 154 u 161 tas-sentenza appellata huma insuffiċjentement motivati u jwasslu għal żnaturament ta’ ċerti provi fil-proċess.

108

Fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet mill-informazzjoni u mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 129 sa 138 tal-imsemmija sentenza li huwa possibbli li l-manifatturi jagħmlu użu minn sistemi mħallta sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi fir-rigward tal-ġbir lura u tal-irkupru stabbiliti mid-digriet dwar l-imballaġġi.

109

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 129 u 154 tas-sentenza appellata, din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar is-sistemi mħallta tirrigwarda l-fatt, ikkontestat mir-rikorrenti, li imballaġġ fdat lil DSD u li għandu l-logo DGP jista’ jkun suġġett, fl-istess ħin, għal sistema ta’ ġbir lura u ta’ rkupru differenti mis-sistema DSD.

110

Mill-motivi esposti fil-punti 131 sa 138 tas-sentenza appellata, jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li l-kwistjoni ta’ jekk imballaġġ ikollux jew le l-logo DGP mhijiex determinanti. Skont din il-qorti, huwa biss rilevanti l-fatt ta’ jekk il-kwantitajiet ta’ materjal għall-irkupru mqiegħda fis-suq mill-manifattur jew mid-distibutur humiex effettivament miġbura jew irkuprati u li r-rati ta’ rkupru pprovduti fid-digriet dwar l-imballaġġi humiex sodisfatti.

111

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, tat bħala eżempju l-ġbir lura u l-irkupru tal-iskart tal-plastik ta’ stabbiliment tal-fast food.

112

Kif irrelevat ġustament il-Kummissjoni, l-imsemmi punt 137 jikkostitwixxi obiter dictum. Għall-finijiet tal-eżami li għandu jsir fl-appell, hija l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 139, 154 u 161 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li ma teżistix rabta ta’ esklużività bejn l-imballaġġi li għandhom il-logo DGP u s-servizzi ta’ ġbir lura u ta’ rkupru ta’ DSD, li hija rilevanti.

113

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat fid-dettall ir-raġunijiet li wassluha għal din il-konklużjoni.

114

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża, u l-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha provi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 372; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C-167/06 P, punt 22, kif ukoll FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96).

115

Is-sentenza appellata tagħti risposta fid-dettall għall-argument żviluppat minn DSD fir-rigward tal-allegata esklużività marbuta mal-logo DGP u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet fid-dettall, fil-punti 131 sa 138 kif ukoll fil-punti 150 sa 154 tas-sentenza appellata, ir-raġuni li għaliha tqis li d-digriet dwar l-imballaġġi u elementi oħra tal-proċess jippermettu li ssir il-konklużjoni li imballaġġ li għandu l-logo DGP mhuwiex biss suġġett għas-sistema DSD.

116

Għandu jiġi rrilevat, it-tieni nett, li kuntrarjament għal dak li ssostni DSD, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza la jiżnaturaw id-digriet dwar l-imballaġġi u lanqas il-kuntratt għall-użu tal-logo.

117

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li DSD ma identifikatx dispożizzjonijiet jew siltiet mid-digriet dwar l-imballaġġi li minnhom jirriżulta li kull imballaġġ individwali jista’ jiġi pproċessat b’sistema waħda biss u li għalhekk, l-imballaġġ li għandu l-logo DGP għandu neċessarjament jiġi pproċessat bis-sistema DSD. Lanqas ma stabbilixxiet li l-kuntratt għall-użu tal-logo jinkludi informazzjoni f’dan ir-rigward.

118

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tar-rekwiżit ta’ trasparenza, DSD ma ppreżentat ebda prova konkreta li l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Prim’Istanza, esposta fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li huwa neċessarju li jiġi ddefinit b’mod ċar, kemm fl-interess tal-konsumatur u tal-awtoritajiet, liema huma l-imballaġġi suġġetti għall-obbligu tal-ġbir fil-punti tal-bejgħ jew fil-viċinanzi immedjati tagħhom u liema huma dawk li mhumiex suġġetti għal dan l-obbligu, twassal għal żnaturament tal-provi fil-proċess. Barra minn hekk, hija ma wrietx li t-twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi li huma pproċessati permezz ta’ sistema oħra għajr dik ta’ DSD, imur kontra l-għan ta’ trasparenza. Fil-fatt, it-twaħħil tal-imsemmi logo fuq l-imballaġġ innotifikat lil DSD jindika b’mod ċar lil-konsumaturi u lill-awtoritajiet rilevanti, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi imballaġġ ikunx effettivament ipproċessat b’din is-sistema jew b’sistema oħra, li l-imballaġġ inkwistjoni mhuwiex iktar suġġett għall-obbligu tal-ġbir fil-punti tal-bejgħ jew fil-viċinanzi immedjati tagħhom, iżda li ġie nnotifikat lil DSD.

119

Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt tat-trade marks Komunitarji

L-argumenti tal-partijiet

120

DSD issostni li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-fatt li l-logo DGP ma jistax jingħata l-esklużività “jkoll[u] biss l-effett li [j]impedixxi lill-manifatturi u distributuri ta’ imballaġġi milli jużaw sistemi mħallta u milli tingħata l-possibbiltà, għar-rikorrenti, li titħallas għal servizz li għalih dawk interessati wrew li dan ma ġiex ipprovdut konkretament”, hija kontradittorja meta mqabbla mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, li tagħti lill-proprjetarju tat-trade mark drittijiet esklużivi. L-imsemmija konstatazzjoni għalhekk tikkostitwixxi ksur tad-dritt tat-trade marks komunitarji.

121

Skont il-Kummissjoni, l-esklużività deskritta fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 mhijiex l-istess bħall-esklużività deskritta fil-punt 161 tas-sentenza appellata. F’din is-silta mis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement irtirat il-konsegwenzi mir-raġunament li sar fil-punti 156 u 157 ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li l-logo ta’ DGP sempliċement jindika għażla ta’ pproċessar u l-funzjoni tiegħu bħala indikatur tal-oriġini mhijiex affettwata meta l-imballaġġ li għandu dan il-logo jkun ukoll suġġett għal għażliet ta’ pproċessar oħra.

122

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li d-deċiżjoni inkwistjoni ma twassalx għal użu inġust tat-trade mark, jiġifieri użu minn persuni li ma kellhiex ftehim magħhom DSD.

123

Vfw issostni li l-logo mhuwiex trade mark fis-sens klassiku. Hija ssostni li t-trade mark tikkarratterizza prodotti u servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li fir-rigward tagħhom ġiet irreġistrata t-trade mark. Il-logo DGP iservi biss sabiex jindika l-parteċipazzjoni f’sistema kollettiva u mhux sabiex jidentifika prodotti jew servizzi identiċi jew simili.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

124

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ Vfw li jipprovdi li l-logo DGP ma jistax tabilħaqq jitqies li huwa trade mark, ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-imsemmi logo ġie rreġistrat bħala trade mark mill-Uffiċċju Ġermaniż tal-privattivi u tat-trade marks għas-servizzi tal-ġbir, tas-separazzjoni u tal-irkupru tal-iskart.

125

Fir-rigward, sussegwentement, tal-allegat ksur mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(a), trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv, u tawtorizza lil dan il-proprjetarju jipprojbixxi lil terzi, fin-nuqqas tal-kunsens tiegħu, milli jużaw, fil-kummerċ, kwalunkwe sinjal li huwa identiku mat-trade mark fir-rigward tal-prodotti u servizzi li huma identiċi ma’ dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark.

126

Għaldaqstant, billi sostniet li fil-punt 161 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat id-dritt esklużiv li tuża l-logo li hija l-propretarja tagħha u billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 f’dan il-kuntest, DSD issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkonstata li d-deċiżjoni inkwistjoni kienet illegalment ipprekludietha milli tipprojbixxi lil terzi milli jużaw is-sinjal identiku għal logo tagħha. DSD sostniet dan l-argument waqt is-seduta, billi enfasizzat li, minħabba l-obbligi esposti fid-deċiżjoni inkwistjoni u l-approvazzjoni tagħhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-logo DGP huwa, fil-prattika, disponibbli għal kulħadd.

127

Sabiex tirrispondi għal dan l-argument, għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-użu tal-logo DGP mill-partijiet kontraenti ta’ DSD u l-użu eventwali tal-istess logo minn terzi oħra.

128

Fir-rigward tal-użu tal-logo DGP mill-partijiet kontraenti oħra ta’ DSD, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tkoprix is-sitwazzjoni fejn terz juża t-trade mark bil-kunsens tal-proprjetarju tagħha. Din is-sitwazzjoni tippreżenta ruħha, b’mod partikolari, meta l-proprjetarju jawtorizza, skont il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ liċenzja, lill-partijiet kontraenti li jużaw it-trade mark tiegħu.

129

Isegwi li DSD ma tistax validament tibbaża ruħha fuq id-dritt esklużiv mogħti lilha mill-logo DGP fir-rigward tal-użu ta’ dak il-logo minn manifatturi u distributuri li kkonkludew il-kuntratt dwar l-użu tal-imsemmi logo magħha. Huwa minnu li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/104 jipprovdi li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jinvoka d-drittijiet mogħtija minn dik it-trade mark kontra l-persuna li ngħatat il-liċenzja li tikser waħda mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ liċenzja msemmija f’dik id-dispożizzjoni. Madankollu, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 192 tal-konklużjonijiet tiegħu, DSD infisha ħolqot sistema li teżiġi li l-logo jitwaħħal fuq kull imballaġġ, anki jekk uħud minnhom mhumiex meħudin lura mis-sistema. Għaldaqstant, huwa paċifiku li l-użu tal-logo DGP fuq l-imballaġġi kollha nnotifikati lil DSD huwa meħtieġ skont il-kuntratt ta’ liċenzja u konsegwentement, huwa kompatibbli miegħu.

130

Sa fejn DSD issostni li l-miżuri imposti mill-Kummissjoni għandhom bħala effett li jirrendu l-użu tal-logo DGP mill-persuni liċenzjati parzjalment mingħajr ħlas, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni inkwistjoni għandha bħala għan u effett uniku li tipprekludi lil DSD milli tirċievi ħlas għas-servizzi ta’ ġbir u ta’ rkupru fejn huwa pprovat li dawn ma ġewx ipprovduti minn dik il-kumpannija. Tali miżuri mhumiex inkompatibbli mar-regoli stabbiliti mid-Direttiva 89/104.

131

Barra minn hekk, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 194 tas-sentenza appellata, ma jistax jiġi eskluż li t-twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi, kemm jekk jaqa’ jew le taħt is-sistema DSD, jista’ jkollu prezz li, anki jekk ma jirrappreżentax il-prezz attwali tas-servizz ta’ ġbir u ta’ rkupru, għandu jitħallas lil DSD inkambju għall-użu tat-trade mark biss.

132

Fir-rigward tal-użu eventwali tal-logo DGP minn terzi għajr il-partijiet kontraenti ta’ DSD, għandu jiġi kkonstatat li la d-deċiżjoni inkwistjoni u lanqas is-sentenza appellata ma jikkonstataw li tali użu huwa permess mid-dritt tat-trade marks. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonstatat, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li l-obbligi ddefiniti fid-deċiżjoni inkwistjoni jirreferu biss għar-relazzjonijiet bejn DSD u “il-manifatturi jew distributuri ta’ imballaġġi li huma kemm kontraenti ta’ DSD fil-kuntest tal-kuntratt għall-użu tal-logo […], jiġifieri proprjetarji ta’ liċenzja għall-użu tat-trade mark [DGP] fil-kuntest ta’ sistema ta’ ġbir jew ta’ rkupru li tuża l-logo korrispondenti għal din it-trade mark […]”

133

Għaldaqstant, l-użu eventwali tal-logo DGP minn terzi għajr il-partijiet kontraenti ta’ DSD la jista’ jiġi imputat lill-Kummissjoni u lanqas lill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, ma hemm xejn li jipprekludi lil DSD milli tippreżenta rikors kontra tali terzi quddiem qrati nazzjonali kompetenti.

134

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 82 KE

L-argumenti tal-partijiet

135

Billi kkonstatat, b’mod li ma kienx suffiċjentement motivat u kuntrarjament għall-atti tal-proċess, li DSD adottat aġir abbużiv meta tat liċenzji għall-użu tal-logo DGP indipendentement mill-użu tas-sistema DSD u meta talbet il-ħlas ta’ dritt dovut abbażi tal-liċenzja anki meta min ikun ingħata l-liċenzja jġib prova li huwa ma użax is-sistema DSD, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 82 KE.

136

Skont DSD, kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet analiżi legali korretta, kienet tkun marbuta li tikkunsidra li DSD ma tagħtix liċenzja għall-użu tal-logo tagħha indipendentement mill-użu tas-sistema DSD, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni inkwistjoni tkun interpretata fis-sens li r-rifjut tal-liċenzja jikkostitwixxi abbuż. Għalhekk, l-imsemmija deċiżjoni għandha l-effett li tobbliga lil DSD tagħti liċenzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet neċessarji għal tali obbligu ma kinux sodisfatti. Dan in-nuqqas jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

137

DSD issostni wkoll li s-sentenza appellata għandha l-konsegwenza li tirrendi possibbli parteċipazzjoni parzjali fis-sistema DSD (inkluż, pereżempju, il-limitu biss ta’ 0.1% fuq l-imballaġġi bil-logo DGP) mingħajr ma DSD tkun tista’ tivverifika l-kredibbiltà jew il-leġittimità ta’ parteċipazzjoni minima. B’mod partikolari, DSD ma tkunx tista’ tivverifika jekk ir-raġunijiet, li skont id-deċiżjoni inkwistjoni jirrendu neċessarju t-twaħħil tal-logo DGP fuq il-prodotti kollha filwaqt li parti biss mill-prodotti jaqgħu taħt is-sistema DSD, kienu sodisfatti. L-eżempju ta’ parteċipazzjoni eventwalment minima u arbitrarja fis-sistema DSD, filwaqt li l-logo DGP jitwaħħal fuq l-imballaġġi kollha, jagħmilha iktar ċara li d-deċiżjoni inkwistjoni timponi obbligu li tingħata l-liċenzja għall-użu tal-imsemmi logo.

138

Il-Kummissjoni, Landbell u BellandVision ifakkru li d-deċiżjoni inkwistjoni u s-sentenza appellata mhumiex ibbażati fuq l-ipoteżi ta’ liċenzja għall-użu tal-logo DGP indipendentement mill-użu tas-sistema DSD, iżda jirrigwardaw l-ammont tad-dritt relatat mas-servizzi pprovduti. Bl-istess mod, id-deċiżjoni inkwistjoni u s-sentenza ma jwasslux għal konsegwenza li DSD tkun obbligata tagħti liċenzja għall-użu tal-logo DGP lill-manifatturi u lid-distributuri jekk hija ma tixtieqx tagħmel dan.

139

Skont Vfw, dan l-aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-suġġett tal-kawża, peress li l-Kummissjoni ma tixtieqx timponi fuq DSD l-obbligu li tagħti tali liċenzja, iżda biss li tipprekludiha milli tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha sabiex teskludi l-kompetizzjoni minn kompetituri oħrajn.

140

Interseroh tirrileva, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Prim’Istanza f’ebda parti tas-sentenza appellata ma tissuġġerixxi li DSD toffri liċenzja għall-użu tal-logo DGP indipendentement mill-użu tas-sistema DSD. Din is-sentenza lanqas ma timponi fuq DSD l-obbligu li tagħti tali liċenzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

141

Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 121 tas-sentenza appellata, mill-Artikolu 82(2)(a) KE jirriżulta li prattika abbużiva bħal din tista’ b’mod partikolari tikkonsisti fl-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet jew kundizzjonijiet inġusti ta’ kummerċ.

142

Fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li hemm aġir abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti meta impriża teżiġi, għal dawn is-servizzi, prezzijiet mhux ekwi jew sproporzjonati meta mqabbla mal-valur ekonomiku tas-servizz ipprovdut (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il-Kummissjoni, 226/84, Ġabra p. 3263, punt 27, u tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 46).

143

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 164 tas-sentenza appellata, wara l-analiżi li għamlet fil-punti 119 sa’ 163 ta’ din is-sentenza, l-imġiba ta’ DSD li hija kkritikat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni inkwistjoni u li tikkonsisti fil-ħlas ta’ dritt għall-imballaġġi kollha kkummerċjalizzati fil-Ġermanja mal-logo DGP, anki meta l-klijenti ta’ din il-kumpannija juru li huma ma jużawx is-sistema DGP għal parti minn dawn l-imballaġġi jew għall-imballaġġi kollha, tista’ tiġi analizzata bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti skont din id-dispożizzjoni u l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Barra minn hekk, mill-punti 107 sa 117 u 126 sa 133 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma suffiċjentement motivati u mhumiex ivvizzjati minn żbalji ta’ fatt u ta’ liġi invokati minn DSD fir-rigward tad-drittijiet esklużivi marbuta mal-logo DGP.

144

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament sostniet ukoll, fil-punt 91 tas-sentenza appellata li, fil-preżenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni kellha s-setgħa, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament 17, li tobbliga lil DSD ittemm il-ksur ikkonstatat.

145

Kif osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-istess punt tas-sentenza appellata, l-obbligu, impost fuq DSD permezz tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni, kien li tinkariga ruħha fir-rigward tal-firmatarji tal-kuntratt għall-użu tal-logo li ma titlobx il-ħlas ta’ dritt għall-imballaġġi ta’ bejgħ ikkummerċjalizzati fil-Ġermanja mal-logo DGP li fir-rigward tagħhom ma hemmx riferiment għas-servizz tal-obbligu tal-ipproċessar tal-iskart ta’ DSD u li fir-rigward tagħhom l-obbligi imposti mid-digriet dwar l-imballaġġi huma sodisfatti b’mod ieħor, huwa xejn inqas mill-korollarju tal-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tal-imsemmija setgħa li tobbliga lil DSD ittemm il-ksur.

146

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni DSD, l-obbligu impost mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni b’ebda mod ma jirriżulta f’obbligu ta’ għoti tal-liċenzja għall-użu tal-logo DGP. Fil-fatt, l-imsemmija deċiżjoni ma tinkludi ebda miżura li taffettwa l-liberta’ tal-għażla ta’ DSD fir-rigward tal-persuni li magħhom hija kkonkludiet kuntratt għall-użu tal-logo u li fir-rigward tagħhom, konsegwentement, tat l-imsemmija liċenzja. Id-deċiżjoni inkwistjoni tobbliga biss lil DSD ma titlobx ħlas mill-partijiet kontraenti tagħha għas-servizzi ta’ ġbir u ta’ rkupru li hija ma pprovdietx.

147

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx l-Artikolu 82 KE u, konsegwentement, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

L-argumenti tal-partijiet

148

L-ewwel nett, DSD issostni li d-digriet dwar l-imballaġġi u d-dritt tat-trade marks jipprekludu li din tiġi obbligata tagħti liċenzja għall-użu tal-logo DGP. Madankollu, il-miżuri imposti mill-Artikoli 3 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni jammontaw għall-obbligu impost fuqha. Billi naqset milli taċċetta dawn il-miżuri bħala illegali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 3 tar-Regolament 17, li jipprovdi li fejn il-Kummissjoni ssostni li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE jew tal-Artikolu 82 KE, hija tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lill-impriżi interessati li jtemmu dan il-ksur.

149

It-tieni nett, DSD issostni li d-digriet dwar l-imballaġġi u d-dritt tat-trade marks jipprekludu li tiġi pprojbita milli teżiġi mingħand il-klijenti tagħha li jwaħħlu, fuq l-imballaġġi li jużaw, il-logo DGP, iżda li ma jintremewx mis-sistema DSD, nota ta’ spjegazzjoni li tippermetti li jiġi nnewtralizzat l-effett distintiv ta’ dan il-logo. Billi ċaħdet, fil-punt 200 tas-sentenza appellata, l-argument tagħha li jipprovdi li l-imballaġġi li jużaw il-logo DGP u li jintremew mis-sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġu distinti minn dawk li jużaw l-istess logo iżda li ma jintremewx minn dik is-sistema, hija injorat il-fatt li l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni inkwistjoni jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

150

Skont il-Kummissjoni, Landbell u BellandVision, l-ewwel argument ippreżentat fil-kuntest ta’ dan l-aggravju huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata li skontha l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq l-ipoteżi ta’ liċenzja separata għall-użu tal-logo DGP.

151

Fir-rigward tat-tieni argument ta’ DSD, il-Kummissjoni ssostni li la d-digriet dwar l-imballaġġi u lanqas id-dritt tat-trade marks ma jeħtieġu l-identifikazzjoni tad-diversi imballaġġi għall-attribuzzjoni lis-sistema DSD jew lil sistema oħra. Landbell u BellandVision huma wkoll ta’ din il-fehma u jsostnu li nota ta’ spjegazzjoni li tipprovdi li l-imballaġġ mhuwiex parti mis-sistema DSD ma tkunx tista’ tirrimedja l-aġir abbużiv ta’ DSD.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

152

Kif ġie kkonstatat fil-punt 146 tas-sentenza preżenti, id-deċiżjoni inkwistjoni ma timponix obbligu fuq DSD għall-għoti ta’ liċenzja għall-użu tal-logo DGP.

153

Għaldaqstant, l-ewwel argument invokat insostenn tas-sitt aggravju ma jistax jintlaqa’.

154

Fir-rigward tal-argument ta’ DSD li jgħid li l-imballaġġi li għandhom il-logo DGP u huma pproċessati skont is-sistema DSD għandhom ikunu jistgħu jiġi distinti minn dawk li fuqhom hemm imwaħħal dan il-logo iżda li mhumiex ipproċessati minn din is-sistema, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 200 tas-sentenza appellata li, fir-rigward tal-eżistenza ta’ sistemi mħallta, mhuwiex possibbli li ssir id-distinzjoni mixtieqa minn DSD.

155

Din il-konstatazzjoni mhijiex żbaljata. Kif ġie espost fil-punt 129 tas-sentenza preżenti, DSD timponi hija nfisha fuq il-partijiet kontraenti tagħha t-twaħħil tal-logo DGP fuq l-imballaġġi kollha li huma nnotifikati lilha. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 240 tal-konklużjonijiet tiegħu, mhuwiex possibbli li jiġi determinat minn qabel l-iżvolġiment fir-rigward ta’ imballaġġ. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli, fil-mument li fih il-prodott li għandu l-imballaġġ huwa mballat u mibjugħ, li jiġu distinti prodotti li għandhom il-logo DGP u li huma effettivament ipproċessati mis-sistema DSD minn dawk li għandhom l-istess logo u li huma pproċessati minn sistema oħra.

156

Konsegwentement, it-tieni argument invokat insostenn tas-sitt aggravju huwa wkoll infondat.

157

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq difett proċedurali

L-argumenti tal-partijiet

158

DSD tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ.

159

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet konstatazzjonijiet ġodda, ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet waqt is-seduta. DSD tirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija għamlet bilkemm tliet ġimgħat qabel is-seduta, jew matul is-seduta, mingħajr ma indikat il-konsegwenzi li hija kienet ser tikkonkludi mit-tweġibiet mogħtija jew kif dawn il-mistoqsijiet kienu marbuta mal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni inkwistjoni.

160

L-imsemmija konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma wkoll ġodda peress li l-għan tagħhom la jidher fid-deċiżjoni kkkontestata u lanqas fis-sottomissjonijiet ta’ DSD jew tal-Kummissjoni.

161

DSD tirreferi, b’mod partikolari, għal żewġ konstatazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa waħda, dik li tinsab b’mod partikolari fil-punti 139 u 154 tas-sentenza appellata, li tistabbilixxi li l-imballaġġi fdati lil DSD jistgħu jaqgħu simultanjament kemm taħt sistema kollettiva kif ukoll taħt sistema individwali u, min-naħa l-oħra, dik imsemmija fil-punti 137 u 139 ta’ din is-sentenza, li tistabbilixxi li d-digriet dwar l-imballaġġi jipprovdi għadd kbir ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni li jippermettu lill-manifatturi u lid-distributuri li jassumu l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmi digriet billi jattribwixxu a posteriori l-imballaġġi lil sistema individwali jew kollettiva.

162

Skont il-Kummissjoni, Vfw, Landbell u BellandVision, is-sentenza appellata ma tinkludi xejn ġdid fid-dawl ta’ dak li diġà ġie eżaminat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

163

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss tista’ tiddeċiedi fir-rigward tal-bżonn eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi quddiemha. Il-kwistjoni ta’ jekk il-provi li ġew ippreżentati quddiemha humiex suffiċjenti għandha tiġi eżaminata minnha biss u ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għajr fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta mill-atti tal-proċess (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 19, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C-75/05 P u C-80/05 P, Ġabra p. I-6619, punt 78).

164

Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata fir-rigward tal-fatt li, qabel u waqt is-seduta, għamlet serje ta’ mistoqsijiet lill-partijiet sabiex tikkompleta l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha u waslet għal ċerti konklużjonijiet mit-tweġibiet mogħtija mill-partijiet għal dawk il-mistoqsijiet.

165

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat is-suġġett tal-kawża kif jirriżulta mir-rikors ippreżentat minn DSD u naqset milli żżid elementi ġodda ma’ dawk li hemm fid-deċiżjoni inkwistjoni. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-possibbiltà li jitħalltu bosta sistemi ta’ ġbir u ta’ rkupru, mill-punti 20 u 23 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-kwistjoni tas-sistemi mħallta ġiet eżaminata mill-Kummissjoni waqt l-inkjesta li hija wettqet u li din il-kwistjoni ma tikkostitwixxix, konsegwentement, element ġdid miżjud fil-proċess mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

166

Isegwi li s-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ fi żmien raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

167

DSD issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet irregolarità proċedurali u ppreġudikat l-interessi tagħha billi ma osservatx id-dritt fundamentali għal smigħ fi żmien raġonevoli, kif rikonoxxut fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

168

DSD tfakkar li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bdew fil-5 ta’ Lulju 2001 u ntemmu fl-24 ta’ Mejju 2007. Anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limiti inerenti għall-proċeduri li nbdew quddiem il-qrati Komunitarji, dan it-terminu huwa eċċessivament twil. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, bejn in-notifika tat-tmiem il-proċedura bil-miktub, fid-9 ta’ Settembru 2002 u d-deċiżjoni meħuda fid-19 ta’ Ġunju 2006 li tinfetaħ il-proċedura orali u li l-partijiet jintalbu jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet matul is-seduta, iktar minn 45 xahar għaddew mingħajr ma ttieħdet ebda miżura matul dan il-perijodu.

169

DSD tirrileva wkoll li t-terminu eċċessiv tal-proċedura jikkostitwixxi ksur gravi tal-interessi tagħha, ikkarratterizzat, fost l-oħrajn, minn ksur tal-mudell kuntrattwali u kummerċjali tagħha, kif ukoll minn ċaħda tal-possibbiltà li jitħallas dritt xieraq għas-sempliċi użu tal-logo DGP.

170

Skont DSD, minn qari flimkien tal-Artikoli 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li aggravju invokat insostenn ta’ appell, u li huwa bbażat fuq difett proċedurali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li ppreġudika l-interessi tar-rikorrenti jkun fondat, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi annullata mill-Qorti tal-Gustizzja. Din ir-regola hija ġġustifikata, kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex jiġi ggarantit rimedju immedjat u effettiv kontra tali difett.

171

Filwaqt li terġa’ tinvoka l-Artikoli 58 u 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, DSD tqis li tali difett proċedurali quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jiġġustifika l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali difett kellux effett fuq l-eżitu tal-kawża.

172

Il-Kummissjoni, Landbell u BellandVision jirrilevaw li, fil-kawża inkwistjoni, ma hemm xejn li jippermetti l-konklużjoni li kien hemm relazzjoni bejn it-tul tal-proċeduri u l-eżitu tagħhom. Barra minn hekk, l-annullament tas-sentenza appellata għandu l-effett li jtawwal iżjed il-proċeduri.

173

Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-proċeduri kien ġustifikat mill-kumplessità tal-kawża, li għalih hija responsabbli DSD, sa fejn hija ddepożitat sottomissjonijiet voluminużi li kellhom numru ta’ annessi. Dan kien ukoll il-każ fil-Kawża T-289/01, li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ttrattat b’mod paralleli mal-Kawża T-151/01, li fiha ġiet deċiża s-sentenza appellata.

174

Fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ DSD dwar il-preġudizzju fil-konfront tal-interessi tagħha, il-Kummissjoni tqis li dawn huma żbaljati. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-mudell kummerċjali ta’ DSD, il-Kummissjoni tirrileva li kull dispożizzjoni adottata skont l-Artikolu 82 KE li teħtieġ li abbuż jintemm neċessarjament teħtieġ li l-politika kummerċjali tal-impriża kkonċernata tinbidel.

175

Vfw issostni li DSD ma soffriet ebda żvantaġġ minħabba t-tul tal-proċeduri, sa fejn hija setgħet tkompli bl-attivitajiet tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq ma kinitx iddgħajfet b’mod sinjifikanti. Barra min hekk, anki jekk jiġi aċċettat li l-interessi tar-rikorrenti kienu ġew aċċettati, l-annullament tas-sentenza appellata jkun sproporzjonat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

176

Kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tistħarreġ jekk id-difetti proċedurali li jippreġudikaw l-interessi tar-rikorrenti twettqux mill-Qorti tal-Prim’Istanza u għandha tiżgura li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ġew osservati (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 19, u tal-15 ta’ Gunju 2000, TEAM vs Il-Kummissjoni, C-13/99 P, Ġabra p. I-4671, punt 36).

177

Fir-rigward tad-difett invokat fil-kuntest tal-aggravju preżenti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprovdi li fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u tal-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa bil-liġi.

178

Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, dan id-dritt huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 21, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost et La Poste vs UFEX et, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 45).

179

Barra minn hekk, dan id-dritt ġie kkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament, dan l-artikolu jirrigwarda l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punt 335, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C-47/07 P, Ġabra p. I-9761, punt 50).

180

Sa fejn il-Kummissjoni u Vfw jikkontestaw l-eżistenza ta’ rabta bejn it-tul tal-proċeduri u l-interessi ta’ DSD u għalhekk iqajmu l-kwistjoni dwar jekk l-aggravju preżenti jikkonċernax tabilħaqq difett proċedurali li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat li impriża li tippreżenta rikors sabiex tannulla deċiżjoni li tobbligaha tadatta l-kuntratt standard li hija tkun parti kontraenti minnu flimkien mal-klijenti tagħha, għandha, għal raġunijiet evidenti ta’ politika kummerċjali, interess ċar li tingħata deċiżjoni fi żmien raġonevoli fir-rigward tal-argumenti li permezz tagħhom hija ssostni li l-imsemmija deċiżjoni hija illegali. Il-fatt li, f’kawżi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar it-tul tal-proċeduri fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 154, kif ukoll Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 115), filwaqt li, fil-każ inkwistjoni, ma ġietx imposta tali multa fuq DSD, mhuwiex rilevanti f’dan il-kuntest.

181

Għandu jitfakkar ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħal ma huma l-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas-26 ta’ Marzu 2009, Efkon vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-146/08 P, punt 54).

182

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward li l-lista ta’ dawn il-kriterji mhijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ma teżiġix eżami sistematiku tal-fatti tal-kawża fid-dawl ta’ kull waħda minnhom peress li t-tul tal-proċeduri jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ waħda minn dawn. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża jew l-aġir tar-rikorrent li joħloq dewmien jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jiġġustifikaw terminu li huwa prima facie twil (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et, vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 188, kif ukoll Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

183

Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li t-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li damu madwar 5 snin u 10 xhur, ma jista’ jiġi ġġustifikat b’ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża.

184

Jidher, b’mod partikolari, li t-terminu bejn in-notifika, f’Settembru 2002, fi tmiem il-proċedura bil-miktub u l-bidu, f’Ġunju 2006, tal-proċedura orali dam 3 snin u 9 xhur. It-tul ta’ dan il-perijodu ma jistax jiġi spjegat permezz tal-fatti tal-kawża, kemm jekk bil-kumplessità tal-kawża, bl-aġir tal-partijiet jew b’elementi proċedurali.

185

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kumplessità tal-kawża, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorsi ppreżentati minn DSD kontra d-deċiżjoni inkwistjoni u d-Deċiżjoni 2001/837, filwaqt li rrikjedew eżami fid-dettall tad-digriet dwar l-imballaġġi, tar-rabtiet kuntrattwali ta’ DSD, u tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u ta’ argumenti invokati minn DSD, ma kinux ta’ diffikultà jew ta’ skop li pprekludew lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli teżamina dawn il-proċessi u milli tipprepara l-proċedura orali f’terminu ta’ inqas minn 3 snin u 9 xhur.

186

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fil-każ ta’ proċedimenti dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbażaw ruħhom fuqu l-operaturi ekonomiċi, u l-għan li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni mhijiex distorta fis-suq intern huma ta’ importanza kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrent u għall-kompetituri tiegħu, iżda wkoll għal terzi, minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u l-interessi finanzjarji inkwistjoni (sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). Fil-kawża inkwistjoni, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti ta’ DSD, tad-daqs tas-suq tas-servizzi li kienu joperaw fih DSD u l-kompetituri tagħha, tal-effetti possibbli tal-eżitu tal-kawża fuq il-prassi li għandha tiġi segwita u fuq id-drittijiet li għandhom jitħallsu mill-manifatturi u mid-distributuri ta’ prodotti imballati u tal-kwistjonijiet imqajma mill-kawża dwar l-użu mifrux tal-logo DGP, it-terminu li għadda bejn tmiem il-proċedura bil-miktub u l-fażi sussegwenti kien eċċessiv.

187

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 293 sa 299 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi terminu la ġie interrott mill-adozzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni u lanqas minn kwistjonijiet proċedurali mqajma mill-partijiet.

188

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jingħad li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kisru r-rekwiżiti marbuta mal-osservanza ta’ smigħ fi żmien raġonevoli.

189

Fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, DSD tinvoka r-regola, stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li, fil-każ ta’ appell li huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Peress li l-aggravju preżenti huwa bbażat fuq ksur ta’ smigħ fi żmien raġonevoli u peress li dan jikkostitwixxi difett proċedurali li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti skont l-Artikolu 58 ta’ dan l-Istatut, il-konstatazzjoni ta’ dan id-difett għandu neċessarjament iwassal, fil-fehma ta’ DSD, għall-annullament tas-sentenza appellata, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tali difett kellux effett fuq l-eżitu tal-kawża. Fin-nuqqas ta’ tali annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tikser l-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha.

190

Permezz ta’ dan l-argument, DSD tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha, li tgħid li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ smigħ fi żmien raġonevoli jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata biss meta jkun hemm indikazzjonijiet li t-terminu eċċessiv tal-proċeduri affettwa l-eżitu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49). Fil-kawża inkwistjoni, DSD ma stabbilixxietx li jeżistu tali indikazzjonijiet.

191

Huwa ċertament minnu li, kif tenfasizza DSD, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ smigħ fi żmien raġonevoli jikkostitwixxi difett proċedurali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

192

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat u implementat b’mod utli.

193

Sa fejn ma hemm xejn li jindika li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ smigħ xieraq kellu effett fuq l-eżitu tal-kawża, l-annullament tas-sentenza appellata ma jirrimedjax il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li twettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

194

Barra minn hekk, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 305 u 306 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tan-neċessità li jiġi osservat id-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippermetti lir-rikorrenti li terġa’ tikkontesta l-eżistenza ta’ ksur, biss fuq il-bażi li kien hemm ksur tas-smigħ fi żmien raġonevoli, fejn l-aggravji kollha intiżi kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar dan il-ksur u l-proċeduri amministrattiva marbuta miegħu ġew miċħuda bħala infondati.

195

Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 307 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ smigħ fi żmien raġonevoli mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax jagħti lok għal talba għad-danni abbażi ta’ rikors ippreżentat kontra l-Komunità, skont l-Artikolu 235 KE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE.

196

Konsegwentement, l-argument ta’ DSD li jipprovdi li l-iskadenza ta’ żmien raġonevoli għandu, sabiex jiggarantixxi rimedju kontra difett proċedurali, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, huwa infondat. Għaldaqstant, it-tmien aggravju għandu jiġi miċħud.

197

Peress li l-ebda aggravju mqajjem minn DSD ma ġie milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

198

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni, Intersoh, Vfw, Landbell u BellandVision talbu għall-kundanna ta’ DSD u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ din l-istanza.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-istanza preżenti sostnuti mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet, Intersoh Dienstleistungs GmbH, Vfw GmbH, Landbell AG für Rückhol-Systeme u BellandVision GmbH.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.