Kawża C-112/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 56 KE — Dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-kumpannija pubblika Volkswagen”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fit-3 ta' Frar 2005 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji

(Artikolu 56(1) KE)

Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu, taħt l-Artikolu 56(1) KE, Stat Membru li jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li żżomm flimkien, bħala deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji, limitu għad-drittijiet tal-vot kull azzjonist ta’ kumpannija sstabilit għal 20 % tal-kapital tal-imsemmija kumpannija mal-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital tal-kumpannija għall-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali u li tagħti lil Stat Membru u kollettività territorjali ta’ dak l-Istat id-dritt, derogatorja mid-dritt komuni, li jinnominaw żewġ rappreżentanti kull wieħed fil-Bord tad-Diretturi ta’ l-imsemmi kumpannija.

Għal dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ limitu ta’ maġġoranza għal iktar minn 80 % tal-kapital tal-kumpannija, din il-ħtieġa, li hija derogatorja mid-dritt komuni, imposta permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika, tagħti b’hekk lil kull azzjonist li jkollu 20 % tal-kapital tal-kumpannija l-possibbiltà li jkollu minoranza ta’ veto u joħloq, skond il-każ, strument li jippermetti lill-atturi pubbliċi jirriżervaw għalihom, b’investiment iżjed ridott milli huwa mitlub mid-dritt komuni tal-kumpanniji, minoranza ta’ veto li jippermettilhom jopponu deċiżjonijiet importanti. Billi jillimita d-drittijiet tal-vot fuq l-istess livell ta’ 20 %, il-leġiżlazzjoni speċifika tfassal qafas ġuridiku li jagħti lill-imsemmija atturi pubbliċi l-possibbiltà li jeżerċitaw, permezz ta’ dan l-investiment iktar ridott, influwenza sostanzjali. Din is-sitwazzjoni, safejn tillimita l-possibbiltà ta’ l-azzjonisti l-oħra milli jipparteċipaw fil-kumpannija bil-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha, li tippermettilhom parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, tista’ tiddisswadi investituri diretti minn Stati Membri oħra, inaqqsu l-interess milli jinxtraw l-ishma ta’ l-imsemmija kumpannija, u b’hekk jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment tal-kapital.

L-istess jgħodd għad-dritt ta’ għażla ta’ żewġ rappreżentanti fuq il-Bord tad-Diretturi, peress li huwa dritt speċifiku, li jidderoga mid-dritt komuni tal-kumpanniji għas-sempliċi benefiċċju ta’ l-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali. Billi jagħtihom għaldaqstant il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod iktar rilevanti fl-attività tal-Bord tad-Diretturi milli kienu jkunu jistgħu fis-sempliċi kwalità tagħhom bħala azzjonisti, l-imsemmi miżura toħloq għaldaqstant strument li jagħti lill-atturi pubbliċi l-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza li tmur lil hinn mill-investimenti tagħhom.

(ara l-punti 43-46, 50-52, 54, 56, 59, 61-62, 64, 66, 68, 82 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

23 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 56 KE – Dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar il-kumpannija pubblika Volkswagen”

Fil-kawża C-112/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-4 ta’ Marzu 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn F. Benyon u G. Braun, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

                                                      vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u A. Dittrich, bħala aġenti, assistiti minn H. Wissel, Rechtsanwalt,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Makarczyk, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (3) tal-Liġi tal-21 ta’ Lulju 1960, dwar il-privatizzazzjoni ta’ l-ishma tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volgswagenwerk (Gesetz über die Überführung der Anteilsrechte an der Volkswagenwerk Gesellschaft mit beschränkter Haftung in private Hand, BGBl. 1960 I, p. 585, u BGBl. 1960 III, p. 641-1-1), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“Liġi VW”), jiksru l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

 Il-kuntest Ġuridiku

 Il-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi

2       L-Artikolu 134(1) tal-Liġi fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Aktiengesetz), tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1089, iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi”) kif emendata permezz tal-Liġi fuq il-kontroll u t-trasparenza fis-settur ta’ l-impriżi (Gesetz zur Kontrolle und Transparenz im Unternehmensbereich), tas-27 ta’ April 1998 (BGBl. 1998 I, p. 786), jipprovdi li:

“Id-dritt tal-vot huwa skond l-ammont nominali ta’ l-ishma jew, jekk jirrigwarda l-ishma nnifishom (‘Stückaktien’), skond in-numru tagħhom. Fil-każ ta’ kumpanniji mhux ikkwotati, l-istatuti jistgħu, ladarba azzjonist jippossjedi numru ta’ ishma, jillimitaw id-dritt tal-vot billi jiġi ffissat livell assolut jew progressiv. […]”

3       L-Artikolu 101(2) tal-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi jipprovdi li:

“L-Istatut għandu jipprovdi d-dritt illi jinħatru rappreżentanti fil-Bord tad-Diretturi, u dan jista’ jingħata biss lil ċerti azzjonisti jew lil min ikollu ċerti ishma. F’dan l-aħħar każ, id-dritt ta’ rappreżentanza tingħata biss jekk l-ishma jkunu rreġistrati u jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti biss bl-awtorizzazzjoni tal-kumpannija. L-ishma ta’ l-azzjonisti li għandhom dan id-dritt ma jikkostitwixxux kategorija partikolari. Komplessivament, id-dritt ta’ rappreżentantza mogħtija huma limitat għal terz tan-numru ta’ rappreżentanti ta’ l-azzjonisti fil-Bord tad-Diretturi stabbilit mil-liġi jew mill-istatuti. Dan ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tal-[Liġi VW] fuq dan is-suġġett.”

 Il-Liġi VW

4       L-Artikolu 1(1) tal-Liġi VW jindika li l-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volkswagenwerk saret kumpannija pubblika (iktar ’il quddiem “Volkswagen”).

5       L-Artikolu 2 tal-Liġi VW, dwar id-dritt tal-vot u l-limitazzjonijiet ta’ dan id-dritt jipprovdi fis-subartikolu 1 tiegħu:

“Id-dritt tal-vot ta’ azzjonist li għandu ishma li l-ammont irreġistrat tagħhom jaqbeż 20 % tal-kapital tal-kumpannija għandu jiġi ristrett għan-numru ta’ voti mogħtija għall-ammont ta’ ishma rreġistrati li jikkostitwixxu 20 % tal-kapital tal-kumpannija.”

6       L-Artikolu 3 ta’ l-istess liġi, dwar ir-rappreżentanza għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot jipprovdi fis-subartikolu 5 tiegħu li:

“Ħadd ma jista’, fil-laqgħa ġenerali, jeżerċita dritt ta’ vot li jikkorrispondi għal ammont ta’ ishma superjuri għal 20 % tal-kapital ta-kumpannija.”

7       L-Artikolu 4 tal-liġi, intitolata, “Struttura tal-Kumpannija”, jgħid li ġej:

“1.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Land tas-Sassonja t’Isfel jistgħu kull waħda minnhom jagħżlu żewġ membri mill-Bord tad-Diretturi sakemm dawn ikunu azzjonisti fil-kumpannija.

[…]

3.      Id-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali li taħt il-Liġi fuq il-Kumpanniji Pubbliċi jeħtieġu maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-kapital tal-kumpannija rrappreżantat fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħhom jeħtieġu maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital tal-kumpannija rrappreżentat fil-mument ta’ din l-adozzjoni.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

8       Wara li intimat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ l-Artikoli 2(1) u 4(1) u (3) tal-Liġi VW, il-Kummissjoni, fl-1 ta’ April 2004, bagħtet opinjoni motivata fejn indikat li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment iggarantiti rispettivament mill-Artikoli 56 KE u 43 KE. Billi l-imsemmi Stat Membru baqa’ ma ħax il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fit-terminu preskritt, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors, u in sostenn tiegħu hija ssostni li ż-żamma fis-seħħ ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet tikser l-Artikoli 56 KE u 43 KE.

 Fuq ir-rikors

9       Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Liġi VW, safejn, fl-ewwel lok, jillimitaw, kontra d-dritt komuni, id-dritt tal-vot ta’ kull azzjonist għal 20 % tal-kapital tal-kumpannija ta’ Volkswagen, fit-tieni lok, jeħtieġu maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital irrappreżantat għad-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali li, skond id-dritt komuni m’għandhomx jirrikjedu iktar minn maġġoranza ta’ 75 % u, fit-tielet lok, jippermettu, kontra d-dritt komuni, lill-Istat Federali u lil-Land tas-Sassonja t’Isfel li jagħżlu għal kull wieħed minnhom żewġ rappreżentanti fil-Bord ta’ Diretturi ta’ l-imsemmija kumpannija, huma tali li jipprekludu l-investimenti diretti u, għaldaqstant, jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens ta’ l-Artikolu 56 KE.

10     Il-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda argument partikolari sabiex tistabbilixxi ksur ta’ l-Artikolu 43 KE.

11     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-fondatezza tal-motiv tal-Kummissjoni dovut għall-ksur ta’ l-Artikolu 56 KE.

12     Billi tosserva li l-Kummissjoni ma tesprimix ruħha fuq il-motiv dovut għall-ksur ta’ l-Artikolu 43 KE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiddeduċi li dan il-motiv sar bla skop.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 43 KE

13     Skond ġurisprudenza stabbilita, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż-żamma, minn ċittadin ta’ l-Istat Membru kkonċernat, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C-251/98, Ġabra p. I-2787, punt 22; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 31, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

14     F’dan il-każ, jirriżulta mill-inkartament, b’mod partikolari mill-argumenti ppreżentati għad-difiża tagħha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi VW in kwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jikkomportaw, minn ta’ l-inqas parzjalment, is-sitwazzjoni tal-kontroll eventwali ta’ Volkswagen minn azzjonist li jkollu l-intenzjoni jeżerċita influwenza dominanti fuq l-impriża.

15     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kemm fir-rikors tagħha, fir-replika tagħha, kif ukoll matul is-seduta, il-Kummissjoni naqqset milli tinvoka argument speċifiku in sostenn ta’ restrizzjoni eventwali tal-libertà ta’ stabbiliment.

16     B’hekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud safejn huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 43 KE.

 Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 56 KE

17     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn Stati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18     Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat, tal-kunċett ta’ “movimenti tal-kapital” skond l-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet valur indikattiv għan-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5). Għalhekk, huma, b’mod partikolari, l-investimenti diretti, jiġifieri, kif jirriżulta minn din in-nomenklatura u min-noti ta’ spjegazzjoni relatati magħha, l-investimenti ta’ kull tip li jsiru mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-impriża li għaliha huma ddestinati dawn il-flus sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika, li jikkostitwixxu movimenti tal-kapital skond l-Artikolu 56(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punti 179 sa 181 u ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 33 u 34). Għal dak li jirrigwarda l-ishma f’impriżi ġodda jew eżistenti, kif jikkonfermaw in-noti ta’ spjegazzjoni, l-għan li jinħolqu jew li jinżammu rabtiet ekonomiċi fit-tul jippreżupponi li l-ishma li għandu l-azzjonist jagħtuh, jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata jew mod ieħor, il-possibbiltà li jipparteċipa effettivament fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 182, u Holböck, punt 35; ara wkoll is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I-4731, punt 38; Il-Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, Ġabra p. I-4781, punt 37; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑503/99, Ġabra p. I‑4809, punt 38; tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punt 53; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/01, Ġabra p. I‑4641, punt 40; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑174/04, Ġabra p. I-4933, punt 28, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

19     Fir-rigward ta’ din il-forma ta’ investiment, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġi kkwalifikati bħala “restrizzjonijiet” skond l-Artikolu 56(1) KE miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew jillimitaw l-akkwist ta’ ishma fl-impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiddisswadu l-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tagħhom (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 45; Il-Kummissjoni vs Franza, punt 41; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 61; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 47; Il-Kummissjoni vs L-Italja, punti 30 u 31, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 20).

20     F’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li l-Liġi VW ma tikkostitwixxix miżura nazzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fit-tliet punti preċedenti. Hija żżid li d-dispożizzjonijiet tal-liġi li qed jiġu kkontestati, meħuda waħedhom jew flimkien, lanqas ma jikkostitwixxu restrizzjonijiet skond l-imsemmija ġurisprudenza.

21     Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati d-diversi argumenti li l-Kummissjoni tagħmel in sostenn tal-motiv tagħha dovut għall-ksur ta’l-Artikolu 56 KE.

 Fuq l-eżistenza ta’ miżura nazzjonali

 L-argumenti tal-partijiet

22     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li l-Liġi VW hija bbażata fuq kompromess li ntlaħaq fl-1959 bejn il-persuni u l-gruppi li, matul is-snin 50, sostnew xi drittijiet fuq il-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volkswagenwerk. F’dak iż-żmien, kemm is-sindakati u l-impjegati, kif ukoll l-Istat Federali u l-Land tas-Sassonja t’Isfel invokaw drittijiet fuq din l-impriża. Fil-kuntest ta’ dan il-kompromess, l-impjegati u s-sindakati, sabiex jirrinunzjaw milli jinvokaw drittijiet fuq din l-impriża, kisbu l-assigurazzjoni li jiġu mħarsa minn azzjonist kbir li waħdu jiddomina l-imsemmija kumpannija.

23     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega li dan il-kompromess ġie fis-seħħ l-ewwel nett bil-konklużjoni, fit-12 ta’ Novembru 1959, ta’ kuntratt (“Staatsvertrag”) bejn l-Istat Federali u l-Land tas-Sassonja t’Isfel, imbagħad bl-adozzjoni, abbażi ta’ dan il-kuntratt, tal-Liġi tad-9 ta’ Mejju 1960, li tirregola s-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volkswagenwerk (Gesetz über die Regelung der Rechtsverhältnisse bei der Volkswagenwerk Gesellschaft mit beschränkter Haftung, BGBl. 1960 I, p. 301), u wara mill-adozzjoni, fis-6 ta’ Lulju 1960, ta’ l-Istatuti ta’ Volkswagen u, fl-aħħar nett, tal-Liġi VW, li tiġbor ir-regoli diġà stabbiliti f’dawn l-istatuti.

24     Skond l-imsemmi Stat Membru, il-Liġi VW, ladarba ħolqot il-kumpannija pubblika Volkswagen u pproċediet għall-privatizzazzjoni tagħha, tesprimi sempliċement ir-rieda ta’ l-azzjonisti kif ukoll tal-persuni u tal-gruppi l-oħra kollha li invokaw drittijiet ta’ natura privata fuq din l-impriża. Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, din il-liġi għandha għaldaqstant tiġi mifthiema bħala ftehim bejn min jippossjedi ishma. Skond il-massima pacta sunt servanda, dan il-kompromess għadu jgħodd sa llum.

25     Il-Kummissjoni tqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet storiċi huma neqsin minn rilevanza. L-ilmenti li hija tindirizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jikkonċernawx ir-raġunijiet ta’ l-attività leġiżlattiva li dan l-Istat wettaq fl-1960, iżda jikkonċernaw in-nuqqas ta’ azzjoni attwali tiegħu mill-aspett leġiżlattiv safejn il-Liġi VW ilha tikser, għal żmien twil, il-ħtiġijiet tal-moviment liberu tal-kapital.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     Li kieku kellu jitqies, bħal ma ssostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Liġi VW tirriproduċi ftehim li għandu jiġi kkwalifikat bħala kuntratt taħt id-dritt privat, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fatt li dan il-ftehim kien suġġett ta’ liġi huwa biżżejjed sabiex jitqies, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, li huwa miżura nazzjonali.

27     Fil-fatt, l-eżerċizzju tal-kompetenza leġiżlattiva mill-awtoritajiet nazzjonali debitament abilitati f’dan ir-rigward jikkostitwixxi eżempju ċar tal-manifestazzjoni tas-setgħa ta’ l-Istat.

28     Għandu barra minn hekk jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-liġi in kwistjoni ma jistgħux jiġi emendati iżjed mis-sempliċi rieda tal-partijiet fil-ftehim inizjali, iżda kull emenda titlob il-vot ta’ liġi ġdida, skond il-proċeduri tad-dritt kostituzzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

29     Taħt dawn il-kundizzjonijiet, l-argument ta’ din ta’ l-aħħar, li jgħid li l-Liġi VW ma tikkostitwixxix miżura nazzjonali fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet

30     Fir-rigward ta’ l-argument tal-partijiet li jikkonċerna l-ewwel żewġ ilmenti kif ukoll l-effetti sħaħ li jagħtu lok għaż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Liġi VW implementati fil-kuntest ta’ dawn l-ilmenti, jeħtieġ li dawn ta’ l-aħħar jiġu eżaminati flimkien.

 Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti, dovuti għal-limitu tad-drittijiet tal-vot għal 20 % u għall-iffissar ta’ minoranza ta’ veto għal 20 %

–       L-argumenti tal-partijiet

31     Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-limitu għad-dritt tal-vot ta’ kull azzjonist għal 20 % tal-kapital tal-kumpannija Volkswagen, taħt l-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW, il-Kummissjoni ssostni li din ir-regola tikkontradixxi l-ħtieġa ta’ rabta bejn il-parteċipazzjoni għall-imsemmi kapital u d-drittijiet tal-vot relatati magħha. Filwaqt li tammetti li l-limitu għad-dritt tal-vot huwa strument attwali tad-dritt tal-kumpanniji, użat fi Stati Membri oħra wkoll, id-differenza tkun kunsiderevoli skond jekk l-Istat joffrix il-possibbiltà li dan l-instrument jiġi introdott fl-istatuti ta’ kumpannija, bħal ma hu l-każ fid-dritt Ġermaniż għall-kumpanniji pubbliċi mhux ikkwotati fil-borża, jew li jadotta, bħala leġiżlatur, dispożizzjoni f’dan ir-rigward għal impriża waħda biss u, definittivament, favurih, bħal ma hu l-każ ta’ l-Artikolu 2(1) ta-Liġi VW.

32     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tfakkar li, meta ġiet ikkostitwita l-Volkswagen, il-limitu għad-dritt tal-vot kien ġie ffissat għal 0,01 % għall-azzjonisti kollha, bl-eċċezzjoni ta’ l-Istat Federali u tal-Land tas-Sassonja t’Isfel li setgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha tagħhom għall-pro rata tal-parteċipazzjoni tagħhom ta’ 20 % kull wieħed. Madankollu, matul is-sena 1970, din l-eċċezzjoni favur dawn iż-żewġ atturi ġiet abolita u l-limitu għad-drittijiet tal-vot tela’ għal 20 % sabiex japplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonisti kollha. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, id-dispożizzjoni in kwistjoni tal-Liġi VW hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-azzjonisti kollha tal-Volkswagen. Il-kuntest ġuridiku jiddistingwi ruħu f’dan ir-rigward minn dawk li kienu in kawża fil-ġurisprudenza li għaliha tirreferi l-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi, f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punti 36 u 44; Il-Kummissjoni vs Franza, punti 35 u 40; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 36; Il-Kummissjoni vs Spanja, punti 51 u 56; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punti 38 u 43, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 26). Din il-ġurisprudenza kienet tikkonċerna, fil-fatt, drittijiet speċjali stabbiliti favur l-Istat. Skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, estensjoni eventwali tal-qasam protett tal-moviment liberu tal-kapital lil hinn mid-drittijiet speċjali ta’ l-Istat testendi b’mod infinit il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-libertà.

33     Billi jikkontesta l-argument li jgħid li għandha teżisti rabta bejn il-parteċipazzjoni fil-kapital ta’ kumpannija u d-drittijiet tal-vot ta’ l-azzjonisti tagħha, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-leġiżlatur nazzjonali għandu l-libertà li jilleġiżla fil-qasam tad-dritt nazzjonali tal-kumpanniji u li jipprovdi regoli applikabbli għal ċerti gruppi ta’ impriżi, jew saħansitra għal impriża waħda, ladarba l-ebda xkiel ma jirriżulta minn din il-leġiżlazzjoni.

34     Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-iffissar ta’ minoranza ta’ veto għal 20 %, il-Kummissjoni ssostni li, billi titlob maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital irrappreżentat għad-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali li ma jeżiġux biss, skond id-dritt komuni tal-kumpanniji, maġġoranza ta’ mill-inqas 75 %, l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW jippermetti lil-Land tas-Sassonja t’Isfel, fid-dawl ta’ l-ishma ta’ madwar 20 % li jippossjedi sa minn meta ġiet ipprivatizzata Volkswagen, li jwaqqaf dan it-tip ta’ deċiżjonijiet. Skond il-Kummissjoni, il-ħtieġa ta’ limitu iktar għoli ta’ 80 % ġiet fis-seħħ, minkejja l-aspett formalment mhux diskriminatorju tagħha, għall-benefiċċju esklużiv tas-setgħa pubblika.

35     Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi tawtorizza l-iffissar ta’ perċentwali li jaqbżu l-75 % għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkonċernati, iżda tenfasizza li tirrigwarda libertà li tinsab f’idejn l-azzjonisti li jistgħu jiddeċiedu jekk jagħmlux użu minn dan jew le. Min-naħa l-oħra, il-limitu ta’ 80 % mitlub mill-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW ġie impost fuq l-azzjonisti ta’ Volkswagen mil-leġiżlatur, sabiex huwa stess ikun jista’ jgawdi, bħala azzjonist prinċipali f’dak iż-żmien, minn minoranza ta’ veto.

36     L-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li, fir-rigward tad-dispożizzjoni relattiva għal-limitu tad-drittijiet tal-vot għal 20 %, id-dispożizzjoni in kwistjoni tal-Liġi VW hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-azzjonisti kollha ta’ Volkswagen. Hija tqis għaldaqstant li d-dispożizzjoni in kwistjoni, sakemm din ma tagħtix dritt speċjali lill-Istat, ma tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

37     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-ebda limitu relattiv għall-iffissar ta’ minoranza ta’ veto m’hu previst la mil-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi u lanqas mil-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett. Is-sitwazzjoni tal-Land tas-Sassonja t’Isfel, fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tikkostitwixxi minoranza ta’ veto tikkorrispondi għal sitwazzjoni normali ta’ azzjonist ta’ l-importanza tiegħu. L-imsemmi Stat Membru jenfasizza f’dan ir-rigward li jekk il-Land tas-Sassonja t’Isfel attwalment għandu ishma ta’ madwar 20 % tal-kapital ta’ Volkswagen, dawn l-ishma jirriżultaw minn investimenti li saru fis-suq bħala investitur privat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38     Kif tosserva r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-limitu għad-drittijiet tal-vot huwa strument magħruf fid-dritt tal-kumpanniji.

39     Huwa barra minn hekk stabbilit bejn il-partijiet li, jekk l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 134(1) tal-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi tissuġġetta l-prinċipju tal-proporzjonalità tad-dritt tal-vot għall-ammont tal-kapital, it-tieni sentenza ta’ l-imsemmi artikolu tawtorizza limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot f’ċerti każijiet.

40     Madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, teżisti differenza bejn possibbiltà miftuħa għall-azzjonisti, li jistgħu jiddeċiedu jekk jixtiqux jew le jagħmlu użu minnha, u obbligu speċifiku impost fuq l-azzjonisti permezz ta’ leġiżlazzjoni, mingħajr ma jkollhom il-possibbiltà li jidderogaw minnha.

41     Barra minn hekk, il-partijiet jirrikonoxxu bi qbil li, fil-verżjoni li toħroġ mil-liġi relattiva għall-kontroll u t-trasparenza fil-qasam ta’ l-impriżi, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 134(1) tal-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi neħħa l-possibbiltà li tiġi introdotta limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot fl-istatuti tal-kumpanniji kkwotati fil-borża. Kif issostni l-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi kkontestata fuq dan il-punt mill-Gvern Ġermaniż, ladarba l-kumpannija Volkswagen hija kumpannija, ikkwotata fil-borża, limitu għad-drittijiet tal-vot ma jistax għaldaqstant jiġi introdott fl-istatuti tagħha.

42     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-limitazzjoni prevista taħt l-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW, safejn tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonisti kollha, tista’ tiġi analizzata kemm bħala żvantaġġ kif ukoll bħala vantaġġ. Għar-restrizzjoni tad-drittijiet tal-vot imposta fuq azzjonist li jkollu iktar minn 20 % tal-kapital tal-kumpannija tikkorrispondi l-protezzjoni kontra l-influwenza ta’ azzjonisti eventwali oħra li jkollhom ishma rilevanti u, għaldaqstant, il-garanzija li jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fit-tmexxija tal-kumpannija.

43     Qabel ma ssir evalwazzjoni fuq dan l-argument, jinħtieġ li jiġu eżminati l-effetti ta’ l-imsemmi limitu tad-drittijiet tal-vot b’rabta mal-ħtieġa, skond l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW, ta’ maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital tal-kumpannija għall-adozzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti ta’ Volkswagen.

44     Kif issostni l-Kummissjoni, mingħajr ma tiġi kkontestata fuq dan il-punt mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dan jirrigwarda deċiżjonijiet, bħal emenda ta’ l-istatuti, tal-kapital jew ta’ l-istrutturi finanzjarji tal-kumpannija, li għalihom il-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi tiffissa l-maġġoranza meħtieġa ta’ 75 % għall-minimu tal-kapital tal-kumpannija.

45     Ċertament, kif tosserva r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-perċentwali ta’ 75 % tal-kapital tal-kumpannija prevista mil-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi tista’ tiġi miżjuda u ffissata fuq rata ogħla mill-istatuti tal-kumpannija. Madankollu, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, din tirrigwarda possibbiltà li tagħha l-azzjonisti għandhom il-libertà li jiddeċiedu jekk jixtiqux jagħmlu użu minnha jew le. Min-naħa l-oħra, l-iffissar ta’ limitu ta’ maġġoranza skond l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW għal iktar minn 80 % ta’ l-imsemmi kapital jirriżulta mhux mir-rieda ta’ l-azzjonisti, iżda, kif ġie indikat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, minn miżura nazzjonali.

46     Din il-ħtieġa, li hija deroga mid-dritt komuni, imposta permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika, tagħti għaldaqstant lil kull azzjonist li jkollu 20 % tal-kapital tal-kumpannija l-possibbiltà li jkollu minoranza ta’ veto.

47     Huwa minnu li din il-possibbiltà hija, bħal ma enfasizzat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, applikabbli mingħajr distinzjoni. Fir-rigward tal-limitu tad-drittijiet tal-vot, hija tista’ timxi kemm favur kif ukoll kontra kull azzjonist tal-kumpannija.

48     Madankollu, jirriżulta mill-inkartament li, meta ġiet adottata l-Liġi VW, fl-1960, l-Istat Federali u l-Land tas-Sassonja t’Isfel kienu ż-żewġ azzjonisti prinċipali ta’ Volkswagen, kumpannija li kienet għadha kif ġiet ipprivatizzata, fejn kull wieħed minnhom kellu 20 % tal-kapital.

49     Skond l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Istat Federali għażel li jittrasferixxi l-ishma tiegħu f’Volkswagen, il-Land tas-Sassonja t’Isfel min-naħa tiegħu, kien għad għandu ishma li jammontaw għal madwar 20 %.

50     L-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW joħloq għaldaqstant strument li jippermetti lill-atturi pubbliċi jirriżervaw għalihom, b’investiment iżjed ridott milli huwa mitlub mid-dritt komuni tal-kumpanniji, minoranza ta’ veto li jippermettilhom jopponu deċiżjonijiet importanti.

51     Billi jillimita d-drittijiet tal-vot fuq l-istess livell ta’ 20 %, l-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW ifassal qafas ġuridiku li jagħti lill-imsemmija atturi pubbliċi l-possibbiltà li jeżerċitaw, permezz ta’ dan l-investiment iktar ridott, influwenza sostanzjali.

52     Din is-sitwazzjoni, safejn tillimita l-possibbiltà ta’ l-azzjonisti l-oħra milli jipparteċipaw fil-kumpannija bil-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha, li tippermettilhom parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, tista’ tiddisswadi investituri diretti minn Stati Membri oħra.

53     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li l-ishma ta’ Volkswagen huma fost l-iżjed ishma mixtrija fl-Ewropa, fejn numru kbir tagħhom jinsabu f’idejn investituri minn Stati Membri oħra.

54     Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors jikkomportaw l-investimenti diretti fil-kapital ta’ Volkswagen, pjuttost milli portafoll ta’ investimenti, li jsiru bis-sempliċi intenzjoni li l-flus jitqiegħdu x’imkien (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19) u ma jissemmewx f’dan ir-rikors. Fir-rigward ta’ l-investituri diretti, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW, safejn joħolqu strument li jista’ jillimita l-possibbiltà tagħhom li jipparteċipaw fil-kumpannija sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew il-kontroll tagħha, inaqqsu l-interess milli jinxtraw l-ishma ta’ Volkswagen.

55     Din il-konstatazzjoni ma tiġix affettwata bil-preżenza, fost l-azzjonisti ta’ Volkswagen, ta’ numru ta’ investituri diretti li, skond ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija analoga għal dak preżenti fost l-azzjonisti ta’ impriżi kbar oħra. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza hija tali li twaqqaf, minħabba d-dispożizzjonijiet in kwistjoni tal-Liġi VW, biss lil investituri diretti ta’ Stati Membri oħra, attwali jew potenzjali, li setgħu ġew dissważi milli jixtru ishma f’din il-kumpannija sabiex jipparteċipaw fiha bil-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, filwaqt li kellhom id-dritt li jibbenefikaw mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u mill-protezzjoni li dan jistabbilixxi favurihom.

56     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment tal-kapital skond l-Artikolu 56(1) KE.

 Fuq it-tielet ilment dovut għad-dritt ta’ għażla ta’ żewġ rappreżentanti fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Volkswagen

–       L-argumenti tal-partijiet

57     Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW, li jippermetti lill-Istat Federali u lil-Land tas-Sassonja t’Isfel jagħżlu żewġ rappreżentanti kull wieħed fil-Bord tad-Diretturi ta’ Volkswagen, sakemm dawn ikunu azzjonisti fiha, jidderoga mir-regola prevista fl-Artikolu 101(2) tal-liġi fuq il-kumpanniji pubbliċi, li tgħid li dan id-dritt jista’ jiġi fis-seħħ biss fl-istatuti u huwa biss limitat għal terz tal-membri tal-Bord tad-Diretturi nnominati mill-azzjonisti, jiġifieri tliet rappreżentanti fil-każ ta’ Volkswagen. Skond il-Kummissjoni, l-imsemmi Artikolu 4(1), safejn jipprekludi l-possibbiltà għall-azzjonisti l-oħra li jipparteċipaw effettivament fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

58     Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Bord tad-Diretturi huwa sempliċement organu ta’ kontroll u mhux organu li jieħu d-deċiżjonijiet. Barra minn hekk, in-numru ta’ rappreżentanti fil-Bord tad-Diretturi ta’ Volkswagen huwa proporzjonali għall-ishma ta’ dawn ta’ l-aħħar u li, f’dan ir-rigward, ir-rappreżentanza tal-Land tas-Sassonja t’Isfel hija inferjuri meta mqabbla ma’ l-ishma li għandha. Hija ssostni li l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW m’għandha l-ebda rilevanza prattika għad-deċiżjonijiet fil-qasam ta’ l-investimenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59     Skond l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW, l-Istat Federali u l-Land tas-Sassonja t’Isfel għandhom il-possibbiltà, sakemm ikunu azzjonisti f’Volkswagen, li jagħżlu żewġ rappreżentanti kull wieħed bħala membri fil-Bord tad-Diretturi tagħha, jiġifieri total ta’ erba’ persuni.

60     Din il-possibbiltà tikkostitwixxi deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji. Fil-fatt, din tillimita d-drittijiet ta’ rappreżentanza, mogħtija lil ċerti azzjonisti, lil terz tan-numru ta’ rappreżentanti ta’ azzjonisti fuq il-Bord tad-Diretturi. Fil-każ ta’ Volkswagen jew, kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma tiġi kkontestata fuq dan il-punt, il-Bord tad-Diretturi huwa kompost minn 20 membru, li minnhom 10 jiġu magħżula mill-azzjonisti, fejn għaldaqstant, in-numru ta’ rappreżentanti li jistgħu jiġu magħżula mill-Istat Federali u mil-Land tas-Sassonja t’Isfel, skond id-dritt komuni tal-kumpanniji, ma jistax ikun iktar minn massimu ta’ 3.

61     Dan huwa għaldaqstant dritt speċifiku, li jidderoga mid-dritt komuni tal-kumpanniji għas-sempliċi benefiċċju ta’ l-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali.

62     Id-dritt ta’ għażla mogħtija lill-Istat Federali u lil-Land tas-Sassonja t’Isfel jagħtihom għaldaqstant il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod iktar rilevanti fl-attività tal-Bord tad-Diretturi milli kienu jkunu jistgħu fis-sempliċi kwalità tagħhom bħala azzjonisti.

63     Anki li kieku, kif osservat ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, id-dritt ta’ rappreżentanza ta’ l-imsemmi Land mhuwiex sproporzjonat meta mqabbel ma’ l-ishma li għandu attwalment fil-kapital ta’ Volkswagen, xorta jibqa’ l-fatt li kemm dan il-Land kif ukoll l-Istat Federali għandhom id-dritt li jagħżlu żewġ rappreżentanti fil-Bord tad-Diretturi ta’ Volkswagen ladarba dawn ikollhom ishma fiha, indipendentement minn kemm jikkonsisti n-numru ta’ ishma.

64     L-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW joħloq għaldaqstant strument li jagħti lill-atturi pubbliċi l-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza li tmur lil hinn mill-investimenti tagħhom. B’rabta ma’ dan, l-influwenza ta’ l-azzjonisti l-oħra tista’ tirriżulta mnaqqsa fil-konfronti ta’ l-investimenti tagħhom stess.

65     Il-fatt li l-Bord tad-Diretturi mhux, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja organu ta’ deċiżjoni, iżda sempliċi organu ta’ kontroll, mhuwiex tali li jippreġudika l-pożizzjoni u l-influwenza ta’ l-atturi pubbliċi in kwistjoni. Fil-fatt, jekk id-dritt tal-kumpanniji Ġermaniż jagħti lill-Bord tad-Diretturi l-missjoni li jikkontrolla t-tmexxija tal-kumpannija kif ukoll li jagħti rendikont dwar din it-tmexxija lill-azzjonisti, huwa jagħti lil dan l-organu, għall-finijiet ta’ l-eżerċizzju ta’ din il-missjoni, kompetenzi importanti, bħan-nomina u r-revoka tal-membri tal-Bord. Barra minn hekk, kif tfakkar il-Kummissjoni, l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi huwa neċessarju għal ċertu numru ta’ operazzjonijiet, fosthom, minbarra t-twaqqif u t-trasferiment ta’ l-impjanti ta’ produzzjoni, insibu l-ħolqien ta’ sussidjarji, ix-xiri u l-bejgħ ta’ artijiet, l-investimenti u x-xiri ta’ impriżi oħra.

66     Billi tillimita l-possibbiltà ta’ azzjonisti oħra milli jipparteċipaw fil-kumpannija sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija tagħha jew fil-kontroll tagħha, l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW jista’ jiddisswadi l-investituri diretti minn Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.

67     Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument invokat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jeżisti fis-swieq finanzjarji internazzjonali interess qawwi ta’ l-investituri għall-ishma ta’ Volkswagen.

68     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok sabiex jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW jikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital fis-sens ta’ l-Artikolu 56(1) KE.

69     Il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Federali u l-Land tas-Sassonja t’Isfel jagħmlux użu jew le mid-dritt li jagħtihom dan l-Artikolu 4(1) hija nieqsa minn kull rilevanza. Fil-fatt, huwa biżżejjed f’dan ir-rigward li jiġi kkonstatat li d-dritt speċifiku u derogatorju għad-dritt komuni mogħti lil dawn l-atturi pubbliċi li jinnominaw rappreżentanti fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Volkswagen jinsab fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż.

 Fuq ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

70     Sussidjarjament, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi VW ikkritikati mill-Kummissjoni huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, din il-liġi, li tidħol f’kuntest storiku partikolari, stabbilixxiet “ekwilibriju ġust tas-setgħat” sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi tal-ħaddiema ta’ Volkswagen u jiġu mħarsa l-azzjonisti minoritarji tagħha. L-imsemmija liġi tikkomporta b’dan il-mod għan ta’ politika soċjali u reġjonali kif ukoll għan ekonomiku, liema għanijiet jingħaqdu ma’ l-għanijiet ta’ politika industrijali.

71     Għall-Kummissjoni, li tikkontesta r-rilevanza tal-kunsiderazzjonijiet storiċi, il-Liġi VW ma tissoddisfax l-interess ġenerali, peress li r-raġunijiet invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mhumiex applikabbli għal kull impriża li teżerċita attività fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda huma intiżi li jissoddisfaw għanijiet ta’ politika ekonomika, li ma jistgħux jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 52).

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

72     Il-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat permezz ta’ miżuri nazzjonali ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm ma teżistix miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni li tipprovdi l-miżuri neċessarji sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni ta’ dawn l-interessi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 49; Il-Kummissjoni vs Franza, punt 45; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 45; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 68; Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 35, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 32).

73     Fin-nuqqas ta’ din l-armonizzazzjoni Komunitarja, huma fil-prinċipju l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu sa liema livell jixtiequ jassiguraw il-protezzjoni ta’ tali interessi leġittimi u l-mod kif għandu jintlaħaq dan il-livell. Madankollu, huma jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti stabbiliti fit-Trattat u, b’mod partikolari, b’rispett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li jeżiġi li l-miżuri adottati jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu li l-għan tagħhom jintlaħaq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 49; Il-Kummissjoni vs Franza, punt 45; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 45; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 68; Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 35, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 33).

74     Fir-rigward tal-protezzjoni ta’ l-interessi tal-ħaddiema, invokata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tiġġustifika d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-Liġi VW, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru ma kienx f’pożizzjoni li jispjega, lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq il-bżonn ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ azzjonist kbir li waħdu jiddomina l-kumpannija, ir-raġuni li għaliha ż-żamma, fil-kapital ta’ Volkswagen, ta’ pożizzjoni b’saħħitha u permanenti favur atturi pubbliċi huwa approprjat u neċessarju sabiex jiġi soddisfatt l-għan tal-ħarsien tal-ħaddiema ta’ din il-kumpannija.

75     Barra minn hekk, fir-rigward tad-dritt li jintgħażlu rappreżentanti fuq il-Bord tad-Diretturi, għandu jiġi kkonstatat li, skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, il-ħaddiema stess għandhom rappreżentanza fi ħdan dan l-organu.

76     Għaldaqstant, il-ġustifikazzjoni magħmula mill-imsemmi Stat Membru dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema ma tistax tiġi milqugħa.

77     L-istess jgħodd għall-ġustifikazzjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li qed tagħmel għall-protezzjoni ta’ l-azzjonisti minoritarji. Jekk din ir-rieda li dawn jiġu protetti tista’ tikkostitwixxi wkoll interess leġittimu sabiex jiġi ġġustifikat, fir-rispett tal-prinċipji mfakkra fil-punti 72 u 73 ta’ din is-sentenza, intervent leġiżlattiv, anki jekk dan jista’ barra minn hekk, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi kkonstatat li, din ir-rieda ma tistax tiġġustifika d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-Liġi VW.

78     Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dispożizzjonijiet jikkostitwixxu qafas ġuridiku li jagħti lill-Istat Federali u lil-Land tas-Sassonja t’Isfel il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza iktar importanti minn dik li normalment tkun marbuta ma’ l-investiment tagħhom. B’hekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma pprovatx għal liema raġunijiet iż-żamma ta’ din il-pożizzjoni għall-benefiċċju ta’ dawn l-atturi pubbliċi hija neċessarja u approprjata sabiex tipproteġi l-interessi ġernerali ta’ l-azzjonisti minoritarji.

79     Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi partikolari, l-atturi pubbliċi in kwistjoni jużaw il-pożizzjoni tagħhom sabiex jiddefendu interessi ġenerali eventwalment kontra l-interessi ekonomiċi tal-kumpannija kkonċernata u, għaldaqstant, kontra l-interessi ta’ l-azzjonisti l-oħra tagħha.

80     Fl-aħħar nett, safejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-attività ta’ impriża importanti bħal ma hi Volkswagen jista’ jkollha effett fuq l-interess ġenerali b’mod li tiġġustifika l-eżistenza ta’ garanziji legali li jmorru lil hinn mill-kontrolli previsti mid-dritt komuni tal-kumpanniji, għandu jiġi kkonstatat li, jekk jitqies li dan l-argument huwa fondat, l-imsemmi Stat Membru ma spjegax, minbarra kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq ir-riskju li l-azzjonisti jippruvaw imexxu l-interessi personali tagħhom fuq dawk tal-ħaddiema, ir-raġunijiet li għalihom id-dispożizzjonijiet tal-Liġi VW ikkontestati mill-Kummissjoni huma f’lokhom u neċessarji sabiex jippreżervaw l-impjiegi li tiġġenera l-attività ta’ Volkswagen.

81     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ntqalu, l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni dwar il-ksur ta’ l-Artikolu 56(1) KE għandhom jiġu milqugħa.

82     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 4(1), kif ukoll l-Artikolu 2(1), fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56(1) KE.

 Fuq l-ispejjeż

83     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 4(1) kif ukoll l-Artikolu 2(1) fid-dawl ta’ l-Artikolu 4(3) tal-Liġi tal-21 ta’ Lulju 1960, dwar il-privatizzazzjoni ta’ l-ishma tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volkswagenwerk (Gesetz über die Überführung der Anteilsrechte an der Volkswagenwerk Gesellschaft mit beschränkter Haftung in private Hand), fil-verżjoni tagħha applikabbli għal din il-kawża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 56(1) KE.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.