SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Ottubru 2006 (*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-ħaddiema – Impjieg mas-servizz pubbliku – Nuqqas li tittieħed in kunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali u l-anzjanità miksuba fi Stati Membri oħra – Artikoli 10 KE u 39 KE – Artikolu 7(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68"

Fil-kawża C-371/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-30 ta’ Awwissu 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u A. Aresu, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, G. Arestis u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, bin-nuqqas tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali u l-anzjanità miksuba fi Stati Membri oħra minn ħaddiem Komunitarju impjegat fis-servizz pubbliku Taljan, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 10 KE, 39 KE u 7(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2, iktar ‘il quddiem ir-"Regolament").

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 7(1) tar-Regolament jiddisponi:

"Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid."

 Il-proċedura prekontenzjuża

3       Wara li rċeviet ilment, il-Kummissjoni, b’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2001, talbet lir- Repubblika Taljana elementi ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta ċittadin Komunitarju li għallem fi skola pubblika Franċiża, taħt kuntratt ta’ xogħol li jorbtu ma’ comitato d’assistenza scolastica italiana (kumitat ta’ assistenza skolastika Taljana, iktar ‘il quddiem il-"Coascit"), u li l-esperjenza professjonali jew l-anzjanità li huwa kiseb fi Franza ma ttiħdux in kunsiderazzjoni, sussegwentement, fl-Italja. L-imsemmija talba baqgħet bla risposta.

4       B’ittri tal-25 ta’ Marzu u tat-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni talbet mill-ġdid lir-Repubblika Taljana elementi ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ l-imsemmi ċittadin kif ukoll dwar dik ta’ persuni oħra li lmentaw dwar problemi simili ta’ nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-esperjenza professjonali jew ta’ l-anzjanità miksuba fi Stat Membru ieħor. Hija talbet informazzjoni b’mod iktar ġenerali dwar il-leġiżlazzjoni u l-prassi amministrattiva Taljana f’dan il-qasam.

5       Fin-nuqqas ta’ tweġiba għat-talbgħat-talbiet tagħha u wara li, fid-19 ta’ Diċembru 2002, hija intimat lir-Repubblika Taljana sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fil-15 ta’ Mejju 2003, ħarġet opinjoni motivata li biha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

6       Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba għall-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

7       In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni invokat żewġ ilmenti bbażati, wieħed fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 10 KE u l-ieħor fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 10 KE

8       Għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġewx sodisfatti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8, tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-525/03, Ġabra p. I-9405, punt 8, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/04, Ġabra I-4003, punt 16).

9       F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża hu li tingħata l-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi li joħorġu mid-dritt Komunitarju jew li jsostni utilment id-difiża tiegħu kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni (is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 293/85, Ġabra p. 305, punt 13, u d-digriet tal-11 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑266/94, Ġabra p. I‑1975, punt 16). Għaldaqstant, ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE sabiex tassigura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni. Huwa biss meta din il-garanzija hija rrispettata li l-proċedura kontradittorja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tippermetti lil din ta’ l-aħħar tiddeċiedi jekk dan l-Istat effettivament naqasx milli jwettaq l-obbligi li l-Kummissjoni tallega li huwa kiser (id-digriet Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 17 u 18). B’mod partikolari, l-ittra ta’ intimazzjoni għandha l-għan, fil-proċedura prekontenzjuża, li tillimita s-suġġett tal-kawża u li tindika lill-Istat Membru, li huwa mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, l-elementi neċessarji għat-tħejjija tad-difiża tiegħu (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-145/01, Ġabra p. I-5581, punt 17).

10     Issa, f’dan il-każ, l-ittra ta’ intimazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2002 ma ssemmix l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 10 KE.

11     Minn dan jirriżulta lili dan ir-rikors mhuwiex ammissibbli safejn ifittex li jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha taħt l-imsemmi Artikolu.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament

12     Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C‑15/96, Ġabra p. I‑47); tat-12 ta’ Marzu 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑187/96, Ġabra p. I‑1095); tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, Ġabra p. I‑10497), u tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑278/03, Ġabra p. I‑3747), il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema Komunitarji, li joħroġ mill-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament, jipprekludi li l-perijodi ta’ impjieg, f’qasam ta’ attività paragunabbli, imwettqa minn wieħed minn dawn il-ħaddiema fi Stat Membru ma jittiħdux in kunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, bħalma huma r-rimunerazzjoni, il-grad, jew il-karriera, meta l-esperjenza miksuba fis-servizz pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat hija meħuda in kunsiderazzjoni.

13     Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ir-Repubblika Taljana, f’din il-kawża, kisret id-dispożizzjonijiet in kwistjoni billi ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-esperjenza jew l-anzjanità miksuba fi Stati Membri oħra minn ħaddiema impjegati fis-servizz pubbliku Taljan, b’mod partikolari fis-setturi pubbliċi ta’ l-edukazzjoni u tas-saħħa.

14     Għall-kuntrarju, il-Gvern Taljan isostni li l-obbligu ta’ l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru li jirrikonoxxi, għal skopijiet determinati, perijodi ta’ xogħol mwettqa qabel fi Stat Membru ieħor, huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: minn naħa, l-oqsma ta’ l-attivitajiet imwettqa fiż-żewġ Stati jridu jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-attività mwettqa fl-Istat Membru l-ieħor għandha tkun marbuta mas-servizz pubbliku.

15     Issa, jekk persuna li tkun eżerċitat l-attività tagħha fis-settur f’settur pubbliku partikolari, tkun ġiet reklutata fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol regolat bid-dritt privat, mingħajr ma tkun għamlet eżami kompetittiv, it-tieni kundizzjoni ma tkunx sodisfatta. Skond il-Gvern Taljan, ir-rikonoxximent ta’ l-esperjenza professjonali u ta’ l-anzjanità miksuba fi Stat Membru ieħor mill-ħaddiem Komunitarju li sussegwentement jiġi impjegat fis-servizz pubbliku Taljan huwa suġġett għar-reklutaġġ wara eżami kompetittiv, bħalma huwa l-każ fl-Italja.

16     F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, skon skond l-Artikolu 39 KE, meta, fl-okkażjoni tar-reklutaġġ ta’ persunal għal karigi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 4 ta’ din id-dispożizzjoni, enti pubbliku ta’ Stat Membru jipprovdi li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-impjieg preċedenti tal-kandidati mas-servizz pubbliku, dan l-enti ma jistax, fil-konfront taċ-ċittadini Komunitarji, jagħmel distinzjoni bbażata fuq jekk dan l-impjieg twettaqx fl-Istat Membru ta’ l-imsemmi enti jew fi Stat Membru ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1994, Scholz, C‑419/92, Ġabra p. I‑505, punt 12; tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 14, u tat-23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑205/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 14).

17     Fir-rigward ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament, għandu jiġi mfakkar li dan l-Artikolu jikkostitwixxi biss l-espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 39(2) KE fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, u li għalhekk, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-Artikolu ta’ l-aħħar (is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 15).

18     Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza kollha li r-rifjut li jiġu rrikonoxxuti l-esperjenza professjonali u l-anzjanità miksuba fl-eżerċizzju ta’ attività paragunabbli fi ħdan amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru ieħor minn ċittadini Komunitarji impjegati sussegwentement mas-servizz pubbliku Taljan, għar-raġuni li dawn iċ-ċittadini m’għamlux eżami kompetittiv qabel ma bdew l-attività tagħhom fis-settur pubbliku ta’ dan l-Istat l-ieħor, ma jistax jiġi aċċettat, billi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, mhux l-Istati Membri kollha jirreklutaw b’dan il-mezz biss fis-settur pubbliku tagħhom. Id-diskriminazzjoni tista’ tiġi evitata biss jekk jittieħdu in kunsiderazzjoni l-perijodi ta’ attività paragunabbli mwettqa minn persuna reklutata fis-settur pubbliku ta’ Stat Membru ieħor skond il-kundizzjonijiet lokali.

19     Bl-istess mod, il-fatt li ċittadin Komunitarju, bħal, per eżempju, dak li ressaq l-ewwel ilment li rċeviet il-Kummissjoni f’din il-kawża, kien jibbenefika minn kuntratt li jorbtu mal-Coascit huwa irrilevanti, billi mhuwiex ikkontestat li dan iċ-ċittadin eżerċita l-attività tiegħu ta’ tagħlim, bis-saħħa ta’ tali kuntratt, fil-kuntest tas-servizz pubbliku Franċiż ta’ l-edukazzjoni nazzjonali. Ir-Repubblika Taljana ma kkontestatx li din l-attività ġiet eżerċitata miċ-ċittadin in kwistjoni, skond ir-regoli nazzjonali Franċiżi.

20     L-ebda wieħed mill-elementi mressqa mill-Gvern Taljan sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ l-esperjenza professjonali u ta’ l-anzjanità miksuba mill-imsemmi ċittadin fi Stat Membru ieħor ma jista’ jintlaqa’.

21     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux fondat, billi, f’dak li jirrigwarda l-impjiegi mhux koperti mill-Artikolu 39(4) KE, il-Gvern Taljan ma ħax, fi żmien xahrejn mit-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-miżuri neċessarji biex jiġu rikonoxxuti l-esperjenza professjonali u l-anzjanità miksuba fi Stati Membri oħra minn ċittadini Komunitarji impjegati sussegwentement fis-servizz pubbliku Taljan.

22     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, bin-nuqqas tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali u l-anzjanità miksuba fit-twettiq ta’ attività paragunabbli fi ħdan amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru ieħor mill-ħaddiem Komunitarju fis-servizz pubbliku Taljan, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament.

 Fuq l-ispejjeż

23     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika ta’ l-Italja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Bin-nuqqas tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali u l-anzjanità miksuba fit-twettiq ta’ attività paragunabbli fi ħdan amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru ieħor mill-ħaddiem Komunitarju fis-servizz pubbliku Taljan, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 39 KE u 7(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Taljana hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.