SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta' Ottubru 2004 (*)

"Direttiva 97/81/KE – Direttiva 76/207/KEE – Politika soċjali – Trattament ugwali għal ħaddiema b'ħin parzjali u ħaddiema b'ħin sħiħ – Trattament ugwali għal ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Tul tal-ħin tax-xogħol u organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol"

Fil-kawża C-313/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (L-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Awwissu 2002, li waslet fil-Qorti fil-5 ta' Settembru 2002, fil-proċedura

Nicole Wippel

vs

Peek & Cloppenburg GmbH & Co. KG,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, Presidenti ta' Awli, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, F. Macken (Relatur), J. N. Cunha Rodrigues u K. Schiemann, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sinjura Wippel, minn A. Obereder, Rechtsanwalt,

–       għal Peek & Cloppenburg GmbH & Co. KG, minn T. Zottl, Rechtsanwalt, u T. Eilmansberger, Wissenschaftlicher Berater,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Hesse, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Collins, bħala aġent, assistit minn K. Smith, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. Yerell, S. Fries u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE, ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, ta' l-10 ta' Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19), ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), u tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU 1998, L 14, p. 9).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjura Wippel, ħaddiema b'ħin parzjali abbażi ta' kuntratt qafas ta' impjieg fuq bażi każwali, u l-prinċipal tagħha, Peek & Cloppenburg GmbH & Co. KG (aktar 'il quddiem "P & C"), dwar in-nuqqas ta' ftehim dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol u dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fil-kuntratt ta' impjieg tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 76/207

3       Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 jirriżulta li l-iskop ta' din id-direttiva huwa l-implementazzjoni, fl-Istati Membri, tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u għat-taħriġ professjonali kif ukoll mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (2) ta' l-istess artikolu, mas-sigurtà soċjali.

4       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 76/207:

"Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja".

5       L-Artikolu 5 ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"1.      L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess k[u]ndizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

2.      Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:

a)      il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

b)      id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta' xogħol, regoli interni ta' impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effet jew jistgħu jiġu emendati;

ċ)       dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali meta t-tħassib għall-protezzjoni li oriġinarjament nebbħithom m'għadx għandha bażi soda huma riveduti; u li fejn hemm dispożizzjonijiet bħalhom imdaħħla fi ftehim kollettiv il-ħaddiema u d-direzzjoni għandhom jintalbu jagħmlu r-reviżjoni mixtieqa".

 Id-Direttiva 93/104

6       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta' Novembru 1993, dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), din tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fil-qasam ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tapplika għas-setturi kollha ta' attivitajiet, kemm pubbliċi kif ukoll privati, bl-eċċezzjoni tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fit-triq, bil-baħar, bil-kanali interni u fil-lagi, sajd fil-baħar, xogħol ieħor fuq il-baħar, kif ukoll l-attivitajiet ta' tobba waqt li qed jitħarrġu.

7       It-Taqsima II ta' l-istess direttiva tistabbilixxi l-miżuri li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw li kull ħaddiem igawdi, b'mod partikolari, minn perijodi minimi ta' serħan fil-ġurnata, kif ukoll ta' serħan fil-ġimgħa, u tirregola wkoll it-tul tal-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa.

8       Skond l-Artikolu 3 ta' l-imsemmija direttiva, intitolat "Serħan tal-ġurnata":

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta' serħan fil-ġurnata ta' 11-il siegħa konsekuttiva kull 24 siegħa."

9       Fir-rigward tat-tul tal-ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa, l-Artikolu 6 ta' l-istess direttiva jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, b'konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

[…]

2)      il-medja ta' ħin maħdum għal kull perjodu ta' sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma taqbiżx it-48 siegħa."

 Id-Direttiva 97/81

10     Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81, l-iskop tagħha huwa li timplementa l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time [b'ħin parzjali] konkluż fis-6 ta' Ġunju 1997 bejn l-organizzazzjoni interprofessjonali ġenerali, jiġifieri l-UNICE, iċ-CEEP u l-ETUC, kif jinstab fl-Anness ta' din id-direttiva.

11     Il-klawżola 2 ta' dan il-ftehim qafas tipprovdi li:

"1.      Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema [b'ħin parzjali] li għandhom kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni ta' [i]mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f'kull Stat Membru.

[…]

2.      L-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv jew prattika, u/jew il-parteċipanti soċjali fil-livell approprjat skond il-prattika fir-relazzjonijiet industrijali nazzjonali jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi, jeskludu kompletament jew parzjalment mill-kond[i]zzjonijiet ta' dan il-Ftehim ħaddiema [b'ħin parzjali] li jaħdmu fuq bażi każwali. Dawn l-esklużjonijiet għandhom jiġu rieżaminati perjodikament biex jiġi stabbilit jekk ir-raġunijiet oġġettivi biex saru baqgħux validi."

12     Il-klawżola 3 ta' dan l-istess ftehim qafas, intitolata "Tifsiriet", tipprovdi li:

"Għall-iskop ta' dan il-ftehim:

1.      Il-kliem "ħaddiem [b'ħin parzjali]" jirreferi għal ħaddiem li s-sigħat normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulati fuq bażi ta' ġimgħa jew fuq medja għal perjodu ta' impjieg sa sena, huma inqas mis-sigħat normali ta' xogħol ta' ħaddiem [b'ħin sħiħ] ta' l-istess tip;

2.      Il-kliem "ħaddiem full-time [b'ħin sħiħ] ta' l-istess tip" ifisser ħaddiem [b'ħin sħiħ] fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta' kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b'kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/ kapaċità.

Meta m'hemmx ħaddiem [b'ħin sħiħ] ta' l-istess tip fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b'referenza għall-ftehim kollettiv, jew meta ma hemmx ftehim kollettiv applikabbli, skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv u prattika."

13     Skond il-klawżola 4(1) ta' dan il-ftehim qafas:

"Fejn għandhom x'jaqsmu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema [b'ħin parzjali] m'għandhomx jiġu ttrattati b'manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema [b'ħin sħiħ] ta' l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu [b'ħin parzjali] kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14     Skond l-Artikolu 2(1) tal-Gleichbehandlungsgesetz (liġi dwar it-trattament ugwali, aktar 'il quddiem il-"GlBG"), kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess hija pprojbita, b'mod partikolari fil-konklużjoni tar-relazzjoni ta' impjieg, skond il-punt 1 ta' din id-dispożizzjoni, kif ukoll fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, skond il-punt 2 ta' din l-istess dispożizzjoni, u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol l-oħra, skond il-punt 6 ta' l-imsemmija dispożizzjoni. Kif jirriżulta mill-Artikolu 2a(2) tal-GlBG, id-diskriminazzjonijiet fir-rigward tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni jagħtu lill-ħaddiem id-dritt għall-ħlas tad-differenza mill-prinċipal tiegħu.

15     Fir-rigward tat-tul tal-ħin tax-xogħol u ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-Artikolu 3 ta' l-Arbeitszeitgesetz (liġi dwar il-ħin tax-xogħol, aktar 'il quddiem l-"AZG") tistabbilixxi t-tul tal-ħin normali bħala, fil-prinċipju, 40 siegħa fil-ġimgħa u 8 sigħat fil-ġurnata.

16     B'mod partikolari, fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin sħiħ, l-Artikolu 19c ta' l-AZG jipprovdi li:

"(1) Il-ħinijiet tax-xogħol li jikkorrispondu għat-tul tal-ħin normali tax-xogħol u l-bdil tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti f'normi li jirriżultaw minn negozjati kollettivi.

(2) B'deroga mill-paragrafu (1), il-prinċipal jista' jbiddel il-ħinijiet li jikkorrispondu għat-tul tal-ħin normali tax-xogħol jekk

1. il-bidla tkun oġġettivament iġġustifikata minħabba raġunijiet marbutin man-natura tax-xogħol,

2. il-ħaddiem ikun informat dwar il-ħinijiet li jikkorrispondu għat-tul tal-ħin normali tax-xogħol minn ta' l-anqas żewġ ġimgħat bil-quddiem,

3. interessi tal-ħaddiem li għandhom raġonevolment jittieħdu in kunsiderazzjoni ma jipprekludux dan it-tqassim, u

4. l-ebda ftehim ma jipprekludi dan.

(3) Tista' ssir deroga mill-punt 2 tal-paragrafu (2) jekk, f'każijiet li ma jistgħux jiġu mbassra, dan jirriżulta neċessarju li jiġi evitat preġudizzju ekonomiku sproporzjonat u jekk miżuri oħra ma jkunux aċċettabbli. Fil-kuntest ta' normi li jirriżultaw min-negozjati kollettivi, dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-punt 2 tal-paragrafu (2) jistgħu jiġu adottati minħabba bżonnijiet speċifiċi għall-attività."

17     Fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin parzjali, l-Artikolu 19d ta' l-AZG jipprovdi li:

""(1) Xogħol b'ħin parzjali jirreferi għas-sitwazzjoni fejn it-tul tal-ħin tax-xogħol f'ġimgħa li jkun sar ftehim dwaru jkun anqas mit-tul tal-ħin normali tax-xogħol stabbilit fil-liġi jew minn tul ta' ħin tax-xogħol aqsar stabbilit f'normi li jirriżultaw min-negozjati kollettivi.

(2) It-tul tal-ħin tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol, l-istess bħall-bdil tagħhom, għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim safejn ma jkunux ġew stabbiliti permezz ta' normi li jirriżultaw min-negozjati kollettivi. L-Artikolu 19c(2) u (3) huwa applikabbli.

(3) Il-ħaddiema b'ħin parzjali huma biss obbligati jaħdmu aktar mit-tul tal-ħin tax-xogħol miftiehem (xogħol addizzjonali) safejn

1. dan ikun previst fil-liġi, minn normi li jirriżultaw min-negozjati kollettivi jew fil-kuntratt ta' impjieg,

2. ikun hemm bżonn kbir ta' aktar ħaddiema jew meta x-xogħol addizzjonali jkun meħtieġ li jitwettqu kompiti preparatorji jew finali (Artikolu 8), u meta

3. interessi tal-ħaddiem li għandhom raġonevolment jittieħdu in kunsiderazzjoni ma jipprekludux dan ix-xogħol addizzjonali.

[…]

(6) Il-ħaddiema b'ħin parzjali m'għandhomx jiġu ddiskriminati meta mqabbla mal-ħaddiema b'ħin sħiħ minħabba dan il-fatt sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament different. […] Fil-każ ta' kontestazzjoni, huwa l-prinċipal li għandu jipprova li t-trattament anqas favorevoli mhux dovut għall-impjieg b'ħin parzjali […]"

18     Mid-deċiżjoni ta' rinviju jirriżulta li l-ftehim kollettiv Awstrijak li jirregola l-impjegati b'ħin sħiħ li jaħdmu fil-kummerċ jistabbilixxi li t-tul tal-ħin normali tax-xogħol huwa ta' 38.5 siegħa fil-ġimgħa.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19     Fit-28 ta' Settembru 1998, kuntratt ta' impjieg, fil-forma ta' "kuntratt qafas ta' impjieg fuq bażi każwali", kien ġie konkluż bejn is-Sinjura Wippel u P & C, kuntratt li kien jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol kellhom jiġu ddeterminati każ b'każ permezz ta' qbil komuni bejn il-persuni kkonċernati. P & C kienet titlob is-servizzi tas-Sinjura Wippel skond il-kwantità ta' xogħol li kien ikollha u s-Sinjura Wippel setgħet tirrifjuta offerta ta' xogħol f'kull ħin mingħajr ma tagħti raġuni. Fl-anness tal-kuntratt ta' impjieg kien stipulat li s-Sinjura Wippel ma kinitx iggarantita remunerazzjoni fissa minħabba li ż-żewġ partijiet espressament irrinunzjaw milli jistabbilixxu ammont ta' xogħol speċifiku. Mill-inkartament jirriżulta li, f'dan il-kuntest, P & C offrew biss lis-Sinjura Wippel il-possibbiltà li taħdem madwar tlett ijiem fil-ġimgħa u żewġ Sibtijiet fix-xahar. Hija kienet titħallas EUR 6.54 fis-siegħa flimkien ma' l-eventwali kummissjonijiet fuq il-bejgħ.

20     Skond id-deċiżjoni ta' rinviju, is-Sinjura Wippel, matul il-perijodu li fih kienet impjegata, jiġifieri minn Ottubru 1998 sa Ġunju 2000, ħadmet b'mod irregolari u għalhekk ir-remunerazzjoni tagħha kienet ukoll irregolari. Matul dan il-perijodu, l-akbar numru ta' sigħat ta' xogħol maħduma minnha matul xahar kien ta' 123.32 siegħa f'Ottubru 1999. Mill-inkartament jirriżulta li hija indikat diversi drabi li hija ma setgħetx jew ma xtaqitx taħdem ċerti ġranet.

21     F'Ġunju 2000, is-Sinjura Wippel fetħet kawża quddiem l-Arbeits- und Dozialgericht Wien (tribunal tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali ta' Vjenna, l-Awstrija), fejn talbet li P & C tiġi ordnata tħallasha ammont ta' EUR 11 929,23 , flimkien ma' l-ispejjeż u ammonti anċillari. Hija sostniet li P & C kellha tħallas id-differenza bejn is-somma dovuta fir-rigward ta' tul ta' ħin massimu ta' xogħol li setgħet tintalab taħdem u dik dovuta fir-rigward tan-numru ta' sigħat ta' xogħol li hija kienet fil-fatt ħadmet. Hija allegat li t-tul tal-ħin massimu ta' xogħol fix-xahar kellu jkun il-bażi tar-remunerazzjoni tagħha għal kull wieħed mix-xhur li matulhom hija kienet ħadmet għal P & C.

22     Hija sostniet li, peress li r-rwol tal-ħaddiema huwa limitat għal li jwieġbu 'iva' jew 'le' għal xogħol li kien jiġi propost lilhom, ma kinitx involuta kwistjoni ta' kunsens u li l-kuntratt ta' impjieg konkluż ma' P & C kien imur kontra l-morali. Barra minn hekk, jekk matul ċertu żmien ma jużax ħaddiem impjegat b'dan il-mod, il-prinċipal, P & C, ma jkollu għalfejn iħallas kważi l-ebda kumpens għal leave imħallas, l-ebda remunerazzjoni fil-każ ta' mard u l-ebda kumpens fil-każ ta' sensja. Is-Sinjura Wippel sostniet ukoll li n-nuqqas ta' ftehim dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol u dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fil-kuntratt ta' impjieg tagħha kien jammonta għal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

23     L-Arbeits und Sozialgericht Wien ċaħad it-talba tagħha billi invoka l-Artikolu 19d(2) ta' l-AZG li jipprovdi li, fil-kuntest ta' impjieg b'ħin parzjali, it-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim bejn il-prinċipal u l-ħaddiem u billi kkonstata li f'kull każ, f'dan il-każ, kull xogħol kien ġie ddeterminat permezz ta' qbil komuni bejn il-partijiet.

24     L-Oberlandesgericht Wien (Qorti ta' l-Appell ta' Vjenna, l-Awstrija) annullat is-sentenza ta' l-ewwel istanza, rrinvijat lura l-kawża quddiem l-istess qorti li jiġi eżaminat kif fil-fatt kienet żvolġiet ir-relazzjoni ta' impjieg in kwistjoni w awtorizzat appell quddiem l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema), li quddiemha, sussegwentament, tressqet il-kawża prinċipali.

25     Il-qorti tar-rinviju dehrilha, minn naħa, li, skond id-dritt Awstrijak, klawżola li, bħal dik fil-kawża prinċipali, twassal biex il-ħaddiem b'ħin parzjali, matul ir-relazzjoni ta' impjieg mal-prinċipal tiegħu, jirrinunzja għad-dritt tiegħu, mogħti lilu mill-Artikolu 19d(2) ta' l-AZG, li t-tul tal-ħin tax-xogħol tiegħu jiġi stabbilit permezz ta' kuntratt, hija mingħajr effett u għalhekk għandha tiġi ddikjarata nulla.

26     Mill-banda l-oħra, l-imsemmija qorti kkunsidrat li, fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin sħiħ, l-AZG tipprovdi mhux biss, fl-Artikolu 19c tagħha, li l-ħinijiet tax-xogħol li jikkorrispondu għat-tul tal-ħin normali tax-xogħol għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim bejn il-prinċipal u l-impjegat, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti minn normi li jirriżultaw minn negozjati kollettivi, iżda tistabbilixxi wkoll, skond l-Artikolu 3 tagħha, it-tul tal-ħin normali tax-xogħol bħala, fil-prinċipju, 40 siegħa fil-ġimgħa u 8 sigħat fil-ġurnata. Mill-banda l-oħra, fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin parzjali, minkejja li l-Artikolu 19d(2) ta' l-AZG ukoll jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim safejn ma jkunux stabbiliti permezz ta' normi li jirriżultaw min-negozjati kollettivi, ma hemm l-ebda dispożizzjoni oħra li tirregola t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol b'ħin parzjali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skond l-istatistiċi disponibbli, aktar minn 90% tal-ħaddiema b'ħin parzjali huma nisa.

27     F'dan ir-rigward, billi kkonstatat li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni ta' diskriminazzjoni indiretta, ikkaratterizzata mill-fatt li n-nuqqas fil-kuntratti ta' impjieg b'ħin parzjali fuq bażi każwali ta' ftehim dwar it-tul tal-ħin tax-xogħol u dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jolqot b'mod żvantaġġjuż perċentwali aktar għolja ta' nisa milli rġiel, il-qorti tar-rinviju jidhrilha li risposti għal ċerti domandi huma meħtieġa li jiġi ddeterminat kemm l-interpretazzjoni tal-klawżola tal-kuntratt ta' impjieg in kwistjoni skond id-dritt Komunitarja u kif ukoll kumpens xieraq għas-Sinjura Wippel.

28     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)       a)      L-Artikolu 141 KE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117 […], il-klawżola 2 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol [b'ħin parzjali] konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC […] u l-punt 9 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tad-9 ta' Diċembru 1989 għandhom jiġu interpretati fis-sens li (fir-rigward tal-kunċett ta' 'ħaddiem') persuni li, bħalma hija r-rikorrenti f'dan il-każ, jiftiehmu, f'kuntratt qafas komprensiv ta' impjieg, kemm fuq ir-remunerazzjoni, il-kundizzjonijiet ta' terminazzjoni ta' impjieg u ta' sensja, eċċ iżda wkoll jistipulaw li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol għandhom jiddependu fuq il-kwantità ta' xogħol li jkun hemm u li dawn għandhom jiġu ddeterminati biss każ b' każ permezz ta' qbil bejn il-persuni kkonċernati, jibbenefikaw ukoll mill-protezzjoni tagħhom?

b)       Persuna taqa' taħt il-kunċett ta' 'ħaddiem' fis-sens tal-parti (a) ta' l-ewwel domanda meta jkun previst, mingħajr l-ebda impenn minn naħa ta' parti jew oħra, li hija ser taħdem madwar tlett ijiem fil-ġimgħa u żewġ Sibtijiet fix-xahar?

c)       Persuna taqa' taħt il-kunċett ta' 'ħaddiem' fis-sens tal-parti (a) ta' l-ewwel domanda meta hija effettivament taħdem madwar tlett ijiem fil-ġimgħa u żewġ Sibtijiet fix-xahar?

d)       Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema […] hija legalment vinkolanti, ta' l-anqas fis-sens li dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati fid-dawl tagħha?

2)       L-Artikolu 141 KE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 […] u l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol [b'ħin parzjali] għandhom jiġu interpretati fis-sens li teżisti inugwaljanza fit-trattament li mhijiex oġġettivament ġustifikata

meta l-liġi jew il-ftehim kollettiv jistabbilixxu dispożizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema b'ħin sħiħ (li madwar 60% fosthom huma rġiel u 40% huma nisa), li jirregolaw mhux biss it-tul tal-ħin tax-xogħol iżda wkoll, parzjalment, il-ħinijiet tax-xogħol, dispożizzjonijiet li ħaddiem b'ħin sħiħ jista' jinvoka anki fin-nuqqas ta' stipulazzjoni kuntrattwali,

filwaqt li ma jeżistux dispożizzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin parzjali (li madwar 90% fosthom huma nisa u 10% huma rġiel) anki fil-każ fejn il-partijiet kontraenti ma jikkonkludux ftehim – mitlub mil-liġi – dwar dan il-punt?

3)       L-Artikolu 141 KE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 u l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol [b'ħin parzjali] għandhom jiġu interpretati fis-sens li teżisti inugwaljanza fit-trattament li mhijiex oġġettivament iġġustifikata meta prinċipal espressament jeskludi ftehim dwar il-ħinijiet tax-xogħol u t-tul tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin parzjali – li wieħed jista' jassumi li huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, nisa (madwar 90% nisa u 10% irġiel) –, filwaqt li, fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin sħiħ – li wieħed jista' jassumi li n-nisa fosthom mhumiex il-maġġoranza bl-istess perċentwali –, il-liġi jew il-ftehim kollettiv diġà jipprovdu kemm għat-tul tal-ħin tax-xogħol kif ukoll, parzjalment, għall-organizzazzjoni tiegħu?

4)       L-Artikolu 141 KE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 75/117, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207 u l-klawżola 4, iżda wkoll il-klawżola 1(b) (iffaċilitar ta' l-iżvilupp ta' xogħol [b'ħin parzjali]), tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol [b'ħin parzjali], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f'dan il-każ, li jingħata kumpens għal inugwaljanza fit-trattament li mhijiex oġġettivament ġustifikata, huwa meħtieġ u legali,

a)      fir-rigward tat-tul tal-ħin tax-xogħol, li wieħed jibbaża ruħu fuq tul ta' ħin determinat u, fl-affermattiv, fuq

–       it-tul tal-ħin normali tax-xogħol, jew

–       l-itwal tul ta' ħin fil-ġimgħa li effettivament inħadem, sakemm il-prinċipal ma jipprovax li dan kien dovut għal bżonn partikolarment kbir ta' ħaddiema f'dak iż-żmien, jew

–       il-bżonn ta' ħaddiema li kien jeżisti meta ġie konkluż il-kuntratt ta' xogħol, jew

–       it-tul tal-ħin medju ta' xogħol fil-ġimgħa, u

b)      fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol, li jiġu kkumpensati l-piżijiet addizzjonali li l-flessibbiltà tqiegħed fuq il-ħaddiem u l-vantaġġ li din tagħti lill-prinċipal, li l-ħaddiem jingħata

–       żieda 'adegwata' fis-salarju għal kull siegħa, li għandha tiġi ddeterminata każ b'każ, jew

–       żieda minima bħal dik mogħtija lill-ħaddiema b'ħin sħiħ li jaħdmu aktar mit-tul tal-ħin normali tax-xogħol (8 sigħat kuljum jew 40 siegħa fil-ġimgħa) jew

–       irrispettivament mit-tul ta' ħin fil-fatt maħdum, kumpens fir-rigward tal-ħin li mhuwiex imħallas bħala ħin maħdum iżda li matulu, skond il-kuntratt, il-ħaddiem jista' jaħdem (ħin ta' xogħol potenzjali), meta l-perijodu ta' notifika minn qabel huwa anqas minn

–       15-il ġurnata,

–       perijodu raġonevoli?".

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

29     Li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk kuntratt ta' impjieg, bħal dak f'dan il-każ, li jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol għandhom jiddependu fuq il-ħtiġijiet tal-kwantità ta' xogħol li jkun hemm bżonn isir u li huma stabbiliti biss każ b' każ permezz ta' qbil komuni bejn il-partijiet, jaqax taħt id-Direttiva 76/207, li tistabbilixxi l-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa f'dak li għandu x'jaqsam, b'mod partikolari, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew jekk, mill-banda l-oħra, kuntratt bħal dan jaqax taħt l-Artikolu 141 KE u d-Direttiva 75/117, dwar il-prinċipju ta' remunerazzjoni ugwali għall-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa.

30     Kuntratt ta' impjieg bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistabbilixxi la t-tul tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u lanqas l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, li jiddependu fuq il-ħtiġijiet tal-kwantità ta' xogħol li jkun hemm bżonn isir u li huma ddeterminata każ b'każ permezz ta' qbil komuni bejn il-partijiet. F'dan il-każ, l-imsemmi kuntratt jolqot l-eżerċizzju ta' l-attività professjonali tal-ħaddiema kkonċernati billi jorganizza l-ħin tax-xogħol tagħhom skond il-bżonn.

31     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li kuntratt bħal dan jistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-sens, b'mod partikolari, ta' l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 76/207.

32     Barra minn hekk, l-imsemmija regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jaqgħu wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett tal-kundizzjonijiet ta' impjieg, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81.

33     Il-fatt li kuntratt bħal dan għandu konsegwenzi finanzjarji għall-ħaddiem ikkonċernat mhuwiex, madankollu, ta' natura li awtomatikament idaħħal dan il-kuntratt fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE jew tad-Direttiva 75/117, peress li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq ir-rabta mill-qrib li teżisti bejn in-natura tal-prestazzjoni ta' xogħol u l-ammont tas-salarju tal-ħaddiem (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta' Settembru 2003, Steinicke, C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 51).  

34     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, fil-każ tal-kawża prinċipali, mhuwiex meħtieġ li jiġu interpretati la l-Artikolu 141 KE u lanqas id-Direttiva 75/117.

 Fuq l-ewwel domanda

35     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk ħaddiem li għandu kuntratt ta' impjieg li jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jiddependu fuq il-kwantità ta' xogħol li jkun hemm u huma ddeterminati biss każ b'każ permezz ta' qbil komuni bejn il-partijiet, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 76/207 u wkoll tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81.

36     Fir-rigward tad-Direttiva 76/207, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fil-punt 31 ta' din is-sentenza, kuntratt ta' impjieg bħal dan jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva. Għaldaqstant, ħaddiem li għandu dan il-kuntratt ukoll jaqa' taħt l-imsemmija direttiva.

37     Skond il-klawżola 2(1) tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81, dan il-ftehim qafas japplika għall-ħaddiema b'ħin parzjali li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg definiti mil-leġiżlazzjoni, mill-ftehim kollettivi jew mill-prassi fis-seħħ f'kull Stat Membru. Skond il-klawżola 3(1) ta' l-imsemmi ftehim qafas, b' "ħaddiem [b'ħin parzjali]" wieħed, għandu jifhem impjegat li t-tul tal-ħin normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulat fuq bażi ta' ġimgħa jew bħala medja fuq perijodu ta' impjieg li jista' jkun sa sena twil, huwa anqas minn dak ta' ħaddiem b'ħin sħiħ komparabbli.

38     Skond il-klawżola 2(2) ta' l-istess ftehim qafas, "[l]-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, ftehim kollettiv jew prattika, u/jew il-parteċipanti soċjali fil-livell approprjat skond il-prattika fir-relazzjonijiet industrijali nazzjonali jistgħu, għal raġunijiet oġġettivi, jeskludu kompletament jew parzjalment mill-kond[i]zzjonijiet ta' dan il-Ftehim ħaddiema [b'ħin parzjali] li jaħdmu fuq bażi każwali".

39     Kif osserva ġustament il-Gvern tar-Renju Unit, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa li tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża li għandha quddiemha.

40     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ħaddiem li għandu kuntratt ta' impjieg li jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jiddependu mill-kwantità ta' xogħol li jkun hemm u huma ddeterminati biss każ b'każ permezz ta' qbil bejn il-partijiet, bħal dak fil-kawża prinċipali, jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 76/207.

Ħaddiem bħal dan jaqa' wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 meta:

–       jkollu kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettivi jew mill-prassi fis-seħħ fl-Istat Membru;

–       jkun impjegat li t-tul tal-ħin normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulat fuq bażi ta' ġimgħa jew bħala medja fuq perijodu ta' impjieg li jista' jkun sa sena twil, huwa anqas minn dak ta' ħaddiem b'ħin sħiħ komparabbli, fis-sens tal-klawżola 3(2) ta' l-imsemmi ftehim qafas, u

–       fir-rigward ta' ħaddiema b'ħin parzjali li jaħdmu fuq bażi każwali, l-Istat Membru ma eskludiex, totalment jew parzjalment, lill-imsemmija ħaddiema milli jgawdu mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi ftehim qafas bis-saħħa tal-klawżola 2(2) ta' l-istess ftehim.

 Fuq it-tieni domanda

41     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali stess ma jistabbilixxu, fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin parzjali, la t-tul tal-ħin tax-xogħol u lanqas l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 u l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni oħra, bħalma huwa l-Artikolu 3 ta' l-AZG, li tistabbilixxi t-tul tal-ħin normali tax-xogħol bħala, fil-prinċipju, 40 siegħa fil-ġimgħa u 8 sigħat kuljum.

42     Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, il-ħaddiema b'ħin parzjali m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod anqas favorevoli mill-ħaddiema b'ħin sħiħ komparabbli sempliċement minħabba li huma jaħdmu b'ħin parzjali, sakemm dan it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minħabba raġunijiet oġġettivi.

43     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, skond ġurisprudenza stabbilita, leġiżlazzjoni nazzjonali tagħmel diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema nisa meta, minkejja li tkun ifformulata b'mod newtrali, tkun fil-fatt ta' żvantaġġ għal perċentwali ħafna aktar għolja ta' nisa milli ta' rġiel, sakemm din id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li m'għandhomx x'jaqsmu ma' xi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta' April 2000, Jørgensen, C-226/98, Ġabra p. I-2447, punt 29; tas-26 ta' Settembru 2000, Kachelmann, C-322/98, Ġabra p. I-7505, punt 23, u tad-9 ta' Settembru 2003, Rinke, C-25/02, Ġabra p. I-8349, punt 33).

44     Għaldaqstant, li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi vverifikat jekk l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 ta' l-AZG twassalx, minn naħa, fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81, għal trattament anqas favorevoli tal-ħaddiema b'ħin parzjali meta mqabbla mal-ħaddiema b'ħin sħiħ komparabbli u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, għal differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' ħaddiema.

45     F'dan ir-rigward, l-AZG, li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/104 fid-dritt nazzjonali, tipprovdi, fl-Artikolu 3 tagħha, li t-tul tal-ħin normali, jiġifieri massimu, ta' xogħol huwa, fil-prinċipju, ta' 40 siegħa fil-ġimgħa u 8 sigħat kuljum. Barra minn hekk, l-Artikolu 19d ta' l-AZG jiddefinixxi x-xogħol b'ħin parzjali bħala s-sitwazzjoni fejn it-tul tal-ħin tax-xogħol f'ġimgħa li jkun sar ftehim dwaru jkun anqas mill-imsemmi tul tal-ħin massimu ta' xogħol.

46     L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li kemm mill-Artikolu 118 A tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew issostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE), li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tad-Direttiva 93/104, u kemm mill-ewwel, mir-raba', mis-seba' u mit-tmien premessi tagħha, kif ukoll mill-kliem stess użat fl-Artikolu 1(1) tagħha, jirriżulta li l-għan ta' din id-direttiva huwa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi li itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta' approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw, b'mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol (ara s-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 37, u tad-9 ta' Settembru 2003, Jaeger, C-151/02, Ġabra p. I-8389, punt 45).

47     It-tieni nett, skond dawn l-istess dispożizzjonijiet, din l-armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju fil-qasam ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża li tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema billi tagħti lil dawn il-ħaddiema perijodi minimi ta' mistrieħ, b'mod partikolari, ta' kuljum u ta' kull ġimgħa – kif ukoll perijodi ta' pawża adegwati u billi tipprovdi għal tul ta' ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa (ara s-sentenzi tat-3 ta' Ottubru 2000, Simap, C-303/98, Ġabra p. I-7963, punt 49; BECTU, iċċitata aktar 'il fuq, punt 38, u Jaeger, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46). Din il-protezzjoni tikkostitwixxi dritt soċjali mogħti lil kull ħaddiema bħala rekwiżit minimu neċessarju li tkun assigurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza BECTU, iċċitata aktar 'il fuq, punt 47).

48     Fl-aħħar nett, huwa possibbli li, f'ċerti każijiet, it-tul tal-ħin massimu tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jikkoinċidu rispettivament mas-sigħat effettivament maħduma fil-ġimgħa minn ħaddiem b'ħin sħiħ kif ukoll ma' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' dan il-ħaddiem. Madankollu, id-Direttiva 93/104 tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-ħaddiema b'ħin sħiħ u dawk b'ħin parzjali u għaldaqstant tirregola, b'mod partikolari, it-tul tal-ħin massimu tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kategoriji ta' ħaddiema.

49     Minn dan isegwi li, kif osserva ġustament il-Gvern Awstrijak, minkejja li l-Artikolu 3 ta' l-AZG jeżiġi organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u tul ta' ħin massimu tax-xogħol li, skond mid-definizzjoni tiegħu stess, huwa itwal minn dak ta' xogħol b'ħin parzjali, dan l-artikolu jirregola wkoll it-tul ta' ħin massimu tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward kemm tal-ħaddiema b'ħin sħiħ u kemm dawk b'ħin parzjali.

50     Għaldaqstant, l-Artikolu 3 ta' l-AZG la jwassal, fir-rigward tal-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81, għal trattament anqas favorevoli tal-ħaddiema b'ħin parzjali meta mqabbla mal-ħaddiema b'ħin sħiħ komparabbli u lanqas, fir-rigward ta' l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, għal differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' ħaddiema.

51     Fid-dawl ta' dak li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 u l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħalma huwa l-Artikolu 3 ta' l-AZG, li tistabbilixxi t-tul tal-ħin massimu tax-xogħol bħala, fil-prinċipju, 40 siegħa fil-ġimgħa u 8 sigħat kuljum, u li għaldaqstant tirregola wkoll it-tul ta' ħin massimu tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward kemm tal-ħaddiema b'ħin sħiħ u kemm ta' dawk b'ħin parzjali.

 Fuq it-tielet domanda

52     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk, minn naħa, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu kuntratt ta' impjieg b'ħin parzjali, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdi li t-tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol mhumiex stabbiliti b'mod fiss iżda jiddependu fuq il-bżonnijiet ta' kwantità ta' xogħol li jkun hemm bżonn isir, li għandhom ikunu ddeterminati każ b'każ, filwaqt li l-ħaddiema kkonċernati jkollhom l-għażla jekk jaċċettawx jew le l-imsemmi xogħol.

53     Għandu jiġi mfakkar li din id-domanda saret fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fejn, kif jirriżulta mill-inkartament, il-kuntratt ta' impjieg tas-Sinjura Wippel kellu, skondha, jinkludi fih klawżola li tipprovdi għal tul determinat ta' ħin ta' xogħol fil-ġimgħa b'salarju speċifikat, irrispettivament minn jekk il-persuna kkunċernata tkunx ħadmet it-tul ta' ħin kollu jew le.

54     F'dan ir-rigward, minn naħa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat fil-punt 42 ta' din is-sentenza, il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' l-impjieg, tipprekludi li l-ħaddiema b'ħin parzjali jiġu trattati b'mod anqas favorevoli mill-ħaddiema b'ħin sħiħ komparabbli sempliċement minħabba li huma jaħdmu b'ħin parzjali, sakemm dan it-trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minħabba raġunijiet oġġettivi.

55     Mill-banda l-oħra, skond il-ġurisprudenza stabbilita ċċitata fil-punt 43 ta' din is-sentenza dwar l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, leġiżlazzjoni nazzjonali tagħmel diskriminazzjoni indiretta kontra l-ħaddiema nisa meta, minkejja li tkun ifformulata b'mod newtrali, tkun fil-fatt ta' żvantaġġ għal perċentwali ħafna aktar għolja ta' nisa milli ta' rġiel, sakemm din id-differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li m'għandhomx x'jaqsmu ma' xi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. L-istess għandu jingħad fir-rigward ta' kuntratt ta' impjieg bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

56     Il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni stabbilita fid-dispożizzjonijiet iċċitati aktar 'il fuq hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, prinċipju li jipprovdi li sitwazzjonijiet komparabbli m'għandhomx jiġu ttrattati b'mod differenti sakemm din id-differenza ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara s-sentenzi tas-26 ta' Ġunju 2001, Brunnhofer, C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 28, u tas-17 ta' Settembru 2002, Lawrence et, C-320/00, Ġabra p. I-7325, punt 12). Għaldaqstant dan il-prinċipju jista' biss japplika għal persuni li jinstabu f'sitwazzjonijiet komparabbli (sentenza tal-31 ta' Mejju 2001, D u L-Iżvezja vs Il-Kunsill, C-122/99 P u C-125/99 P, Ġabra p. I-4319, punt 48).

57     Għaldaqstant, fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat jekk kuntratt ta' impjieg b'ħin parzjali fuq bażi każwali, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jwassalx li ħaddiem bħas-Sinjura Wippel jiġi ttrattat b'mod anqas favorevoli minn ħaddiem b'ħin sħiħ li jinstab f'sitwazzjoni komparabbli ma' tagħha, fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehem Qafas anness mad-Direttiva 97/81.

58     F'dan ir-rigward, il-klawżola 3 ta' l-imsemmi ftehim qafas tipprovdi kriterji li jiddefinixxu l-"ħaddiem [b'ħin parzjali] ta' l-istess tip [komparabbli]". Dan huwa definit bħala "ħaddiem b'ħin sħiħ fl-istess stabbiliment li għandu l-istess tip ta' kuntratt ta' impjieg jew relazzjoni, li hu mqabbad biex jaħdem fl-istess xogħol/okkupazzjoni simili, b'kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet l-oħra li jistgħu jinkludu l-anzjanità u l-kwalifikazzjoni/kapaċità". Skond din l-istess klawżola, meta ma jkunx hemm l-ebda ħaddiem b'ħin sħiħ komparabbli fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir permezz ta' referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli jew, fin-nuqqas ta' ftehim kollettiv applikabbli, skond il-leġiżlazzjoni, ftehim kollettivi jew prassi nazzjonali.

59     Minn naħa, ħaddiem b'ħin parzjali fuq bażi każwali, bħalma hija s-Sinjura Wippel, jaħdem taħt kuntratt li la jistabbilixxi t-tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa u lanqas l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol iżda jħalli lill-ħaddiem l-għażla li jaċċetta jew li jirrifjuta x-xogħol li toffrilu P & C. Huwa jitħallas bis-siegħa għal dawk is-sigħat biss li jkun fil-fatt ħadem.

60     Min-naħa l-oħra, ħaddiem b'ħin sħiħ jaħdem taħt kuntratt li jistabbilixxi t-tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa bħala 38.5 siegħa, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol kif ukoll is-salarju w li jorbtu li jaħdem għal P & C matul it-tul tal-ħin tax-xogħol kollu kif stabbilit mingħajr ma jkun jista' jirrifjuta l-imsemmi xogħol, anki jekk il-ħaddiem ma jkunx jista' jew ma jkunx jixtieq jagħmlu.

61     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-relazzjoni ta' impjieg imsemmija fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza għandha suġġett u bażi differenti minn dawk tar-relazzjoni ta' impjieg li fiha jkun jinstab ħaddiem bħalma hija s-Sinjura Wippel. Minn dan isegwi li, fl-istess stabbiliment, l-ebda ħaddiem b'ħin parzjali m'għandu l-istess tip ta' kuntratt jew l-istess relazzjoni ta' impjieg bħal dawk tas-Sinjura Wippel. Mill-inkartament jirriżulta li l-istess jista' jingħad, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fir-rigward tal-ħaddiema b'ħin parzjali kollha li għalihom il-ftehim kollettiv applikabbli jistabbilixxi t-tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa bħala 38.5 siegħa.

62     Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma jeżisti l-ebda ħaddiem b'ħin sħiħ komparabbli mas-Sinjura Wippel fis-sens tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81. Minn dan isegwi li kuntratt ta' impjieg b'ħin parzjali fuq bażi każwali li la jistabbilixxi tul ta' ħin ta' xogħol fil-ġimgħa u lanqas organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma jammontax għal trattament anqas favorevoli fis-sens tal-klawżola 4 ta' l-istess ftehim qafas.

63     Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207, mill-inkartament jirriżulta li, skond is-Sinjura Wippel, is-sitwazzjonijiet ta' ħaddiema li għandhom jitqabblu huma, minn naħa, dik li jinstabu fiha l-ħaddiema b'ħin parzjali fuq bażi każwali ta' P & C li l-kuntratti ta' impjieg tagħhom la jistabbilixxu t-tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa u lanqas organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, dik li jinstabu fiha l-ħaddiema kollha l-oħra ta' P & C, kemm dawk b'ħin sħiħ kif ukoll dawk b'ħin parzjali li l-kuntratti ta' impjieg tagħhom jistabbilixxu dan it-tul u din l-organizzazzjoni.

64     Peress li l-aħħar kategorija ta' ħaddiema huma kkaratterizzati mill-obbligu li jaħdmu għal P & C matul tul ta' ħin ta' xogħol stabbilit fil-ġimgħa mingħajr ma jkunu jistgħu jirrifjutaw dan ix-xogħol fl-eventwalità li l-ħaddiema kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jaħdmu, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 59 sa 61 ta' din is-sentenza, is-sitwazzjoni li jinstabu fiha dawn il-ħaddiema ma tistax titqabbel ma dik li jinstabu fiha l-ħaddiema b'ħin parzjali fuq bażi każwali.

65     Minn dan isegwi li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali fejn iż-żewġ kategoriji ta' ħaddiema mhumiex komparabbli, kuntratt ta' impjieg b'ħin parzjali fuq bażi każwali li la jistabbilixxi tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa u lanqas organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ma jammontax għal miżura indirettament diskriminatorja fis-sens ta' l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207.

66     Fid-dawl ta' dak kollu li għadu kemm intqal, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 u l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi fejn il-kuntratti ta' impjieg kollha tal-ħaddiema l-oħra ta' impriża jistabbilixxu t-tul tal-ħin ta' xogħol fil-ġimgħa u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, huma ma jipprekludux kuntratt ta' impjieg b'ħin parzjali tal-ħaddiema ta' l-istess impriża, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol mhumiex stabbiliti iżda jiddependu mill-bżonnijiet ta' kwantità ta' xogħol li jkun hemm bżonn isir u jkunu ddeterminati każ b'każ filwaqt li l-ħaddiema kkonċernati jkollhom l-għażla jekk jaċċettawx jew le l-imsemmi xogħol.

67     Fid-dawl tar-risposti għat-tieni u għat-tielet domandi, m'hemmx bżonn li tingħata risposta għar-raba' domanda.

 Fuq l-ispejjeż

68     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Ħaddiem li għandu kuntratt ta' impjieg li jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jiddependu mill-kwantità ta' xogħol li jkun hemm u huma ddeterminati biss każ b'każ permezz ta' qbil bejn il-partijiet, bħal dak fil-kawża prinċipali, jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol.

Ħaddiem bħal dan jaqa' wkoll fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta' Diċembru 1997, dwar il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol [b'ħin parzjali] konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, meta:

–       jkollu kuntratt jew relazzjoni ta' impjieg definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettivi jew mill-prassi fis-seħħ fl-Istat Membru;

–       jkun impjegat li t-tul tal-ħin normali tax-xogħol tiegħu, ikkalkulat fuq bażi ta' ġimgħa jew bħala medja fuq perijodu ta' impjieg li jista' jkun sa sena twil, huwa anqas minn dak ta' ħaddiem b'ħin sħiħ komparabbli, fis-sens tal-klawżola 3(2) ta' l-imsemmi ftehim qafas, u

–       fir-rigward ta' ħaddiema b'ħin parzjali li jaħdmu fuq bażi każwali, l-Istat Membru ma eskludiex, totalment jew parzjalment, lill-imsemmija ħaddiema milli jgawdu mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmi ftehim qafas bis-saħħa tal-klawżola 2(2) ta' l-istess ftehim.

2)      Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 97/81 u l-Artikoli 2(1) u 5(1) tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens:

–       li ma jipprekludux dispożizzjoni, bħalma huwa l-Artikolu 3 ta' l-Arbeitszeitgesetz (liġi dwar il-ħin tax-xogħol), li tistabbilixxi t-tul tal-ħin massimu tax-xogħol bħala, fil-prinċipju, 40 siegħa fil-ġimgħa u 8 sigħat kuljum, u li għaldaqstant tirregola wkoll it-tul ta' ħin massimu tax-xogħol u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward kemm tal-ħaddiema b'ħin sħiħ u kemm ta' dawk b'ħin parzjali;

–       li, fiċ-ċirkustanzi fejn il-kuntratti ta' impjieg kollha tal-ħaddiema l-oħra ta' impriża jistabbilixxu t-tul tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, huma ma jipprekludux kuntratt ta' impjieg b'ħin parzjali ta' ħaddiema ta' l-istess impriża, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovdi li t-tul tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol mhumiex stabbiliti iżda jiddependu mill-bżonnijiet ta' kwantità ta' xogħol li jkun hemm bżonn isir u jkunu ddeterminati każ b'każ filwaqt li l-ħaddiema kkonċernati jkollhom l-għażla jekk jaċċettawx jew le l-imsemmi xogħol.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.