SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)
11 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir‑rigward tal-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l‑iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir‑rikorrenti fil-lista – Obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lir-rikorrenti jew li huma jippossjedu, li jżommu jew li jikkontrollaw – Obbligu ta’ kooperazzjoni mal-awtorità nazzjonali kompetenti – Parteċipazzjoni f’attivitajiet li jkollhom l‑għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri restrittivi – Artikolu 9(2) u (3) tar‑Regolament (UE) Nru 269/2014 – Rikors għal annullament – Locus standi – Inċidenza diretta – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Użu ħażin ta’ poter – Kompetenza tal-Kunsill – Proporzjonalità – Ċertezza legali”
Fil-Kawża T‑644/22,
Gennady Nikolayevich Timchenko, residenti f’Genève (l-Isvizzera),
Elena Petrovna Timchenko, residenti f’Genève,
irrappreżentati minn S. Bonifassi, E. Fedorova, T. Bontinck, A. Guillerme, L. Burguin u J. Bastien, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop, bħala aġent, assistit minn B. Maingain u A. Vandevelde, avukati,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Krämer, C. Giolito, M. Carpus Carcea u L. Puccio, bħala aġenti,
intervenjent,
IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),
komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas, D. Spielmann, M. J. Costeira, K. Kowalik-Bańczyk, S. Gervasoni, L. Madise, N. Półtorak, M. Brkan, I. Gâlea, I. Dimitrakopoulos, D. Kukovec, S. Kingston, T. Tóth (Relatur) u S. L. Kalėda, Imħallfin,
Reġistratur: H. Eriksson, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir‑rikorrenti, Gennady Nikolayevich Timchenko u Elena Petrovna Timchenko, jitolbu, essenzjalment, l-annullament tal-Artikolu 1(4) tar‑Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1273 tal-21 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir‑rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 194, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), sa fejn jemenda l-Artikolu 9 tar‑Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014, tas-17 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU L 294, p. 64), billi jinkludi obbligi ta’ dikjarazzjoni tal-fondi u ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward (Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat) u billi jassimila n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi ma’ evażjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi (Artikolu 9(3) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat) (iktar ’il quddiem id‑“dispożizzjonijiet ikkontestati”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
G. Timchenko huwa negozjant, miżżewweġ lil E. Timchenko. Ir‑rikorrenti huma, it-tnejn li huma, ta’ nazzjonalità Russa u Finlandiża. |
|
3 |
F’Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa annettiet ir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea kif ukoll il-belt ta’ Sevastopol u minn dakinhar ilha twettaq azzjonijiet kontinwi ta’ destabbilizzazzjoni fil-Lvant tal‑Ukraina. Fl-istess ħin, movimenti separatisti pro-Russi daħlu f’kunflitt armat mal-gvern tal-Ukraina fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk. |
|
4 |
Fis-17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi b’mod partikolari tal‑Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2014/145, dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l‑indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16). Fl-istess jum, huwa adotta, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament Nru 269/2014. Fil-jiem ta’ wara, il-forzi armati Russi bdew operazzjonijiet tal-gwerra fl-Ukraina kollha, liema operazzjonijiet għadhom sejrin sa llum. |
|
5 |
Fil-21 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-indipendenza u s-sovranità tar-“Repubblika Popolari ta’ Donetsk” u r-“Repubblika Popolari ta’ Luhansk”, awtoproklamati, u ordna l-iskjerament tal-forzi armati Russi f’dawn iż-żoni. |
|
6 |
Fit-22 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) ippubblika dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li kkundannat dawn l-azzjonijiet, peress li kienu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt internazzjonali. Huwa ħabbar li l-Unjoni kienet ser tirreaġixxi għal dan l-aħħar ksur mill-Federazzjoni Russa billi tadotta urġentement miżuri restrittivi addizzjonali. |
|
7 |
F’dan il-kuntest, il-Kunsill adotta t-tieni sensiela ta’ miżuri restrittivi. L‑ismijiet tar-rikorrenti ġew miżjuda, rispettivament, fir-rigward ta’ G. Timchenko, fit-28 ta’ Frar 2022, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kunsill (UE) 2022/336, li jimplimenta r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 58, p. 1), u, fir-rigward ta’ E. Timchenko, fit-8 ta’ April 2022, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/582, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 110, p. 55, rettifika fil-ĠU L 141, p. 131), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/581, li jimplimenta r‑Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 110, p. 3), u sussegwentement inżammu fil-listi ta’ persuni, entitajiet u korpi suġġetti għal miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl‑Anness I tar-Regolament Nru 269/2014. Dawn il-miżuri restrittivi kienu s-suġġett ta’ rikorsi għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawżi T‑252/22, Timchenko vs Il-Kunsill u T‑361/22, Timchenko vs Il-Kunsill). |
|
8 |
Fid-data tal-adozzjoni tal-atti msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq, l‑Artikolu 2 tar-Regolament Nru 269/2014 kien jipprovdi dan li ġej: “1. Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l‑proprjetà, li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness I, għandhom jiġu ffriżati. 2. Ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha titqiegħed għad‑dispożizzjoni, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl‑Anness I.” |
|
9 |
L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament kien jgħid dan li ġej: “1. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar [dikjarazzjoni], il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi:
|
|
10 |
L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi li “[i]l‑parteċipazzjoni, b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l‑għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artiklu 2 hija pprojbita”. |
|
11 |
L-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament kien jgħid dan li ġej: “1. L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil‑paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis‑seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.” |
|
12 |
Fit-3 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/880, li jemenda r-Regolament Nru 269/2014 (ĠU 2022, L 153, p. 75), billi qies b’mod partikolari li kien hemm lok li jiġu ppreċiżati u msaħħa d‑dispożizzjonijiet dwar il-pieni nazzjonali imposti fil-każ ta’ ksur tal‑miżuri previsti fl-imsemmi regolament (il‑premessa 2 tar‑Regolament 2022/880). |
|
13 |
L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014 kien ġie emendat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni, inkluż kif xieraq pieni kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll għal miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.” |
|
14 |
Fit-21 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta, abbażi b’mod partikolari tal‑Artikolu 29 TUE, id‑Deċiżjoni (PESK) 2022/1272 li temenda d‑Deċiżjoni 2014/145 (ĠU 2022, L 193 I, p. 219). B’din id-deċiżjoni, huwa daħħal derogi ġodda għall-iffriżar tal-assi u għall-projbizzjoni li l‑fondi u r-riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet indikati. |
|
15 |
Fl-istess jum, ġie adottat ir-Regolament ikkontestat, b’mod partikolari, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE. Dan ir-regolament jippreċiża, fil‑premessa 5 tiegħu, li: “Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u uniformi tar‑Regolament (UE) Nru 269/2014, u minħabba l-kumplessità dejjem akbar tal-iskemi għall-evażjoni tas-sanzjonijiet, li jostakolaw tali implimentazzjoni, huwa neċessarju li persuni u entitajiet deżinjati b’assi fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jiġu obbligati jirrappurtaw [jiddikjaraw] dawn l-assi u jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fil‑verifika ta’ dan ir-rappurtar. Huwa xieraq ukoll li jissaħħu d‑dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ rappurtar għall-operaturi tal‑Unjoni, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-ksur u ċ-ċirkomvenzjoni [evażjoni] tal-iffriżar tal-assi. In-nuqqas li jiġi rispettat dan l-obbligu jikkostitwixxi ċirkomvenzjoni tal-iffriżar tal-assi u jkun soġġett għal penali jekk il-kondizzjonijiet għal tali penali jiġu sodisfatti skont ir‑regoli u l-proċeduri nazzjonali applikabbli.” |
|
16 |
Ir-Regolament ikkontestat emenda r-Regolament Nru 269/2014 billi ppreveda, fl-Artikolu 1(1) sa (3) tiegħu, id-derogi previsti mid‑Deċiżjoni 2022/1272. Fil-punt 4 tal-Artikolu 1 tiegħu, dan ir‑regolament jipprevedi li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014 jiġi ssostitwit bit-test li ġej: “Artikolu 9 1. Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun ipprojbita. 2. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl‑Anness I, għandhom:
3. In-nuqqas ta’ konformità mal-paragrafu 2 għandu jitqies bħala parteċipazzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2. [...]” |
It-talbiet tal-partijiet
|
17 |
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
19 |
Il-Kummissjoni Ewropea titlob li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat. |
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
|
20 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqajjem l-inammissibbiltà tar‑rikors minħabba li r-rikorrenti ma għandhomx interess ġuridiku, u lanqas locus standi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, dak li qiegħed jiġi kkontestat mir-rikorrenti. |
|
21 |
Fir-rigward tan-nuqqas ta’ locus standi, li għandu jiġi analizzat fl‑ewwel lok, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li d‑dispożizzjonijiet ikkontestati ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
22 |
Għal dan l-għan, il-Kunsill jindika, b’mod partikolari u essenzjalment, li r-rikorrenti ma pprovawx li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex is-suġġett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni. |
|
23 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
24 |
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jgħid li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t‑tieni paragrafu, tressaq rikors kontra att indirizzat lilha (l-ewwel parti tal-frażi) jew li jirrigwardaha direttament u individwalment (it‑tieni parti tal-frażi), kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni (it-tielet parti tal-frażi). |
|
25 |
Il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta hija komuni għat-tieni u għat-tielet parti tal-frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, skont il‑ġurisprudenza, din il-kundizzjoni għandha l-istess tifsira f’kull waħda minn dawn il-partijiet tal-frażi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑348/20 P, EU:C:2022:548, punt 73). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors teżiġi li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal‑individwu u, min-naħa l-oħra, li ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati bl-implimentazzjoni tagħha, peress li din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l‑applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Assenjazzjoni ta’ Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il-Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 65). |
|
26 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-espressjoni “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, fis-sens tat‑tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, kif jirriżulta mill-oriġini tagħha, li jiġi evitat li individwu jkollu jikser il-liġi sabiex ikun jista’ jkollu aċċess għal qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jkun jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni, ikun hemm ir-riskju li din tal-aħħar tiġi mċaħħda minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma jkollhiex rimedju quddiem il-qorti tal‑Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, minkejja li tkun ikkonċernata direttament mill-att inkwistjoni, ma tkunx f’pożizzjoni li tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att ħlief wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il‑qrati nazzjonali (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, EU:C:2013:852, punt 27, u tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 58). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, għandha titqies il-pożizzjoni tal‑persuna li tkun qiegħda tinvoka d-dritt ta’ rimedju taħt it-tielet frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma ta’ natura regolatorja fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE sa fejn għandhom portata ġenerali u sa fejn ġew adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, konformement mal-proċedura mhux leġiżlattiva prevista f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Assenjazzjoni ta’ Stat Terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 92). |
|
28 |
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkonċernaw il‑persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. |
|
29 |
Issa, waqt il-preżentata tar-rikors tagħhom, l-ismijiet tar-rikorrenti kienu jinsabu f’dan l-Anness I, sa mill-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/336 f’dak li jikkonċerna lil G. Timchenko, u tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/581 f’dak li jikkonċerna lil E. Timchenko (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). |
|
30 |
Għaldaqstant, mill-21 ta’ Lulju 2022, id-data tad-dħul fis-seħħ tar‑Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti huma suġġetti għall-obbligi inkwistjoni, jiġifieri l-obbligu li huma għandhom li jiddikjaraw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom qabel l-1 ta’ Settembru 2022 u l‑obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, skont l‑Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) ta’ dan l-istess regolament, in‑nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija obbligi huwa kklassifikat bħala parteċipazzjoni f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il‑miżuri restrittivi ta’ ffriżar tal-fondi. |
|
31 |
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jaffettwaw direttament lir-rikorrenti, peress li dawn jipproduċu direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom. Fil-fatt, l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni, kif ukoll l-effetti tan-nuqqas ta’ osservanza tagħhom, japplikaw għar-rikorrenti bħala persuni inklużi fil‑lista li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, l‑applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fir-rigward tar-rikorrenti ma teħtieġ l-adozzjoni ta’ ebda miżura ta’ implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, ħaġa li ġiet ammessa mill-Kunsill waqt is-seduta, u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, b’tali mod li dawn jaffettwaw b’mod purament awtomatiku s-sitwazzjoni legali tar‑rikorrenti. |
|
32 |
Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu atti regolatorji li jikkonċernaw direttament lir-rikorrenti u li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli. |
|
33 |
Ir-riferiment tal-Kunsill għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Azarov vs Il-Kunsill (T-332/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:48, punti 59 u 60), u s-soluzzjoni ta’ inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ inċidenza diretta fuq ir-rikorrent adottata f’din is-sentenza ma jinvalidawx din il‑konstatazzjoni. Fil-fatt, fl-imsemmija sentenza, ir-rikors kien dirett b’mod partikolari kontra atti li emendaw il-kriterji ta’ klassifikazzjoni għall-iffriżar ta’ fondi fil-konfront tal-persuni responsabbli għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi li kienu jappartjenu lill-Istat Ukrain. Kien ġie deċiż li dan kien inammissibbli sa fejn kien indirizzat kontra l‑imsemmija atti, peress li, essenzjalment, dawn l-atti kellhom effetti legali biss fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet previsti b’mod ġenerali u astratt u ma kienu jikkonċernaw la individwalment u lanqas direttament lir-rikorrent f’dik il-kawża. |
|
34 |
F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jipproduċu direttament u immedjatament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, mingħajr ma jeħtieġu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni mill-awtoritajiet inkarigati bl-implimentazzjoni tal‑imsemmija obbligi. B’hekk, ir-rikorrenti jirriskjaw li jkunu nieqsa minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk ma jkollhomx rimedju ġudizzjarju quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex jikkontestaw il-legalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet. |
|
35 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandhom locus standi għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. |
|
36 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-nuqqas ta’ interess ġuridiku, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma ġġustifikawx tali interess, peress li huma ssodisfaw l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li huma ma humiex protetti minn sanzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kunsill jindika li huma jinvokaw sitwazzjoni futura u ipotetika. |
|
37 |
Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l‑annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d‑digriet tat-18 ta’ Jannar 2023, Seifert vs Il-Kunsill, T‑166/22, mhux ippubblikat, EU:T:2023:13, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). L‑interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
F’dan il-każ, indipendentement mill-fatt li r-rikorrenti jew persuni oħra jkunu ddikjaraw jew le l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni u, jekk kien il-każ, ikunu kkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, ir‑rikorrenti jżommu interess li jiksbu l-annullament tad‑dispożizzjonijiet ikkontestati, li jimponu fuqhom obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’ jwassal għal konsegwenzi serji għalihom. Fil-fatt, l-interess ġuridiku ma jisparixxix minħabba li r-rikorrent ikun wettaq l-obbligi li huwa jkun qiegħed jikkontesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, 172/83 u 226/83, EU:C:1985:355, punt 19, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Kesko vs Il-Kummissjoni, T‑22/97, EU:T:1999:327, punti 55 sa 65), u lanqas minħabba li dawn ikunu ġew eżegwiti minn terz (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 32). Konsegwentement, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti jibqa’ stabbilit mingħajr ma jkollhom għalfejn juru li huma kisru l-obbligi tagħhom. |
|
40 |
Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni ma twassalx għall-estinzjoni tal-obbligi kollha stabbiliti minn dan l-artikolu. Fil-fatt, ladarba l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jiġu ddikjarati mal-awtorità nazzjonali kompetenti, l-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jobbliga lill-persuni li jkunu ddikjaraw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi li huma jippossjedu, iżommu jew jikkontrollaw, jikkooperaw ma’ din l-awtorità nazzjonali għall-finijiet ta’ kull verifika. Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti jżommu interess ġuridiku eżistenti u attwali kontra d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/20124, kif emendat. |
|
41 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, il-klassifikazzjoni bħala parteċipazzjoni f’evażjoni tal-miżuri restrittivi li huma jipprevedu hija konsegwenzjali għall-obbligi previsti mill-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku ċert u attwali kontra dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
42 |
Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandhom interess ġuridiku ċert u attwali kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati u li, għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
43 |
Ir-rikorrenti jqajmu erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq nuqqas ta’ bażi legali, it-tieni wieħed fuq użu ħażin ta’ poter, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali
|
44 |
L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-Artikoli 24, 29 u 40 TUE u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-Artikolu 40 TUE u tal-Artikolu 83(1) TFUE. |
– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal‑Artikoli 24, 29, u 40 TUE
|
45 |
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, billi adotta l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir‑Regolament ikkontestat, il-Kunsill eċċeda l-kompetenzi mogħtija lilu bis-saħħa tal-Artikolu 215(2) TFUE u b’hekk kiser l‑Artikolu 24(2) TUE u l-Artikoli 29 u 40 TUE. |
|
46 |
Għal dan l-għan, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jaffermaw li, peress li d‑Deċiżjoni 2014/145 ma tipprevedix l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni previsti mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, dawn l-obbligi ma jikkostitwixxux miżuri neċessarji sabiex jingħata effett lid-Deċiżjoni 2014/145. Konsegwentement, tali obbligi ma jistgħux jitqiesu li huma miżuri ta’ “implimentazzjoni” ta’ din id‑deċiżjoni. |
|
47 |
Huma jżidu li dawn l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma sempliċi “modalitajiet” tal-miżuri restrittivi. Fil-fatt, l-imsemmija obbligi jiżdiedu mal-miżuri restrittivi sabiex jimplimentawhom jew jeżegwixxuhom u l-ksur tagħhom jitqies li huwa parteċipazzjoni f’evażjoni, skont l-Artikolu 9(3) ta’ dan ir‑regolament, liema fatt ma huwiex previst mis-sistemi l-oħra ta’ miżuri restrittivi. |
|
48 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti jindikaw li, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, xejn ma jiġġustifika l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ dawn l-obbligi, filwaqt li, qabel ir-Regolament ikkontestat, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 476/2014 tat-12 ta’ Mejju 2014 (ĠU 2014, L 137, p. 1), kien diġà jipprevedi obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni, li kienu inqas stretti f’dak li jirrigwarda termini u sanzjonijiet. |
|
49 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jindikaw li huma mhumiex qiegħdin jiċħdu li, ċertament, il-Kunsill għandu, bis-saħħa tal-Artikolu 26 TUE, kompetenza fil‑qasam tal-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”). Ir-rikorrenti jżidu li, kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Kunsill, l-Artikolu 2(2) TFUE ma jagħtix madankollu lil din l-istituzzjoni kompetenza sabiex tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, minkejja li l‑Artikolu 24(2) TUE jipprevedi li l-eżekuzzjoni tal-PESK hija, b’mod partikolari, mogħtija lill-Istati Membri. Minn dan huma jikkonkludu li, billi adotta l-obbligi kkontestati, il-Kunsill kiser il-kriterju ta’ tqassim tal-kompetenzi stabbilit mill-Artikolu 40 TUE, sa fejn ma huwiex il‑kompitu ta’ din l-istituzzjoni li tiddeċiedi kif il-miżuri restrittivi jkunu ser jiġu eżegwiti fit-territorju tal-Istati Membri. |
|
50 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
51 |
Għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, il-PESK hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi u hija “definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill, li jaġixxu b’mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor”. Barra minn hekk, din il-politika hija implimentata mir-Rappreżentant Għoli u mill-Istati Membri, konformement mat-Trattati. B’applikazzjoni tal-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill “għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l‑atteġġament tal-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. |
|
52 |
Il-miżuri restrittivi jiġu adottati, fil-kuntest tal-PESK, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill meħuda bl-unanimità abbażi tal-Artikolu 29 TUE u l-implimentazzjoni tagħhom issir, fil-kuntest tat-Trattat FUE, permezz ta’ regolament adottat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 215 TFUE, mill‑Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, fuq proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni. Minn naħa, l‑Artikolu 215(1) TFUE jirrigwarda l-adozzjoni mill-Kunsill tal-miżuri meħtieġa għall-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar‑relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew iktar previst minn deċiżjoni adottata konformement mal-Kapitolu 2 tat‑Titolu V tat-Trattat UE. Min-naħa l-oħra, skont l‑Artikolu 215(2) TFUE, meta deċiżjoni adottata konformement mal‑Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE tipprevedi dan, il‑Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi u gruppi jew entitajiet li ma humiex Stati. |
|
53 |
Skont il-ġurisprudenza, mill-Artikoli 24 u 29 TUE jirriżulta, bħala regola ġenerali, li l-Kunsill jista’ jiddefinixxi, fid-deċiżjonijiet meħuda fil-qasam tal-PESK u billi jiddeċiedi bl-unanimità, l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK. Fid-dawl tal-firxa wiesgħa tal-finijiet u tal-għanijiet tal-PESK, kif espressi fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari fl-Artikoli 23 u 24 TUE, il-Kunsill għandu prerogattiva wiesgħa fid-definizzjoni ta’ dan l-għan (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 88). |
|
54 |
Fir-rigward tal-Artikolu 215 TFUE, li jistabbilixxi rabta bejn l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jinvolvu miżuri ekonomiċi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 59), huwa jippermetti l-adozzjoni ta’ regolamenti mill‑Kunsill, billi jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli u tal-Kummissjoni, sabiex jimplimenta jew jagħti effett lill-miżuri restrittivi meta dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, kif ukoll, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 89 u 90). |
|
55 |
Għalhekk, id-deċiżjonijiet adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi li jkollhom jiġu adottati, filwaqt li r-regolamenti adottati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE huma marbuta, fid-dawl tal-għanijiet u tal-kontenut tagħhom, mal-imsemmija deċiżjonijiet u jikkostitwixxu l‑istrument sabiex jingħataw effett fuq il-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punti 72 u 76, u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 90). |
|
56 |
F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati abbażi tal‑Artikolu 215 TFUE, u, b’mod iktar preċiż, tal-Artikolu 215(2) TFUE, kif barra minn hekk jirrikonoxxu l-partijiet prinċipali. |
|
57 |
Għandu jitfakkar li, skont il-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, id‑dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati sabiex jirrimedjaw “[...] [għal]l-kumplessità dejjem akbar tal-iskemi għall-evażjoni tas‑sanzjonijiet, li jostakolaw tali implimentazzjoni [tal-miżuri restrittivi]”. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u uniformi ta’ dan ir-regolament, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li “jissaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ rappurtar [dikjarazzjoni] għall‑operaturi tal‑Unjoni, bil-ħsieb tal-prevenzjoni tal-ksur u ċ‑ċirkomvenzjoni [evażjoni] tal-iffriżar tal-assi.” |
|
58 |
F’dan ir-rigward, il-Kunsill enfasizza, minn naħa, li, b’paragun mas‑sistemi ta’ miżuri restrittivi implimentati fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti f’pajjiżi oħra, in-numru ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tas-sistema relatata mas-sitwazzjoni fl‑Ukraina qatt ma kien daqshekk sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri restrittivi kienu s-suġġett ta’ evażjoni, jew ta’ ksur, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni effettiva tagħhom. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mid-dibattiti waqt is-seduta, l-adozzjoni tal-obbligi inkwistjoni kienet tidher iktar iġġustifikata peress li, qabel, ftit Stati Membri kienu adottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jipprevedu tali obbligi, b’mod partikolari l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi fil-pussess tagħhom, jew miżmuma jew ikkontrollati minnhom. |
|
59 |
Minn dan jirriżulta li l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni ġew stabbiliti, f’dan il-każ, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar‑Regolament Nru 269/2014 fit-territorju tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati l-istrateġiji ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi, li saru possibbli, b’mod partikolari, permezz tal-użu ta’ sistemi legali u finanzjarji kumplessi. |
|
60 |
Għalhekk, peress li l-miżuri previsti mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, huma marbuta mad-Deċiżjoni 2014/145, sa fejn huma ta’ natura li jiżguraw, fil-livell tal-Unjoni, l-implimentazzjoni effikaċi u uniformi tal-miżuri restrittivi previsti minn din id-deċiżjoni, l‑argument tar-rikorrenti li huma jiksru l-Artikolu 215(2) TFUE, minħabba li ma humiex neċessarji u li ma jistgħux jiġu adottati mingħajr ma jkunu inklużi f’deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l‑Artikolu 29 TUE, għandu jiġi miċħud. |
|
61 |
Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq, peress li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, kienu ta’ natura li jiżguraw fil-livell tal-Unjoni applikazzjoni uniformi tal-obbligi li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu u, konsegwentement, l-implimentazzjoni effikaċi u uniformi tad-Deċiżjoni 2014/145, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li dawn l-obbligi jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri u jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 24(2) TUE. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 40 TUE ma jikkonċernax it‑tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, ir‑rikorrenti ma jistgħux isostnu li l-adozzjoni tal-obbligi kontenzjużi tikser din id-dispożizzjoni minħabba li din taqa’ taħt il-kompetenza ta’ eżekuzzjoni tal-Istati Membri. |
|
62 |
Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sempliċi riferiment magħmul għall-miżuri restrittivi mill-Artikolu 215(2) TFUE ma għandux bħala konsegwenza li jillimita l-miżuri previsti mill‑imsemmija dispożizzjoni għal obbligi li ma jitwettqux. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 54 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tippermetti lill-Kunsill jimplimenta deċiżjoni adottata fil-qasam tal‑PESK, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Istati Membri kollha. |
|
63 |
Issa, f’dan il-każ, peress li l-obbligi previsti mill-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, għandhom l-għan li jiżguraw l-effettività tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi previsti mid‑Deċiżjoni 2014/145 u li jimplimentawhom, għandu jitqies li l‑Kunsill seta’, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u mingħajr ma jikser l‑Artikolu 29 TUE, jadotta tali obbligi permezz ta’ regolament tal‑Unjoni, indipendentement mill-fatt li dawn l-obbligi ma kinux espressament previsti fid-deċiżjoni relatata magħhom. |
|
64 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, qabel l-adozzjoni tal‑Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, l‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 269/2014, imsemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq, kien diġà jipprevedi obbligu ta’ dikjarazzjoni. Madankollu, dan l‑artikolu jirreferi għall-obbligi ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigriet professjonali li għandhom il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kif ukoll l‑entitajiet u l-korpi, u għalhekk prinċipalment l-operaturi ekonomiċi inkarigati li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u mhux il-persuni inklużi fil-lista ta’ miżuri restrittivi. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li l-imsemmi artikolu 8 ma jużax il-formulazzjoni użata f’dan ir-regolament sabiex jindika l-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, jiġifieri l-“persuni elenkati fl-Anness I [tal-imsemmi] regolament”. Għalhekk, peress li l-Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 269/2014 ma kienx intiż li japplika għall-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, li huma madankollu l-iktar kapaċi jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-konsistenza tal-patrimonju tagħhom, fil-kuntest imfakkar fil-punti 57 sa 60 iktar ’il fuq, l-argument tar-rikorrenti li jgħid, essenzjalment, li l-adozzjoni tal‑Artikolu 9(2) tar-Regolament ma kinitx iġġustifikata, għandu jiġi miċħud. |
|
65 |
Għalhekk mill-punti 56 sa 64 iktar ’il fuq jirriżulta li, peress li d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jaqgħu taħt is-setgħa ta’ implimentazzjoni ta’ deċiżjoni adottata fil-qasam tal-PESK, il-Kunsill seta’ jadottahom abbażi ta’ regolament tal-Unjoni adottat skont l-Artikolu 215(2) TFUE, indipendentement mill-fatt li l-obbligi inkwistjoni huma obbligi li jiġu imposti fuq ir-rikorrenti u li ma kinux previsti minn deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 29 TUE. |
|
66 |
Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv. |
– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal‑Artikolu 40 TUE u tal-Artikolu 83(1) TFUE
|
67 |
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, billi adotta l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, il-Kunsill kiser l-Artikolu 40 TUE kif ukoll l-Artikolu 83(1) TFUE. |
|
68 |
Għal dan l-għan, huma jsostnu li, billi ppreveda, fl-Artikolu 9(3) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni jitqies li jkun parteċipazzjoni f’attivitajiet li jkollhom l-għan jew l-effett li jiġu evitati l‑miżuri restrittivi, u billi emenda l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, il-Kunsill ħa post l-Istati Membri sabiex jiddeċiedi kif il-miżuri restrittivi għandhom jiġu implimentati u ssanzjonati fit-territorju tal-Istati Membri, b’mod partikolari billi jobbligahom jipprevedu miżuri ta’ konfiska. |
|
69 |
Huma jenfasizzaw li, skont l-Artikolu 83 TFUE, il-Kunsill ma huwiex kompetenti sabiex jarmonizza, fuq livell tal-Unjoni, is-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ miżuri restrittivi adottati fil-qasam tal‑PESK, peress li huma biss id-direttivi, adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id‑definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat. |
|
70 |
Tali analiżi hija barra minn hekk ikkonfermata mill-fatt li, fil-livell tal‑Unjoni, id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 127, p. 39, rettifika fil-ĠU L 138, p. 114), diġà tarmonizza l‑konfiska tal‑mezzi strumentali u tar-rikavat minn attività kriminali fl‑Unjoni. |
|
71 |
Barra minn hekk, wara l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, il‑Kunsill, fit-28 ta’ Novembru 2022, adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332, dwar l-identifikazzjoni tal‑ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) [TFUE] (ĠU 2022, L 308, p. 18). F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill kien iddeċieda li l-ksur tal-miżuri restrittivi kien qasam ta’ kriminalità fis-sens tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 83(1) TFUE. Huwa abbażi ta’ din id-deċiżjoni li l‑Kummissjoni adottat, fit-2 ta’ Diċembru 2022, proposta għal direttiva dwar id-definizzjoni tar-reati kriminali u tas-sanzjonijiet applikabbli fil‑każ ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni (COM (2022) 684 finali), li tgħid li l-approssimazzjoni tad-definizzjonijiet u tas-sanzjonijiet kriminali ma tistax issir fuq il-bażi legali tal-Artikolu 215 TFUE. |
|
72 |
Fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li ma huwiex possibbli li tiġi kkontestata s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli, minħabba li l‑Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir‑Regolament 2022/880, ma huwiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors u li għalhekk ir-rikorrenti huma barra mit-terminu sabiex jikkontestaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn tal-aħħar isostnu li huwa kien f’pożizzjoni li jikkontesta dan l-artikolu biss ladarba d-dispożizzjonijiet ikkontestati kienu ġew adottati. Huma jindikaw li, fi kwalunkwe każ, huma jikkontestaw l-imsemmi Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. |
|
73 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
74 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir‑rikorrenti kontra l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, sabiex tkun ammissibbli, tali eċċezzjoni għandha tikkonċerna dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l‑bażi legali tal-att ikkontestat jew li jkollhom rabta legali diretta ma’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
75 |
Issa, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tqajmet biss fl-istadju tar-replika, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir‑Regolament 2022/880, ma jikkostitwixxux il-bażi legali tal‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014. Dawn l-ewwel dispożizzjonijiet lanqas ma għandhom rabta ġuridika diretta ma’ dawn it-tieni dispożizzjonijiet, peress li tal-ewwel huma intiżi li japplikaw b’mod ġenerali għas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tal‑imsemmi regolament u mhux speċifikament għat-tieni. Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. |
|
76 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir‑Regolament ikkontestat, moqri flimkien mal-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, humiex ta’ natura li joħolqu inkriminazzjoni ta’ natura kriminali u, għalhekk, li jiksru l-Artikolu 83(1) TFUE, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, sempliċement jikklassifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni, previsti mill-Artikolu 9(2) ta’ dan l‑istess regolament, bħala parteċipazzjoni f’evażjoni, fis-sens tal‑Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
77 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-klassifikazzjoni bħala parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ evażjoni, kif prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ma tistax, bħala tali, titqies li tikkostitwixxi reat ta’ natura kriminali. |
|
78 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir‑Regolament ikkontestat, interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir‑Regolament 2022/880, jikkostitwixxu inkriminazzjoni ta’ natura kriminali minħabba s-sanzjonijiet kriminali previsti minn dawn it-tieni dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, iħalli f’idejn l‑Istati Membri sabiex jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet, “inklużi pieni kriminali fejn xieraq”. |
|
79 |
Issa, l-użu ta’ tali formulazzjoni jimplika li d-determinazzjoni tan-natura tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament Nru 269/2014 tirriżulta mill-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali u għalhekk mid‑dritt nazzjonali, inkluż fil-każ tal-applikazzjoni tas-sanzjoni ta’ konfiska tar-rikavat mir-reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Agro In 2001, C-234/18, EU:C:2020:221, punti 60 u 61). |
|
80 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward b’mod speċifiku tal‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, il‑kompetenza mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw in‑natura ċivili, amministrattiva jew kriminali tas-sanzjonijiet hija kkonfermata mill-aħħar frażi tal-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, li tgħid li, essenzjalment, l-evażjoni tal-miżuri restrittivi, prevista mill‑Artikolu 9(3) ta’ dan ir-regolament, hija suġġetta għal sanzjonijiet “jekk il-kondizzjonijiet għal tali penali jiġu sodisfatti skont ir-regoli u l‑proċeduri nazzjonali applikabbli”. |
|
81 |
Għalhekk mill-punti 79 u 80 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu reat ta’ natura kriminali u għaldaqstant, li ġew adottati bi ksur tal-Artikolu 83 TFUE. |
|
82 |
Tali konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tal-proposta għal direttiva, imsemmija fil-punt 71 iktar ’il fuq, tikkonferma n-natura kriminali tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. |
|
83 |
Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-proposta għal direttiva, li, konformement mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 83(1) TFUE, kienet teħtieġ, qabel l-adozzjoni tagħha, deċiżjoni tal-Kunsill li tidentifika qasam ġdid ta’ kriminalità, kienu jipprevedu li tobbliga lill‑awtoritajiet nazzjonali jintroduċu regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reati u tas-sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni previsti minn miżuri restrittivi. Issa, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punti 76 sa 80 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. |
|
84 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li kemm l-Artikolu 9(3) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, kif ukoll l-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, iħallu lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompetenza sabiex jiddeterminaw in‑natura kriminali, ċivili jew amministrattiva marbuta mal-ksur ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ evażjoni u mas-sanzjonijiet marbuta ma’ dan il-ksur. Minn dan jirriżulta li, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 51 sa 55 iktar ’il fuq, l-imsemmija dispożizzjonijiet setgħu jiġu adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE u li l‑Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li indebitament ħa post l-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenza leġiżlattiva tagħhom. |
|
85 |
Barra minn hekk, peress li s-sistema legali applikabbli għall-obbligi kontenzjużi u għas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur ma taqax taħt il-qasam kriminali, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li kiser l‑Artikolu 83 TFUE, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r‑rikorrenti, il-Kunsill ma kisirx ukoll l-Artikolu 40 TUE. Konsegwentement, għandhom jiġu miċħuda t-tieni parti tal-ewwel motiv u, l-ewwel motiv kollu kemm hu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter
|
86 |
Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, billi ħeġġeġ lill-Istati Membri jissanzjonaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, permezz ta’ piena ta’ konfiska, il-Kunsill wettaq użu ħażin ta’ poter. |
|
87 |
Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, dan ma huwiex biss il-każ li jiġu ffriżati l‑fondi, iżda li jiġu kkonfiskati, kif jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, tar-Rappreżentant Għoli, tal‑President tal-Kummissjoni kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u tal-21 ta’ Ottubru 2022. Billi pproċeda b’dan il-mod, filwaqt li l-miżuri restrittivi jipproduċu, fil-prattika, effetti simili għal dawk ta’ sistemi oħra ta’ sanzjonijiet, il-Kunsill qiegħed jipprova jiżnatura l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi billi jorganizza l-konfiska tagħhom li tiġi ddelegata lill-Istati Membri. |
|
88 |
Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-adozzjoni sussegwenti tad-Deċiżjoni 2022/2332, li żiedet mal-lista ta’ ksur previsti fl-Artikolu 83(1) TFUE l‑ksur tal-miżuri restrittivi, kif ukoll l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, tal‑proposta għal direttiva, dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, huma ta’ natura li jikkonfermaw l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter. |
|
89 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
90 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tkun ivvizzjata b’abbuż ta’ poter unikament jekk jidher, fuq bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li tkun ttieħdet bil-għan esklużiv u ewlieni li tilħaq finijiet differenti minn dak indikat jew li tevadi proċedura speċifikament indikata fit-Trattat sabiex jilqgħu għaċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s‑sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 151 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
|
91 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punti 76 sa 83 iktar ’il fuq, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex ta’ natura kriminali u jimplimentaw il-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi b’mod uniformi fit-territorju tal-Unjoni. Dan jimplika li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw użu ħażin ta’ poter f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet permezz ta’ regolament tal-Kunsill, adottat regolarment abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE. |
|
92 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi msemmija fil-punti 56 sa 64 iktar ’il fuq juru li d-dikjarazzjonijiet invokati mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux il-kawża esklużiva, jekk mhux determinanti, tal‑adozzjoni tal-miżuri kkontestati. Minn dan jirriżulta li l‑kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 90 iktar ’il fuq ma humiex issodisfatti. |
|
93 |
Għalhekk u peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati konformement mal-proċedura prevista għal dan l-għan u mhux, kif jaffermaw ir-rikorrenti, bl-għan uniku li jikkonfiskaw l-assi ffriżati b’applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li wettaq użu ħażin ta’ poter. |
|
94 |
B’hekk jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
|
95 |
Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni impost mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ma huwiex xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, f’ċirkustanzi fejn il-Kunsill ma stabbilixxiex li s-sistema ta’ miżuri restrittivi stabbilita mid-Deċiżjoni 2014/145 teħtieġ l-adozzjoni ta’ obbligu ta’ dikjarazzjoni min-naħa tal‑persuni li huma s-suġġett tagħha. |
|
96 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kunsill ma pproduċiex il‑prova tad-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom fl-implimentazzjoni tar‑Regolament Nru 269/2014 li tirreferi għalihom il-premessa 5 tar‑Regolament ikkontestat. |
|
97 |
Huma jżidu li l-introduzzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija iktar u iktar sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni peress li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni huwa, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, meqjus li jikkostitwixxi evażjoni tal-miżuri restrittivi. Għalhekk, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, jeżisti riskju li jitqies li jikkostitwixxi evażjoni kull nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġett, indipendentement min-natura involontarja tal-assenza ta’ dikjarazzjoni, li huwa ta’ natura li jistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli ta’ evażjoni, li tmur kontra l-prinċipju ta’ dritt għal rimedju effettiv. |
|
98 |
Skont ir-rikorrenti, dan iqajjem iktar problema peress li huwa probabbli ħafna li l-leġiżlatur nazzjonali, inkoraġġut mill-Kunsill, jissuġġetta r‑reat ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi għal sanzjonijiet kriminali, iżda wkoll, eventwalment, għal sanzjoni ta’ konfiska, li mhux biss ikollha natura “manifestament sproporzjonata”, iżda wkoll bħala effett li tneħħi n-natura kawtelatorja u preventiva tal-miżuri restrittivi. |
|
99 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li t-terminu previst għad-dikjarazzjoni tal-beni tagħhom, f’dan il-każ fl-1 ta’ Settembru 2022, ħallilhom bilkemm 41 jum sabiex iwettqu tali proċedura. Issa, fid-dawl tal‑kumplessità marbuta man-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kunċetti użati sabiex jiġi ddeterminat l-obbligu ta’ dikjarazzjoni u mal-modalitajiet ta’ dikjarazzjoni li huma differenti skont kull waħda mill-awtoritajiet ikkonċernati mid-dikjarazzjoni, tali terminu kien insuffiċjenti u jeċċedi l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
100 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
101 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill‑prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jilħqu l‑għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 52, u tal-15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 56). |
|
102 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument li l-Kunsill ma weriex l‑eżistenza tal-kumplessità dejjem tikber tas-sistemi li jippermettu li jiġu evitati s-sanzjonijiet, għandu jitfakkar li l-Kunsill adotta d‑dispożizzjonijiet ikkontestati fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu u bbażahom, kif jirriżulta mill-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat, sabiex iwaqqaf l-użu ta’ arranġamenti legali u finanzjarji kumplessi li huma ta’ natura li, għalkemm ma jirrendux iktar faċli l-evażjoni tal-miżuri, tal-inqas jagħmlu iktar diffiċli l-identifikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-fondi jew tar-riżorsi ekonomiċi li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni 2014/145. Issa, it-tfittxija ta’ tali għan, li l-Kunsill ma jistax ikun obbligat jiġġustifika bil-produzzjoni ta’ provi, tiġġustifika n-neċessità li fuq il-persuni li jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi taħt din id-deċiżjoni jiġu imposti l-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni previsti fl-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat. Minn dan isegwi li l-ewwel argument għandu jiġi miċħud. |
|
103 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, stabbilixxa preżunzjoni inkonfutabbli ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l‑artikolu jirreferu għall-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament sabiex jiddefinixxu n-natura tal-parteċipazzjoni f’attività ta’ evażjoni. Issa, peress li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jipprevedu li, sabiex tiġi kkostitwita l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ evażjoni, din il‑parteċipazzjoni għandha ssir “b’mod konxju u bi ħsieb”, l‑Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, għandu jiġi interpretat bħala li japplika biss sa fejn in-nuqqas ta’ osservanza tal‑obbligi previsti fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament ikun seħħ “b’mod konxju u bi ħsieb”. Għaldaqstant, ommissjoni involontarja eventwali ta’ dikjarazzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ma tikkostitwixxix ksur punibbli b’sanzjonijiet. Dan huwa għalhekk ta’ natura li jeskludi kull istituzzjoni ta’ preżunzjoni inkonfutabbli ta’ evażjoni tal-miżuri minn dawn id-dispożizzjonijiet. Minn dan jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud. |
|
104 |
Fir-rigward tal-allegazzjoni li, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jwasslu lill-awtoritajiet nazzjonali jissanzjonaw sistematikament permezz tal-piena ta’ konfiska kull ksur tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni u ta’ kooperazzjoni, kif previsti mill-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, u, għalhekk, ibiddlu n-natura tal-miżuri restrittivi, għandu jiġi kkonstatat li, billi rrefera għall-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, għal “miżuri xierqa” ta’ konfiska tar-rikavat minn ksur tar-Regolament Nru 269/2014, il-Kunsill ħalla marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tad-definizzjoni, tan-natura u tal-portata ta’ din il‑konfiska. Barra minn hekk, is-sanzjoni ta’ konfiska tar-rikavat mill‑ksur, sa fejn din tista’ tapplika biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi previsti mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, ma tistax tiġi konfuża mal-miżuri restrittivi bħala tali, li jżommu n-natura kawtelatorja u temporanja tagħhom. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-konfiska, kif previst fl-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament 2022/880, sa fejn japplika biss għal “rikavat [minn] ksur”, huwa differenti mill‑għan tal-miżuri restrittivi, li jirrigwarda l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kif iddeterminati mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 269/2014. Minn dan jirriżulta li għandhom jiġu miċħuda l‑argumenti tar-rikorrenti intiżi li jiġi kkonstatat li s-sanzjonijiet li jżidu l‑evażjoni msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat bir-Regolament ikkontestat, jibdlu n-natura tal-miżuri restrittivi u huma manifestament sproporzjonati. |
|
105 |
Fir-rigward tat-terminu ta’ 41 jum mogħti lir-rikorrenti sabiex jiddikjaraw il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom, li dawn tal-aħħar iqisu qasir wisq, ma jidhirx li huwa tant qasir li qiegħed lill-persuni kkonċernati mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi fl-impossibbiltà li jiddikjaraw b’mod utli l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi tagħhom lill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, huwa paċifiku li huma l‑persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi li huma l-iktar kapaċi li jkunu jafu l-kompożizzjoni tal-patrimonju tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti, f’dan il-każ, kellhom jiddikjaraw lil erba’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti differenti u f’terminu ta’ 41 jum il‑fondi u r-riżorsi ekonomiċi li huma jżommu, jippossjedu jew jikkontrollaw ma jidhirx li jikkostitwixxi terminu eċċessivament qasir. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jirrikonoxxu huma stess li ssodisfaw fil‑ħin dan l-obbligu u lanqas ma jallegaw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rrilevaw fir-rigward tagħhom nuqqasijiet imwettqa fl‑eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu. |
|
106 |
Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jsemmu fir-replika preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għall-proprjetà tagħhom u għad-dritt tagħhom għall-ħajja privata, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti ma humiex sostnuti. Għaldaqstant, tali argumenti għandhom jitwarrbu, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħhom. |
|
107 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali
|
108 |
Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, huwa bbażat fuq il-kunċetti ta’ proprjetà u ta’ kontroll u jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
|
109 |
Fl-ewwel lok, dawn iż-żewġ kunċetti huma kkaratterizzati mill‑kumplessità kbira ħafna tagħhom. Dan jesponi lir-rikorrenti għar‑riskju li jiġu ssanzjonati minħabba nuqqas ta’ dikjarazzjoni, fil-każ ta’ interpretazzjoni diverġenti ta’ dawn il-kunċetti ma’ dawk mogħtija minn kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ qbil ma’ dawn iż-żewġ kunċetti jispjega r-raġuni għalfejn il-Kunsill sab il-bżonn li jirrikorri għal gwida prattika kif ukoll għal konferenza sabiex jippreċiża s-sens tagħhom. Tali prattika hija ġdida, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu ssanzjonati fuq livell kriminali. |
|
110 |
F’dan ir-rigward u b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, li r‑rikorrenti huma liberi li jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bid‑diffikultajiet eventwali li huma għandhom fl-applikazzjoni tad‑dispożizzjonijiet applikabbli għalihom, dawn tal-aħħar isostnu li r‑rwol tagħhom ma huwiex li jipprevjenu l-iżbalji mwettqa mill‑amministrazzjoni, u lanqas li jeżerċitaw azzjonijiet ġudizzjarji sabiex jirrimedjaw il-ksur tad-dritt għall-proprjetà li tiegħu jkunu s‑suġġett. |
|
111 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma jipprevedux il-modalitajiet li bihom id-dikjarazzjoni kkonċernata għandha ssir quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Skont ir-rikorrenti, l‑assenza ta’ tali dispożittiv hija riflessa fid-diversità kbira ħafna tal‑prattiki amministrattivi fi ħdan l-Unjoni u, konsegwentement, fis‑sottomissjoni tal-persuni suġġetti għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi għall-arbitrarjetà ta’ kull waħda mill-amministrazzjonijiet ikkonċernati. |
|
112 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li xejn ma kien jippermettilhom li jippreżumu li l-Kunsill seta’, fi żmien qasir jew medju, jimponi fuqhom tali obbligu ta’ dikjarazzjoni u li t-terminu mogħti lilhom sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, f’dan il-każ 41 jum, kien manifestament insuffiċjenti. |
|
113 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din l-argumentazzjoni. |
|
114 |
Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ċara u preċiża u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għal dawk kollha kkonċernati (sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Europäisch-Iranische Handelsbank vs Il-Kunsill, C‑585/13 P, EU:C:2015:145, punt 93; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2023, OT vs Il-Kunsill, T‑193/22, EU:T:2023:716, punt 42). |
|
115 |
F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni li l-kunċetti ta’ proprjetà u ta’ kontroll ma humiex espliċiti biżżejjed, sal-punt li l‑Kunsill kien obbligat jiddefinixxi l-limiti ta’ dawn il-kunċetti permezz tal-użu ta’ gwida prattika u ta’ konferenza, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-kliem użati mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, jirreferu għall-kunċetti ta’ appartenenza, ta’ pussess, ta’ żamma jew ta’ kontroll. |
|
116 |
F’dan ir-rigward, peress li r-Regolament Nru 269/2014 jirreferi għal dawn il-kunċetti mingħajr ma jagħmel riferiment għad-drittijiet nazzjonali sabiex jiddefinixxihom, l-imsemmija kunċetti għandhom jitqiesu li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2021, Il-Venezwela vs Il-Kunsill (Assenjazzjoni ta’ Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 42 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem u l-kuntest tal‑imsemmija dispożizzjoni kif ukoll l-għanijiet imfittxija mil‑leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il-Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
117 |
Issa, ma jidhirx li l-użu tal-kunċetti ta’ appartenenza, ta’ żamma, ta’ pussess jew ta’ kontroll fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 269/2014, kif emendat, ibati minn ambigwità tali li ma tippermettix lill-persuni suġġetti għal miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi li jkunu jistgħu jneħħu, b’ċertezza suffiċjenti, dubji eventwali dwar il‑portata jew is-sens ta’ dawn il-kunċetti. |
|
118 |
Fil-fatt, għandu jitqies li, bl-użu ta’ tali kunċetti, il-Kunsill indika, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jiddisponi jew juża fondi jew riżorsi ekonomiċi, kif iddefiniti fl-Artikolu 1(d) u (g) tar-Regolament Nru 269/2014. |
|
119 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-kunċett ta’ kontroll u ta’ żamma, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward ta’ kumpanniji u fil-kuntest speċifiku tal-miżuri restrittivi, diġà ġie deċiż li kumpannija tista’ tiġi kklassifikata bħala “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra”, meta hija kienet tinsab f’sitwazzjoni fejn din l-entità l-oħra kienet f’pożizzjoni li tinfluwenza l-għażliet tagħha, anki fl-assenza ta’ kull rabta ġuridika, ta’ proprjetà jew ta’ sehem fil-kapital, bejn waħda u l‑oħra minn dawn iż-żewġ entitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 75). |
|
120 |
L-interpretazzjonijiet imsemmija fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq jikkorrispondu għall-kuntest li fih ġew adottati d-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat. Fil-fatt, l‑għan tal-Kunsill huwa li jeżerċita fuq il-persuni u l-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi pressjoni li taffettwa lill-awtoritajiet Russi u li huwa intiż, b’mod partikolari, li jżid l-ispiża tal-azzjonijiet tal‑Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is‑sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. |
|
121 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Kunsill organizza konferenza jew irrikorra għal gwida ta’ prattiki tajba intiża għall‑awtoritajiet nazzjonali, sabiex jiġu ppreċiżati l-kunċetti użati fil‑qasam tal-miżuri restrittivi, ma huwiex fih innifsu ta’ natura li jikkaratterizza l-eżistenza ta’ inċertezza legali dwar l-użu ta’ tali kunċetti. |
|
122 |
Għalhekk mill-punti 115 sa 121 iktar ’il fuq jirriżulta li r-riferiment magħmul mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat, għall-kunċetti ta’ appartenenza, ta’ pussess, ta’ żamma jew ta’ kontroll ta’ fondi jew ta’ riżorsi ekonomiċi jippermetti li jinftiehem b’mod suffiċjentement ċar u li jinftiehem dak li jkopru tali kunċetti. |
|
123 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-inċertezzi dwar il-prattiki diverġenti tal‑awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-modalitajiet ta’ dikjarazzjoni, għandu jiġi rrilevat li d-data li tippermetti li tiġi identifikata kull waħda mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tinsab fl-Anness II tar‑Regolament Nru 269/2014. Barra minn hekk, il-fatt li r-rikorrenti kienu mġiegħla jidħlu f’kuntatt ma’ dawn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex ikunu jafu l-forma meħtieġa sabiex issir id-dikjarazzjoni quddiem kull waħda minn dawn l-awtoritajiet ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u dan iktar u iktar peress li r-rikorrenti ma ressqu ebda prova li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali diffikultajiet. |
|
124 |
Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-allegata eżistenza ta’ diverġenzi ta’ interpretazzjoni tal-kunċetti msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq mid‑diversi awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif ukoll l-allegat nuqqas ta’ protezzjoni tal-partijiet fil-kawża kontra l-arbitrarjetà tal‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tat-termini ristretti ħafna mogħtija lir-rikorrenti sabiex jiddikjaraw il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom, hemm lok li jiġi miċħud, minn naħa, l-argument dwar it-termini wisq ristretti, għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet, barra minn hekk bl-ebda mod sostnuti, dwar id-diverġenzi ta’ interpretazzjoni mill‑awtoritajiet nazzjonali differenti, għar-raġunijiet imsemmija fil‑punti 116 sa 122 iktar ’il fuq. |
|
125 |
Għalhekk, peress li ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jikkaratterizza l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
|
126 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
127 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
van der Woude Papasavvas Spielmann Costeira Kowalik-Bańczyk Gervasoni Madise Półtorak Brkan Gâlea Dimitrakopoulos Kukovec Kingston Tóth Kalėda Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.