SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Korrispondenza tal-Kummissjoni ma’ AstraZeneca u mal-awtoritajiet Ġermaniżi dwar il-kwantitajiet u t-termini ta’ kunsinna ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19 – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji – Dokumenti li ġew prodotti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja magħluqa fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz”

Fil-Kawża T‑524/21,

Hans-Wilhelm Saure, residenti f’Berlin (Il-Ġermanja), irrappreżentat minn C. Partsch, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, K. Herrmann u A. Spina, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn J. Svenningsen (Relatur), President, C. Mac Eochaidh u J. Laitenberger, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrent, Hans-Wilhelm Saure, jitlob l-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5327 final tat‑13 ta’ Lulju 2021 li tiċħad it-talba konfermattiva għal aċċess għal ċerti dokumenti (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 870 final tas‑7 ta’ Frar 2022 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerti dokumenti (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”).

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2

Ir-rikorrent huwa ġurnalist impjegat mill-gazzetta Ġermaniża Bild.

3

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Jannar 2021, huwa talab, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), lill-Kummissjoni Ewropea l-aċċess għal kopji tal-korrispondenza kollha skambjata mill‑1 ta’ April 2020 bejn din tal-aħħar u, minn naħa, AstraZeneca plc jew is-sussidjarji tagħha kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-Kanċellerija Federali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew il-Ministeru Federali għas-Saħħa ta’ dak l-Istat Membru dwar dik il-kumpannija u s-sussidjarji tagħha, u b’mod partikolari dwar il-kwantitajiet u t-termini ta’ kunsinna tal-vaċċini kontra l-COVID‑19 offruti mill-imsemmija kumpannija. Din it-talba ġiet irreġistrata bir-referenza GESTDEM 2021/0550, fl‑1 ta’ Frar 2021.

4

Fis‑16 ta’ Marzu 2021, peress li ma rċieva ebda tweġiba mingħand il-Kummissjoni fit-terminu previst mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif estiż skont il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni talba konfermattiva.

5

Fl-istess jum, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kkonfermaw li kienu rċevew it-talba konfermattiva. Fid‑9 ta’ April ta’ wara, jiġifieri fl-iskadenza tat-terminu għall-ipproċessar ta’ din it-talba, dawn id-dipartimenti informaw lir-rikorrent li l-imsemmija talba kienet għadha qed tiġi eżaminata, u li dan it-terminu kien ġie estiż sat‑30 ta’ April ta’ wara, jiġifieri fl-iskadenza ta’ ħmistax‑il jum ta’ xogħol addizzjonali previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

6

Fit‑23 ta’ April 2021, l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ressqet proċedura ġudizzjarja quddiem it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) kontra l-kumpannija AstraZeneca dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xiri antiċipat konkluż magħha.

7

Fit‑30 ta’ April 2021, id-dipartimenti tal-Kummissjoni għal darb’oħra informaw lir-rikorrent li t-talba konfermattiva ma setgħetx tingħata tweġiba fit-terminu stabbilit u ħabbru li kienu ser jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jagħtuh tweġiba kemm jista’ jkun malajr. F’dik id-data, l-assenza ta’ risposta mogħtija għat-talba konfermattiva nisslet deċiżjoni impliċita negattiva dwar id-dokumenti mitluba, konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li kontriha r-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament irreġistrat bin-numru tal-kawża T‑232/21, liema rikors ġie miċħud permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Marzu 2022, Saure vs Il-Kummissjoni (T‑232/21, mhux ippubblikat, EU:T:2022:165).

8

Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Ġunju 2021, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja bejn l-Unjoni u AstraZeneca, ikkundanna lil din tal-aħħar tikkunsinna lill-Istati Membri tal-Unjoni 50 miljun doża ta’ vaċċini addizzjonali skont skeda vinkolanti, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità.

9

Fit‑13 ta’ Lulju 2021, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni adotta l-ewwel deċiżjoni kkontestata, bi tweġiba għat-talba konfermattiva tas‑16 ta’ Marzu 2021. B’mod partikolari, din id-deċiżjoni identifikat diversi dokumenti u indikat li l-aċċess għal dawn id-dokumenti kellu jiġi rrifjutat peress li kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, prevista mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li tali proċedura kienet għadha pendenti quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża).

10

Fit‑3 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni, fi stqarrija għall-istampa, indikat li l-Unjoni u AstraZeneca kienu waslu għal ftehim li jtemm b’mod partikolari t-tilwima li kienet pendenti quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża). Din il-qorti rrinunzjat għall-atti permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ottubru ta’ wara.

11

Fis‑7 ta’ Frar 2022, fid-dawl tal-għeluq ta’ din il-proċedura ġudizzjarja, is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, wara eżami mill-ġdid tat-talba konfermattiva tas‑16 ta’ Marzu 2021, abbażi tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, adotta t-tieni deċiżjoni kkontestata li minnha jirriżulta li hija tissostitwixxi l-ewwel deċiżjoni kkontestata.

12

L-ewwel, il-Kummissjoni indikat li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tapplika għad-dokumenti kollha li ġejjin:

anness mal-offerta ppreżentata minn AstraZeneca (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 1.2”);

dokument tat‑12 ta’ Ġunju 2020 skambjat bejn AstraZeneca u l-Gvernijiet ta’ diversi Stati Membri bil-għan li jiġi nnegozjat u konkluż kuntratt ta’ finanzjament (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 2”);

abbozz ta’ kuntratt ta’ finanzjament mibgħut minn AstraZeneca fl‑24 ta’ Ġunju 2020 lill-Gvernijiet ta’ diversi Stati Membri (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 3”);

dokument tal‑20 ta’ Novembru 2020 dwar il-ħlas tat-tieni pagament bin-nifs previst mill-kuntratt ta’ xiri antiċipat konkluż ma’ AstraZeneca (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 5”);

il-preżentazzjonijiet użati minn AstraZeneca matul il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal‑4 ta’ Diċembru 2020, tat‑22 ta’ Jannar, tal‑1, tal‑11, tad‑19 u tat‑23 ta’ Frar kif ukoll tat‑11 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 6”);

preżentazzjoni użata minn AstraZeneca waqt laqgħa tas‑7 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 7”);

preżentazzjoni użata minn AstraZeneca waqt laqgħa tad‑19 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 8”);

dokument li jikkonċerna d-dati ta’ kunsinna tal-vaċċini (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 9”) flimkien ma’ ħames annessi (iktar ’il quddiem id-“Dokumenti Nri 9.1 sa 9.5”);

preżentazzjoni użata minn AstraZeneca waqt laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal‑25 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 10”).

13

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrifjutat parzjalment l-aċċess għall-messaġġi elettroniċi skambjati bejn il-Kummissjoni u AstraZeneca fis‑27 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 11”) abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

14

It-tieni, il-Kummissjoni, abbażi tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, irrifjutat parzjalment l-aċċess għal ċerti dokumenti, li fihom hija wettqet redazzjoni tad-data personali ta’ rappreżentanti ta’ AstraZeneca u ta’ membri tal-persunal tal-Kummissjoni li ma għandhomx funzjonijiet ta’ maniġment superjuri. Dawn huwa d-dokumenti li ġejjin:

il-messaġġ elettroniku mibgħut lill-Kummissjoni li fih l-offerta ta’ AstraZeneca (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 1.1.”);

il-messaġġi elettroniċi skambjati bejn AstraZeneca, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż bejn it‑2 ta’ Lulju u t‑13 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 4”);

id-Dokument Nru 11;

il-kuntratt ta’ xiri antiċipat konkluż fis‑27 ta’ Awwissu 2020 bejn AstraZeneca u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 12”).

15

It-tielet, il-Kummissjoni indikat li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kienet tiġġustifika li jingħata biss aċċess parzjali għad-dokumenti li ġejjin:

il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal‑4 ta’ Diċembru 2020, tat‑22 ta’ Jannar, tal‑1, tal‑11, tad‑19 u tat‑23 ta’ Frar kif ukoll tat‑11 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem id-“Dokumenti Nri 6.1 sa 6.6”);

id-Dokument Nru 12.

16

Barra minn hekk, peress li d-dokument li fih l-offerta ppreżentata minn AstraZeneca (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru 1”) kien kopert minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità taħt l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, il-Kummissjoni rrifjutat kompletament l-aċċess għall-imsemmi dokument.

17

Ir-raba’, il-Kummissjoni tat aċċess sħiħ għaż-żewġ annessi tad-Dokument Nru 11.

It‑talbiet tal‑partijiet

18

Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-ewwel deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

19

Fit-talba għall-konstatazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors;

tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

20

Fin-nota ta’ adattament tar-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata.

21

Fir-risposta għan-nota ta’ adattament tar-rikors, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors kif adattat;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

Id‑dritt

[omissis]

Fuq it‑talbiet għall‑annullament tat‑tieni deċiżjoni kkontestata

28

Insostenn tat-talba għall-annullament tat-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent iqajjem tliet motivi, ibbażati fuq l-inapplikabbiltà tat-tliet eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba.

Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq l‑inapplikabbiltà tat‑tieni inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001

29

Ir-rikorrent isostni li l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tapplika biss sakemm kawża tkun pendenti quddiem qorti. Issa, peress li l-proċedura quddiem it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) ingħalqet, l-iżvelar tad-dokumenti mitluba ma jista’ jippreġudika ebda proċedura ġudizzjarja fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Artikolu 871 bis tal-code judiciaire belge (il-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan) ma jippermettix deroga mill-formulazzjoni ċara ta’ dan l-artikolu.

30

Il-Kummissjoni ssostni li, anki wara l-għeluq tal-proċedura ġudizzjarja, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji tkompli tapplika f’dan il-każ għal ċerti dokumenti prodotti fil-kuntest tal-imsemmija proċedura. Hija tqis li r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni kien neċessarju sabiex tiġi ggarantita b’mod partikolari l-osservanza tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja.

31

Hija tibbaża ruħha wkoll fuq l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet ġudizzjarji li jimponilha l-obbligu li ma tiżvelax ċerti dokumenti prodotti matul din il-proċedura u li huma kklassifikati bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

32

Barra minn hekk, ir-rikorrent ma invoka ebda interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-iżvelar lill-pubbliku ta’ dawn id-dokumenti.

33

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, sakemm interess pubbliku superjuri ma jiġġustifikax l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat.

34

Barra minn hekk, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 huma applikabbli biss matul il-perijodu li fih il-protezzjoni tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontenut tad-dokument.

35

Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 hija neċessarjament limitata ratione temporis sa fejn tipprekludi l-iżvelar tad-dokumenti biss sakemm, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, jippersisti r-riskju ta’ preġudizzju għal proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il-Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Skont il-ġurisprudenza, il-protezzjoni ta’ dawn il-proċeduri hija spjegata min-neċessità li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 85).

37

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, ġie deċiż b’mod partikolari li, jekk il-kontenut ta’ dokumenti li jesponu l-pożizzjoni ta’ istituzzjoni f’tilwima kellu jkun is-suġġett ta’ dibattitu pubbliku, ikun hemm ir-riskju li l-kritika kontrihom tinfluwenza indebitament il-pożizzjoni difiża mill-istituzzjoni quddiem il-qrati inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il-Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-integrità tal-proċedura ġudizzjarja, l-esklużjoni tal-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat, matul il-proċedura ġudizzjarja kollha, li d-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża inkwistjoni jipproċedu b’serenità, mingħajr pressjoni esterna fuq l-attività ġudizzjarja (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2020, Compañía de Tranvías de la Coruña vs Il-Kummissjoni, T‑485/18, EU:T:2020:35, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti li għalihom il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess jirrigwardaw il-kwantitajiet u l-kunsinna ta’ vaċċini mmanifatturati minn AstraZeneca u li dawn huma dokumenti li din l-istituzzjoni kellha qabel is‑16 ta’ Marzu 2021, data li fiha r-rikorrent ippreżenta talba konfermattiva għal aċċess.

40

Kien biss sussegwentement li dawn id-dokumenti ġew prodotti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja mibdija quddiem it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) fit‑23 ta’ April 2021 dwar il-kunsinna ta’ vaċċini abbażi tal-kuntratt ta’ xiri antiċipat konkluż ma’ AstraZeneca. L-imsemmija proċedura ntemmet fil‑15 ta’ Ottubru ta’ wara, data li fiha l-qorti nazzjonali rrinunzjat għall-atti, li kellu bħala effett li l-proċedura tintemm definittivament.

41

Għaldaqstant, fid-data li fiha ġiet adottata t-tieni deċiżjoni kkontestata, fis‑7 ta’ Frar 2022, il-proċedura ġudizzjarja li tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-imsemmija proċeduri kienet magħluqa.

42

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li dokument li ma jkunx ġie mfassal fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja speċifika jista’ ċertament jiġi protett abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jekk, fid-data li fiha tingħata risposta għat-talba għal aċċess, dan ikun ġie prodott fil-kuntest ta’ tali proċedura ġudizzjarja (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA, C‑576/19 P, EU:C:2020:873, punt 48).

43

Madankollu, minn naħa, mid-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “dokument2, kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-formulazzjoni u mill-eżistenza stess ta’ eċċezzjoni dwar il-protezzjoni ta’ proċeduri ġudizzjarji, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma xtaqx jeskludi l-attività kontenzjuża tal-istituzzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess taċ-ċittadini, iżda li ppreveda, f’dan ir-rigward, li dawn jirrifjutaw li jiżvelaw id-dokumenti relatati ma’ proċedura ġudizzjarja fil-każijiet fejn tali żvelar ikun jippreġudika l-proċedura li magħha huma relatati (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2015, Breyer vs Il‑Kummissjoni, T‑188/12, EU:T:2015:124, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Min-naħa l-oħra, mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dokument jaqax taħt waħda mill-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti previsti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-artikolu, huwa importanti biss il-kontenut tad-dokument mitlub (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Intercept Pharma u Intercept Pharmaceuticals vs EMA, C‑576/19 P, EU:C:2020:873, punt 36).

45

Mill-punti 43 u 44 iktar ’il fuq jirriżulta li l-fatt li dokument ikun ġie prodott fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jimplika biss li tali dokument jista’ jiġi protett abbażi tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, liema fatt għandu jiġi vverifikat fid-dawl tal-kontenut ta’ dan id-dokument, konformement mal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001.

46

Fi kliem ieħor, sabiex jiġi evalwat jekk, kif isostni r-rikorrent, l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji ma setgħetx tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi wara l-għeluq ta’ din il-proċedura, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, il-Kummissjoni wrietx li l-iżvelar tagħhom ikompli jippreġudika tali proċedura.

47

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni baqgħet ma spjegatx b’liema mod l-aċċess għad-dokumenti inkwistjoni jista’, fid-dawl tal-kontenut tagħhom, ikompli konkretament u effettivament jippreġudika proċedura ġudizzjarja li kienet magħluqa fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għalihom.

48

Għalhekk, fl-assenza ta’ tali spjegazzjoni li tirriżulta minn eżami konkret tal-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi, ir-rikorrent huwa korrett meta jsostni essenzjalment li l-iżvelar ta’ dokument prodott fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni ma għadux jirriskja li jippreġudika l-attività ġudizzjarja tal-qorti nazzjonali adita peress li din l-attività hija, wara l-għeluq tal-proċedura, mitmuma. Bl-istess mod, f’tali ċirkustanzi, dan l-iżvelar, bħala prinċipju, ma jistax iktar jikkomprometti d-difiża tal-awtur tal-imsemmi dokument u, għaldaqstant, jippreġudika l-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, li matulha hija kkonċentrat fuq in-neċessità li tiġi ggarantita l-osservanza tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja. Issa, fuq dan l-aħħar punt, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, wara l-għeluq tal-proċedura, id-dibattiti bejn il-partijiet kif ukoll id-deliberazzjoni tal-qorti kkonċernata dwar il-kawża pendenti setgħu seħħew b’serenità sħiħa, mingħajr pressjonijiet esterni fuq l-attività ġudizzjarja.

49

Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-punt 132 tas-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541), li għaliha l-Kummissjoni għamlet riferiment waqt is-seduta. Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li istituzzjoni setgħet tirrifjuta l-aċċess għal noti redatti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja magħluqa meta, wara eżami tal-kontenut ta’ dawn in-noti, kien irriżulta li dawn kienu jinkludu argumenti użati insostenn tal-pożizzjoni ġuridika difiża minn din l-istituzzjoni fi proċedura ġudizzjarja oħra simili li kienet għadha pendenti. F’każ bħal dan, ma jistax jiġi eskluż li l-iżvelar ta’ dawn in-noti jippreġudika din l-aħħar proċedura.

50

Issa, f’dan il-każ, ebda proċedura ġudizzjarja oħra ma kienet pendenti, u lanqas imminenti, fil-mument tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

51

Minkejja din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni madankollu ssostni li, indipendentement mill-kontenut tad-dokumenti kontenzjużi, hija kienet obbligata tirrifjuta l-aċċess għalihom sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

52

Dan l-artikolu huwa redatt b’mod partikolari kif ġej:

“Il-partijiet […] li kellhom, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedura ġudizzjarja, jew minħabba l-aċċess tagħhom għal dokumenti li jagħmlu parti minn tali proċedura ġudizzjarja, konoxxenza ta’ sigriet kummerċjali jew ta’ sigriet kummerċjali allegat li l-qorti, b’risposta għat-talba debitament motivata ta’ parti kkonċernata jew ex officio, ikklassifikat bħala kunfidenzjali, ma humiex awtorizzati jużaw jew jiżvelaw dan is-sigriet kummerċjali jew dan is-sigriet kummerċjali allegat.

Dan l-obbligu ta’ kunfidenzjalità […] għandu jippersisti wara t-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja.”

53

Fi kliem ieħor, parti fi proċedura ġudizzjarja ma hijiex awtorizzata tiżvela sigriet kummerċjali jew sigriet kummerċjali allegat li hija tkun saret taf bih minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura, anki wara t-tmiem tagħha, meta l-qorti tkun iddeċidiet li tali sigriet kellu jibqa’ kunfidenzjali.

54

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka dan l-artikolu sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, għaldaqstant, ir-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti inkwistjoni.

55

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan għandu l-għan li jittrasponi l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).

56

Issa, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tiddikjara li din ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni jew tar-regoli nazzjonali li jimponu l-iżvelar ta’ informazzjoni, inklużi sigrieti kummerċjali, lill-pubbliku jew lill-awtoritajiet pubbliċi. Lanqas ma għandha tippreġudika l-applikazzjoni ta’ regoli li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi jiġbru informazzjoni għall-qadi ta’ dmirijiethom, jew ta’ regoli li jippermettu jew jeħtieġu kwalunkwe żvelar sussegwenti minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi ta’ informazzjoni rilevanti lill-pubbliku. Dawn ir-regoli jinkludu, b’mod partikolari, regoli dwar l-iżvelar mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali ta’ informazzjoni kummerċjali li huma jkollhom, b’mod partikolari, skont ir-Regolament Nru 1049/2001.

57

Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva sabiex tevita milli twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament Nru 1049/2001.

58

Fit-tieni lok, minn naħa, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-punt 39 iktar ’il fuq u kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li d-dokumenti kontenzjużi ma humiex dokumenti li l-Kummissjoni għandha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan peress li dawn kienu diġà fil-pussess tagħha qabel il-bidu ta’ din il-proċedura.

59

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal digriet tal-qorti nazzjonali li permezz tiegħu din tal-aħħar iddeċidiet li ċerti dokumenti prodotti fil-kuntest ta’ din il-proċedura jibqgħu koperti mill-obbligu li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tagħhom skont l-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

60

Madankollu, mir-risposti tal-Kummissjoni għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jirriżulta essenzjalment li l-qorti nazzjonali adita ma adottat ebda deċiżjoni skont dan l-artikolu. Fil-fatt, huma l-partijiet stess li kkonkludew ftehim li permezz tiegħu ċerti dokumenti prodotti matul din il-proċedura jibqgħu kunfidenzjali skont l-imsemmi artikolu, liema ftehim barra minn hekk kellu l-għan li jissostitwixxi deċiżjoni tal-qorti f’dan ir-rigward.

61

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi kkonstatat li, fid-dokument li permezz tiegħu huma informaw lill-qorti nazzjonali bil-ftehim bonarju tagħhom, il-partijiet, fid-dispożittiv tat-talbiet tagħhom, talbu espressament lit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) sabiex “[t]ieħu nota […] tal-fatt li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità kif imsemmi fl-ittri [tagħhom] […] jibqa’ applikabbli wara t-tmiem tal-proċedura ġudizzjarja, skont [it-tielet] subparagrafu tal-Artikolu 871 bis(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju”.

62

Issa, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Ottubru 2021, il-qorti nazzjonali llimitat ruħha, minn naħa, li tieħu nota “tar-rinunzja għall-atti tar-rikorrenti” u, min-naħa l-oħra, li tieħu nota “tal-ftehim tal-partijiet dwar l-ispejjeż”, mingħajr ma tieħu pożizzjoni fuq il-kap tat-talbiet li permezz tiegħu l-partijiet kienu qegħdin jistiednuha “tikkonstata” li ċerti dokumenti jibqgħu kunfidenzjali wara l-għeluq tal-proċedura.

63

Mid-digriet għal miżuri provviżorji tat‑18 ta’ Ġunju 2021 lanqas ma jirriżulta li l-qorti ddeċidiet li ċerti dokumenti prodotti matul il-proċedura ġudizzjarja kellhom jiġu kklassifikati bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Fil-fatt, dan id-digriet jillimita ruħu li jsemmi l-fatt li, “[f]is-seduta tas‑26 ta’ Mejju 2021, u fuq talba, il-partijiet ikkonfermaw li l-indikazzjoni kunfidenzjali mqiegħda fuq ċerti dokumenti u estratti tal-konklużjonijiet tagħhom ma kinitx tipprekludi li wħud mis-siltiet tagħhom [jiġu riprodotti] f’[dan] id-digriet”, mingħajr ma jsemmi dan l-artikolu jew il-kontenut tiegħu.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma tistax, permezz ta’ sempliċi ftehim konkluż ma’ kumpannija terza, tirrestrinġi d-dritt, li kull ċittadin tal-Unjoni jnissel direttament mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, ta’ aċċess għad-dokumenti miżmuma minn din l-istituzzjoni. Bl-istess mod, jekk jiġi aċċettat li istituzzjoni tista’ tinvoka tali ftehim sabiex tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti li hija jkollha, dan ikun ifisser li hija tkun awtorizzata tevita l-obbligu tagħha li tagħti aċċess għalihom, ħlief meta l-iżvelar tagħhom jippreġudika wieħed mill-interessi protetti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001.

65

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta wkoll li, sa fejn il-partijiet stess ikunu qablu li jikklassifikaw ċerti dokumenti bħala kunfidenzjali, mingħajr intervent ieħor mill-qorti nazzjonali għajr dak imsemmi fil-punti 61 sa 63 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għal dawn id-dokumenti.

66

Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat li l-għan tal-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, sa fejn huwa intiż li jipproteġi s-sigrieti kummerċjali, huwa differenti minn dak imfittex mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li huwa intiż li jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll dak ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-integrità tal-proċedura ġudizzjarja. Għalhekk, is-sempliċi fatt li d-dokumenti kontenzjużi jinkludu sigrieti kummerċjali jew sigrieti kummerċjali allegati ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li jiġi spjegat b’liema mod l-aċċess għal dawn id-dokumenti jista’ konkretament u effettivament ikompli jippreġudika l-proċedura ġudizzjarja li kienet magħluqa fil-mument tal-adozzjoni tat-tieni deċiżjoni kkontestata.

67

Għaldaqstant, mingħajr ma jiġi eskluż li dokument li jkun jinkludi sigriet kummerċjali jista’ jaqa’ taħt eċċezzjoni waħda jew oħra prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, bħall-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-istituzzjoni kkonċernata fid-dawl tal-kontenut tad-dokument inkwistjoni, is-sempliċi fatt li tali sigriet kummerċjali jkun ġie żvelat fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li issa ngħalqet u jkun ġie kklassifikat mill-partijiet fl-istanza bħala kunfidenzjali, fis-sens tal-Artikolu 871 bis tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni għad-dokumenti inkwistjoni tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

68

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.

[omissis]

Fuq it‑tielet motiv, ibbażat fuq l‑inapplikabbiltà tal‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001

[omissis]

104

Peress li l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ u peress li l-Kummissjoni ma invokat ebda eċċezzjoni oħra fit-tieni deċiżjoni kkontestata sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ aċċess għad-Dokumenti Nri 1.2, 2, 3, 5, 6, 7, 8, 9, 9.1 sa 9.5 u 10, kif ukoll għal parti mid-Dokument Nru 11, hemm lok li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata sa fejn tirrifjuta lir-rikorrent l-aċċess għal dawn id-dokumenti.

105

B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda d-Dokument Nru 1.2, li jikkonsisti f’anness mal-offerta ppreżentata minn AstraZeneca (Dokument Nru 1), għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 97 iktar ’il fuq, huwa minnu li l-Kummissjoni indikat fit-tieni deċiżjoni kkontestata li l-offerta u l-annessi tagħha kienu koperti minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tgħid li l-iżvelar tagħhom jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ AstraZeneca. Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tinvoka l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali fir-rigward tad-Dokument Nru 1.2, li kien kopert esklużivament mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji.

106

Min-naħa l-oħra, sa fejn huwa dirett kontra t-tieni deċiżjoni kkontestata li tirrifjuta l-aċċess għad-Dokumenti Nri 1, 1.1, 4, 6.1 sa 6.6 u 12 kif ukoll għad-data fid-Dokument Nru 11 li huma koperti mill-eċċezzjoni dwar il-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 5327 final tat‑13 ta’ Lulju 2021 li tiċħad it-talba konfermattiva għal aċċess għal ċerti dokumenti.

 

2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2022) 870 final tas‑7 ta’ Frar 2022 hija annullata, sa fejn din tirrifjuta l-aċċess lil Hans-Wilhelm Saure għad-dokumenti segwenti:

anness mal-offerta ppreżentata minn AstraZeneca (Dokument Nru 1.2);

dokument tat‑12 ta’ Ġunju 2020 skambjat bejn AstraZeneca u l-Gvernijiet ta’ diversi Stati Membri bil-għan li jiġi nnegozjat u konkluż kuntratt ta’ finanzjament (Dokument Nru 2);

abbozz ta’ kuntratt ta’ finanzjament mibgħut minn AstraZeneca fl‑24 ta’ Ġunju 2020 lill-Gvernijiet ta’ diversi Stati Membri (Dokument Nru 3);

dokument tal‑20 ta’ Novembru 2020 dwar il-ħlas tat-tieni pagament bin-nifs previst mill-kuntratt ta’ xiri antiċipat konkluż ma’ AstraZeneca (Dokument Nru 5);

il-preżentazzjonijiet użati minn AstraZeneca matul il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal‑4 ta’ Diċembru 2020, tat‑22 ta’ Jannar, tal‑1, tal‑11, tad‑19 u tat‑23 ta’ Frar kif ukoll tat‑11 ta’ Marzu 2021 (Dokument Nru 6);

preżentazzjoni użata minn AstraZeneca waqt laqgħa tas‑7 ta’ Diċembru 2020 (Dokument Nru 7);

preżentazzjoni użata minn AstraZeneca waqt laqgħa tad‑19 ta’ Jannar 2021 (Dokument Nru 8);

dokument li jikkonċerna d-dati ta’ kunsinna tal-vaċċini (Dokument Nru 9) flimkien ma’ ħames annessi (Dokumenti Nri 9.1 sa 9.5);

preżentazzjoni użata minn AstraZeneca waqt laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal‑25 ta’ Jannar 2021 (Dokument Nru 10);

parti mill-messaġġi elettroniċi skambjati bejn il-Kummissjoni u AstraZeneca fis‑27 ta’ Lulju 2020 (Dokument Nru 11).

 

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Svenningsen

Mac Eochaidh

Laitenberger

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Ottubru 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.