SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra s-Sirja – Iffriżar ta’ fondi – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità – Dannu għar-reputazzjoni – Determinazzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni”

Fil-Kawża T‑510/18,

Khaled Kaddour, residenti f’Damasku (is-Sirja), irrappreżentat minn V. Davies, V. Wilkinson, solicitors, R. Blakeley, barrister, u M. Lester, QC,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u T. Haas, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 16) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/774 tat-28 ta’ Mejju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2018, L 131, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrent, Khaled Kaddour, huwa negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana li qiegħed jiżviluppa attività kummerċjali, b’mod partikolari, fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u taż-żejt.

[omissis]

B.   Fuq l-inklużjoni mill-ġdid u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi

[omissis]

20

Fit‑12 ta’ Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament (UE) 2015/1828 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1).

21

Skont il-kliem tal-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “[i]l-Kunsill ivvaluta li minħabba l-kontroll strett eżerċitat fuq l-ekonomija mir-reġim Sirjan, ċirku ta’ ġewwa ta’ negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja jistgħu biss iżommu l-istatus tagħhom minħabba li jgawdu minn assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim u mill-appoġġ tiegħu, u billi għandhom influwenza fi ħdanu” u “l-Kunsill iqis li għandu jipprevedi miżuri restrittivi biex jimponi restrizzjonijiet fuq id-dħul u jiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmumin jew ikkontrollati minn dawk in-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja, kif identifikati mill-Kunsill u elenkati fl-Anness I, sabiex ma jħallihomx jipprovdu appoġġ materjali jew finanzjarju lir-reġim u, permezz tal-influwenza tagħhom, tiżdied il-pressjoni fuq ir-reġim innifsu biex ibiddel il-politiki ta’ repressjoni tiegħu.”

22

Il-formulazzjoni tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġiet emendata mid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli jipprevedu issa restrizzjonijiet għad-dħul jew għat-tranżitu fuq it-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar tal-fondi ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” sakemm ma jkunx hemm “biżżejjed informazzjoni li [dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.

23

Ir-Regolament 2015/1828 emenda, b’mod partikolari, il-formulazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 sabiex jinkludi fih il-kriterji ta’ inklużjoni l-ġodda ddefiniti mid-Deċiżjoni 2015/1836 u introdotti fid-Deċiżjoni 2013/255.

[omissis]

2. Fuq ir-raġunijiet ta’ inklużjoni u d-determinazzjoni tal-kriterji ta’ inklużjoni

66

Fid-dawl tad-diskussjoni, matul is-seduta, bejn ir-rikorrent u l-Kunsill dwar jekk isem ir-rikorrent kienx inżamm fil-listi inkwistjoni abbażi ta’ tnejn jew tliet raġunijiet ta’ inklużjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa neċessarju li jsiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

67

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 27 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma ġewx emendati meta mqabbla mad-Deċiżjoni 2016/850 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840, u huma dawn li ġejjin:

“Negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, b’interessi u/jew attivitajiet fis-setturi tat-telekomunikazzjoni, iż-żejt u l-industrija tal-plastik u relazzjonijiet ta’ negozju mill-qrib ma’ Maher Al‑Assad.

Huwa jgawdi mir-reġim Sirjan u jagħtih appoġġ, permezz tal-interessi kummerċjali tiegħu.

Soċju ta’ Maher Al‑Assad, inkluż permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ negozju.”

68

Skont l-Artikolu 28(1),(2)(a) u (3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Annessi I u II, għandhom jiġu ffriżati.

2.   Skont il-valutazzjonijiet u d-determinazzjonijiet magħmula mill-Kunsill fil-kuntest tas-sitwazzjoni fis-Sirja kif stipulat fil-Premessi (5) sa (11), il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn:

a)

negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja; […]

3.   Persuni, entitajiet jew korpi f’xi waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu inklużi jew miżmuma fuq il-lista ta’ persuni u entitajiet fl-Anness I jekk hemm biżżejjed informazzjoni li huma m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni.”

69

L-Artikolu 15(1)(a),(1a)(a) u (1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828, huwa fformulat f’termini kważi identiċi.

70

Fid-dawl tal-formulazzjoni tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent u dik tal-kriterji ta’ inklużjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, intużaw tliet raġunijiet għall-inklużjoni fil-konfront tiegħu. L-ewwel paragrafu, li jikkorrispondi għall-ewwel motiv, jirrigwarda l-kwalità ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, it-tieni paragrafu, li jikkorrispondi għat-tieni motiv, jirrigwarda l-benefiċċju miksub mir-reġim Sirjan u l-appoġġ mogħti lilu u, it-tielet paragrafu, li jikkorrispondi għat-tielet motiv, jirrigwarda r-rabta mar-reġim Sirjan.

71

Minn dan jirriżulta li l-ewwel raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni hija bbażata fuq il-kriterju legali ddefinit fl-Artikolu 28(2)(a) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828 (kriterju ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja) u li t-tieni u t-tielet raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent huma bbażati fuq il-kriterju legali ddefinit fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828 (kriterju ta’ assoċjazzjoni mar-reġim) jew minħabba l-vantaġġ li jikseb mir-reġim Sirjan u mill-appoġġ tiegħu lilu, jew minħabba r-rabta tiegħu ma’ M. Al‑Assad, figura ewlenija tar-reġim Sirjan.

72

Sa fejn il-Kunsill sostna, waqt is-seduta, li r-riferiment għall-profitti miksuba mir-reġim Sirjan u għall-appoġġ mogħti lill-imsemmi reġim ma kellux jiġi interpretat bħala t-tielet motiv għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, li r-rikorrent ma opponiex, il-Qorti Ġenerali tqis utli li tagħmel il-kjarifiki li ġejjin.

73

Il-benefiċċju miksub mir-reġim Sirjan jew l-appoġġ mogħti lilu jikkostitwixxi kriterju ġuridiku awtonomu, previst mill-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, li għandu, f’dan ir-rigward, jiġi distint minn dak ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja” u previst mill-Artikolu 28(2)(a) tal-imsemmija deċiżjoni, jew ukoll minn dak tar-rabta ma’ persuni li jappartjenu għall-imsemmi reġim, previst fl-Artikolu 28(1) ta’ din l-istess deċiżjoni.

74

Dan jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836. Huwa jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ tliet kategoriji ta’ persuni, jiġifieri, l-ewwel nett, dawk li huma responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili, it-tieni nett, dawk li jibbenefikaw mill-politika tar-reġim jew jappoġġjawh u, it-tielet nett, dawk marbuta magħhom. Fil-paragrafu 2 tiegħu, huwa jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta’ sensiela ta’ kategoriji ta’ persuni, inklużi n-negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja. Il-paragrafu 1 u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, jinkludu għalhekk, bħala prinċipju, kategoriji differenti ta’ persuni, li huwa kkonfermat mill-possibbiltà offruta biss lill-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, li jipprevalixxu ruħhom mill-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li jippermetti lil dawn tal-aħħar, taħt ċerti kundizzjonijiet, li isimhom ma jibqax inkluż jew miżmum fil-listi inkwistjoni.

75

L-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni hija konformi mal-kuntest tal-adozzjoni tagħha u mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21). Fil-fatt, għandu jitfakkar, qabelxejn, li mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1836 jirriżulta li l-Kunsill stabbilixxa sensiela ta’ kategoriji ta’ persuni, stabbiliti fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, sabiex jiżviluppa, filwaqt li jżomm approċċ immirat u ddifferenzjat, il-miżuri restrittivi diġà eżistenti li huwa kellu l-intenzjoni li jżomm. Għalhekk, huwa esprima b’mod ċar ir-rieda tiegħu li jżid kriterji ta’ inklużjoni ma’ dawk diġà eżistenti u previsti fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255. Sussegwentement, id-Deċiżjoni 2015/1836, li introduċiet l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kienet intiża li tkopri biss dawn il-kategoriji ġodda ta’ persuni, kif jirriżulta mill-premessa 14 tal-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255 ma kellhiex ekwivalenti fi ħdan l-Artikolu 28 tal-imsemmija Deċiżjoni 2013/255 qabel l-emenda tiegħu bid-Deċiżjoni 2015/1836.

76

Il-fatt li l-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, jipprevedi kategoriji differenti ta’ persuni ma jfissirx, madankollu, li persuna ma tistax taqa’ taħt diversi kategoriji. Dan ifisser, għall-kuntrarju, li, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jinkludi jew li jżomm l-isem ta’ persuna fil-listi inkwistjoni, huwa għandu jiddetermina, fid-dawl tal-provi li huwa għandu, il-kategorija jew il-kategoriji li din il-persuna tista’ tappartjeni għalihom. F’dan ir-rigward, huwa għandu jistaqsi dwar il-kriterju jew il-kriterji li huwa għandu l-intenzjoni li jadotta sabiex jinkludi jew iżomm l-isem ta’ persuna fil-listi inkwistjoni, minn naħa, u dwar jekk għandux sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu juru l-fondatezza ta’ kull waħda mir-raġunijiet ta’ inklużjoni, ibbażati fuq il-kriterju jew il-kriterji li huwa jkun għażel, min-naħa l-oħra.

77

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li, għal persuna partikolari, ir-raġunijiet għall-inklużjoni jikkoinċidu sa ċertu punt, fis-sens li persuna tista’ tiġi kklassifikata bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja u titqies li tibbenefika, fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, mir-reġim Sirjan jew bħala li tappoġġjah permezz ta’ dawn l-istess attivitajiet. Dan jirriżulta preċiżament mill-fatt li, kif huwa stabbilit fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni 2015/1836, ir-rabtiet mill-qrib mar-reġim Sirjan u l-appoġġ lilu mogħti minn din il-kategorija ta’ persuni huma waħda mir-raġunijiet għalfejn il-Kunsill iddeċieda li joħloq din il-kategorija. Xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma, anki f’dan il-każ, kriterji differenti.

78

Fil-fatt, ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza li d-Deċiżjoni 2015/1836 introduċiet bħala kriterju ta’ inklużjoni oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti dak ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”, b’tali mod li l-Kunsill ma għadux obbligat li juri l-eżistenza ta’ rabta bejn din il-kategorija ta’ persuni u r-reġim Sirjan, u lanqas bejn din il-kategorija ta’ persuni u l-appoġġ mogħti lil dan ir-reġim jew il-benefiċċju miksub minn dan tal-aħħar, billi l-fatt li wieħed ikun negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja huwa suffiċjenti għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fir-rigward ta’ persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il-Kunsill, C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punt 38; tal‑4 ta’ April 2019, Sharif vs Il-Kunsill, T‑5/17, EU:T:2019:216, punti 5556; u d-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il-Kunsill, T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589, punt 56).

79

Minn dan jirriżulta li, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jinkludi l-isem ta’ persuna minħabba l-kwalità tagħha ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, huwa ma huwiex obbligat jippreċiża, fir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ din il-persuna, li hija tibbenefika jew tappoġġja lir-reġim Sirjan. Jekk huwa jagħmel hekk, dan ikun għaliex huwa jkollu l-intenzjoni li japplika fil-konfront tiegħu l-kriterju previst fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255. Din l-interpretazzjoni hija l-iktar waħda li tiggarantixxi l-effett utli ta’ kull wieħed mill-paragrafi tal-Artikolu 28 tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, u li tippermetti lill-persuni inklużi li jiddeterminaw bi preċiżjoni abbażi ta’ liema kriterji isimhom ġie inkluż jew miżmum fil-listi inkwistjoni.

80

Konsegwentement, jekk il-Kunsill isemmi, espliċitament, fir-raġunijiet ta’ inklużjoni tal-isem ta’ persuna, il-benefiċċju jew l-appoġġ li hija tagħti lir-reġim Sirjan, dan jimplika li l-Kunsill juri, permezz ta’ sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti, kif il-persuna tappoġġja jew tislet vantaġġ mir-reġim Sirjan. F’dan is-sens, minkejja li l-Kunsill iqis li l-benefiċċju jew l-appoġġ lir-reġim Sirjan jirriżulta mill-attivitajiet imwettqa minn persuna kklassifikata, barra minn hekk, bħala negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja, il-provi li l-Kunsill għandu jkollu u jista’ jkollu jipproduċi sabiex juri l-benefiċċju jew is-sostenn ma humiex neċessarjament l-istess bħal dawk li jippermettu li tintwera l-kwalità ta’ “negozjanti ewlenin li joperaw fis-Sirja”.

81

Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li sostna l-Kunsill, ir-riferiment għall-benefiċċji misluta mir-reġim Sirjan u għall-appoġġ mogħti lill-imsemmi reġim mir-rikorrent għandu jiġi interpretat bħala raġuni għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni distinta minn dik dwar l-istatus ta’ negozjant ewlieni li jopera fis-Sirja u minn dik dwar ir-rabta tiegħu ma’ figura ewlenija tar-reġim Sirjan. Għaldaqstant, il-Kunsill għandu jkun f’pożizzjoni li juri, permezz ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti, il-fondatezza tal-imsemmija raġuni.

82

Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet u kjarifiki, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kunsill, kif isostni r-rikorrent, wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda li jżomm ismu fil-listi inkwistjoni.

3. Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni

[omissis]

88

Il-Kunsill ifakkar, essenzjalment, li isem ir-rikorrent inżamm fil-listi inkwistjoni permezz tal-atti kkontestati abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fid-Deċiżjoni 2016/850 u fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/840. Issa, fir-rigward ta’ dawn l-atti tal‑2016, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour III (T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 102), li l-provi li fuqhom kien ibbaża ruħu l-Kunsill sabiex iżomm l-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji li jippermettu li tiġi ġġustifikata tali inklużjoni mill-ġdid. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma ppreżenta ebda element li jista’ jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kif tirriżulta mis-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour III (T‑461/16, EU:T:2018:316).

89

Għalhekk, wieħed għandu jistaqsi dwar l-impatt, fuq l-analiżi ta’ dan il-motiv, tas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour III (T‑461/16, EU:T:2018:316), iżda wkoll tas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), sa fejn dawn iż-żewġ sentenzi analizzaw il-provi msemmija f’din il-proċedura.

90

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 30(3) tad-Deċiżjoni 2013/255 u l-Artikolu 32(3) tar-Regolament Nru 36/2012 jipprovdu li, jekk jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew jiġu prodotti provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma b’dan lill-persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-organu kkonċernat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 32(4) tal-imsemmi regolament, il-listi inkwistjoni għandhom jiġu eżaminati f’intervalli regolari u tal-inqas kull tnax‑il xahar.

91

Mill-qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill jista’ jitwassal biex, matul kwalunkwe eżami mill-ġdid qabel l-adozzjoni ta’ atti li permezz tagħhom l-isem ta’ persuna tinżamm fil-lista inkwistjoni, saħansitra f’kull mument, jivverifika, skont il-provi sostanzjali jew l-osservazzjonijiet prodotti quddiemu, jekk is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx sa mill-inklużjoni inizjali, jew mill-inklużjoni mill-ġdid tar-rikorrent jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, b’tali mod li l-inklużjoni tagħha ma tkunx għadha ġġustifikata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 46, u tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 50).

92

Barra minn hekk, mingħajr ma hija marbuta mas-sens strett mill-perspettiva tal-awtorità ta’ res judicata, peress li s-suġġett tar-rikorsi miċħuda permezz tas-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour III (T‑461/16, EU:T:2018:316), ma huwiex identiku għal dak ta’ dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora totalment ir-raġunament li hija żviluppat f’dawn iż-żewġ kawżi, li jikkonċernaw l-istess partijiet u jqajmu, essenzjalment, l-istess kwistjonijiet legali.

93

Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt, mingħajr eżami tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi prodotti insostenn ta’ dan il-motiv, li l-Qorti Ġenerali ser tasal għall-istess konklużjonijiet bħal dawk adottati fis-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour III (T‑461/16, EU:T:2018:316) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2018, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑288/15, EU:T:2018:619, punt 53).

94

F’dan il-każ, għalhekk ma jistax jiġi eskluż, mingħajr ma jsir eżami tagħhom, li l-elementi ppreżentati mir-rikorrent fil-kuntest tal-motiv tiegħu jistgħu juru li l-Kunsill żbalja meta ddeċieda, fl‑2018, li ismu jinżamm fil-listi inkwistjoni.

[omissis]

a) Fuq ir-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kunsill

96

Ir-rikorrent jikkontesta r-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kunsill sabiex juri, fl‑2018, li ż-żamma ta’ ismu fil-listi inkwistjoni kienet għadha fondata.

97

Għandu jiġi rrilevat li, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kwistjoni rilevanti fl-eżami taż-żamma ta’ persuna fil-lista kontenzjuża hija dik dwar jekk, mill-inklużjoni ta’ din il-persuna fl-imsemmija lista jew mill-eżami mill-ġdid preċedenti, is-sitwazzjoni fattwali nbidlitx b’tali mod li ma tippermettix iktar it-tnissil tal-istess konklużjoni dwar l-involviment ta’ din il-persuna f’attivitajiet terroristiċi (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al‑Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al‑Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 82). Barra minn hekk, ġie ppreċiżat, fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi adottati kontra l-Iran, li l-Kunsill ma huwiex obbligat jinvoka fatti ġodda sakemm il-fatti li jimmotivaw l-inklużjoni inizjali jkunu rilevanti u suffiċjenti sabiex il-parti kkonċernata tinżamm fil-lista (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2018:720, punt 182).

98

Fl-aħħar nett, ġie deċiż li l-Kunsill huwa obbligat jipproduċi provi ġodda sabiex juri l-fondatezza tal-inklużjoni tal-isem ta’ persuna meta l-kriterju u r-raġunijiet għal din l-inklużjoni jkunu nbidlu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑11 ta’ Settembru 2019, Haswani vs Il-Kunsill, T‑231/15 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2019:589, punt 56).

99

Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi ġġustifikata ż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, sakemm, minn naħa, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ma jkunux inbidlu u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti.

100

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li huwa inerenti għall-miżuri adottati fil-kuntest tal-politika esterna u ta’ sigurtà komuni (PESK) li jkunu suġġetti għal eżami mill-ġdid perjodiku u li jiġu applikati repetutament matul perijodi sussegwenti. Dan huwa speċjalment il-każ meta, minkejja l-miżuri restrittivi preċedentement applikati, is-sitwazzjoni ġeopolitika ma tiżviluppax. F’din is-sitwazzjoni, il-Kunsill għandu jkun awtorizzat ikompli japplika l-miżuri neċessarji, anki jekk is-sitwazzjoni ma tkunx inbidlet, sakemm il-fatti li jikkostitwixxu l-bażi taż-żamma tal-miżuri restrittivi jkomplu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tagħhom fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda n-natura suffiċjentement reċenti tal-fatti (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill, C‑225/17 P, EU:C:2018:720, punti 201202).

101

Għalhekk, f’dan il-każ, peress li, kif issemma fil-punt 67 iktar ’il fuq, ir-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent ma ġewx emendati, hemm biss lok li jiġi vverifikat jekk, fil-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, jeżistux provi li jistgħu jissuġġerixxu li s-sitwazzjoni fattwali tar-rikorrent jew dik tas-Sirja evolvew b’tali mod li l-provi prodotti mill-Kunsill sabiex jiġġustifika l-fondatezza taż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni fl‑2016 ma kinux iktar rilevanti sabiex jiġġustifikaw iż-żamma ta’ ismu fl-imsemmija listi fl‑2018.

102

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni fis-Sirja ma tjibitx bejn l‑2016 u l‑2018. Il-provi prodotti mir-rikorrent fil-kuntest tar-rikors u intiżi sabiex juru li s-sitwazzjoni ekonomika fis-Sirja hija tali li hija fantasija li wieħed jaħseb li huwa kapaċi jappoġġja r-reġim bil-ftit assi rimanenti tiegħu ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-kuntest Sirjan inbidel b’tali mod li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni ma tkunx iktar iġġustifikata. Għall-kuntrarju, ir-rapport tal‑2017 tal-grupp tal-Bank Dinji dwar il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kunflitt fis-Sirja, l-artiklu tal-ġurnal International Business Times, tal‑14 ta’ Marzu 2016, li jittratta l-ispejjeż tal-gwerra fis-Sirja għar-Russja u għall-Istati Uniti u, fl-aħħar nett, l-artiklu tal-ġurnal Time, tad‑9 ta’ April 2018, li jipproponi li jwieġeb għall-mistoqsija dwar ir-raġunijiet għalfejn il-gwerra ċivili Sirjana qiegħda ssir iktar kumplessa, juru li l-gwerra fis-Sirja għadha attwali. F’dan il-kuntest, il-Kunsill u l-Unjoni huma fondati li jżommu l-miżuri restrittivi li huma jqisu neċessarji sabiex jagħmlu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan.

103

Għall-kuntrarju, għalkemm ir-rikorrent isostni li l-attivitajiet kummerċjali tiegħu waqfu u li qatt ma kellu rabta ma’ M. Al‑Assad, għandu jiġi kkonstatat li huwa kien diġà invoka tali argumenti fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Kaddour III (T‑461/16, EU:T:2018:316, punt 115), u li huwa ma ressaq, fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, l-ebda indizju li s-sitwazzjoni personali tiegħu kienet inbidlet bejn l‑2016 u l‑2018. Fir-rigward tad-dokumenti prodotti mir-rikorrent sabiex juri li l-Ġeneral Bilal kien il-kap tal-kabinett ta’ M. Al‑Assad, għandu jiġi nnotat li, bla ħsara għall-eżami tas-saħħa probatorja tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jikkontestaw il-provi prodotti mill-Kunsill, imwettaq fil-punt 120 iktar ’il quddiem, dawn il-provi madankollu jirreferu biss għall-imsemmi ġeneral u ma jippermettux bħala tali li juru bidla konkreta fis-sitwazzjoni tar-rikorrent li l-Kunsill seta’ u kellu jkun jaf biha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti huma intiżi li jikkontestaw dan l-aspett tar-relazzjoni bejn ir-rikorrent u M. Al‑Assad, iżda ma jirrigwardawx ir-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti bejn dawn tal-aħħar.

104

Konsegwentement, mingħajr ma tiġi deċiża minn qabel, f’dan l-istadju tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, il-kwistjoni dwar jekk il-provi prodotti mill-Kunsill jippermettux effettivament li tintwera l-fondatezza, fl‑2018, tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma kienx obbligat li jipproduċi provi addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk prodotti fl‑2016 minħabba tibdil fis-sitwazzjoni tar-rikorrent jew dik tas-Sirja ta’ natura li tiġġustifika li ismu jitneħħa mil-listi inkwistjoni.

105

Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrent u intiżi sabiex jikkontestaw ir-rilevanza tal-provi prodotti minħabba l-fatt li għadda ż-żmien minn fuqhom jew in-nuqqas ta’ provi ġodda li jikkorroborawhom għandhom jiġu miċħuda. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrent li l-Kunsill ma setax jibbaża ruħu fuq artikoli li l-Qorti Ġenerali kienet, fil-kuntest tas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Kaddour I (T‑654/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:947), ikkunsidrat li ma jurux il-fondatezza tar-raġunijiet tal-inklużjoni tiegħu. Fil-fatt, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Kaddour II (T‑155/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:628, punt 78), diġà ċaħdet dan l-argument li jirrigwarda l-istess provi filwaqt li fakkret li kull kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali għandha l-proċess tagħha stess u li kull wieħed minn dawn il-proċessi huwa kompletament awtonomu. Għalhekk, il-fatt li l-Kunsill ipproduċa, f’din il-proċedura, ċerti dokumenti li l-Qorti Ġenerali kienet qieset, fil-kuntest ta’ kawża oħra, bħala li ma jissodisfawx l-oneru tal-prova, ma jċaħħadx lill-Kunsill mill-possibbiltà li jinvoka dawn id-dokumenti, fost provi oħra, għall-finijiet tal-kostituzzjoni ta’ sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jistgħu jiġġustifikaw il-fondatezza taż-żamma tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi inkwistjoni.

[omissis]

B.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27(3), tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828

143

Ir-rikorrent jikkunsidra li huwa għandu d-dritt li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(3), tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, u tal-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828.

144

F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex kumulattivi, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill fir-risposta, huwa possibbli għalih li jinvoka l-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjonijiet peress li jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fihom.

[omissis]

147

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, il-persuni, entitajiet jew organi li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafi 2 ta’ dawn l-artikoli ma humiex inklużi jew miżmuma fil-listi ta’ persuni u entitajiet li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 jekk ikun hemm biżżejjed informazzjoni li tindika li huma ma humiex, jew ma għadhomx, marbuta mar-reġim jew li ma jeżerċitaw l-ebda influwenza fuqu jew li ma humiex assoċjati ma’ riskju reali ta’ evitar. L-istess kundizzjonijiet ġew riprodotti, f’dak li jirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, fl-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828.

148

Fir-rigward, qabelxejn, tal-argument tar-rikorrent li dawn il-kundizzjonijiet huma alternattivi u mhux kumulattivi, dan jeħtieġ interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, EU:C:2005:150, punt 21).

149

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 27(3) u fl-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, kif ukoll fl-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828, huma separati mill-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”. Peress li din il-konġunzjoni jista’ jkollha, mill-perspettiva lingwistika, kemm sens alternattiv kif ukoll kumulattiv, hija għandha, għaldaqstant, tinqara fil-kuntest li fih hija użata u fid-dawl tal-għanijiet tal-att inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat), C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 102).

150

Issa, l-għan imfittex mis-sistema tal-miżuri restrittivi stabbilita mid-Deċiżjoni 2013/255 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 36/2012 huwa li tiġi pprojbita kull forma ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan sabiex issir pressjoni fuqu sabiex jibdel il-politika ta’ repressjoni tiegħu fir-rigward tal-popolazzjoni ċivili. Sabiex jilħaq dan l-għan, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2015/1836, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255, għaliex, preċiżament, ikkonstata li r-reġim Sirjan kien qiegħed jipprova jevita l-miżuri restrittivi tal-Unjoni sabiex ikompli jiffinanzja u jappoġġja l-politika ta’ repressjoni vjolenti tiegħu eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili (premessa 4 tad-Deċiżjoni 2015/1836). Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-imsemmija miżuri, il-Kunsill iddefinixxa ċerti kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet li għandhom importanza partikolari għat-twettiq ta’ tali għan (premessa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1836), persuni u entitajiet li fir-rigward tagħhom kellhom, b’mod partikolari, jiġu adottati miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi. Dawn il-kategoriji ta’ persuni u ta’ entitajiet ġew iddefiniti fid-dawl tar-rabta li huma għandhom mar-reġim, tal-influwenza li huma jistgħu jeżerċitaw fuqu jew tal-appoġġ, taħt kwalunkwe forma, li jistgħu jagħtuh (premessi 6 sa 12 tad-Deċiżjoni 2015/1836).

151

Konsegwentement, il-formulazzjoni użata fl-Artikolu 27(3) u fl-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata permezz tad-Deċiżjoni 2015/1836, kif ukoll fl-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat permezz tar-Regolament 2015/1828, għandha tinftiehem bħala li tirrifletti d-diversi modi li bihom persuna tista’ tiffavorixxi r-reġim Sirjan li hemm bħalissa mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jitqiesu li jeskludu lil xulxin. Fid-dawl ta’ dan il-kuntest u tal-għan imfittex mid-Deċiżjoni 2013/255 u mir-Regolament Nru 36/2012, il-kundizzjonijiet elenkati f’dawn l-artikoli differenti huma neċessarjament kumulattivi.

152

Dan ma jistax ikun mod ieħor, ħlief jekk ikun hemm ir-riskju li jitneħħa s-sens tas-sistema tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fil-fatt, dan ikun ifisser li jiġi aċċettat li persuna jew entità titneħħa mil-listi inkwistjoni għaliex hija ma tkunx għadha assoċjata mar-reġim meta, pereżempju, hija teżerċita influwenza fuqu jew tkun assoċjata ma’ riskju reali ta’ evitar.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Khaled Kaddour huwa kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

Gervasoni

Madise

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2020.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.