SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Settembru 2020 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MUSIKISS – Trade marks verbali u figurattivi preċedenti tar-Renju Unit KISS – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u l-Euratom – Perijodu tranżitorju – Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li jibgħat lura l-kawża quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni – Ammissibbiltà – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”

Fil-Kawża T‑421/18,

Bauer Radio Ltd, stabbilita f’Peterborough (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn G. Messenger, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Bonne, H. O’Neill u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Simon Weinstein, residenti fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentat minn M.‑R. Petsche u M. Grötschl, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑14 ta’ Marzu 2018 (Każ R 510/2017‑1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Bauer Radio u S. Weinstein,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. Frendo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Lulju 2018,

wara li rat l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ottubru 2018,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjent ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ottubru 2018,

wara li rat id-digriet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu tat‑12 ta’ Frar 2019,

wara li r-rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ April 2019,

wara l-emenda għall-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2020,

wara d-digriet tal‑25 ta’ Frar 2020 li jiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r-risposti għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13, fis‑16 u fid‑19 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil‑15 ta’ Novembru 2013, l-intervenjent, Simon Weinstein, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali MUSIKISS.

3

Is-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 35, 41 u 45 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

Klassi 35: “Reklamar (ukoll online), b’mod partikolari avviżi (għal terzi); aġenziji tar-reklutaġġ tal-persunal u ta’ impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika; servizzi ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa (ukoll online) ta’ prodotti u ta’ servizzi fil-qasam tal-mużika”;

Klassi 41: “Organizzazzjoni, koordinazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ avvenimenti ta’ rikreazzjoni; riżervazzjonijiet ta’ avvenimenti; preżentazzjoni ta’ mużika, kant, films qosra, programmi radjofoniċi u televiżivi u xandiriet kulturali; riżervazzjoni u bejgħ minn qabel ta’ biljetti għal avvenimenti; kompilazzjoni, ġbir, amministrazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data relatata mal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika (ukoll permezz ta’ databases li jistgħu jiġu kkonsultati online jew permezz ta’ apps)”;

Klassi 45: “Servizzi soċjali, jiġifieri organizzazzjoni ta’ gruppi b’interessi komuni u ta’ dating permezz ta’ netwerks soċjali”.

4

L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 2014/036 tal‑24 ta’ Frar 2014.

5

Fit‑23 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti, Bauer Radio Ltd, ressqet oppożizzjoni skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2017/1001), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6

L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti segwenti:

Is-sensiela ta’ seba’ trade marks figurattivi tar-Renju Unit, ippreżentati fl‑24 ta’ Awwissu 2006 u rreġistrati fis‑17 ta’ Ottubru 2008 bin-numru 2430834, li jkopru b’mod partikolari s-servizzi “[ta’] xandir; [ta’] xandir bir-radju; [ta’] xandir u [ta’] trażmissjoni ta’ xandiriet tar-radju”, fil-klassi 38, u s-servizzi “[ta’ o]rganizzazzjoni, [ta’] ġestjoni u [ta’] produzzjoni ta’ spettakli, ta’ avvenimenti, ta’ espożizzjonijiet u ta’ festi; [ta’ o]rganizzazzjoni ta’ avvenimenti għal skopijiet kulturali u divertiment; ta’ divertiment radjofoniku”, li jaqgħu fil-klassi 41, li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell ikkonkluda li kien sar użu ġenwin:

Image

it-trade mark verbali tar-Renju Unit KISS, ippreżentata fis‑17 ta’ Settembru 2013 u rreġistrata fit‑28 ta’ Frar 2014 bin-numru 3022390, li tkopri b’mod partikolari l-prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 9 u 41 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

Klassi 9: “Applikazzjonijiet ta’ softwer informatiċi li jistgħu jitniżżlu; applikazzjonijiet ta’ softwer informatiċi li jistgħu jitniżżlu għal apparat mobbli; applikazzjonijiet ta’ softwer informatiċi għal telefons u tablets; softwer intiż għall-użu bħala interface ta’ programmazzjoni ta’ applikazzjoni (API)”;

Klassi 41: “Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer permezz ta’ sit web; servizzi ta’ divertiment ipprovduti permezz ta’ sit web; servizzi ta’ divertiment radjofoniku pprovduti permezz ta’ sit web; kompetizzjonijiet ipprovduti permezz ta’ sit web; it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni dwar attivitajiet sportivi, kulturali u ta’ divertiment aċċessibbli permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer; it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mużika u ta’ divertiment mużikali aċċessibbli permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer; it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xandiriet radjofoniċi aċċessibbli permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer; servizzi ta’ divertiment radjofoniku aċċessibbli permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer; organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet aċċessibbli permezz ta’ applikazzjonijiet ta’ softwer”.

7

Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl‑Artikolu 8(1)(b) u fl‑Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar, l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 2017/1001).

8

Ir-rikorrenti sostniet il-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fir-Renju Unit għall-prodotti u s-servizzi kollha koperti minn dawn it-trade marks u sostniet li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ indebitu mill-imsemmi karattru u mill-imsemmija reputazzjoni u jippreġudikahom.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Jannar 2017, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u ċaħdet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għas-servizzi li ġejjin:

Klassi 35: “[S]ervizzi ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa (ukoll online) ta’ prodotti u ta’ servizzi fil-qasam tal-mużika”;

Klassi 41: “Organizzazzjoni, koordinazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ avvenimenti ta’ rikreazzjoni; riżervazzjonijiet ta’ avvenimenti; preżentazzjoni ta’ mużika, kant, films qosra, programmi radjofoniċi u televiżivi u xandiriet kulturali; riżervazzjoni u bejgħ minn qabel ta’ biljetti għal avvenimenti; kompilazzjoni, ġbir, amministrazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data relatata mal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika (ukoll permezz ta’ databases li jistgħu jiġu kkonsultati online jew permezz ta’ apps)”;

Klassi 45: “Servizzi soċjali, jiġifieri organizzazzjoni ta’ gruppi b’interessi komuni u ta’ dating permezz ta’ netwerks soċjali”.

10

L-oppożizzjoni ġiet miċħuda u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet awtorizzata għas-servizzi ta’ “[r]eklamar (ukoll online), b’mod partikolari avviżi (għal terzi); aġenziji tar-reklutaġġ tal-persunal u ta’ impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika” li jaqgħu fil-klassi 35.

11

Fl‑14 ta’ Marzu 2017, l-intervenjent ippreżenta rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12

Fit‑18 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat rikors sussidjarju, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal‑5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

13

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u bagħtilha l-każ lura “sabiex tittieħed azzjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009”.

14

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ċerti servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu differenti mis-servizzi koperti mit-trade mark verbali preċedenti u li, konsegwentement, ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni għal dawn is-servizzi. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġiet annullata sa fejn din tal-aħħar kienet qisithom simili. Is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li għalihom l-imsemmija deċiżjoni ġiet annullata kienu dawn li ġejjin:

Klassi 35: “[S]ervizzi ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa (ukoll online) ta’ prodotti u ta’ servizzi fil-qasam tal-mużika”;

Klassi 45: “Servizzi soċjali, jiġifieri organizzazzjoni ta’ gruppi b’interessi komuni u ta’ dating permezz ta’ netwerks soċjali”.

15

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-servizzi ta’“[r]eklamar (ukoll online), b’mod partikolari avviżi (għal terzi); aġenziji tar-reklutaġġ tal-persunal u ta’ impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika”, li jaqgħu fil-klassi 35, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu differenti mis-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Konsegwentement, ir-rikors sussidjarju tar-rikorrenti ġie miċħud fir-rigward tal-kwistjoni tax-xebh tas-servizzi inkwistjoni.

16

Fir-rigward tas-“servizzi ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa (ukoll online) ta’ prodotti u ta’ servizzi fil-qasam tal-mużika”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 35, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn kienu simili b’mod dgħajjef għas-servizzi tar-rikorrenti inklużi fil-klassi 41, koperti mit-trade mark verbali preċedenti.

17

Fir-rigward tas-servizzi “[ta’ o]rganizzazzjoni, [ta’] koordinazzjoni u [ta’] tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ avvenimenti ta’ rikreazzjoni; [ta’] riżervazzjonijiet ta’ avvenimenti; [ta’] preżentazzjoni ta’ mużika, kant, films qosra, programmi radjofoniċi u televiżivi u xandiriet kulturali; [ta’] riżervazzjoni u [ta’] bejgħ minn qabel ta’ biljetti ta’ avvenimenti; [ta’] kompilazzjoni, [ta’] ġbir, [ta’] amministrazzjoni u [ta’] tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data relatata mal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika (ukoll permezz ta’ databases li jistgħu jiġu kkonsultati online jew permezz ta’ apps)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li jaqgħu fil-klassi 41, il-Bord tal-Appell ikkunsidrahom identiċi jew simili ħafna għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 li huma koperti mit-trade mark verbali preċedenti.

18

Il-Bord tal-Appell ikkunsidra wkoll li s-servizzi “[ta’] kompilazzjoni, [ta’] ġbir, [ta’] amministrazzjoni u [ta’] tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data relatata mal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika (ukoll permezz ta’ databases li jistgħu jiġu kkonsultati online jew permezz ta’ apps)”, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu simili għas-servizzi, fil-klassi 41, koperti mit-trade marks figurattivi preċedenti bħala sensiela u li għalihom kien intwera l-użu ġenwin.

19

Fir-rigward tas-servizzi “[ta’ o]rganizzazzjoni, [ta’] koordinazzjoni u [ta’] tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ avvenimenti ta’ rikreazzjoni; [ta’] riżervazzjonijiet ta’ avvenimenti; [ta’] preżentazzjoni ta’ mużika, kant, films qosra, programmi radjofoniċi u televiżivi u xandiriet kulturali; [ta’] riżervazzjoni u [ta’] bejgħ minn qabel ta’ biljetti ta’ avvenimenti,” li jaqgħu fil-klassi 41 u koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li dawn kienu identiċi għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41 li kienu koperti mis-sensiela ta’ trade marks figurattivi preċedenti, li għalihom kien intwera l-użu ġenwin.

20

Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-livell ta’ xebh viżiv u fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni kien dgħajjef u li ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni anki għas-servizzi li kienu tqiesu identiċi jew simili, fil-każ ta’ assenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Konsegwentement, huwa annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet ikkonstatat li kien jeżisti tali riskju f’moħħ il-pubbliku rilevanti għas-servizzi identiċi jew simili, indipendentement mill-allegata reputazzjoni li setgħu jgawdu minnha l-imsemmija trade marks.

21

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bord tal-Appell qies li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kellha twettaq evalwazzjoni kompleta u fil-fond tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pretensjoni ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fid-dawl tal-provi kollha li kienu ġew prodotti quddiemha skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

22

Fir-rigward tas-sensiela ta’ trade marks figurattivi preċedenti, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punti 81 u 82 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-livell ta’ xebh bejn [dawn it-trade marks] u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni [kien] saħansitra iktar baxx”, u segwa raġunament analogu.

23

Barra minn hekk, skont il-Bord tal-Appell, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-pubbliku kkonċernat mis-servizzi li hija kienet iddeċidiet li ma jixxibhux fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u fl-ispeċifikazzjonijiet tat-trade marks preċedenti ma kienx jikkoinċidi. Konsegwentement, huwa annulla d-deċiżjoni tal-imsemmija diviżjoni fir-rigward tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

24

Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ippreċiża, fil-punt 114 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “[m]inħabba li l-każ [kien] intbagħat lura quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u li deċiżjoni finali ma [kinitx] għadha ngħatat, din id-deċiżjoni [tista’] tkun is-suġġett ta’ appell mad-deċiżjoni li tiddeċiedi definittivament dwar l-oppożizzjoni”.

It-talbiet tal-partijiet

25

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjent għall-ispejjeż.

26

Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

27

Fir-risposta tiegħu, l-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

28

L-intervenjent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors fuq il-mertu;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Kunsiderazzjonijiet preliminari

29

Waqt is-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2020, l-intervenjent sostna li, sa fejn l-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea MUSIKISS kienet ibbażata fuq trade marks tar-Renju Unit preċedenti, fil-każ ta’ ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim, din l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda minħabba li dawn tal-aħħar ma jkunux igawdu iktar mill-istess protezzjoni u li, konsegwentement, ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jitlef l-iskop tiegħu.

30

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar’ il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), kif ukoll dwar is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2018, Alcohol Countermeal Systems (International) vs EUIPO (C‑340/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:965), u tat-30 ta’ Jannar 2020, Grupo Textil Brownie vs EUIPO – The Guide Association (BROWNIE) (T‑598/18, EU:T:2020:22).

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl‑1 ta’ Frar 2020, il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jiddefinixxi l-modalitajiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, daħal fis-seħħ. Dan il-ftehim jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni mill‑1 ta’ Frar sal‑31 ta’ Diċembru 2020, li jista’ jiġi estiż darba, għal perijodu massimu ta’ bejn sena u sentejn (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ tranżizzjoni”).

32

L-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li, sakemm ma jkunx previst mod ieħor, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, id-dritt tal-Unjoni jkompli japplika fit-territorju tar-Renju Unit.

33

Minn dan isegwi, kif isostnu l-partijiet fir-risposti bil-miktub tagħhom għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Regolament 2017/1001 jibqa’ japplika għat-trade marks tar-Renju Unit u li, għaldaqstant, it-trade marks preċedenti, irreġistrati mir-rikorrenti f’dan l-Istat, ikomplu jibbenefikaw mill-istess protezzjoni bħal dik li kienu jibbenefikaw minnha fin-nuqqas ta’ ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni sa tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni.

34

Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li l-eżistenza ta’ raġuni relattiva għal oppożizzjoni għandha tiġi evalwata fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea li fil-konfront tagħha saret l-oppożizzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, BROWNIE, T‑598/18, EU:T:2020:22, punt 19).

35

Il-fatt li t-trade mark preċedenti tista’ titlef l-istatus ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru f’mument wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari wara l-ħruġ eventwali tal-Istat Membru kkonċernat mill-Unjoni, huwa bħala prinċipju irrilevanti għall-eżitu tal-oppożizzjoni (sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, BROWNIE, T‑598/18, EU:T:2020:22, punt 19).

36

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, fid-data ta’ din is-sentenza, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ma jaffettwax il-protezzjoni li jgawdu minnha t-trade marks preċedenti bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, dawn it-trade marks għadhom jistgħu jservu ta’ bażi għall-oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

37

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni mqajma mill-intervenjent waqt is-seduta dwar l-interess ġuridiku tar-rikorrenti wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors għalhekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). A fortiori, f’dan il-każ, fid-dawl tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, it-trade marks preċedenti tar-Renju Unit jibqgħu jibbenefikaw mill-istess protezzjoni sa tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi ħruġ ma jikkontestax l-effetti legali tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tar-rikorrenti, b’tali mod li din tal-aħħar iżżomm l-interess tagħha li titlob l-annullament tagħha.

38

Minn dan isegwi li l-kawża inkwistjoni għad għandha skop minkejja l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

39

L-EUIPO u l-intervenjent iqajmu żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq l-Artikolu 66(2) tar-Regolament 2017/1001 u fuq prinċipju ġenerali ta’ dritt amministrattiv li abbażi tiegħu huma biss id-deċiżjonijiet li jesprimu l-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell u, it-tieni, fuq l-Artikolu 72(4) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li “[i]l-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni”.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 66(2) tar-Regolament 2017/1001 u fuq prinċipju ġenerali ta’ dritt amministrattiv li abbażi tiegħu huma biss id-deċiżjonijiet li jesprimu l-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell

40

L-EUIPO jsostni li, konformement mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament 2017/1001, deċiżjoni li ma ttemmx proċedimenti fil-konfront ta’ waħda mill-partijiet tista’ tkun is-suġġett ta’ appell biss mad-deċiżjoni finali, sakemm l-imsemmija deċiżjoni ma tipprevedix appell separat.

41

L-EUIPO u l-intervenjent iqisu li d-deċiżjoni kkontestata ma temmitx il-proċedimenti fir-rigward tar-rikorrenti u li, konsegwentement, hija ma tikkostitwixxix l-espressjoni tal-pożizzjoni finali tal-EUIPO fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Skont l-EUIPO, minkejja li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament 2017/1001, bħala tali, ma jikkonċernax ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali, dan għandu jitqies bħala l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt amministrattiv tal-Unjoni li abbażi tiegħu att amministrattiv ma jistax ikun is-suġġett ta’ stħarriġ jekk ma jikkostitwixxix l-espressjoni ta’ pożizzjoni finali adottata minn korp amministrattiv tal-Unjoni.

42

L-EUIPO u l-intervenjent isostnu li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tpoġġiet f’pożizzjoni li tevalwa r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u, fuq din il-bażi, li tevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, b’tali mod li r-rikorrenti jkollha, jekk ikun il-każ, il-possibbiltà, inizjalment, li tikkontesta d-deċiżjoni l-ġdida tal-imsemmija diviżjoni quddiem il-Bord tal-Appell u, sussegwentement, li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni ta’ dan il-Bord.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif jammetti l-EUIPO, li l-Artikolu 66(2) tar-Regolament 2017/1001 ma jikkonċernax il-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda l-appelli ppreżentati quddiem il-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-ewwel istanzi ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjonijiet tal-imsemmija bordijiet huwa msemmi fl-Artikolu 72 tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO, l-ammissibbiltà tar-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 66(2) ta’ dan ir-regolament (sentenza tas‑16 ta’ April 2018, Polski Koncern Naftowy Orlen vs EUIPO (Forma ta’ pompa tal-petrol), T‑339/15 sa T‑343/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:192, punt 28).

44

Fir-rigward tal-argument tal-EUIPO u tal-intervenjent ibbażat fuq prinċipju ġenerali ta’ dritt amministrattiv tal-Unjoni li abbażi tiegħu att amministrattiv ma jistax ikun suġġett għal stħarriġ jekk ma jikkostitwixxix l-espressjoni ta’ pożizzjoni finali adottata minn korp amministrattiv tal-Unjoni, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li tali prinċipju ġenerali tad-dritt ma ġiex irrikonoxxut mill-qorti tal-Unjoni. Għalkemm huwa minnu li rikors ippreżentat kontra att preparatorju ma huwiex ammissibbli, sa fejn ma huwiex ippreżentat kontra att li jikkostitwixxi l-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni meħuda fi tmiem proċedura, il-qorti tal-Unjoni diġà aċċettat l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra atti li ma jistabbilixxux il-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni, iżda li l-portata tagħhom għad-destinatarju tagħhom kienet tiġġustifika li dawn ma jitqisux bħala sempliċi atti preparatorji. Barra minn hekk, qatt ma ġie deċiż li deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha n-natura ta’ att preparatorju, anki jekk hija tirrinvija l-kawża, wara annullament ta’ deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, għall-eżami ta’ din id-diviżjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 72 tar-Regolament 2017/1001, billi jipprovdi li “[j]istgħu jitressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell rigward l-appelli”, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn dawn id-deċiżjonijiet, skont jekk jikkostitwixxux jew le l-pożizzjoni finali tal-istanzi tal-EUIPO.

45

Fi kwalunkwe każ, skont l-Artikolu 71(2) tar-Regolament 2017/1001, jekk il-Bord tal-Appell jibgħat lura l-kawża għal proċeduri sussegwenti quddiem l-istanza li ħadet id-deċiżjoni kkontestata, din l-istanza tkun marbuta mill-motivi u mid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-imsemmi bord sa fejn il-fatti inkwistjoni jkunu l-istess (sentenza tas‑16 ta’ April 2018, Forma ta’ pompa tal-petrol, T‑339/15 sa T‑343/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:192, punt 31). Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-konklużjonijiet u l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda x-xebh tal-prodotti u tas-servizzi, ix-xebh tas-sinjali u l-probabbiltà ta’ konfużjoni fl-assenza tal-allegata reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jikkostitwixxu pożizzjoni definittiva ta’ dan il-bord fuq dawn l-aspetti tat-tilwima, li torbot lid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li issa hija responsabbli li teżamina l-kwistjoni tar-reputazzjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tkun f’pożizzjoni li tikkontesta l-konklużjonijiet definittivi ta’ dan il-bord mingħajr ma jkollha tistenna t-tkomplija tal-proċedimenti quddiem l-imsemmija diviżjoni, sabiex imbagħad tibda l-appelli quddiem l-istess bord, u, jekk ikun il-każ, sussegwentement, quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni l-ġdida. Minn dan isegwi li allegat prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni invokat mill-EUIPO li abbażi tiegħu huma biss id-deċiżjonijiet li jesprimu l-pożizzjoni finali tal-amministrazzjoni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

46

Minn dan isegwi li din l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa’.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-Artikolu 72(4) tar-Regolament 2017/1001

47

L-EUIPO u l-intervenjent isostnu li r-rikorrenti ma għandhiex interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, peress li din tippermettilha li tara l-oppożizzjoni tagħha finalment milqugħa fir-rigward tas-servizzi kollha kkonċernati, inklużi dawk li tqiesu li huma differenti, peress li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fil-każ ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, liema reputazzjoni għandha għalhekk tiġi eżaminata mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni sabiex tingħata deċiżjoni definittiva skont l-Artikolu 8(1)(b) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Huma jsostnu li, f’din il-perspettiva, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kkontestata ma laqgħetx it-talbiet tar-rikorrenti, b’tali mod li rikors separat kontra d-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 72(4) tar-Regolament 2017/1001, li jipprevedi li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa miftuħ għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell sa fejn id-deċiżjoni tiegħu ma tilqax it-talbiet tagħha.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell għandha titqies li laqgħet it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni meta dan jilqa’ t-talba ta’ din il-parti fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jew ta’ invalidità ta’ trade mark jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ parti biss mill-argumenti mressqa mill-imsemmija parti, anki jekk dan jonqos milli jeżamina jew jiċħad il-motivi jew l-argumenti l-oħra invokati minn din l-istess parti (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2015, Copernicus‑Trademarks vs UASI – Bolloré (BLUECO), T‑684/13, EU:T:2015:699, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Issa, mill-punt 110 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors sussidjarju tar-rikorrenti intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li s-servizzi ta’ “[r]eklamar (ukoll online), b’mod partikolari avviżi (għal terzi); aġenziji tar-reklutaġġ tal-persunal u ta’ impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tal-mużika jew għad-dilettanti tal-mużika”, li jaqgħu fil-klassi 35 u koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu differenti mis-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti. Sussegwentement, l-imsemmi bord, minn naħa, laqa’ r-rikors tal-intervenjent, sa fejn talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ din id-diviżjoni, u, min-naħa l-oħra, ċaħad ir-rikors sussidjarju tar-rikorrenti fir-rigward tal-kwistjoni tax-xebh tas-servizzi. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tilfet it-talbiet tagħha quddiem dan il-bord. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni tal-imsemmija diviżjoni annullata mill-istess bord kienet laqgħet parzjalment it-talbiet tar-rikorrenti sa fejn din kienet laqgħet l-oppożizzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għas-servizzi kollha li jaqgħu fil-klassijiet 41 u 45, kif ukoll għal ċerti servizzi li jaqgħu fil-klassi 35, jiġifieri s-“servizzi ta’ kummerċ bl-imnut u bl-ingrossa (ukoll online) ta’ prodotti u ta’ servizzi fil-qasam tal-mużika”.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma laqax it-talbiet tar-rikorrenti fuq diversi punti.

51

Fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti tar-rikorrenti dwar ix-xebh tas-servizzi, billi kkonkluda li ċerti servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 45, koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kienu differenti mis-servizzi koperti mit-trade marks preċedenti (ara l-punti 14 u 15 iktar ’il fuq).

52

Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, għal darba oħra kuntrarjament għal dak li sostniet quddiemu r-rikorrenti, li, għas-servizzi kollha li kienu tqiesu identiċi jew li jixxiebhu, il-livell ta’ xebh bejn is-sinjali kien dgħajjef, b’tali mod li ma setax ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fl-assenza ta’ reputazzjoni tat-trade marks preċedenti (ara l-punt 20 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tar-rikorrenti li topponi r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien jiddependi kompletament, skont id-deċiżjoni kkontestata, mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, b’tali mod li ma jistax jiġi aċċettat li d-deċiżjoni kkontestata laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti, iktar u iktar peress li l-oneru tal-prova tar-reputazzjoni li jaqa’ fuq ir-rikorrenti jista’ jirriżulta diffiċli li jiġi ssodisfatt.

53

Minn dan isegwi li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tintlaqa’.

54

Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-EUIPO u mill-intervenjent għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Bauer Radio Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

Frendo

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Settembru 2020.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.