SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Eżenzjoni mis-servizz –Aċċess għas-sistema ta’ posta elettronika u għall‑konnessjonijiet informatiċi – Proċedura prekontenzjuża – Ammissibbiltà – Ċertezza legali – Dritt għal smigħ – Preżunzjoni tal-innoċenza – Rapport finali tal‑OLAF – Obbligu ta’ motivazzjoni – Responsabbiltà – Dannu materjali – Dannu morali”
Fil-Kawża T‑573/16,
PT, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, irrappreżentat minn E. Nordh, avukat,
rikorrent,
vs
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), inizjalment irrappreżentat minn G. Nuvoli, E. Raimond, T. Gilliams u G. Faedo, sussegwentement minn G. Faedo u M. Loizou, bħala aġenti, assistiti minn M. Johansson, B. Wägenbaur, avukati, u J. Currall, barrister,
konvenut,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiża, minn naħa, għall‑annullament tad-deċiżjonijiet tal-BEI tat‑13 ta’ April, 12 ta’ Mejju, 16 ta’ Ġunju u 20 ta’ Ottubru 2015, 6 ta’ Ġunju 2016 u 7 ta’ Frar 2017 dwar l‑eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent, tad-deċiżjoni tal-BEI tat‑18 ta’ Ġunju 2015 li jimblokka l-aċċess tar-rikorrent għas-sistema ta’ posta elettronika tiegħu u għall-konnessjonijiet informatiċi tal-BEI, u tad-deċiżjonijiet tal-BEI li ma jikkomunikax lilu d-dikjarazzjonijiet tar-remunerazzjoni tiegħu u li jneħħi ismu mill‑organigramma ppubblikata fuq l-intranet tal-BEI u, min-naħa l-oħra, il‑kumpens għad-dannu li allegatament sostna r-rikorrent,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn H. Kanninen (Relatur), President tal-Awla, J. Schwarcz u C. Iliopoulos, Imħallfin,
Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[omissis]
III. Id-dritt
[omissis]
D. Fuq il-mertu
1. Fuq it-talbiet għal annullament
[omissis]
a) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali
[omissis]
2) Fuq il-fondatezza tal-ewwel parti tat-tieni motiv
233 |
Għandu jitfakkar li ċ-ċertezza legali, li l-prinċipju ta’ prevedibbiltà jagħmel parti integrali minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata), tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Andres et vs BĊE, T‑129/14 P, EU:T:2016:267, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), u jirrikjedi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi jrid ikun ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jirregolaw ruħhom konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2016, DF vs il-Kummissjoni, T‑782/14 P, EU:T:2016:29, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit jirriżulta, b’mod partikolari, meta l-att inkwistjoni jista’ jkollu konsegwenzi mhux favorevoli għal dawk ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 135). |
234 |
B’hekk, minn naħa waħda, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jirrikjedi li kull att intiż sabiex joħloq effetti legali jislet l-effett vinkolanti tiegħu minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi indikata b’mod speċifiku bħala bażi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ir-rekwiżit japplika wkoll fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 55). |
235 |
L-ommissjoni ta’ riferiment għal dispożizzjoni speċifika tista’, ċertament, ma tkunx tikkostitwixxi difett sostantiv meta l-bażi legali tal-att inkwistjoni tkun tista’ tiġi ddeterminata bis-sostenn ta’ elementi oħra ta’ dak l-att. Madankollu, riferiment espress huwa madankollu essenzjali meta, fin-nuqqas ta’ dan, il-persuni kkonċernati u l-qorti tal-Unjoni jitħallew fl-inċertezza dwar il-bażi legali preċiża ta’ dik il-miżura (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni vs McBride et, C‑361/14 P, EU:C:2016:434, punt 48). |
236 |
Min-naħa l-oħra, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jirrikjedi li l-konsegwenzi tal-att inkwistjoni jkunu prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2015, Health Food Manufacturers’ Association et vs Il-Kummissjoni, T‑296/12, EU:T:2015:375, punt 86). |
237 |
Madankollu, il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi ħafna mill-kontenut tat-test inkwistjoni, il-qasam li hija tkopri kif ukoll in-numru u l-kwalità tad-destinatarji tagħha. B’mod partikolari, dan il-kunċett ma jipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal parir ta’ kjarifika sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn dak l-att (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 219). |
238 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, bħalma qal ir-rikorrent, li l-kunċett ta’ rinunzja mis-servizz la għandu ebda bażi espressa fir-Regolamenti tal-Persunal 2009 u lanqas fi kwalunkwe test ieħor tad-dritt tal-Unjoni. Mill-annessi tal-proċess ma jirriżultax li l-użu ta’ miżuri bħall-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent huwa prattika komuni jew saħansitra prattika magħrufa fi ħdan il-BEI b’mod partikolari u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod ġenerali. Fil-laqgħat tagħha tat‑13 ta’ Marzu u l‑15 ta’ Ġunju 2015, kien hemm riferiment espress għan-natura “speċjali” tal-eżenzjoni mis-servizzm tar-rikorrent. |
239 |
Issa, la d-deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2015 u lanqas dik tat‑12 ta’ Mejju 2015 ma jsemmu l-bażi legali li fuqha l-BEI kellu l-intenzjoni li jibbaża l-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent. Ta’ natura partikolarment qosra, dawn id-deċiżjonijiet ma jsemmu ebda dispożizzjoni legali u lanqas ma fihom elementi li setgħu ppermettew lir-rikorrent jidentifika tali bażi legali. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tat‑13 ta’ April 2015, il-BEI sempliċement jirreferi għas-“sitwazzjoni fuq il-post tax-xogħol” tar-rikorrent, għall-investigazzjoni mill-Ispettorat Ġenerali u għall-interess tas-servizz u tar-rikorrent u jindika, mingħajr iktar dettall, li r-rikorrent huwa “meħlus b’mod temporanju mill-obbligi professjonali tiegħu” u li d-drittijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tiegħu jibqgħu l-istess. Id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Mejju 2015 hija saħansitra iktar konċiża, peress li tirreferi biss għall-kontinwazzjoni tal-investigazzjoni, għall-benesseri tar-rikorrent u tas-superjuri tiegħu u għal assenjazzjoni mill-ġdid possibbli tar-rikorrent. |
240 |
Issa, minkejja l-assenza ta’ riferiment għall-bażi legali għall-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent fid-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u 12 ta’ Mejju 2015, il-BEI, għal diversi xhur, naqas milli jwieġeb għat-talbiet tar-rikorrent għal kjarifika f’dan ir-rigward, u sempliċement informah, permezz tad-Direttur tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet Soċjali u s-Servizzi Amministrattivi tiegħu, li r-rinunzja mis-servizz tiegħu ma kinitx tikkostitwixxi sospensjoni skont l-Artikolu 39 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009. B’hekk ma huwiex ikkontestat li l-BEI, b’mod partikolari, naqas milli jwieġeb għal messaġġ elettroniku tat‑13 ta’ Marzu 2015 fejn ir-rikorrent talbu espressament sabiex “jirreferi għall-bażi legali tad-deċiżjoni” tal-eżenzjoni mis-servizz li l-BEI kellu l-intenzjoni li jadotta (ara l-punt 224 iktar ’il fuq). Kien biss fis‑16 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri iktar tard mill-iskadenza tad-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u 12 ta’ Mejju 2015 u fuq talba espressa tal-konsulenti tar-rikorrent, li l-BEI kien identifika s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħha u d-dmir ta’ premura li għandha bħala bażi għall-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent. |
241 |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma setax, qabel is‑16 ta’ Ġunju 2015, minkejja t-taħriġ tiegħu bħala ġurista u anki meta rrikorra għal pariri ta’ kjarifika, ineħħi d-dubji li kellu dwar il-bażi legali li fuqha kienu bbażati d-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u tat‑12 ta’ Mejju 2015. Għaldaqstant hemm lok li jiġi konkluż li l-BEI ħalla lir-rikorrent f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fit-tul dwar il-portata ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’riżultat ta’ dan, kien impossibbli għalih li jkun jaf mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jirregola ruħu konsegwentement. |
242 |
Din il-konklużjoni hija iktar u iktar meħtieġa peress li, kif jirrileva essenzjalment ir-rikorrent, l-interpretazzjoni li l-BEI jagħti tal-kunċett ta’ “eżenzjoni” (mis-servizz) u tal-espressjoni “meħlus” (mill-obbligi professjonali tiegħu) fid-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u tat‑12 ta’ Mejju 2015 titbiegħed b’mod sinjifikattiv mit-tifsira normali tagħhom. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “eżenzjoni” jirreferi, fis-sens ordinarju tiegħu, għal awtorizzazzjoni sabiex ma jsirx dak li huwa preskritt. Fir-rigward tal-espressjoni “meħlus”, hija tirreferi, fit-tifsira ordinarja tagħha, għal ħelsien minn piż, fis-sens li ma jibqax marbut li jagħmel dak li huwa preskritt. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, il-BEI uża l-kunċett ta’ “eżenzjoni” u l-espressjoni “meħlus” sabiex jiddeskrivi projbizzjoni milli jagħmel dak li kien preskritt. Kif irrikonoxxut espressament mill-BEI waqt is-seduta, ir-rikorrent “ma [setax] jaħdem” minħabba l-eżenzjoni tiegħu mis-servizz. Il-korrispondenza bejn ir-rikorrent u l-BEI tixhed din l-ambigwità. B’hekk, it-tweġiba tar-rikorrent għal messaġġ elettroniku ta’ natura professjonali fil‑15 ta’ April 2015 irriżultatlu f’“sejħa għall-ordni” tad-Direttur tad-Direttorat “Riskji Finanzjarji” tad-DĠ RM. Madankollu, dan tal-aħħar ma indikax lir-rikorrent li huwa kien ipprojbit milli jaħdem, iżda biss li huwa kien “uffiċjalment mhux fis-servizz” u li huwa ma kienx mistenni li jaħdem jew li jwieġeb għall-messaġġi elettroniċi tiegħu. |
243 |
Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-bażi legali użata, id-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u tat‑12 ta’ Mejju 2015 kienu vvizzjati minn ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni. |
244 |
Min-naħa l-oħra, id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju u tal‑20 ta’ Ottubru 2015 jidentifikaw b’ċarezza u preċiżjoni l-bażi legali li fuqha huma bbażati jew, għall-inqas, fihom indikazzjonijiet li jippermettu lir-rikorrent li jidentifikaha mingħajr xi ambigwità. |
245 |
B’hekk, id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2015 tindika, b’mod partikolari, kif ġej: “Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba tiegħek għal kjarifika tal-bażi legali għall-eżenzjoni magħmula mill-avukati tiegħek fl-ittra tat‑3 ta’ Ġunju 2015, jekk jogħġbok innota li l-BEI, bħal kull istituzzjoni oħra tal-Unjoni, għandu setgħat diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti u tal-persunal tiegħu. Dawn [is-setgħat] jinkludu s-setgħa li tinħareġ eżenzjoni mis-servizz, b’mod partikolari, konformement mal-ġurisprudenza, meta l-amministrazzjoni tiġi kkonfrontata b’inċidenti li jkunu inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz. Il-BEI huwa marbut li jintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u li jwieġeb bir-rapidità u l-premura rikjesti miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li jistabbilixxi l-fatti u b’hekk jippermetti li jinġibdu l-konsegwenzi xierqa, b’għarfien sħiħ tal-fatti. Konsegwentement, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, il-[BEI], minn naħa, ħa l-miżuri amministrattivi urġenti provviżorji li qies meħtieġa sabiex jerġa’ jġib il-kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ premura. Dawk il-miżuri ġew adottati bid-diliġenza rikjesta mill-[BEI] meta jittratta s-sitwazzjoni ta’ persuna. Min-naħa l-oħra, il-[BEI] malajr ipprova jistabbilixxi l-fatti rilevanti fir-rigward tas-sitwazzjonijiet jew akkużi rrapportati sabiex jiddeċiedi dwar miżuri supplimentari. Fid-dawl tan-natura tal-inċidenti f’dan il-każ, il-[BEI] mexa b’attenzjoni partikolari. […] Din il-konferma tal-eżenzjoni tiegħek hija prinċipalment ibbażata fuq:
|
246 |
Id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2015“tikkonferma” l-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent, tindika li l-kwistjoni tal-bażi legali użata ġiet solvuta qabel u tipprovdi l-kjarifiki li ġejjin: “L-eżenzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-amministrazzjoni [tal-BEI] u, b’mod partikolari, fil-kamp tal-prerogattivi u tal-kompetenzi tal-President [tal-BEI] li jamministra l-persunal tal-[BEI] fil-kapaċità uffiċjali tiegħu bħala Awtorità tal-Ħatra skont il-[Protokoll Nru 5 dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI] u r-regoli interni tal-BEI (Artikolu 23(3)).” |
247 |
Madankollu, is-sempliċi fatt li d-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju u tal‑20 ta’ Ottubru 2015 jidentifikaw espressament jew jippermettu faċilment lir-rikorrent jidentifika l-bażi legali użata ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Kien għadu neċessarju li, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 233, 234 u 236 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ikun jista’ jevalwa bi grad suffiċjenti ta’ preċiżjoni l-portata, b’mod partikolari temporanja, ta’ dawk id-deċiżjonijiet u b’hekk jiddetermina għal kemm żmien ser ikun eżenti mis-servizz. Dan ir-rekwiżit kien iktar u iktar rilevanti minħabba li eżenzjoni twila mis-servizz bħal dik li r-rikorrent kien suġġett għaliha ma kinitx biss ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-funzjonijiet skont l-Artikolu 39 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009 sa fejn iċċaħħdu mill-possibbiltà li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, DE vs EMA, F‑135/14, EU:F:2015:152, punti 39 u 40), iżda jista’ wkoll ikollha konsegwenzi negattivi sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni professjonali, amministrattiva u finanzjarja tiegħu. |
248 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, eżenzjoni twila mis-servizz bħal dik li r-rikorrent ġie suġġett għaliha tista’ taffettwa d-drittijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tiegħu b’mod sfavorevoli. Sa fejn huwa pprojbit milli jaħdem, membru tal-persunal tal-BEI li, bħar-rikorrent, huwa eżentat mis-servizz għal perijodu twil ma jistax jiġi evalwat b’mod utli skont l-Artikolu 22 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009 u lanqas, insegwitu, jibbenefika minn promozzjoni fuq il-mertu skont l-Artikolu 23 tal-istess regolament. |
249 |
Fit-tieni lok, eżenzjoni twila mis-servizz bħal dik li r-rikorrent kien suġġett għaliha tista’ taffettwa d-drittijiet finanzjarji tiegħu b’mod sfavorevoli. Dan ikun il-każ anki jekk, bħal f’dan il-każ, is-salarju tal-persuna kkonċernata nżamm matul it-tul kollu tal-eżenzjoni tiegħu mis-servizz. Għandu, fil-fatt, jitfakkar li r-remunerazzjoni ta’ membru tal-persunal tal-BEI bħar-rikorrent tista’ tinkludi mhux biss salarju iżda wkoll, b’mod partikolari, il-primjums annwali msemmija fl-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal 2009. Issa, sa fejn eżenzjoni twila mis-servizz bħal dik li r-rikorrent kien suġġett għaliha tostakola li l-prestazzjonijiet tiegħu jiġu evalwati fuq perijodu twil (ara l-punt 245), huwa fil-prattika mċaħħad mill-possibbiltà li jingħata tali primjums. F’każ bħal dan, peress li ma jistax iktar jibbenefika minn promozzjoni (ara l-punt 248), ikun ukoll imċaħħad minn kwalunkwe possibbiltà li jingħata ż-żieda fis-salarju li ġġib magħha kwalunkwe promozzjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009. |
250 |
Fit-tielet lok, peress li l-ebda kompitu ma ġie assenjat lil membru tal-persunal tal-BEI li, bħar-rikorrent, huwa suġġett għal eżenzjoni twila mis-servizz, huwa jista’, minkejja ż-żamma tas-salarju tiegħu, jibbaża fuq ksur tal-interessi morali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, DE vs EMA, F‑135/14, EU:F:2015:152, punt 42) u l-prinċipju tal-korrispondenza bejn il-grad u l-impieg, li skontu d-dmirijiet ta’ uffiċjal jew ta’ membri tal-persunal tal-Unjoni ma jridux ikunu sinjifikattivament iktar baxxi minn dawk li jikkorrispondu għall-grad u l-impjieg tiegħu, filwaqt li titqies in-natura tagħhom, l-importanza tagħhom u l-portata tagħhom (sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 1988, Hecq vs Il-Kummissjoni, 19/87, EU:C:1988:165, punt 7, u tat‑28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T‑78/96 u T‑170/96, EU:T:1998:112, punt 104). Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BEI, il-portata ta’ dan il-prinċipju bl-ebda mod ma hija limitata għad-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs il-Kummissjoni, F‑119/06, EU:F:2008:54, punt 45). |
251 |
Issa, għall-kuntrarju mhux biss tad-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u 12 ta’ Marzu 2015, li t-tul tagħhom kien espressament limitat għal xahar, iżda wkoll ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 39 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009, li t-tul massimu tagħha huwa ta’ tliet xhur ħlief għal proċeduri kriminali, id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju u 20 ta’ Ottubru 2015 ma fihom ebda limitazzjoni ta’ tul f’ċifri. Bla ebda dubju, dawn id-deċiżjonijiet ifakkru n-natura provviżorja tal-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent u jispeċifikaw, essenzjalment, li t-terminu tiegħu huwa suġġett għall-okkorrenza ta’ avveniment futur. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-data ta’ okkorrenza ta’ tali avveniment ma kinitx determinabbli bi grad suffiċjenti ta’ preċiżjoni fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. |
252 |
Fil-fatt, id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2015 sempliċement tissuġġetta t-terminu tal-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent għall-konklużjoni tal-“investigazzjoni formali” tal-OLAF. Il-kunċett ta’ “investigazzjoni formali” ma jinsabx fir-Regolament Nru 883/2013, u lanqas fir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91) li huwa ħassar. Madankollu, mill-minuti tal-laqgħa tal‑15 ta’ Ġunju 2015 jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu n-noti tar-rikorrent, dan il-kunċett ma jirreferix għal dak ta’ “investigazzjonijiet amministrattivi” ddefinita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 883/2013, iżda, b’mod ġeneriku, għall-proċedura quddiem l-OLAF, li tintemm bir-redazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, f’din il-laqgħa, id-Direttur tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet Industrijali u s-Servizzi Amministrattivi tal-BEI informa lir-rikorrent li kien previst li tiġi estiża l-eżenzjoni mis-servizz tiegħu sakemm ikun disponibbli r-rapport tal-OLAF. |
253 |
Bl-istess mod, id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2015 hija limitata sabiex tissuġġetta t-terminu tal-eżenzjoni mis-servizz tar-rikorrent għall-finalizzazzjoni tax-“xogħlijiet” tal-OLAF. Il-kunċett ta’ xogħlijiet la jintuża b’dan il-mod fir-Regolament Nru 883/2013 u lanqas fir-Regolament Nru 1073/1999 li huwa ħassar. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 252 iktar ‘il fuq, ir-rikorrent seta’ jifhem li, bħall-kunċett ta’ investigazzjoni formali, il-kunċett ta’ xogħlijiet irrefera, b’mod ġeneriku, għall-proċedura quddiem l-OLAF, li tintemm bir-redazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni. |
254 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 883/2013 ma jissuġġettax ir-redazzjoni ta’ rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF għal kwalunkwe limiti ta’ żmien fiss. Dan ir-regolament jindika biss, mingħajr iktar dettall, li rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF huwa redatt “fi tmiem” jew “wara” l-investigazzjonijiet amministrattivi kif iddefiniti fl-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament u li t-tul tagħhom lanqas ma huwa suġġett għal limitu ta’ żmien fiss. Fil-fatt, l-Artikolu 7(8) tal-imsemmi regolament jipprevedi li, jekk tali investigazzjonijiet ma jkunux jistgħu jingħalqu fi żmien tnax-il xahar wara li jkunu nfetħu, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għandu jippreżenta, malli jiskadi dak it-terminu ta’ tnax-il xahar u insegwitu kull sitt xhur, rapport lill-Kumitat ta’ Sorveljanza tal-OLAF, u jindika r-raġunijiet li għalihom dan ma kienx possibbli kif ukoll il-miżuri ta’ rimedju previsti sabiex titħaffef l-investigazzjoni. |
255 |
Id-dikjarazzjonijiet tad-Direttur tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet Industrijali u s-Servizzi Amministrattivi tal-BEI fil-laqgħa tal‑15 ta’ Ġunju 2015, li kellu l-intenzjoni li jisma’ lir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2015, jikkonfermaw id-diffikultà li tkun prevista bl-inqas preċiżjoni jew ċertezza l-okkorrenza ta’ terminu marbut mat-tmiem tal-proċedura quddiem l-OLAF. Fil-fatt, f’dik il-laqgħa, id-Direttur tad-Direttorat għar-Relazzjonijiet Soċjali u s-Servizzi Amministrattivi tal-BEI informa lir-rikorrent li kien maħsub li tiġi estiża l-eżenzjoni mis-servizz tiegħu sakemm ir-rapport tal-OLAF ikun disponibbli u li “kien ittamat li dan ikun il-każ qabel il-vaganzi tas-sajf, iżda [li] l-ebda garanzija ma setgħet tingħata lilu f’dan ir-rigward, peress li l-B[EI] ma kellu l-ebda kontroll fuq il-proċedura tal-OLAF”. |
256 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent ma setax jiddetermina, bi preċiżjoni suffiċjenti, il-portata temporali tad-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju u tal‑20 ta’ Ottubru 2015. Għalhekk kien impossibbli għalih li jkun jaf mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jirregola ruħu konsegwentement. |
257 |
Konsegwentement, id-deċiżjonijiet tas‑16 ta’ Ġunju u 20 ta’ Ottubru 2015 huma, bħad-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April u tat‑12 ta’ Mejju 2015, ivvizzjati bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
258 |
L-argument tal-BEI li skontu eżenzjoni mis-servizz biss kienet possibbli sabiex jintemm il-kunflitt bejn ir-rikorrent u s-superjuri tiegħu, minħabba li ma kienx ikun possibbli la li jerġa’ jiġi assenjat mill-ġdid lil dipartiment ieħor u lanqas li jkun ikkollokat lil korp ieħor, ma huwiex tali li din il-konklużjoni tiġi kkontestata. Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdi minnha l-BEI fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tiegħu abbażi tal-kompiti fdati lilu u fl-assenjazzjoni għal dan il-għan tal-persunal għad-dispożizzjoni tiegħu ma hijiex, fil-fatt, illimitata. Għall-kuntrarju, din is-setgħa għandha tiġi eżerċitata fl-interess tas-servizz u fl-osservanza tal-prinċipju tal-korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2015, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑88/13 P, EU:T:2015:393, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tad-dmir ta’ premura, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs PVO, T‑592/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:897, punti 26 u 27; tat‑2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il-Kummissjoni, F‑23/05, EU:F:2007:75, punt 141; u tad‑9 ta’ Ottubru 2007, Bellantone vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑85/06, EU:F:2007:171, punt 61). L-imsemmija setgħa għaldaqstant ma kinitx tali li tippermetti lill-amministrazzjoni li tinjora r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew ukoll il-prinċipju ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg sabiex tneħħi lir-rikorrent mill-attività professjonali tiegħu għal perijodu twil, li t-tul tiegħu ma kienx determinabbli bi preċiżjoni, u bil-konsegwenzi negattivi sinjifikattivi deskritti fil-punti 247 sa 250 iktar ’il fuq. |
259 |
Jekk il-BEI qies li l-aġir tar-rikorrent kien simili għal raġuni serja li tista’ twassal għat-tkeċċija tiegħu mingħajr avviż minn qabel, kellu jistitwixxi proċeduri dixxiplinari kontrih u jissospendih skont l-Artikolu 39 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009. Jekk, min-naħa l-oħra, il-BEI qies li, kif sostna waqt is-seduta, l-aġir tar-rikorrent ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li ma setgħetx teżisti iktar kollaborazzjoni minnu miegħu, huwa kellu, suġġett għall-osservanza tar-regoli applikabbli, ixolji l-kuntratt tiegħu skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal 2009. |
260 |
Għalhekk hemm lok li tiġi aċċettata l-ewwel parti tal-ewwel motiv u, insegwitu, li jiġu annullati d-deċiżjonijiet tat‑13 ta’ April, 12 ta’ Mejju, 16 ta’ Ġunju u 20 ta’ Ottubru 2015. [omissis] |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Kanninen Schwarcz Iliopoulos Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Lulju 2019. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.
( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom utli.