Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rikors għal annullament – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-imballaġġi tal-metall – Deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑410/18,

Silgan Closures GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja),

Silgan Holdings, Inc., stabbilita fi Stamford, Connecticut (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn H. Wollmann, D. Seeliger, R. Grafunder u V. Weiss, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, B. Ernst, G. Meessen, C. Vollrath u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2018) 2466 finali, tad-19 ta’ April 2018, li permezz tagħha l-Kummissjoni bdiet proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE fil-kawża AT.40522 – Pandora,

IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, I. Labucka u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Silgan Closures GmbH u Silgan Holdings, Inc., huma kumpanniji attivi, b’mod partikolari, fis-settur tal-imballaġġi tal-metall fil-forma ta’ kontenituri tal-metall u ta’ tagħmir ta’ għeluq. Fl-2015, il-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji, il-Ġermanja) fetaħ investigazzjoni fil-konfront ta’ diversi kumpanniji tas-settur, fosthom kumpanniji tal-grupp li jappartjenu għalih ir-rikorrenti. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-kumpanniji kkonċernati li jappartjenu għall-istess grupp bħar-rikorrenti ressqu talba għal klemenza u kkollaboraw ma’ l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji billi pprovdew informazzjoni.

2        Inżammet laqgħa intiża biex tħejji tranżazzjoni bejn l-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u r-rappreżentanti ta’ dawn il-kumpanniji fit-8 ta’ Settembru 2016.

3        B’deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU 2004, L 123, p. 18), li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ diversi kumpanniji attivi fis-settur tal-imballaġġi tal-metal, fosthom l-appellanti (Każ AT.40522 – Pandora) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

5        Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni eċċepiet l-inammissibbiltà tar-rikors.

6        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-18 u fis-26 ta’ Settembru 2018, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

7        Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

8        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

9        Fil-kuntest tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax l-interessi tar-rikorrenti billi tibdel b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħhom, b’mod li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

10      Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, iqisu li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ jagħtu lid-deċiżjoni kkontestata n-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. F’dan il-kuntest, dawn isostnu li l-Artikoli 104 u 105 TFUE jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE biss skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kellha bħala konsegwenza l-għeluq tal-każ mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji u, għaldaqstant, l-eliminazzjoni tal-possibbiltà għar-rikorrenti li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, din l-istess deċiżjoni wasslet għall-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tal-prosekuzzjonijiet fil-Ġermanja, iżda wkoll għall-impossibbiltà li l-investigazzjoni tingħalaq f’terminu raġonevoli. Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li issa huma obbligati li jiddefinixxu l-istrateġija tagħhom fid-dawl tal-investigazzjoni miftuħa mill-Kummissjoni, liema ħaġa tikkostitwixxi impatt fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

11      Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-konvenut jitlobha, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà jew in-nuqqas ta’ kompetenza mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni talbet deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali, li tqis li hija informata biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess, għandha tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

12      Skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament jinfetaħ kontra l-atti, minbarra r-rakkomandazzjonijiet jew l-opinjonijiet, maħsuba biex joħolqu effetti legali fir-rigward tat-terzi.

13      Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jistax ikun is-suġġett ta’ tali rikors, għandha tingħata importanza lill-kontenut stess ta’ dan l-att, peress li l-forma li biha dan ikun ġie adottat hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament biss il-miżuri li huma intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punti 35 u 36).

14      Għaldaqstant, bħala prinċipju, ir-rikors għal annullament jintuża biss fil-konfront ta’ miżura li permezz tagħha l-istituzzjoni kkonċernata tistabbilixxi definittivament, fi tmiem proċedura amministrattiva, il-pożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati l-atti intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenza tad-19 ta’ Jannar 2017, Il‑Kummissjoni vs Total u Elf Aquitaine, C‑351/15 P, EU:C:2017:27, punt 37).

15      F’dan il-kuntest, għalkemm miżuri ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux fihom infushom ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjawhom jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li jikkostitwixxi l-istadju ta’ żvilupp tagħhom, liema ħaġa tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kompleta (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12).

16      Issa, l-effetti u n-natura ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, adottata skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-funzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura li twassal għal deċiżjoni għall-applikazzjoni tal-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 13).

17      Din il-proċedura ġiet żviluppata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati li jesprimu l-fehmiet tagħhom u sabiex jagħtu kjarifika bl-iktar mod komplet possibbli lill-Kummissjoni qabel ma din tieħu deċiżjoni li taffettwa l-interessi tagħhom. Għaldaqstant, din għandha l-għan li toħloq, favur dawn, garanziji proċedurali, u, kif jirriżulta mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004, li tistabbilixxi d-dritt tagħhom li jinstemgħu mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 14).

18      Issa, rikors għal annullament dirett kontra l-bidu ta’ proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jobbliga lill-qorti tal-Unjoni Ewropea tagħmel evalwazzjoni fuq kwistjonijiet li dwarhom il-Kummissjoni għad ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi, u għalhekk għandu bħala konsegwenza antiċipazzjoni tad-dibattitu fil-mertu u konfużjoni tad-diversi fażijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. B’hekk, dan ikun inkompatibbli mas-sistemi ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni u r-rimedji, previsti mit-Trattat, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-iżvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 20).

19      Isegwi li att bħad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu il-Kummissjoni tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, jipproduċi biss l-effetti proprji ta’ att proċedurali u ma jaffettwawx, lil hinn mis-sitwazzjoni proċedurali tagħhom, is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 17).

20      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-konsegwenza prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, li tgħid li l-ftuħ tal-proċedura prevista mid-deċiżjoni kkontestata twaqqaf il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tal-fatti li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura, din tikkonsisti fil-protezzjoni tar-rikorrenti minn proċeduri paralleli min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet. B’hekk, din il-konsegwenza ma tippreġudikax l-interessi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 18).

21      Din il-konklużjoni tapplika mhux biss meta l-ebda awtorità nazzjonali ma tkun bdiet proċedura fir-rigward, iżda wkoll, a fortiori, meta tali awtorità tkun bdiet tali proċedura u titwaqqaf mill-kompetenza fiha skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, għalkemm deċiżjoni biex tinbeda proċedura taħt l-Artikolu 101 TFUE ma taffettwax is-sitwazzjoni legali tal-impriża kkonċernata jekk, sa dak iż-żmien, din ma kienet is-suġġett ta’ ebda proċedura oħra, dan huwa iktar u iktar il-każ meta l-impriża inkwistjoni tkun diġà involuta fil-kuntest ta’ investigazzjoni miftuħa minn awtorità nazzjonali.

22      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jinvokaw l-Artikoli 104 u 105 TFUE, li jistipulaw għadd ta’ interazzjonijiet bejn il-kompetenza tal-Kummissjoni u dik tal-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw biss każijiet potenzjali mhux koperti minn regolament li japplika l-Artikolu 101 TFUE, adottat abbażi tal-Artikolu 103 TFUE, bħar-Regolament Nru 1/2003. Kif jirriżulta mill-premessa 17 ta’ dan l-aħħar regolament, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 11(6) tiegħu (ara l-punti 20 u 21 iktar ’il fuq), hija intiża sabiex tiżgura l-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kif ukoll biex tiżgura tmexxija ottimali tan-netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi, iffurmata mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikorrenti kienu ħadu l-passi meħtieġa sabiex jibbenefikaw, eventwalment, mill-programm ta’ klemenza implimentat mill-Uffiċċju Federali tal-Akkordji huwa irrilevanti.

24      Fil-fatt, minn naħa, xejn ma jipprekludi lir-rikorrenti milli jitolbu li jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17). Min-naħa l-oħra, il-koeżistenza u l-awtonomija li jikkaratterizzaw b’dan il-mod ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-programm ta’ klemenza tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri huma l-espressjoni tas-sistema ta’ kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, fil-każ ta’ akkordju li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jseħħu f’diversi Stati Membri u, konsegwentement, jistgħu jwasslu għal intervent minn diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll mill-Kummissjoni, l-impriża li tkun tixtieq tibbenefika mis-sistema ta’ klemenza minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kkonċernat għandha interess li tressaq talbiet għall-immunità, mhux biss lill-awtoritajiet nazzjonali eventwalment kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE, iżda wkoll lill-Kummissjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy), C‑428/14, EU:C:2016:27, punti 58 u 59].

25      B’hekk, f’tali każ, tkun l-impriża kkonċernata li tixtieq tibbenefika minn tali programm li għandha tieħu l-passi neċessarji sabiex l-eventwali eżerċizzju min-naħa tal-Kummissjoni tal-kompetenza tagħha skont ir-Regolament Nru 1/2003 jkollu impatt minimu, jew saħansitra ebda impatt, fuq il-benefiċċji li din tal-aħħar tista’ tippretendi abbażi tal-klemenza.

26      Barra minn hekk, l-interruzzjoni tal-preskrizzjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma teċċedix l-effetti proprji ta’ att proċedurali li jaffettwa biss is-sitwazzjoni proċedurali u mhux is-sitwazzjoni legali tal-impriża kkonċernata mill-investigazzjoni (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 17). Din l-evalwazzjoni dwar in-natura purament proċedurali ta’ dawn l-effetti hija valida mhux biss fir-rigward tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, iżda wkoll fir-rigward tal-interruzzjoni tal-preskrizzjoni tas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali li jimponu sanzjonijiet previsti, jekk ikun il-każ, mid-dritt nazzjonali.

27      B’mod korrelattiv, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegat ksur tal-obbligu li l-kawża preżenti tingħalaq f’terminu raġonevoli huma wkoll destinati li jfallu. Fil-fatt, jekk, fi tmiem il-proċedura mibdija mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti jqisu li din l-istituzzjoni kisret l-obbligi tagħha mill-perspettiva tat-tul tal-proċedura, huma jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom billi jippreżentaw ir-rikors li jidhrilhom xieraq għal dan il-għan. Barra minn hekk, il-fatt li investigazzjoni eventwali min-naħa tal-Uffiċċju Federali tal-Akkordji tista’ titkompla biss wara t-tmiem tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni huwa biss konsegwenza inevitabbli, ta’ natura purament proċedurali, li tirriżulta mit-twaqqif tal-kompetenza ta’ din l-awtorità nazzjonali skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, dan ma jistax jinfluwenza l-konklużjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att preparatorju li ma jipproduċix effetti ġuridiċi fir-rigward tar-rikorrenti.

28      B’mod simili, il-fatt li r-rikorrenti issa għandhom jiddefinixxu l-istrateġija li ser jadottaw fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni huwa wkoll konsegwenza purament proċedurali li tirriżulta mill-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni, b’tali mod li ma jistax jibdel id-deċiżjoni kkontestata f’att li jaffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u għalhekk f’att li jista’ jiġi kkontestat.

29      Il-fatt li, f’dan il-każ, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata saret qabel in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti huwa wkoll irrilevanti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni tista’ f’kull mument tiddeċiedi li tibda l-proċeduri bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003, iżda mhux iktar tard mid-data li fiha hija toħroġ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Konsegwentement, il-fatt li adottat id-deċiżjoni kkontestata qabel kull notifika ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti ma jbiddel xejn min-natura tad-deċiżjoni kkontestata bħala att preparatorju li ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali ta’ dawn tal-aħħar.

30      Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att preparatorju li ma jipproduċix effetti legali fil-konfront tar-rikorrenti, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tintlaqa’ u li, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

31      Konformement mal-Artikolu 144(3) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-konvenut iressaq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew ta’ nuqqas ta’ kompetenza skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar it-talba għal intervent ma għandhiex tittieħed qabel ma din l-eċċezzjoni tiġi miċħuda jew titħalla għad-deċiżjoni fil-mertu. F’dan il-każ, peress li r-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli fl-intier tiegħu, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kunsill.

 Fuq l-ispejjeż

32      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

33      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk, bħal f’dan il-każ, l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. Peress li t-talbiet għal intervent ma ġewx innotifikati lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni u, għaldaqstant, dawn ma tpoġġewx f’sitwazzjoni li jbatu l-ispejjeż, għandu jitqies li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom f’dan ir-rigward.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il‑Ħames Awla),

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Silgan Closures GmbH, u Silgan Holdings, Inc., għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom stess, l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess relatati mat-talbiet għal intervent.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Marzu 2019.

Reġistratur

 

Il‑President

E. Coulon

 

D. Gratsias


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.