SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Ftehimiet konklużi mill-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Pau-Béarn, ma’ Ryanair u s-sussidjarja tagħha Airport Marketing Services – Servizzi tal-ajruport – Servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-iskupru tagħha – Kunċett ta’ għajununa mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat – Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija – Benefiċċju – Kriterju ta’ investitur privat – Irkupru – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt ta’ aċċess għall-fajl – Dritt għal smigħ”

Fil-Kawża T‑165/15,

Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd, stabbilita f’Dublin (l-Irlanda),

Airport Marketing Services Ltd, stabbilita f’Dublin,

irrappreżentati minn G. Berrisch, E. Vahida, I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati, u B. Byrne, solicitor,

rikorrenti,

kontra

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1227 tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-istat SA.22614 (C 53/07) implimentata minn Franza favur il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Pau-Béarn, Ryanair, Airport Marketing Services u Transavia (ĠU 2015, L 201, p. 109).

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża),

Komposta minn G. Berardis, President, S. Papasavvas, D. Spielmann (Relatur), Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-miżuri inkwistjoni

1

Ir-rikorrenti, Ryanair DAC, li kienet Ryanair Ltd u Airport Marketing Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”), huma, l-ewwel waħda, kumpannija tal-ajru stabbilita fl-Irlanda li topera iktar minn 1600 titjira kuljum li tgħaqqad 189 destinazzjoni fi 30 pajjiż madwar l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, u, it-tieni waħda, sussidjarja ta’ Ryanair li tipprovdi soluzzjonijiet fil-qasam ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni, li l-parti l-kbira tal-attività tagħha hija li tbigħ spazji ta’ reklamar fuq is-sit internet ta’ Ryanair.

2

L-ajruport ta’ Pau-Pyrénées (iktar ’il quddiem “l-ajruport ta’ Pau”) jinsab fid-dipartiment ta’ Pyrénées-Atlantiques fi Franza. Huwa jiġi operat mix-chambre de commerce et d’industrie (CCI) Pau Béarn (il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija (CCI) Pau Béarn, Franza, iktar ’il quddiem “iċ-CCIPB”). Fl‑1 ta’ Jannar 2007, il-proprjet tal-ajruport ta’ Pau ġiet ittrasferita mir-Repubblika Franċiża lil grupp ta’ awtoritajiet lokali, is-syndicat mixte de l’aéroport Pau Pyrénées (l-Assoċjazzjoni Konġunta tal-Ajruport Pau Pyrénées) (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni Konġunta”), li huma membri tal-Kunsill Reġjonali ta’ Nouvelle-Aquitaine, il-Kunsill Ġenerali tal-Pyrénées-Atlantiques, il-Komunità ta’ Agglomerazzjoni ta’ Pau Béarn Pyrénées u iktar minn għaxar komunitajiet ta’ komuni. Issa li saret proprjetarja tal-ajruport ta’ Pau, l-Assoċjazzjoni Konġunta ħadet post l-Istat bħala l-awtorità konċedenti u ħadet lura l-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż maċ-CCIPB, li għaldaqstant baqgħet l-operatur tal-ajruport wara t-trasferiment tal-proprjetà lill-Assoċjazzjoni Konġunta.

3

L-attività ta’ Ryanair fl-ajruport ta’ Pau bdiet f’April 2003. Matul il-perijodu eżaminat, mill-2003 sal-2011, Ryanair ipprovdiet diversi rotot tal-ajru, b’mod partikolari lejn Londra (ir-Renju Unit), Charleroi (il-Belġju), Bristol (ir-Renju Unit) u Beauvais (Franza).

4

B’hekk, fit‑28 ta’ Jannar 2003, iċ-CCIPB ikkonkludiet kuntratt ma’ Ryanair (iktar ’il quddiem il-ftehim tal-2003”), li kien il-bażi għat-tnedija minn din tal-aħħar ta’ linja tal-ajru ta’ kuljum bejn Pau (Franza) u l-ajruport ta’ Londra Stansted, permezz tal-ħlas miċ-CCIPB ta’ ammont ta’ darba ta’ EUR 80000. Iċ-CCIPB intrabtet, barra minn hekk, li tħallas somma kull xahar għal kull passiġġier li jitlaq, limitat għal ammont annwali ta’ EUR 400000 fis-sena, minħabba l-promozzjoni li gawda minnha l-ajruport ta’ Pau permezz tar-rabtiet pprovduti fuq is-sit internet ta’ Ryanair u ċerti mezzi oħra ta’ reklamar. Barra minn hekk, iċ-CCIPB kienet tipprovdi, għal ħlas ta’ tariffi tal-ajruport, servizzi ta’ groundhandling u servizzi assoċjati applikabbli għat-titjiriet ipprovduti minn Ryanair.

5

Peress li ll-Ftehim tal-2003 ġiet annullat mit-Tribunal Administratif de Pau (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pau, Franza), ġie ssostitwit minn żewġ kuntratti konklużi, fit‑30 ta’ Ġunju 2005 miċ-CCIPB, wieħed ma’ Ryanair, l-ieħor ma’ AMS (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet tal-2005”). Dawn il-kuntratti kienu għal tul inizjali ta’ ħames snin.

6

Skont l-ewwel wieħed minn dawn il-kuntratti, imsejjaħ “kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport” (iktar ’il quddiem il-“KSA tal-2005”), Ryanair impenjat ruħha li tipprovdi programm ta’ titjir inizjali fuq linja waħda tal-ajru, Pau-Londra Stansted, fuq bażi ta’ kuljum. Ryanair kellha tagħmel dak kollu possibbli [kunfidenzjali] ( 2 ). Fir-rigward taċ-CCIPB, hija rċeviet, għall-aċċess għall-infrastrattura tal-ajruport, it-tariffi tal-ajru rregolati rregolati applikabbli fl-ajruport (b’mod partikolari t-tariffa tal-passiġġieri u t-tariffa għall-inżul) u, għas-servizzi ta’ groundhandling, tariffa tal-ajru mhux irregolata (jiġifieri t-tariffa ta’ groundhandling).

7

Permezz tat-tieni kuntratt li jikkostitwixxi l-ftehimiet tal-2005, imsejjaħ “kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni” (iktar ’il quddiem il-“KSK tal-2005”), AMS impenjat ruħha li tipprovdi servizzi ta’ reklamar fuq is-sit internet ta’ Ryanair, b’mod partikolari fuq il-paġna tad-destinazzjoni ta’ Pau, għal korrispettiv ta’ ħlas annwali miċ-CCIPB ta’ EUR 437000.

8

Sussegwentement, il-partijiet estendew, permezz ta’ klawżoli addizzjonali, il-modalitajiet tal-KSA 2005 għal-linji supplimentari li Ryanair fetħet fl-ajruport ta’ Pau. Dawn waslu wkoll għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni supplimentari kif ukoll ta’ klawżoli supplimentari.

9

B’hekk, qabel kollox, klażola supplimentari għall-KSA 2005, konkluż fil‑25 ta’ Settembru 2007 bejn iċ-CCIPB u Ryanair, kienet estendiet għal perijodu ta’ ħames snin il-kundizzjonijiet previsti għall-imsemmi KSA għal-linja tal-ajru Pau-Charleroi, li kellha titħaddem fuq bażi ta’ tliet titjiriet fil-ġimgħa. Fl-istess jum, iċ-CCIPB u Ryanair ikkonkludew kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, għal perijodu inizjali ta’ ħames snin, li bih AMS intrabtet li tipprovdi ħolqa lejn is-sit internet indikat miċ-CCIPB fuq il-paġna ewlenija Belġjana u Olandiża tas-sit internet ta’ Ryanair, bil-korrispettiv għal ħlas annwali miċ-CCIPB ta’ [kunfidenzjali].

10

Sussegwentement, fis‑17 ta’ Marzu 2008, iċ-CCIPB u Ryanair ikkonkludew klawżola supplimantari għall-KSA tal-2005, billi estendiet il-kundizzjonijiet previsti għall-imsemmi KSA għal tul ta’ sens lil-linja tal-ajru Pau-Bristol, li kellha titħaddem fuq bażi ta’ tliet titjiriet fil-ġimgħa. Fil‑31 ta’ Marzu 2008, iċ-CCIPB u l-AMS ikkonkludew kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, għal perijodu ta’ bejn is‑16 ta’ Mejju u t‑13 ta’ Settembru 2008, li bih AMS intrabtet li tipprovdi ħolqa lejn is-sit indikat miċ-CCIPB fuq il-paġna ewlenija Ingliża tas-sit internet ta’ Ryanair matul tmient ijiem, għal korrispettiv ta’ ħlas annwali miċ-CCIPB ta’ [kunfidenzjali].

11

Barra minn hekk, fis‑16 ta’ Ġunju 2009, klawżola supplimentari għall-KSA 2005 ġiet konkluża bejn iċ-CCIPB u Ryanair, li testendi l-kundizzjonijiet tal-imsemmi KSA għar-rotta Pau-Bristol għall-istaġun tas-sajf tal-2009. Fl-istess jum, iċ-CCIPB u AMS ikkonkludew kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar din ir-rotta, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ April u l‑24 ta’ Ottubru 2009, li bih AMS impenjat ruħha li tipprevedi ħolqa lejn is-sit indikat miċ-CCIPB fuq il-paġna ewlenija Ingliża tas-sit internet ta’ Ryanair għal disat ijiem, bħala korrispettiv tal-ħlas miċ-CCIPB ta’ ammont ta’ [kunfidenzjali].

12

Fis‑16 ta’ Ġunju 2009, żewġ klawżoli supplimentari oħra għall-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li ġew konklużi qabel ġew konklużi bejn iċ-CCIPB u AMS. Minn naħa, il-klawżola addizzjonali għall-KSK tal-2005 dwar ir-rotta Pau-Londra Stansted tillimita l-ħlas annwali miċ-CCIPB għal [kunfidenzjali] fl-2009, meta jitqies tnaqqis tal-għadd ta’ titjiriet ippjanati minn Ryanair. Min-naħa l-oħra, il-klawżola supplimentari għall-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal‑25 ta’ Settembru 2007 dwar ir-rotta Pau-Charleroi wasslet l-ammont tal-ħlas annwali taċ-CCIPB għal [kunfidenzjali] mill‑1 ta’ Jannar 2009 mingħajr ebda emenda tas-servizzi.

13

Fl-aħħar nett, fit‑28 ta’ Jannar 2010, kuntratt ġdid ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ġie ffirmat bejn iċ-CCIPB u AMS, li jibda mid-data tal-firma tiegħu u li jintemm sena wara d-data tat-tnedija tal-linji tal-ajru. L-attivitajiet ta’ promozzjoni li AMS impenjat ruħha għalihom kienu marbuta mar-rotta Pau-Londra Stansted mit‑30 ta’ Marzu 2010 minħabba tliet tjiriet fil-ġimgħa b’minimu ta’ 220 titjira, għar-rotta Pau-Charleroi mill-istess data bi tliet titjiriet fil-ġimgħa b’minimu ta’ 100 titjira, u għar-rotta Pau-Beauvais minn April 2010 minħabba tliet titjiriet fil-ġimgħa b’minimu ta’ 100 titjira. Bħala korrispettiv tal-ħolqa lejn is-sit indikat miċ-CCIPB fuq il-paġna ewlenija Ingliża, Belġjana, Olandiża u Franċiża tas-sit internet ta’ Ryanair matul perijodi ta’ 25 jew 45 jum, iċ-CCIPB ħallset is-somma ta’ [kunfidenzjali].

14

Peress li qieset li l-erba’ rotot ikkonċernati ma kinux baqgħu vijabbli, Ryanair temmet l-attivitajiet tagħha fl-ajruport ta’ Pau fi Frar 2011.

[omissis]

C. Id-deċiżjoni kkontestata

25

Fi tmiem tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1227 tat‑23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-istat SA.22614 (C 53/07) implimentata minn Franza favur iċ-CCIPB, Ryanair, AMS u Transavia (ĠU 2015, L 201, p. 109, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

26

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li huma s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u tad-deċiżjoni ta’ estensjoni. Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu, minn naħa, f’kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija lill-ajruport ta’ Pau dwar is-sussidji għat-tagħmir kif ukoll għall-ispejjeż marbuta ma’ missjonijiet sovrani (premessi 88 sa 107 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, fil-ftehimiet li ċ-CCIPB kienet ikkonkludiet mar-rikorrenti u ma’ AMS, b’mod partikolari l-ftehim tal-2003, il-ftehimiet tal-2005 kif ukoll id-diversi klawżoli supplimentari u kuntratti konklużi wara l-2005, kif deskritti hawn fuq (premessi 38 sa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

27

Il-Kummissjoni qieset li s-sussidji għat-tagħmir tal-2004 u l-2009 favur l-ajruport ta’ Pau kienu jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li, madankollu, kienet kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Barra minn hekk, hija qieset li l-finanzjament marbut mal-missjonijiet sovrani ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (premessi 581 u 582 tad-deċiżjoni kkontestata).

28

Fir-rigward ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ servizzi fl-ajruport u l-klawżoli supplimentari tagħhom konklużi miċ-CCIPB mar-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li huma kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

29

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li d-diversi kuntratti konklużi miċ-CCIPB kienu imputabbli lir-Repubblika Franċiża (premessi 265 u 281 tad-deċiżjoni kkontestata). Sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni eżaminat jekk operatur ipotetiku f’ekonomija tas-suq ipotetiku li jaġixxi minflok iċ-CCIPB u jkun iggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà kienx jikkonkludi kuntratti simili.

30

Inizjalment, il-Kummissjoni qieset, inizjalment, li kien hemm lok, l-ewwel nett, li tanalizza flimkien il-kuntratti ta’ servizz ta’ kummerċjalizzazzjoni u tas-servizzi tal-ajruport bħala miżura waħda (premessi 286 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata), it-tieni nett, li jiġi kkunsidrat li ċ-CCIPB kienet aġixxiet bħala operatur tal-ajruport ta’ Pau, u mhux bħala entità pubblika responsabbli għal missjoni ta’ interess ġenerali (premessi 314 sa 331 tad id-deċiżjoni kkontestata), it-tielet nett, li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effett pożittiv eventwali tas-servizzi ta’ marketing fuq in-numru ta’ passiġġieri fuq ir-rotot koperti mill-kuntratti inkwistjoni għat-tul tal-operat ta’ dawn ir-rotot, esklużi benefiċċji oħra meqjusa inċerti wisq (premessi 332 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-raba’ nett, li twarrab, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operat f’ekonomija tas-suq, il-metodu li jikkonsisti fit-twettiq ta’ paragun mal-“prezz tas-suq” (iktar ’il quddiem l-”analiżi komparattiva”) u li ssir analiżi analiżi ex ante ta’ profittabbiltà inkrementali (iktar ’il quddiem l-“analiżi ta’ profittabbiltà inkrementali”) (premessi 359 sa 372 tad-deċiżjoni kkontestata), u l-ħames nett, li tevalwa flimkien l-aġir taċ-CCIPB kollu kemm hu u dak tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau (premessi 373 sa 376 tad-deċiżjoni kkontestata).

31

Insegwitu, il-Kummissjoni għamlet, għal kull kombinazzjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport, l-analiżi tagħha tal-profittabbiltà inkrementali, li fi tmiemha hija kkonstatat li, għall-kuntratti kollha, u għall-klawżola supplimentari tas‑16 ta’ Ġunju 2009 lill-KSK tal-2005 għar-rotta tal-ajru Pau-Londra Stansted, il-flussi inkrementali annwali (dħul bl-ispejjeż imnaqqsa) kienu negattivi. Minn dan hija ddeduċiet li l-kuntratti u l-imsemmija klawżola supplimentari taw vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti (premessi 354 sa 432 tad-deċiżjoni kkontestata).

32

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lir-rikorrenti jikkostitwixxu għajnuna għat-tħaddim li kienet inkompatibbli mas-suq intern (premessi 446 sa 481 tad-deċiżjoni kkontestata).

33

Iktar sussegwentement, il-Kummissjoni ddeterminat għal kull tranżazzjoni, ikkostitwita jekk ikun il-każ minn kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport u kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-ammont ta’ għajnuna li jista’ jiġi rkuprat mill-parti negattiva, għal kull sena li matulha l-kuntratti li jikkostitwixxu t-tranżazzjoni kienu ġew applikati, tal-fluss inkrementali prevedibbli fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni. Il-Kummissjoni stmat dan għal ammont indikattiv ta’ EUR 1500000 sa EUR 2199999 f’kapital.

[omissis]

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

35

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fis‑7 ta’ April 2015, ir-rikorrenti ppreżetnaw dan ir-rikors.

36

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fil‑21 ta’ Ottubru 2015 ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li biha talbu lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti.

37

Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-terminu preskritt.

38

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu ċerti mistoqsijiet u talbet lill-Kummissjoni sabiex tipproduċi ċerti dokumenti. Dawn il-partijiet wieġbu fit-termini preskritti.

39

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibgħat il-kawża lis-Sitt Awla Estiża.

40

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

41

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tas-Sitt Qorti Estiż tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Awwissu 2017, wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi T‑111/15 T, t‑165/15 u T‑53/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

42

It-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2017.

43

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(1) u (2) u, sa fejn jikkonċernaw, l-Artikoli 2 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż

III. Id-dritt

45

Fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi insostenn tar-rikors.

46

Bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrinunzjaw għall-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Artikolu 108(2) TFUE, li skontu l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta ddeterminat l-ammont tal-għajnuna li tista’ tiġi rkuprata.

47

Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu eżaminati biss l-ewwel erba’ motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta u tad-drittijiet tad-difiża, it-tieni, fuq l-imputazzjoni illegali tal-kuntratti inkwistjoni lir-Repubblika Franċiża, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-operatur fl-ekonomija tas-suq u, ir-raba’, il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-kundizzjoni ta’ selettività kienet issodisfatta.

A. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tad-drittijiet tad-difiża.

48

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) u (2)(a) u (b) tal-Karta meta ma tathomx l-aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, meta ma informathomx dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija għandha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha u, għaldaqstant, ma tagħthomx il-possibbiltà li jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod utli. Skont ir-rikorrenti, dawn l-irregolaritajiet proċedurali kisru wkoll id-drittijiet tad-difiża tagħhom u għandhom iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

49

B’mod partikolari, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat TFUE, fl‑1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 41 tal-Karta jagħmel parti mid-dritt primarju tal-Unjoni u jipprevali fuq kull dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt sekondarju tal-Unjoni Ewropea, bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

50

Insostenn tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li għandhom id-dritt li jinvokaw id-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, peress li l-investigazzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali tagħhom konklużi maċ-CCIPB tikkostitwixxi “dak [..] li jirrigwardaha” tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-imsemmi artikolu. Huma jqisu li huma jgawdu mid-drittijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jmorru lil hinn mid-drittijiet mogħtija mir-Regolament Nru 659/1999. Minn naħa, l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jagħti d-dritt lil kwalunkwe persuna li jkollha aċċess għall-fajl “li jikkonċernaha”, f’dan il-każ il-fajl ta’ għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni dwar il-kuntratti konklużi bejn irt-rikorrenti u ċ-CCIPB. Min-naħa l-oħra, id-dritt għal smigħ, previst fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jirrikejdi li r-rikorrenti jkunu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv, li jimplika aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni kif ukoll in-notifika minn qabel bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha.

51

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

52

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 41 tal-Karta jipprevedi d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġjonevoli mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Barrea minn hekk, skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta, dan id-dritt jinkludi b’mod partikolari, l-ewwel nett, id-dritt li kull persuna tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament u, it-tieni nett, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu osservati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju.

53

L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 17), jippreċiżaw li l-Artikolu 41 ta’ din tal-aħħar huwa bbażat fuq l-eżistenza tal-Unjoni bħala komunità ta’ dritt li l-karatteristiċi tagħha ġew żviluppati mill-ġurisprudenza li stabbilixxiet l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tad-dritt. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri.

54

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, huwa l-obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

55

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-persuna li kontriha l-Kummissjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva għandha tingħata l-possibbiltà, matul din il-proċedura, tesprimi ruħha utilment fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, TiszaErőmű vs Il-Kummissjoni, T‑468/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:235, punt 204 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108 TFUE hija proċedura miftuħa biss fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna. Huwa biss l-Istat Membru kkonċernat, bħala destinatarju tad-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni, li jista’ għaldaqstant verament jinvoka d-drittijiet tad-difiża. Min-naħa l-oħra, l-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna u l-kompetituri tagħhom huma biss meqjusa bħala persuni interessati f’din il-proċedura, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. L-ebda dispożizzjoni ma tirriżerva, fost il-partijiet interessati, rwol partikolari lill-benefiċjarji tal-għajnuna. Dawn tal-aħħar ma jistgħux jinvokaw drittijiet tant estensivi bħad-drittijiet tad-difiża bħala tali u ma jistgħux validament jistennew dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 81 sa 83, u tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punti 71 u 78).

57

B’hekk, il-partijiet interessati, għall-kuntrarju tal-Istat Membru responsabbli tal-għoti tal-għajnuna, ma jiddisponux, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika tal-għajnuna mill-Istat, minn dritt ta’ konsultazzjoni tad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punt 58).

58

Il-partijiet interessati għandhom essenzjalment ir-rwol ta’ għejjun ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-proċedura tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat. Minn dan isegwi li l-partijiet interessati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura b’mod xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikorrenti.

60

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti huma partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, b’mod li huma jkollhom id-dritt li jaraw li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet tagħhom maċ-CCIPB titwettaq b’mod imparzjali u ġust fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Karta, u dan iktar u iktar peress li l-konstatazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-ftehimiet kummerċjali tagħhom mal-ajruport ta’ Pau tista’ twassal għal konsegwenzi finanzjarji għalihom f’termini ta’ rkupru tal-ammonti rċevuti.

61

Madankollu, ir-raġunament tar-rikorrenti ma jistax jiġi segwit meta huma jikkunsidraw li l-Artikolu 41(2) tal-Karta jagħtihom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u d-dritt għal smigħ fuq elementi li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża fuqhom fid-deċiżjoni finali tagħha.

62

Fil-fatt, għalkemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41(1) tal-Karta jirrifletti l-obbligu li jiġu eżaminati b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi kollha tal-kawża, l-Artikolu 41(2) tal-Karta jelenka, min-naħa tiegħu, sett ta’ drittijiet li għandhom jiġu rrispettati mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet tad-difiża, li jinkludu d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl.

63

Issa, fil-proċedura tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat, ir-rikorrenti, bħala benefiċjarji tal-għajnuna, ma jistgħux verament jinvokaw drittijiet tad-difiża.

64

Diġà ġie deċiż li l-Karta ma kellhiex l-għan li tibdel in-natura tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat stabbilit mit-Trattat FUE jew li tagħti lil terzi dritt ta’ kontroll li l-Artikolu 108 TFUE ma pprevdiex dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il-Kummissjoni, T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029, punt 60 u tas‑6 ta’ Lulju 2017, SNCM vs Il-Kummissjoni, T‑1/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:470, punt 86). L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Karta titlef is-sens tagħha jekk dritt li hija tipprevedi seta’ jiġi miċħud sempliċement minħabba li ma kienx espressament riprodott fit-Trattat FUE, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

65

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk il-persuni kkonċernati fil-kuntest ta’ proċedura tal-eżami ta’ għajnuna mill-Istat kienu f’pożizzjoni li jiksbu l-aċċess għad-dokumenti tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni, is-sistema tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat kienet titqiegħed inkwistjoni. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni interessati jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kummissjoni, u jekk ikun il-każ, li jieħdu pożizzjoni fuq dawn l-elementi fl-osservazzjonijiet tagħhom, li jista’ jibdel in-natura ta’ tal-proċedura tal-eżami tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau, C‑139/07 P, EU:C:2010:376, punti 58 u 59).

66

Bl-istess mod, l-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika minn qabel lir-rikorrenti l-elementi li fuqhom hija tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha iwassal sabiex jiġi stabbilit dibattitu kontradittorju bħal dak miftuħ favur l-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna, filwaqt li r-rikorrenti għandhom, bħala benefiċjarji, essenzjalment, biss ir-rwol ta’ sors ta’ informazzjoni fil-proċedura (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punti 180 u 181).

67

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali supplimentari ta’ aċċess għall-fajl u ta’ smigħ, kif mitluba skont l-Artikolu 41 tal-Karta, ma huwiex eskluż mill‑Artikoli 107 u 108 TFUE, għandu jiġi miċħud.

68

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tat l-aċċess għall-fajl u nnotifikat minn qabel il-fatti u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża l-imsemmija deċiżjoni, la kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41(1) u (2) tal-Karta, u lanqas id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, mingħajr preġudizzju, madankollu, tar-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħhom bħala partijiet interessati ggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE.

69

Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa tali li jikkontesta dawn il-konklużjonijiet.

70

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma jistgħux b’mod validu jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (70/72, EU:C:1973:87, punt 19), dwar l-għan tal-komunikazzjoni rikjest mill-Artikolu 108(2) TFUE, sabiex isostnu li din id-dispożizzjoni ma teskludix l-għoti lill-persuni interessati ta’ drittijiet supplimentari għal dak li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura amministrattiva. Għall-kuntrarju, din il-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-partijiet interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni. Bl-istess mod, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, skont l-istruttura tal-Artikoli 107 u 108 TFUE li tinvolvi lil terzi fil-proċedura amministrattiva b’mod estensiv (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1996, Skibsværftsforeningen et vs Il‑Kummissjoni, T‑266/94, EU:T:1996:153, punt 258). Ma jistax jiġi dedott minn din il-ġurisprudenza, għaldaqstant, li l-parteċipazzjoni estensiva ta’ terzi, kif mitlub mir-rikorrenti, tkun kompatibbli mal-istruttura ġenerali tal-proċedura għall-eżami tal-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Artikolu 108 TFUE.

71

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li r-rispett tad-drittijiet ta’ aċċess għall-fajl u ta’ smigħ previsti fl-Artikolu 41 tal-Karta jikkontribwixxi għall-għan tal-Artikolu 108(2) TFUE, li huwa li jinġabar l-iktar tagħrif rilevanti u dettaljata mill-Kummissjoni. Ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni interessati hija b’mod partikolari importanti fil-proċeduri ta’ għajnuna fejn l-Istat Membru responsabbli mill-għajnuna u l-benefiċjarju spiss ikollhom interessi kontradittorji, u dan huwa kkonfermat fil-każ inkwistjoni bl-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess għar-Repubblika Franċiża, li hija azzjonista prinċipali ta’ Air France, li kienet l-utent ewlieni tal-ajruport ta’ Pau u permezz tal-parteċipazzjoni minima, u anki ta’ dannu, tar-Repubblika Franċiża fl-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni.

72

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-partijiet interessati ma jistgħux verament jinvokaw drittijiet tad-difiża komparabbli ma’ dawk tal-Istat Membru anki jekk dan l-Istat, li ta l-għajnuna mill-Istat, u l-persuni interessati inkwistjoni, bħala benefiċjarji ta’ din l-għajnuna, jista’ jkollhom interessi diverġenti fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, T‑156/04, EU:T:2009:505, punt 104, u tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 54).

73

Il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma jiddefendix l-interess tal-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ibiddel ir-rwol ta’ dan tal-aħħar waqt il-proċedura amministrattiva u lanqas in-natura tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din il-proċedura, sal-punt li jingħatawlu, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża, garanziji paragunabbli ma’ dawk ta’ dan l-Istat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 77).

74

Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw il-validità tar-Regolament Nru 659/1999 bħala li tmur kontra l-Karta, fi kwalunkwe każ dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Karta tagħti lill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u d-dritt li jkunu informati minn qabel dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni beħsieba tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha.

75

Għall-istess raġuni, u kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-fatt li dawn tal-aħħar setgħu jieħdu konjizzjoni biss tal-elementi rilevanti li jinsabu fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u ta’ estensjoni ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu ksur tad-drittijiet tagħhom.

76

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2014, Netherlands Maritime Technology Association vs Il-Kummissjoni (T‑140/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1029) hija irrilevanti peress li r-rikorrenti f’din il-kawża kienet lanjanti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ebda rwol speċjali ma huwa rriżervat għall-benefiċjarji fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat (ara l-punt 56 iktar ’il fuq). Bl-istess mod, minkejja li s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Technische Glaswerke Ilmenau (C‑139/07 P, EU:C:2010:376), tikkonċerna proċedura ta’ għajnuna mill-Istat li kienet ingħalqet qabel ma l-Karta kienet tifforma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni, din is-sentenza tibqa’ rilevanti billi din tenfasizza l-aftt li l-għoti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna ta’ dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni jikkontesta s-sistema ta’ eżami tal-għajnuna mill-Istat.

77

Fil-ħames lok, sa fejn mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni la kisret l-Artikolu 41 tal-Karta u lanqas id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, ma huwiex utli li jiġi eżaminat l-argument ta’ dawn tal-aħħar li jgħid li l-eżitu tal-proċedura seta’ kien differenti kieku l-Kummissjoni tat aċċess għall-fajl u informathom bil-kunsiderazzjonijiet u l-provi li fuqhom hija kellha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni finali tagħha.

78

Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punti 70 sa 77 iktar ’il fuq għandhom jiġu miċħuda.

79

Madankollu, sa fejn, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, huwa invokat il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi eżaminat ukoll id-dritt li għandhom il-persuni interessati, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, li jkunu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod xieraq billi jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq).

80

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li, matul il-fażi ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tintima lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, mhux ippubblikata, C‑49/05 P, EU:C:2008:259, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ dan l-obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi mezz adegwat għall-finijiet li l-partijiet ikkonċernati kollha jiġu nnotifikati bil-ftuħ ta’ proċedura (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 345, punt 17), waqt li ppreċiżat li l-komunikazzjoni hija intiża esklużivament sabiex tikseb, min-naħa tal-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikseb kjarifiki fl-azzjoni futura tagħha (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, din id-deċiżjoni ta’ ftuħ tista’ tillimita ruħha sabiex jinġabru fil-qosor l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, sabiex tiġi inkluża evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna, u sabiex jiġu esposti r-raġunijiet li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, EU:T:2002:258, punt 104).

82

Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fl-imsemmija proċedura li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan l-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet interessati jkunu jafu bir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b’mod provviżorju li l-miżura inkwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna ġdida inkompatibbli mas-suq intern (sentenza tat‑30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T‑195/01 u T‑207/01, EU:T:2002:111, punt 138).

83

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, wara l-pubblikazzjoni tal-ittra li informat lir-Repubblika Franċiża bid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u ta’ estensjoni flimkien ma’ sommarju ta’ dawn id-deċiżjonijiet li stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. B’hekk, permezz ta’ ittra tat‑31 ta’ Awwissu 2011, Ryanair bagħtet il-osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ. Barra minn hekk, permezz ta’ ittri separati tat‑30 ta’ April 2012, ir-rikorrenti t-tnejn ippreżentaw osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ estensjoni. Barra minn hekk, huma ppreżentaw diversi dokumenti supplimentari matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

84

Issa, fid-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u ta’ estensjoni, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar biżżejjed il-motivi li abbażi tagħhom hija kkonkludiet provviżorjament li l-kuntratti eżaminati kienu taw lir-rikorrenti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern.

85

Fil-fatt, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tat deskrizzjoni tal-ftehimiet tal-2005 u għamlet evalwazzjoni provviżorja tal-għajnuna potenzjali li taqa’ taħt dawn il-ftehimiet fid-dawl tal-kriterji li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE, sabiex finalment teżamina l-kompatibilità tagħhom mas-suq intern.

86

Barra minn hekk, fid-deċiżjoni ta’ estensjoni, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ppreżentat informazzjoni ġenerali dwar l-ajruport ta; Pau u ddeskriviet il-kuntratti konklużi bejn iċ-CCIPB u r-rikorrenti bejn l-2003 u l-2008. Insegwitu, hija għamlet evalwazzjoni provviżorja tal-għajnuna potenzjali mogħtija lir-rikorrenti fid-dawl tal-kriterji għall-għajnuna mill-Istat, inkluż il-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq, sabiex fl-aħħar teżamina l-kompatibbiltà tagħhom fir-rigward tas-suq intern. B’mod partikolari, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, il-Kummissjoni qieset li, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, iż-żewġ tipi ta’ kuntratti, jiġifieri l-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, kellhom jiġu evalwati b’mod konġunt.

87

Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li huma ma kellhomx aċċess għar-rapport tal-konsulent tat‑30 ta’ Marzu 2011, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, b’md suffiċjentement preċiż, ġabret fil-qosor fid-deċiżjoni ta’ estensjoni d-dubji espressi f’dan ir-rapport dwar l-interess għall-ajruport ta’ Pau li jixtri s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni proposti mir-rikorrenti. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata ma jidhirx li l-Kummissjoni invokat dan ir-rapport għall-evalwazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, peress li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq ir-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni.

88

Barra minn hekk, huwa paċifiku li, wara l-ittri tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Frar u tat‑13 ta’ Marzu 2014 kif ukoll l-pubblikazzjoni tal-avviż tal‑15 ta’ April 2014 f’Il-Ġurnal Uffiċjali, Ryanair b’mod partikolari ppreżentat, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Mejju 2014, osservazzjonijiet dwar l-approċċi esposti fil-Linji gwida tal-2014 għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-analiżi komparattiva u l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali.

89

Fir-rigward biss tad-dritt tagħhom li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod xieraq, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jippermetti li jintwera li huma ma kellhomx biżżejjed għarfien tar-raġunament segwit b’mod provviżorju u, għaldaqstant, li huma ma kinux f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

[omissis]

B. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ imputabbiltà tal-miżuri inkwistjoni lir-Repubblika Franċiża

92

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni allegatament kienet żbaljata meta imputat lir-Repubblika Franċiża l-konklużjoni, miċ-CCIPB, tal-kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport u tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ marketing. Minn naħa, il-Kummissjoni allegatament wettqet żball billi kkonkludiet li ċ-CCIPB hija awtorità pubblika li d-deċiżjonijiet tagħha kienu awtomatikament imputabbli lill-Istat u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rwol tagħha bħala impriża. Min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar in-natura taċ-CCIPB hija kontradittorja.

1.   Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura taċ-CCIPB

93

Ir-rikorrenti jirrikonoxxu li d-deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika huma dejjem imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat, iżda jesponu li d-deċiżjonijiet ta’ impriżi pubbliċi jistgħu, kif ġie rrilevat fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), jitqiesu bħala imputabbli lill-imsemmi Stat Membru biss fil-preżenza ta’ ċerti indizji li juru li dan tal-aħħar eżerċita kontroll fir-rigward tad-deċiżjoni inkwistjoni. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni allegatament wettqet żball meta qieset li ċ-CCIPB kellha tiġi kkunsidrata bħala awtorità pubblika li d-deċiżjonijiet kollha tagħha kienu neċessarjament imputabbli lir-Repubblika Franċiża, filwaqt li ċ-CCI kienu entitajiet ibridi li jissodisfaw rwol statutorju u reali kemm ta’ rappreżentanza ta’ impriżi kif ukoll ta’ impriżi b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni kienet qieset li l-attivitajiet kummerċjali taċ-CCIPB kienu biss aċċessorji fir-rigward tal-eżerċizzju tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali tiegħu mingħajr ma pproduċiet l-ebda prova li dawn il-missjonijiet ikollhom prijorità fuq dawn l-attivitajiet. Issa, l-attivitajiet kummerċjali taċ-CCI huma ġeneralment predominanti, spiss irregolati mid-dritt privat u suġġetti għall-kompetenza tal-qrati ċivili u kummerċjali. Anki jekk l-attività kummerċjali taċ-CCIPB kellha titqies bħala sekondarja, din hija madankollu l-attività ta’ ġestjoni tal-ajruport ta’ Pau, li biha ċ-CCIPB tissodisfa rwol b’mod ċar ekonomiku, b’tali mod li hija kellha titqies bħala impriża. Konsegwentement, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikklassifikat liċ-CCIPB bħala awtorità pubblika, u ma mmotivatx b’mod xieraq il-konklużjoni tagħha li tgħid li ċ-CCIPB kienet biss, jew, għall-inqas, prinċipalment, awtorità pubblika u mhux impriża. Minħabba dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-indizji tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), kinitx iġġustifikata.

94

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

95

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddikjara inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat taħt kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

96

F’dan ir-rigward, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) KE, dawn għandhom, minn naħa waħda, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C‑345/02, EU:C:2004:448, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li intervent tal-Istat jew permezz tal-riżorsi tal-Istat ma għandux neċessarjament ikun miżura deċiża mill-awtorità ċentrali tal-Istat ikkonċernat. Dan jista’ wkoll jirriżulta minn awtorità infrastatali. Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura adottata minn awtorità territorjali u mhux mill-awtorità ċentrali tista’ tikkostitwixxi għajnuna ladarba jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 248/84, Ġabra p. 437, punt 17 u tas‑6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 55). Fi kliem ieħor, il-miżuri meħuda mill-korpi intrastatali (deċentralizzati, federali, reġjonali jew oħra) tal-Istati Membri, ikun liema jkun l-istatus ġuridiku u d-denominazzjoni tagħhom, jaqgħu, bħall-miżuri meħuda mill-awtorità federali jew ċentrali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais et Communauté d’agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, EU:T:2011:209, punti 108 u 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li huwa paċifiku li l-ajruport ta’ Pau kien proprjetà tar-Repubblika Franċiża sal‑1 ta’ Jannar 2007 u ta’ grupp ta’ awtoritajiet lokali, l-Assoċjazzjoni KLonġunta, insegwitu. Il-ġestjoni tal-ajruport, min-naħa tagħha, issir miċ-CCIPB, u b’mod partikolari minn servizz speċjalizzat fi ħdan iċ-CCIPB.

99

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-prinċipji fundamentali tal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar iċ-CCI baqgħu ma nbidlux matul il-perijodu taħt eżami. B’hekk, dawn huma istituzzjonijiet pubbliċi stabbiliti mil-liġi, amministrati minn diriġenti ta’ impriċi eletti u li jinsabu taħt is-superviżjoni tal-Istat. Barra minn hekk, il-code de commerce français (Il-Kodiċi tal-Kummerċ, Franza) jikklassifika liċ-CCI bħala korpi intermedjarji tal-Istat, bl-għan ewlieni tagħhom huwa li jwettqu missjonijiet ta’ interess ġenerali li tkun fdatilhom il-liġi, jiġifieri, essenzjalment, ir-rappreżentanza tal-interessi tal-industrija, tal-kummerċ u tas-servizzi mal-awtoritajiet pubbliċi, l-appoġġ lill-impriżi lokali, u l-iżvilupp tal-attrattività u tal-ippjanar tat-territorji. Id-deċiżjoni kkontestata tispjega wkoll li l-attivitajiet industrijali u kummerċjali taċ-CCI, bħall-ġestjoni tat-tagħmir tal-ajruport, huma anċillari għat-twettiq tal-missjonijiet tagħhom ta’ interess ġenerali u huma mfassla sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tagħhom. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi modalitajiet ta’ finanzjament spċeifiċi għaċ-CCI. F’dan ir-rigward, ir-riżorsi tagħhom huma magħmula minn dħul fiskali, sussidji jew ġejjin mill-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ ġestjoni ta’ infrastrutturi tat-trasport, u dan jikkorrobora l-fatt li l-attivitajiet industrijali u kummerċjali tagħhom huma anċillari għal missjonijiet tagħhom ta’ interess ġenerali (premessi 265 sa 270 tad-deċiżjoni kkontestata).

100

F’dak li jirrigwarda ċ-CCIPB, li l-ġestjoni tal-ajruport ta’ Pau ġiet fdata lilha, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-affermazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi li skonthom, għaċ-CCIPB, attività kummerċjali bħall-ġestjoni tal-ajruport ta’ Pau ma kinitx eżerċitata fi prospett ta’ profittabbiltà, iżda bl-għan li tikkontribwixxi għall-missjonijiet ta’ interess ġenerali li hija ngħatat, jiġifieri l-iżvilupp ekonomiku u l-attrattività tat-territorju (premessi 271 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata).

101

F’dan il-kuntest, huwa ġustament li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 iktar ’il fuq, abbażi ta’ dawn il-punti kollha ta’ fatt, li ċ-CCI, bħaċ-CCIPB, għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet pubbliċi li d-deċiżjonijiet kollha tagħhom, bħal dawk tal-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat jew tal-awtoritajiet territorjali, kienu neċessarjament imputabbli lill-Istat (premessa 274 tad-deċiżjoni kkontestata).

102

Din il-konklużjoni ma hijiex kontradetta mill-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq in-natura ibrida taċ-CCCI u n-natura ekonomika tal-attività ta’ ġestjoni tal-ajruport taċ-CCIPB. Minn naħa, fil-fatt, din tal-aħħar tipprovdi, fi ħdan l-organizzazzjoni tagħha, il-ġestjoni tal-ajruport ta’ Pau u ddeċidiet li tikkonkludi ftehimiet kummerċjali mar-rikorrenti dwar l-operat tal-linji tal-ajru. Għaldaqstant, għalkemm għandu jiġi kkunsidrat f’dan ir-rigward iċ-CCIPB bħala li għandhom attivitajiet ekonomiċi (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punt 93), huwa madankollu paċifiku li l-ġestjoni tal-ajruport ta’ Pau ġiet integrata fl-istrutturi taċ-CCIPB, li l-Kummissjoni qieset abbażi ta’ sensiela ta’ indizji bħala awtorità pubblika. Issa, ma hemm xejn li jeskludi li attività ekonomika tiġi eżerċitata minn korp tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21), irrispettivament barra minn hekk mill-pożizzjoni ta’ dan il-korp fl-organizzazzjoni tal-Istat, kemm jekk jappartjeni lill-amministrazzjoni ċentrali jew jekk hija entità deċentralizzata, bħaċ-CCIPB.

103

Min-naħa l-oħra, peress li l-ftehimiet inkwistjoni kienu ġew konklużi miċ-CCIPB, li hija korp tal-Istat, ma kienx hemm lok, għall-Kummissjoni, li tiddetermina l-imputabbiltà lill-Istat fid-dawl tal-kriterji tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294). Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ġiet ibbażata mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 52 tal-imsemmija sentenza, li tgħid li impriża pubblika tista’ taġixxi b’iktar jew inqas indipendenza, skont il-grad ta’ awtonomija li jħalliha l-Istat, u li, għaldaqstant l-eżerċizzju effettiv tal-kontroll tal-Istat f’każ partikolari ma jistax jiġi awtomatikament preżunt. Issa, is-sitwazzjoni taċ-CCIPB hija differenti sa fejn din l-entità bħal din, filwaqt li teżerċita attività ekonomika u tikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni, hija korp tal-Istat, fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punti 99 u 100 iktar ’il fuq.

104

Barra minn hekk, dawn l-elementi meqjusa mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li ċ-CCIPB tikkostitwixxi korp tal-Istat, jiġifieri l-istatus tagħha bħala istituzzjoni pubblika, il-missjonijiet tagħha ta’ interess ġenerali u s-sottomissjoni tagħha għas-supereviżjoni tal-Istat jikkorrispondu għal ċerti indizji li l-ġurisprudenza identifikat bħala rilevanti sabiex tattribwixxi miżuri meħuda minn impriża pubblika lill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 56, u tas‑27 ta’ Frar 2013, Nitrogénművek Vegyipari vs Il-Kummissjoni, T‑387/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:98, punti 63 sa 65).

105

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat, għalkemm sussidjarjament, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li ssir distinzjoni bejn iċ-CCIPB u s-servizz speċifiku taċ-CCIPB li eżerċita attività ekonomika ta’ ġestjoni tal-ajruport ta’ Pau, peress li dan is-servizz ma għandux personalità ġuridika proprja, separata miċ-CCIPB, u huwa biss parti mis-servizzi interni taċ-CCIPB mingħajr ebda awtonomija deċiżjonali ħlief għal dak li kien jaffettwa l-ġestjoni ta’ kuljum tal-ajruport ta’ Pau. B’hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li d-diversi kuntratti ta’ servizzi ta’ tariffi tal-ajruport u ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni marketing kienu ġew iffirmati mill-President taċ-CCIPB wara li kiseb l-awtorizzazzjoni tal-laqgħa ġenerali taċ-CCIPB. Bl-istess mod, l-awtoritajiet Franċiżi ma sostnewx li l-konklużjoni tal-ftehimiet mar-rikorrenti kellha tkun imputata biss għal dak is-servizz (premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata).

106

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-miżuri meħuda miċ-CCIPB, inkluża l-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni, kienu imputabbli għall-Istat.

107

Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma huwa tali li jikkonfuta din il-konklużjoni.

108

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma indikatx ir-raġuni għaliex hija kienet tat prijorità għall-missjonijiet ta’ dritt pubbliku taċ-CCIPB fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali u predominanti tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 26 sa 210), il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tar-rwol kruċjali tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali taċ-CCI u tan-natura anċillari tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom kemm fuq il-qafas leġiżlattiv dwar iċ-CCI kif ukoll fuq id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jippermetti li tiġi ddubitata din l-analiżi.

109

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li ċ-CCI huma suġġetti għad-dritt privat u għall-kompetenzi tal-qrati ċivili u kummerċjali, hemm lok li jiġi enfasizzat li, filwaqt li jiġi ammess li din il-konstatazzjoni, sakemm tkun korretta, tista’ tikkostitwixxi element rilevanti sabiex tirrifjuta liċ-CCIPB il-klassifikazzjoni ta’ awtorità pubblika, tikkostitwixxi biss element wieħed fost oħrajn sabiex tiġi evalwata n-natura tal-entità kkonċernata li ma tikkontestax, fiha nnifisha, il-klassifikazzjoni ta’ awtorità pubblika bbażata fuq l-elementi l-oħra kollha msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 99 u 100 iktar ’il fuq).

110

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat, f’parti oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li ċ-CCIPB aġixxiet bħala operatur ta’ ajruport u mhux bħala awtorità pubblika fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ żvilupp ekonomiku lokali (premessa 328 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi osservat li din il-parti, li tittratta l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, hija parti mir-raġunament tal-Kummissjoni li jgħid li, fil-kuntest tal-ewwel approċċ li hija ħadet, l-aġir taċ-CCIPB bħala operatur tal-ajruport kellu jitqabbel ma’ dik ta’ operatur ta’ ajruport privat ipotetiku (premessi 315 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, ma kienx hemm lok li jiġi kkunsidrat it-tieni approċċ, jiġifieri li ċ-CCIPB aġixxiet bħala entità pubblika responsabbli għal missjoni ta’ interess ġenerali, f’dan il-każ l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun ta’ Pau (premessi 316 u 320 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma jistax jiġi dedott minn din il-parti li, meta ħadet l-ewwel approċċ, il-Kummissjoni kienet aċċettat li ċ-CCIPB ma kinitx awtorità pubblika (ara premessi 316 sa 320 tad-deċiżjoni kkontestata). Minn din il-parti ma jistax jiġi dedott li, meta adottat l-ewwel approċċ, il-Kummissjoni ammettiet li ċ-CCIPB ma kinitx awtorità pubblika (ara l-premessi 314 sa 331 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, hemm lok li jitqabbel l-aġir ta’ awtorità pubblika li taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ operatur ekonomiku ma’ dak ta’ operatur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 78, 81, 92 u 103, u tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punti 95, 115 u 118), li l-Kummissjoni għamlet f’dan il-każ.

111

Fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, li huma ma kinux f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni li tapplika l-indizji tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), kienx iġġustifikat. Fil-fatt, il-Kummissjoni esponiet, fil-premessi 269 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod suffiċjentement ċar b’liema mod is-sitwazzjoni taċ-CCI, li tgħaqqad missjonijiet ta’ interess ġenerali u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, iddistingwiet ruħha minn dik tal-impriżi pubbliċi, li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tat is-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

112

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata

113

Ir-rikorrenti jqajmu t-tieni lment billi jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod korrett, għaliex tinkludi kontradizzjoni fir-rigward tan-natura taċ-CCIPB. Fil-fatt, il-Kummissjoni allegatament kienet ikkunsidrat li ċ-CCIPB bħala li tagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika u, fl-istess ħin, għall-finijiet tal-istess attività, kkunsidratha bħala impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat (premessi 487 u 488 u l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta’ liġi. L-istess entità ma setgħetx fl-istess ħin tkun parti mill-amministrazzjoni pubblika u tkun impriża li tibbenefika minn għajnuna għall-istess attività, peress li dawn iż-żewġ klassifikazzjonijiet huma esklużivi b’mod reċiproku.

114

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li entità waħda tista’ kemm tagħti u tirċievi għajnuna mill-Istat, iżda jesponu li, fiż-żewġ każijiet, din l-entità għandha titqies bħala impriża. L-evalwazzjoni tal-imputabbiltà lill-Istat tad-deċiżjoni li tingħata għajnuna għandha għalhekk titwettaq abbażi tal-indizji msemmija fis-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294). Billi naqset milli tikklassifika ċ-CCIPB jew bħala impriża, jew bħala entità oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lir-rikorrenti sabiex jiġi ddeterminat liema kriterju ta’ imputazzjoni lill-Istat japplika liċ-CCIPB, jiġifieri l-indizji tas-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑482/99, EU:C:2002:294), jew is-sempliċi fatt li tappartjeni lill-amministrazzjoni pubblika. Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn difett fil-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni taċ-CCIPB.

115

Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

116

F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tal-miżuri mogħtija liċ-CCIPB bħala operatur tal-ajruport ta’ Pau, il-Kummissjoni kkonstatat li ċ-CCIPB kienet qed tipprovdi l-operazzjoni kummerċrċjali tal-infrastrutturi u tat-tagħmir tal-ajruport u li s-sussidji għat-tagħmir li kienu ngħataw lilha fl-2004 u fl-2009 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessi 488 u 531 tad-deċiżjoni kkontestata).

117

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mogħtija lir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi elementi, bħal ma huma l-istatus ta’ stabbiliment pubbliku stabbilit bil-liġi, it-twettiq ta’ missjonijiet ta’ interess ġenerali, in-natura anċillari tal-attivitajiet ekonomiċi u s-superviżjoni mill-Istat, sabiex minn dawn jiġi dedott li ċ-CCIPB kienet tagħmel parti mill-amministrazzjoni pubblika u kienet tikkostitwixxi awtorità pubblika li l-aġir tagħha kien imputabbli lill-Istat (premessi 269 sa 276 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, il-konklużjoni tal-ftehimiet kummerċjali mar-rikorrenti tagħmel parti minn dan l-aġir.

118

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkunsidrat li ċ-CCIPB, permezz tal-attività ekonomika tagħha, kienet il-benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, f’dan il-każ ta’ sussidji għat-tagħmir, iżda li hija wkoll entità li, kkunsidrata bħala entità pubblika, kien tat il-kunsens tagħha għall-għoti ta’ għajnuna lir-rikorrenti, f’dan il-każ permezz tal-konklużjoni tal-ftehimiet kummerċjali inkwistjoni.

119

Madankollu, peress li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni hija distinta, u peress li barra minn hekk hija kienet suġġetta għal eżami separat fid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jitqies, bħalma jallegaw ir-rikorrenti, li l-klassifikazzjonijiet tal-benefiċjarju tal-għajnuna u tal-entità meqjusa bħala awtorità pubblika huma, f’dan il-każ, inkompatibbli. Fil-fatt, entità pubblika tista’ tkun benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, meta din tkun impriża attiva f’suq. Madankollu, xejn ma jeskludi li l-istabbiliment pubbliku li, wara li ġie fdat b’missjonijiet ta’ interess ġenerali taħt is-superviżjoni tal-Istat u jeżerċita, f’dan il-kuntest, attività ekonomika, jista’ mhux biss jitqies bħala awtorità pubblika, iżda wkoll, fil-kuntest ta’ miżura separata, ta’ għajnuna lil impriżi bħar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punti 143 u 145).

120

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li xejn ma jipprekludi li l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika jiġi integrat fil-qafas tal-istrutturi li jaqgħu taħt l-amministrazzjoni pubblika (sentenza tat‑23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, EU:C:1991:161, punt 21). Bl-istess mod, il-fatt li entità twettaq kemm attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet li ma humiex ma jipprekludix li tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward ewwel attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 74).

121

Barra minn hekk, l-integrazzjoni ta’ entità, bħall-operatur ta’ ajruport, fl-amministrazzjoni pubblika ma tipprekludix li din l-entità tkun tista’ tibbenenfika minn għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ personalità ġuridika separata minn dik tal-Istat, mogħtija mid-dritt nazzjonali lil korp li jeżerċita attivitajiet ekonomiċi, ma taffettwax l-eżistenza ta’ relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istat u dan il-korp, u konsegwentement, fuq il-possibbiltà li l-imsemmi korp jibbenefika minn għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni, T‑443/08 u T‑455/08, EU:T:2011:117, punti 128 u 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata la hija vvizzjata minn kontradizzjoni, la minn żball ta’ liġi u lanqas minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn hija tikklassifika liċ-CCIPB kemm bħala benefiċjarja ta’ għajnuna u kif ukoll awtorità pubblika.

123

Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

124

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq

125

Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq u, minħabba dan, kisret l-Artikolu 107(1) TFUE.

126

Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet: Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kienet irrifjutat b’mod żbaljat li tagħmel analiżi komparattiva filwaqt li t-twettiq ta’ tali analiżi ikun wassalha sabiex tikkonkludi li kien hemm l-assenza ta’ għajnuna. Id-deċiżjoni kkontestata hija, barra minn hekk, ivvizzjata minn nuqqasijiet ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali u ma kinitx immotivatha biżżejjed.

127

Il-Kummissjoni tiċħad dan l-argument.

128

Qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar preliminarjament li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl sew tal-elementi konkreti tat-tilwima mressqa quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa llimitat, f’dak li kien jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 88).

130

F’dan ir-rigward, meta jkun hemm lok, għall-Kummissjoni, sabiex tivverifika jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, li tapplika l-kriterju ta’ investitur privat avżat f’ekonomija tas-suq, l-użu ta’ dan il-kriterju jimplika, b’mod ġenerali, min-naħa tal-Kummissjoni evalwazzjoni ekonomika kumplessa (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 89).

131

Madankollu, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li llum hija stabbilita jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha titqies fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet dedotti minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il-Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1.   Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u nuqqasijiet ta’ motivazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni sa fejn din irrifjutat li twettaq analiżi komparattiva fir-rigward ta’ kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni

[omissis]

a)   Dwar iċ-ċaħda tal-analiżi komparattiva bħala metodu ta’ applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq

138

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma qisitx li l-analiżi komparattiva kienet il-metodu prinċipali ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq sabiex tiddetermina jekk l-arranġament kienx ta’ vantaġġ lil parti privata, peress li dan il-metodu huwa barra minn hekk konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, EU:C:2003:388, punti 38 u 39), huma jsostnu li, bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq analiżi tal-profittabbiltà inkrementali biss fil-każ li analiżi komparattiva, u b’mod partikolari fil-kuntest ta’ paragun ma’ investitur privat, ma kinitx possibbli.

139

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa miżura sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għaliha permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78, u tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 70). Din l-evalwazzjoni fil-prinċipju ssir billi jiġi applikat il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 71).

140

Sabiex tiddetermina jekk miżura tal-Istaat tikkostitwixxix għajnuna, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, operatur f’ekonomija tas-suq, ta’ daqs komparabbli ma’ dak ta’ organu li jiġġestixxi s-settur pubbliku, setax jasal sabiex jikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, EU:C:1990:125, punt 29, u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, 87, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punti 40 u 42).

141

Madankollu, li jiġi dderterminat jekk operatur f’ekonomija tas-suq kienx jagħmel arranġament bħal dak inkwistjoni ma jistax neċessarjament jimplika l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tuża l-metodu tal-analiżi komparattiva. Fil-fatt, dan il-metodu jikkostitwixxi biss għodda analitika fost oħrajn sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja rċevietx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 250 u 254, u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikati, EU:T:2014:604, punti 43 u 44).

142

Fil-fatt, l-għażla tal-istrument xieraq għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-obbligu tagħha li tagħmel analiżi sħiħa tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha, inkluża s-sitwazzjoni tal-impriża benefiċjarja u tas-suq ikkonċernat, sabiex tivverifika jekk l-impriża benefiċjajra rċivietx vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punti 251 u 258, u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 45).

143

F’dan il-każ, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi evalwata f’dan l-istadju l-fondatezza tal-motivi invokati mill-Kummissjoni sabiex ma ssirx, f’din il-kawża, l-analiżi komparattiva, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija setgħet b’hekk mingħajr ma twettaq żball tanalizza fid-dettall, fil-premessi 359 sa 372 tad-deċiżjoni kkontestata, liema kien l-iktar l-metodu xieraq ta’ evalwazzjoni magħżula għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq. B’hekk, peress li kien hemm dubju dwar kienx possibbli li wieħed jiddefinixxi element ta’ tqabbil xieraq għall-finijiet tal-iffissar ta’ prezz tas-suq ġust għas-servizzi tal-ajruport u li jieħu inkunsiderazzjoni d-differenza fl-ispiża u fid-dħul bejn l-ajruporti, il-komparabbiltà baxxa bejn tranżazzjonijiet bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru, id-diffikultà li jinstab kampjun ta’ ajruporti u tranżazzjonijiet paragunabbli u l-provvista ta’ servizzi bi prezz li jwassal għal telf inkrementali, il-Kummissjoni għażlet il-metodu tal-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali u ma għamlitx l-analiżi komparattiva.

144

Dan l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex ikkontestat mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti, jiġifieri s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, EU:C:2003:388, punti 38 u 39) li, fl-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà li titqabbel is-sitwazzjoni ta’ impriża privata ma’ dik ta’ impriża privata li ma toperax f’settur riżervat, il-kundizzjonijiet normali tas-suq, li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli, bħall-ispejjeż sostnuti mill-impriża pubblika. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza għandha tinqara fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, jiġifieri l-impossibbiltà li tiġi applikata analiżi komparattiva u għaldaqstant l-assenza ta’ għażla bejn tali analiżi u metodi oħra. Konsegwentement, fis-sentenza msemmija iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-eżistenza ta’ ġerarkija bejn l-analiżi komparattiva u metodi oħra, iżda kkonstatat biss l-impossibbiltà li tintuża analiżi komparattiva f’dan il-każ.

145

Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni allegatament invokat fis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et (C‑83/01 P, C‑93/01 P u C‑94/01 P, EU:C:2003:388), li jistabbilixxi ġerarkija bejn l-analiżi komparattiva u metodi oħra, ma jistax jintlaqa’.

146

Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jistgħux b’mod validu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li s-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni (T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57), u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni (T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604), kienu jikkonċernaw l-istrument analitiku ta’ qligħ medju fis-settur, peress li f’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-użu ta’ qligħ medju fis-settur kien biss strument analitiku fost oħrajn fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2) TFUE.

147

Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu validament jibbażaw rwieħhom fuq il-ġurisprudenza li tgħid li l-fatt li t-tranżazzjoni kontenzjuża tkun raġonevoli għall-awtorità pubblika ma jeżentax lill-Kummissjoni milli tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni tagħtix lill-impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, EU:T:2003:57, punt 315, u tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punt 213). Fil-fatt, l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali għandha l-għan li tivverifika jekk, bil-konklużjoni tal-ftehim, l-awtorità pubblika, li taġixxi bħala operatur f’ekonomija tas-suq li tinsab, sa fejn possibbli, fl-istess sitwazzjoni, kinitx ibbenefikat lill-parti l-oħra fil-ftehim b’vantaġġ ekonomiku li ma setgħetx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

148

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konklużjoni ta’ kuntratt li ma huwiex profittabbli għall-ajruport pubbliku minħabba l-ineffikaċja tiegħu stess ma tagħtix vantaġġ lill-kumpannija tal-ajru fir-rigward tal-kundizzjonijiet normali tas-suq, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza (punt 140 iktar ’il fuq u l-punt 181 iktar ’il quddiem), l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq ma hijiex intiża li tirrikjedi effikaċja minima fit-tħaddim ta’ attività partikolari, iżda sabiex tiddetermina jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat komparabbli setax jitwassal li jieħu l-miżura inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tal-ispejjeż u tad-dħul tal-entità pubblika li l-aġir tagħha titqabbel ma’ dik ta’ operatur f’ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

149

Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kellha twettaq analiżi komparattiva għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq għandu jiġi miċħud.

b)   Fuq il-motivi invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex twarrab, f’din il-kawża, l-analiżi komparattiva

150

Ir-rikorrenti jikkontestaw il-motivi speċifiċi li l-Kummissjoni invokat fil-premessi 360 sa 369 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiċħad, f’din il-kawża, l-analiżi komparattiva.

151

B’mod partikolari, huma jinvokaw essenzjalment ħames ilmenti li bihom dawn il-motivi jinkludu żbalji ta’ evalwazzjoni u nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

1) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li d-diversità tal-ajruporti tagħmel invalida l-analiżi komparattiva

152

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddikjarat li d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-ajruporti Ewropej tagħmel invalida l-analiżi komparattiva.

153

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motiv dwar id-differenza fl-istruttura tal-ispejjeż, tad-dħul u tal-kundizzjonijiet l-oħra bejn l-ajruporti (premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda data jew l-ebda eżempju sabiex tispjega l-livell u l-kobor ta’ dawn id-differenzi. Issa, kienet il-Kummissjoni li kellha ġġib argumenti speċifiċi fil-kawża sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-analiżi komparattiva, li kellha tkun il-metodu prinċipali ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.

154

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istruttura tal-ispejjeż u tad-dħul kellha t-tendenza li tvarja ħafna minn ajruport għal ieħor, u insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, elenkat sensiela ta’ indikaturi ta’ diverġenza ta’ spejjeż u ta’ dħul. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument konkret li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-espożizzjoni tal-imsemmija indikaturi hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

155

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-raġuni li tirrigwarda l-paragunabbiltà baxxa tat-tranżazzjonijiet bejn ajruporti u kumpanniji tal-ajru (premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod żbaljat sostniet li t-tariffi tal-ajruporti b’mod ġenerali ma kinux paragunabbli bejn l-ajruporti.

156

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jwettqu qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata meta huma jsostnu li l-Kummissjoni qieset li t-tariffi tal-ajruporti bejn l-ajruporti ma kinux paragunabbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata, li, kif wera l-każ inkwistjoni, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-ajruporti u l-kumpanniji tal-ajru ma kinux neċessarjament ibbażati fuq lista ta’ prezzjijiet pubbliċi fir-rigward ta’ servizzi individwali, iżda għandhom firxa wiesgħa u għaldaqstant ma humiex komparabbli fuq il-bażi ta’ prezz b’rotazzjoni jew għal kull passiġġier. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-ftehim bejn l-ajruport ta’ Pau u r-rikorrenti kienu jmorru ferm lil hinn mis-sempliċi applikazzjoni ta’ tariffi standard fis-seħħ fl-ajruport fir-rigward tal-imposti tal-ajruport u kienu jikkonsistu fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

157

Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni wettqet żball meta fil-premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li l-listi ta’ prezzijiet pubbliċi ma jirrappreżentawx neċessarjament il-ftehimiet kummerċjali bejn l-ajruporti u l-linji tal-ajru, ma jistax jiġi aċċettat.

158

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-livell iktar baxx ta’ tariffi nnegozjati individwalment bejn l-ajruporti u ċerti kumpanniji tal-ajru, inqas mill-prezzijiet pubbliċi, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi kkunsidrat li analiżi komparattiva fuq il-bażi tal-listi ta’ prezzijiet pubbliċi tikkostitwixxi approċċ rilevanti. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni qieset, fil-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tranżazzjonijiet inkwistjoni kienu jinkludu numru ta’ prezzijiet, jiġifieri t-tariffi tal-ajruport, il-prezz tas-servizzi ta’ groundhandling u l-prezz tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, dak li r-rikorrenti ma jikkontestawx. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata, tali tranżazzjonijiet ma jistgħux b’mod utli jitqabblu billi jkunu limitati għat-tariffi tal-listi tal-prezzijiet pubbliċi, u billi jiġi eskluż, għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tar-remunerazzjoni għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

159

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-liberalizzazzjoni tas-settur tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa sabiex tiġġustifika ċ-ċaħda tal-analiżi komparattiva mingħajr ma tipproduċi elementi li jikkonfermaw dan, hemm lok li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni semmiet fil-premessa 363 tad-deċiżjoni kkontestata il-liberalizzazzjoni sabiex tispjega d-differenzi fil-prattiki kummerċjali bejn l-ajruporti, li jrendu kwalunkwe analiżi purament komparattiva iktar ikkumplikata. Kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jallegaw, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex intiża li teskludi l-analiżi komparattiva sabiex tiddetermina jekk operatur f’ekonomija tas-suq kienx jagħmel arranġament partikolari fis-setturi lliberalizzati, jew fis-setturi kollha.

160

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li r-rifjut tal-analiżi komparattiva tal-ajruporti huwa f’kontradizzjoni mal-approċċ tal-Kummissjoni f’setturi oħra, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat għandha natura legali u għandu jiġi interpretat biss abbażi tal-Artikolu 107(1) TFUE u mhux abbażi ta’ kwalunkwe prattika amministrattiva preċedenti tal-Kummissjoni, jekk wieħed jassumi li din tkun stabbilita (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161

Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni ma użatx id-data miġbura permezz ta’ t-talbiet għal informazzjoni tagħha dwar il-paragun bejn l-ajruporti ma jikkontestax il-kredibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif tispjega l-Kummissjoni, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma kkunsidratx id-data li hija ma kinitx finalment ikkunsidrat rilevanti għall-approċċ użat. Issa, hija kkonstatat fil-premessa 365 tad-deċiżjoni kkontestata li ebda terz interessat ma pproponilha kampjun ta’ ajruporti li jkun suffiċjentement paragunabbli mal-ajruport ta’ Pau fir-rigward ta’ numru ta’ parametri speċifiċi.

162

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li d-diversità tas-sitwazzjonijiet tal-ajruporti, f’din il-kawża, kienet tagħmel invalida l-“analiżi komparattiva ta’ Ryanair”, għandu jiġi miċħud.

2) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ir-riferiment żbaljat għall-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi ma’ AMS

163

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti jibbażaw fuq rapport imħejji mill-konsulent ekonomiku tagħhom li huma ppreżentaw lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem l-“istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011”). Qabel kollox, dan l-istudju jidentifika, abbażi ta’ metodoloġija ddefinita qabel, tliet ajruporti ta’ tqabbil. Sussegwentement, hija tqabbel it-tariffi li Ryanair tħallas lill-ajruport ta’ Pau mat-tariffi li hija tħallas lill-imsemmija ajruporti. Fl-aħħar nett, l-istudju jikkonkludi li l-livell ta’ tariffi mħallsa minn Ryanair fl-ajruport ta’ Pau huwa sostanzjalment ogħla minn dak tal-ispejjeż imħallsa minn dawn l-ajruporti ta’ tqabbil, kemm fuq il-bażi ta’ prezz b’rotazzjoni kif ukoll fuq dak ta’ prezz għal kull passiġġier. Skont l-imsemmi studju, dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li t-tariffi mħallsa minn Ryanair lill-ajruport ta’ Pau kienu ta’ livell konformi mat-tariffi li kienu proposti f’ċirkustanzi simili minn investitur privat f’ekonomija tas-suq li għandu ajruport. Barra minn hekk, l-istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011 jindika li l-analiżi magħmula ma ħaditx inkunsiderazzjoni il-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni stabbiliti bejn l-ajruport ta’ Pau u AMS.

164

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat l-istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011 bħala inutli minħabba li dan kien limitat għall-pagamenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport mingħajr ma jitqiesu l-pagamenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-prezz tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jirrifletti valur ekonomiku indipendenti, kif ġie muri minn bosta studji ekonomiċi li ġew prodotti matul il-proċedura amministrattiva, u dan il-prezz jikkumpensa kompletament dan il-valur, li jwassal għal riżultat nett ta’ zero. Il-fatt li l-kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu ġew iffirmati fl-istess data u minn kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp ma jippermettix lill-Kummissjoni li titratta l-pagamenti skont il-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni bħala tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport previsti fil-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport.

165

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tivverifika jekk tranżazzjoni speċifika għandhiex elementi ta’ għajnuna mill-Istat, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih isseħħ din it-tranżazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2011, Konsum Nord vs Il-Kummissjoni, T‑244/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:732, punt 57). Fil-fatt, l-eżami ta’ tranżazzjoni barra mill-kuntest tagħha jista’ jwassal għal riżultati purament formali li ma jikkorrispondux għar-realtà ekonomika (sentenza tat‑8 ta’ Jannar 2015, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, T‑58/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:1, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, huwa neċessarju li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata kollha kemm hi sabiex jiġi vverifikat jekk l-entità tal-Istat aġixxietx bħala operatur razzjonali f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, EU:T:2008:585, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

F’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kien inseparabbli mill-kuntratt ta’ servizzi fl-ajruport sottostanti u li għalhekk kellha, għal kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, tanalizza dan il-kuntratt u l-kuntratt ta’ servizzi fl-ajruport konkluż fl-istess ħin bħala miżura waħda (premessi 286 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata). Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, hija b’mod partikolari kkonstatat, fil-premessi 289 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport korrispondenti kienu ġew konklużi kważi fl-istess ħin u mill-istess partijiet, li jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni semmiet, fil-premessi 291 sa 313 tad-deċiżjoni kkontestata, ċertu numru ta’ elementi oħra li juru r-rabtiet supplimentari u stretti bejn il-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-kuntratti tas-servizzi fl-ajruport konklużi fl-istess ħin. B’hekk, wara eżami tal-kontenut tad-diversi kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu, kemm minħabba t-tul tagħhom kif ukoll minħabba n-natura tagħhom, marbuta mill-qrib mas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ Ryanair li kienu s-suġġett tal-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport. F’dan ir-rigward, hija nnotat li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jindikaw li għandhom l-oriġini tagħhom fl-impenn ta’ Ryanair li topera s-servizzi tat-trasport bl-ajru inkwistjoni. Hija kkonstatat ukoll li, iktar milli kienu maħsuba sabiex iżidu b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni l-frekwentazzjoni ta’ Pau u r-reġjun tagħha mit-turisti u n-negozjanti, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni huma mmirati speċifikament lejn persuni li jistgħu jużaw is-servizzi ta’ trasport ta’ Ryanair u essenzjalment għandhom l-għan li jirreklamaw dawn is-servizzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-punti ta’ fatt ippreżentati iktar ’il fuq juru li, fl-assenza tar-rotot tal-ajru inkwistjoni, u għaldaqstant tal-kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport li jikkonċernawhom, il-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinux ikunu konklużi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddeduċiet mid-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi li l-konklużjoni tal-kuntratti kollha ta’ servizzi tal-ajruport tidher li kienet tiddependi mill-konklużjoni tal-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni (ara l-premessi 309 sa 311 tad-deċiżjoni kkontestata).

168

Issa, ir-rikorrenti ma jirnexxilhomx jikkonfutaw din l-analiżi. Il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatt li kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kien ġie ffirmat kważi fl-istess jum bħall-kuntratt ta’ servizzi fl-ajruport minn partijiet li jappartjenu għall-istess grupp ta’ kumpanniji. Hija mhux biss ħadet dawn l-elementi inkunsiderazzjoni, iżda wkoll elementi oħra bħalma huma b’mod partikolari l-kliem stess tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-konstatazzjoni li, fl-assenza tar-rotot tal-ajru inkwistjoni, il-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinux ikunu ġew konklużi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni kienu jipprevedu b’mod espliċitu li għandhom l-oriġini tagħhom mill-impenn ta’ Ryanair li topera rotta bl-ajru mill-ajruport ta’ Pau.

169

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda element li jista’ jikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa marbut mill-qrib ma’ kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport u ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru li jikkostitwixxu s-suġġett tiegħu.

170

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra mingħajr ma twettaq żball li kellha tanalizza, għal kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, dan il-kuntratt u l-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport konkluż fl-istess ħin bħala miżura waħda.

171

Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball tqis li t-tranżazzjonijiet li jridu jiġu analizzati huma sett ikkumplikat magħmul minn kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport u kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u li analiżi komparattiva tad-dħul tal-ajruport biss mitlub miċ-CCIPB lill-kumpanniji tal-ajru kkonċernati mat-tariffi tal-ajruport mitluba f’ajruporti oħrajn ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni utli rigward l-osservanza tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq (premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, l-istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011 kien limitat għat-tqabbil tat-tariffi tal-ajruport, filwaqt li l-applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq kienet timplika li, fil-każ inkwistjoni, il-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jjkunu kkunsidrati bħala tranżazzjoni waħda.

172

L-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-prezz tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kien jikkumpensa l-valur tal-imsemmija servizzi għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, dan l-argument huwa bbażat fuq l-ipoteżi żbaljata li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi tal-ajruport huma distinti u awtonomi (ara l-punti 165 sa 170 iktar ’il fuq) u li, għalhekk, il-prezz tax-xiri tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma jistax jitnaqqas mit-tariffi tal-ajruport ġejjin mir-rotta tal-ajru operata minn Ryanair u li hija s-suġġett tal-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport konkluż fl-istess ħin mal-kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni.

173

Minn dan isegwi li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-prezz imħallas għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jikkumpensa kompletament il-valur ta’ dawn is-servizzi għandha tiġi miċħuda.

174

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq ir-riferiment żbaljat għall-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi ma’ AMS.

3) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq iċ-ċaħda tal-analiżi komparattiva minħabba li l-kuntratti eżaminati jiġġeneraw spejjeż inkrementali ogħla mid-dħul inkrementali

175

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta ċaħdet l-analiżi komparattiva minħabba li kien prevedibbli li l-kuntratti eżaminati jiġġeneraw spejjeż inkrementali ogħla mid-dħul inkrementali. L-approċċ tal-Kummissjoni kien jimplika t-twettiq ta’ analiżi tal-profittabbiltà inkrementali fil-kuntest tal-analiżi komparattiva, u b’hekk kien jimplika applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ analiżijiet, u dan imur kontra l-ġurisprudenza.

176

F’dan ir-rigward, ċertament, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li, jekk wiħed jassumi li jista’ jkun stabbilit, abbażi ta’ analiżi komparattiva valida, li l-prezzijiet inkwistjoni fid-diversi tranżazzjonijiet li qegħdin jiġu analizzati hawn huma ekwivalenti jew ogħla mill-prezzijiet tas-suq stabbiliti permezz ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet simili, hija xorta waħda ma tkunx tista’ tikkonkludi li dawn it-tranżazzjonijiet kienu konformi mal-prezz tas-suq jekk jirriżulta li, meta ġew miftiehma, l-operatur tal-ajruport seta’ jippretendi li jiġġeneraw spejjeż inkrementali ogħla mid-dħul inkrementali. Skont il-Kummissjoni, operatur f’ekonomija tas-suq ma għandu l-ebda interess li joffri oġġetti jew servizzi għall-prezz tas-suq meta dan l-aġir iwassal għal telf inkrementali.

177

Issa, għandu jitfakkar li l-analiżi komparattiva hija biss għodda analitika fost oħrajn għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li l-użu ta’ dan il-metodu ta’ analiżi ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tagħmel analiżi kompleta tal-elementi rilevanti kollha tat-tranżazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha. Il-Kummissjoni setgħet, għaldaqstant, tikkunsidra li dħul negattiv kien prevedibbli fil-kuntest ta’ transazzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punti 44 u 45).

178

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx, f’dan il-każ, żball meta semmiet id-dħul negattiv tal-kuntratti inkwistjoni fl-eżami tagħha tan-natura adegwata tal-analiżi komparattiva.

[omissis]

c)   Fuq l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-analiżi komparattiva turi li l-ebda vantaġġ ma ngħata permezz tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u tal-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport

228

Ir-rikorrenti jsostnu, billi jirreferu għar-rapporti ekonomiċi ppreżentati u provi oħra prodotti fil-fajl amministrattiv, li l-analiżi komparattiva turi li l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport ma taw ebda vantaġġ ekonomiku. Minn naħa, minn diversi rapporti ekonomiċi jirirżulta li l-prezz indikat fil-kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa konformi mal-prezz tas-suq miksub minn AMS mill-klijenti privati jew mal-prezz tas-suq imħallas minn klijenti privati għal servizzi simili pprovduti minn fornituri oħra ta’ servizzi. Min-naħa l-oħra, l-istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011 juri li t-tariffi tal-ajruport imħallsin minn Ryanair lill-ajruport ta’ Pau huma ta’ livell konformi ma’ dak ta’ tariffi li kienu jiġu offruti f’ċirkustanzi simili minn operatur f’ekonomija tas-suq li għandu ajruport.

229

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif tindika l-Kummissjoni, l-argument tar-rikorrenti, li huwa bbażat fuq l-imsemmija rapporti ekonomiċi u l-istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011, huwa ineffettiv, peress li jitlaq mill-premessa żbaljata li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi fl-ajruport huma distinti u awtonomi, filwaqt li, fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni, għandu jiġi analizzat, għal kull kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, dan il-kuntratt u l-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport korrispondenti bħala miżura waħda sabiex jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxux vantaġġ (ara l-punt 165 u 170 iktar ’il fuq).

230

F’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, għandu jitfakkar li r-rapporti ekonomiċi inkwistjoni ma jqisux il-fatt li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS kienu akkwistati mill-ajruport ta’ Pau sabiex jippromwovu l-operat tal-linji tal-ajru pprovduti minn Ryanair. B’hekk, żewġ rapporti ekonomiċi jqabblu l-prezzijiet tal-ispazji ta’ reklamar u ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq is-sit internet ta’ Ryanair mal-prezzijiet mitluba mis-siti ta’ kumpanniji tal-ajru oħra jew siti oħra tal-internet tal-ivvjaġġar għal reklamar fuq l-internet. Bl-istess mod, rapport ieħor ekonomiku jqabbel il-prezzijiet indikati fl-iskali ta’ tariffi ta’ AMS mal-prezzijiet tal-iskemi tat-tariffi ta’ servizzi ta’ reklamar fuq firxa wiesgħa ta’ siti oħra tal-internet tal-ivvjaġġar Ewropej. Ir-rapporti ma jsostnux b’mod partikolari li dawk li jirreklamaw fuq siti internet oħrajn tal-ivvjaġġar huma komparabbli mal-ajruporti li jixtru servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li huma relatati mas-servizzi tat-trasport tal-ajru ta’ kumpannija tal-ajru.

231

Barra minn hekk, ir-rapporti ekonomiċi tal-prodotti inkwistjoni li huma bbażati fuq l-ipoteżi ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ servizzi tal-ajruport distinti u awtonomi, bl-ebda mod ma jipprovaw jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni huma inseparabbli mill-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru li jikkostitwixxu s-suġġett tiegħu. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jinvokaw dawn ir-rapporti ekonomiċi sabiex jirrifjutaw din l-analiżi.

232

Fir-rigward ta’ eżempji ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li permezz tagħhom ċerti ajruporti privati xtraw servizzi ta’ AMS, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħu ma wrewx li l-ajruporti privati jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-ajruport ta’ Pau meta huma kkonkludew dawn il-kuntratti.

233

Fir-rigward tal-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport, l-istudju tal‑31 ta’ Awwissu 2011 jillimita ruħu li jqabbel it-tariffi tal-ajruport imposti fl-ajruport ta’ Ġau mat-tariffi tal-ajruport imposti fl-ajruporti ta’ tqabbil mingħajr ma jqis il-kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni korrispondenti, filwaqt li ż-żewġ tipi ta’ kuntratti għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżura waħda.

234

Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

[omissis]

2.   Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni u fuq motivazzjoni insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali

[omissis]

a)   Dwar ir-rifjut tal-għoti mill-Kummissjoni ta’ valur xieraq għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali

250

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni allokat l-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-kuntratti ta’ servizzi fl-ajruport, filwaqt li sostniet li l-uniku benefiċċju li ċ-CCIPB seta’ jistenna li jikseb mill-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kien iż-żieda fit-traffiku (fil-każ inkwistjoni li jiġi żgurat rata ta’ mili ta’ titjiriet ta’ 85 %) matul iż-żmien tal-operat tar-rotot ta’ Ryanair, peress li l-benefiċċji l-oħra kienu wisq inċerti sabiex jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-profittabbiltà tal-kuntratti. B’hekk il-Kummissjoni kienet allokat l-ispejjeż kollha tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq it-tul tal-kuntratti eżaminati mingħajr ma inkludiet il-benefiċċji l-oħraa tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

251

B’mod partikolari, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, fl-assenza ta’ prova ta’ prezz eċċessiv, il-valur xieraq ta’ servizz, inkluż servizz ta’ kuummerċjalizzazzjoni jew ta’ reklamar, ikun il-prezz tas-suq. Peress li l-Kummissjoni inkludiet l-ammonti mħallsa mill-ajruport ta’ Pau lil AMS fost l-ispejjeż fl-analiżi tagħha tal-profittabbiltà inkrementali, il-valur tas-servizzi pprovduti minn AMS kellu jiġi inkluż fost il-benefiċċji u għaldaqstant iwassal għal riżultat nett ta’ zero.

252

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kellhomx l-għan li jiżguraw rata ta’ mili għoli fuq ir-rotot ta’ Ryanair. L-ajruport ta’ Pau kien jikseb il-livell ta’ traffiku mixtieq permezz tal-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport, filwaqt li r-rati ta’ mili għolja tar-rotot ikunu pprovduti minn Ryanair permezz tal-kummerċjalizzazzjoni tiegħu stess, b’mod partikolari permezz ta’ avviżi ta’ roħs fil-prezzijiet fuq rotot magħżula għal perijodi qosra f’intervalli frekwenti. Ajruport ma jistax iwettaq din il-ħidma għal Ryanair permezz tal-kummerċjalizazzjoni.

253

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddikajrat b’mod żbaljat li s-sit internet ta’ Ryanair ma setax ikun utli sabiex jippromwovi l-linji ta’ Ryanair u seta’ biss jipproponi kummerċjalizzazzjoni li għandha effett għal żmien qasir, peress li ma kienx effikaċi daqs numru ta’ siti oħra tal-internet. Hija allegatament ma eżaminatx il-provi prodotti minn Ryanair, li jistabbilixxu l-popolarità kbira tas-sit internet ta’ din tal-aħħar, iżda sempliċement affermat li dan is-sit ma kienx effikaċi meta mqabbel ma’ siti oħra tal-internet u li r-reklamar fuq it-televiżjoni u fuq il-posters kien jolqot iktar il-konsumaturi.

254

Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni alletgatament wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni billi ma tatx valur xieraq lis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS.

255

Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

256

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-argumenti mressqa insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw il-mod kif il-valur tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ġie inkorporat fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali dwar il-kuntratti inkwistjoni.

257

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-benefiċċji li operatur f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok iċ-CCIPB, seta’ jistenna mill-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni. B’mod partikolari, hija kkonstatat li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu adatti sabiex iħeġġu l-frekwentazzjoni tar-rotot bl-ajru koperti mill-kuntratti inkwistjoni. Hija żiedet li dan l-effett kien jibbenefika mhux biss lill-kumpannija tal-ajru, iżda wkoll lill-ajruport ta’ Pau, peress li ż-żieda fl-għadd ta’ passiġġieri seta’ jwassal sabiex l-operatur tal-ajruport ikollu żieda fid-dħul tal-ajruport u dak mhux tal-ajruport. Minn dan hija ddeduċiet li, meta tevalwa l-interess sabiex jiġu konklużi l-kuntratti eżaminati, operatur f’ekonomija tas-suq seta’ jikkunsidra dan l-effett pożittiv (premessi 332 sa 335 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ċaħdet bħala wisq inċerti il-benefiċċji kollha tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jmorru lil hinn mir-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti inkwistjoni u t-tul tagħhom (premessi 337 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-profittabbiltà inkrimentali, il-Kummissjoni inkorporat dan l-effett benefiku fir-rata tal-mili magħżul għar-rotot koperti mill-kuntratti (premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, hija inkludiet l-ammonti mħallsa miċ-CCIPB lil AMS għax-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fost l-ispejjeż li għandhom jitnaqqsu mid-dħul inkrementali marbut mar-rotot tal-ajru ikkonċernati (premessi 416 u 429 tad-deċiżjoni kkontestata).

258

Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-argument ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata għandu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiġi miċħud. Fil-fatt, il-mod kif il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni minn AMS fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

259

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

260

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jikkritika l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-użu tas-sit tal-internet ta’ Ryanair, li jeħtieġ li jiġi eżaminat qabel l-argumenti l-oħra, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, fl-evalwazzjoni tan-natura fit-tul tal-effetti pożittivi tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li operatur f’ekonomija tas-suq kien qed jipprevedi, il-Kummissjoni ma kkontestatx il-popolarità tas-sit tal-internet ta’ Ryanair, kif jirriżulta mill-provi prodotti, f’termini ta’ għadd ta’ żjarat, diretti jew permezz ta’ mutur ta’ tfittxija, iżda eżaminat l-impatt tiegħu fuq l-aġir tax-xiri ta’ dawk li żaru l-istess sit tal-internet. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li ma tantx kien probabbli li t-tifkira li l-viżitaturi tas-sit tal-internet ta’ Ryanair jiftakru tal-promozzjoni ta’ Pau u tar-reġjun tagħha bħala destinazzjoni tal-ivvjaġġar setgħet baqgħet u influwenzat ix-xiri tagħhom ta’ biljetti tal-ajru lil hinn minn ftit ġimgħat (premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata).

261

Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-provi li juru l-popolarità tas-sit internet ta’ Ryanair għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, minħabba l-popolarità li għandu l-imsemmi sit internet ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet dwar l-effetti għat-tul mistennija, fuq l-aġir tal-konsumaturi u t-traffiku lejn l-ajruport ta’ Pau ta’ żjara fuq il-paġna ta’ dan is-sit internet iddedikat lil Pau, fid-dawl tat-tul limitat ta’ tali reklamar u l-fatt li huwa kien limitat kważi esklużivament għall-paġna fuq tal-istess sit iddedikata lil Pau u mhux viżibbli fuq l-imsemmi sit internet kollu.

262

Min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l-effetti fuq l-aġir tal-konsumaturi, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 341 tad-deċiżjoni kkontestata, li kampanja ta’ reklamar jista’ jkollha effetti fit-tul meta l-operazzjonijiet ta’ promozzjoni jsiru permezz ta’ mezz wieħed jew iktar ta’ kummerċjalizaazzjoni li għalihom il-konsumaturi kienu esposti ta’ spiss matul perijodu speċifiku. Bħala eżempjiu hija ssemmi kampanja ta’ reklamar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni u dawk tar-radju ġeneralisti, fuq għadd ta’ siti tal-internet jew fuw diversi billboards imxerrda barra jew f’postijiet pubbliċi, li jistgħu jipproduċu tali effett fit-tul fuq il-konsumaturi jekk dawn tal-aħħar ikollhom aċċess għal dawn il-mezzi b’mod passiv u ripetut. Għall-kuntrarju, hija qieset li operazzjoni ta’ reklamar limitata għal ċerti paġni tas-sit internet ta’ Ryanair biss ftit li xejn setgħet ikollha effett li jdum b’mod sinjifikattiv iktar mit-tul tal-operazzjoni ta’ promozzjoni. Skontha, kien hemm probabbiltà żgħira ħafna li dawk li jżiru s-sit internet ta’ Ryanair kienu jiftakru r-reklamar viżiv ta’ Pau u tar-reġjun tagħha fit-tul u b’mod seta’ jinfluwenza x-xiri tagħhom tal-biljetti tal-ajru għal iktar minn ftit ġimgħat. F’dan ir-rigward, hija kkunsidrat, fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien probabbli li ż-żjara tas-sit tal-internet inkwistjoni ma tkunx frekwenti biżżejjed sabiex tipproduċi waħedha fuq il-konsumatur tifkira fit-tul li dan is-sit kien jipproponi promozzjoni fuq ċerta destinazzjoni.

263

Minn dan isegwi li, sabiex jiġu evalwati l-effetti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha prinċipalment fuq id-distinzjoni bejn, minn naħa, l-effetti ta’ kampanji li l-konsumaturi kienu esposti għalihom ta’ spiss, u b’mod passiv u ripetut, u, min-naħa l-oħra, dawk tal-azzjoni promozzjonali fuq is-sit internet ta’ Ryanair, limitata għal ċerti paġni għal għadd limitat ta’ jiem fuq perijodu ta’ ħames snin, u għalhekk ma għandhiex effetti fit-tul lil hinn mit-tul tal-promozzjoni.

264

Ir-rikorrenti jsostnu li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tinkludix it-tul estremament twil ta’ żjarat fuq is-sit internet ta’ Ryanair u tinjora l-opinjoni tal-esperti fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni, li stabbilixxew li l-operazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mmirati kienu intiżi għall-pubbliku ristrett kienu iktar effikaċi u profittabbli mill-espożizzjoni mhux immirata u passiva għall-pubbliku inġenerali. Huma jibbażaw rwieħhom f’dan ir-rigward fuq żewġ rapporti ekonomiċi.

265

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni spjegat, u kkonstatat, fil-premessa 342 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-promozzjoni tar-reġjun ta’ Pau fuq il-paġna ewlenija tas-sit internet ta’ Ryanair kienet fil-qosor sempliċi ħolqa lejn sit internet indikat miċ-CCIPB għal perijodi limitati, jew qosra ħafna, f’termini ta’ numru ta’ ġranet, li bilkemm jista’ jkollha effetti fit-tul wara t-tmiem ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ promozzjoni. B’mod partikolari, hija spjegat li r-rikorrenti ma kinux ippruvaw janalizzaw, lanqas jikkwantifikaw, l-effetti tat-tnaqqis eżerċitati mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni skont il-kuntratti ta’ servizzi ta’ marketing fuq l-aġir tal-konsumaturi u l-impatt fit-tul fuq it-traffiku tal-ajruport ta’ Pau.

266

Għalkemm is-siltiet tar-rapporti ekonomiċi inkwistjoni jispjegaw b’mod ġenerali l-vantaġġi ta’ reklamar immirat fuq pubbliku ristrett, b’mod partikolari permezz ta’ AMS, ma jippermettux b’mod suffiċjenti li jinġibdu b’mod suffiċjenti konklużjonijiet dwar l-effetti reali fit-tul ta’ tali reklamar fuq l-aġir tax-xiri ta’ viżitaturi tas-sit internet ta’ Ryanair u fuq il-frekwenza tar-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti inkwistjoni.

267

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jaslux li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, fil-premessi 341 u 342 tad-deċiżjoni kkontestata li ma tantx kien probabbli li l-aċċess għall-promozzjoni għad-detinazzjoni ta’ Pau fuq is-sit internet ta’ Ryanair seta’ jħeġġeġ lill-persuni li jżuru dan is-sit internet li jixtru biljetti ta’ Ryanair għal Pau lil hinn minn xi ġimgħat wara li dak l-aċċess jew li l-promozzjoni fuq dan is-sit internet seta’ kellha effett li hija sinjifikattivament lil hinn mill-operazzjoni ta’ promozzjoni.

268

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-promozzjoni fuq is-sit internet ta’ Ryanair kellha effett biss għal żmien qasir li ma tmurx lil hinn mit-tul tal-kuntratti inkwistjoni jew tar-rotot mhux koperti minn dawn il-kuntratti.

269

Għaldaqstant, minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-premessa 344 tad-deċiżjoni kkontestata, li, anki jekk is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu ħeġġew il-frekwentazzjoni tar-rotot koperti mill-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn is-servizzi, kien probabbli ħafna li tali effett kien żero jew negliġibbli lil hinn minn dan il-perijodu jew fuq rotot oħrajn.

270

Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ma eżaminatx jekk ir-reklamar fuq is-sit Internet ta’ Ryanair kienx żied il-viżibbiltà ġenerali tal-ajruport ta’ Pau għar-rigward tal-passiġġieri kollha potenzjali ta’ Ryanair, kif ukoll ta’ kumpanniji speċjalizzati fil-kummerċ bl-imnut fl-ajruport.

271

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta evalwat l-effett tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sit internet ta’ Ryanair.

272

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li, peress li l-valur tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni huwa ugwali għall-prezz tas-suq, hija kkumpensat il-prezz tax-xiri ta’ dawn is-servizzi bħala spiża fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali, għandu jiġi kkunsidrat li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u s-servizzi tal-ajruport huma servizzi distinti u awtonomi u li l-valur tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni għandu għaldaqstant jiġi evalwat b’mod indipendenti mill-operat minn Ryanair tar-rotot tal-ajru u li huma koperti mill-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport relatati magħhom.

273

Issa, ir-rikorrenti ma jirrifjutawx b’mod validu l-approċċ oppost, adottat fid-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruporti huma marbuta mill-qrib sa fejn is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni huma maħsuba essenzjalment sabiex jippromwovu r-rotot tal-ajru (ara l-punti 165 sa 170 iktar ’il fuq u l-punti 279 u 280 iktar ’il quddiem. Permezz ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball tikkunsidra l-prezz tax-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni bħala spiża inkrementali li titnaqqas mid-dħul inkrementali li ġejn mir-rotot tal-ajru inkwistjoni.

274

Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma jirrifjutaw b’mod validu l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li operatur f’ekonomija tas-suq kien jikkunsidra kwalunkwe benefiċċju ieħor ħlief dak li jirriżulta mill-effett pożittiv fuq il-frekwentazzjoni tar-rotot tal-ajru operati minn Ryanair bħala inċert wisq sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod ikkwantifikat (ara l-premessi 337 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata).

275

Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni kkonstatat li, anki jekk is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu jistimulaw il-frekwentazzjoni tar-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti inkwistjoni matul it-tul ta’ dawk tal-aħħar, kien probabbli ħafna li tali effett kien żero jew negliġibbli lil hinn minn dan il-perijodu jew fuq rotot oħrajn (premessi 339 sa 342 u 344 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jikkonfutaw din il-konstatazzjoni (ara l-punti 260 sa 268 iktar ’il fuq).

276

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda prova li tirrifjuta l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li ż-żewġ metodi proposti minn Ryanair fl-istudji tas‑17 u l‑31 ta’ Jannar 2014 matul il-proċedura amministrattiva sabiex jiġu evalwati l-benefiċċji tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni li jmorru lil hinn mir-rotot tal-ajru inkwistjoni u mit-tul tal-operat ta’ dawn ir-rotot tal-ajru wrew riżultati inċerti u inaffidabbli ħafna (premessi 345 sa 357 tad-deċiżjoni kkontestata).

277

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbażat l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali bbażata fuq is-suppożizzjoni li operatur f’ekonomija tas-suq kien jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni biss għall-effett pożittiv fuq l-għadd ta’ passiġġieri li jużaw ir-rotta tal-ajru pprovduta minn Ryanair u, għaldaqstant, fuq id-dħul inkrementali supplimentari marbut mat-traffiku tal-passiġġieri fuq din ir-rotta, filwaqt li jikkunsidra l-prezz ta’ xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li għandu jitħallas lil AMS bħala spiża inkrementali għall-ajruport ta’ Pau li għandha titnaqqas mid-dħul inkrementali, u mhux bħala li ġie kkumpensat mill-valur tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

278

Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kellu bħala għan li jiżgura rata ta’ mili għolja fuq ir-rotot operati minn Ryanair.

279

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat, abbażi tad-diversi elementi li jikkonċernaw il-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni kif deskritti fil-premessi 292 sa 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu mmirati speċifikament għall-persuni li setgħu jużaw is-servizzi ta’ trasport ta’ Ryanair u kellhom l-għan ewlieni li jippromwovu dawn is-servizzi, u mhux b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni il-frekwentazzjoni ta’ Pau u tar-reġjun tagħha mit-turisti u l-vjaġġaturi fuq negozju (premessa 305 tad-deċiżjoni kkontestata).

280

Hemm lok li tiġi approvata din l-analiżi, li hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni pprovduti lill-operaturi tal-ajruport ta’ Pau kienu mmirati għall-passiġġieri potenzjali ta’ Ryanair li użaw ir-rotot tal-ajru operati mimm din il-kumpannija tal-ajru lejn jew mill-ajruport ta’ Pau, anki jekk dawn is-servizzi kienu jwettqu l-promozzjoni ta’ attrazzjonijiet turistiċi u ta’ laqgħat ta’ negozju fir-reġjun ta’ Pau. B’hekk, l-imsemmija servizzi jkunu marbuta mill-qrib mar-rotot tal-ajru operati minn Ryanair.

281

Barra minn hekk, il-promozzjoni ta’ rotot tal-ajru ta’ Ryanair permezz ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mixtrija mingħand AMS ma kinitx tipprekludi lil Ryanair milli tipprovdi hija stess rati ta’ mili għolja permezz tal-promozzjoni tagħha stess.

282

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li l-Kummissjoni b’mod żbaljat naqset milli tinkludi l-vantaġġi tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-analiżi tagħha ta’ profittabbiltà inkrementali għar-raġuni, imsemmija fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li operatur f’ekonomija tas-suq kien jirrifjuta li jikkonkludi tranżazzjoni koperta mill-kuntratt ta’ servizzi ta’ promozzjoni u l-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport, jekk l-ispejjeż inkrementali sostnuti għal din it-tranżazzjoni kienu jaqabżu d-dħul inkrementali f’valur preżenti, u dan anki jekk il-prezz li għandu jitħallas għal dawn is-servizzi fis-suq kien inqas minn daqs il-prezz tas-suq.

283

Skont ir-rikorrenti, din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika. Minn naħa, il-kumpanniji privati jinvestu ħafna drabi ammonti sinjifikattivi fi programmi għall-iżvilupp tat-trade mark tagħhom, filwaqt li jsostnu telf inkrementali fil-bidu jew f’sitwazzjoni ta’ avvjament. L-għan ma huwiex li jinkiseb immedjatament qligħ fuq l-investiment, iżda li jinkisbu benefiċċji fit-tul. Ir-rikorrenti jinvokaw il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni li ħadet inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali, miri kwalitattivi u strateġiċi tal-ajruporti li jmorru lil hinn minn sempliċi analiżi tal-ispejjeż u tal-benefiċċji. Il-kontribuzzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni għall-immaġni tal-ajruport kellha wkoll titqies bħala li tikkontribwixxi għall-benefiċċju ta’ din l-analiżi. Barra minn hekk, huma jirreferu għall-paragrafu 66 tal-Linji gwida tal-2014, li jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tevalwa l-ftehimiet bejn ajruporti u kumpanniji, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll sa fejn il-ftehimiet jistgħu jitqiesu bħala parti mill-istrateġija globali tal-ajruporti mistennija li għandha twassal għall-profitabbiltà, għall-inqas fit-tul. Min-naħa l-oħra, it-telf marġinali huwa, konformement mal-ġurisprudenza, kompatibbli mat-test tal-operatur f’ekonomija tas-suq fl-assenza ta’ alternattiva aħjar. Prezz ta’ bejgħ negattiv jista’ jkun kompatibbli ma’ dan il-kriterju, sakemm ma jkunx hemm alternattivi oħra, bħal falliment, u li t-telf ikun b’hekk inqas għall-Istat li kien il-bejjiegħ. Issa, il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod żbaljat it-telf li li kien jirriżulta mill-għeluq tal-ajruport.

284

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiddependi fuq evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni u għandha tiġi ddeterminata indipendentement minn kull prattika amministrattiva preċedenti ta’ din l-istituzzjoni, jekk tkun stabblita (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Spanja et vs Il-Kummissjoni, T‑319/12 u T‑321/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:604, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

285

Minn dan isegwi li ma huwiex utli li jiġi eżaminat jekk il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti hijiex ppruvata.

286

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti fid-dawl tal-kriterju prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, kif jirriżulta mill-Artikolu 107(1)TFUE.

287

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li operatur f’ekonomija tas-suq ipotetiku ggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà ma jkunx lest li jixtri servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, jekk kien jipprevedi li, minkejja l-impatt pożittiv ta’ dawn is-servizzi fuq il-frekwentazzjoni tar-rotot tal-ajru kkonċernati, l-ispejjeż inkrementali kkawżati mill-kuntratti jkunu jaqbżu d-dħul inkrementali f’termini ta’ valur preżenti.

288

Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, operatur f’ekonomija tas-suq li jopera ajruport ikunx mistenni jixtri servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni waqt li jsostni telf inkrementali f’valur preżenti nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jurux li tali operatur, li jaġixxi minflok iċ-CCIPB, kienx dispost, f’dan il-każ, jaġixxi b’tali mod.

289

F’dan il-każ, ir-rikorrenti sempliċement, fl-argumenti tagħhom, jaffermaw, b’mod ġenerali, li l-kumpanniji privati spiss jinvestu ammonti sostanzjali fl-iżvilupp tat-trade marks tagħhom filwaqt li jsostnu telf inkrementali inizjali, mingħajr ma jiksbu qligħ fuq l-investiment immedjat, madankollu bil-għan li jagħmlu profitti fit-tul. Huma ma jurux li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-premessi 345 sa 357 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-benefiċċji tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jmorru lil hinn mir-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti u t-tul ta’ operat ta’ dawn ir-rotot tal-ajru, kienu estremament inċerti u ma setgħux ikunu kkwantifikati bi grad ta’ affidabbiltà li jitqies suffiċjenti minn operatur f’ekonomija tas-suq.

290

B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element li tirrifjuta l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li ż-żewġ metodi proposti minn Ryanair fl-istudji tas‑17 u l‑31 ta’ Jannar 2014, matul il-proċedura amministrattiva, sabiex jiġu evalwati l-benefiċċji tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni li jmorru lil hinn mir-rotot tal-ajru inkwistjoni u mit-tul tal-operat ta’ dawn ir-rotot tal-ajru, jiġifieri il-qligħ futur li ġej b’mod partikolari mir-reputazzjoni u l-immaġini tat-trade mark qawwija minħabba s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li jagħtu riżultati inċerti u inaffidabbli ħafna (premessi 347 sa 350 u 353 tad-deċiżjoni kkontestata).

291

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jurux li operatur f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok l-operaturi tal-ajruport ta’ Pau, kien ikkunsidra li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mixtrija mingħand AMS kienu jikkostitwixxu investiment li jista’ jiġġenera profitti aktar fit-tul.

292

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-soluzzjoni l-inqas oneruża, għandu jiġi enfasizzat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat mingħajr ma twettaq żball li operatur f’ekonomija tas-suq, li jkun fis-sitwazzjoni ta’ operatur tal-ajruport ta’ Pau, ikun jistenna li l-kuntratti inkwistjoni ma jkunux profittabbli. Għaldaqstant, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, ir-rinunzja għall-iffirmar tal-kuntratti inkwistjoni kienet tirriżulta f’alternattiva aħjar għal tali operatur, peress li dawn il-kuntratti kellhom profittabiltà inkrementali negattiva u li l-konklużjoni tagħhom għaldawstant twassal għal deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmi ajruport.

293

Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li l-għeluq tal-ajruport ta’ Pau kien wassal għal telf iktar sinjifikattiv għall-proprjetarju tagħha mit-telf inkrementali mistenni tal-implimentazzjoni tal-imsemmija kombinazzjoni ta’ kuntratti inkwistjoni, operatur f’ekonomija tas-suq iggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà, li jaġixxi bħala operatur tal-imsemmi ajruport, kien pjuttost jippreferi, f’dan il-każ, li jirrinunzja li jikkonkludi dawn il-kuntratti.

294

Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

295

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fl-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali, id-dħul biss ikkawżat mir-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti eżaminati matul it-tul previst ta’ dawn il-kuntratti, għalkemm hija sostniet l-ispejjeż assoċjati mal-kuntratt tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li kienu mistennija li jiġu kkawżati fl-intier tagħhom matul l-imsemmi perijodu.

296

Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom il-Kummissjoni ma attribwietx valur xieraq lis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS għandhom jiġu miċħuda.

297

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu, fir-replika, li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-risposta li tgħid li operatur f’ekonomija tas-suq ma jkunx lest li jħallas il-klijent tiegħu għal perijodu sa tmien snin sakemm jistenna li jirkupra l-flus minfuqa matul is-snin li ġejjin, huwa infondat.

298

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, minn naħa, l-ajruporti huma proġetti kbar ta’ infrastruttura fit-tul li l-orizzont ta’ investiment tagħhom ikopri bosta għexieren ta’ snin, u, min-naħa l-oħra, skont il-letteratura ekonomika u finanzjarja, il-profittabbiltà ta’ investiment ma għandhiex neċessarjament tkun limitata għall-valur preżenti nett mistenni ta’ flussi finanzjarji futuri kkawżati minn dan l-investiment, iżda tista’ tinkludi wkoll il-valur ta’ għażliet strateġiċi. Operatur f’ekonomija tas-suq jista’ jwettaq investiment b’telf għal żmien qasir, anki b’valur preżenti nett żero jew negattiv, jekk kellu valur strateġiku u kien jagħti lill-impriża l-possibbiltà li tagħmel investimenti iktar profittabbli iktar fit-tul li jikkumpensaw it-telf inizjali. B’hekk, programm ta’ reklamar li jagħmel it-telf jista’ jikkostitwixxi investiment strateġiku sa fejn jiżviluppa l-valur tat-trade mark u b’hekk iżid il-profittabbiltà tal-kumpannija fit-tul.

299

F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li operatur f’ekonomija tas-suq li jsib ruħu fis-sitwazzjoni tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau ma kienx jibbaża fuq tiġdid tal-kuntratti inkwistjoni u għaldaqstant jaċċetta li jsostni telf matul it-tul previst tal-kuntratti peress li jkun kisen il-kumpens permezz tal-profitti futuri (ara l-punti 365 sa 380 iktar ’l quddiem).

300

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif indikat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jurux li l-letteratura ekonomika u finanzjarja li tidher li tirrigwarda s-settur tal-elettriku u proġetti ta’ investiment kapitali, hija rilevanti sabiex jiġi evalwat l-aġir tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau meta dan jiftaħ rotta ġdida tal-ajru. Fil-każijiet kollha, fir-rigward tal-iżvilupp tal-valur tat-trade mark fit-tul permezz tat-twaqqif ta’ programm ta’ kummerċjalizzazzjoni, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-punti 289 u 290 iktar ’il fuq.

301

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti u jiġi konkluż li l-ilment huwa mċiħud kollu kemm hu.

b)   Fuq iċ-ċaħda tal-motivi għad-deċiżjoni tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau li jixtri s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni

302

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, magħmula fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li operatur iggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà ma jkunx lest li jikkonkoldu l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jekk kien jipprevedi li l-ispejjeż inkrementali kkawżati mill-kuntratti inkwistjoni jaqbżu d-dħul inkrementali, ma tiħux inkunsiderazzjoni r-realtà kummerċjali. Il-kumpanniji privati ħafna drabi jinvestu ammonti sinjifikattivi sabiex jiżviluppaw trade marks, filwaqt li jafu li huma jsostnu telf inkrimentali fil-bidu. L-għan tagħhom ma huwiex li jinkiseb qligħ fuq investiment immedjat, iżda li jagħmlu profitti fit-tul.

303

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bosta benefiċċji kwalitattivi u strateġiċi li ċ-CCIPB setgħet raġonevolment tistenna li tikseb mill-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri t-titjib tal-immaġni tal-ajruport ta’ Pau u ż-żieda fil-valur tagħha tas-suq, id-diversifikazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru u ż-żieda fil-proporsjon ta’ passiġġieri li jaslu.

304

Ir-rikorrenti jinvokaw il-ġurisprudenza li timponi lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-miżuri kontenzjużi l-elementi rilevanti kollha, il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ għajnuna tal-ajruporti, li tqis l-għanijiet kwalitattivi u strateġiċi flimkien mal-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, u l-paragrafu 66 tal-Linji gwida tal-2014. Fir-replika, huma jżidu li l-inklużjoni tal-profitti prevedibbli fl-analiżi kien iwassal sabiex l-ispejjeż inkrementali ma kinux jaqbżu d-dħul inkrementali f’termini ta’ valur preżenti.

305

Il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjoni tal-profittabbiltà inkrementali prevista fil-punt 63 tal-Linji gwida tal-2014, li skontha l-ftehim konkluż bejn ajruport u linja tal-ajru jista’ jitqies bħala konformi mal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq meta jikkontribwixxu progressivament, minn prospett ex ante, għall-profittabbiltà tal-ajruport, u bil-kundizzjoni li tittieħed inkunsiderazzjoni l-miżura li fiha l-ftehim jista’ jitqies biss bħala parti minn strateġija kumplessiva tal-ajruport li mistennija li twassal għal profittabbiltà għall-inqas almenu fit-tul, prevista fil-paragrafu 66 ta’ dawn l-istess Linji gwida, huma kundizzjonijiet kumulattivi. Il-Kummissjoni tispjega li, wara li kkonstatat li l-kuntratti kollha inkwistjoni ma kinux jissodisfaw il-kundizzjoni tal-profittabbiltà inkrementali, hija setgħet tikkonkludi li l-ebda wieħed minn dawn il-kuntratti ma kien osserva l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, mingħajr ma għandha teżamina t-tieni kundizzjoni kumulattiva stabbilita fil-paragrafu 66 tal-Linji gwida tal-2014.

306

F’dan rigward, qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiddependi minn evalwazzjoni suġġettiva mill-Kummissjoni, hekk li ma jkun utli li jiġi eżaminat jekk il-prattika deċiżjonali preċdedenti tal-Kummissjoni invokata mir-rikorrenti seħħitx (ara l-punti 284 u 285 iktar ’il fuq).

307

Għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau li jikkonkludi l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, skont il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, kif jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE.

308

Hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni ta’ miżura, tal-elementi kollha rilevanti u tal-kuntest tagħhom (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, EU:T:2008:585, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

309

F’dan il-każ il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, li operatur f’ekonomija tas-suq ipotetiku ggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà ma jkunx lest li jixtri servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jekk kien jipprevedi li, minkejja l-impatt pożittiv ta’ dawn is-servizzi fuq il-frekwentazzjoni tar-rotot tal-ajru kkonċernati, l-ispejjeż inkrementali kkawżati mill-kuntratti jkunu jaqbżu d-dħul inkrementali f’termini ta’ valur preżenti.

310

Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li ftehim konkluż bejn ajruport u linja tal-ajru, li jwassal għal telf inkrementali f’valur preżenti nett ma jistax jitqies bħala konformi mal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq privat għar-raġuni li huwa parti minn strateġija kumplessiva tal-ajruport li mistennija li twassal għal profittabbiltà fit-tul, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, li r-rikorrenti ma jurux, fil-każ inkwistjoni, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġi imsejħa bħala kwalitattivi u strateġiċi invokati mir-rikorrenti.

311

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq rapport ekonomiku u ċerti dikjarazzjonijiet taċ-CCIPB matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għaċ-CCIPB, il-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kellhom l-għan li jinformaw lill-pubbliku dwar l-ajruport ta’ Pau, b’mod partikolari fost il-pubbliku fil-pajjiżi fit-tarf l-ieħor tar-rotot tal-ajru minn Ryanair, u li tiżdied ir-reputazzjoni u l-attrattività ta’ dan l-ajruport. It-reklamar ikun neċessarju għall-ajruporti reġjonali. Iċ-CCIPB setgħet raġonevolment tistenna li l-immaġni tal-ajruport, u, fl-aħħar mill-aħħar, il-valur tas-suq tagħha għas-sidien tagħha, titjieb.

312

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-utilità, jew in-neċessità, għall-ajruporti reġjonali li jiżviluppaw strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni.

313

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS ma setgħux itejbu l-immaġni tal-ajruport ta’ Pau fit-tul. Issa, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda elementi li juri li l-analiżi tal-Kummissjoni kienet ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.(ara l-punti 260 sa 268, 289 u 290 iktar ’il fuq).

314

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, kif spjegat il-Kummissjoni, is-siltiet tar-rapport ekonomiku li fuqu jibbażaw ruħhom ir-rikorrenti ma jispeċifikawx liema tip ta’ reklamar ta’ AMS seta’ kellu effett fit-tul, u lanqas ma jindikaw b’mod speċifiku l-kwistjoni dwar jekk is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS mixtrija mill-operatur tal-ajruport ta’ Pau setgħux jinfluwenzaw l-aġir tal-klijenti u jtejbu l-immaġni ta’ dak l-ajruport b’mod fit-tul lil hinn mill-perijodu kopert mill-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni jew fuq rotot tal-ajru li kienu operati minn Ryanair mill-ajriport ta’ Pau. Barra minn hekk, kif tispjega l-Kummissjoni, is-siltiet tar-rapport inkwistjoni ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-portata eżatta tal-imsemmija kuntratti, kuntrarjament għad-deċiżjoni kkontestata.

315

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-rieda tat-titjib tal-immaġni u, għaldaqstant, tal-valur tas-suq tal-ajruport ta’ Pau permezz tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

316

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jallegaw li ċ-CCIPB setgħet tistenna li tikseb mill-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li huma jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru fl-ajruport ta’ Pau. Fuq il-bażi ta’ rapport ekonomiku, huma jispjegaw li l-prova tas-suċċess ta’ ajruport li għamel reklamar għall-promozzjoni tiegħu stess jista’ jinkoraġġixxi kumpanniji oħra tal-ajru sabiex jinkludu dak l-ajruport fil-programm tagħhom. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li, għalkemm, fil-mument tal-bidu tal-attivitajiet ta’ Ryanair f’Pau, l-ajruport kien prinċipalment jintuża minn Air France u kien għaldaqstant jiddependi ħafna minn din il-kumpannija tal-ajru, dan ir-rwol ġie gradwalment mnaqqas mir-rotot bil-ferrovija ta’ veloċità għolja. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Pau, ikun razzjonali fuq il-pjan kummerċjali li tiġi allokata l-kapaċità b’hekk mhux użata lil linja tal-ajru li ser jgħinha ssir inqas dipendenti fuq il-grupp Air France.

317

Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jistabbilixxu li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni pprovduti minn AMS kienu jippermettu lil operatur f’ekonomija tas-suq li kien qed jaġixxi minflok iċ-CCIPB li jattira linji tal-ajru oħrajn fl-ajruport ta’ Pau. Il-Kummissjoni kkonstatat b’mod partikolari fil-premessi 337 sa 358 tad-deċiżjoni kkontestata li l-uniku benefiċċju ċert li tali operatur seta’ jistenna li jikseb mill-kuntratti tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kien jikkonsisti fiż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri fuq ir-rotot operati minn Ryanair. Min-naħa l-oħra, hija qieset li kull benefiċċju li jmur lil hinn minn dawn ir-rotot kien inċert wisq sabiex jiġu kkunsidrat b’mod ikkwantifikat. Ir-rikorrenti ma ressqu ebda element li jikkontesta din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

318

Barra minn hekk, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, għalkemm l-intenzjoni li jiġu attirati linji oħra tal-ajru sabiex tiżdied il-kapaċità mhux użata ta’ ajruport, tista’ tikkostitwixxi strateġija ekonomikament razzjonali, operatur f’ekonomija tas-suq, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jirrikjedi għall-inqas li l-wasla ta’ kumpannija tal-ajru ġdida ma għandhiex tikkawża spejjeż inkrementali li jaqbżu d-dħul inkrementali.

319

B’risposta għad-dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrenti fir-replika li tgħid li n-netwerk internazzjonali wiesa’ ta’ Ryanair kien jikkumpensa n-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-ajruport ta’ Pau barra mill-pajjiż, il-Kummissjoni spjegat b’mod plawżibbli li l-vjaġġaturi madwar id-dinja setgħu jmorru hemm, billi jużaw Air France, u jgħaddu minn Pariġi (Franza), u li Ryanair kienet kumpannija tal-ajru li kienet tiggarantixxi biss rotot diretti “punt sa punt” u li ma offrietx servizz ta’ korrispondenza ma’ destinazzjonijiet oħra.

320

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-vantaġġ li kkostitwiet id-diversifikazzjoni tal-kumpanniji tal-ajru għall-ajruport ta’ Pau.

321

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk il-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kellhomx bħala għan li jiżdied il-proporzjon ta’ passiġġieri li ġejjin mit-tarf l-ieħor tar-rotot li sejrin lejn Pau (“passiġġieri deħlin”) fl-għadd totali ta’ passiġġieri li Ryanair intrabtet li ġġib lejn l-ajruport ta’ Pau. Iż-żieda ta’ dan il-proporzjon fl-għadd totali ta’ passiġġieri ta’ Ryanair fl-ajruport ma hijiex marbuta maż-żieda fin-numru totali ta’ passiġġieri. L-ewwel żieda tikkonċerna d-diviżjoni bejn il-passiġġieri li ġejjin miż-żona ta’ attrazzjoni ta’ dan l-ajruport (“passiġġieri ħerġin”) u l-passiġġieri li ġejjin mit-tarf l-ieħor tar-rotot sejrin lejn Pau (“passiġġieri deħlin”), filwaqt li t-tieni żieda kienet tikkonċerna ċ-ċifri f’termini assoluti. L-għan li jiżdied il-proporzjon ta’ “passiġġieri deħlin” jokkupa post importanti fit-termini stess tal-imsemmija kuntratti. Konsegwentement, ladarba l-“passiġġieri deħlin” kienu tali li jikkawżaw dħul mhux mill-avjazzjoni ogħla mill-“passiġġieri ħerġin”, l-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali tal-Kummissjoni tista’ tissottovaluta l-livell tad-dħul mhux mill-avjazzjoni li l-ajruport inkwistjoni seta’ raġonevolment jistenna minn dawn il-kuntratti.

322

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat li, pjuttost mill-proporzjon tal-“passiġġieri deħlin” fir-rigward tan-numru totali ta’ passiġġieri, l-għadd assolut ta’ “passiġġieri deħlin” kellu jiġi kkunsidrat, minħabba li dan kien importanti għal dħul imwettaq kemm minn Ryanair u miċ-CCIPB, permezz tat-tariffi tal-ajruport, li kienu parzjalment ibbażati fuq l-għadd ta’ passiġġieri, u permezz tad-dħul minn attivitajiet mhux tal-ajruport. Barra minn hekk, hija indikat li, kuntrarjament għall-proporzjon ta’ “passiġġieri deħlin” fir-rigward tan-numru totali ta’ passiġġieri, l-għadd assolut ta’ “passiġġieri deħlin” kien marbut maż-żieda fl-għadd totali ta’ passiġġieri, peress li dan tal-aħħar kien ikkostitwit mit-total ta’ “passiġġieri deħlin” u ta’ “passiġġieri ħerġin”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat li l-impatt ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq in-numru assolut ta’ passiġġieri deħlin, bħala parti mill-għadd totali ta’ passiġġieri, fuq ir-rotot inkwistjoni, kien intuża bħala bażi għall-istima tal-flussi ta’ dħul li ġejjin minn tariffi tal-ajruporti u minn tariffi mhux tal-ajruport.

323

Ir-rikorrenti jwieġbu li Ryanair u l-operaturi tal-ajruport ta’ Pau ma għandhomx l-istess interessi, minħabba li Ryanair tiżgura l-għadd assolut ta’ passiġġieri u tibbenefika kemm mit-trasport ta’ “passiġġieri deħlin” jew ta’ “passiġġieri ħerġin”, filwaqt li l-ajruport għandu interess li jiżgura li dan l-għadd assolut jinkludi l-ikbar numru possibbli ta’ passiġġieri li jidħlu. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għadd assolut ta’ “passiġġieri deħlin” huwa marbut maż-żieda fl-għadd totali ta’ passiġġieri tikkostitwixxi ġeneralizzazzjoni żbaljata.

324

F’dan ir-rigward, jekk wieħed jassumi li l-għadd assolut ta’ passiġġieri u l-proporzjon ta’ “passiġġieri deħlin” ma huwiex neċessarjament fi proporzjon fiss, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif indikat mill-Kummissjoni, din tal-aħħar għamlet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tal-impatt tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq id-dħul inkrementali mistenni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq ibbażat, għad-dħul mhux mill-avjazzjoni, fuq mezzi mobbli fuq tliet snin ta’ dan id-dħul fil-passat tal-ajruport, aġġustati għall-inflazzjoni u b’rata ta’ mili ta’ 85 % għal kull titjira, li kienet favorevoli għar-rikorrenti (ara l-premessi 401, 414 u 415 tad-deċiżjoni kkontestata).

325

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta wettqet analiżi fuq il-bażi tan-numru totali ta’ “passiġġieri deħlin” mingħajr ma għamlet aġġustament li jieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjon bejn “passiġġieri deħlin” u “passiġġieri ħerġin”, peress li l-operatur tal-ajruport ta’ Pau ma kienx huwa stess stabbilixxa evalwazzjoni ex ante tad-dħul mhux mill-avjazzjoni futur mistenni li jirriżulta minn kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

326

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti rigward il-benefiċċji marbuta maż-żieda fit-traffiku dieħel.

327

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti dwar iċ-ċaħda tar-raġunijiet abbażi tad-deċiżjoni tal-ajruport ta’ Pau li jikkonkludi l-kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

c)   Dwar iċ-ċaħda tal-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu nxtraw għal finijiet ta’ interess ġenerali

328

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ċaħdet il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet inxtrat għal finijiet ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, espressa fil-premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li entità pubblika ma tistax tikkunsidra li x-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li jiżguraw il-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ impriżi ferm speċifiċi jagħmel parti mill-kompitu proprju ta’ entità pubblika li jikkonsisti f’li tippromwovi l-iżvilupp lokali, u b’hekk, tevadi l-Artikolu 107(1) TFUE. L-imsemmija pożizzjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-kummerċjalizzazzjoni li saret fuq is-sit internet ta’ Ryanair, b’eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, kienet intiża għall-promozzjoni tar-reġjun ta’ Pau, u mhux għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ Ryanair. Barra minn hekk, din il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tintroduċi projbizzjoni ġenerali fuq ix-xiri, minn entitajiet ta’ dritt pubbliku, ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mingħand impriżi li kienu jipprovdu servizzi oħra lokalment, indipendentement mill-kontenut tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u tal-applikazzjoni tal-prezz tas-suq.

329

Il-Kummissjoni tiċħad l-argument imressaq mir-rikorrenti.

330

Għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 323 u 324 tad-deċiżjoni kkontestata, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-aspett tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau li jaġixxi bħala entità responsabbli ta’ missjoni ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, il-kwistjoni għall-Kummissjoni kienet jekk, billi aċċettat li l-aġir tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau kellu jiġi evalwat b’riferiment għar-rwol tiegħu ta’ entità pubblika responsabbli minn missjoni ta’ interess ġenerali, f’dan il-każ l-iżvilupp ta’ Pau u tar-reġjun tagħha, u mhux fil-kwalità tagħha bħala operatur ta’ ajruport, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifiċi inkwistjoni setgħu jitqiesu bħala li jissodisfaw il-ħtiġijiet effettivi ta’ xerrej pubbliku (premessi 315, 316 u 322 tad-deċiżjoni kkontestata).

331

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata, li, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, fil-missjoni tagħha ta’ żvilupp ekonomiku tar-reġjun ta’ Pau, iċ-CCIPB tħoss il-ħtieġa li tuża fornituri kummerċjali sabiex twettaq attivitajiet ta’ promozzjoni tat-territorju, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS kienu, madankollu, jikkonċernaw attività promozzjonali mmirata għall-attività kummerċjali ta’ żewġ impriżi speċifiċi, jiġifieri Ryanair u l-operatur tal-ajruport ta’ Pau. Hija żiedet, fil-premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi tippermetti lil entità responsabbli mill-iżvilupp ekonomiku lokali li takkwista servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li essenzjalment għandhom l-għan li jippromwovu prodotti jew servizzi ta’ ċerti impriżi stabbiliti lokalment, minħabba li dawn is-servizzi jiffavorixxu l-iżvilupp ekonomiku lokali, mingħajr ma tali miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, iwassal sabiex jiġi evitat l-Artikolu 107(1) TFUE. Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, fil-premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mixtrija mill-operatur tal-ajruport ta’ Pau ma setgħux jitqiesu bħala li jissodisfaw xi ħtieġa effettiva.

332

Il-kritika tar-rikorrenti li tgħid li s-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu intiżi sabiex jippromwovu r-reġjun u mhux is-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ Ryanair ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, mill-punti 165 sa 170 kif ukoll mill-punti 279 u 280 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tagħmel żball, li d-diversi kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu marbuta mill-qrib mas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ Ryanair u li, ’il bogħod milli intiżi sabiex iżidu b’mod ġenerali u indistintament il-frekwentazzjoni ta’ Pau u r-reġjun tagħha mit-turisti u l-vjaġġaturi fuq negozju, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu mmirati speċifikament għal persuni li jistgħu jużaw is-servizzi tat-trasport bl-ajru ta’ Ryanair, u l-għan essenzjali tagħhom kien li jippromwovu dawn l-aħħar servizzi (ara, b’mod partikolari, il-premessi 292 sa 305 tad-deċiżjoni kkontestata).

333

Din il-konstatazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-awtoritajiet reġjonali kienu jafu, permezz tal-qari ta’ studju taċ-CCIPB, bil-vantaġġi ekonomiċi tal-influss ta’ viżitaturi fir-reġjun tagħhom u li waħda mill-missjonijiet tagħhom kienet il-promozzjoni tar-reġjun. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, ma ressqu ebda element ieħor li jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni.

334

Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni espressa fil-premessi 323 u 324 tad-deċiżjoni kkontestata kienet timponi projbizzjoni wiesgħa wisq fir-rigward ta’ xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni minn awtoritajiet pubbliċi ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, il-problema rrilevata mill-Kummissjoni fl-imsemmija premessi kienet tikkonċerna l-fatt li s-servizzi ta’ promozzjoni mixtrija minn entità pubblika setgħu jservu ta’ strument intiż essenzjalment għall-promozzjoni ta’ titjiriet ta’ Ryanair lejn l-ajruport ta’ Pau. Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant qed timmira għax-xiri ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mingħand kumpannija li pprovdiet servizzi oħra lokalment, indipendentement mill-kontenut tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

335

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

d)   Fuq l-evalwazzjoni tal-kuntratti konklużi ma’ AMS mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-perspettiva ta’ operatur f’ekonomija tas-suq proprjetarju tal-ajruport, differenti mill-perspettiva ta’ operatur f’ekonomija tas-suq li jopera l-ajruport

336

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ma eżaminatx iċ-CCIPB u l-Assoċjazzjoni Konġunta bħala operaturi f’ekonomija tas-suq b’interessi differenti, iżda marbuta mill-qrib, jiġifieri dawk ta’ operatur u ta’ proprjetarju tal-ajruport ta’ Pau. Fl-analiżi tagħha tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni, b’mod partikolari ma kinitx inkludiet l-Assoċjazzjoni Konġunta, filwaqt li ċ-CCIPB kellha l-obbligu li tirrestitwixxilha l-ajruport u l-attiv intellettwali, inkluż l-immaġni tat-trade mark, fl-iskadenza imminenti tal-kuntratt ta’ konċessjoni, li kienet prevista għall‑31 ta’ Diċembru 2015. Kien ikun raġonevoli, min-naħa tal-Assoċjazzjoni Konġunta, li tingħata enfasi ikbar fuq l-immaġni tat-trade mark u l-valur fit-tul tal-ajruport, filwaqt li l-interessi taċ-CCIPB kienu evalwati pjuttost fid-dawl tal-iskadenza imminenti tal-konċessjoni, anki jekk din tal-aħħar fittxet li timmassimizza l-valur tal-ajruport u, b’hekk, sabiex turi l-kompetenza tagħha sabiex tingħata mill-ġdid il-konċessjoni.

337

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa neċessarju, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, li t-tranżazzjoni kummerċjali tiġi kkunsidrata kollha kemm hi. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-miżuri kontenzjużi, l-elementi kollha rilevanti u l-kuntest tagħhom (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, EU:T:2008:585, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), inklużi dawk relattivi għas-sitwazzjoni tal-awtorità jew awtoritajiet li jipprovdu l-miżuri kontenzjużi.

338

F’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-obbligu taċ-CCIPB huwa r-restituzzjoni tal-ajruport fi stat perfett kien jinkludi l-immaġni tat-trade mark tal-ajruport ta’ Pau, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat qabel kollox li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ġew konklużi biss minnha, li hija l-operatur tal-ajruport, u mhux mill-proprjetarju ta’ dan tal-aħħar.

339

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta. li l-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni ma setgħux ikollhom effetti fit-tul fuq l-immaġni tat-trade mark u l-viżibbiltà tal-ajruport ta’ Pau lil hinn mit-tul tagħhom (ara l-premessi 345 sa 353 tad-deċiżjoni kkontestata) u li ebda wieħed minn dawn il-kuntratti ma kien baqa’ fis-seħħ lil hinn mill‑1 ta’ April 2011. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, dawn il-kuntratti ma setgħux ikollhom impatt dirett fuq is-sitwazzjoni tal-Assoċjazzjoni Konġunta, li ma kellhiex tieħu pussess lura tal-ajruport qabel il‑31 ta’ Diċembru 2015.

340

Minn dan isegwi li huwa mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq għall-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport mingħajr ma tiddeċiedi fuq l-interess tal-Assoċjazzjoni Konġunta li tiġi rrestitwita lilha l-ajruport ta’ Pau fil‑31 ta’ Diċembru 2015, jiġifieri iktar minn erba’ snin wara l-iskadenza tal-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni.

[omissis]

f)   Fuq l-applikazzjoni ta’ perijodu ta’ żmien qasir adottat mill-Kummissjoini għall-finijiet tal-analiżi tal-operatur f’ekonomija tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni

365

Ir-rikorrenti jsostnu li, billi llimitat ruħha għat-tul ta’ kull wieħed mill-kuntratti eżaminati, il-Kummissjoni qieset perijodu ta’ żmien qasir wisq fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq.

366

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-approċċ adottat mill-Kummissjoni huwa kontradett mir-realtà kummerċjali tal-ajruporti l-kbar, li ta’ spiss ma jibbenefikaw minn ebda impenn min-naħa tal-kumpanniji tal-ajru u joperaw fuq il-bażi ta’ kuondizzjonijiet kummerċjali ġenerali li jippermettu lill-imsemmija kumpanniji li jwaqqfu immedjatament l-imsemmija attivitajiet tagħhom fl-ajruport. Il-pjanijiet ta’ negozju tal-ajruporti ser ikunu stabbiliti fuq diversi deċennji u l-projezzjonijiet tagħhom ta’ dħul u ta’ spejjeż ser ikunu bbażati fuq analiżi raġonevoli tal-kapaċità tal-ajruport mingħajr ebda impenn kuntrattwali min-naħa tal-linji tal-ajru. Peress li l-pjanijiet ta’ negozju fuq tul taż-żmien qasir huma bbażati fuq it-tul taż-żmien ta’ kull kuntratt individwali, kif proposti mill-Kummissjoni, probabbilment iwasslu għal riżultati negattivi.

367

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li operatur f’ekonomija tas-suq la kien jibbaża fuq tiġdid tal-kuntratti inkwistjoni fi tmiem l-iskadenza tagħhom, u lanqas jinjora l-kumpanniji tal-ajru bi prezz baxx bħal Ryanair kienu magħrufa sabiex jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom b’mod dinamiku ħafna. Minn naħa, l-ajruporti operati b’mod effiċjenti jaspiraw li jidħlu f’relazzjoni kummerċjali fit-tul mal-kumpanniji tal-ajru, li tmur lil hinn mill-ftehim inizjali. Operatur f’ekonomija tas-suq ikun lest li jieħu riskji u li jikkonkludi kuntratti li jagħmlu telf għal perijodu inizjali, sakemm ikun hemm żvilupp tal-attività u tat-tiġdid tal-kuntratt. Għal Ryanair, l-impenn li tinfetaħ rotta tal-ajru ġdida jikkostitwixxi biss riskju ġġustifikat sakemm tkun hemm relazzjoni kummerċjali fit-tul, u dan ikun ikkonfermat mill-klawżoli speċifiċi fil-kuntratt ta’ servizzi tal-ajruport. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-ajruporti li jinnegozjaw ma’ Ryanair ikunu jistennew li r-relazzjoni kummerċjali tagħhom testendi lil hinn mit-tul taż-żmien tal-ftehim inizjali. B’hekk, il-profil tipiku tar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ Ryanair mal-ajruporti juri li dawn ir-relazzjonijiet jiġu żviluppati fit-tul u jmorru lil hinn kollha kemm il-perijodu ta’ ħames snin. B’hekk, peress li r-rikorrenti u ċ-CCIPB kienu kkonkludew sesnsiela ta’ kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport u ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, bl-ewwel wieħed ikun ffirmat fl-2003 u l-aħħar wieħed fl-2010, operatur f’ekonomija tas-suq kien jippreżumi li kooperazzjoni kummerċjali fit-tul, li taqbeż it-tul inizjali tal-kuntratti kkonnċernati, tkun inbniet sal-iktar tard fl-2005.

368

Il-Kummissjoni titltob li l-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud.

369

Mill-ġurisprudenza (ara l-punt 140 iktar ’il fuq) jirriżulta li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball, li operatur f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok iċ-CCIPB, kien jevalwa l-interess li jikkonkludi kull wieħed mill-kuntratti eżaminati, billi jqis perijodu ta’ żmien limitat għat-tul tal-kuntratti inkwistjoni.

370

L-aġir ta’ operatur f’ekonomija tas-suq huwa ggwidat minn prospetti ta’ profittabbiltà fit-tul (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 1991, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑305/89, EU:C:1991:142, punt 20). Tali operatur li jixtieq jimmassimizza l-profitti tiegħu huwa lest li jieħu riskji kkalkolati fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni xierqa għall-investiment tiegħu.

371

Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li, meta tevalwa l-interess sabiex ikun konkluż kuntratt ta’ servizzi fl-ajruport jew kuntratt ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, operatur f’ekonomija tas-suq kien jagħżel bħala perijodu ta’ żmien għall-evalwazzjoni tiegħu t-tul tal-kuntratti inkwistjoni (premessa 393 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija qieset ukoll li operatur f’ekonomija tas-suq ma kienx jaħseb li jġedded dawn il-kuntratti malli jiskadu, bl-istess termini jew b’termini differenti, u dan iktar u iktar meta l-kumpanniji tal-ajru bi prezz baxx bħal Ryanair kienu u għadhom magħrufa għal kif jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom b’mod ferm dinamiku fir-rigward tal-ftuħ u l-għeluq ta’ rotot tal-ajru jew taż-żidiet u t-tnaqqis tal-frekwenzi. Hija qieset li kwalunkwe tiġdid tal-kuntratti kien għaldaqstant prospett futur imbiegħed u inċert wisq sabiex operatur tas-suq jista’ jibbaża deċiżjonijiet ekonomiċi raġonevoli fuq dan il-prospett (premessi 393 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata).

372

Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ promozzjoni ġew konklużi għal perijodi speċifiċi. Huwa paċifiku wkoll, kif indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ kull wieħed mill-kuntratti inkwistjoni mar-rikorrenti, iċ-CCIPB ma kienet stabbilixxiet ebda pjan ta’ negozju, u lanqas ma kienet wettqet ebda analiżi tal-profittabbiltà inkrementali li tevalwa l-impenji meħuda mill-ajruport ta’ Pau lejn ir-rikorrenti.

373

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tikkunsidra li operatur f’ekonomija tas-suq kien jevalwa l-profittabbiltà tal-kuntratti fir-rigward tal-ispejjeż u tad-dħul mistenni għat-tul ta’ applikazzjoni tagħhom.

374

Bl-istess mod, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li kien diffiċli ħafna għal operatur ta’ ajruport li jevalwa l-probabbiltà li kumpannija tal-ajru tkun trid tkompli topera rotta tal-ajru lil hinn mit-tul li għalih tkun impenjat ruħha fil-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport, peress li l-linji tal-ajru, b’mod partikolari dawk bi prezzijiet baxxi, urew li huma joperaw il-ftuħ u l-għeluq tar-rotot b’mod dinamiku ħafna (ara l-premessi 355 u 394 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra mingħajr ma twettaq żball li operatur f’ekonomija tas-suq normalment prudenti u diliġenti, li jaġixxi minflok iċ-CCIPB, ma jibbażax fuq ir-rieda ta’ Ryanair li tkompli topera r-rotta tal-ajru kkonċernata meta jiskadi l-kuntratt.

375

Il-fatt li l-ftehim tal-2003 u l-KSK tal-2005 ġew konklużi bil-possibbiltà ta’ estensjonijiet għal perijodi supplimentari ta’ ħames snin, ma jippermetti fih innifsu li jiġi preżunt li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, operatur f’ekonomija tas-suq kien diġà qed jassumi l-kontinwazzjoni tar-rotot tal-ajru inkwistjoni fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, Ryanair setgħet tabbanduna r-rotta tal-jaru prevista b’faċilità relattiva diġà qabel tmiem il-kuntratt, permezz tal-ħlas ta’ penalitajiet.

376

Ċertament, operatur f’ekonomija tas-suq normalment prudenti u diliġenti jista’ jkun lest jieħu riskju kummerċjali billi jikkonkludi ftehim li jagħmel telf matul it-tul kollu previst, bil-prospett reali li jġedded il-ftehim u, għaldaqstant, jikkumpensa dan it-telf bi profitti futuri. Dan l-aġir intiż għall-profittabbiltà fit-tul jista’ jfisser razzjonalità ekonomika. Madankollu, minn dak li ntqal jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li tali operatur ma kienx, fil-każ inkwistjoni, ibbaża fuq it-tiġdid tal-kuntratt fit-tmiem tiegħu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jaslu li juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li operatur f’ekonomija tas-suq li jaġixxi minflok iċ-CCIPB kien iqis li, minbarra l-impatt pożittiv possibbli tas-servizzi ta’ promozzjoni fuq l-għadd ta’ passiġġieri li jużaw ir-rotot koperti mill-kuntratti inkwistjoni għat-tul tal-operat ta’ dawn ir-rotot tal-ajru, il-benefiċċji eventwali l-oħrajn fit-tul kienu wisq inċerti sabiex jiġu kkunsidrati b’mod ikkwantifikat (ara l-premessi 260 sa 270, 276 u 290 iktar ’il fuq).

377

Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti u ċ-CCIPB kkonkludew serje ta’ kuntratti u klawżoli addizzjonali għall-kuntratti bejn l-2003 u l-2010, għandu jiġi enfasizzat li kollha kienu ġew konklużi għal żmien determinat, b’mod partikolari meta kienu intiżi għall-ftuħ ta’ rotot ġodda tal-ajru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni li operatur f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok iċ-CCIPB, ma kienx jibbaża fuq ir-rieda ta’ Ryanair li tkompli topera rotta fl-iskadenza tal-kuntratt jew tal-klawżola addizzjonali inkwistjoni.

378

Fl-aħħar nett, l-elementi mressqa minn Ryanair sabiex turi li t-tul medju ta’ rabtiet kummerċjali bejnha u l-ajruporti li fuqhom hija kienet attiva jeċċedu ħames snin, ma jippermettix li jiġi stabbilit it-tul tar-rotot bl-ajru minn jew lejn l-ajruport ta’ Pau. Fil-fatt, kif ġustament tispjega l-Kummissjoni, it-tul totali tar-rabtiet kummerċjali bejn Ryanair u l-imsemmija ajruporti ma jiżgurax il-permanenza ta’ rotot individwali oħra. Barra minn hekk, l-aġir ta’ operatur f’ekonomija tas-suq għandu jiġi evalwat billi dan tal-aħħar jitqiegħed fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, iż-żamma tal-attività ta’ Ryanair f’ajruport jiddependi fuq is-sitwazzjoni speċifika tal-ajruport inkwistjoni u l-kundizzjonijiet speċifiċi li huma offruti għaliha.

379

Bl-istess mod, l-elementi mressqa minn Ryanair dwar it-tul medju tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-ajruporti fejn hija preżenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni li l-kumpanniji tal-ajru ta’ prezz baxx huma magħrufa li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom b’mod dinamiku kemm f’termini ta’ ftuħ u ta’ għeluq tar-rotot tal-ajru, kif ukoll f’termini ta’ żidiet u ta’ tnaqqis ta’ frekwenzi. Dawn l-elementi jippermettu l-iktar li jiġi stabbilit li ċerti rotot individwali jkunu permanenti.

380

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jikkritika lill-Kummissjoni li llimitat il-prospett ta’ żmien tagħha għat-tul tal-kuntratti għall-finijiet tal-analiżi tagħha tal-profittabbiltà inkrementali.

g)   Fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat kienet ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq ir-rotot tal-ajru li huma s-suġġett tal-kuntratti inkwistjoni

381

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ibbażat l-evalwazzjoni tagħha unikament fuq ir-rotot li huma s-suġġett tal-kuntratti inkwistjoni.

382

F’dan ir-rigward, huma jsostnu li Ryanair verament żiedet l-għadd ta’ rotot tal-ajru fl-2003 sa tliet rotot fl-2008, konformement mal-aspettattivi raġonevoli li seta’ jkollu operatur f’ekonomija tas-suq matul is-snin preċedenti. Dan il-prospett ikun rifless wkoll fl-impenn meħud minn Ryanair fil-ftehim tal-2003 u l-KSK tal-2005 li jiġu żviluppati l-linji u l-frekwenzi supplimentari. Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-attivitajiet f’Pau kien jikkorrispondi maż-żieda ġenerali tal-attivitajiet ta’ Ryanair f’ajruporti oħra Franċiżi. Operatur f’ekonomija tas-suq kien għaldaqstant jikkunsidra li kien probabbli ħafna li l-għadd u l-frekwenza tar-rotot ta’ Ryanair kienu jiżdiedu diġà sal-iskadenza ta’ dawn l-ewwel ħames snin.

383

Il-Kummissjoni titlob li l-argument tar-rikorrenti jiġi miċħud.

384

Mill-ġurisprudenza (ara l-punt 140 iktar ’il fuq) jirriżulta li hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra mingħajr ma twettaq żball, fil-kuntest tal-analiżi tal-profittabbiltà inkrementali, li operatur f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok l-operatur tal-ajruport ta’ Pau, kien jevalwa l-interess li jikkonkludi l-kuntratti inkwistjoni billi jillimita ruħhu li jikkunsidra r-rotot tal-ajru li huma s-suġġett tal-imsemmija kuntratti.

385

Għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li huwa paċifiku li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha ta’ profittabbiltà inkrementali fuq ir-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti u l-klawżoli addizzjonali inkwistjoni.

386

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li, għalkemm ċerti kuntratti kienu jsemmu rotot oħra tal-ajru għajr dawk koperti mill-kuntratti inkwistjoni, dawn id-dispożizzjonijiet kienu għadhom integrati fi klawżola ta’ sforz massimu.

387

Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-ftuħ ta’ rotot ġodda tal-ajru kien għadu marbut mal-konklużjoni ta’ kuntratti ġodda u, għaċ-CCIPB, ma’ ħlasijiet ogħla, għall-korrispettiv ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, li għandhom isiru miċ-CCIPB u ma setax għalhekk jiġi akkumpanjat bit-tama, għal operatur f’ekonomija tas-suq, li l-profittabbiltà tal-ajruport ta’ Pau ser titjieb.

388

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-elementi mressqa minn Ryanair li juru li l-għadd kbir ta’ ajruporti li hija topera fi Franza kienu jippermettu li tiżgura diversi linji tal-ajru ma jistgħux ikunu deċiżivi, peress li l-aġir ta’ opeperatur f’ekonomija tas-suq għandu jiġi evalwat billi dan tal-aħħar jitqiegħed fl-eqreb sitwazzjoni possibbli ta’ dik tal-operatur tal-ajruport ta’ Pau.

389

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett benefiku ta’ ekonomiji ta’ skala, li jirriżultaw miż-żieda fl-għadd ta’ passiġġieri fuq l-ispejjeż inkrementali u d-dħul mhux mill-avjazzjoni tal-ajruport ta’ Pau, hemm lok li jiġi rrilevat li, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat li l-awtoritajiet Franċiżi ma kinux urew ekonomiji ta’ skala lanqas ippruvaw jikkwantifikawhom, li l-ebda pjan ta’ negozju ma ġie stabbilit minn qabel mill-ajruport ta’ Pau qabel il-konklużjoni tal-kuntratti u li l-ekonomiji ta’ skala mwettqa mill-imsemmi ajruport ġejjin prinċipalment essenzjalment mill-attività ta’ Air France. Il-provi prodotti mir-rikorrenti dwar l-amplifikazzjoni tal-ekonomiji tas-suq skont iż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri u d-daqs tal-ajruporti ma jikkontestawx l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, is-sempliċi fatt li l-konklużjoni ta’ kuntratt tista’ żżid l-għadd tal-passiġġieri f’ajruport ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex operatur f’ekonomija tas-suq jaċċetta tali konklużjoni ikunu x’ikunu l-kundizzjonijiet marbuta magħha.

390

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li operatur prudenti f’ekonomija tas-suq fis-sitwazzjoni taċ-CCIPB ma kienx jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tal-profittabbiltà fuq il-perspettiva ta’ rotta tal-ajru supplimentari eventwali.

h)   Fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta ma kkunsidratx benefiċċji ikbar ibbażati fuq l-ajruport ta’ Pau tar-relazzjonijiet tagħha ma’ Ryanair

391

Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha tal-profittabbiltà inkrementali, l-effetti ta’ netwerk pożittivi li operatur f’ekonomija tas-suq seta’ jistenna mill-attivitajiet ta’ Ryanair fl-ajruport ta’ Pau, lanqas l-effetti fit-tul li jirriżultaw tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ AMS. In-numru ikbar ta’ utenti tal-ajruport ta’ Pau li jirriżulta mill-preżenza ta’ Ryanair kien iżid l-attrattività tal-imsemmi ajruport u jiftaħ il-possibbiltajiet ta’ ftuħ għal kumpanniji ġodda u l-wasla ta’ linji tal-ajru oħra u ta’ negozji.

392

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif tindika l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ esternalitajiet tan-netwerk, kif invokat mir-rikorrenti, huwa marbut mal-prospett ta’ għadd ikbar ta’ passiġġieri.

393

Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li operatur prudenti f’ekonomija tas-suq, li jaġixxi minflok iċ-CCIPB, ma għandhiex tibbaża fuq il-fatt li r-relazzjoni kummerċjali ma’ Ryanair kienet testendi lil hinn mill-operat tar-rotot tal-ajru koperti mill-kuntratti inkwistjoni. Konsegwentement, għandu jiġi ammess li operatur li jaġġixi bħala operatur ta’ ajruport normalment prudenti u diliġenti ma kienx jistabbilixxi l-kalkoli tiegħu ta’ dħul u ta’ spejjeż abbażi ta’ għadd ikbar ta’ passiġġieri ġejjin minn frekwenza ikbar ta’ rotot tal-ajru eżistenti jew l-istabbiliment ta’ konnessjonijiet supplimentari minn Ryanair.

394

Bl-istess mod, operatur f’ekonomija tas-suq razzjonali ma jistenniex il-wasla ta’ kumpanniji oħra tal-ajru jew ta’ negozji fi ħdan l-ajruport ikkonċernat lil hinn mit-tul tal-kuntratti u tal-klawżoli supplimentari konklużi ma’ Ryanair.

395

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti tan-netwerk inċerti wisq.

396

Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

D. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kundizzjoni ta’ selettività kienet issodisfatta

397

Ir-rikorrenti jsostnu, meta jibbażaw ruħhom fuq is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2014, Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni (T‑461/12, EU:T:2014:758), li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li huma kienu kisbu vantaġġ selettiv, peress li l-miżuri kuntrattwali ma kinux neċessarjament kollha selettivi. Il-Kummissjoni b’mod partikolari ma vverifikatx jekk l-istess benefiċċji kinux proposti lill-utenti l-oħra, attwali jew potenzjali, tal-ajruport ta’ Pau.

398

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 54).

399

Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit ta’ selettività li joħroġ mill-Artikolu 107(1) TFUE għandu jinżamm b’mod ċar distint mill-għarfien konkorrenti ta’ vantaġġ ekonomiku sa fejn, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-preżenza ta’ vantaġġ, fis-sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari, hija għandha tistabbilixxi, barra minn hekk, li dan il-vantaġġ jibbenefika speċifikament impriża jew diversi impriżi. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura inkwistjoni tintroduċi distinzjonijiet bejn l-impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 59, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 48).

400

Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rekwiżit ta’ selettività jvarja skont jekk il-miżura inkwistjoni hijiex prevista bħala skema ġenerali tal-għajnuna jew bħala għajnuna individwali. F’dan il-każ tal-aħħar, l-identifikazzjoni tal-vantaġġ ekonomiku jippermetti, bħala prinċipju, li s-selettività tagħha tiġi preżunta. Min-naħa l-oħra, fl-eżami ta’ skema ġenerali tal-għajnuna, huwa neċessarju li jiġi identifikat jekk il-miżura inkwistjoni, minkejja l-konstatazzjoni li hija tagħti vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħmilx dan biss għall-benefiċċju ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attivitajiet (ara, f’dan il-każ, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs MOL, C‑15/14 P, EU:C:2015:362, punt 60, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑270/15 P, EU:C:2016:489, punt 49).

401

F’dan il-każ, il-kuntratti inkwistjoni, kif analizzati fid-deċiżjoni kkontestata, għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna individwali.

402

Fil-fatt, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-vantaġġ mogħti lir-rikorrenti kien selettiv, peress li rriżulta minn dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi ma’ Ryanair jew ma’ AMS.

403

Hemm lok li din il-konstatazzjoni tiġi approvata. Il-kuntratti ta’ servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni, li għandhom jiġu eżaminati bħala miżura waħda (ara l-punti 165 sa 174 iktar ’il fuq u b’mod partikolari l-punt 172), jinvolvu termini miftiehma individwalment bejn il-partijiet. Huma jispeċifikaw, minn naħa, ir-rotot tal-ajru li għandhom jiġu żgurati minn Ryanair u s-servizzi tal-ajruport li ċ-CCIPB hija obbligata li tipprovdi lil Ryanair, u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li AMS timpenja ruħha li tipprovdi lill-ajruport ta’ Pau. Huma jistabbilixxu fid-dettall it-tariffi tal-ajruporti u r-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni li r-rikorrenti u ċ-CCIPB ser iħallsu. B’mod partikolari, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni, kif innegozjata bejn iċ-CCIPB u r-rikorrenti, irrappreżentat parti sostanzjali tal-ispejjeż inkrementali, u għaldaqstant element importanti li jikkontribwixxi għall-fluss inkrimentali negattiv prevedibbli (dħul mingħajr spejjeż) li jirrappreżenta l-vantaġġ favur ir-rikorrenti (ara l-premessi 416 u 417 u t-tabelli 7 sa 11 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalkemm it-tariffi tal-ajruport irregolati huma fil-prinċipju applikabbli għal-linji tal-ajru kollha li jużaw l-ajruport ta’ Pau, ir-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet speċifika għar-relazzjoni bejn iċ-CCIPB u r-rikorrenti.

404

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kuntratti inkwistjoni li fihom kundizzjonijiet speċifikament maqbula bejn l-ajruport ta’ Pau u r-rikorrenti u li jwasslu għal vantaġġ favur dawn tal-aħħar, għandhom, għaldaqstant, natura selettiva.

405

B’hekk, ma huwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-kuntratti inkwistjoni jagħtux vantaġġi lir-rikorrenti meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 52).

406

Fil-fatt, il-kriterju tal-paragun tal-benefiċjarju ma’ operaturi oħra li jinstabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-miżura isib l-oriġini u l-ġustifikazzjoni tiegħu fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżuri ta’ applikazzjoni potenzjalment ġenerali. Tali kriterju ma huwiex għaldaqstant, rilevanti meta, bħal f’dan il-każ, hemm l-evalwazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura ad hoc, li tirrigwarda biss impriża waħda u li hija intiża sabiex tbiddel ċerti restrizzjonijiet kompetittivi li huma speċifiċi għaliha (sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni, C‑211/15 P, EU:C:2016:798, punti 53 u 54, u tas‑26 ta’ Frar 2015, Orange vs Il-Kummissjoni, T‑385/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:117, punt 53).

407

Fir-rigward tas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2014, Hansestadt Lübeck vs Il-Kummissjoni (T‑461/12, EU:T:2014:758), hemm lok li jiġi rrilevat li ma hijiex rilevanti f’dan il-każ, peress li kienet tirrigwarda miżura li tapplika sett ta’ operaturi ekonomiċi li l-eżami tas-selettività għandu jsir fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari sabiex jiġi evalwat jekk, f’dan il-kuntest, l-imsemmija miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 53 u 54), li ma huwiex il-każ f’din il-kawża, fid-dawl b’mod partikolari tar-remunerazzjoni għas-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni speċifikament miftiehma bejn l-ajruport ta’ Pau u r-rikorrenti abbażi tal-iskeda tat-tariffi ta’ AMS.

408

Minn dan isegwi li r-raba’ motiv, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu, għandu jiġi miċħud.

409

Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tar-rikorrenti sa fejn tirrigwarda miżuri oħra għajr dawk li diġà ġew ordnati.

IV. Fuq l-ispejjeż

410

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż tagħhom kif ukoll l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd huma kkundannati li jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Berardis

Papasavvas

Spielmann

Csehi

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Diċembru 2018.

Firem

[omissis]


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

( 2 ) Informazzjoni kunfideznjali omessa.