SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Inklużjoni tal-isem tal-entità li għandha l-kontroll tar-rikorrenti fil-lista ta’ entitajiet li fir-rigward tagħhom japplikaw miżuri restrittivi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija – Drittijiet Fundamentali – Proporzjonalità”
Fil-Kawża T‑798/14,
DenizBank A.Ş., stabbilita f’Istanbul (it-Turkija), irrappreżentata minn O. Jones, D. Heaton, barristers, R. Mattick, S. Utku, solicitors, u M. Lester, QC,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Boelaert u A. de Elera-San Miguel Hurtado, sussegwentement minn S. Boelaert u P. Mahnič Bruni, bħala aġenti,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Gauci, L. Havas u F. Ronkes Agerbeek, bħala aġenti,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat‑8 ta’ Settembru 2014 (ĠU 2014, L 271, p. 54), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK tal‑4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 58), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2431 tal‑21 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 334, p. 22), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1071 tal‑1 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 178, p. 21), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2315 tad‑19 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 345, p. 65), u, it-tieni nett, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal‑31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59), kif emendata bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat‑8 ta’ Settembru 2014 (ĠU 2014, L 271, p. 3), u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014 tal‑4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 20), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn G. Berardis (Relatur), President, D. Spielmann u Z. Csehi, Imħallfin,
Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Ir-rikorrenti, DenizBank A.Ş., hija bank kummerċjali Torka stabbilita f’Istanbul (it-Turkija), li l-kapital tagħha huwa miżmum fi kwota ikbar minn 50 % minn Sberbank of Russia OAO (iktar ’il quddiem “Sberbank”), bank ġenerali Russa stabbilita f’Moska (ir-Russja). |
2 |
Fl‑20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkundanna bl-iktar mod qawwi l-użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa sejjaħ għat-tmiem immedjat tal-vjolenza, u r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Ukraina. Il-Kunsill ikkunsidra wkoll l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tal-vjolenza u tal-użu ta’ forza eċċessiva. |
3 |
Matul laqgħa straordinarja li saret fit‑3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill ikkundanna l-atti ta’ aggressjoni mill-forzi armati Russi, li kienu qed jiksru b’mod ċar is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina kif ukoll l-awtorizzazzjoni mogħtija mis-Soviet Federatsii Federal’nogo Sobrania Rossiskoï Federatsii (il-Kunsill tal-Federazzjoni tal-Assemblea Federali tal-Federazzjoni Russa), fl‑1 ta’ Marzu 2014, għall-użu tal-forzi armati fit-territorju tal-Ukraina. L-Unjoni Ewropea talbet lill-Federazzjoni Russa sabiex tirtira minnufih il-forzi armati tagħha lejn iż-żoni ta’ stazzjonament permanenti tagħhom, konformement mal-obbligi internazzjonali tagħha. |
4 |
Fil‑5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi ffokati fuq l-iffriżar u l-irkupru ta’ fondi miżapproprjati tal-Istat Ukrain. |
5 |
Fis‑6 ta’ Marzu 2014, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea approvaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fit‑3 ta’ Marzu 2014. Huma kkundannaw bil-qawwa l-ksur mill-Federazzjoni Russa, mingħajr provokazzjoni, tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina u huma appellaw lill-Federazzjoni Russa sabiex tirtira immedjatament il-forzi armati tagħha lejn iż-żoni ta’ stazzjonament permanenti tagħhom, konformement mal-ftehimiet applikabbli. Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni ddikjaraw li kwalunkwe pass ulterjuri mill-Federazzjoni Russa sabiex tiddestabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina jwassal għal iktar konsegwenzi, ta’ portata kunsiderevoli, għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, u dan f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi. Huma talbu lill-Federazzjoni Russa sabiex tippermetti aċċess immedjat lill-osservaturi internazzjonali, filwaqt li enfasizzaw li s-soluzzjoni għall-kriżi fl-Ukraina kellha tkun ibbażata fuq l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-pajjiż kif ukoll fuq ir-rispett rigoruż tal-istandards internazzjonali. |
6 |
Fis‑16 ta’ Marzu 2014, il-Parlament tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-Gvern Lokali tal-belt ta’ Sevastopol, it-tnejn suddiviżjonijiet tal-Ukraina, organizzaw referendum dwar l-istatus tal-Krimea. Fil-kuntest ta’ dan ir-referendum, il-popolazzjoni tal-Krimea kienet mistiedna tindika jekk riditx tintrabat mal-Federazzjoni Russa bħala suġġett jew jekk hija riditx li jerġgħu lura għall-Kostituzzjoni tal‑1992 u l-istatus tal-Krimea fi ħdan l-Ukraina. Ir-riżultat imħabbar fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea indika 96.77 % tal-voti favur l-integrazzjoni tar-reġjun fil-Federazzjoni Russa, b’rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 83.1 %. |
7 |
Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta konklużjonijiet oħra dwar l-Ukraina. Il-Kunsill ikkundanna bil-qawwa ż-żamma, fis‑16 ta’ Marzu 2014, tar-referendum fil-Krimea dwar li din tingħaqad mal-Federazzjoni Russa, li sar fil-fehma tiegħu bi ksur ċar tal-Kostituzzjoni Ukraina. Il-Kunsill ħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tieħu passi sabiex titrażżan il-kriżi, tirtira immedjatament il-forzi tagħha f’dak li jirrigwarda persunal u bażijiet għal kif kienu qabel il-kriżi, f’konformità mal-impenji internazzjonali, tidħol f’diskussjonijiet diretti mal-gvern tal-Ukraina u tagħmel użu mill-mekkaniżmi internazzjonali rilevanti kollha sabiex issib soluzzjoni paċifika u nnegozjata, b’rispett sħiħ tal-impenji bilaterali u multilaterali sabiex tiġi żgurata s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina. F’dan ir-rigward, il-Kunsill iddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ma setax jadotta riżoluzzjoni, minħabba veto mill-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, huwa ħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex ma tiħux passi sabiex il-Krimea tiġi annessa bi ksur tad-dritt internazzjonali. |
8 |
Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16) kif ukoll, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64), li bihom il-Kunsill impona restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u miżuri dwar l-iffriżar tal-assi kontra persuni responsabbli għal azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll il-persuni u l-entitajiet li kienu assoċjati magħhom. |
9 |
Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Federazzjoni Russa rrikonoxxiet uffiċjalment ir-riżultati tar-referendum fil-Krimea tas‑16 ta’ Marzu 2014. Wara dan ir-referendum, il-Kunsill Suprem tal-Krimea u l-Kunsill muniċipali ta’ Sevastopol ipproklamaw l-indipendenza tal-Krimea mill-Ukraina u talbu li jingħaqdu mal-Federazzjoni Russa. Fl-istess jum, il-President Russu ffirma digriet li jirrikonoxxi lir-Repubblika tal-Krimea bħala Stat sovran u indipendenti. |
10 |
Fil‑21 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew fakkar id-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas‑6 ta’ Marzu 2014, u talab lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex iħejju miżuri oħra mmirati possibbli. |
11 |
Fit‑23 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill iddeċieda li l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ merkanzija li toriġina mill-Krimea jew minn Sevastopol kellha tiġi pprojbita, bl-eċċezzjoni tal-merkanzija li toriġina mill-Krimea jew minn Sevastopol li fuqhom il-Gvern tal-Ukraina kien ħareġ ċertifikat ta’ oriġini. |
12 |
Sussegwentement għall-inċident tas‑17 ta’ Lulju 2014 li kkawża d-distruzzjoni, f’Donetsk (l-Ukraina), tal-ajruplan ta’ Malaysian Airlines li kien qed iwettaq it-titjira MH17, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jiffinalizzaw il-ħidma preparatorja tagħhom dwar il-miżuri mmirati possibbli u sabiex sal‑24 ta’ Lulju l-iktar tard, jippreżentaw proposti għal azzjoni, inkluż dwar l-aċċess għas-swieq tal-kapital, id-difiża, il-prodotti b’użu doppju u t-teknoloġiji sensittivi, inkluż fis-settur tal-enerġija. |
13 |
Fil‑31 ta’ Lulju 2014, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina minkejja l-adozzjoni, f’Marzu 2014, ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar kif ukoll iffriżar tal-assi mmirati kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 13, rettifika fil-ĠU 2014, L 263, p. 35), sabiex jintroduċi miżuri restrittivi mmirati lejn l-oqsma ta’ aċċess għas-swieq tal-kapital, tad-difiża, ta’ prodotti b’użu doppju, u ta’ teknoloġiji sensittivi, inkluż fis-settur tal-enerġija. |
14 |
Peress li qies li dawn il-miżuri tal-aħħar kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE u li l-implimentazzjoni tagħhom kienet teħtieġ azzjoni regolatorja fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kunsill adotta fl-istess data, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1, rettifika fil-ĠU 2014, L 246, p. 59), li jinkludi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati sabiex jagħtu effett kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri, lir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2014/512. |
15 |
L-għan iddikjarat ta’ dawn il-miżuri restrittivi kien li jkabbar l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Għal dan il-għan, id-Deċiżjoni 2014/512 stabbilixxiet, b’mod partikolari, projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti u ta’ teknoloġiji sensittivi intiżi għas-settur taż-żejt fir-Russja kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni għal ċerti operaturi ta’ dan is-settur. |
16 |
Sussegwentement, il-Kunsill adotta, fit‑8 ta’ Settembru 2014, id-Deċiżjoni 2014/659/PESK (ĠU 2014, L 271, p. 54), u r-Regolament (UE) Nru 960/2014, li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 (ĠU 2014, L 271, p. 3) sabiex tiġi estiża l-projbizzjoni fir-rigward ta’ ċerti strumenti finanzjarji li kienet ġiet deċiża fil‑31 ta’ Lulju 2014 u jimponu restrizzjonijiet addizzjonali dwar aċċess għas-suq tal-kapital. |
17 |
L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendat bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/659, huwa redatt f’dawn it-termini: “1. Il-bejgħ jew ix-xiri b’mod dirett jew indirett, il-forniment b’mod dirett jew indirett ta’ servizzi ta’ investiment jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta’ bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b’maturità li taqbeż id-90 jum, maħruġa wara l‑1 ta’ Awwissu 2014 sat‑12 ta’ Settembru 2014, jew b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t‑12 ta’ Settembru 2014 minn:
|
18 |
L-isem Sberbank jidher fil-punt 1 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2014/512 kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/659. |
19 |
L-Artikolu 5(1) u (3) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 960/2014 jipprovdi kif ġej: “1. Għandu jkun ipprojbit li, direttament jew indirettament, jinxtraw, jinbiegħu jew jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment jew li tingħata assistenza fil-ħruġ ta’, jew inkella li jsir negozjar ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus b’maturità li taqbeż id-90 jum, maħruġa wara l‑1 ta’ Awwissu 2014 sat‑12 ta’ Settembru 2014, jew b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t‑12 ta’ Settembru 2014 minn:
[…] 3. Għandu jkun ipprojbit li direttament jew indirettament wieħed jagħmel jew ikun parti minn kwalunkwe arranġament li jagħmel self ġdid jew kreditu b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1 jew 2, wara t‑12 ta’ Settembru 2014 ħlief għal self jew kreditu li għandu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux ipprojbiti ta’ oġġetti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u r-Russja jew għal self li għandu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfa kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li d-drittijiet proprjetarji tagħhom jappartjenu għal iktar minn 50 % lil kwalunkwe entità msemmija fl-Anness III.” |
20 |
L-isem Sberbank jinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 833/2014. |
21 |
Fl‑4 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/872/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 u d-Deċiżjoni 2014/659 (ĠU 2014, L 349, p. 58) kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 1290/2014 li jemenda r-Regolament Nru 833/2014 u r-Regolament Nru 960/2014 (ĠU 2014, L 349, p. 20). |
22 |
Wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1290/2014, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 833/2014 ġie emendat kif ġej: “3. Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t‑12 ta’ Settembru 2014. Il-projbizzjoni ma tapplikax għal:
|
23 |
Fil‑21 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2431 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2015, L 334, p. 22). Fl‑1 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1071 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2016, L 178, p. 21). Fl-aħħar netfm fid‑19 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/2315 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512 (ĠU 2016, L 345, p. 65). |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
24 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors. |
Intervent
25 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ April 2015, il-Kummissjoni talbet tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. |
26 |
Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba. |
27 |
Fl‑24 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat nota ta’ intervent. |
28 |
Ir-rikorrent u l-Kunsill ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din in-nota fit-terminu mogħti għal dan il-għan, rispettivament fid‑9 ta’ Ottubru u fl‑1 ta’ Settembru 2015. |
Sospensjoni tal-proċedura
29 |
Fit‑12 ta’ Marzu 2015, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jisma’ lill-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑72/15, Rosneft. Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Marzu 2015, ġie ffissat terminu lill-partijiet għal dan il-għan. |
30 |
Il-Kunsill u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din il-possibbiltà ta’ sospensjoni permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament fis‑27 ta’ Marzu u fis‑7 ta’ April 2015. |
31 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ottubru 2015, adottata abbażi tal-Artikolu 69(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-kawża għar-raġuni li kien hemm koinċidenza mill-inqas parzjali bejn id-dispożizzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tevalwa l-portata u l-validità fil-Kawża C‑72/15, Rosneft, u dawk li kienu rilevanti f’din il-kawża. |
32 |
Wara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, (C‑72/15, EU:C:2017:236), is-sospensjoni tal-proċedura ntemmet, konformement mal-Artikolu 71(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
33 |
Il-partijiet prinċipali ġew mistiedna, f’dan il-kuntest, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jinġibdu mis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), f’dak li jirrigwarda l-motivi u l-argumenti invokati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Huma osservaw din it-talba fit-terminu stabbilit. |
Adattament tat-talbiet
34 |
Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru fis‑16 ta’ Frar 2015, ir-rikorrenti adattat ir-rikors sabiex jinkludi wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2014/872 u tar-Regolament Nru 1290/2014. |
35 |
Il-Kunsill ifformula osservazzjonijiet dwar din in-nota permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Frar 2015. |
36 |
Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti adattat ir-rikors tagħha sabiex jinkludi wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2015/2431, sa fejn din testendi l-applikabbiltà tal-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2014/512. |
37 |
Il-Kummissjoni ma fformulax osservazzjonijiet fuq din in-nota. |
38 |
Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ April 2017, ir-rikorrenti adattat ir-rikors tagħha sabiex jinkludi wkoll l-annullament tad-Deċiżjoni 2016/1071 u tad-Deċiżjoni 2016/2315, sa fejn dawn jestendu l-applikabbiltà tal-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2014/512. |
Bidla fil-kompożizzjoni tal-awli
39 |
Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla. |
It-talbiet tal-partijiet
40 |
Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
41 |
Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
Fit-tweġiba tagħha bil-miktub għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali wara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236), il-Kunsill ippreċiża li huwa ma kienx iktar sew jinvoka l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tinkludi miżuri restrittivi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, u dan ġie kkonfermat matul is-seduta. |
42 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors. |
Id-dritt
43 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jaqa’ fuq il-Kunsill, it-tieni, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, it-tielet, fuq il-ksur tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1963 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Ankara”), kif ukoll tal-Protokoll Addizzjonali u tal-Protokoll Finanzjarju, iffirmati fit‑23 ta’ Novembru 1970 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“Ftehimiet ta’ Ankara”) u, ir-raba’, fuq ksur mhux iġġustifikat tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Ir-rikorrenti tinvoka, barra minn hekk, eċċezzjoni ta’ illegalità bbażata fuq l-Artikolu 277 TFUE fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 960/2014. |
44 |
Preliminarjament, għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors. |
Fuq l-ammissibbiltà
45 |
Il-Kunsill isostni li t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb l-annullament tal-atti kkontestati għandha tiġi miċħuda minħabba li hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
46 |
L-ewwel nett, il-Kunsill jikkunsidra li r-rikorrenti ma hijiex “direttament ikkonċernata” permezz tal-miżuri previsti fl-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem, meħudin flimkien, id-“dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati”), fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-fatt li r-rikorrenti taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri ma jfissirx li hija direttament ikkonċernata minn dawn il-miżuri. L-Artikolu 5(1) tar-regolament ikkontestat ma jipprekludix il-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji minn entitajiet imsemmija, iżda ix-xiri jew il-bejgħ ta’ servizzi ta’ investiment jew ta’ għajnuna għall-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji kkonċernati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni. Ir-rikorrenti hija entità li tista’ toħroġ strumenti finanzjarji, iżda hija ma pprovatx li hija attiva fis-suq ta’ servizzi marbuta mal-projbizzjoni ta’ ħruġ tal-istrumenti finanzjarji inkwistjoni, bħal fil-kawża li tat lok għad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419). |
47 |
It-tieni nett, il-Kunsill isostni, sussidjarjament, li r-rikorrenti ma hijiex individwalment ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. Fil-fatt, din ma hijiex imsemmija fl-annessi ta’ dawn l-atti. Barra minn hekk, il-fatt li l-entitajiet li għalihom il-miżuri japplikaw huma identifikabbli ma huwiex determinanti. Barra minn hekk, il-fatt li miżura ta’ portata ġenerali li tapplika għal numru żgħir ta’ entitajiet jew li ċerti operaturi jiġu iktar affettwati mill-kompetituri tagħhom ma hijiex suffiċjenti sabiex turi li l-entitajiet inkwistjoni huma kkonċernati individwalment mill-miżura. |
48 |
Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti. |
49 |
Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi, tressaq rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni. It-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tippreċiża li jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta r-rikors għal annullament ma tkunx id-destinatarju tal-att ikkontestat, l-ammissibbiltà tar-rikors tkun suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrenti tkun direttament u individwalment ikkonċernata minnha. It-Trattat ta’ Lisbona żied ukoll tielet parti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li naqqset is-severità tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Fil-fatt, din il-parti, mingħajr ma tissuġġetta l-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-kundizzjoni dwar l-interess individwali, tagħti dan ir-rimedju fir-rigward tal-“atti regolatorji” li ma jinvolvux miżuri ta’ implimentazzjoni u li jirrigwardaw lir-rikorrenti direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 56 u 57). |
50 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-interess dirett tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li l-miżura tal-Unjoni kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplimentawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
F’dan il-każ, l-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 5(1)(a) tar-regolament ikkontestat għandhom jipprojbixxu lill-operaturi kollha tal-Unjoni li jagħmlu ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fir-Russja, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-artikoli u fejn l-isem huwa elenkat fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jew fl-Anness III tar-regolament ikkontestat. L-Artikolu 1(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata u l-Artikolu 5(1)(b) tar-regolament ikkontestat għandhom jipprojbixxu lill-imsemmija operaturi milli jwettqu dawn l-attivitajiet ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew organu stabbilit barra mill-Unjoni li iktar minn 50 % minnu huwa miżmum minn entità elenkata fl-annessi korrispondenti tal-atti kkontestati. |
52 |
Għandu jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. Fil-fatt, il-miżuri restrittivi inkwistjoni għandhom japplikaw direttament fir-rigward tagħha, bħala konsegwenza immedjata tal-fatt li l-kapital tagħha huwa miżmum fi kwota ikbar minn 50 % minn Sberbank, li tidher fl-Anness ta’ dawn l-atti, mingħajr ma jħallu ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħhom. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jipprekludux lir-rikorrenti milli jwettqu t-tranżazzjonijiet imsemmija barra mill-Unjoni. Fil-fatt, huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati jimponu restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni lir-rikorrenti. |
53 |
Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li r-rikorrenti ma hijiex direttament affettwata fis-sitwazzjoni ġuridika tagħha, peress li l-miżuri stabbiliti permezz tal-atti kkontestati japplikaw biss għal entitajiet stabbiliti fl-Unjoni. Għalkemm huwa minnu li l-atti kkontestati jipprevedu projbizzjonijiet li japplikaw l-ewwel għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn stabbiliti fl-Unjoni, dawn il-projbizzjonijiet għandhom bħala għan u bħala effett li jaffettwaw direttament l-entitajiet, bħar-rikorrenti, li għandhom l-attività ekonomika tagħhom limitata bħala riżultat tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tagħhom. Huwa ovvju li huwa għall-organi stabbiliti fl-Unjoni li japplikaw dawn il-miżuri, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx, bħala prinċipju, japplikaw barra mit-territorju tal-Unjoni. Dan ma jfissirx li l-entitajiet affettwati permezz tal-atti kkontestati ma humiex direttament ikkonċernati mill-miżuri restrittivi applikati fil-konfront tagħhom. Fil-fatt, il-fatt li jiġi pprojbit lill-operaturi tal-Unjoni milli jwettqu ċerti tipi ta’ tranżazzjonijiet ma’ entitajiet stabbiliti barra mill-Unjoni huwa ekwivalenti għal projbizzjoni lil dawn l-entitajiet milli jwettqu t-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma’ operaturi tal-Unjoni. Barra minn hekk, jekk tintlaqa’ t-teżi tal-Kunsill f’dan ir-rigward wieħed ikollu jikkunsidra li, anki fil-każijiet ta’ ffriżar ta’ fondi individwali, il-persuni elenkati li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi ma humiex ikkonċernati direttament minn tali miżuri, peress li huwa primarjament f’idejn l-Istati Membri tal-Unjoni u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li japplikawhom. |
54 |
Barra minn hekk, huwa inutli li l-Kunsill jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq il-kawża li tat lok għad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑18/10, EU:T:2011:419). Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU 2009, L 286, p. 36) jaffettwa biss is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti li huma attivi fit-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti dderivati mill-foki u li huma kkonċernati mill-projbizzjoni ġenerali fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, b’differenza mir-rikorrenti li l-attività tagħhom ma hijiex it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawk li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista mir-Regolament Nru 1007/2009, peress li, bħala prinċipju, it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti dderivati mill-foki li ġejjin minn forom ta’ kaċċa pprattikati tradizzjonalment mill-komunitajiet Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra għal skopijiet ta’ sussistenza kienet awtorizzata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, EU:T:2011:419, punt 79). F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti hija attiva fis-suq tas-servizzi finanzjarji msemmija fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati, u mhux f’xi suq upstream jew downstream ta’ dawn is-servizzi, kif isostni l-Kunsill. Fil-fatt, huwa minħabba l-atti kkontestati li r-rikorrenti kienet fl-impossibbiltà li twettaq ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji pprojbiti ma’ istituzzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni, meta hija kellha d-dritt li twettaq tali tranżazzjonijiet fl-assenza ta’ dawn l-atti. |
55 |
Għandu jiġi konkluż, għaldaqstant, li r-rikorrenti hija direttament ikkonċernata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernaw lilha. |
56 |
It-tieni nett, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati jinkludux jew le miżuri ta’ eżekuzzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjoni dwar l-interess individwali, prevista mit-tieni każ tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE hija wkoll issodisfatta f’dan il-każ. |
57 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li kull inklużjoni fuq lista ta’ persuni jew entitajiet koperti minn miżuri restrittivi tiftaħ għal din il-persuna jew għal din l-entità, li hija simili fil-konfront tagħha għal deċiżjoni individwali, l-aċċess għall-qorti tal-Unjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jagħmel riferiment għalih it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 50; mill‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 44, u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Issa, f’dan il-każ, peress li r-rikorrenti hija miżmuma għal iktar minn 50 % minn Sberbank, li isimha jidher fuq il-listi fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness III tar-Regolament ikkontestat, hija tifforma parti mill-entitajiet li għalihom il-miżuri restrittivi previsti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati għandhom japplikaw. |
59 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta att jaffettwa grupp ta’ persuni identifikati jew li setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
60 |
Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tifforma parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi li d-drittijiet tagħhom ġew affettwati mill-adozzjoni tal-atti kkontestati, peress li r-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni japplikaw fil-konfront tagħha minħabba l-fatt li hija persuna ġuridika, entità jew organu stabbilit barra l-Unjoni li iktar minn 50 % minnha hija miżmuma minn entità elenkata fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata jew fl-Anness III tar-regolament ikkontestat. |
61 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti għandha d-dritt titlob l-annullament tal-miżuri restrittivi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati sa fejn dawn jikkonċernawha. |
Fuq il-mertu
62 |
Fir-rigward tal-motivi għal annullament, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina, fl-ewwel lok, l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sussegwentement, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, imbagħad ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur mhux iġġustifikat tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità u, fl-aħħar nett, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Ftehimiet ta’ Ankara. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE
63 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jagħti motivazzjoni xierqa jew suffiċjenti sabiex tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti kkontestati, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. |
64 |
Ir-rikorrenti ssostni li ma rċevietx l-ittra ta’ notifika tal-Kunsill dwar l-inklużjoni tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti kkontestati, wisq inqas li informatha bil-motivi li għalihom il-Kunsill ried jinkludiha fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti, flimkien mal-provi li jsostnu dan. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li huwa irrilevanti li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala miżuri għall-iffriżar tal-assi, minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri restrittivi li jaffettwaw negattivament persuni fiżiċi jew ġuridiċi mmirati individwalment. Il-Kunsill kien għalhekk obbligat li jipprovdi lir-rikorrenti l-motivi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti kkontestati u l-pubblikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kienet insuffiċjenti. |
65 |
Il-Kunsill iqis, prinċipalment, li l-kriterji ġurisprudenzjali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni, li rreferiet għalihom ir-rikorrenti, ma humiex applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, il-miżuri inkwistjoni ma jkunux jistgħu jitqabblu ma’ ffriżar tal-assi, iżda ma’ miżuri jew ma’ atti ta’ portata ġenerali. F’dan il-kuntest, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa ssodisfatt meta il-preambolu tal-att jindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa jipproponi li jilħaq. Il-Kunsill isostni li l-preambolu tar-regolament ikkontestat jissodisfa dawn il-kriterji ġurisprudenzjali. |
66 |
Sussidjarjament, il-Kunsill isostni li rrispetta l-obbligu ta’ motivazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti. Il-Kunsill isostni li l-allegazzjonijiet magħmula mill-appellanti matul ir-rikors tagħha juru li hija kienet taf perfettament il-kuntest li fih ġew adottati l-miżuri kif ukoll ir-raġunijiet li wassluh sabiex jinkluduha fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti kkontestati. |
67 |
Il-Kummissjoni tikkondividi l-opinjoni tal-Kunsill li l-atti kkontestati jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni. Hija ssostni li l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti huma spjegati fid-dettall fil-premessi 1 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti hija ġġustifikata mill-fatt li, skont l-istatut tagħha u fil-prattika, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. Jgħodd biss il-fatt li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jiġu ġġustifikati individwalment l-inklużjoni tal-entitajiet imsemmija fl-annessi tal-atti kkontestati. |
68 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati […]”. |
69 |
Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali bħat-Trattati, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”. |
70 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adatta għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
71 |
Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam inkwistjoni. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew għat-terminu li fihom hija għandha tintervjeni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il‑Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
72 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-atti kkontestati kellhom ikunu suġġetti għal komunikazzjoni individwali, għandu jiġi osservat li tali lment huwa relatat iktar mal-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u għalhekk ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest. |
73 |
Fit-tieni lok, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kunsill f’dan il-każ, għandu jitfakkar li r-rikorrenti titlob biss l-annullament tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati, sa fejn dawn jikkonċernawha. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-suġġett tal-miżuri restrittivi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet huwa ddefinit b’riferiment għal entitajiet speċifiċi, peress li huma jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni ta’ diversi tranżazzjonijiet finanzjarji fil-konfront ta’ entitajiet inklużi fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness III tar-regolament ikkontestat, fosthom Sberbank, kif ukoll persuni ġuridiċi, entitajiet u organi li huma miżmuma f’iktar minn 50 % minn entità msemmija f’dawn l-annessi, li huwa fiċ-ċar il-każ tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ Sberbank. Għalhekk, fir-rigward tar-rikorrenti, dawn huma miżuri restrittivi individwali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 100 u 119). |
74 |
Il-ġurisprudenza ppreċiżat ukoll li l-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma għandhiex biss tidentifika l-bażi legali ta’ din il-miżura, iżda wkoll ir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom il-Kunsill jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, li l-persuna kkonċernata għandha tkun is-suġġett ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, T‑565/12, EU:T:2014:608, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
75 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li l-kriterji ġurisprudenzjali dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti li jimponu miżuri restrittivi individwali ma humiex applikabbli f’dan il-każ. |
76 |
Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 71 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih ġew adottati l-miżuri restrittivi kif ukoll ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. |
77 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-miżuri restrittivi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati jagħmlu parti mill-kuntest, magħruf mir-rikorrenti, ta’ tensjoni internazzjonali qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati, imfakkar fil-punti 2 sa 12 iktar ’il fuq. Mill-premessi 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-għan iddikjarat tal-atti kkontestati huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Dawk l-atti jindikaw għaldaqstant is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u l-għanijiet ġenerali li huma jixtiequ jilħqu (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 123). |
78 |
It-tieni nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati, għandu jitfakkar li dawn jipprojbixxu, għall-operaturi tal-Unjoni, ix-xiri, il-bejgħ jew il-forniment, dirett jew indirett, ta’ servizzi ta’ investiment jew l-assistenza fil-ħruġ jew kwalunkwe tranżazzjoni oħra ta’ bonds, azzjonijiet jew strumenti finanzjarji simili b’maturità itwal minn 90 jum jekk ikunu ġew maħruġa wara l‑1 ta’ Awwissu 2014 sat‑12 ta’ Settembru 2014, jew b’maturità li taqbeż it-30 jum, jekk dawn ikunu nħarġu wara t‑12 ta’ Settembru 2014, minn persuni ġuridiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, fosthom dik li jiġu miżmuma jew ikkontrollati f’iktar minn 50 % mill-Istat Russu, u li l-isem jidher fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Anness III tar-regolament ikkontestat, jew minn persuni ġuridiċi, entitajiet u organi li huma miżmuma għal iktar minn 50 % minn entità elenkata f’dawn l-annessi (ara l-punti 17 u 19 iktar ’il fuq). Dawn l-annessi, min-naħa tagħhom, ma jinkludu ebda motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-entitajiet elenkati. |
79 |
Għandu jiġi kkunsidrat, madankollu, li r-“raġunijiet speċifiċi u konkreti” li għalihom il-Kunsill ikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li r-rikorrenti kellha tkun is-suġġett tal-miżuri inkwistjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, tikkorrispondi f’dan il-każ għall-kriterji stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. |
80 |
Fil-fatt, huwa minħabba l-kwalità tagħha ta’ entità miżmuma f’iktar minn 50 % minn entità elenkata fl-annessi tal-atti kkontestati, f’dan il-każ Sberbank, li r-rikorrenti ġiet imposta b’miżuri restrittivi skont dawk l-atti. |
81 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li jużaw l-istess kunsiderazzjonijiet sabiex jadottaw miżuri restrittivi fil-konfront ta’ diversi persuni ma jeskludix li dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għal motivazzjoni suffiċjentement speċifika għal kull waħda mill-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 115). |
82 |
Jirriżulta, barra minn hekk, mill-provi prodotti mir-rikorrenti fl-anness tar-rikors li hija fehmet perfettament li huwa minħabba fil-kwalità tagħha ta’ entità li iktar minn 50 % minnha huwa miżmum minn Sperbank li ġew imposti fuqha l-miżuri restrittivi inkwistjoni. |
83 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kunsill immotiva suffiċjentement id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti, b’tali mod li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat, essenzjalment, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv
84 |
Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ, u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li hija ma rċeviet l-ebda notifika individwali tal-atti kkontestati u, min-naħa l-oħra, li l-Kunsill ma ppreżenta l-ebda prova sabiex jissostanzja l-motivi tiegħu sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha u ma ppermettiliex li tifformola osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett. Il-Kunsill kien ikkomunika dokumenti relatati mad-deċiżjoni ta’ inklużjoni tar-rikorrenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti kkontestati li ma kienu jipprovdu ebda bażi fattwali għal dik id-deċiżjoni. |
85 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u jqis li, peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi “immirati” u ma jikkonċernawx direttament u individwalment lir-rikorrenti, huwa ma kienx obbligat li jinformaha individwalment. Barra minn hekk, ir-rikorrenti qatt ma weriet kif l-assenza ta’ notifika individwali ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħha f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija talbet li jkollha aċċess għad-dokumenti li jikkonċernawha fl-istess ġurnata tal-preżentata tar-rikors tagħha, jiġifieri fil‑5 ta’ Diċembru 2014. Il-Kunsill irrisponda għal din it-talba fid‑29 ta’ Jannar 2015, jiġifieri xahar u nofs wara li rċieva din it-talba. Għalhekk il-Kunsill jikkunsidra li jista’ jistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tammetti possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dokumenti kkomunikati lil rikorrent wara l-introduzzjoni tar-rikors. |
86 |
Għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huma drittijiet fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom il-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Good Luck Shipping vs Il‑Kunsill, T‑423/13 u T‑64/14, EU:T:2016:308, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa espressament stabbilit fl‑Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jinkludi matul proċedura għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi d-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl fl-osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian, C‑280/12 P, EU:C:2013:775, punt 60, u tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
Id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, jeżiġi li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tkun tista’ jkollha għarfien tal-motivi li fuqhom hija bbażata id-deċiżjoni meħuda kontriha mill-qari tad-deċiżjoni nnifisha, jew permezz ta’ komunikazzjoni tal-motivi fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li titlob lill-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli u tiddeċiedi b’għarfien sħiħ jekk huwiex għaqli li tadixxi lill-qorti kompetenti, kif ukoll li tpoġġi lil din tal-aħħar kompletament f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Good Luck Shipping vs Il‑Kunsill, T‑423/13 u T‑64/14, EU:T:2016:308, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Waqt din il-komunikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Unjoni għandha tippermetti lil din il-persuna li turi utilment il-perspettiva tagħha fir-rigward tal-motivi meqjusa kontriha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 112). |
90 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti. |
91 |
Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kunsill li jgħid li l-ġurisprudenza fil-qasam ta’ miżuri restrittivi individwali ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li dawn huma miżuri ta’ portata ġenerali u mhux miżuri restrittivi mmirati. Fil-fatt, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata tirriżulta preċiżament mill-fatt li dan ir-rikors jirrigwarda l-legalità ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal‑Artikolu 275 TFUE, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236). |
92 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill kellu jinnotifikalha individwalment l-atti kkontestati, sa fejn dawn l-atti jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha, għandu jiġi osservat li l-assenza ta’ komunikazzjoni individwali tal-atti kkontestati, għalkemm tinċidi fuq il-mument li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors, ma tiġġustifikax waħedha, l-annullament tal-atti inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda argument maħsub sabiex juri li, f’dan il-każ, l-assenza ta’ notifika individwali ta’ dawn l-atti kellha bħala konsegwenza dannu għad-drittijiet tagħha li jiġġustifika l-annullament tagħhom sa fejn dawn jikkonċernawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
93 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ komunikazzjoni mill-Kunsill tal-provi li jsostnu l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha, għandhom jiġu eżaminati separatament l-atti inizjali, li permezz tagħhom ġew imposti fuq ir-rikorrenti miżuri restrittivi għall-ewwel darba, minħabba l-inklużjoni ta’ isem Sberbank fil-listi annessi għall-atti kkontestati (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”) u fl-atti sussegwenti li kkonfermaw dawn il-miżuri. |
94 |
L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-atti orġinali, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li, fil-każ ta’ deċiżjoni inizjali ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jikkomunika minn qabel lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, il-motivi li fuqhom dik l-istituzzjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża l-inklużjoni ta’ isem din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-lista rilevanti. Fil-fatt, tali miżura, sabiex ma tikkompromettix l-effettività tagħha, għandha, min-natura tagħha stess, tkun tista’ tibbenefika minn effett ta’ sorpriża u tiġi applikata b’mod immedjat. F’tali każ, bħala prinċipju jkun suffiċjenti li l-istituzzjoni tikkomunika l-motivi lill-persuna jew lill-entità kkonċernata u tagħti d-dritt għal smigħ ta’ din tal-aħħar b’mod kontemporanju jew immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61). |
95 |
Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta, il-Kunsill sostna li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq ma kinitx applikabbli f’dan il-każ, peress li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu jirrigwardaw restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni, ta’ portata ġenerali, u mhux fuq miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi individwali fis-sens strett. Sussidjarjament, il-Kunsill jemmen li minkejja li din il-ġurisprudenza kienet tapplika f’dan il-każ, ma kien hemm ebda obbligu li tisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-atti inizjali u lanqas li tikkomunikalha l-elementi kkunsidrati fir-rigward tagħha f’dak l-istadju. |
96 |
Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. |
97 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tippreċedi l-adozzjoni ta’ miżura restrittiva jirriżulta direttament mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta (ara l-punt 87 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata). |
98 |
Għaldaqstant, sa fejn ir-restrizzjonijiet imposti fuq ir-rikorrenti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati jikkostitwixxu miżuri restrittivi ta’ portata individwali fil-konfront tagħha (ara l-punt 73 iktar ’il fuq) u fl-assenza ta’ kwalunkwe neċessità li tagħti effett ta’ sorpriża għal dawn il-miżuri sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tagħhom, il-Kunsill kellu jikkomunika l-motivi dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati. |
99 |
Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, il-motivi kkunsidrati mill-Kunsill sabiex jimponi miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrenti, li jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati nnifishom, jikkonsistu fil-fatt li din hija persuna ġuridika, entità jew organu stabbilit barra l-Unjoni, li mill-inqas 50 % tad-drittijiet tal-proprjetà huma miżmuma minn entità li tinsab fl-annessi tal-atti kkontestati. |
100 |
Madankollu, ir-rikorrenti baqgħet ma spjegatx sa liema punt l-assenza ta’ komunikazzjoni minn qabel mill-Kunsill ta’ ċerti elementi fil-fajl rigward dawn il-motivi kien affettwa d-drittijiet tad-difiża tagħha jew id-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod li jwassal għall-annullament tal-atti inizjali. |
101 |
Fil-fatt, hemm lok li jitfakkar li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ att, huwa meħtieġ li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 2014, Georgias et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑168/12, EU:T:2014:781, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il‑Kunsill, T‑262/15, EU:T:2017:392, punt 153). |
102 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti baqgħet ma spjegatx liema huma l-argumenti jew l-elementi li hija setgħet issostni kieku kienet irċeviet id-dokumenti inkwistjoni qabel u hija lanqas ma weriet li dawn l-argumenti jew dawn l-elementi setgħu jwasslu għal riżultat differenti fil-każ tagħha. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li hija ma kinitx taf, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti inizjali li hija kienet miżmuma għal iktar minn 50 % minn Sberbank. Għaldaqstant, dan l-ilment ma jistax iwassal għall-annullament tal-atti inizjali. |
103 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-atti sussegwenti li bihom inżammu l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti, il-ġurisprudenza ppreċiżat li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm l-isem ta’ persuna jew entità f’lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità li jkunu nnotifikati l-provi kontriha u d-dritt li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni meta kien hemm elementi ġodda fir-rigward tagħha, jiġifieri provi li ma kinux inklużi fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni ta’ isimha fuq din il-lista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’ s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 63, u tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
104 |
Issa, f’din il-kawża, il-kriterji kkunsidrati għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti kienu sa mill-oriġini tagħhom fl-Artikolu 1(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata u fl-Artikolu 5(1)(b) tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, huwa minħabba l-fatt li hija miżmuma għal iktar minn 50 % minn Sberbank, li minnha nnifisha hija istituzzjoni prinċipali ta’ kreditu stabbilita fir-Russja, miżmuma jew ikkontrollata f’iktar minn 50 % mill-Istat fl‑1 ta’ Awwissu 2014, u li isimha għalhekk ġie inkluż fil-lista tal-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata u fil-lista tal-Anness III tar-regolament ikkontestat, li r-rikorrenti hija suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Dawn l-elementi kienu magħrufa sew mir-rikorrenti u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala elementi ġodda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. |
105 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, meta tiġi kkomunikata informazzjoni biżżejjed preċiża, li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tkun tista’ tesprimi b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar il-provi miżmuma kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tagħha. Huwa biss fuq talba tal-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa marbut jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi u mhux kunfidenzjali kollha li jirrigwardaw il-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
106 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill issodisfa dan l-obbligu u wieġeb għat-talba għal informazzjoni tar-rikorrenti tal‑5 ta’ Diċembru 2014 b’ittra tad‑29 ta’ Jannar 2015. F’dan il-kuntest, il-Kunsill ta aċċess għal dokumenti fil-pussess tiegħu dwar id-deċiżjoni tiegħu li jimponi miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti. |
107 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni ta’ dawn l-elementi seħħet fi żmien raġonevoli u kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti li ssostni d-drittijiet tagħha b’mod effettiv u jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tagħha. |
108 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità u ta’ dannu inġust u sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti
109 |
Ir-rikorrenti ssostni li huwa l-Kunsill li għandu jistabbilixxi li l-atti kkontestati huma mezzi mhux diskriminatorji u proporzjonati sabiex jintlaħaq għan leġittimu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-miżuri restrittivi li jirriżultaw mill-atti kkontestati jikkostitwixxu ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tagħha, peress li dawn jipprevjenuha milli teżerċita b’mod liberu attività ekonomika, u mingħajr ma din il-limitazzjoni tad-drittijiet tagħha tkun neċessarja jew xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-Kunsill. |
110 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet. |
111 |
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tal-Karta, “[i]l-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta”. |
112 |
It-tieni nett, l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi kif ġej: “Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.” |
113 |
Huwa ċertament minnu li miżuri restrittivi bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ jillimitaw inkontestabbilment id-drittijiet li r-rikorrenti għandha bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, NIOC et vs Il‑Kunsill, C‑595/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:721, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
114 |
Madankollu, id-drittijiet fundamentali invokati mir-rikorrenti ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti u jistgħu, konsegwentement, ikunu s-suġġett ta’ limitazzjonijiet, fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 121, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il‑Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, minn naħa, kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun “prevista mil-liġi” u għandha “tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet” u, min-naħa l-oħra, li bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun “meħtieġ” u fejn ġenwinament jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
116 |
Għalhekk, sabiex tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni għandha tissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandha jkollha bażi legali. It-tieni nett, il-limitazzjoni għandha jkollha għan ta’ interess ġenerali, irrikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, l-“kontenut essenzjali”, jiġifieri s-sustanza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma għandhiex tiġi ppreġudikata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punti 170 sa 173 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
117 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma ssodisfatti f’dan il-każ. |
118 |
Fl-ewwel lok, il-miżuri restrittivi inkwistjoni huma “previsti mil-liġi”, peress li dawn huma stabbiliti f’atti li b’mod partikolari għandhom portata ġenerali u għandhom bażi legali ċara fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll motivazzjoni suffiċjenti (ara l-punti 78 sa 93 iktar ’il fuq). |
119 |
Fit-tieni lok, jirriżulta mill-premessi 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-premessa 2 tar-regolament ikkontestat li l-għan iddikjarat ta’ dawn l-atti huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Tali għan huwa konsistenti ma’ dak taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 115). |
120 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Għalhekk, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi adottata l-inqas waħda restrittiva u l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Rotenberg vs Il‑Kunsill, T‑720/14, EU:T:2016:689, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
121 |
F’dan is-sens, il-ġurisprudenza tispeċifika li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa lil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma li min-naħa ta’ dan tal-aħħar jinvolvu għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa mitlub iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta pparagunata mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
122 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-miżuri restrittivi li ġew imposti lilha bis-saħħa tal-atti kkontestati ma jippermettux li jintlaħaq l-għan imfittex minn dawn l-atti, li hija teżerċita pressjoni fuq il-Gvern Russu billi jillimitaw l-aċċess għas-swieq tal-kapital tal-banek pubbliċi Russi identifikati mill-Kunsill, peress li hija ma għandha l-ebda rwol fl-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina. |
123 |
Madankollu, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti ma kellha lanqas rwol żgħir fl-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina huwa irrilevanti, peress li hija ma kinitx imposta miżuri restrittivi għal din ir-raġuni, iżda minħabba l-fatt li hija miżmuma għal iktar minn 50 % minn Sberbank, li hija bank pubbliku Russu li isimhom jidher fil-lista annessa mal-atti kkontestati. |
124 |
Barra minn hekk, huwa ċertament veru li l-miżuri restrittivi għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, effetti li jaffettwaw id-drittijiet ta’ proprjetà u l-eżerċizzju liberu ta’ attivitajiet professjonali, u għalhekk joħolqu danni lil partijiet li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet. Dan huwa a fortiori l-effett tal-miżuri restrittivi mmirati lejn l-entitajiet imsemmija minnhom (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
125 |
Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-atti kkontestati, jiġifieri, il-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll li tippromwovi soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li jaqgħu taħt l-għan iktar wiesgħa taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE, hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 149 u 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
126 |
It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, teżisti relazzjoni raġonevoli bejn il-miżuri restrittivi inkwistjoni u l-għan imfittex mill-Kunsill permezz tagħhom. Fil-fatt, sa fejn dan l-għan huwa, b’mod partikolari, li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, l-approċċ li jimmira banek pubbliċi Russi jissodisfa, b’mod koerenti, l-imsemmi għan u ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li huwa manifestament mhux xieraq fid-dawl tal-għan imfittex (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 147). |
127 |
Fil-fatt, il-Kunsill seta’ jqis leġittimament li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, għandhom jimmiraw mhux biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu prinċipali jew l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ żvilupp stabbiliti fir-Russja, miżmuma jew ikkontrollati f’iktar minn 50 % mill-Istat fl‑1 ta’ Awwissu 2014, u li għalhekk isimhom kien inkluż fil-lista tal-Anness I (l-Artikolu 1(1)(a) tad-deċiżjoni kkontestata), iżda wkoll kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew organu stabbilit barra mill-Unjoni li iktar minn 50 % minnu huma proprjetà ta’ entità elenkata fl-Anness I (l-Artikolu 1(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata), jew kull persuna ġuridika, entità jew organu li jaġixxu f’isem jew fuq ordni ta’ entità msemmija fl-Artikolu 1(1)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, jew elenkati fl-Anness I (l-Artikolu 1(1)(c) tad-deċiżjoni kkontestata). Jekk entitajiet bħal tar-rikorrenti ma kinux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti mill-atti kkontestati, l-entitajiet Russi msemmija fl-Anness ta’ dawn l-atti jistgħu faċilment jevitaw il-projbizzjonijiet billi jitwettqu minn sussidjarji jew minn entitajiet li jaġixxu f’isimhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2012, Melli Bank vs Il‑Kunsill, C‑380/09 P, EU:C:2012:137, punt 58). |
128 |
Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma tkunx tista’ tagħmel trasferimenti ta’ fondi favur Sberbank, peress li huwa taħt is-sorveljanza tal-awtorità regolatorja bankarja Torka. Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li dan huwa l-każ, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kunsill seta’ jqis leġittimament li jirrestrinġi l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni lil Sberbank u lill-entitajiet li fihom għandha iktar minn 50 %, bħar-rikorrenti, jista’ jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan tal-atti kkontestati, li jikkonsisti fil-fatt li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Fil-fatt, fil-każ ta’ diffikultajiet finanzjarji mġarrba mir-rikorrenti b’riżultat tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ikunu l-azzjonisti tagħha, u fl-aħħar mill-aħħar, l-Istat Russu, li jkollhom isalvawha, li huwa konformi mal-imsemmi għan. |
129 |
It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-miżuri adottati mill-Kunsill f’dan il-każ jikkonsistu f’sanzjonijiet ekonomiċi mmirati, li ma jistgħux jitqiesu bħala interruzzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz, minkejja li l-Kunsill jiddisponi minn tali setgħa skont l-Artikolu 215 TFUE. |
130 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-evoluzzjoni b’mod progressiv tal-intensità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukraina, l-interferenza fil-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 150). |
131 |
Ebda wieħed mill-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jista’ jqiegħed din il-konklużjoni fid-dubju. |
132 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3) tar-regolament ikkontestat, peress li din tapplika biss għall-importazzjonijiet jew esportazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Russja. Dan juri li hija ma kellhiex tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi u li dawn il-miżuri jiddiskriminaw kontriha meta mqabbla ma’ Sberbank u huma sproporzjonati. |
133 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 960/2014 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), tapplika biss għas-self jew għall-krediti bl-għan speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament għall-importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux suġġetti għall-projbizzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u r-Russja, u mhux bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi oħra bħar-Repubblika tat-Turkija. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni baqgħat fis-seħħ, fil-verżjoni inizjali tagħha, mit‑8 ta’ Settembru sas‑6 ta’ Diċembru 2014 biss, data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1290/2014. Fil-fatt, permezz ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, il-Kunsill iddeċieda li t-test ta’ dik id-dispożizzjoni kellu jinbidel sabiex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u sabiex jinkludi wkoll is-self jew il-krediti li jkollhom għan speċifiku u ġustifikat li jipprovdu finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux suġġetti għal projbizzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u Stat terz. Madankollu, jekk jiġi preżunt li din id-dispożizzjoni setgħet, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 960/2014, tkun diskriminatorja jew sproporzjonata, ir-rikorrenti ma tispjegax kif l-applikazzjoni tagħha għal inqas minn tliet xhur jista’ jwassal għall-annullament tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati, sa fejn dawn il-miżuri jkunu konsistenti u proporzjonali għall-għan tagħhom (ara l-punti 121 sa 130 iktar ’il fuq). Għaldaqstant tali lment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala ineffettiv. |
134 |
Barra minn hekk, anki jekk jitqies li tali argument huwa rilevanti, huwa żbaljat illi r-rikorrenti tqis illi, anki fil-verżjoni emendata tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 1290/2014 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), l-Artikolu 5(3)(b) tar-regolament ikkontestat huwa diskriminatorju sa fejn huwa jippermetti lil sussidjarja Sberbank stabbilita fl-Unjoni tibbenefika minn finanzjament ta’ emerġenza filwaqt li waħda mis-sussidjarji tagħha ma tistax tibbenefika minnhom. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li tali argument huwa bbażat fuq qari ipotetiku ta’ din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li huma biss l-entitajiet tal-Unjoni direttament miżmuma minn entità msemmija fl-annessi tal-atti kkontestati li huma kkonċernati, u mhux l-entitajiet miżmuma indirettament. Issa, għandu jitfakkar li, meta diversi interpretazzjonijiet tal-istess dispożizzjoni huma possibbli, dan għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fid-dawl tal-għanijiet tiegħu u b’konformità mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 141, u tat‑13 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑138/07, EU:T:2011:362, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
135 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li tali limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni tfisser li ma għandux jagħmel parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati, għandu jiġi kkonstatat li tali talba timplika konstatazzjoni jew dikjarazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali. Issa, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma hijiex kompetenti, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, sabiex tagħti sentenzi dikjaratorji (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Akhras vs Il‑Kunsill, T‑579/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:97, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
136 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, irrispettivament mill-għan leġittimu imfittex minn dawn il-miżuri, l-effetti serji negattivi subiti minnha, li jkollhom effett negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fit-Turkija, kienu, fi kwalunkwe każ, sproporzjonati, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jistgħu jkollhom effetti negattivi għar-rikorrenti, b’mod partikolari, fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fit-Turkija, ma hijiex suffiċjenti sabiex turi n-natura sproporzjonata tagħhom (ara l-punt 124 iktar ’il fuq). |
137 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li ma kienx neċessarju li timponi miżuri jekk negattivi, peress li kwalunkwe entità li taġixxi f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ Sberbank kienet suġġetta għal restrizzjonijiet skont l-Artikolu 5(1)(c) tar-regolament ikkontestat. Is-sempliċi fatt li r-rikorrenti hija għal iżjed minn 50 % miżmuma minn Sberbank ma tistax għalhekk tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha. |
138 |
F’dan ir-rigward, il-fatt li, skont l-Artikolu 5(1)(c), tar-regolament ikkontestat, kwalunkwe entità li taġixxi f’isem jew taħt id-direzzjoni ta’ Sberbank hija suġġetta għal restrizzjonijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kunsill ma setax jipprevedi wkoll, fl-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, li kull entità miżmuma f’ammont ta’ iktar minn 50 % minn entità elenkata fl-Anness III ta’ dak ir-regolament hija wkoll suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li l-Kunsill għandu f’dan ir-rigward, ma kienx manifestament sproporzjonat li jirrestrinġu l-aċċess għas-suq tal-kapital tal-Unjoni lil Sberbank u lill-entitajiet li fihom hija għandha iktar minn 50 % tad-drittijiet tal-proprjetà, fid-dawl tal-għan tal-atti kkontestati (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). |
139 |
Fir-raba’ lok, huwa żbaljat illi r-rikorrenti tqis li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(3)(b) tar-regolament ikkontestat hija diskriminatorja fir-rigward tal-entitajiet stabbiliti fl-Unjoni. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex paragunabbli għal dik ta’ entitajiet jew organi tal-Unjoni. Dawn jaqgħu direttament taħt id-dritt tal-Unjoni u għandhom l-obbligu li jirrispettaw u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-regolament ikkontestat, li għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Huma ma jistgħux għaldaqstant, b’mod partikolari, jieħdu miżuri sabiex jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti minn dawn l-atti, skont l-Artikolu 12 tar-regolament ikkontestat, li ma huwiex il-każ ta’ entitajiet, bħar-rikorrenti, li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jiġi stabbilit, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ legalità, li jgħid li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
140 |
Il-ħames nett, huwa żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kellu l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħha, minħabba l-fatt li hija topera mit-Turkija. Fil-fatt, peress li hija entità miżmuma għal iktar minn 50 % minn Sberbank, li hija annessa mal-atti kkontestati, huwa ġustament li r-rikorrenti kienet inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. Barra minn hekk, il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Ankara invokati mir-rikorrenti jistgħux jikkontestaw il-validità tal-atti kkontestati għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet motiv. |
141 |
Is-sitt nett, mill-eżami tal-ewwel u tat-tieni motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ma kisirx l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu u lanqas id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-rikorrenti bl-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Għalhekk, minn dan il-fatt ma jistax jiġi konkluż li kien hemm ksur sproporzjonat tad-drittijiet tar-rikorrenti. |
142 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dritt għal reputazzjoni tar-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dannu għar-reputazzjoni ta’ persuna milquta minn miżuri restrittivi minħabba motivi li jiġġustifikaw dawk il-miżuri ma tistax, minnha nnifisha, tikkostitwixxi ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà u għal-libertà tal-intrapriża tal-persuna. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet dwar ir-rabta bejn l-allegat dannu għar-reputazzjoni tagħha mir-rikorrenti u l-ksur tad-drittijiet fundamentali li huma s-suġġett ta’ dan il-motiv, dan l-argument huwa ineffettiv. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, bħad-dritt għall-proprjetà u l-libertà ta’ impriża, id-dritt għall-protezzjoni tar-reputazzjoni tagħha ma tikkostitwixxix prerogattiva assoluta u l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun is-suġġett ta’ restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali mħaddna mill-Unjoni. Għalhekk, l-importanza tal-għanijiet segwiti permezz tal-miżuri restrittivi inkwistjoni hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għar-reputazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il‑Kunsill, T 545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 167 u 168 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
143 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Ftehimiet ta’ Ankara
144 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 19 tal-Ftehim ta’ Ankara, tal-Artikolu 41(1), tal-Artikolu 50(3) u tal-Artikolu 58 tal-Protokoll Addizzjonali kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-Protokoll Finanzjarju. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom effett dirett sa fejn jinvolvu obbligi ċari u preċiżi li ma jkunux suġġetti, fl-eżekuzzjoni tagħhom jew fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ ebda att ulterjuri. |
145 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Ftehim ta’ Ankara, li huwa simili għall-Artikolu 56 TFUE, hija kompromessa meta miżura tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà, li ċertament ikun il-każ f’dan il-każ. It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ fejn ikun hemm deroga li tiġġustifika r-restrizzjoni ta’ libertà, hija għandha tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju fis-sens tal-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Ankara u l-Artikolu 58 tal-Protokoll Addizzjonali tiegħu, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. It-tielet nett, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jiksru d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 50(3) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Ankara. Ir-raba’ nett, dawn il-miżuri jmorru kontra l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim ta’ Ankara fil-qasam tal-aċċess għal finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). |
146 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta dawn l-argumenti. |
147 |
Jirriżulta mill-Artikolu 216(2) TFUE illi l-ftehimiet konklużi mill-Unjoni, bħalma huma l-Ftehim ta’ Ankara u l-Protokolli addizzjonali tiegħu, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri. Konsegwentement, dawn il-ftehimiet jibbenefikaw mis-supremazija fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Minn dan isegwi li l-validità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni tista’ tiġi affettwata mill-inkompatibbiltà tiegħu ma’ dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
148 |
Għalhekk, il-validità tal-atti kkontestati f’dan il-każ tista’ tiġi evalwata fid-dawl tal-Ftehim ta’ Ankara u tal-protokolli addizzjonali tiegħu, bil-kundizzjoni madankollu li, minn naħa, in-natura u l-istruttura tal-ftehim inkwistjoni ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet invokati jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 43 u 45, u tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 84). |
149 |
Issa, f’dan il-każ, li kieku l-istruttura tal-Ftehim ta’ Ankara u tal-protokolli addizzjonali tiegħu ma jipprekludux l-eżami tal-validità tal-atti kkontestati fid-dawl ta’ dawn il-ftehimiet u li d-dispożizzjonijiet kollha invokati jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. |
150 |
Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jikkostitwixxu, f’dak li jikkonċernaha, atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punt 41, u tal‑25 ta’ Frar 2010, Brita, C‑386/08, EU:C:2010:91, punt 39). F’dan ir-rigward, ftehimiet bħal dawn, wara d-dħul tagħhom fis-seħħ, jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, EU:C:1974:41, punt 5). B’riżultat ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom ikunu kompletament kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 285). B’dan il-mod, is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni ma jestendix għad-dritt primarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 308). |
151 |
Għaldaqstant, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa fil-Ftehim ta’ Ankara li tippermetti lil xi parti milli tieħu miżuri li hija tikkunsidra neċessarji sabiex tipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, il-Kunsill jista’ jillimita d-drittijiet li jirriżultaw mill-Ftehimiet ta’ Ankara minħabba s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu nondiskriminatorji u proporzjonati, kif ir-rikorrenti stess tammetti dan. |
152 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Ankara u l-Artikolu 58 tal-Protokoll Addizzjonali tiegħu, li jgħid li l-miżuri inkwistjoni huma diskriminatorji ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, bħala entità miżmuma iktar minn 50 % minn Sberbank, ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ banek oħra li joperaw fit-Turkija li ma humiex miżmuma minn entità Russu suġġetta għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra stabbiliti fit-territorju tal-Unjoni (ara l-punt 139 iktar ’il fuq). |
153 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-istabbiliment, ta’ provvista ta’ servizz u ta’ moviment tal-kapital, ibbażati fuq l-Artikolu 19 tal-Ftehim ta’ Ankara u l-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 50(3) tal-Protokoll Addizzjonali tiegħu kif ukoll l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll Finanzjarju tiegħu, dawn lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. |
154 |
Għandu jiġi vverifikat, f’dan il-kuntest, jekk il-Kunsill aġixxiex b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif iddefinit mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2015, Emadi vs Il‑Kunsill, T‑274/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:938, punt 206). |
155 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjonijiet invokati f’dan il-każ, f’każ fejn dawn jiġu stabbiliti, huma ġġustifikati mill-għanijiet imsemmija fl-atti kkontestati, adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE, jiġifieri li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Tali għan huwa konsistenti ma’ dak taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 115). |
156 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma jipprevedux l-interruzzjoni, parzjalment jew kompletament, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mar-Repubblika tat-Turkija, iżda mal-Federazzjoni Russa, bħala strument leġittimu tal-politika barranija, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE. Fi kliem ieħor, il-miżuri restrittivi inkwistjoni japplikaw għar-rikorrenti biss minħabba l-fatt li hija entità li għal iktar minn 50 % hija miżmuma minn Sberbank, li hija stess hija entità Russa li isimha huwa inkluż fil-listi annessi mal-atti kkontestati, u mhux fil-kwalità tagħha ta’ impriża stabbilita fit-Turkija. |
157 |
Peress li tali miżuri kienu mmirati u limitati fiż-żmien, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-effetti negattivi li jirriżultaw minnhom għandhom jitqiesu bħala sproporzjonati. Fil-fatt, l-importanza tal-għanijiet imfittxija skont l-Artikolu 29 TUE hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 23). Barra minn hekk, mill-eżami tar-raba’ motiv iktar ’il fuq jirriżulta li l-miżuri restrittivi inkwistjoni huma xierqa biex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan leġittimu imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara l-punti 115 sa 142 iktar ’il fuq). |
158 |
Għaldaqstant, il-ksur, mill-Unjoni, tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim ta’ Ankara invokati f’dan il-każ, f’każ fejn dawn jiġu stabbiliti, huma ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-miżuri inkwistjoni u proporzjonati għal dawk l-għanijiet. |
159 |
Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 960/2014
160 |
Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 960/2014, li jemenda l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 833/2014. |
161 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din it-talba. |
162 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta entità jkollha l-intenzjoni tikkontesta l-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, hija għandha tinvoka, fil-kuntest tar-rikors intiż għall-annullament tal-atti li permezz tagħhom l-imsemmija miżuri jkunu ġew adottati jew miżmuma, l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet ġenerali li fuqhom huma bbażati dawn l-atti, permezz ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
163 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma sostniet l-ebda argument distint minn dawk li hija kienet diġà invokat preċedentement. |
164 |
Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, neċessarjament għandha ssir referenza għall-kunsiderazzjonijiet stipulati iktar ’il fuq u tiċħad, għall-istess raġunijiet, l-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti. |
165 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi miċħuda, kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-adattament tar-rikors. |
Fuq l-ispejjeż
166 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. |
167 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Berardis Spielmann Csehi Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Settembru 2018. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.