SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
12 ta’ April 2018 ( *1 )
“Klawżola ta’ arbitraġġ – Persunal tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Tilwim dwar il-kuntratti tax-xogħol – Proċeduri ta’ investigazzjoni interna – Protezzjoni tal-vittmi fil-każ ta’ rapport ta’ sitwazzjoni ta’ fastidju – Responsabbiltà kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑763/16,
PY, irrappreżentat minn S. Rodrigues u A. Tymen, avukati,
rikorrent,
vs
EUCAP Sahel Niger, irrappreżentata minn E. Raoult u M. Vicente Hernandez, avukati,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata skont l-Artikolu 272 TFUE u intiża għall-kundanna ta’ EUCAP Sahel Niger sabiex tikkumpensa lir-rikorrent għad-dannu allegatament imġarrab minnu bħala riżultat ta’ nuqqas kuntrattwali mwettaq minn EUCAP Sahel Niger,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn D. Gratsias, President, A. Dittrich u P. G. Xuereb (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
EUCAP Sahel Niger (iktar ’il quddiem il-“Missjoni”) hija missjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU 2012, L 187, p. 48), emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1253, tal-11 ta’ Lulju 2017 (ĠU 2017, L 179, p. 15). |
2 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2012/392, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1172 tat-18 ta’ Lulju 2016 (ĠU 2016, L 193, p. 106), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, il-Missjoni għandha timmira li tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet tan-Niġer li jiddefinixxu u jimplimentaw l-istrateġija nazzjonali tagħhom fil-qasam tas-sigurtà. Il-Missjoni timmira wkoll li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċ integrat, multidixxiplinari, koerenti, sostenibbli u li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fost l-atturi varji tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, il-Missjoni għandha tgħin lill-awtoritajiet ċentrali u lokali u lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer jiżviluppaw politiki, tekniki u proċeduri sabiex jikkontrollaw aħjar u jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari. |
3 |
Skont l-Artikolu 7(3) tad-Deċiżjoni 2012/392, il-Missjoni tirrekluta l-persunal internazzjonali u lokali fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. L-Artikolu 7(4) tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali jinstabu fil-kuntratti konklużi bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal. |
4 |
L-Artikolu 12a tad-Deċiżjoni 2012/392, li ġie introdott permezz tal-Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/482/PESK tat-22 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392 (ĠU 2014, L 217, p. 31), jipprovdi li, sa fejn meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni, il-Missjoni għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn proprjetà, tillikwida l-passiv tagħha u jkollha locus standi in iudicio. |
5 |
Ir-rikorrent, PY, huwa ex membru tal-persunal tal-Missjoni. Fil-31 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent iffirma kuntratt ta’ impjieg mal-Missjoni għal pożizzjoni ta’ uffiċjal għall-provvista għall-perijodu mit-30 ta’ Jannar 2014 sal-15 ta’ Lulju 2014. Sussegwentement, ir-rikorrent iffirma t-tieni kuntratt ta’ impjieg li jkopri l-perijodu inkluż mis-16 ta’ Lulju 2014 sal-15 ta’ Lulju 2015, imbagħad it-tielet kuntratt ta’ impjieg għall-perijodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-15 ta’ Lulju 2016. |
6 |
Skont it-termini tal-kuntratti ta’ impjieg tar-rikorrent, il-Kodiċi ta’ Mġiba u ta’ Dixxiplina tal-Missjoni (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Mġiba”) huwa parti integrali ta’ dawn il-kuntratti. |
7 |
Il-Kodiċi ta’ Mġiba jistabbilixxi, fl-ewwel lok, ċertu numru ta’ regoli ta’ mġiba li għandhom jiġu osservati mill-membri kollha tal-persunal tal-Missjoni (punti 1 sa 6), inkluż l-obbligu li ma jissuġġettawx kollegi oħra għal fastidju (punt 2.5) u intimidazzjoni (punt 2.6), u, fit-tieni lok, il-proċedura li għandha tiġi segwita f’każ ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli (punti 7 sa 8). |
8 |
Il-punt 2.5 tal-Kodiċi ta’ Mġiba jipprovdi dan li ġej: “Il-fastidju huwa differenti mill-fastidju sesswali peress li ma huwiex neċessarjament ibbażat fuq is-sess. B’differenza mill-intimidazzjoni, inċident sempliċi jista’ jitqies li jikkostitwixxi fastidju u diversi tipi ta’ mġiba juru dan. Huwa kkunsidrat bħala fastidju, fil-kuntest ta’ dan id-dokument: kwalunkwe att jew imġiba, inklużi kliem, ġesti jew il-produzzjoni, wiri jew xandir ta’ kitba, ritratti jew kwalunkwe materjal ieħor jekk dan l-att jew din l-imġiba ma humiex aċċettati mill-impjegat u jekk jista’ raġonevolment jitqiesu bħala offensivi, umiljanti jew intimidanti.” |
9 |
Il-punt 7.1 bl-isem “Rappurtar ta’ ksur”, jistabbilixxi dan li ġej: “Il-każijiet ta’ mġiba ħażina jistgħu jwasslu għal miżuri u azzjonijiet dixxiplinari u għandhom jiġu introdotti proċeduri xierqa […] Kull membru tal-Missjoni għandu d-dritt u l-obbligu li jressaq ilment bil-miktub lill-Kap tal-Missjoni […] ta’ kull każ allegat ta’ mġiba ħażina, malverżazzjoni jew inkompetenza.” |
10 |
Skont il-punt 8.4.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba, fil-każ ta’ ksur allegat tar-regoli inkwistjoni “indikat jew skopert”, il-Viċi Kap tal-Missjoni għandu jissorvelja t-twettiq ta’ investigazzjoni preliminari u jaħtar uffiċjal awtorizzat sabiex jeżamina l-każ. Skont il-punt 8.4.2 tal-Kodiċi ta’ Mġiba, dan tal-aħħar jeżamina l-inċident allegat billi jiġbor il-verżjonijiet tal-inċident ipprovduti rispettivament mil-lanjant, mix-xhieda u mill-vittmi. Skont il-punt 8.4.4 tal-Kodiċi ta’ Mġiba, għandu jiġi ppreżentat rapport ta’ investigazzjoni preliminari lill-Viċi Kap tal-Missjoni fi żmien għaxart ijiem. Fil-każ li dan ir-rapport jikkonferma l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli inkwistjoni, tinfetaħ investigazzjoni fil-fond skont il-punt 8.5 tal-Kodiċi ta’ Mġiba, li twassal għal rapport finali ta’ investigazzjoni. Jekk dan ir-rapport jikkonferma li seħħ ksur tar-regoli inkwistjoni, jiġi stabbilit bord ta’ dixxiplina biex jikkunsidra l-konsegwenzi dixxiplinari li għandhom jiġu applikati. |
11 |
Skont l-Artikolu 21 tat-tieni u t-tielet kuntratti ta’ impjieg tar-rikorrent, il-kwistjonijiet ġejjin minn, jew relatati ma’ dawn il-kuntratti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 272 TFUE. |
12 |
Fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2014, saru laqgħat ta’ kumitat ta’ evalwazzjoni stabbilit fil-Missjoni fir-rigward ta’ proċedura nnegozjata dwar kuntratt qafas għas-servizzi tal-ajru għall-Missjoni. Ir-rikorrent kien il-president tiegħu. |
13 |
Fis-16 ta’ Diċembru 2014, wara li ġie mgħarraf b’inċident li seħħ matul l-imsemmija laqgħat, il-kap tad-dipartiment “Appoġġ tal-Missjoni”, G., bagħat posta elettronika lir-rikorrent fejn talbu informazzjoni f’dan ir-rigward. |
14 |
Ir-rikorrent wieġeb għal din it-talba permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Diċembru 2014, li permezz tagħha spjega li kellu tilwima kbira ma’ membru ieħor tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, is-Sur X, fuq il-kwistjoni dwar jekk waħda mit-tliet offerti evalwati kinitx konformi mal-kundizzjonijiet imposti mill-Missjoni. Skont ir-rikorrent, is-Sur X kien issuġġerixxa li d-dubji serji mqajma mir-rikorrent f’dan ir-rigward kienu dovuti għal preġudizzju minn dan tal-aħħar kontra l-impriża li kienet ippreżentat l-imsemmija offerta. Ir-rikorrent żied jgħid li l-kumitat ta’ evalwazzjoni kien finalment iddeċieda li jitlob kjarifiki mill-impriża inkwistjoni. Fil-posta elettronika tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrent ma żvelax l-identità tas-Sur X. |
15 |
Fid-19 ta’ Diċembru 2014, il-kumitat ta’ evalwazzjoni ddeċieda, fid-dawl tal-kjarifiki rċevuti mill-impriża inkwistjoni, li l-offerta ta’ din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti f’dan il-każ u rrakkomanda li l-kuntratt jingħata lil impriża oħra. Ir-rapport tat-22 ta’ Diċembru 2014, li permezz tiegħu l-kumitat ta’ evalwazzjoni għarraf lill-Kummissjoni Ewropea bir-riżultat tax-xogħol tiegħu, ġie wkoll iffirmat mis-Sur X. |
16 |
Fis-7 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent bagħat posta elettronika lill-Kap tal-Amministrazzjoni provviżorju tal-Missjoni, M. sabiex jinformah b’ċerta imġiba tas-Sur X li r-rikorrent ikkunsidra bħala “mhux xierqa bejn kollegi, għaliex […] disrispett lejn l-U[njoni] […], lejn [u]nitajiet tal-[a]mministrazzjoni oħrajn [u] ċerti uffiċjali (fosthom [lejh] stess)”. L-ewwel nett, is-Sur X staqsieh, quddiem persuni mhux membri tal-Missjoni, bl-użu tat-terminu “huma” (plural femminil), fejn kienu żewġ nisa li kienu jaħdmu għall-Missjoni li kienu assenti dak il-jum. Skont ir-rikorrent, din ir-rimarka setgħet faċilment titqies bħala sessista minn xhieda li raw ix-xena. It-tieni nett, is-Sur X daħal fl-uffiċċju tiegħu mingħajr ma ħabbat il-bieb u talab, b’riferiment għal formola tal-Missjoni, u b’ton akkużatorju u arroganti, “min kitibha din”. It-tielet nett, is-Sur X daħal fl-uffiċċju tiegħu b’dokument, mingħajr ma ħabbat il-bieb, u, b’mod provokattiv u bla rispett, staqsa l-mistoqsija “hawnhekk inħalli dan?” Ir-raba’ nett, is-Sur X ta x’jifhem lir-rikorrent li huwa qies li r-regoli ta’ evalwazzjoni tal-Missjoni kienu “stupidi” (jew “idjotiċi”). Fil-posta elettronika tiegħu, ir-rikorrent qajjem il-possibbiltà li seta’ ħassu kostrett li jressaq ilment formali lill-Kap tal-Missjoni. |
17 |
Fit-tweġiba tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, is-Sur M, fid-dawl tan-natura serja tal-kliem fil-posta elettronika tiegħu, ippropona lir-rikorrent tliet għażliet, li minn fosthom kien mistieden jagħżel. L-ewwel kienet li ssir laqgħa qabelxejn mar-rikorrent, imbagħad mas-Sur X u fl-aħħar nett mar-rikorrent u mas-Sur X, bil-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni u tinstab soluzzjoni għall-futur. It-tieni waħda kienet li tiġi organizzata laqgħa qabelxejn mar-rikorrent, imbagħad mas-Sur X u finalment mar-rikorrent, is-Sur X u rappreżentant tat-taqsima tar-riżorsi umani tal-Missjoni, sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni u tinstab soluzzjoni għall-futur. Jitħejja rapport, jew nota, li jiddaħħal fil-fajls personali tar-rikorrent u tas-Sur X. It-tielet waħda kienet li r-rikorrent iressaq ilment formali quddiem il-Kap tal-Missjoni. |
18 |
Ir-rikorrent wieġeb għal din il-posta elettronika b’oħra fl-istess jum. F’din il-posta elettronika, ir-rikorrent informa lis-Sur M b’inċident ġdid mas-Sur X Skont ir-rikorrent, dan tal-aħħar kien daħal fl-uffiċċju tiegħu mingħajr ma ħabbat il-bieb. Meta r-rikorrent spjegalu li kien mistenni li s-Sur X iħabbat fuq il-bieb qabel ma jidħol fl-uffiċċju tiegħu, dan tal-aħħar kien “uża sebgħu biex jagħmel ċrieki ma’ ġenb in-naħa tal-lemin ta’ rasu (sinjal li jispjega ruħu waħdu)”. Ir-rikorrent żied jgħid li meta kien qal lis-Sur X li din kienet l-aħħar darba li fetaħ il-bieb tiegħu mingħajr ma ħabbat, dan tal-aħħar interrompieh biex jgħidlu, bi tbissima kbira, is-sentenza “inti qed theddidni”. |
19 |
F’din il-posta elettronika, ir-rikorrent informa wkoll lis-Sur M bil-fatt li wara dan l-inċident, billi ħassu ma jiflaħx mar jara l-infermier, li kien tah mediċina. Huwa żied jgħid li kellu ftit sturdament, jew minħabba l-mediċina jew inkella minħabba dak li kkunsidra bħala forma ta’ “fastidju psikoloġiku”, u li għalhekk ma setax jirrispondi għas-suġġeriment li kien għamillu s-Sur M. Minkejja dan, ir-rikorrent informah li kellu kunfidenza fil-ġudizzju tiegħu u li, f’każ li s-Sur M jasal għall-konklużjoni li kien hemm problema serja li kellha tintbagħat lill-Kap tal-Missjoni, huwa kien ikun grat jekk jinforma lil dan tal-aħħar “ukoll [f’ismu], sakemm kien iħossu aħjar biex jagħmel ilment formali”. Ir-rikorrent żied jgħid li, fil-każ li s-Sur M jikkunsidra li soluzzjoni setgħet tinstab fil-livell tal-amministrazzjoni, naturalment kien jippreferi soluzzjoni bħal din. Madankollu, huwa insista li, f’dan il-każ, is-Sur M kellu jirrifletti dwar il-miżuri provviżorji li jistgħu jittieħdu sabiex il-protezzjoni tiegħu tiġi ggarantita, jiġifieri l-projbizzjoni tas-Sur X milli jidħol fl-uffiċċju tiegħu u jkellmu sakemm tkun instabet soluzzjoni. |
20 |
Fir-risposta tiegħu tas-10 ta’ Frar 2015, is-Sur M informa lir-rikorrent li, “billi kellu d-dmir ta’ premura, u minħabba n-natura serja tal-fatti deskritti [minnu], [huwa] ħaseb li ma kellu ebda alternattiva għajr li jibgħat il-posta elettronika tiegħu lill-[Kap tal-Missjoni] u [lill-assistent tiegħu], l-uniċi awtoritajiet kompetenti fil-Missjoni responsabbli għall-Kodiċi ta’ Mġiba u biex jittrattaw dan it-tip ta’ kwistjoni dixxiplinari”. Il-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap tal-Missjoni ġew indirizzati b’din il-posta elettronika. |
21 |
Aktar tard fl-istess jum tal-10 ta’ Frar 2015, il-Viċi Kap tal-Missjoni, is-Sur S, bagħat posta elettronika lill-Kap tal-Missjoni biex jinformah li r-rikorrent “kien qed jilmenta bl-imġiba ta’ [is-Sur X]” u li l-ġrajjiet tal-aħħar jiem wasslu lir-rikorrent biex “isofri deterjorament fl-istat tas-saħħa tiegħu”. Is-Sur S spjega li, għalkemm kien diffiċli f’sitwazzjoni bħal din li jiġi stabbilit dak li fil-fatt seħħ, deher diffiċli li jiġu injorati l-fatti rrapportati mir-rikorrent. Għalhekk, is-Sur S informa lill-Kap tal-Missjoni li, “biex jintefa’ dawl sħiħ [fuq dawn il-fatti], [hu] ssuġġerixx[a] li dawn il-messaġġi varji jitqiesu bħala lment li jwassal għall-ftuħ ta’ “proċedura dixxiplinari” u li “l-investigazzjoni preliminari tagħmilha possibbli li jiġi stabbilit jekk ir-rapport huwiex fondat jew le”. Is-Sur S żied jgħid li, jekk il-Kap tal-Missjoni ordna din l-azzjoni, huwa kien jieħu ħsieb jattiva l-investigazzjoni preliminari għall-allegati fatti ta’ fastidju jew intimidazzjoni. |
22 |
F’posta elettronika mibgħuta iktar tard fl-10 ta’ Frar 2015, il-Kap tal-Missjoni wera l-qbil tiegħu mal-proposta tas-Sur S. Il-Kap tal-Missjoni informa wkoll lis-Sur S li huwa qies li kien neċessarju, barra minn hekk, b’mod parallel mal-investigazzjoni preliminari, li jorganizza laqgħa bejn is-Sur M, ir-rikorrent u s-Sur X. |
23 |
Madankollu, l-ebda investigazzjoni preliminari ma ġiet miftuħa wara dan l-iskambju ta’ posta elettronika u ma saret l-ebda laqgħa bejn is-Sur M, ir-rikorrent u s-Sur X. |
24 |
Bejn id-19 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Lulju 2015 u bejn l-1 u l-24 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent kien bil-leave. |
25 |
F’ittra elettronika tal-25 ta’ Awwissu 2015, indirizzata lill-Kap tal-Missjoni, ir-rikorrent indika li s-Sur M kien informa lill-Kap tal-Missjoni b’fatti gravi li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku min-naħa tas-Sur X, imma li huwa ma kienx instema’ la mill-Kap tal-Missjoni u lanqas minn kummissjoni dixxiplinari. Filwaqt li stqarr li l-imġiba tas-Sur X lejh kompliet tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol degradat u detrimentali għal saħħtu, ir-rikorrent talab lill-Kap tal-Missjoni biex jinformah dwar il-passi li kien qed jippjana li jieħu biex itemm din is-sitwazzjoni. |
26 |
Fl-istess jum, il-Kap tal-Missjoni rrisponda li kien ikkomunika l-fatti pprovduti mir-rikorrent, fi Frar 2015, lill-Viċi Kap tal-Missjoni, fil-kapaċità tiegħu bħala l-persuna responsabbli għad-dixxiplina, skont il-punt 8.4.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba, u li, peress li huwa ma kellu l-ebda rispons mill-partijiet ikkonċernati, dan baqa’ bl-impressjoni li l-Viċi Kap tal-Missjoni kien kapaċi jsolvi n-nuqqas ta’ ftehim bonarjament. Il-Kap tal-Missjoni żied jgħid li, kif innota f’dak il-mument li dan ma kienx il-każ, huwa kkunsidra l-posta elettronika tar-rikorrent tal-25 ta’ Awwissu 2015 bħala ilment formali. |
27 |
F’posta elettronika tat-28 ta’ Awwissu 2015, indirizzata lill-Kap tal-Missjoni, ir-rikorrent sostna li, mil-laqgħat tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li saru f’Diċembru 2014, is-Sur X wera “mibegħda f’kull mument, b’kull attività tkun adatta għalih biex jiddenegrah, jittrattah ħażin, ibaxxih, jumiljah anki fil-pubbliku, u quddiem il-persunal tiegħu”. Barra minn hekk, ir-rikorrent informa lill-Missjoni li, f’data mhux speċifikata, fi Frar jew f’Marzu 2015, is-Sur X daħal fl-uffiċċju tiegħu u attakkah fiżikament f’postu billi xerred fuqu tè jagħli fuq saqajh. |
28 |
Permezz ta’ ittra tal-28 ta’ Awwissu 2015, il-Kap tal-Missjoni informa lir-rikorrent li, wara l-ilment li kien tressaq fl-25 ta’ Awwissu 2015 kontra s-Sur X, huwa kien iddeċieda li jibgħat dan l-ilment “ta’ kompetenza dixxiplinari” lill-aġent Viċi Kap tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni għarraf ukoll lir-rikorrent f’dik l-ittra li kien ħa d-deċiżjoni li jipprojbixxi lis-Sur X milli javviċina lir-rikorrent. |
29 |
F’posta elettronika tat-30 ta’ Awwissu 2015, indirizzata lill-Kap tal-Missjoni, ir-rikorrent indika li huwa “[kien] ikkonferma l-akkużi ta’ aggressjoni fiżika u [ta’] fastidju min-naħa ta’ [is-Sur X]” u talab lid-destinatarju biex jikkunsidra din il-posta bħala lment formali. |
30 |
F’ċertifikat maħruġ fil-25 ta’ Awwissu 2015, tabib li r-rikorrent kien ikkonsulta fin-Niġer kkonkluda li l-istat ta’ saħħa ta’ dan tal-aħħar kien jeħtieġ li jieqaf mix-xogħol għal sebat ijiem. Fit-tieni ċertifikat maħruġ fis-27 ta’ Awwissu 2015, dan it-tabib spjega li l-istat ta’ saħħa psikoloġiku tar-rikorrent kien jeħtieġ li jitneħħa mill-ambjent tax-xogħol tiegħu. Wara l-vista li saret dakinhar istess, it-tabib ikkonkluda li ma kienx hemm titjib, li r-rikorrent kien qed isofri minn tbatija psikoloġika u li kien irrakkomandat ħafna li jirritorna lejn l-Ewropa biex jikkonsulta psikjatra kemm jista’ jkun malajr. |
31 |
Fid-29 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent telaq mill-Missjoni sabiex imur fi sptar fi Franza. |
32 |
Fl-1 ta’ Settembru 2015, it-tabib kompetenti fl-isptar fejn mar ir-rikorrent ippreskrivielu waqfien mix-xogħol sal-14 ta’ Settembru 2015. Fid-9 ta’ Settembru 2015, psikjatra kkonsultat mir-rikorrent ħareġ ċertifikat li r-rikorrent ma setax imur lura għax-xogħol qabel il-25 ta’ Settembru 2015. Dan il-waqfien mix-xogħol ġie estiż mill-istess tabib f’diversi okkażjonijiet, bl-aħħar wieħed ikun fis-16 ta’ Lulju 2016. Tnejn minn dawn iċ-ċertifikati, iddatati l-14 ta’ Ottubru u s-26 ta’ Novembru 2015 rispettivament, irreferew għal “stat depressiv sinjifikattiv”. |
33 |
Permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ Ottubru 2015, il-Missjoni informat lir-rikorrent li, skont l-Artikolu 15.3 tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, huwa ma kien ser jibqa’ jirċievi l-ebda remunerazzjoni mit-30 ta’ Settembru 2015, jiġifieri 30 jum wara l-bidu tal-leave tal-mard tiegħu. |
34 |
Permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ Ottubru 2015, membru tal-persunal tal-Missjoni informa lir-rikorrent li kien inħatar bħala l-persuna responsabbli għall-investigazzjoni preliminari miftuħa wara l-ilment tiegħu kontra s-Sur X u staqsieh jekk kienx possibbli li huwa jmur il-Missjoni għal intervista u, f’każ ta’ tweġiba negattiva, jekk kellux xi informazzjoni addizzjonali li seta’ jikkomunikalu u jekk setax jagħtih l-ismijiet tax-xhieda li xtaq li jinstemgħu. |
35 |
Permezz tal-avukati tiegħu, ir-rikorrent ipprovda tagħrif addizzjonali lill-Missjoni. |
36 |
Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Novembru 2015, il-Kap tal-Missjoni informa lir-rikorrent li l-investigazzjoni dixxiplinari kontra s-Sur X kienet issa magħluqa, li l-Bord tad-Dixxiplina tal-Missjoni kien ikkonstata ksur tal-Kodiċi ta’ Mġiba u ppropona miżura kontra s-Sur X u, fl-aħħar nett, li huwa kien ikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina u implimenta dik il-miżura. |
37 |
Fil-25 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ressaq, permezz tal-avukati tiegħu, talba għad-danni, ibbażata fuq l-Artikolu 340(2) TFUE, indirizzata lill-Missjoni. |
38 |
B’ittra tat-8 ta’ Ġunju 2016, il-Missjoni informat lir-rikorrent li l-kuntratt tiegħu ma setax jiġi mġedded lil hinn mill-15 ta’ Lulju 2016. |
39 |
Fil-11 ta’ Lulju 2016, permezz ta’ ittra rreġistrata mibgħuta fl-indirizz fi Franza li r-rikorrent kien ipprovda lill-Missjoni, klinika medika Franċiża, fuq talba tal-Missjoni, sejħet lir-rikorrent għal eżami mediku, li kien ġie ffissat għat-13 ta’ Lulju 2016. L-ittra li kien fiha din is-sejħa ntbagħtet lura lill-klinika medika bil-posta, billi ma nġabritx mir-rikorrent. |
40 |
F’posta elettronika tal-15 ta’ Lulju 2016, il-Missjoni informat lir-rikorrent bir-ritorn tal-ittra li kien fiha s-sejħa għal kontroll mediku. Hija informatu wkoll li ċ-ċertifikati mediċi li kien ipprovdielha mill-1 ta’ Settembru 2015 ma kinux konformi mar-regoli stabbiliti fil-kuntratt tax-xogħol tiegħu u li għalhekk il-Missjoni kellha dubji dwar il-validità tagħhom. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
41 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrent ippreżenta din l-azzjoni. |
42 |
Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokument. Il-Missjoni kkonformat ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. |
43 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, talbet lill-partijiet iwieġbu għal ċerti mistoqsijiet. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit. |
44 |
It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2017. |
45 |
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
46 |
Il-Missjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq is-suġġett tal-kawża
47 |
Fid-dawl tat-termini tar-rikors, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-Missjoni biex tikkumpensa d-dannu materjali u morali li din tal-aħħar kienet ikkawżatlu billi naqset milli tinvestiga, fil-ħin, l-ilmenti għal fastidju li huwa kien għarrafha dwaru f’Diċembru 2014 u fi Frar 2015. |
48 |
Fil-posta elettronika tiegħu tat-28 ta’ Awwissu 2015, indirizzata lill-Kap tal-Missjoni, ir-rikorrent informa lil dan tal-aħħar li s-Sur X kien wettaq ukoll aggressjoni fiżika kontrih fi Frar jew f’Marzu 2015. Din l-allegata aggressjoni fiżika madankollu ma kienet imsemmija fl-ebda posta elettronika ddatata minn Diċembru 2014 sa Frar 2015 li, skont ir-rikorrent, kienu jikkostitwixxu ilmenti minħabba fastidju. Huwa veru li fil-posta elettronika tiegħu tat-30 ta’ Awwissu 2015, indirizzata wkoll lill-Kap tal-Missjoni, ir-rikorrent talab lil dan tal-aħħar jikkunsidra l-posta elettronika tiegħu tat-28 ta’ Awwissu 2015 bħala lment formali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-aggressjoni fiżika. Madankollu, dan ir-rikors ma jirrigwardax l-azzjoni ta’ iktar tard li l-Missjoni għamlet fir-rigward tal-posta elettronika tat-28 u tat-30 ta’ Awwissu 2015. Għalhekk, f’dan il-każ, l-eżami tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk il-Missjoni kkonformatx ruħha mal-obbligi tagħha rigward l-ilmenti fuq il-fastidju li r-rikorrent jikkunsidra li informaha dwarhom f’Diċembru 2014 u Frar 2015. |
49 |
Mir-rikors jirriżulta li din il-kawża tikkonċerna r-responsabbiltà kuntrattwali tal-Missjoni, fis-sens tal-Artikolu 340(1) TFUE, ħaġa li r-rikorrent ikkonferma wkoll fit-tweġiba tiegħu tal-10 ta’ Ottubru 2017 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali. L-argumenti mressqa mill-Missjoni biex turi li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, fis-sens tal-Artikolu 340(2) TFUE, ma humiex issodisfatti huma għalhekk mingħajr ebda rilevanza. |
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali
50 |
L-Artikolu 12a tad-Deċiżjoni 2012/392, applikabbli b’effett mis-16 ta’ Lulju 2014 skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/482 (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), introduċa l-kapaċità għall-Missjoni li tikkonkludi kuntratti u jkollha locus standi in iudicio, u b’hekk taha kapaċità legali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 7(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2012/392 jirriżulta li l-Missjoni tista’ tirrekluta persunal fuq bażi kuntrattwali u li l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi ta’ dan il-persunal jidhru fil-kuntratti konklużi bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membri tal-persunal. |
51 |
Skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija kompetenti li tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola tal-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skont id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha. F’dan il-każ, l-ewwel kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent mal-Missjoni kien fih klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-qrati ta’ Brussell (il-Belġju). Min-naħa l-oħra, kemm il-kuntratt tax-xogħol konkluż bejn il-Missjoni u r-rikorrent għall-perijodu bejn is-16 ta’ Lulju 2014 u l-15 ta’ Lulju 2015 kif ukoll dak bejn iż-żewġ partijiet għall-perijodu mis-16 ta’ Lulju 2015 sal-15 ta’ Lulju 2016 fihom klawżola ta’ ġurisdizzjoni favur il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Peress li l-fatti li taw lok għal dan ir-rikors seħħew matul il-perijodi koperti mill-aħħar żewġ kuntratti ta’ impjieg, ir-rikors preżenti jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ fl-ewwel istanza rikorsi msemmija fl-Artikolu 272 TFUE. |
52 |
Skont l-Artikolu 20 tal-aħħar żewġ kuntratti ta’ impjieg konklużi bejn ir-rikorrent u l-Missjoni, it-tilwim li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kuntratti għandhom jitressqu għall-arbitraġġ. Madankollu, dan l-artikolu jipprovdi espressament li din l-attribuzzjoni ssir mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-kwistjoni tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, l-istipulazzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma jipprekludux lir-rikorrent milli jressaq din it-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. |
53 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikorsi relatati mal-ġestjoni mill-missjonijiet tal-PSDK tal-persunal tagħhom, anki meta din il-ġestjoni tikkonċerna l-operazzjonijiet “fuq il-post” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 54 sa 60). |
54 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, ħaġa li l-Missjoni ma tikkontestax. |
Fuq l-ammissibbiltà
55 |
Il-Missjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. |
56 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li l-Missjoni ressqet matul is-seduta li r-rikors huwa inammissibbli minħabba li r-rikorrent naqas milli josserva l-proċedura prekontenzjuża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, inkwantu dan l-argument ifisser li r-rikorrent kien obbligat li jindirizza ruħu lill-Missjoni qabel ma jippreżenta dan ir-rikors, tali obbligu kien, fi kwalunkwe każ, issodisfatt f’dan il-każ. Fil-fatt, it-talba għad-danni magħmula mir-rikorrent lill-Missjoni fil-25 ta’ Jannar 2016, għalkemm kienet formalment ibbażata fuq l-Artikolu 340(2)TFUE, kellha suġġett identiku għal dan ir-rikors. |
57 |
Fit-tieni lok, il-Missjoni ssostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli f’dak li jirrigwarda t-talbiet għall-kumpens tad-danni allegati kkawżati bid-deċiżjoni tagħha li ma tħallasx iktar is-salarju tar-rikorrent b’effett mit-30 ta’ Settembru 2015 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Billi r-rikorrent ma kienx għamel ilment kontra din id-deċiżjoni tal-Missjoni, ma jistax jikkontesta din id-deċiżjoni permezz tat-talbiet għad-danni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li r-rikorrent ma jibbażax, bħala tali, it-talba tiegħu għad-danni fuq id-dannu marbut mad-deċiżjoni tal-Missjoni li ma tħallsux iktar is-salarju mit-30 ta’ Settembru 2015. Fil-fatt, dan ir-rikors jirrigwarda d-danni li jirriżultaw mill-fatt li l-Missjoni naqset li tinvestiga l-ilmenti fuq il-fastidju li r-rikorrent iqis li informaha dwaru f’Diċembru 2014 u fi Frar 2015, li wieħed minnhom huwa kkostitwit mill-qtugħ tas-salarju tiegħu. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq jekk l-applikant kienx meħtieġ li jagħmel ilment kontra d-deċiżjoni li ma jitħallasx iżjed is-salarju tiegħu mit-30 ta’ Settembru 2015. |
58 |
Fit-tielet lok, fit-tweġiba tagħha tal-11 ta’ Ottubru 2017 għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, u fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dritt Franċiż, il-Missjoni sostniet li, fl-assenza ta’ fatti preċiżi, oġġettivi u konsistenti li jippermettu li tkun preżunta l-eżistenza ta’ fastidju, il-Qorti Ġenerali għandha tiddikjara r-rikors inammissibbli. Matul is-seduta, u bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Missjoni sostniet li din il-konklużjoni hija deduċibbli indipendentement mid-dritt applikabbli f’dan il-każ. Dan l-argument għandu, f’kull każ, jiġi miċħud, peress li dan ir-rikors ma huwiex ibbażat fuq id-dannu marbut ma’ fastidju allegat, imma fuq id-dannu li jirriżulta mill-fatt li l-Missjoni naqset milli tiftaħ investigazzjoni fuq l-ilmenti dwar il-fastidju li r-rikorrent iqis li informaha dwarhom f’Diċembru 2014 u fi Frar 2015. |
59 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-argument li l-Missjoni qed tipprova tislet mill-kontenut tal-posta elettronika indirizzata lill-Kap tal-Missjoni fit-30 ta’ Awwissu 2015 għandu wkoll jiġi miċħud. Huwa veru li, f’din il-posta elettronika, ir-rikorrent jindika li huwa “jikkonferma formalment li hu ma ressaqx ilment” dwar “il-fatt li l-investigazzjoni preliminari li [l-Kap tal-Missjoni] [kien] ordna ma seħħitx jew seħħet mingħajr ix-xhieda [tiegħu]”. Madankollu, kif irrilevat mir-rikorrent waqt is-seduta, dik ir-rimarka ma tistax titqies bħala rinunzja għall-possibbiltà li jippreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, tali rinunzja għandha tkun ċara u inekwivoka sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata l-ammissibbiltà ta’ rikors. Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li r-rimarka kkwotata mill-Missjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għall-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. |
60 |
Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
Għal dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli
61 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt inkwistjoni. |
62 |
F’dan il-każ, il-kuntratti tal-impjieg tar-rikorrent ma jispeċifikawx il-liġi applikabbli għal dawk il-kuntratti. |
63 |
Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, ir-rikorrent sostna li, prinċipalment, huma l-istipulazzjonijiet tal-imsemmija kuntratti, inklużi dawk tal-Kodiċi ta’ Mġiba, u l-atti tal-Unjoni skont liema dawn il-kuntratti ġew adottati li jikkostitwixxu l-bażi legali tar-responsabbiltà tal-Missjoni. Sussidjarjament, huwa rakkomandabbli li jsir riferiment għall-Kodiċi Ċivili tan-Niġer u b’mod partikolari għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1134 tiegħu. |
64 |
Il-Missjoni, min-naħa tagħha, sostniet li r-responsabbiltà kuntrattwali tagħha tirriżulta mill-kuntratti ta’ impjieg konklużi bejnha u r-rikorrent. Jekk, eċċezzjonalment, il-Qorti Ġenerali teżamina d-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward, ikunu d-dispożizzjonijiet tad-dritt Franċiż, u b’mod partikolari dawk tal-kodiċi tax-xogħol Franċiż, li jkunu rilevanti. |
65 |
Waqt is-seduta, u b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, il-partijiet ikkonfermaw li huma kienu tal-fehma li, sabiex teżamina r-responsabbiltà kuntrattwali possibbli tal-Missjoni, kien biżżejjed li jiġu eżaminati l-kuntratti tax-xogħol inkwistjoni, inkluż id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Mġiba, u li ma kienx neċessarju li jsir riferiment għal dritt nazzjonali. |
66 |
Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dan ir-rikors jista’ effettivament jiġi eżaminat fuq il-bażi biss tal-kuntratti ta’ impjieg inkwistjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Mġiba li jifformaw parti integrali minnu, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali. Skont dawn il-prinċipji, għandhom jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet sabiex azzjoni għal responsabbiltà kontrattwali tirnexxi, jiġifieri, l-ewwel waħda, li l-istituzzjoni inkwistjoni ma wettqitx l-obbligi kuntrattwali tagħha, imbagħad, it-tieni waħda, li r-rikorrent sofra dannu u, finalment, li teżisti rabta kawżali bejn l-imġiba tal-imsemmija istituzzjoni u dan id-dannu. |
67 |
Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, kif sostna r-rikorrent matul is-seduta, il-provi li l-Missjoni ssottomettiet sabiex tiġi stabbilita l-applikazzjoni eventwali tad-dritt Franċiż kinux inammissibbli. |
Fuq il-ksur tal-obbligi kuntrattwali mill-Missjoni
68 |
Ir-rikorrent isostni li, minkejja l-fatt li huwa kien għarraf lill-Missjoni, permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2014, tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015, bl-ilmenti dwar fastidju mwettaq minn kollega li tagħhom huwa kien vittma, il-Missjoni ma ħaditx azzjoni dwar l-ilmenti msemmija, bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-punt 8.4 tal-Kodiċi ta’ Mġiba. |
69 |
Skont ir-rikorrent, dan il-ksur huwa kkaratterizzat mill-fatt li, minn naħa, il-Viċi Kap tal-Missjoni, is-Sur S, kien, fil-posta elettronika tiegħu tal-10 ta’ Frar 2015, ikkunsidra huwa stess li l-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 kellha tiġi kkunsidrata bħala ilment formali dwar fastidju u ssuġġerixxa, għalhekk, il-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari u li, min-naħa l-oħra, din il-proposta kienet ġiet espliċitament approvata mill-Kap tal-Missjoni fl-istess jum. Madankollu, ma kien hemm l-ebda azzjoni sussegwenti għal din id-deċiżjoni sabiex tinfetaħ investigazzjoni preliminari. |
70 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-punt 8.4.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba jirrikjedi li, fil-każ ta’ rapport ta’ ksur ta’ dan il-kodiċi, għandha tinfetaħ b’mod obbligatorju investigazzjoni preliminari. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni mħollija lill-Missjoni ladarba kienet ħadet konjizzjoni tar-rapporti tar-rikorrent u kkunsidrathom bħala ilment uffiċjali. |
71 |
B’hekk, il-Missjoni kisret, b’mod partikolarment serju, ir-regoli kuntrattwali, jiġifieri dawk li hija stess stabbilixxiet fir-rigward ta’ mġiba tajba u investigazzjonijiet interni. L-iskop ta’ dawn ir-regoli huwa li jipproteġu l-persunal tal-Missjoni, u b’mod partikolari jipproteġuhom f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ fastidju jew ta’ intimidazzjoni min-naħa ta’ kollegi. |
72 |
Ir-rikorrent iżid jgħid li, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, huwa kien diġà enfasizza li s-sitwazzjoni li kien fiha dak iż-żmien iddegradat l-istat ta’ saħħa tiegħu, dak li l-Viċi Kap tal-Missjoni kien informa dwaru lill-Kap tal-Missjoni. |
73 |
Il-Missjoni tikkontesta dawn l-argumenti. |
74 |
Mill-paragrafu 8.4.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba jirriżulta li, fil-każ ta’ allegat ksur, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi, li jiġi rrapportat jew skopert, għandha tinfetaħ investigazzjoni preliminari. Minn dan isegwi li, kif sostna r-rikorrent, il-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari huwa obbligatorju f’każ bħal dan u li, f’dan ir-rigward, il-Missjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni. |
75 |
Għandu jiġi nnotat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-punt 8.4.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba għandhom jinqraw flimkien mal-paragrafu 7.1 tal-istess kodiċi, li jgħidu li l-membri tal-persunal tal-Missjoni għandhom id-dritt u l-obbligu li jgħarrfu bil-miktub lill-Kap tal-Missjoni fi kwalunkwe każ b’ilment allegat ta’ mġiba ħażina, malversazzjoni jew inkompetenza (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li membru tal-persunal tal-Missjoni, li jikkunsidra li huwa vittma ta’ fastidju u jixtieq li tinfetaħ investigazzjoni preliminari minn din tal-aħħar dwar dan is-suġġett, għandu jressaq ilment bil-miktub u jgħarraf b’dan lill-Kap tal-Missjoni. Peress li l-punt 8.4.3 tal-Kodiċi ta’ Mġiba jirreferi għall-“membru tal-persunal inkriminat” f’dan il-kuntest, huwa ċar li l-ilment għandu jkun relatat ma’ persuna identifikata. |
76 |
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-posta elettronika tar-rikorrent tas-17 ta’ Diċembru 2014, jidher li dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti. |
77 |
Fl-ewwel lok, huwa stabbilit li, f’din il-posta elettronika, ir-rikorrent ma żvelax l-identità tas-Sur X. Il-fatt li jirriżulta mill-imsemmija posta elettronika li dan kien evalwatur li kien membru ta’ bord tal-għażla, identifikat mir-rikorrent, u li kien hemm biss tliet evalwaturi f’dan il-bord, li tnejn minnhom kienu rġiel, ma jaffettwax din il-konklużjoni. |
78 |
Fit-tieni lok, għalkemm ir-rikorrent kien ikkritika ħafna, fil-posta elettronika tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014, l-attitudni li s-Sur X kien adotta matul id-diskussjonijiet fi ħdan il-kumitat ta’ evalwazzjoni, huwa ma għamel ebda kritika speċifika li kienet tat x’tifhem li kien ikkunsidra li l-imġiba tas-Sur X kienet tikkostitwixxi każ ta’ fastidju. Huwa veru li, fir-rikors, ir-rikorrent sostna li, fil-posta elettronika tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014, huwa kien irrapporta kunflitt ta’ interess fil-konfront tas-Sur X fir-rigward tal-proċedura nnegozjata li kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet fi ħdan il-kumitat ta’ evalwazzjoni. Issa, minbarra l-fatt li ebda indikazzjoni f’dan is-sens ma ġiet inkluża fil-posta elettronika tar-rikorrent tas-17 ta’ Diċembru 2014, dan tal-aħħar ma spjegax kif tali kunflitt ta’ interess seta’ wassal għal fastidju. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma spjegax kif l-ommissjoni eventwali tal-Missjoni li tiftaħ investigazzjoni preliminari fuq tali kunflitt ta’ interess setgħet tagħti lok għar-responsabbiltà kuntrattwali tagħha lejh. |
79 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, fil-posta elettronika tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrent indika li kien lest iħejji “rapport speċifiku ddettaljat” għall-Kap tal-Missjoni, jekk id-destinatarju ta’ din il-posta elettronika xtaq hekk. Issa, ir-rikorrent ma sostniex li sussegwentement bagħat tali rapport jew ressaq ilment kontra l-kondotta tas-Sur X fi ħdan il-kumitat ta’ evalwazzjoni inkwistjoni quddiem il-Kap tal-Missjoni. |
80 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, għandu jiġi osservat li, fir-rikors, ir-rikorrent innifsu sostna li huwa kien, għall-ewwel darba, fi Frar 2015, irrapporta s-sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku. |
81 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-posta elettronika li r-rikorrent bagħat lis-Sur M, il-Kap tal-amministrazzjoni provviżorju tal-Missjoni, fis-7 ta’ Frar 2015, għandu jiġi rrilevat li, f’din il-posta elettronika, ir-rikorrent ipprovda l-isem tas-Sur X, irrapporta ċertu mġiba ta’ dan tal-aħħar li huwa jqis bħala mhux xierqa u esprima t-tama li tista’ tinstab soluzzjoni. Madankollu, għandu jiġi nnotat ukoll li, f’din il-posta elettronika, ir-rikorrent sempliċement fittex għajnuna mingħand is-Sur M bħala riżultat tal-imġiba tas-Sur X, filwaqt li spjega li kien wasal għall-konklużjoni li dak iż-żmien huwa ma ħassx l-obbligu li jgħarraf lill-Kap tal-Missjoni b’ilment uffiċjali. Il-posta elettronika tas-7 ta’ Frar 2015, bħala tali, ma tistax għalhekk titqies bħala ilment fis-sens tal-punt 7.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba. |
82 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-posta elettronika li r-rikorrent bagħat lis-Sur M fid-9 ta’ Frar 2015, għandu jiġi nnotat li din il-posta elettronika kienet it-tweġiba tar-rikorrent għall-posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2015 li permezz tagħha s-Sur M kien wieġeb il-posta elettronika tiegħu tas-7 ta’ Frar 2015. Fl-imsemmija tweġiba, is-Sur M kien offra tliet għażliet lir-rikorrent, inkluża dik li jitressaq ilment uffiċjali quddiem il-Kap tal-Missjoni. Kif osservat ġustament il-Missjoni fil-posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent, madankollu, ma għażel l-ebda waħda minn dawn l-għażliet, filwaqt li esprima preferenza għal soluzzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, il-fatt li, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent qajjem il-possibbiltà għall-Kap tal-amministrazzjoni provviżorju tal-Missjoni li jinforma lill-Kap tal-Missjoni dwar il-problemi li nqalgħu mas-Sur X “sakemm [huwa] [j]ħossu aħjar sabiex jagħmel ilment formali” jissuġġerixxi li huwa kien tal-fehma li kien għadu ma għamilx dan l-ilment. Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li l-posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2015 ma ntbagħtitx lill-Kap tal-Missjoni, għalkemm, skont il-punt 7.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba, dan kellu jiġi adit b’ilment dwar fastidju. |
83 |
Minkejja dan, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li kien leġittimu u xieraq għall-Missjoni li tqis il-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015, moqrija flimkien, bħala lment formali. |
84 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Missjoni, ippreċiża li huwa jqis lilu nnifsu bħala vittma ta’ “fastidju psikoloġiku” min-naħa tas-Sur X. |
85 |
Fit-tieni lok, minkejja li r-rikorrent ma kienx espliċitament għażel waħda mit-tliet għażliet li ġew ippreżentati lilu, huwa informa lis-Sur M, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, li, wara l-inċident li semma f’dik il-posta elettronika, huwa ħassu ma jiflaħx u għalhekk kien mar jara l-infermier, li kien tah mediċina. Ir-rikorrent żied jgħid li hu ħassu ftit stordut kemm minħabba l-mediċina kif ukoll minħabba dak li kkunsidra bħala forma ta’ fastidju psikoloġiku, u għalhekk ma setax jirrispondi għall-proposta li s-Sur M kien għamillu. Huwa semma wkoll il-possibbiltà li l-Kap tal-Missjoni jkun informat bil-problemi tiegħu mas-Sur X sakemm dan iħossu aħjar sabiex jagħmel ilment formali. Jidher minn dawn l-osservazzjonijiet li r-rikorrent ikkunsidra li kien il-vittma ta’ fastidju, li huwa ffaċċja problemi ta’ saħħa relatati ma’ dan il-fastidju u li l-istat tas-saħħa tiegħu ma ppermettilux li jagħmel ilment formali ta’ fastidju f’dak il-mument partikolari. Huwa ovvju li l-Missjoni kellha tqis dawn l-elementi addizzjonali sabiex tiddeċiedi x’azzjoni kellha tittieħed dwar il-posta elettronika tar-rikorrent tad-9 ta’ Frar 2015. B’mod partikolari, kien obbligu tal-Missjoni, minħabba d-dmir ta’ premura tagħha, li tikkunsidra l-fatt li, għalkemm fatti possibbli ta’ fastidju kienu ġew identifikati minn membru tal-persunal tagħha, dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jressaq ilment fil-forma xierqa u dovuta f’dak il-mument minħabba problemi ta’ saħħa li, skont din il-persuna, kienu marbuta ma’ dawn il-fatti ta’ fastidju. |
86 |
Fit-tielet lok, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent sostna li huwa kellu fiduċja fil-ġudizzju tas-Sur M u li, fil-każ li s-Sur M jasal għall-konklużjoni li kien hemm problema serja li kellha tiġi ppreżentata lill-Kap tal-Missjoni, kien ikunlu grat jekk jinforma lil dan tal-aħħar b’dan. Minn dan isegwi li r-rikorrent kien qed iserraħ fuq il-ġudizzju tas-Sur M dwar dak li kellu jsir insegwitu għall-posta elettronika tiegħu. L-evalwazzjoni konkreta magħmula mis-Sur M f’dan il-każ għandha għalhekk titqies ukoll f’dan ir-rigward. |
87 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, fir-risposta tiegħu tal-10 ta’ Frar 2015, is-Sur M informa lir-rikorrent li, “minħabba d-dmir ta’ premura u minħabba n-natura serja tal-fatti deskritti [minnu], [huwa] [ħaseb] li ma kellu ebda alternattiva għajr li jibgħat il-posta elettronika tiegħu lill-[Kap tal-Missjoni] u [lill-assistent tiegħu], l-uniċi awtoritajiet kompetenti tal-Missjoni responsabbli għall-Kodiċi ta’ Mġiba u biex jittrattaw dan it-tip ta’ kwistjoni dixxiplinari”. |
88 |
Fir-rigward tal-posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2015 tas-Sur M u l-azzjoni sussegwenti rriżervata fil-konfront tagħha, jeħtieġ li jiġi rrilevat dan li ġej. |
89 |
L-ewwel nett, kemm il-Kap kif ukoll il-Viċi Kap tal-Missjoni kienu indirizzati bil-posta elettronika tas-Sur M tal-10 ta’ Frar 2015. Barra minn hekk, jidher minn partijiet tal-proċess li ż-żewġ messaġġi bil-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 kienu tabilħaqq mibgħuta lill-Kap tal-Missjoni fl-10 ta’ Frar 2015. Għalkemm il-punt 7.1 tal-Kodiċi ta’ Mġiba jeħtieġ li l-Kap tal-Missjoni jiġi mgħarraf bl-ilmenti li għalihom din id-dispożizzjoni tirreferi, dan ma jispeċifikax li l-lanjant għandu b’mod obbligatorju jittrażmetti l-ilment tiegħu direttament lill-Kap tal-Missjoni u li huwa eskluż li terz jittrażmetti tali lment, irċevut mingħand il-lanjant, u bil-qbil ma’ dan tal-aħħar, lill-Kap tal-Missjoni. |
90 |
It-tieni nett, mill-posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2015 tas-Sur M jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Missjoni, huwa ma llimitax ruħu li jinforma lill-Kap tal-Missjoni bil-problemi li r-rikorrent kien affaċċja mas-Sur X, sakemm jitressaq ilment formali li r-rikorrent seta’, jekk ikun il-każ, jagħmel lill-Kap tal-Missjoni. Anzi, għall-kuntrarju, mill-kliem ta’ din il-posta elettronika jirriżulta ċar li s-Sur M kien tal-fehma li din kienet kwistjoni dixxiplinari li kellha tiġi indirizzata mill-awtoritajiet xierqa tal-Missjoni. Fil-fatt, kieku s-Sur M kien sempliċement xtaq jinforma lill-Kap tal-Missjoni dwar il-problemi tar-rikorrent, ma kienx ikollu bżonn jibgħat kopja lill-Viċi Kap tal-Missjoni u jenfasizza li dawn iż-żewġ destinatarji kienu l-“uniċi awtoritajiet kompetenti fil-Missjoni, responsabbli għall-Kodiċi ta’ Mġiba u biex jittrattaw dan it-tip ta’ kwistjoni dixxiplinari”. |
91 |
It-tielet nett, ta’ min jinnota li f’posta elettronika indirizzata lill-Kap tal-Missjoni wara l-10 ta’ Frar 2015, S., il-Viċi Kap tal-Missjoni, sab li r-rikorrent kien ilmenta dwar l-imġiba ta’ X u ppropona li l-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 jitqiesu bħala lment li jwassal għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari. Is-Sur S żied jgħid li, kieku il-Kap tal-Missjoni ordna din il-miżura, huwa kien jieħu ħsieb jibda l-investigazzjoni preliminari għall-fatti allegati ta’ fastidju jew ta’ intimidazzjoni. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-Kap tal-Missjoni, fir-risposta tiegħu mibgħuta fl-10 ta’ Frar 2015 lill-Viċi Kap tal-Missjoni, qabel mal-proposta li kien għamillu dan tal-aħħar. Huwa ċar minn dan l-iskambju li kemm il-Kap tal-Missjoni kif ukoll il-Viċi Kap kienu tal-fehma li l-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 setgħu u kellhom jiġu kkunsidrati bħala lment fis-sens tal-Kodiċi ta’ Mġiba u kellha tinfetaħ investigazzjoni preliminari. |
92 |
Il-fatt li kien skambju intern li ġie mgħarraf lir-rikorent biss fl-aħħar ta’ Awwissu 2015 huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li dak li huwa importanti f’dan il-każ huwa l-mod li bih il-Missjoni interpretat il-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015. Wieħed għandu jasal għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-argument tal-Missjoni li l-Kap tal-Missjoni ma kellux is-setgħa li jordna l-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari. Anki kieku dan kien il-każ, b’mod kuntrarju għall-premessa li fuqha l-Viċi Kap tal-Missjoni kien ibbaża ruħu fil-posta elettronika tiegħu tal-10 ta’ Frar 2015, dan ma jaffettwax il-konklużjoni li kemm il-Kap tal-Missjoni kif ukoll il-Viċi Kap kienu kkunsidraw li investigazzjoni preliminari kellha tinfetaħ f’dan il-każ. Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-argument tal-Missjoni għandux, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli, kif sostna r-rikorrent matul is-seduta. |
93 |
Ir-raba’ nett, peress li mill-posta elettronika tiegħu tal-10 ta’ Frar 2015 jirriżulta li s-Sur M kien qed jittrażmetti l-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u d-9 ta’ Frar 2015 lill-Kap tal-Missjoni u lill-Viċi Kap sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jmexxi l-azzjoni meħtieġa mill-Kodiċi ta’ Mġiba, ir-rikorrent ma kellux għalfejn jieħu passi addizzjonali f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, ma kienx għadu iktar neċessarju għar-rikorrent li jindirizza ruħu lill-Kap tal-Missjoni dwar dan is-suġġett, billi jgħarrfu b’ilment uffiċjali li fih il-fatti msemmija fil-posta elettronika tiegħu tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015. Il-posta elettronika tas-Sur M ma tagħmel l-ebda riferiment għall-fatt li tali lment addizzjonali kien meħtieġ. L-istess konstatazzjoni tgħodd għall-iskambju tal-posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2015 bejn il-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap. |
94 |
Il-ħames u l-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent kien insista, fil-każ li s-Sur M kellu jqis li setgħet tinstab soluzzjoni fil-livell amministrattiv, sabiex is-Sur M jikkunsidra l-miżuri provviżorji li setgħu jittieħdu sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tiegħu, jiġifieri li s-Sur X ma jitħalliex jidħol fl-uffiċċju tiegħu u ma jkellmux sakemm tinstab soluzzjoni. Madankollu, hemm qbil li ma kien hemm l-ebda azzjoni sussegwenti għal din it-talba f’dak iż-żmien. Issa, jekk il-Missjoni kienet tal-fehma li r-rikorrent kien għad jeħtieġlu jressaq ilment formali quddiem il-Kap tal-Missjoni sabiex jippermetti l-ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari, hija kellha tiddeċiedi, sakemm isir tali lment, l-imsemmija talba. |
95 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-fatt li, fil-posta elettronika tiegħu tat-30 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrent talab lill-Kap tal-Missjoni jikkunsidra l-imsemmija posta elettronika bħala lment uffiċjali. Fil-fatt, kif intqal fil-punti 91 sa 93 iktar ’il fuq, kemm il-Kap tal-Missjoni kif ukoll il-Viċi Kap qiesu li l-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 ikkostitwixxew ilment uffiċjali u li kellha tinfetaħ investigazzjoni preliminari, b’mod li, f’dak l-istadju, ir-rikorrent ma kellux bżonn jieħu passi addizzjonali. |
96 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-fatt li ebda investigazzjoni preliminari ma nbdiet wara l-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 jikkostitwixxi ksur tal-punt 8.4 tal-Kodiċi ta’ Mġiba u, konsegwentement, nuqqas kuntrattwali imputabbli lill-Missjoni. |
97 |
Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra mressqa mill-Missjoni kontra din il-konklużjoni ma huwa konvinċenti. |
98 |
Fl-ewwel lok, il-Missjoni tirreferi għall-ispjegazzjoni mressqa mill-Kap tagħha fil-posta elettronika tiegħu lir-rikorrent tal-25 ta’ Awwissu 2015, jiġifieri li, peress li ma kienx irċieva risposta mill-partijiet ikkonċernati, dan kien baqa’ bl-impressjoni li l-Viċi Kap tal-Missjoni kien kapaċi jsib soluzzjoni bonarja għat-tilwima bejn ir-rikorrent u s-Sur X. Issa, il-Missjoni ma tiċħadx li ma kienx hemm soluzzjoni bħal din. Fi kwalunkwe każ, u kif ir-rikorrent ġustament isostni, kien id-dmir tal-Kap tal-Missjoni li jara x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni preliminari dwar il-ftuħ li dwaru huwa kien fi ftehim mal-Viċi Kap. |
99 |
Fit-tieni lok, il-Missjoni tissuġġerixxi li investigazzjoni preliminari ma kinitx neċessarja, minħabba li l-fatti allegati mir-rikorrent ma kinux jikkostitwixxu fastidju u ma kinux sostnuti bi provi suffiċjenti. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Minn naħa, il-Missjoni ma stabbilixxietx li l-ebda wieħed mill-fatti msemmija fil-posta elettronika tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 ma seta’ jikkostitwixxi każ ta’ fastidju, fis-sens tal-punt 2.5 tal-Kodiċi ta’ Mġiba. Min-naħa l-oħra, mill-Kodiċi ta’ Mġiba ma jirriżultax li investigazzjoni preliminari tkun iġġustifikata biss meta l-lanjant ikun diġà ressaq biżżejjed provi sabiex jistabbilixxi li fil-fatt kien seħħ fastidju. |
100 |
Fit-tielet lok, il-Missjoni ssostni li, bejn Frar u Awwissu 2015, ir-rikorrent ma talabx informazzjoni dwar l-investigazzjoni li skont hu kellha tinbeda fi Frar 2015. Issa, il-Missjoni ma spjegatx kif dan seta’ kien rilevanti biex titwieġeb il-kwistjoni dwar jekk kienx twettaq xi nuqqas kuntrattwali meta hija naqset milli tiftaħ investigazzjoni preliminari bħal din dwar il-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015. L-istess konklużjoni hija applikabbli għall-argument tal-Missjoni li, matul il-perijodu bejn Frar u Awwissu 2015, ir-rikorrent ma rrapporta l-ebda problema u ma informax lill-Missjoni li seta’ kellu xi ħtieġa ta’ appoġġ psikoloġiku. |
101 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-fatt invokat mill-Missjoni li hija kienet żammet l-aħħar kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent, għalkemm hija setgħet ittemmu, minħabba li hija tqis li l-aġir tar-rikorrent kien iwassal għall-klassifikazzjoni ta’ nuqqas serju – jiġifieri insulti u rimarki defamatorji li għamel f’posta elettronika li kien bagħat lill-Missjoni fit-28 u fit-30 ta’ Awwissu 2015 – ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet tat-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk, meta naqset milli tiftaħ investigazzjoni preliminari fi Frar 2015, il-missjoni wettqitx nuqqas kuntrattwali. |
Fuq il-kapijiet tad-dannu invokati mir-rikorrent
102 |
L-ewwel kap tad-dannu mressaq mir-rikorrent huwa ta’ natura morali. Minħabba l-inerzja tal-Missjoni, huwa allegatament baqa’ jbati minn sitwazzjoni ta’ fastidju bejn Frar u Awwissu 2015, li seta’ u kellu jiġi evitat. Skont ir-rikorrent, din “in-niżla fl-infern” tidher b’mod partikolari mill-gravità tal-istat tas-saħħa tiegħu meta telaq mill-Missjoni, kif ukoll mit-trattament mediku li t-tobba kienu kostretti jippreskrivulu. Id-dannu morali kien ikkostitwit ukoll mill-konsegwenzi mediċi relatati ma’ din is-sitwazzjoni ta’ fastidju, jiġifieri l-istat depressiv sinjifikattiv li baqa’ jsofri minnu, il-medikazzjoni meħtieġa minħabba dan il-fatt u l-inattività professjonali li kien imġiegħel jgħaddi minnha minħabba l-waqfien tal-mard tiegħu. |
103 |
Dan id-dannu morali ġie aggravat mill-attitudni tal-Missjoni matul il-waqfien mix-xogħol tar-rikorrent. Minn naħa, hija ma ħadet l-ebda inizjattiva sabiex tarah jerġa’ lura għax-xogħol. Għall-kuntrarju, il-Missjoni stenniet sal-11 ta’ Lulju 2016 sabiex tibgħatlu, fl-indirizz uffiċjali tiegħu, sejħa għal allegat kontroll mediku, barra minn hekk fuq bażi legali dubjuża, li kellu jsir biss jumejn wara, meta kienet taf tajjeb li fil-fatt kien mar joqgħod x’imkien ieħor. Min-naħa l-oħra, il-Missjoni kellha dubji dwar il-validità taċ-ċertifikati mediċi kollha tiegħu minħabba t-trażmissjoni tagħhom permezz tal-posta elettronika, filwaqt li kienet ikkonfermat, wara li rċeviet l-ewwel wieħed minn dawn iċ-ċertifikati, li ma kienx meħtieġ li jintbagħat bil-posta eletronika. Tali attitudni hija nieqsa minn kull premura, ikkaratterizzata b’mala fide u żlealtà. B’hekk, hija kkontribwixxiet biex taggrava d-dannu morali tar-rikorrent. |
104 |
Skont ir-rikorrent, id-dannu morali tiegħu jista’ jiġi evalwat, ex æquo et bono, fis-somma ta’ EUR 70000. |
105 |
It-tieni kap tad-dannu invokat mir-rikorrent huwa ta’ natura materjali. Il-Missjoni għandha tħallas danni ekwivalenti għar-remunerazzjoni dovuta għall-perijodu bejn id-29 ta’ Settembru 2015 – id-data meta l-ħlas kien twaqqaf minħabba l-waqfien mix-xogħol tiegħu – u l-15 ta’ Lulju 2016 – id-data meta t-tielet kuntratt tax-xogħol mal-Missjoni kien intemm – kif ukoll l-interessi u r-restituzzjoni tad-drittijiet tal-leave tiegħu. Fil-fatt, il-waqfien tal-mard tiegħu kien minħabba d-deterjorament tal-istat tas-saħħa tiegħu, marbut mas-sitwazzjoni ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol li kien espost għalih. Is-somma li kellha tiġi rrimborsata għat-telf tar-remunerazzjoni tar-rikorrent bejn l-1 ta’ Settembru 2015 u l-15 ta’ Lulju 2016 kien jammonta għal total ta’ EUR 73774. |
106 |
Skont ir-rikorrent, it-tielet kap tad-danni tiegħu, ukoll ta’ natura materjali, jikkonsisti fit-telf tal-possibbiltà li l-kuntratt tiegħu jiġi mġedded. Fil-fatt, kien biss minħabba l-impossibbiltà li ssir evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tiegħu li l-kuntratt tiegħu ma ġiex imġedded. Fid-dawl tal-prestazzjonijiet eċċellenti tiegħu fil-passat u l-ħtieġa kontinwa tal-Missjoni għas-servizzi ta’ uffiċjal responsabbli mill-akkwisti, iċ-ċansijiet tiegħu li l-kuntratt tiegħu jiġi mġedded għal sena kellhom jiġu evalwati bħala li huma ta’ mill-inqas 80 %. Għaldaqstant, għandhom jingħatawlu danni ta’ ammont ekwivalenti għal 80 % tar-remunerazzjoni li r-rikorrent kien jingħata f’każ ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu. |
107 |
Il-Missjoni tikkontesta dawn l-argumenti tar-rikorrent. |
108 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, għal dak li jirrigwarda l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent, li dan tal-aħħar, fil-fatt, kif il-Missjoni tosserva, ma ssottometta l-ebda perizja medika biex tissostanzja t-talba tiegħu għad-danni. |
109 |
Madankollu, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li t-tabib ikkonsultat mir-rikorrent fin-Niġer lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2015 sab li r-rikorrent kien qed isofri psikoloġikament. Jidher ukoll minn dawn id-dokumenti li r-rikorrent kien tqiegħed fuq waqfien mix-xogħol mill-25 ta’ Awwissu 2015 sa tmiem il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu mal-Missjoni f’Lulju 2016. Finalment, jidher li fiċ-ċertifikati tiegħu li jawtorizzaw waqfien mix-xogħol, il-psikjatra kkonsultat mir-rikorrent fi Franza rrefera, f’żewġ okkażjonijiet, għal “stat depressiv sinjifikattiv”. |
110 |
Huwa veru li d-dokumenti tal-proċess juru li l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent ma kienx tali li jirrikjedi li jmur l-isptar fin-Niġer jew fi Franza. Huwa veru wkoll li ma kinitx ġiet stabbilita l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-gravità tal-istat ta’ saħħtu fl-aħħar ta’ Awwissu 2015 kienet ikkonfermata mit-trattament mediċinali li t-tobba kienu kostretti jippreskrivulu, peress li ċ-ċertifikati mediċi li r-rikorrent ippreżenta lill-Qorti Ġenerali ma jsemmux trattament mediċinali. Madankollu, mid-dokumenti disponibbli għall-Qorti Ġenerali jirriżulta li kien hemm deterjorament sinjifikattiv fl-istat tas-saħħa tar-rikorrent u li dan id-deterjorament seħħ wara li r-rikorrent kien, permezz tal-posta elettronika tiegħu tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015, ġibed l-attenzjoni tal-Missjoni dwar dak li huwa kkunsidra li kien każ ta’ fastidju fil-konfront tiegħu min-naħa tas-Sur X. |
111 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-eżistenza ta’ dannu morali, marbut ma’ dan l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent, ma tistax tiġi miċħuda. |
112 |
Fir-rigward tad-dannu materjali allegat mir-rikorrent, huwa stabbilit li l-ħlas tas-salarju tar-rikorrent kien twaqqaf fid-29 ta’ Settembru 2015 u għalhekk ir-rikorrent tilef il-kumplament tas-salarju li kien ikun dovut lilu skont l-aħħar kuntratt ta’ impjieg tiegħu, sat-tmiem tiegħu, kieku kien f’pożizzjoni li jkompli jaħdem, kif ukoll id-drittijiet ta’ leave marbuta ma’ dak il-perijodu. Huwa veru li l-Artikolu 15.7 tal-aħħar kuntratt ta’ impjieg tar-rikorrent jistipula li assenzi minħabba mard huma meqjusa biss bħala ekwivalenti għal perijodi ta’ servizz attiv għal massimu ta’ 30 jum kalendarju u li l-ebda dritt ma jkopri perijodu ta’ assenza minħabba mard lil hinn minn dan il-limitu. Issa, il-fatt li din l-istipulazzjoni ppermettiet lill-Missjoni, jew saħansitra obbligatha, li twaqqaf il-ħlas tas-salarju tar-rikorrent ma jaffettwa bl-ebda mod il-konklużjoni li dan tal-aħħar għalhekk tilef is-salarju li kien jaqla’ u li, għalhekk, sofra dannu materjali. |
113 |
Fir-rigward tal-possibbiltà li jinkiseb kuntratt ta’ impjieg supplimentari, huwa veru li r-rikorrent ma kellu l-ebda dritt li jġedded il-kuntratt tax-xogħol tiegħu mal-Missjoni. Madankollu, din tal-aħħar ma kkontestax l-argument tar-rikorrent li, minħabba l-prestazzjonijiet eċċellenti tiegħu fil-passat u l-kontinwità tal-ħtieġa tal-Missjoni għat-tip ta’ servizzi li pprovda, iċ-ċansijiet tiegħu li jkollu l-kuntratt tiegħu mġedded għal sena għandhom jiġu evalwati bħala li huma ta’ mill-inqas 80 %. F’dan ir-rigward, il-Missjoni llimitat ruħha li ssostni li l-ftit żmien li r-rikorrent kien ħadem matul il-perijodu kopert mit-tielet kuntratt tax-xogħol tiegħu ma ppermettilhiex li tevalwa l-prestazzjonijiet tar-rikorrent fid-dawl ta’ tiġdid possibbli tal-kuntratt tiegħu. Issa, ir-rikorrent isostni li kien preċiżament in-nuqqas kuntrattwali mwettaq mill-Missjoni li affettwa l-istat tas-saħħa tiegħu b’tali mod li ma kienx possibbli għalih li jerġa’ lura għax-xogħol. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ir-realtà ta’ dannu materjali fir-rigward tat-telf ta’ opportunità sabiex jinkiseb kuntratt ġdid ma tista’ tiġi miċħuda. |
114 |
L-argumenti l-oħra li l-Missjoni ressqet f’dan il-kuntest ma humiex tali li jpoġġu fid-dubju dawn il-konklużjonijiet. |
115 |
L-ewwel nett, l-argument tal-Missjoni li, sa mill-bidu tas-sena 2015, ir-rikorrent ma kienx ħeba mill-kollegi tiegħu li kien qed ifittex mezz kif jitlaq mill-Missjoni, barra li ma huwa sostnut minn ebda prova konkreta, ma huwiex tali li jqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li kien hemm deterjorament sinjifikattiv tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrent bejn ix-xhur ta’ Frar u ta’ Awwissu 2015. |
116 |
It-tieni nett, il-fatt li r-rikorrent qatt ma kkuntattja l-Missjoni fir-rigward ta’ possibbiltà ta’ mard psikoloġiku bejn ix-xhur ta’ Frar u Awwissu 2015 u li huwa ma talabx lill-Missjoni x’azzjoni sussegwenti kien hemm għall-posta elettronika tiegħu tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 qabel ix-xahar ta’ Awwissu 2015 lanqas ma jista’ jpoġġi fid-dubju din il-konklużjoni. |
117 |
It-tielet nett, evidentement għandha tintlaħaq l-istess konklużjoni fir-rigward tal-argument tal-Missjoni li r-rikorrent kien organizza t-tluq tiegħu mill-Missjoni lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2015 b’mod li kien jissuġġerixxi li dan ma kellux l-intenzjoni li jerġa’ lura. |
118 |
Il-Missjoni kompliet issostni wkoll ċerti argumenti dwar il-perijodu li beda wara t-tluq tar-rikorrent mill-post tax-xogħol tiegħu fl-aħħar ta’ Awwissu 2015. Minn naħa, il-Missjoni ssostni li r-rikorrent naqas milli jaċċetta t-talbiet tal-Missjoni li huwa jissottometti ruħu għal perizja medika biex jiġi evalwat l-istat tas-saħħa tiegħu u l-inkapaċità eventwali tiegħu li jaħdem. Min-naħa l-oħra, l-assenza tar-rikorrent mill-post tax-xogħol tiegħu ma kienx iġġustifikat u ma jistax, għalhekk, iwassal għal kumpens għad-danni peress li r-rikorrent naqas milli jissottometti ċertifikati mediċi validi u verifikabbli, kien joqgħod f’post mhux magħruf mill-Missjoni u kien impossibbli li ssir perizja medika jew eżami mediku għal raġunijiet attribwibbli lir-rikorrent. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa meħtieġ li dawn l-argumenti jiġu eżaminati biss jekk ir-rikorrent ikun jista’ jistabbilixxi rabta kawżali bejn il-ħtija kuntrattwali tal-Missjoni u d-danni morali u materjali mġarrba matul il-perijodu wara t-tluq tiegħu mill-Missjoni, liema eżami għandu għalhekk isir iktar ’il quddiem. |
Fuq ir-rabta kawżali
119 |
Ir-rikorrent isostni li, minħabba l-inerzja tal-Missjoni, is-sitwazzjoni ta’ fastidju rrapportata mix-xahar ta’ Frar 2015 kompliet, aggravat ruħha u wasslet għall-waqfien mix-xogħol tiegħu minħabba mard, mill-25 ta’ Awwissu 2015. Huwa stabbilit li l-waqfien mix-xogħol kien dovut b’mod partikolari għal stat ta’ depressjoni, deskritt bħala sinjifikattiv, marbut mas-sitwazzjoni ta’ fastidju li għex fuq il-post tax-xogħol. Dan l-aħħar aspett, li kien ġie enfasizzat mit-tabib tar-rikorrent, jagħti prova suffiċjenti fid-dritt tar-rabta kawżali bejn il-ksur mill-Missjoni tal-obbligi kuntrattwali tagħha u d-danni sostnuti mir-rikorrent. Ir-rikorrent iżid jgħid li kien fix-xahar ta’ Frar 2015 li ġie preskritt, għall-ewwel darba, antidepressivi, u dan minkejja snin ta’ servizz f’missjoni f’ambjenti ħafna drabi ostili. Barra minn hekk, kellu jgħaddi mill-ewwel waqfa mix-xogħol minħabba mard bejn id-9 u t-13 ta’ Frar 2015, jiġifieri eżatt wara l-ewwel rapport tas-sitwazzjoni ta’ fastidju morali. |
120 |
Il-Missjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Skont il-Missjoni, ma hemm l-ebda rabta kawżali bejn l-imġiba tagħha u d-dannu allegat. |
121 |
Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il-Kummissjoni, T‑178/98, EU:T:2000:240, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tad-9 ta’ Novembru 2016, Jenkinson vs Il-Kunsill etT‑602/15, EU:T:2016:660, punt 49). Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-istess jgħodd għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Unjoni. |
122 |
Fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-aġir tal-Missjoni u d-danni morali sostnuti mir-rikorrent. |
123 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrent ma ressaq l-ebda dokument li juri b’mod indiskutibbli li d-danni morali tiegħu kienu ġew ikkawżati min-nuqqas kuntrattwali mwettaq mill-Missjoni f’dan il-każ. B’mod partikolari, ma jidhirx mill-provi mressqa mir-rikorrent, kuntrarjament għal dak li jsostni, li t-tabib tiegħu sab li d-deterjorament tal-istat tas-saħħa tiegħu kien marbut ma’ sitwazzjoni ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol. Il-fatt li, fiċ-ċertifikat tiegħu tal-14 ta’ Ottubru 2015, il-psikjatra li eżaminah innota li r-rikorrent kien ilmenta dwar fastidju fuq ix-xogħol ma jikkostitwixxix tali konstatazzjoni, peress li dik kienet kwistjoni ta’ rimarka tar-rikorrent li t-tabib tiegħu ma esprimiex ruħu dwarha. |
124 |
Madankollu, għandhom jitqiesu l-elementi li ġejjin f’dan il-kuntest. |
125 |
L-ewwel nett, fil-posta elettronika tiegħu tad-9 ta’ Frar 2015, ir-rikorrent kien informa lill-Missjoni bil-problemi tas-saħħa li kellu bħala riżultat tal-inċident li jirrigwarda s-Sur X, li kien ġie rrappurtat f’dik l-istess posta elettronika. Jidher ukoll mill-provi prodotti mir-rikorrent li r-rikorrent sussegwentement sostna l-ewwel waqfien mix-xogħol mid-9 sat-13 ta’ Frar 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Missjoni ma setgħetx ma tkunx konxja li n-nuqqas ta’ rispons xieraq għall-posta elettronika tar-rikorrent tas-7 u d-9 ta’ Frar 2015 seta’ jġorr ir-riskju li l-istat ta’ saħħa tar-rikorrent saħansitra jaggrava iktar. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, meta nfetħet l-investigazzjoni preliminari lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2015, il-Kap tal-Missjoni ħa d-deċiżjoni fl-istess ħin biex jipprojbixxi lis-Sur X milli javviċina lir-rikorrent b’effett immedjat. |
126 |
It-tieni nett, u kif diġà ġie rrilevat (ara l-punt 110 iktar ’il fuq), huwa stabbilit li kien hemm deterjorament sinjifikattiv fl-istat ta’ saħħa tar-rikorrent li seħħ fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2015 u li r-rikorrent isostni li dan id-deterjorament kien ir-riżultat tal-fatt li l-ebda investigazzjoni preliminari ma kienet infetħet fi Frar 2015. Huwa veru li l-Missjoni tissuġġerixxi li dan id-deterjorament jista’ jkun dovut għal kawża oħra li ma huwiex il-fastidju jew il-fatt li hija ma fetħitx investigazzjoni preliminari fi Frar 2015. F’dan ir-rigward, il-Missjoni ssostni li ċ-ċertifikati tat-tabib ikkonsultat mir-rikorrent fin-Niġer lejn l-aħħar ta’ Awwissu 2015 jirreferu għall-kundizzjonijiet tal-ħajja fi ħdan il-Missjoni bħala li kienu l-kawża tad-deterjorament tal-istat tas-saħħa tiegħu. Madankollu, dan l-argument ma huwiex sostnut miċ-ċertifikati msemmija, fejn it-tabib inkwistjoni sempliċement osserva li r-rikorrent kien qed isofri psikikament u li l-istat ta’ saħħa tiegħu kien jeħtieġ li jitbiegħed mill-ambjent tax-xogħol tiegħu. |
127 |
It-tielet nett, il-Missjoni tagħraf li l-investigazzjoni li hija fetħet fl-aħħar ta’ Awwissu 2015 wasslitha sabiex tikkonkludi li hemm ksur tal-Kodiċi ta’ Mġiba min-naħa tas-Sur X. |
128 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm sensiela ta’ indizji suffiċjentement konklużivi sabiex tqis li teżisti rabta diretta bejn, minn naħa, in-nuqqas tal-Missjoni li tiftaħ investigazzjoni preliminari wara l-iskambju tal-posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2015 bejn il-Kap tal-Missjoni u l-Viċi Kap, sabiex jiġu eżaminati l-fatti allegati mir-rikorrent bħala li jikkostitwixxu fastidju min-naħa tas-Sur X, u, min-naħa l-oħra, id-deterjorament tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrent li seħħ matul il-perijodu wara dik id-data. |
129 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li din ir-rabta kawżali tista’ tiġi kkonstatata biss għal parti minn dan il-perijodu. |
130 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li jidher mill-Kodiċi ta’ Mġiba li investigazzjoni preliminari għandha ssir malajr. B’mod partikolari, il-punt 8.4.4 tal-Kodiċi ta’ Mġiba jipprovdi li r-rapport dwar l-investigazzjoni preliminari għandu jiġi ssottomess lill-Viċi Kap tal-Missjoni f’perijodu ta’ żmien relattivament qasir, jiġifieri għaxart ijiem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent kellu d-dmir li raġonevolment jistaqsi, wara li jkun għadda ċertu perijodu ta’ żmien mingħajr ma jkun kiseb informazzjoni dwar x’azzjoni sussegwenti ttieħdet dwar l-ilment tiegħu, sabiex ikun jaf jekk investigazzjoni preliminari kinitx fil-fatt infetħet u jekk kinitx għadha għaddejja. Barra minn hekk, jidher mid-dokumenti fil-proċess, b’mod partikolari mid-diversi messaġġi tal-posta elettronika tiegħu, li r-rikorrent kien ġie korrettament informat bil-proċeduri fis-seħħ f’tali sitwazzjoni. |
131 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li kien ir-rikorrent li seta’ jitlob informazzjoni dwar x’azzjoni sussegwenti ttieħdet wara l-posta elettronika tiegħu tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 f’perijodu ta’ żmien relattivament qasir, speċjalment minħabba li s-sitwazzjoni ta’ fastidju li huwa lmenta dwarha f’dik il-posta elettronika tidher li, skont il-posta elettronika tiegħu tal-25 u tat-28 ta’ Awwissu 2015, aggravat ruħha konsiderevolment. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li, f’din l-aħħar posta elettronika, ir-rikorrent jilmenta li, fi Frar jew f’Marzu 2015, is-Sur X kien involut f’aggressjoni fiżika fil-konfront tiegħu meta xerred tè jagħli fuq saqajh. Fis-seduta, u bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, ir-rikorrent ma setax jispjega għalfejn ma kienx informa lill-Missjoni ħlief wara diversi xhur b’dan l-inċident li, jekk jitqies stabbilit, kellu jitqies bħala serju ħafna. |
132 |
Issa, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li, matul il-perijodu minn Frar sa Awwissu 2015, u kif sostniet il-Missjoni, huwa baqa’ sieket dwar allegat fastidju u qatt ma staqsa lill-Missjoni dwar x’azzjoni ttieħdet wara l-posta elettronika tiegħu tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015, u lanqas ma deher sabiex jinforma l-Missjoni bid-deterjorament tas-sitwazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward, fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrent sempliċement iddikjara li ma ħassx li kien meħtieġ li jieħu dawk il-passi, li kellu fiduċja fil-Missjoni u ħaseb li fil-fatt kienet għaddejja investigazzjoni. |
133 |
Huwa veru li, fil-kuntest tal-informazzjoni addizzjonali li pprovda lill-Missjoni fis-26 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrent indika li “[s-Sur X] min-naħa tiegħu [kien] ġab ruħu aħjar għal perijodu qasir (matul Mejju 2015)”, li “[huwa] ried jagħmilha ċara li, dejjem [wara] l-ilment ta’ Frar, fl-istennija tal-konklużjoni tal-proċedura dixxiplinari u ta’ sanzjoni li [kien] ikollha effett de facto‘ta’ tagħlima’ u ‘ta’ inċentiv’ fuq [is-Sur X] u wara li wieħed jara bidla fl-attitudni tiegħu, [huwa] ttama li l-affarijiet setgħu jiġu lura għall-ordni” u li, “biex jappoġġah f’din il-bidla pożittiva matul dan il-perijodu qasir, [kien] saħansitra stiednu għall-ikel, stedina li hu [kien] aċċetta u onora bil-preżenza tiegħu”. Għalhekk, minn dak li r-rikorrent stess iddikjara jirriżulta li, f’Mejju tal-2015, huwa qies li l-attitudni tas-Sur X lejh kienet tjiebet u li huwa seta’ jittama, bl-eżitu tal-ilment tiegħu u sinjali ta’ inkoraġġiment min-naħa tiegħu, li r-relazzjonijiet tagħhom jerġgħu lura għan-normal. Madankollu, kif indika hu stess, dan it-titjib seħħ biss għal perijodu qasir ta’ żmien u għalhekk kellu jiġi konkluż li sussegwentement is-sitwazzjoni ta’ fastidju li lmenta dwarha kompliet. Konsegwentement, anki jekk wieħed jassumi li f’Mejju 2015, it-titjib fis-sitwazzjoni ma xprunax lir-rikorrent sabiex jitlob informazzjoni dwar l-azzjoni li ttieħdet fir-rigward tal-ilment tiegħu, dan ma jistax ikun il-każ fir-rigward tal-perijodu sussegwenti. |
134 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li rabta kawżali diretta bejn l-assenza li tinfetaħ investigazzjoni preliminari u d-deterjorament tal-istat tas-saħħa tar-rikorrent tista’ tiġi kkunsidrata bħala stabbilita, suffiċjentement skont il-liġi, biss għall-perijodu bejn l-10 ta’ Frar 2015 u x-xahar ta’ Mejju 2015 bħala massimu. Lil hinn minn dan il-perijodu, għandu jiġi kkunsidrat li d-deterjorament tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrent ma jirriżultax iktar direttament min-nuqqas ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni preliminari, imma jirriżulta wkoll min-nuqqas li jittieħdu passi biex jinforma ruħu dwar l-azzjoni sussegwenti li kien hemm għall-posta elettronika tiegħu tas-7 u tad-9 ta’ Frar 2015 jew li jinforma s-superjuri tiegħu bid-deterjorament tar-relazzjonijiet tiegħu mas-Sur X. F’dan ir-rigward, il-posta elettronika tar-rikorrent tal-25 ta’Awwissu 2015 għandha titqies bħala tardiva, tant li, f’dik id-data, l-istat tas-saħħa tiegħu tant marret għall-agħar li kien jeħtieġ, skont iċ-ċertifikati mediċi ta’ dak iż-żmien, li jitqiegħed fuq leave għall-mard u jmur lura l-Ewropa. Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra li l-Missjoni sostniet f’dan ir-rigward, din tal-aħħar ma tistax tinżamm responsabbli għad-danni morali sofferti mir-rikorrent wara x-xahar ta’ Mejju 2015 u, b’mod partikolari, dawk li seħħew wara t-tluq tar-rikorrent mill-Missjoni, fl-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2015. |
135 |
Fit-tieni lok, mill-punti 112 u 113 iktar ’il fuq jirriżulta li d-danni materjali li ġarrab ir-rikorrent seħħew wara t-tluq tiegħu mill-Missjoni f’Awwissu 2015. Għaldaqstant, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 130 sa 134 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li l-Missjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal dawn id-danni materjali. |
136 |
Fid-dawl ta’ dan kollu premess, il-Qorti Ġenerali tqis li l-ammont tad-dannu morali sostnut mir-rikorrent għandu jiġi ffissat ex æquo et bono fis-somma ta’ EUR 10000. |
137 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li l-Missjoni tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 10000 bħala kumpens għad-dannu morali sostnut u li l-kumplament tat-talbiet jiġu miċħuda. |
Fuq l-ispejjeż
138 |
Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża dan ikun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
139 |
F’dan il-każ, ir-rikorrent u l-Missjoni t-tnejn tilfu parzjalment. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, huwa xieraq li l-Missjoni tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, tliet kwarti tal-ispejjeż tar-rikorrent. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Gratsias Dittrich Xuereb Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ April 2018. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.