SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (ir-Raba’ Awla)

27 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Disinn Komunitarju – Proċediment għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta għata għal telefon ċellulari – Żvelar tad-disinn – Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑166/15,

Claus Gramberg, li jirrisjedi f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentat inizjalment minn S. Kettler, sussegwentement minn F. Klopmeier u G. Becker, avukati,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Sorouch Mahdavi Sabet, li jirrisjedi f’Pariġi (Franza),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal‑Appell tal-EUIPO tat-13 ta’ Jannar 2015 (Każ R 460/2013-3), dwar talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn C. Gramberg u S. Mahdavi Sabet,

IL-QORTI ĠENERALI (ir-Raba’ Awla),

komposta minn. H. Kanninen, President, L. Calvo–Sotelo Ibáñez–Martín u I. Reine (relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ April 2015,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Awwissu 2015,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2015,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r‑risposti għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 u l‑11 ta’ Mejju 2017,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-partijiet ippreżentati fir-Reġistru tal‑Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2017 fuq ir-risposti tagħhom dwar il‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura,

wara li rat li ma tressqitx talba sabiex tinżamm seduta min-naħa tal‑partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal‑proċedura bil-miktub u peress li għalhekk iddeċidiet, skont l‑Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fil-25 ta’ Diċembru 2011, Sorouch Mahdavi Sabet talab ir‑reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id‑disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). Huwa għamel talba ta’ prijorità fir‑rigward ta’ talba li saret fi Franza fit-30 ta’ Ġunju 2011.

2

Id-disinn li tiegħu ntalab ir-reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem id‑“disinn ikkontestat”) huwa d-disinn segwenti:

Image

3

Skont it-talba għal reġistrazzjoni, id-disinn ikkontestat huwa intiż sabiex jintuża għal “kovers għal telefons, basktijiet għal laptops, għata (għal telefons ċellulari), għata għal kompjuters, għata għal telefons ċellulari” li jaqgħu fil-klassi 03.01 skont il-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat.

4

L-EUIPO rreġistra d-disinn ikkontestat fil-25 ta’ Diċembru 2011 bin-numru 001968496-0002 bid-data ta’ prijorità tat-30 ta’ Ġunju 2011. Dan ġie ppubblikat fil-Bulletin tad-Disinni Komunitarji Nru 35/2012, tas-17 ta’ Frar 2012.

5

Fl-4 ta’ Mejju 2012, ir-rikorrent, Claus Gramberg, ressaq quddiem l-EUIPO, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba assenza ta’ novità. Skont ir-rikorrenti, taħt it-trade mark mumbi, huwa jbigħ aċċessorji għat-telefons ċellulari, b’mod partikolari għata għal dan l-apparat, prinċiparjament fuq il-portal tal-bejgħ onlajn “amazon.de”, taħt l-isem HandyNow.

6

Insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu, ir‑rikorrent sostna li d-disinn ikkontestat kien żvelat qabel id-data ta’ prijorità, it-30 ta’ Ġunju 2011, fiċ-ċirkustanzi segwenti:

l-ewwel nett, fit-23 ta’ Mejju 2011, huwa xtara mingħand bejjiegħ bl‑ingrossa għata bid-disinn ikkontestat (fattura, anness D 1 tat‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità); sussegwentement, fis‑26 ta’ Mejju 2011, huwa poġġa dawn l-għata, mingħajr ritratti, fuq is-sit tal-bejgħ onlajn “amazon.de” (ritratt tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de”, anness D 2 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità); finalment, fit-30 ta’ Mejju 2011, huwa biegħ l-ewwel għata (fattura, anness D 3 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

fil-15 ta’ Ġunju 2011, l-offerta għall-bejgħ fuq is-sit “amazon.de” ġiet akkumpanjata minn stampa tal-għata inkwistjoni (ritratt tal‑iskrin tas-sit internet “amazon.de”, anness D 4a tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

fis-27 ta’ Ġunju 2011, l-istampa ta’ dan l-għata inkwistjoni reġgħet ġiet ippubblikata mill-ġdid fuq Amazon (ritratt tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de”, anness D 4b tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità); sabiex tkun tista’ tiġi ppubblikata din l-istampa, ittieħed ritratt fis-26 ta’ Mejju 2011 (ritratt diġitali, anness D 5 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità).

7

Ir-rikorrenti jindika li d-dokumenti annessi mat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu msemmija fil-punt 6 hawn fuq kienu juru l-iżvelar tad-disinn ikkontestat qabel id-data ta’ prijorità tat-30 ta’ Ġunju 2011 u li d-dokumenti segwenti kienu jikkonfermaw dan:

dikjarazzjoni ġuramentata li permezz tagħha fornitur jiddikjara li fil-31 ta’ Mejju 2011, ir‑rikorrenti kien “xtralu” għata bħal dik riprodotta fl-imsemmija dikjarazzjoni (anness D 6 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

tliet ittri ta’ informazzjoni li ppreżentawlu sit tal-bejgħ onlajn bejn il-15 u d-29 ta’ Ġunju 2011 u li kien fihom stampa tal-għata inkwistjoni (anness D 7 sa D 9 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

prospectus li bagħtlu fornitur fid-9 ta’ Ġunju 2011 u li kien juri l‑għata inkwistjoni (anness D 10 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

l-istampa, fuq is-sit “amazon.de”, ta’ għata offruta għall-bejgħ mill‑31 ta’ Diċembru 2010 (anness D 11 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

konferma ta’ bejgħ onlajn ta’ għata (anness D 12 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità);

ritratti tal-iskrin tas-sit internet eBay.com bl-Ungeriż (anness D 13 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità).

8

Fit-22 ta’ Jannar 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat l‑invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba l-assenza ta’ natura individwali tiegħu, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 u l-Artikolu 25(1)(b) tal-istess regolament. Fir-rigward tal-iżvelar, id‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkunsidrat li l-annessi D 1 sa D 11 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu jikkostitwixxu provi validi tiegħu, fid-dawl tal-fatt li kienu datati qabel id-data ta’ prijorità tat-30 ta’ Ġunju 2011 u li S. Mahdavi Sabet ma kienx ipprova li l-iżvelar kien sar skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl‑Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

9

Fit-8 ta’ Marzu 2013, S. Mahdavi Sabet ippreżenta rikors quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

10

Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan ir-rikors, ippreżentati fit‑30 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti, minbarra l-provi prodotti matul il-proċediment amministrattiv quddiem id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni (annessi D 1 sa D 13 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità), ipproduċa t-tliet provi ġodda segwenti:

verżjoni Franċiża tal-anness D 6 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (anness D 6b tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent);

dikjarazzjoni ġuramentata tar-rikorrent li jiddikjara li r-ritratti tal‑iskrin tas-sit internet ma ġewx emendati la f’dak li jirrigwarda d-data u lanqas f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-istampa (anness D 14 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent);

dikjarazzjoni ġuramentata ta’ terz li jiddikjara li l-ittri ta’ informazzjoni li jidhru fl-annessi D 7 u D 8 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġew mibgħuta lir-rikorrent (anness D 15 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent).

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), it-tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it‑talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Huwa kkunsidra, essenzjalment, li l-provi ma kinux biżżejjed sabiex jipprovaw l‑iżvelar tad-disinn ikkontestat qabel it-30 ta’ Ġunju 2011.

II. It-talbiet tal-partijiet

12

Ir-rikorrent jitlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l‑kawża quddiem il-Bord tal-Appell sabiex dan jagħti deċiżjoni ġdida fir-rigward tal-invalidità tad-disinn ikkontestat;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti quddiem il-Bord tal‑Appell u quddiem il-Qorti Ġenerali.

13

L-EUIPO jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

14

L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà tal-provi prodotti mir‑rikorrent għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Għandu jiġi sostnut li r-rikorrent, fir-rikors tiegħu, jagħti mill‑ġdid spjegazzjoni ddettaljata tal-fatti u jipproduċi diversi provi ġodda (annessi A 2 sa A 27 tar-rikors) li ma kinux issemmew fil‑proċediment quddiem l-EUIPO. Filwaqt li rrefera għall‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali, l-EUIPO jikkunsidra li din l-espożizzjoni tal-fatti ġdida u l-provi korrispondenti ma għandhomx jiġu kkunsidrati, peress li jibdlu s‑suġġett tal-kawża.

15

Ir-rikorrent jsostni li l-Qorti Ġenerali hija obbligata tikkunsidra l‑provi kkontestati, inkwantu dawn ma jibdlux is-suġġett tal-kawża, iżda jispjegaw u sempliċement japprofondixxu l-espożizzjoni tal‑fatti preċedenti tiegħu.

16

Hemm lok li jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrent li l-provi li jinsabu fl-annessi A 2 sa A 27 tar-rikors ġew prodotti l‑ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. B’hekk, dawn id-dokumenti jikkostitwixxu provi ġodda, li l-Bord tal-Appell ma kellux meta ta d-deċiżjoni kkontestata.

17

L-annessi kkonċernati, prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, u d-deskrizzjoni tagħhom fl-espożizzjoni tal-fatti l-ġdida li tinsab fir-rikors għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, ir‑rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal‑EUIPO fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI – THC (radjaturi ta’ tisħin), T-83/11 u T-84/11, EU:T:2012:592, punt 28). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-annessi A 2 sa A 27 tar-rikors u l-espożizzjoni l-ġdida tal-fatti li tiddeskrivi dawn l-annessi kif jidhru fir-rikors għandhom jiġu skartati bħala inammissibbli.

B. Fuq il-mertu

1.   Fuq it-talbiet għall-annullament u r-rinviju quddiem il-Bord tal-Appell

18

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi. L‑ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1)(b) tar‑Regolament Nru 6/2002 u tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali”. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l‑Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li S. Mahdavi Sabet ma setax jagħmel pretensjoni ta’ prijorità tad-disinn ikkontestat.

19

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 u tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li d-disinn ikkontestat ma kienx żvelat preċedentement b’tali mod li kien itellef in-novità tiegħu. B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ipproċeda b’evalwazzjoni żbaljata tal-provi prodotti mir-rikorrent billi nnega kull valur probatorju tagħhom. Fir-realtà, id-dokumenti prodotti jistabbilixxu b’mod dgħajjef li d-disinn ikkontestat kien diġà ġie żvelat qabel ir‑reġistrazzjoni tiegħu skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

20

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa essenzjalment jikkunsidra li r-rikorrent iqassar l-ispjegazzjonijiet twal tal-Bord tal-Appell u ma jirnexxielux jikkontestahom.

21

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn għandu jiġi meqjus li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r-reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew eżibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih intalbet il-protezzjoni ġie żvelat lill-pubbliku għall-ewwel darba, għajr meta dawn l-okkażjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu magħrufa b’mod raġonevoli fil-kors normali tan-negozju liċ-ċirkoli speċjalizzati fis-settur interessat, li jkunu qegħdin joperaw fl-Unjoni Ewropea.

22

Skont il-ġurisprudenza, disinn għalhekk jitqies li ġie żvelat ladarba l-parti li ssostni l-iżvelar tiegħu tkun ipprovat il-fatti li jikkostitwixxu dan l-iżvelar. Min-naħa l-oħra, sabiex tikkonfuta din il-preżunzjoni, il-parti li tikkontesta l-iżvelar għandha tipprova suffiċjentement skont il-liġi li ċ-ċirkustanzi tal-każ setgħu raġonevolment jimpedixxu li dawn il-fatti jsiru magħrufa fil-kors normali tal-kummerċ miċ-ċirkoli speċjalizzati tas-settur ikkonċernat [sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, Senz Technologies vs UASI – Impliva (Umbrelel), T‑22/13 u T‑23/13, EU:T:2015:310, punt 26].

23

L-iżvelar tad-disinn preċedenti ma jistax jintwera permezz ta’ probabilitajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jistrieħ fuq elementi konkreti u oġġettivi li jipprovaw żvelar effettiv tad-disinn preċedenti tat-trade mark (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Coverpla vs UASI – Heinz-Glas (Flixkun), T-450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-provi prodotti minn min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu evalwati b’paragun ma’ oħrajn. Fil-fatt, jekk uħud minn dawn il-provi jistgħu jkunu insuffiċjenti fihom infushom sabiex juru l-iżvelar ta’ disinn preċedenti, xorta jibqa’ l-fatt li, sa fejn huma assoċjati jew moqrija flimkien ma’ dokumenti jew informazzjoni oħra, jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiffurmaw il-prova tal-iżvelar (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2012, Flacon, T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punt 25).

25

Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, għandha tiġi vverifikata l-probabbiltà u l-veraċità tal‑informazzjoni li tinsab fih. Għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, taċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu u tad-destinatarju tiegħu kif ukoll jekk, skont il-kontenut tiegħu, jidhirx sensibbli u affidabbli (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2012, Flacon, T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Hemm lok li jitfakkar li mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, applikabbli għad-disinni Komunitarji, jirriżulta, minn naħa, li min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità jista’ jagħżel il-prova li huwa jikkunsidra utli li għandha tiġi prodotta quddiem l-EUIPO sabiex isostni t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu u, min-naħa l-oħra, li l‑EUIPO huwa obbligat janalizza l-provi kollha sabiex jikkonkludi jekk humiex effettivament prova tal-iżvelar tad-disinn preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2012, Flacon, T‑450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punti 21 sa 23; u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Thun 1794 vs EUIPO – Adekor (Simboli grafiċi dekorattivi), T‑420/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:410, punt 26).

27

Quddiem il-Qorti Ġenerali, sabiex jipprova li d-disinn ikkontestat kien diġà ġie żvelat lill-pubbliku qabel ir-reġistrazzjoni tiegħu mill‑EUIPO bid-data ta’ prijorità tat-30 ta’ Ġunju 2011, ir‑rikorrent rrefera, fost il-provi prodotti quddiem il-Bord tal‑Appell, għall‑annessi D 2, D 3, D 4a, D 4b, D 5, D 6, D 7 sa D 9 u D 11 tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiegħu u għall‑annessi D 6b u D 14 tal-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il‑Bord tal-Appell.

28

Dawn il-provi huma ritratti tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de” (annessi D 2, D 4a, D 4b u D 11), fattura (anness D 3), dokument elettroniku stampat b’ritratt ta’ għata (anness D 5), tliet ittri elettroniċi li kien fihom ittri ta’ informazzjoni (annessi D 7 sa D 9), żewġ dikjarazzjonijiet ta’ terza persuna (annessi D 6 u D 6b), u dikjarazzjoni tar-rikorrent innifsu (anness D 14).

29

Huwa fir-rigward ta’ dawn il-provi u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 22 sa 26 hawn fuq li għandu jiġi evalwat jekk il‑Bord tal-Appell kienx korrett li jikkunsidra li d-disinn ikkontestat ma kienx żvelat qabel it-30 ta’ Ġunju 2011, li jista’ jwassal għal assenza tan-novità tiegħu.

30

Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma aċċettax il-forza probatorja tal-provi kollha prodotti mir-rikorrenti.

31

Skont il-Bord tal-Appell, ir-ritratti tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de” (annessi D 2, D 4a, D 4b u D 11) ma kellhomx valur probatorju peress li, prinċiparjament, ma kinux affidabbli u kellhom jiġu kkunsidrati b’xettiċiżmu, peress li fuq kull ritratt tal-iskrin, li kellu rispettivament id-dati tas-26 ta’ Mejju, tal-15 u tas‑27 ta’ Ġunju 2011, kien hemm intestatura b’ħafna informazzjoni addizzjonali, li ritratti tal-iskrin ta’ sit internet mhux normali li jkollhom. Issa r-rikorrent ma spjegax x’metodu uża biex stampa l-kontenut ta’ paġna internet ta’ sena qabel (annessi D 2, D 4a u D 4b). Lanqas ma rrisponda għall-argument ta’ S. Mahdavi Sabet li, meta fittex fuq l-internet il-mudell tal-għata bid-deskrizzjoni użata fl-offerta għall-bejgħ li tinsab l-anness D 4b, tela’ għata kompletament differenti. Barra minn hekk, fir-rigward tar-ritratt tal-iskrin tas-sit internet li jinsab fl-anness D 11, il-Bord tal-Appell enfasizza li d-data tat-tqegħid għall-bejgħ ta’ għata fuq l-internet ma hijiex id-data tal-bejgħ effettiv tal-prodott inkwistjoni (anness D 11). Ir-ritratti tal-iskrin tas-sit internet inkwistjoni lanqas ma jistgħu jikkostitwixxu prova tal-iżvelar inkwantu ma kien fihom l-ebda stampa (anness D 2) jew sempliċement stampa sfukata (annessi D 4a u D 11).

32

Il-fattura tat-30 ta’ Mejju 2011 mibgħuta mill-impriża tar‑rikorrent, HandyNow, lill-klijent tiegħu (anness D 3), li suppost tipprova l-bejgħ ta’ wieħed mill-għata li jidher b’mod partikolari fl‑anness D 2, lanqas ma ġiet ikkunsidrata mill-Bord tal-Appell bħala li għandha valur probatorju, minħabba li d-deskrizzjoni ta’ prodott permezz ta’ kliem ma kinitx biżżejjed sabiex tipprova l‑iżvelar.

33

Il-Bord tal-Appell warrab ukoll id-dokument elettroniku stampat b’ritratt ta’ għata bid-data tas-26 ta’ Mejju 2011 (anness D 5), allegatament użat fl-anness D 4a, bħala prova tal-iżvelar, peress li r-rikorrent ma spjegax kif dan id-dokument kien sar, lanqas kif dan kien relatat mal-anness D 4a jew kif seta’ jipprova l-iżvelar tal‑għata inkwistjoni.

34

L-ittri elettroniċi tal-15, 22 u 29 ta’ Ġunju 2011, li kien fihom ittri ta’ informazzjoni li r-rikorrenti kien irċieva mingħand il‑kumpannija ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com (annessi D 7 sa D 9), ma ġewx aċċettati mill-Bord tal-Appell minħabba li, fl-ewwel lok, l-istampi ma kinux ċari, u b’hekk ma kinux jippermettu rabta mad‑disinn ikkontestat, it-tieni nett, it-tliet ittri elettroniċi ma kinux affidabbli, minħabba informazzjoni mhux normali li kienet tinsab fl-intestatura tagħhom, u t-tielet nett, li dawn l-ittri elettroniċi kienu prova, l-iktar l-iktar, tal-eżistenza ta’ korrispondenza privata bejn żewġ persuni.

35

Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ż-żewġ dikjarazzjonijiet ta’ terzi li jikkonfermaw ix-xiri, mir-rikorrent, tal-għata intiż għal telefon ċellulari Samsung i9100 (anness D 6 u anness D 6b) lanqas ma setgħu jikkorroboraw id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent. Il-Bord tal‑Appell indika li l-istampa riprodotta fuq iż-żewġ annessi inkwistjoni ma kinitx ċara, li d-dikjarazzjoni fiha nnifisha ma kinitx biżżejjed sabiex tipprova l-iżvelar tad-disinn ikkontestat u li, l-iktar l-iktar, kienet tipprova l-eżistenza ta’ tranżazzjoni kummerċjali bejn żewġ persuni. F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l‑anness D 6b, il-Bord tal-Appell ikkonstata li dan ma kienx il‑verżjoni Franċiża tal-anness D 6, kif sostna r-rikorrent, iżda dokument ġdid u ffirmat. Barra minn hekk, dan id-dokument ma kellux data u ma kienx isemmi l-isem tax-xerrej.

36

Id-dikjarazzjoni tar-rikorrent li tiċċertifika li r-ritratti tal-iskrin tas‑sit internet, li l-affidabbiltà tagħhom ġiet ikkontestata minn S. Mahdavi Sabet, “ma ġewx emendati la fir-rigward tad-data u lanqas f’dak li jirrigwarda dak li jidher fl-istampa” (anness D 14), ġiet ikkunsidrata bħala prova insuffiċjenti mill-Bord tal-Appell, minħabba l-informazzjoni teknika fl-intestatura tar-ritratti tal-iskrin kif ukoll minħabba l-eżistenza ta’ mudelli ta’ għata differenti li kellhom l-istess referenza.

37

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra opportun, fid-dawl tan‑natura tal-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex juri l-iżvelar tad‑disinn ikkontestat qabel it-30 ta’ Ġunju 2011, li teżamina l‑evalwazzjoni tal-valur probatorju magħmul mill-Bord tal-Appell, minn naħa waħda, tar-ritratti tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de” (annessi D 2, D 4a, D 4b u D 11) u, min-naħa l-oħra, tal-ittri elettroniċi tal-15, 22 u 29 ta’ Ġunju 2011, li fihom ittri ta’ informazzjoni tal-portal tal-bejgħ onlajn Alibaba.com (annessi D 7 sa D 9).

a)   Fuq l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tar-ritratti tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de” magħmula mill-Bord tal-Appell

38

Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l‑evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell tal-valur probatorju tar-ritratti tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de” li jinsabu fl‑annessi D 2, D 4a, D 4b u D 11 jirrigwardaw, essenzjalment, tliet ilmenti inkwantu, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ma aċċettax il‑valur probatorju ta’ dawn l-annessi minħabba l-intestatura apparentement mhux normali u injora l-ispjegazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ dan it-titolu, imbagħad, li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax offerti ta’ bejgħ proposti fuq is-sit “amazon.de” li kellhom dati preċiżi u, finalment, il-Bord tal-Appell b’mod skorrett ma aċċettax ir-ritratt tal-iskrin li kien juri offerta proposta fuq is-sit internet “amazon.de”, prodotta fl-anness D 11.

1) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma aċċettax il-valur probatorju tal-annessi D 2, D 4a u D 4b minħabba l-intestatura apparentement mhux normali u injora l-ispjegazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ din l-intestatura

39

Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ma aċċettax l-offerti ta’ bejgħ proposti fuq is-sit “amazon.de” li jidhru fl‑annessi D 2, D 4a u D 4b minħabba suspetti dwar l-affidabbiltà tal-kontenut ta’ dawn l-offerti, b’mod iktar partikolari minħabba l‑preżenza, fuq l-annessi kkonċernati, ta’ intestatura apparentement mhux normali, b’ħafna informazzjoni addizzjonali, u minħabba n‑nuqqas ta’ spjegazzjoni mir-rikorrent dwar kif huwa seta’ stampa l-kontenut ta’ paġna internet ta’ sena qabel.

40

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni l-argument tiegħu, diġà mqajjem quddiem l-EUIPO, li “l-informazzjoni kollha li tinsab fl‑intestatura titpoġġa meta jiġu arkivjati”. Huwa jikkunsidra li l‑użu tas-sistema ta’ arkivjar minn negozjanti, bħalu, li jipproponu prodotti f’daqqa fuq l-internet, hija magħrufa pubblikament u kellha tiġi kkunsidrata mill-Bord tal-Appell minn jeddu.

41

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa jsostni li l‑Bord tal-Appell ma aċċettax li jagħti valur probatorju suffiċjenti lid-dokumenti meħuda mis-sit internet “amazon.de” li jinsabu fl‑annessi D 2, D 4a u D 4b, mhux biss minħabba l-intestatura ta’ dawn id-dokumenti, iżda wkoll minħabba raġunijiet oħra, bħall‑kwalità ħażina tar-riproduzzjoni viżwali tal-għata inkwistjoni u l-possibbiltà tal-manipulazzjoni fi kwalunkwe ħin tal-kontenut tal-internet.

42

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ma aċċettax l-annessi D 2, D 4a u D 4b minħabba l-preżenza ta’ intestatura apparentement mhux normali u n-nuqqas ta’ spjegazzjoni tar‑rikorrent fir-rigward ta’ din l-intestatura, billi kkunsidra li r‑ritratti tal-iskrin tas-sit internet setgħu jiġu mibdula fi kwalunkwe ħin jew ma setgħux jiġu vverifikati faċilment, b’tali mod li s‑sempliċi stampar ta’ paġna internet mhux bilfors hija prova tal‑kontenut tagħha.

43

Anki jekk jista’ jkun raġonevoli li jiġi kkunsidrat, kif għamel il‑Bord tal-Appell, li l-kontenut ta’ sit internet jista’ jiġi mibdul fi kwalunkwe ħin u li dan il-kontenut ma jistax jiġi faċilment ivverifikat a posteriori, tali kunsiderazzjonijiet ma għandhomx jiġu applikati għal offerti għall-bejgħ li jinsabu fl-annessi D 4a u D 4b.

44

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li filwaqt li jikkontesta r-risposta tal-Bord tal-Appell dwar is-suspetti mqajma minn S. Mahdavi Sabet dwar l-affidabbiltà tal-anness D 4b, ir‑rikorrent jirreferi għal “numru ta’ referenza speċifiku li jikkorrispondi ma’ offerta waħda” u, min-naħa l-oħra, li dan l‑anness kien effettivament fih tali numru, jiġifieri n-numru ASIN B0058COLXM, u dan, immedjatament qabel ma tissemma d-data tad-disponibbiltà tal-offerta fuq is-sit ta’ bejgħ onlajn “amazon.de”.

45

Kif ġie indikat mir-rikorrent fir-risposta tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, in-numru ASIN huwa referenza unika mogħtija lil kull artikolu li jinsab fil-katalogu li jippermetti li jiġi identifikat dan l-artikolu fuq il-pjattaforma ta’ bejgħ onlajn Amazon. Skont il-paġna internet “Aide d’Amazon”, in-numru ASIN mogħti lil prodott jinħoloq meta l-prodott huwa propost għall‑ewwel darba fil-katalogu ta’ Amazon u ma huwiex possibbli li jinħoloq numru ASIN ġdid għal prodott li diġà ġie propost fuq Amazon. Għal dan il-għan, skont l-istess paġna internet, jekk bejjiegħ jibgħat informazzjoni li tirrigwarda prodott lil Amazon, jiġi awtomatikament ivverifikat jekk hux diġà teżisti paġna internet ta’ prodotti jew paġna internet ta’ offerti għall-bejgħ b’numru ASIN għall-prodott li l-bejjiegħ irid jipproponi għall-bejgħ.

46

Peress li dawn l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti bħala risposta għall‑miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma ġewx ikkontestati mill-EUIPO, il-Qorti Ġenerali ma tara l-ebda raġuni għaliex ma għandhiex tapplikahom ukoll għall-anness D 4a, li fih il-prodott inkwistjoni huwa, bl-istess mod, indikat bin-numru ASIN tiegħu. Għalhekk, peress li n-numru uniku ASIN ġie speċifikatament maħluq sabiex jindika kull prodott tal-katalogu ta’ Amazon, il-Bord tal-Appell ma setax validament isostni li l-informazzjoni li tinsab fl-annessi D 4a u D 4b dwar l-għata inkwistjoni, inkluż id‑deskrizzjoni tagħhom, ir-ritratti tagħhom u l-mument li tqiegħdu għall-bejgħ, setgħu jiġu mibdula fi kwalunkwe ħin jew ma kinux faċilment verifikabbli.

47

Din il-konklużjoni ma għandhiex tiġi kkontestata bl-argumenti tal‑EUIPO.

48

L-ewwel nett, l-EUIPO jsostni li, billi semma n-numri ta’ referenza speċifiċi li jingħata lil offerta waħda ta’ bejgħ, ir-rikorrent ma spjegax li dawn in-numri kienu numri ASIN. Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

49

Fil-fatt, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti numru ta’ referenza speċifiku ieħor għall-offerti tal-bejgħ li huma ppreżentati fuq is-sit internet “amazon.de”. Barra minn hekk, l‑EUIPO stess lanqas jinvoka la l-ineżistenza ta’ numri ASIN sabiex jindikaw il-prodotti mibjugħa fuq is-sit ta’ bejgħ onlajn Amazon u lanqas numru ieħor li għandu jiġi kkunsidrat bħala numru ta’ referenza speċifika mogħti lil prodotti mibjugħa fuq dan is-sit.

50

It-tieni nett, skont l-EUIPO, is-sinjifikat tan-numri ASIN ma jistax jiġi kkunsidrat bħala magħruf, b’tali mod li r-rikorrent kellu jagħti spjegazzjonijiet addizzjonali fuq dawn in-numri. Dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat.

51

Għandu jiġi enfażizzat li, fl-osservazzjonijiet tiegħu tat‑30 ta’ Ottubru 2013 għar-rikors ippreżentat minn S. Mahdavi Sabet quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrent semma żewġ annessi li għandhom numri ASIN, jiġifieri B0052TD 5OM u B005RFUT 72, u dan “sabiex juri l-eżattezza tal-informazzjoni”.

52

B’tali spjegazzjoni, ir-rikorrent ċertament ma spjegax la l-mod kif jiġu komposti n-numri ASIN u lanqas il-mod kif jingħataw mis-sit ta’ bejgħ onlajn Amazon, iżda enfasizza l-importanza li setgħet tingħata lill-annessi li kellhom dawn in-numri ASIN, li jippemettu b’hekk li juru l-kredibbiltà.

53

It-tielet nett, l-EUIPO jiddikjara li huwa ma jarax kif in-numri ASIN jistgħu jikkontestaw mill-ġdid l-argument tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ valur probatorju, b’mod partikolari, tal-annessi D 4a u D 4b.

54

Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 46 hawn fuq, il-preżenza, fl‑annessi D 4a u D 4b, ta’ numru uniku mogħti lil offerta waħda turi neċessarjament l-affidabbiltà tal-imsemmija annessi sabiex juru l-iżvelar tad-disinn ikkontestat qabel it-30 ta’ Ġunju 2011.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ikkommetta żball ta’ evalwazzjoni billi ma aċċettax l-annessi D 4a u D 4b minħabba suspetti dwar l‑affidabbiltà tagħhom, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-ilmenti tar-rikorrent, ibbażati fuq il-fatt li l-Bord tal‑Appell injora l-ispjegazzjoni tiegħu dwar l-intestatura apparentement mhux normali tal-istess annessi. Fir-rigward tal‑anness D 2, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, peress li dan ma kienx fih numru ASIN u li r-rikorrent ma ressaq l-ebda prova li jista’ juri l-affidabbiltà tiegħu, kien korrett li l-Bord tal-Appell ma aċċettax il-valur probatorju ta’ dan l-anness.

2) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-offerti ppreżentanti fuq is-sit “amazon.de” li kien fihom dati preċiżi

56

Ir-rikorrent isostni li, billi qajjem dubji dwar l-awtentiċità tad‑dokumenti fl-annessi D 2, D 4a u D 4b, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li l-offerti għall-bejgħ proposti fuq is-sit internet “amazon.de” u fl-annessi D 4a u D 4b kellhom il-kliem “Għall‑bejgħ fuq ‘amazon.de’ mill-:”, bid-data għall-offerti kkonċernati, tas-26 ta’ Mejju 2011 (anness D 4a) u dik tas‑27 ta’ Ġunju 2011 (anness D 4b).

57

Ir-rikorrent isostni wkoll li l-argument ta’ S. Mahdavi Sabet li, meta fittex fuq l-internet il-mudell tal-għata bit-termini deskrittivi użati fl-offerta li tinsab fl-anness D 4b, deher għata kompletament differenti, huwa żbaljat. Fil-fatt, dawn it-termini ta’ tfittxija kienu deskrizzjoni ta’ artikolu b’mod ġenerali u mhux numru ta’ referenza speċifiku li jikkorrispondi għal offerta waħda.

58

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa jsostni li l‑Bord tal-Appell ma injorax id-dati msemmija fid-dokumenti li jinsabu fl-annessi D 2, D 4a u D 4b. Skont l-EUIPO, dawn id-dati ma jipprovawx l-iżvelar tad-disinn ikkontestat, peress li d-dehra ta’ għata tista’ tinbidel f’kull mument u xorta tibqa’ fuq il-pjattaforma ta’ bejgħ Amazon bħala offerta għall-bejgħ permanenti.

i) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tas‑26 ta’ Mejju 2011 li tinsab fl-anness D 4a

59

Fir-rigward tad-data tas-26 ta’ Mejju 2011 li tinsab fl-anness D 4a, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell effettivament ma kkunsidrax, kif jindika l-kliem “Għall-bejgħ fuq ‘amazon.de’ mis‑: 26 ta’ Mejju 2011” li jinsabu fit-tielet paġna tal-anness D 4a. La din l-istampa li tinsab f’dan id-dokument, u lanqas xi informazzjoni oħra li tinsab f’dan l-anness ma ġiet eżaminata mill-Bord tal-Appell, sempliċement għaliex kien hemm suspetti dwar l-affidabbiltà tal‑kontenut tad-dokument inkwistjoni u, b’mod ġenerali, dwar il‑possibbiltà li l-kontenut ta’ paġna tal-internet tiġi emendata qabel ma tiġi stampata mill-internet.

60

Issa, il-Qorti Ġenerali diġà kkonkludiet, fil-punt 55 hawn fuq, li l‑Bord tal-Appell ikkommetta żball meta ma aċċettax l-annessi D 4a u D 4b minħabba suspetti dwar l-affidabbiltà tagħhom.

61

Barra minn hekk, peress li hemm lok li l-anness D 4a jiġi evalwat fil-kuntest ta’ provi oħra prodotti mir-rikorrent, għandu jiġi kkonstatat li l-annessi D 3 u D 5 jikkorroboraw l-iżvelar tad-disinn ikkontestat mis-26 ta’ Mejju 2011.

62

Fil-fatt, il-fattura mibgħuta mir-rikorrent lil klijent (anness D 3) fiha deskrizzjoni tal-għata ikkonċernat bħal dik li tinsab fuq is-sit internet “amazon.de” (mumbi Silikon Case HTC Desire HD Silicon Tasche Hülle – DesireHD Schutzhülle). Bl-istess mod, hija turi l‑istess prezz (EUR 6.99) bħall-prodott bin-numru ASIN B0052TD 5OM u li kien disponibbli fuq dan is-sit mis‑26 ta’ Mejju 2011. Barra minn hekk, l-ordni ta’ xiri ta’ din l-għata kienet iddatata 27 ta’ Mejju 2011, jiġifieri l-għada tas‑26 ta’ Mejju 2011. Fid-dawl ta’ dawn il-punti, għandu jiġi kkonstatat li din il-fattura fiha informazzjoni preċiża biżżejjed, li tikkorrobora b’dan il-mod dik li tinsab fil-provi l-oħra prodotti mir‑rikorrent, b’mod partikolari fl‑anness D 4a.

63

Madankollu, il-Bord tal-Appell ċaħad kull valur probatorju ta’ dan l-anness sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ stampi. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi indikat li normalment fattura prinċiparjament ma jkollhiex stampi. Hija ssemmi l-isem tal‑prodott, li huwa wieħed mill-elementi l-iktar sinjifikattivi tal‑fatturi b’mod ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Avery Dennison vs UASI – Dennison-Hesperia (AVERY DENNISON), T‑200/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:467, punt 43). Barra minn hekk, bħala regola, fattura tinkludi riferiment għall-informazzjoni rilevanti tal-impriża li toħroġ il-fattura, kif jidher ukoll mill-fattura li tinsab fl-anness D 3, li, fost oħrajn, issemmi n-numru fiskali ta’ identifikazzjoni uniku tal-impriża tar-rikorrent, HandyNow.

64

Għalhekk, sabiex tkun tista’ tikkontesta mill-ġdid il-valur probatorju ta’ dokument finanzjarju li jistabilixxi l-eżistenza ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn impriża u l-klijent tagħha u sabiex iwarrabha bħala prova mhux valida, il-Bord tal-Appell għandu jkollu dubji serji u għandu jimmotivahom, li ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

65

F’dak li jirrigwarda d-dokument elettroniku stampat b’ritratt ta’ għata, li jinsab fl-anness D 5, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-ritratt tal-għata inkwistjoni jirrivela l-forma, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn tidher bħad-disinn ikkontestat u li d-dokument elettroniku stampat jirriferi għall-awtur ta’ dan ir-ritratt, jiġifieri l-impriża tar‑rikorrent, HandyNow, għad-data tas-26 ta’ Mejju 2011, kif ukoll għat-trade mark tar-rikorrent, mumbi, li tinsab ukoll fid‑deskrizzjoni tal-għata proposti fuq is-sit internet “amazon.de” u msemmija fl-annessi D 2, D 4a u D 4b. B’hekk, huwa evidenti li l‑anness D 5 huwa marbut mal-anness D 4a.

66

Il-provi li jinsabu fl-annessi D 3 u D 5, meħuda flimkien mad-data tad-disponibbiltà tal-offerta għall-bejgħ li tinsab fl-anness D 4a, jiġifieri “mis-26 ta’ Mejju 2011”, jistgħu jikkorroboraw id‑dikjarazzjoni li d-disinn ikkontestat ġie żvelat mis‑26 ta’ Mejju 2011. Għalhekk huwa żbaljat li l-Bord tal-Appell ċaħad il-valur probatorju kollu tal-provi li jinsabu fl-annessi D 3 u D 5.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ikkommetta żball ta’ evalwazzjoni billi naqas milli jikkunsidra d-data tad-disponibbiltà tal-offerta għall-bejgħ, jiġifieri s-26 ta’ Mejju 2011, li tinsab fl-anness D 4a.

ii) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tas‑27 ta’ Ġunju 2011 li tinsab fl-anness D 4b

68

Fir-rigward tad-data tas-27 ta’ Ġunju 2011 li tinsab fl-anness D 4b, għandu jiġi osservat, għall-kuntrarju, li l-Bord tal-Appell ma injorax il-fatt li ssemmiet il-preżenza tal-mudell tal-għata, allegatament identika għad-disinn ikkontestat, “mis-27 ta’ Ġunju 2011” fuq is-sit internet “amazon.de”. Għall-kuntrarju, hija eżaminat dan, flimkien mal-anness D4b, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, billi kkonkludiet dwar in-nuqqas ta’ valur probatorju ta’ dan l-anness. Minbarra r-raġuni li ritratti tal-iskrin inkwistjoni kien fihom intestatura mhux normali, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, anki jekk l-offerti għall-bejgħ ikkonċernati kienu jidhru mal-ewwel daqqa ta’ għajn bħala prova rilevanti tal-iżvelar tad-disinn ikkontestat, kellhom jiġu kkunsidrati b’xettiċiżmu fid-dawl tat-tfittxija onlajn li saret minn S. Mahdavi Sabet, sabiex isib, permezz ta’ termini deskrittivi użati fl-offerti proposti fuq is-sit internet “amazon.de”, il-mudell tal-għata tar-rikorrenti. Fil-fatt, ir-riżultati ta’ din it-tfittxija wrew għata kompletament differenti minn dik tar-rikorrenti li tinsab fuq l-offerti proposti fuq is-sit internet “amazon.de”.

69

Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, fid-dawl ta’ dak li ġie konkluż fil‑punt 55 hawn fuq, fuq l-affidabbiltà tal-annessi D 4a u D 4b, huwa żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkonkluda dwar in-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-anness D 4b, li barra minn hekk kellu, kif ġie kkonstatat mill-Bord tal-Appell fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, karatteristiċi bħal dawk tad-disinn ikkontestat.

70

Fir-rigward tat-tfittxija li saret minn S. Mahdavi Sabet fuq l‑internet, mill-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kliem ewlenin użati għal din it-tfittxija kienu “mumbi Silikon TPU Tasche Samsung Galaxy i9100 S II Silicon Case Hülle-Galaxy S 2 S 2 SII Schutzhulle”, jiġifieri t-trade mark tar-rikorrent, mumbi, l‑indikazzjoni tal-materjal kif ukoll l-isem, probabbilment, tal‑mudell tat-telefon ċellulari li għalih għata kienet intiża u mhux numru ta’ referenza speċifiku. B’hekk, għandu jiġi kkonstatat, kif għamel ir-rikorrent, li t-tfittxija inkwistjoni ma kinitx tirrigwarda l‑isem eżatt ta’ mudell ta’ għata ta’ telefon ċellulari partikolari, iżda iktar id-deskrizzjoni tiegħu.

71

Għaldaqstant, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 45 sa 55 hawn fuq fir-rigward tan-numru ta’ referenza speċifiku ASIN mogħti għal kull artikolu li jinsab fil-katalogu tas-sit internet Amazon, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma setax validament jaċċetta d-dubji li S. Mahdavi Sabet kien qajjem permezz tat-tfittxija fuq l-internet tiegħu.

72

Għalhekk, peress li l-uniċi riżultati ta’ din it-tfittxija ma setgħux jikkontestaw mill-ġdid il-valur probatorju tal-fatt li fuq is-sit internet “amazon.de” issemmiet id-data tad-disponibbiltà tal‑prodott, “mis-27 ta’ Ġunju 2011” (anness D 4b), hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni żbaljata tal‑valur probatorju tal-anness D 4b.

3) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat skarta ritratt tal-iskrin li juri offerta proposta fuq is-sit internet “amazon.de”, prodott fl-anness D 11

73

Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell skarta b’mod żbaljat ir‑ritratt tal-iskrin prodott fl-anness D 11 u li kien juri offerta għal bejgħ ippreżentata fuq is-sit internet “amazon.de” mill‑31 ta’ Diċembru 2010.

74

F’dak li jirrigwarda l-fatt li d-data li tinsab fuq is-siti internet għat‑tqegħid għall-bejgħ ta’ għata ma kinitx tikkorrispondi mad‑data tal-bejgħ effettiv tal-prodott li għalih din l-għata kienet intiża, ir-rikorrenti indika li l-għata inkwistjoni taqbel ma’ żewġ telefons ċellulari, jiġifieri l-iPhone 4S u l-iPhone 4, b’dan tal-aħħar kien diġà disponibbli mill-24 ta’ Ġunju 2010. Skont ir-rikorrent, it‑tqegħid fis-suq tat-telefon ċellulari iktar reċenti, l-iPhone 4S, kellu bħala effett li jibdel l-intestatura tal-prodott deskritt fuq Amazon bin-numru ASIN B005RFUT 72.

75

Fir-rigward tal-kwalità tal-istampi li jidhru fir-ritratti tal-iskrin imsemmija hawn fuq, ir-rikorrent jindika li l-anness D 11 fih ir‑ritratt tajjeb ta’ telefon ċellulari bil-karatteristiċi kollha tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-kwalità tajba tar-ritratt li jinsab f’dan l-anness tidher ukoll fil-fajl li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

76

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Huwa jsostni li l‑ispjegazzjonijiet tar-rikorrent dwar id-dubji espressi minn S. Mahdavi Sabet dwar l-anness D 11 huma irrilevanti, peress li ngħataw l-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, l-offerti ppreżentati fuq il-pjattaforma tal-bejgħ Amazon, inkluż ir-riproduzzjoni viżwali tal-prodotti, jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe ħin mill-attur tagħhom.

77

Qabel xejn, fir-rigward tad-dikjarazzjoni, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li S. Mahdavi Sabet kien ipprova li d-data li tinsab fuq ir-ritratt tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de”, għat-tqegħid għall‑bejgħ tal-għata prodott fl-anness D 11, ma kinitx tikkorrispondi mad-data tal-bejgħ effettiv ta’ wieħed mill-prodotti, f’dan il-każ l-iPhone 4S, li għalih kienet intiża l-għata, għandu jiġi rrilevat, kif għamel ir-rikorrent, li d-deskrizzjoni tal-għata li jinsab fl-anness D 11 ma ssemmiex biss l-iPhone 4S, imqiegħed fis-suq wara d-data tal-31 ta’ Diċembru 2010, imsemmija fl-istess anness, iżda wkoll l-iPhone 4, diġà mibjugħ qabel il-31 ta’ Diċembru 2010.

78

Imbagħad, għandu jitfakkar li, fl-anness D 11, kien hemm prodott imqiegħed għall-bejgħ fuq is-sit internet “amazon.de” u bin-numru ASIN B005RFUT 72. Fid-dawl tan-natura unika ta’ dan in-numru, kif ġie kkonstatat fil-punt 46 hawn fuq, il-Bord tal-Appell ma jistax validament jikkonkludi li l-anness D 11 ma kellux forza probatorja biżżejjed fir-rigward tal-iżvelar.

79

Barra minn hekk, billi aċċettat li l-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra li d-dokument li jinsab fl-anness D 11 seta’ jiġi emendat fi kwalunkwe ħin, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda motivazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li saret tali emenda.

80

Din il-konklużjoni ma għandhiex tiġi kkontestata mill-ġdid minħabba l-fatt, ippreżentat mill-Bord tal-Appell fil-punt 34 tad‑deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrent ma spjegax, matul il‑proċedura amministrattiva, dwar l-inkoerenza rationae temporis bejn id-data ta’ tqegħid għall-bejgħ ta’ għata u d-data tal‑kummerċjalizzazzjoni effettiva tal-prodott li għalih din l-għata kienet intiża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l‑informazzjoni li tinsab fl-anness D 11 fiha riferiment kemm għall‑iPhone 4 kif ukoll għall-iPhone 4S u li huwa magħruf li t‑tqegħid fuq is-suq tal-iPhone 4 ġie segwit b’dak tal-iPhone 4S.

81

Għandu jiġi rrilevat li l-argument tal-EUIPO li l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrent dwar id-dubji espressi minn S. Mahdavi Sabet dwar din l-inkoerenza ratione temporis, mogħtija għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, huma irrilevanti u mingħajr effett fuq il‑konstatazzjonijiet preċedenti.

82

Finalment, f’dak li jirrigwarda l-kwalità tal-istampa li tinsab fl‑anness D 11, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien korrett li r‑rikorrent isostni li din l-istampa tidher tajjeb fid-deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Barra minn hekk, l-għata riprodotta fuq din l-istampa għandha, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, karatteristiċi li huma simili għad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, din l-istampa ma għandhiex tiġi kkunsidrata sfukata.

83

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell għamel evalwazzjoni żbaljata tad-dokument li jinsab fl-anness D 11, billi ma tahx valur probatorju.

b)   Fuq l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-ittri elettroniċi li kien fihom ittri ta’ informazzjoni tal-portal ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com li saret mill-Bord tal-Appell

84

Ir-rikorrent isostni li l-Bord tal-Appell ma setax jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-ittri ta’ informazzjoni tal-portal ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com li r-rikorrent irċieva fil-15, 22 u 29 ta’ Ġunju 2011 u pproduċa fl-annessi D 7, D 8 u D 9. Huwa jikkunsidra li r-ritratti li kienu jinsabu f’dawn l-annessi huma ċari biżżejjed u juru l‑karatteristiċi kollha inerenti għall-kunċett tad-disinn ikkontestat. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni sabiex juri li dawn ir-ritratti huma ta’ kwalità tajba biżżejjed.

85

Fir-rigward tat-titolu tal-annessi D 7 sa D 9, ir-rikorrent jiddikjara li dan it-titolu jagħti informazzjoni addizzjonali li hija maħżuna mis-sistema ta’ arkivjar tiegħu.

86

Barra minn hekk, ir-rikorrent jikkunsidra b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell iddeskriva l-annessi D 7, D 8 u D 9 bħala korrispondenza privata bejn żewġ persuni u li huwa ddeduċa li ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-kontenut ta’ din il-korrispondenza seta’ kien magħruf, fil-prattika normali tan-negozju, mill-oqsma speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li jopera fl-Unjoni. Huwa jsostni li, bħala destinatarju tal-ittri ta’ informazzjoni tal-portal ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com, huwa jagħmel parti mill-oqsma speċjalizzati tas‑settur ikkonċernat li jopera fl-Unjoni u li, għalhekk, il-fatt li dawn l-ittri ta’ informazzjoni ntbagħtu lir-rikorrent fil-15, 22 u 29 ta’ Ġunju 2011 jistabbilixxi fih innifsu li l-mudell inkwistjoni kien magħruf fl-oqsma speċjalizzati tas-settur ikkonċernat li jopera fl-Unjoni.

87

L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent. Qabel xejn, huwa jsostni li l-kwalità tar-riproduzzjoni viżwali tal-għata li tinsab fl‑annessi D 7 sa D 9 ma hijiex biżżejjed u li d-dokumenti ġodda annessi mar-rikors, intiżi sabiex juru kwalità aħjar, li kienu prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali huma għalhekk irrilevanti. Sussegwentement, l-EUIPO jsostni li l-intestaturi tal-ittri elettroniċi inkwistjoni qajmu dubji dwar il-valur probatorju tagħhom. Finalment, l-EUIPO jikkunsidra li l-Bord tal-Appell ippreżuma li din kienet korrispondenza privata fid-dawl tal-fatt li r‑rikorrent illimita lilu nnifsu sabiex jiddikjara li l-ittri kollha ta’ informazzjoni kienu ġejjin mill-istess fornitur.

88

Fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 40 tad‑deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li l-istampi li jidhru fl-annessi D 7 sa D 9 kienu sfukati żżejjed u għalhekk ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita rabta mad-disinn ikkontestat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-istampa li tidher fl-anness D 7, il-karatteristiċi tal-għata riprodotta fuq din l-istampa huma, kif jindika r-rikorrent, ċari biżżejjed fid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni u li jixbhu biżżejjed lil dawk tad-disinn ikkontestat. L-istampa riprodotta fl-anness D 7 għalhekk ma għandhiex titwarrab minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tagħha.

89

F’dak li jirrigwarda l-intestatura allegatament mhux normali tal‑posta elettronika prodotta fl-anness D 7, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell isostni, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, ir‑rimarki ġenerali ferm li għamel fir-rigward tal-affidabbiltà tal‑provi meħuda mill-internet, mingħajr ma ssostanzja s-suspetti tiegħu li l-posta elettronika inkwistjoni kif ukoll iż-żewġ ittri elettroniċi l-oħra kkonċernati, setgħu jiġu emendati f’kull ħin. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha sempliċement fuq il-preżunzjoni li l‑informazzjoni u l-istampi li tqegħdu onlajn u aċċessibbli biss minn kompjuter jistgħu jiġu emendati f’kull ħin.

90

Huwa veru li, ma jistax jiġi eskluż, kif jindika l-Bord tal-Appell fil‑punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tas-sit internet jew ta’ kwalunkwe dokument elettroniku ieħor jista’ jiġi emendat f’kull ħin. Madankollu, li tapplika din il-preżunzjoni b’mod awtomatiku, mingħajr ma jkun hemm dubji serji u vverifikati li, fil‑każ inkwistjoni, il-provi ġew emendati, iwassal sabiex il‑prinċipju stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Unjoni mfakkra fil-punt 24 hawn fuq, li l-provi prodotti minn min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu evalwati fil-konfront ta’ xulxin, isir ineffettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2012, Flacon, T-450/08, mhux ippubblikata, EU:T:2012:117, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

91

Konsegwentement, fid-dawl tal-konklużjoni li tinsab fil-punt 55 hawn fuq, il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta ma tax valur probatorju lill-ittra elettronika li tinsab fl-anness D 7.

92

Din l-evalwazzjoni ma għandhiex tiġi kkontestata mill-ġdid bid‑dikjarazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-ittri elettroniċi li jinsabu fl‑annessi D 7 sa D 9 jipprovaw, ftit jew wisq, l-eżistenza ta’ korrispondenza privata bejn żewġ persuni.

93

Għandu jiġi rrilevat li d-dokument li jinsab fl-anness D 7 ma huwiex sempliċement ittra elettronika bejn żewġ persuni, iżda jinkludi wkoll ittra ta’ informazzjoni indirizzata lir-rikorrent mill‑kumpannija ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com. Sabiex jiġi stabbilit l-iżvelar tal-għata inkwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat il-kontenut tal-ittra elettronika u mhux il-forma tagħha. Ittra ta’ informazzjoni ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala “korrispondenza privata”. Ittra ta’ informazzjoni hija, min-natura tagħha, indirizzata lil diversi persuni li huma abbonati u l-għan tagħha huwa l-marketing ta’ prodotti. Kif ġie muri mir-rikorrent, u dan ma ġiex ikkontestat mill‑EUIPO, il-portal ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com jibgħat l-ittri ta’ informazzjoni tiegħu lil eluf ta’ destinatarji u mhux biss lir‑rikorrent. Barra minn hekk, huwa magħruf li s-sit internet Alibaba.com huwa pjattaforma importanti ta’ bejgħ ta’ prodotti fuq livell mondjali. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kriterji li fuqhom il-Bord tal-Appell ddikjara li l-ittra elettronika li tinsab fl-anness D 7 kienet tipprova, tallinqas, l-eżistenza ta’ korrispondenza privata bejn żewġ persuni, ma jirriżultawx b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata.

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ikkommetta żball ta’ evalwazzjoni billi ma tax valur probatorju lill‑ittra elettronika fl-anness D 7.

95

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-iżbalji ta’ evalwazzjoni ta’ provi magħmula mill‑Bord tal-Appell iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Bord tal-Appell ma evalwax kif suppost ċerti provi li seta’ jkollhom effett fuq id-deċiżjoni tal-kawża, u l‑evalwazzjoni tiegħu dwar l-iżvelar tad-disinn ikkontestat ma ġietx kompluta u, skont il-prinċipju ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn l‑EUIPO u l-Qorti Ġenerali, issa huwa l-EUIPO li għandu jieħu pożizzjoni mill-ġdid.

96

Konsegwentement, hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’ u d‑deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ma hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet motivi. Lanqas hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet tar-rikorrent għar-rinviju tal‑kawża quddiem il-Bord tal-Appell. Fil-fatt, skont l-Artikolu 61(6) tar-Regolament Nru 6/2002, l-EUIPO huwa obbligat jieħu l-passi meħtieġa sabiex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li ma hijiex il‑Qorti Ġenerali li għandha toħroġ inġunzjonijiet lill-EUIPO, li huwa obbligat, fil-fatt, jislet il-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Athinaiki Oikogeniaki Artopoiia vs UASI – Ferrero (FERRÓ), T‑35/04, EU:T:2006:82, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2.   Fuq it-talbiet għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat

97

Prinċiparjament, ir-rikorrent jitlob, minbarra l-annullament tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat. L-EUIPO jikkunsidra li din it-talba ma hijiex ammissibbli, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-setgħa ta’ riforma mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi d-diskrezzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal‑Appell u, lanqas, li twettaq evalwazzjoni li fuqha l‑imsemmi bord għadu ma ddeċidiex.

98

Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali eżerċitat skont l‑Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO u li hija ma tistax tannulla jew temenda d-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors ħlief jekk, fil-mument li din ittieħdet, kienet ivvizjata minn xi motiv ta’ annullament jew ta’ riforma stabbiliti fl-Artikolu 61(2) ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li s-setgħa ta’ riforma mogħtija lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex bħala effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Bord tal-Appell u, lanqas, li twettaq evalwazzjoni li fuqha l‑imsemmi bord għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l‑Bord tal-Appell kellu jadotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑13 ta’ Mejju 2015, Group Nivelles vs UASI – Easy Sanitairy Solutions (Drejn għall-evakwazzjoni tal-ilma tad-doċċa), T-15/13, EU:T:2015:281, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li peress li, f’dan il-każ, id‑deċiżjoni kkontestata kienet annullata minħabba żball ta’ evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar il-valur probatorju tal-provi prodotti mir-rikorrenti sabiex juri l-iżvelar tad-disinn ikkontestat u peress li l-Bord tal-Appell għandu jerġa’ jiddeċiedi dwar il-valur probatorju tal-istess provi kif ukoll, sussegwentement, dwar l‑invalidità tad-disinn ikkontestat, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi minn issa dwar l-invalidità tad-disinn ikkontestat.

100

Għaldaqstant, it-talbiet tar-rikorrent sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-EUIPO tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat huma inammissibbli.

IV. Fuq l-ispejjeż

101

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu mitluba. F’dan il-każ, ir-rikorrent talab sabiex l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inkluż dawk sostnuti matul il-proċedura ta’ rikors.

102

Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk tar-rikorrent, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar. Skont l-Artikolu 190(2) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn jinkludu wkoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrent għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (ir-Raba’ Awla)

tiddikjara u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tat-tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tat-13 ta’ Jannar 2015 (Każ R 460/2013-3) hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti minn Claus Gramberg, inkluż l-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-finijiet tal-proċediment quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO.

 

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-27 ta’ Frar 2018.

Firem

Werrej

 

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

II. It-talbiet tal-partijiet

 

III. Id-dritt

 

A. Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

 

B. Fuq il-mertu

 

1. Fuq it-talbiet għall-annullament u r-rinviju quddiem il-Bord tal-Appell

 

a) Fuq l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tar-ritratti tal-iskrin tas-sit internet “amazon.de” magħmula mill-Bord tal-Appell

 

1) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma aċċettax il-valur probatorju tal-annessi D 2, D 4a u D 4b minħabba l-intestatura apparentement mhux normali u injora l-ispjegazzjoni tar-rikorrent fir-rigward ta’ din l-intestatura

 

2) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax l-offerti ppreżentanti fuq is-sit “amazon.de” li kien fihom dati preċiżi

 

i) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tas‑26 ta’ Mejju 2011 li tinsab fl-anness D 4a

 

ii) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data tas‑27 ta’ Ġunju 2011 li tinsab fl-anness D 4b

 

3) Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat skarta ritratt tal-iskrin li juri offerta proposta fuq is-sit internet “amazon.de”, prodott fl-anness D 11

 

b) Fuq l-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-ittri elettroniċi li kien fihom ittri ta’ informazzjoni tal-portal ta’ bejgħ onlajn Alibaba.com li saret mill-Bord tal-Appell

 

2. Fuq it-talbiet għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat

 

IV. Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.