SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

30 ta’ Novembru 2017 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’taħlita tal-kuluri blu u fidda - Raġuni assoluta għal rifjut - Rappreżentazzjoni grafika suffiċjentement ċara u preċiża - Neċessità ta’ arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi - Aspettattivi leġittimi - Artikolu 4 u Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 [li saru l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(a) tar‑Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawżi magħquda T‑101/15 u T‑102/15,

Red Bull GmbH, stabbilita f’Fuschl am See (l-Awstrija), irrappreżentata minn A. Renck, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Marques, stabbilita f’Leicester (ir-Renju Unit), inizjalment irrappreżentata minn M. R Mallinson u F. Delord, sussegwentement minn M. Mallinson, solicitors,

intervenjenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Optimum Mark sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn R. Skubisz, M. Mazurek, J. Dudzik u E. Jaroszyńska-Kozłowska, avukati,

li għandha bħala suġġett żewġ rikorsi ppreżentati kontra żewġ deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-2 ta’ Diċembru 2014 (Każ R 2037/2013‑1 u Każ R 2036/2013‑1 rispettivament), dwar żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Optimum Mark u Red Bull,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Prek, President, E. Buttigieg u B. Berke (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Weychert, Amministratur,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2015,

wara li rat ir-risposti tal-EUIPO ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ġunju 2015,

wara li rat ir-risposti tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Ġunju 2015,

wara li rat ir-repliki ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T‑101/15,

wara li rat il-kontrorepliki tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Novembru 2015,

wara li rat id-digriet tat-18 ta’ Novembru 2015 li permezz tiegħu Marques tħalliet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti,

wara li rat in-noti ta’ intervent ta’ Marques ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar u fit-22 ta’ Marzu 2016,

wara li rat l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2016,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-EUIPO ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Marzu 2016,

wara li rat l-osservazzjonijiet tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2016,

wara li rat id-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2016 li għaqdet il-Kawżi T‑101/15 u T‑102/15 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza,

wara l-emenda għall-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali,

wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Fil-Kawża T‑101/15

1

Fil-15 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti, Red Bull GmbH, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issosstitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, u huwa nnifsu ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2017, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel trade mark ikkontestata”) hija taħlita ta’ żewġ kuluri bħala tali, riprodotti hawn taħt:

Image

3

Permezz ta’ komunikazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti pproduċiet dokumenti addizzjonali sabiex tipprova l-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tal-ewwel trade mark ikkontestata. Fil‑11 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti pproduċiet deskrizzjoni tal-ewwel trade mark ikkontestata, ifformulata kif ġej: “Il-protezzjoni mitluba hija għall-kuluri blu (RAL 5002) u fidda (RAL 9006). Il-proporzjoni tal-kuluri hija ta’ madwar 50 %‑50 %”.

4

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xorb li jagħti l-enerġija (energy drinks)”.

5

L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 10/2005, tas-7 ta’ Marzu 2005. L-ewwel trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fil‑25 ta’ Lulju 2005, taħt in-numru 002534774, bl-indikazzjoni tal-karattru distintiv tagħha miksub permezz tal-użu u d-deskrizzjoni msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6

Fl-20 ta’ Settembru 2013, l-intervenjenti, Optimum Mark sp. z o.o., ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-ewwel trade mark ikkontestata abbażi tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001], moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a), (b) u (d) tal-imsemmi regolament [li sar l-Artikolu 7(1)(a), (b) u (d) tar-Regolament 2017/1001‘, u tal-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament [li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001], għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq.

7

It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija bbażata fuq il-motivi segwenti:

l-ewwel trade mark ikkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li r-rappreżentazzjoni grafika tagħha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza, li tipprovdi li rappreżentazzjoni grafika għandha tkun ċara, preċiża, sħiħa fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, dejjiema u oġġettiva u għandha tinkludi arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi;

il-formulazzjoni tad-deskrizzjoni li takkumpanja lill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-ewwel trade mark ikkontestata tawtorizza numru ta’ taħlit differenti ta’ proporzjonijiet ta’ “madwar” 50 %‑50 % taż-żewġ kuluri u għaldaqstant diversi arranġamenti, b’tali mod li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jirrepetu, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri.

Fil-Kawża T‑102/15

8

Fl-1 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni oħra għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 207/2009. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni trade mark ikkontestata”) hija taħlita ta’ żewġ kuluri bħala tali, riprodotti hawn taħt:

Image

9

Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 32 skont il-Ftehim ta’ Nice u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Xorb li jagħti l-enerġija (energy drinks)”.

10

L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 48/2011, tad-29 ta’ Novembru 2010.

11

Fit-22 ta’ Diċembru 2010, l-eżaminatur ħareġ avviż ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ forom proċedurali, skont ir-Regola 9(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), fejn indika li, fil-parti rriżervata għad-deskrizzjoni tat-trade mark, il-proporzjonijiet li fihom kull kulur huwa applikat fuq il-prodotti ma kienx ġie indikat u l-mod kif dawn il-kuluri jidhru ma kienx ġie ppreċiżat. L-eżaminatur talab lir-rikorrenti tippreċiża “il-proporzjonijiet li fihom iż-żewġ kuluri ser ikunu applikati (pereżempju, f’proporzjonijiet ugwali) u l-mod kif dawn ser jidhru”.

12

Fl-10 ta’ Frar 2011, ir-rikorrenti indikat lill-eżaminatur li, “[k]onformement mal-avviż [tiegħu] tat-22 ta’ Diċembru 2010, [hija] tinforma lill-EUIPO […] bil-fatt li ż-żewġ kuluri ser ikunu applikati f’proporzjonijiet ugwali u ħdejn xulxin”.

13

Fit-8 ta’ Marzu 2011, it-tieni trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, bl-indikazzjoni tal-kuluri “blu (Pantone 2747 C), u fidda (Pantone 877 C)” u d-deskrizzjoni segwenti: “Iż-żewġ kuluri ser ikunu applikati f’proporzjonijiet ugwali u ħdejn xulxin”.

14

Fis-27 ta’ Settembru 2011, l-intervenjenti ppreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-tieni trade mark ikkontestata abbażi tal‑Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(a), (b) u (d) tal-imsemmi regolament, u tal-Artikolu 52(1)(b) tal-istess regolament, għall-prodotti kollha koperti mit-trade mark.

15

It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija bbażata fuq il-motivi segwenti:

it-tieni trade mark ikkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li r-rappreżentazzjoni grafika tagħha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imposti mill-ġurisprudenza, li tipprovdi li rappreżentazzjoni grafika għandha tkun ċara, preċiża, sħiħa fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, dejjiema u oġġettiva u għandha tinkludi arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi;

peress li l-kelmiet “ħdejn xulxin” jistgħu jinftiehmu li jfissru “li għandhom bordura komuni” jew li huma “mqegħdin wieħed ħdejn l-ieħor” jew “ittrattati flimkien biex joħolqu effett ta’ kuntrast”, id-deskrizzjoni tat-tieni trade mark ikkontestata ma tindikax it-tip ta’ arranġament li bih iż-żewġ kuluri ser ikunu applikati fuq il-prodotti u għaldaqstant ma hijiex kompluta, ċara u preċiża fiha nnifisha.

Fil-Kawżi T‑101/15 u T‑102/15

16

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijet tad-9 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat invalidi l-ewwel trade mark ikkontestata u t-tieni trade mark ikkontestata (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, it-“trade marks ikkontestati”), billi qieset li r-rappreżentazzjoni grafika tagħhom kien tikkostitwixxi “sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kuluri jew iktar li huma ppreżentati b’mod astratt u mingħajr kontorn”, fis-sens tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 34), li ma jippreżentawx il-preċiżjoni u l-uniformità meħtieġa mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2017/1001), peress li hija tawtorizza numru ta’ taħlit differenti li ma jippermettix lill-konsumatur jipperċepixxi u jimmemorizza taħlita partikolari li huwa jista’ juża sabiex jirrepeti, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri. Barra minn hekk, hija ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jsiru jafu l-portata tad-drittijiet protetti tal-proprjetarju tat-trade marks ikkontestati. Għaldaqstant, ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati, akkumpanjata mid-deskrizzjoni (fiż-żewġ varjanti tagħha indikati fil-punti 3 u 13 iktar ’il fuq), ma tippermettix li jiġi ddeterminat l-arranġament speċifiku tal-kuluri, idoneu sabiex jiddefinixxi taħlita partikolari tal-kuluri ppreżentati f’proporzjonijiet ugwali u għaldaqstant, is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks ikkontestati, u ma hijiex, konsegwentement, konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, għalkemm tali deskrizzjoni ma għandhiex tiddeskrivi l-mod kif trade mark ser tintuża jew ser tiġi applikata fuq id-diversi prodotti, hija timmira sabiex tiddefinixxi s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ppreċiżat li, għalkemm huwa minnu li r-Regola 3(3) tar-Regolament Nru 2868/95 ma titlobx li tiġi ppreżentata deskrizzjoni ta’ rappreżentazzjoni grafika, hija madankollu ma teskludix il-possibbiltà li trade mark tiġi rrifjutata milli tiġi rreġistrata jew iddikjarata invalida meta l-preżenza ta’ deskrizzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi żgurata l-konformità tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fakkret li l-EUIPO ma huwiex marbut bid-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu iżda biss bil-prinċipju ta’ legalità u hija indikat, bħala konklużjoni, li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet milqugħa kollha kemm hi skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, hija ma kinitx ser tipproċedi għall-eżami tar-raġunijiet l-oħra għal dikjarazzjoni ta’ invalidità invokati mill-intervenjenti.

17

Fis-17 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat żewġ appelli miż-żewġ deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ssottomettiet in-noti tagħha li jesponu l-aggravji fl-10 ta’ Frar 2014.

18

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-2 ta’ Diċembru 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal‑EUIPO ċaħad iż-żewġ appelli bħala infondati, peress li t-trade marks ikkontestati kienu ġew irreġistrati bi ksur tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament. Il-motivi tal-Bord tal-Appell għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet kienu bbażati fuq raġunament identiku.

19

Il-Bord tal-Appell qies, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka b’mod utli l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li fil-fehma tagħha kien inkiser mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, peress li l-fatt li l-eżaminatur kien talab l-inklużjoni ta’ deskrizzjoni tal-imsemmija trade mark u kien aċċetta, jew saħansitra ssuġġerixxa l-formulazzjoni tagħha, ma kienx ekwivalenti għal informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konsistenti li fuqha hija setgħet tibbaża l-aspettattivi leġittimi. Barra minn hekk, fiż-żmien meta saret ir-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati, ma kinitx teżisti prassi stabbilita fi ħdan l-EUIPO rigward ir-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ta’ kulur bħala tali, u fi kwalunkwe każ, eventwali prassi, indipendentement minn kemm tkun kurrenti, ma tammontax għal informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet u konsistenti u ma tkunx rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark tissodisfax jew le ir-rekwiżiti imposti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

20

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies, min-naħa l-oħra, li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ġustament qieset li t-trade marks ikkontestati kienu ġew irreġistrati bi ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqrija flimkien.

21

L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell fakkar li l-fatt li sinjal jippreżenta karattru distintiv miksub permezz tal-użu ma jippermettix li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 jiġu nnewtralizzati. Fil-fehma tiegħu, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-proprjetarju tagħha, sabiex jiġi prekluż li d-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea jiġi abbużat sabiex jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust u sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jsiru jafu b’mod ċar u preċiż in-natura tas-sinjali rreġistrati u l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni preċiża dwar id-drittijiet ta’ terzi billi jaċċedu għar-reġistru pubbliku miżmum minn dawn l-awtoritajiet.

22

It-tieni nett, il-Bord tal-Appell irrikonoxxa li trade marks ta’ kulur bħala tali jistgħu jiġu rreġistrati u fakkar il-ġurisprudenza li tipprovdi li deskrizzjoni tista’ tkun neċessarja sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009. Meta tali deskrizzjoni takkumpanja r-rappreżentazzjoni grafika, hija tagħmel parti integrali minn din tal-aħħar.

23

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda t-taħlit ta’ żewġ kuluri jew ta’ diversi kuluri bħala tali, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 45 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), kienet stabbilixxiet prinċipju ġenerali li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li, sabiex ir-rekwiżiti ta’ preċiżjoni u ta’ eżistenza fit-tul imposti mill-ġurisprudenza jiġu ssodisfati, it-taħlit ta’ kuluri għandu jkun suġġett għal arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b’mod predeterminat u uniformi. L-għan ta’ dan il-prinċipju ġenerali huwa li jiżgura li rappreżentazzjoni grafika, li tawtorizza numru ta’ taħlit differenti, ma tipprekludix lill-konsumatur medju milli jirrepeti, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri. Għaldaqstant, huwa qies, fil-punt 48 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati, minn naħa, u d-deskrizzjoni li takkumpanjahom (fiż-żewġ varjanti indikati fil-punti 3 u 13 iktar ’il fuq), min-naħa l-oħra, li għandhom jiġu evalwati flimkien, billi jindikaw sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kuluri, identifikati b’kodiċijiet, u l-proporzjonijiet li fihom dawn tal-aħħar huma ppreżentati, jawtorizzaw l-arranġament ta’ dawn iż-żewġ kuluri skont numru ta’ taħlit differenti, li jipproduċi impressjoni ġenerali ferm differenti. Għaldaqstant, it-trade marks ikkontestati ma kinux suffiċjentement preċiżi u uniformi.

24

Ir-raba’ nett, fid-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15, il-Bord tal-Appell qies li ma kienx neċessarju li jagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-indikazzjoni approssimattiva tal-proporzjonijiet tal-kuluri, permezz tal-kelma “madwar”, kinitx suffiċjenti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, peress li d-deskrizzjoni ma kinitx preċiża anki fl-assenza ta’ din il-kelma.

25

Il-ħames nett, sa fejn ir-rikorrenti kienet iddikjarat li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet suffiċjentement preċiża peress li hija kienet turi l-kulur blu fuq ix-xellug u kulur il-fidda fuq il-lemin u li dawn kienu mqiegħda ħdejn xulxin, u diviżi f’proporzjonijiet ugwali permezz ta’ linja ċentrali vertikali, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-Kawża T‑101/15 u fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑102/15, li deskrizzjoni espressa f’dan is-sens, kellha takkumpanja lill-imsemmija rappreżentazzjoni. Fl-assenza ta’ tali deskrizzjoni espressa, ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati tawtorizza arranġamenti differenti.

26

Is-sitt nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti li l-EUIPO kien messu ppermettilha temenda l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni sabiex tirrimedja l-irregolaritajiet identifikati, peress li r-Regola 9 tar-Regolament Nru 2868/95 ma tistax isservi ta’ bażi legali għal dan il-għan.

It-talbiet tal-partijiet

27

Ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni Marques (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni intervenjenti”), titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tirrinvija l-kawżi preżenti quddiem l-EUIPO għal eżami skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 2017/1001];

tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

28

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

29

L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż sostnuti minnha.

Id-dritt

30

Insostenn tar-rikorsi tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, rispettivament.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament

31

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tqis li t-trade marks ikkontestati huma konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 u li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod eċċessivament strett is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), b’tali mod li rriżulta trattament sproporzjonat u diskriminatorju tat-trade marks ta’ kulur bħala tali biss meta mqabbla mat-tipi l-oħra ta’ trade marks. Skont ir-rikorrenti, din is-sentenza ma tapplikax għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks bħat-trade marks ikkontestati. L-ewwel nett, din tapplika biss għall-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ taħlit ta’ kuluri bħala tali li jinkludu deskrizzjoni li jitolbu espliċitament protezzjoni “taħt kull forma immaġinabbli”, kontrarjament għad-deskrizzjoni tat-trade marks ikkontestati. It-tieni nett, peress li l-verżjoni bil-lingwa tal-proċedura, jiġifieri l-verżjoni Ġermaniża, tal-punt 34 ta’ din is-sentenza, tuża l-kelma “Zusammenstellung”, tikkritika biss “taħlita arbitrarja” ta’ żewġ kuluri jew iktar u mhux“juxtaposition”, il-kelma użata fil-verżjoni bil-Franċiż, ħaġa li tirreferi, min-naħa l-oħra, għal “taħlita preċiża”. Ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati tikkonċerna tali taħlita preċiża u mhux taħlita arbitrarja.

32

Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell talab deskrizzjoni ddettaljata tal-mod kif il-kuluri ser jintużaw fuq il-prodotti u għaldaqstant tal-użu li hija kellha l-intenzjoni tagħmel tat-trade marks ikkontestati, kwistjoni rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009 jew tal-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament (li sar l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 2017/1001), filwaqt li l-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 4 tal-istess regolament tar-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea tinvolvi eżami in abstracto tal-preċiżjoni ta’ rappreżentazzjoni grafika. Barra minn hekk, tali deskrizzjoni, l-ewwel nett, ma tikkostitwixxix rekwiżit legali u, it-tieni nett, tagħti lis-sinjal inkwistjoni l-kwalità ta’ trade mark figurattiva.

33

Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-imsemmija deskrizzjoni, jekk tiġi rrikonoxxuta n-neċessità ta’ deskrizzjoni “espressa” tal-użu effettiv ta’ trade mark ta’ kulur bħala tali dan ikun ekwivalenti għal impożizzjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ dan it-tip ta’ trade marks, u dan ma huwiex rekwiżit legali għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-leġiżlazzjoni jew tal-ġurisprudenza applikabbli, u lanqas ma huwa meħtieġ għal tipi oħra ta’ “trade marks mhux tradizzjonali” bħat-trade marks tridimensjonali jew it-trade marks awdjo jew għat-trade marks tradizzjonali figurattivi jew verbali u dan qatt ma ntalab fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO jew fil-ġurisprudenza. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kiser ukoll il-prinċipji ta’ proporzjonalità bejn id-diversi tipi ta’ trade marks.

34

Fil-fatt, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri bħala tali, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, huwa suffiċjenti li tali trade mark tiġi ddikjarata bħala trade mark ta’ dan it-tip, li tkun irrappreżentata b’mod grafiku u li l-kuluri jkunu identifikati b’riferiment għall-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni tal-kuluri li huma rrikonoxxuti internazzjonalment. Ir-regola li “dak li wieħed jara huwa dak li wieħed jikseb” tirrifletti b’mod viżiv il-bqija tal-parametri li huma neċessarji sabiex tiġi identifikata t-trade mark inkwistjoni.

35

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-ilmenti.

36

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-diversi lmenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv jistgħu essenzjalment jingħaqdu fi tliet partijiet tal-motiv, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq ksur tal-Aritkolu 4 u tal‑Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u t-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, rispettivament.

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009

37

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea s-sinjali kollha li jisgħu jiġu rrappreżentati grafikament, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.

38

Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, is-sinjali li ma humiex konformi mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jiġu rreġistrati bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea.

39

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jikkostitwixxu trade mark tal-Unjoni Ewropea fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, kuluri jew taħlit ta’ kuluri għandhom jissodisfaw tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, huma għandhom jikkostitwixxu sinjal. It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiġi rrappreżentat grafikament. It-tielet nett, dan is-sinjal għandu jkun jista’ jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-kuluri huma normalment sempliċi proprjetà ta’ oġġetti. Iżda, anki fil-qasam speċifiku tal-kummerċ, il-kuluri u t-taħlit ta’ kuluri huma ġeneralment użati minħabba s-setgħa attrattiva jew dekorattiva tagħhom, mingħajr ma jittrażmettu xi tifsira. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-kuluri jew it-taħlit ta’ kuluri jistgħu, meta użati fir-rigward ta’ prodott jew servizz, jikkostitwixxu sinjal (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jiġi stabbilit li, fil-kuntest li fih huma użati, il-kuluri jew it-taħlit ta’ kuluri li għalihom tkun intalbet ir-reġistrazzjoni effettivament jippreżentaw irwieħhom bħala sinjal. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa partikolarment biex jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks jiġi abbużat sabiex jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 24).

42

Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna r-rekwiżit li sinjal għandu jkun jista’ jiġi rrappreżentat grafikament fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din ir-rappreżentazzjoni grafika għandha tippermetti lis-sinjal li jkun irrappreżentat b’mod viżiv, b’mod partikolari permezz ta’ figuri, linji jew ta’ karattri, b’tali mod li jkun jista’ jiġi identifikat b’eżattezza. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 46).

43

Barra minn hekk, sabiex tissodisfa l-funzjoni tagħha, ir-rappreżentazzjoni grafika, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tkun ċara, preċiża, sħiħa fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, intelliġibbli, dejjiema u oġġettiva (ara. b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann, C‑273/00, EU:C:2002:748, punti 47 sa 55).

44

Interpretazzjoni bħal din hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-sistema tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżit tar-rappreżentazzjoni grafika għandu, b’mod partikolari, il-funzjoni li jiddefinixxi t-trade mark innifisha sabiex tiddetermina s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark irreġistrata lill-proprjetarju tagħha. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark fir-reġistru pubbliku għandha l-għan li tagħmilha aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-pubbliku, b’mod partikolari, għall-operaturi ekonomiċi. Minn naħa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jafu, b’ċarezza u preċiżjoni, in-natura tas-sinjali li jikkostitwixxu trade mark sabiex ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-eżami preliminari tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-pubblikazzjoni u taż-żamma ta’ reġistru xieraq u preċiż tat-trade marks. Min-naħa l-oħra, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu jistgħu jiżguraw irwieħhom, b’ċarezza u preċiżjoni, mir-reġistrazzjonijiet magħmula jew mill-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ppreżentati mill-kompetituri attwali jew potenzjali tagħhom u b’hekk li jibbenefikaw minn informazzjoni rilevanti li tikkonċerna d-drittijiet ta’ terzi (ara. b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punti 26 sa 30).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jissodisfa r-rwol tiegħu ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata, sinjal għandu dejjem jiġi pperċepit b’mod preċiż, uniformi u dejjiemi sabiex tiġi ggarantita l-funzjoni tat-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punti 3132).

46

Għal dak li jikkonċerna t-trade marks ta’ kulur bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kampjun ta’ kulur ma jikkostitwixxix fih innifsu rappreżentazzjoni grafika fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009. Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni verbali ta’ kulur, bħala tali, sakemm ifformulata minn kliem kompost fih innifsu minn karattri, tikkostitwixxi rappreżentazzjoni grafika tagħha, bil-kundizzjoni li din tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 33 sa 35).

47

Għal dak li jikkonċerna t-trade marks li jikkonsistu f’taħlita ta’ żewġ kuluri jew iktar bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 44 u 45 iktar ’il fuq, rappreżentazzjoni grafika ta’ żewġ kuluri jew iktar ippreżentati b’mod astratt u mingħajr kontorn għandha tinkludi arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b’mod predeterminat u uniformi. Is-sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kuluri jew iktar mingħajr forma jew kontorn jew l-indikazzjoni ta’ żewġ kuluri jew iktar “taħt kull forma immaġinabbli” ma jippreżentawx il-preċiżjoni u l-uniformità meħtieġa mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, tali preżentazzjonijiet jawtorizzaw numru ta’ taħlit differenti li ma jippermettux lill-konsumatur jipperċepixxi u jimmemorizza taħlita partikolari li jkun jista’ jużaha sabiex jirrepeti, b’ċertezza, esperjenza ta’ xiri u bil-wisq inqas ma jippermettux lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi jsiru jafu l-portata tad-drittijiet protetti tal-proprjetarju tat-trade mark (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, EU:C:2004:384, punti 33 sa 35).

48

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati humiex ivvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.

49

Fil-każ ineżami, fil-punt 53 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15 u fil-punt 52 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑102/15, il-Bord tal-Appell ikkonferma d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni billi ddikjara invalidi t-trade marks ikkontestati abbażi tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li huma ma setgħux jitqiesu li huma suffiċjentement preċiżi. Il-Bord tal-Appell ibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-analiżi konġunta tar-rappreżentazzjoni grafika u tad-deskrizzjoni li takkumpanja kull waħda mit-trade marks ikkontestati. Peress li, minbarra l-indikazzjoni taż-żewġ kuluri, id-deskrizzjoni sempliċement tindika ċertu proporzjon bejn dawn il-kuluri, il-Bord tal-Appell qies li s-sempliċi indikazzjoni ta’ dan il-proporzjon tawtorizza l-arranġament taż-żewġ kuluri skont numru ta’ taħlit differenti u għaldaqstant ma tassoċjax il-kuluri b’mod predeterminanti u uniformi, bħalma huwa mitlub mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, kif interpretat fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).

50

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, essenzjalment issostni li l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), kif mogħtija mill-Bord tal-Appell u l-mod kif hija applikata fil-każ ineżami huma żbaljati.

51

B’mod partikolari, ir-rikorrenti tqis li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), tapplika biss għal rappreżentazzjoni grafika li tikkonsisti f’sempliċi “taħlita” ta’ kuluri arbitrarja u indeterminata u ma tkoprix il-każ ta’ tqegħid ħdejn xulxin ta’ kuluri, li ma jikkostitwixxix sempliċi “taħlita” fis-sens tal-imsemmija sentenza. Barra minn hekk, din is-sentenza tikkonċerna essenzjalment il-kwistjoni tat-talba għall-protezzjoni ta’ żewġ kuluri “taħt kull forma immaġinabbli”. Għaldaqstant, il-kelma “jew” użata fil-punt 34 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-espressjoni “taħt kull forma immaġinabbli”. Minn dan jirriżulta li tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kuluri wieħed ħdejn l-ieħor, akkumpanjat minn indikazzjoni xierqa tar-relazzjoni, espressa f’perċentwali, bejniethom, ma jimplikax li rappreżentazzjoni grafika ma hijiex preċiża jew ċara, sakemm dawn il-parametri ma jkunux ċarament kontradetti fid-deskrizzjoni ppreżentata fl-istess ħin. Iż-żewġ elementi għandhom jiġi evalwati kumulattivament. It-trade marks ikkontestati ma jikkonsistux f’sempliċi taħlita ta’ kuluri u l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħhom ma titlobx protezzjoni “taħt kull forma immaġinabbli”. Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza ma għandhiex tapplika fil-każ ineżami.

52

Skont l-assoċjazzjoni intervenjenti, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), tapplika għal żewġ tipi ta’ rappreżentazzjonijiet grafiċi: minn naħa għas-sinjali kkostitwiti minn sempliċi tqegħid ħdejn xulxin (li għandu jiġi interpretat bħala s-“sempliċi taħlita”) ta’ żewġ kuluri jew iktar mingħajr forma jew kontorn u, min-naħa l-oħra, għas-sinjali kkostitwiti minn żewġ kuluri jew iktar li huma ddeterminati bħala li huma rrappreżentati “taħt kull forma immaġinabbli”. Il-punt 34 tal-imsemmija sentenza jkopri, għaldaqstant, żewġ sitwazzjonijiet alternattivi u t-trade marks ikkontestati ma jaqgħu taħt l-ebda waħda minnhom.

53

Ir-raġunament tar-rikorrenti u tal-assoċjazzjoni intervenjenti rigward il-portata tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), għandu jiġi miċħud peress li jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija sentenza.

54

Fil-fatt, il-punti 33 sa 35 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), imfakkra fil-punt 47 iktar ’il fuq, għandhom jinqraw flimkien u fid-dawl tal-prinċipji li huma invokati fil-punti 24 u 26 sa 30 ta’ din is-sentenza, imfakkra fil-punti 41 u 44 iktar ’il fuq.

55

Minn dan il-qari jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat b’mod eżatt is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri bħala tali, dawn il-kuluri għandhom ikunu rrappreżentati skont arranġament jew skema speċifika, li tassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi, u dan sabiex jiġi prekluż numru ta’ taħlit differenti tagħhom li ma jippermettux lill-konsumatur jipperċepixxi u jimmemorizza taħlita partikolari, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fil-punt 35 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).

56

Tali kundizzjoni hija konformi, l-ewwel nett, man-neċessità li t-trade mark tkun tista’ tissodisfa l-funzjoni tagħha li tindika l-oriġini billi tkun perċettibbli u rikonoxxibbli mill-konsumaturi meta hija tinsab fuq il-prodotti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kuluri normalment huma sempliċi proprjetà tas-suġġetti u huma ġeneralment użati għas-setgħa attrattiva jew dekorattiva, mingħajr ma jittrażmettu xi tifsira, it-tieni nett, mar-rekwiżit ta’ ċertezza legali, fis-sens li hija tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi jsiru jafu b’ċarezza u preċiżjoni n-natura tas-sinjali li jikkostitwixxu trade mark u d-drittijiet ta’ terzi u t-tielet nett, man-neċessità li jiġi evitat li d-disponibbiltà tal-kuluri tiġi ristretta b’mod inġust fil-prattiċi kummerċjali, billi jinħolqu monopolji favur impriża waħda.

57

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk it-trade marks ikkontestati jawtorizzawx numru ta’ taħlit differenti taż-żewġ kuluri inkwistjoni, fis-sens tal-punt 35 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).

58

Ir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati hija kkostitwita mit-tqegħid ħdejn xulxin vertikali taż-żewġ kuluri blu u fidda, fil-proporzjoni ta’ 50 %-50 %. Din ir-rappreżentazzjoni grafika hija akkumpanjata minn deskrizzjoni differenti fiż-żewġ każijiet. Dik li takkumpanja l-ewwel trade mark ikkontestata, li hija s-suġġett tal-Kawża T‑101/15, tidentifika ż-żewġ kuluri b’riferiment għall-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kuluri rrikonoxxut internazzjonalment “RAL” u tippreċiża li l-proporzjonijiet tagħhom huma “ta’ madwar 50 %-50 %”. Dik li tikkonċerna t-tieni trade mark ikkontestata, li hija s-suġġett tal-Kawża T‑102/15, tidentifika ż-żewġ kuluri b’riferiment għall-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-kuluri rrikonoxxut internazzjonalment “Pantone” u tippreċiża li l-kuluri “ser ikunu applikati f’proporzjonijiet ugwali u ħdejn xulxin”.

59

Issa, hemm lok li jitqies, minn naħa, li kien ġust li l-Bord tal-Appell ikkonstata li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati kienet tikkostitwixxi sempliċi tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ kuluri ta’ żewġ kuluri mingħajr forma u kontorn, li jawtorizzaw numru ta’ taħlit differenti taż-żewġ kuluri.

60

Hemm lok li jitqies, min-naħa l-oħra, li kien ukoll ġust li l-Bord tal-Appell qies li d-deskrizzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rappreżentazzjoni grafika ta’ kull waħda mit-trade marks ikkontestati ma jippreżentawx preċiżjoni addizzjonali fir-rigward tal-arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi u li jimpedixxi numru ta’ taħlit differenti ta’ dawn iż-żewġ kuluri, hekk kif inhu meħtieġ mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384).

61

Dawn il-konklużjonijiet ma humiex imminati mid-diversi argumenti invokati mir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti.

62

L-ewwel nett, l-argumenti tar-rikorrenti u tal-assoċjazzjoni intervenjenti dwar l-interpretazzjoni tal-kelma “Zusammenstellung” fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 33 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi peress li għalkemm il-kelmiet “tqegħid ħdejn xulxin” ma jirreferux għal taħlita kwalunkwe u arbitrarja, bħalma jsostnu r-rikorrenti u l-assoċjazzjoni intervenjenti, huma lanqas ma jikkostitwixxu neċessarjament arranġament sistematiku fis-sens tal-punt 34 tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384). Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-tqegħid ħdejn xulxin jindika l-kuntatt dirett ta’ żewġ kuluri jew iktar, imqiegħda wieħed ħdejn l-ieħor, dan jista’ jkun ippreżentat taħt numru ta’ arranġamenti differenti. L-imsemmi tqegħid ħdejn xulxin jista’ għaldaqstant jieħu diversi forom li jagħtu lok għal immaġni jew għal skemi differenti, filwaqt li xorta jirrispettaw il-“proporzjonijiet ta’ madwar 50 %-50 %” jew ta’ “proporzjonijiet ugwali”.

63

L-indikazzjoni tal-proporzjonijiet fid-deskrizzjoni tat-trade marks ikkontestati żżid biss l-informazzjoni li tipprovdi li l-okkupazzjoni tal-ispazju miż-żewġ kuluri, tkun xi tkun il-forma li taħtha jkun ippreżentat it-tqegħid ħdejn xulxin ta’ dawn il-kuluri, ser ikun tali li kull kulur ser jokkupa n-nofs. Minn dan jirriżulta li għandha tiġi miċħuda wkoll l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), adottata mir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, li tipprovdi li l-preċiżjoni dwar il-proporzjonijiet jew ir-relazzjoni bejn id-diversi kuluri hija suffiċjenti sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ arranġament sistematiku hekk kif imsemmi fl-imsemmija sentenza.

64

Fil-fatt, l-arranġament ta’ żewġ kuluri jista’ ma jkunx predeterminat u uniformi, mhux biss għal raġunijiet ta’ proporzjonijiet differenti bejn dawn il-kuluri, iżda wkoll minħabba l-pożizzjoni differenti fl-ispazju ta’ dawn il-kuluri ppreżentati fl-istess proporzjonijiet.

65

It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni tal-assoċjazzjoni intervenjenti li tipprovdi li t-tqegħid ħdejn xulxin vertikali ta’ żewġ strixxi ta’ kuluri, blu fuq ix-xellug u fidda fuq il-lemin, f’proporzjonijiet bejn wieħed u ieħor identiċi jikkostitwixxi l-uniku arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi, din għadha tiġi miċħuda. Fil-fatt, fil-punti 54 sa 60 iktar ’il fuq ġie enfasizzat li, fil-każ ineżami, ir-rappreżentazzjoni grafika taż-żewġ kuluri mqiegħda ħdejn xulxin akkumpanjati b’indikazzjoni f’perċentwali tal-proporzjonijiet rispettivi tagħhom hija insuffiċjenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-arranġament sistematiku tagħhom. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti akkumpanjat l-applikazzjonijiet tagħha għal reġistrazzjoni, ippreżentati abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade marks ikkontestati, bi provi li jirripproduċuhom b’mod ferm differenti meta mqabbla mat-tqegħid ħdejn xulxin vertikali taż-żewġ kuluri li jidhru fir-rappreżentazzjoni grafika li tinsab fl-imsemmija applikazzjonijet.

66

Għaldaqstant, ir-rikorrenti tqis hija nnifisha li t-trade marks ikkontestati, trade marks ta’ kulur per se, iddefiniti b’mod astratt, jagħtu protezzjoni li tkopri diversi arranġamenti tal-kuluri blu u fidda u mhux biss l-arranġament ikkostitwit minn żewġ strixxi vertikali ugwali, waħda blu fuq ix-xellug u l-oħra kulur il-fidda fuq il-lemin, bħalma tallega l-assoċjazzjoni intervenjenti. Ir-rikorrenti tirrikonoxxi għalhekk li r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati, hekk kif ġiet irreġistrata, tawtorizza diversi riproduzzjonijiet, li la huma predeterminati minn qabel u lanqas uniformi.

67

Dan huwa eżattament ir-riżultat li s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), trid tipprekludi, inkwantu dan ma huwiex kompatibbli mal-għanijiet sottostanti għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkra fil-punti 41 u 44 iktar ’il fuq u li jikkonsistu f’li tiġi ggarantita l-funzjoni tat-trade mark u l-possibbiltà għall-konsumatur li jipperċepixxi, jirrikonoxxi u jimmemorizza trade mark, u dan jimplika li din tal-aħħar tkun tidher viżwalment kif irreġistrata.

68

It-tielet nett, jekk, kif tallega l-assoċjazzjoni intervenjenti, huwa suffiċjenti, sabiex jiġu ggarantiti l-preċiżjoni u l-uniformità meħtieġa mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, li tiġi applikata r-regola li “dak li wieħed jara huwa dak li wieħed jikseb”, ikollu jiġi konkluż li t-tqegħid ħdejn xulxin vertikali ta’ żewġ strixxi ugwali, waħda blu fuq ix-xellug u l-oħra kulur il-fidda fuq il-lemin, jikkostitwixxi l-uniku arranġament li huwa s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mir-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punt 65 iktar ’il fuq.

69

Bil-kontra, hija ġustament l-applikazzjoni ta’ din ir-regola li timponi li r-rappreżentazzjoni grafika, hekk kif ġiet ippreżentata u hekk kif hija viżibbli (“dak li wieħed jara”), hija l-unika waħda li hija s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mit-trade marks ikkontestati (“dak li wieħed jikseb”). F’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), tikkontribwixxi sabiex tippreċiża l-konsegwenzi prattiċi li għandhom jiġu misluta minn din ir-regola għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks ta’ kulur bħala tali.

70

Ir-raba’ nett, l-applikazzjoni, fil-każ ineżami, mill-Bord tal-Appell tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), ma huwiex ekwivalenti, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti u l-assoċjazzjoni intervenjenti, għal li jiġi nnegat li dan it-tip ta’ trade marks jeżistu jew li jistgħu jiġu rreġistrati, bi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, li jemenda r-Regolament Nru 207/2009 u r-Regolament Nru 2868/95 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), li jipprovdi li jistgħu jikkostitwixxu trade marks tal-Unjoni Ewropea kull sinjal, partikolarment kliem, inklużi l-ismijiet personali, disinni, ittri, numri, il-forma ta’ prodott jew l-imballaġġ ta’ prodott, jew il-ħsejjes sakemm dawn is-sinjali jkunu xierqa, minn naħa, sabiex jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħrajn u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi rrappreżentati fir-reġistru tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku jiddeterminaw b’mod preċiż u ċar is-suġġett li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarji tagħhom. Barra minn hekk dan ir-regolament japplika mill-1 ta’ Ottubru 2017.

71

Fil-fatt, għal dan il-għan, ikun suffiċjenti għall-proprjetarju tat-trade mark li jissottometti rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark li tikkorrispondi preċiżament għas-suġġett tal-protezzjoni li huwa jixtieq jikseb. Min-naħa l-oħra, huwa pprojbit milli jissottometti rappreżentazzjoni grafika filwaqt li jkun irid jikseb protezzjoni usa’ minn dik mogħtija mill-imsemmija rappreżentazzjoni jew li ma tikkorrispondix magħha, b’kuntradizzjoni diretta mar-regola li “dak li wieħed jara huwa dak li wieħed jikseb”.

72

Il-ħames nett, filwaqt li tibbaża ruħha fuq l-opinjoni ta’ konsulent, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-għan validu tad-deskrizzjoni ta’ sinjal huwa li fil-prattika tiġi ggarantita r-riproduzzjoni uniformi tat-trade mark, filwaqt li tippermetti “differenzi minuri” li jista’ jkun hemm u li huma inevitabbli waqt ir-riproduzzjoni kummerċjali tas-sinjal. Madankollu, fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi bejn it-trade marks ikkontestati hekk kif inhuma rrappreżentati u deskritti u l-mod kif huma riprodotti ma humiex minuri, peress li t-tqegħid ħdejn xulxin ta’ żewġ strixxi vertikali, waħda ta’ kulur blu fuq ix-xellug u l-oħra ta’ kulur il-fidda fuq il-lemin, imkien ma kienu riprodotti fuq il-prodotti tar-rikorrenti.

73

Is-sitt nett, ir-rikorrenti u l-assoċjazzjoni intervenjenti jqisu li r-rekwiżit tad-deskrizzjoni ta’ arranġament sistematiku tal-kuluri li huma s-suġġett ta’ trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri bħala tali, essenzjalment iwassal għall-eliminazzjoni tad-distinzjoni bejn it-trade marks ta’ kulur bħala tali u t-trade marks figurattivi.

74

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, anki jekk ir-rappreżentazzjoni jew id-deskrizzjoni tal-arranġament preċiż tal-kuluri jikkontribwixxu sabiex javviċinaw trade mark ta’ kulur bħala tali ma’ trade mark figurattiva, is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ trade marks jibqa’ distint.

75

Barra minn hekk, kif ġustament enfasizzat l-intervenjenti, it-trade mark ta’ kulur bħala tali tista’ titwaħħal, mingħajr kontorn, fuq il-wiċċ kollu tal-prodotti li hija tkopri, indipendentement mill-forma tagħhom jew mill-imballaġġ tagħhom, iżda dan ma huwiex il-każ tat-trade marks figurattivi [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Enercon vs UASI (Gradazzjoni ta’ ħames sfumaturi tal-kulur aħdar), T‑655/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:49, punt 16]. Għaldaqstant, impriża dejjem ikollha interess tirreġistra trade mark ta’ kulur, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-protezzjoni usa’ mogħtija minn dan it-tip ta’ trade marks meta mqabbla ma’ dik mogħtija minn trade mark figurattiva.

76

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett li l-obbligu li tiġi pprovduta deskrizzjoni espressa, kif ifformulata mill-Bord tal-Appell fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15 u fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑102/15, la jirriżulta mil-leġiżlazzjoni applikabbli u lanqas mill-ġurisprudenza, it-tieni nett, li l-ġurisprudenza qatt ma qieset li din id-deskrizzjoni għandu jkollha bħala suġġett l-użu effettiv li ser isir mit-trade mark inkwistjoni u, it-tielet nett, li tali rekwiżit, applikat biss għat-trade marks ta’ kulur bħala tali, jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ħoloq kundizzjoni addizzjonali għar-reġistrazzjoni tat-trade marks ta’ kulur bħala tali biss, li ma huwiex previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

77

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-Bord tal-Appell ma ddikjarax fid-deċiżjonijiet ikkontestati li jeżisti obbligu li tiġi pprovduta deskrizzjoni espressa tat-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni. Huwa sempliċement irreleva li deskrizzjoni espressa kienet neċessarja “fil-każ ineżami”.

78

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Bord tal-Appell setax ġustament iqis li deskrizzjoni espressa tat-trade marks ikkontestati kienet neċessarja fil-każ ineżami, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li r-Regola 3(3) tar-Regolament Nru 2868/95 tipprevedi li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni “jista’ jkun fiha deskrizzjoni tal-marka”.

79

Kif ġustament irreleva l-Bord tal-Appell fil-punt 48 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ladarba deskrizzjoni tiġi ppreżentata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din għandha tiġi eżaminata flimkien mar-rappreżentazzjoni grafika.

80

Barra minn hekk, kif ġustament enfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 43 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, mis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244), jirriżulta li deskrizzjoni ta’ sinjal tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

81

Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi ma jirriżultax mir-rappreżentazzjoni grafika u meta għaldaqstant din tal-aħħar ma tippermettix li jiġi ddefinit b’mod ċar is-suġġett tal-protezzjoni, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 59 iktar ’il fuq.

82

Konsegwentement, kien ġust li l-Bord tal-Appell qies, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15 u fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑102/15, li kien neċessarju, fil-każ ineżami, li tiġi pprovduta deskrizzjoni espressa tal-arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod uniformi u predeterminat.

83

It-tieni nett, il-kritika tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell talab li d-deskrizzjoni jkollha bħala suġġett l-użu effettiv li ser isir mit-trade mark inkwistjoni għandha wkoll tiġi miċħuda.

84

F’dan ir-rigward, għalkemm il-punt 48 tad-deċiżjonijiet ikkontestati jirreferi għall-“portata” tal-protezzjoni mogħtija minn sinjal, kunċett ġeneralment eżaminat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-użu rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 7(3) jew tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009, fil-każ ineżami, din il-kelma, hekk kif użata fid-deċiżjonijiet ikkontestati, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għas-“suġġett” tal-protezzjoni mogħtija minn trade mark tal-Unjoni Ewropea, kif l-EUIPO kkonferma matul is-seduta.

85

Fil-fatt, ir-rekwiżit li trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ żewġ kuluri jew iktar tippreżenta arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi, ma huwiex ekwivalenti għal rekwiżit li jiġi ddefinit l-użu effettiv ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu, in-natura astratta ta’ tali trade mark kif ukoll il-kapaċità intrinsika limitata tal-kuluri li jittrażmettu kwalunkwe tifsira preċiża u għaldaqstant li jindikaw l-oriġini kummerċjali ta’ prodott jew ta’ servizz jeħtieġu li is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark inkwistjoni tkun iddefinita bi grad ta’ preċiżjoni xieraq. It-trade marks ta’ kulur bħala tali huma għaldaqstant distinti minn tipi oħra ta’ trade marks li, min-natura tagħhom, huma iktar preċiżi u jistgħu iktar jagħtu tifsira. Konsegwentement, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-karatteristiċi intrinsiċi tat-trade marks ta’ kulur bħala tali, ir-rekwiżit li s-suġġett tal-protezzjoni mogħtija minn tali trade marks ikun iddefinit bi grad ta’ preċiżjoni xieraq ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.

86

It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jingħad ukoll li t-trade marks ta’ kulur bħala tali la huma limitati fir-rigward ta’ spazju u lanqas mill-forma, bil-kontra tat-trade marks tridimensjonali, u lanqas mill-kontorni, bil-kontra tat-trade marks figurattivi, u huma mmanifestati b’mod viżiv u mhux permezz ta’ ħoss jew permezz ta’ karattri, bħat-trade marks awdjo jew verbali.

87

F’taħlita ta’ kuluri, l-uniku post possibbli fl-ispazju mingħajr kontorni huwa t-tqegħid ħdejn xulxin skont diversi arranġamenti. L-uniċi preċiżazzjonijiet li jistgħu jsiru huma għaldaqstant l-isfumaturi tal-kuluri kkonċernati u l-proporzjonijiet li fihom huma ppreżentati fir-rigward ta’ xulxin. Tali rappreżentazzjoni tirriżulta f’suġġett ta’ protezzjoni mogħtija mit-trade mark ferm vast, li ma tirrikonċiljax wisq tajjeb mal-ħtieġa ta’ disponibbiltà tal-kulur u li għandu, konsegwentement, jiġi ppreċiżat hekk kif tiġi sottomessa l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal dak li jikkonċerna l-arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminat u uniformi.

88

Barra minn hekk, hekk kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punt 51 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15 u fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑102/15, mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748), jirriżulta li r-rekwiżit li sinjal ikun ċar, preċiż, sħiħ fih innifsu, faċilment aċċessibbli, intelliġibli, dejjiemi u oġġettiv għandu jiġi evalwat b’mod individwali għal kull kategorija ta’ trade marks, skont in-natura tagħha u l-karatteristiċi intrinsiċi tagħha.

89

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta, fil-punti 48, 49 u 51 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15 u fil-punti 48 u 50 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑102/15, qies li s-sempliċi indikazzjoni tal-proporzjonijiet taż-żewġ kuluri blu u fidda kienet tawtorizza l-arranġament ta’ dawn il-kuluri skont numru ta’ taħlit differenti u għaldaqstant ma kinitx tikkostitwixxi arranġament sistematiku li jassoċjahom b’mod predeterminat u uniformi, li jipproduċi impressjoni globali ferm differenti u li jipprekludi lill-konsumatur milli jirrepeti b’ċertezza esperjenza ta’ xiri. Huwa għaldaqstant ġustament ikkonkluda li r-rappreżentazzjoni grafika pprovduta fil-każ ineżami, akkumpanjata minn deskrizzjoni li tindika biss il-proporzjonijiet taż-żewġ kuluri, ma setgħetx titqies li kienet suffiċjentement preċiża u li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.

90

Barra minn hekk, kif il-Bord tal-Appell ġustament irrileva fil-punt 49 tad-deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑101/15, din il-konklużjoni tapplika għaż-żewġ trade marks ikkontestati. Fil-fatt, il-preżenza tal-kelma “madwar” fid-deskrizzjoni tal-ewwel trade mark ikkontestata ma tagħmel xejn iktar ħlief issaħħaħ in-natura mhux preċiża tar-rappreżentazzjoni grafika li hija identika għaż-żewġ trade marks ikkontestati u li tawtorizza diversi arranġamenti taż-żewġ kuluri inkwistjoni peress li hija akkumpanjata minn deskrizzjoni li ma tipprovdix preċiżazzjonijiet li jippermettu li jitqies li ma hemmx ħlief arranġament uniku li jassoċja l-kuluri b’mod predeterminanti u uniformi.

91

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

92

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li r-rikorrenti ma tinvokax b’mod espliċitu l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tar-rikors tagħha, iżda biss fil-kuntest tar-replika tagħha, permezz ta’ riferiment għall-argumenti żviluppati fl-opinjoni tal-konsulent, kif ukoll fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent tal-assoċjazzjoni intervenjenti, fil-punti ddedikati għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

93

Madankollu, ir-riferiment espliċitu għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jinsab fir-replika huwa essenzjalment biss formalizzazzjoni tal-ilment li kien invokat diġà fir-rikors.

94

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti ssostni, b’mod partikolari, li n-neċessità li tiġi deskritta, fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-mod li bih is-suġġett tat-trade mark huwa effettivament applikat għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni, minn naħa, ma teżistix għal kategoriji oħra ta’ trade marks, bħat-trade marks tridimensjonali, it-trade marks awdjo jew verbali. Min-naħa l-oħra, dan ir-rekwiżit jinvolvi trattament differenti tat-trade marks ikkontestati fid-dawl tal-prassi preċedenti tal-EUIPO u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fil-qasam tat-trade marks ta’ kulur bħala tali.

95

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sanċit fid-dritt tal-Unjoni, jitlob li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati bl-istess mod. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li diskriminazzjoni tista’ tikkonsisti biss fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjoni paragunabbli jew fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑39/10, EU:C:2012:282, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Issa, fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-paragun ma’ tipi oħra ta’ trade marks, kif ġie analizzat fil-punti 85 sa 88 iktar ’il fuq, min-natura ta’ trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri bħala tali, mingħajr kontorn jew forma, jirriżulta li, sabiex is-suġġett preċiż tal-protezzjoni tagħha jkun ċar u jkun jista’ jiġi pperċepit mill-konsumatur u mill-operaturi ekonomiċi u sabiex hija tissodisfa għaldaqstant il-funzjoni essenzjali tagħha ta’ indikazzjoni ta’ oriġini mingħajr ma tagħti vantaġġi kompetittivi sproporzjonati, ir-rappreżentazzjoni grafika tagħha jew id-deskrizzjoni li takkumpanjaha għandhom juru l-isfumaturi preċiżi tal-kuluri inkwistjoni, il-proporzjonijiet kif ukoll l-arranġament tagħhom fl-ispazju. Dan il-grad ta’ preċiżjoni huwa mitlub minħabba n-natura intrinsikament inqas preċiża tat-trade marks ta’ kulur bħala tali u li jiddistingwihom minn tipi oħra ta’ trade marks. Għaldaqstant, trattament differenti huwa ġġustifikat fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq.

97

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-paragun mal-prassi preċedenti tal-EUIPO dwar it-trade marks ta’ kulur bħala tali, huwa suffiċjenti li jitfakkar li d-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell huma mitluba jieħdu skont ir-Regolament Nru 207/2009, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, EU:C:2005:547, punt 47).

98

Huwa minnu li, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, ġie deċiż li, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet meħuda diġà fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 74).

99

Madankollu, dawn il-prinċipji għandhom ikunu konsistenti mal-osservanza tal-legalità. Għaldaqstant, il-persuna li tippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bl-għan li tikseb deċiżjoni identika (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 7576).

100

Fil-każ ineżami, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-linji gwida tal-EUIPO, li jipprovdu li: “meta ssir applikazzjoni għal taħlita ta’ kuluri, bħala tali, ir-rappreżentazzjoni grafika hekk kif issottomessa għandha tiddelimita dawn il-kuluri fl-ispazju sabiex tiġi ddeterminata l-portata tad-dritt mitlub (what you see is what you get – dak li wieħed jara huwa dak li wieħed jikseb). Ir-rappreżentazzjoni grafika għandha tindika ċarament il-proporzjon u l-pożizzjoni tad-diversi kuluri u għaldaqstant twettaq arranġament sistematiku li jassoċja l-kuluri kkonċernati b’mod predeterminat u uniformi”. Minn dan hija tiddeduċi li l-prassi tal-EUIPO kienet tipprevedi analiżi tal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks ta’ kulur bħala tali abbażi tar-regola li “dak li wieħed jara huwa dak li wieħed jikseb”.

101

F’dan ir-rigward, ebda ksur ta’ din il-prassi ma jista’ jiġi invokat fil-każ ineżami. Fil-fatt, mill-punt 69 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rekwiżit ta’ arranġament sistematiku, kif deskritt mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), bla ebda mod ma huwa inkonsistenti mal-imsemmija regola. Bil-kontra, għandu jiġi kkonstatat li tali rekwiżit jirriżulta direttament mill-kliem tal-punt tal-linji gwida tal-EUIPO invokat mir-rikorrenti.

102

It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-prassi tal-EUIPO, ta’ wara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), li minnha jirriżulta li huwa jaċċetta, abbażi tar-regola li “dak li wieħed jara huwa dak li wieħed jikseb”, applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea li jikkonsistu f’taħlit ta’ kuluri bħala tali, simili għat-trade marks ikkontestati, u l-validazzjoni ta’ dawn l-applikazzjonijiet minn uħud mid-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell.

103

F’dan ir-rigward, hekk kif tfakkar fil-punt 99 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor [ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2017, Intercontinental Exchange Holdings vs EUIPO (BRENT INDEX), T‑430/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:198, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata].

104

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Ġenerali qatt ma ddeċidiet li kien neċessarju li fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi indikat l-arranġament eżatt tal-kuluri bħalma huma użati fuq il-prodotti. Hija tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2009, BCS vs UASI – Deere (Tagħqid tal-kuluri aħdar u isfar) (T‑137/08, EU:T:2009:417), tat-12 ta’ Novembru 2010, Deutsche Bahn vs UASI (Tagħqid orizzontali tal-kuluri griż u aħmar) (T‑404/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:466), tat-12 ta’ Novembru 2010, Deutsche Bahn vs UASI (Tagħqid vertikali tal-kuluri griż u aħmar) (T‑405/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:467), u tat-28 ta’ Jannar 2015, (Gradazzjoni ta’ ħames sfumaturi tal-kulur aħdar) (T‑655/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:49).

105

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li s-sentenzi invokati ma jirrigwardawx il-ksur tal-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni tas-sinjali inkwistjoni.

106

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

107

Għal dak li jikkonċerna din il-parti tal-ewwel motiv, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti lanqas ma tinvoka b’mod espliċitu l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tar-rikors tagħha, iżda hija tirreferi għalih għall-ewwel darba fil-kuntest tar-replika tagħha. F’dan ir-rigward, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-EUIPO, din il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi milqugħa bħala ammissibbli. Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda lment, ippreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, għandu jitfakkar li mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 76(d) u tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jinkludi espożizzjoni sommarju tal-motivi invokati u li l-ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-elaborazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. Soluzzjoni analoga hija meħtieġa għal ilment invokat insostenn ta’ motiv (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, EU:T:2002:84, punt 156).

108

Fil-każ ineżami, l-ilment dwar in-natura sproporzjonata tar-riżultati li wasslet għalihom l-applikazzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384) mill-EUIPO, għal dak li jikkonċerna l-konformità tar-rappreżentazzjoni grafika ta’ trade mark ta’ kulur bħala tali mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, jirriżulta b’mod indirett, minn naħa, mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li ma hijiex neċessarja deskrizzjoni espressa li takkumpanja lir-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ikkontestati u, min-naħa l-oħra, mill-ineżistenza ta’ rekwiżit legali f’dan is-sens, li kienu diġà tressqu fl-istadju tar-replika.

109

Minn dan jirriżulta li l-motiv dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità mqajjem mill-assoċjazzjoni intervenjenti fil-kuntest tan-nota ta’ intervent tagħha għandu jitqies li huwa ammissibbli, skont l-Artikolu 142(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

110

Għal dak li jirrigwarda l-fondatezza ta’ dan il-motiv, minn naħa, għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn huma intiż jikkritikaw it-trattament differenti tat-trade marks ta’ kulur bħala tali fid-dawl tal-kategoriji l-oħra ta’ trade marks, l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti f’dan il-kuntest jikkonċernaw fir-realtà l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda, hekk kif jirriżulta mill-punti 94 sa 106 iktar ’il fuq.

111

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kritika li l-interpretazzjoni tas-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), adottata mill-Bord tal-Appell, tapplika b’mod strett ħafna l-kundizzjonijiet applikabbli għar-rappreżentazzjoni grafika tat-trade marks ta’ kulur bħala tali fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dawn il-kundizzjonijiet u minn livell għoli ħafna ta’ rekwiżiti, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tittieħed l-inqas waħda vinkolanti u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati mal-għanijiet li jridu jintlaħqu (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81, u tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich,C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50).

112

Issa, l-ewwel nett, kif ġie rrilevat fil-punti 41, 43 u 44 iktar ’il fuq, l-għanijiet prinċipali mfittxija mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009 huma, b’mod partikolari, li tiġi żgurata l-funzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea ta’ indikazzjoni ta’ oriġini, u dan jippreżumi li hija tkun ipperċepita b’mod preċiż, uniformi u dejjiemi, li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, u dan jippreżumi li s-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija mit-trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-proprjetarju tagħha kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti u lill-operaturi ekonomiċi l-oħra jkun iddefinit, u li jitħares l-interess ġenerali li ma tiġix limitata b’mod inġust id-disponibbiltà tal-kuluri u li d-dritt tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma jiġix abbużat sabiex jinkiseb vantaġġ kompetittiv inġust.

113

It-tieni nett, billi enfasizzat ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni imposti fuq trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri bħala tali sabiex jiġi prekluż numru ta’ taħlit differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-proporzjonalità ta’ dan ir-rekwiżit fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjoni.

114

It-tielet nett, il-proporzjonalità ta’ dan ir-rekwiżit għat-trade marks li jikkonsistu f’taħlita ta’ kuluri bħala tali tirriżulta direttament min-natura ta’ dawn it-trade marks, kif diġà ġie analizzat fil-punti 84 sa 86 iktar ’il fuq. Fil-fatt, sabiex jiġi ppreċiżat is-suġġett eżatt tal-protezzjoni mogħtija minn tali trade mark, huwa neċessarju li, mill-istadju tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-preżentazzjoni tagħha tkun oġġettiva u tirrappreżenta l-arranġament li taħt il-forma tiegħu l-konsumatur ser jipperċepiha u jimmemorizzaha.

115

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li l-applikazzjoni, fil-każ ineżami, tal-kundizzjonijiet meħtieġa mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija kundizzjonijiet.

116

Barra minn hekk, kieku l-EUIPO jaċċetta li jipproteġi taħlita ta’ żewġ kuluri jew iktar u b’hekk jawtorizza de facto numru ta’ taħlit differenti, dan l-approċċ ikun ekwivalenti għall-għoti ta’ protezzjoni li tkun sproporzjonata fid-dawl tal-għan imfittex mid-dritt tat-trade marks, li huwa li jiggarantixxi l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti fil-prattiċi kummerċjali fl-interess tal-konsumatur.

117

Ir-raba’ nett, l-assoċjazzjoni intervenjenti tiddikjara li l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa ferm iktar flagranti peress li r-Regolament il-ġdid 2015/2424 jabbanduna r-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni grafika, billi jintroduċi l-Artikolu 4(b) fir-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 4(b) tar-Regolament 2017/1001), li issa jipprevedi s-sempliċi rekwiżit li s-sinjal ikun tali li jista’ jiġi rrappreżentat “b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku li jiddeterminaw b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju ta’ tali trademark”.

118

F’dan ir-rigward, minkejja li l-Artikolu 4(b) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, ma japplikax fil-każ ineżami, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li tali argument jibbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, it-test il-ġdid tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa pjuttost intiż sabex isaħħaħ iċ-ċertezza legali, huwa iktar restrittiv mit-test l-antik, inkwantu huwa jintegra espliċitament fil-korp tiegħu l-għanijiet iddefiniti fis-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckmann (C‑273/00, EU:C:2002:748), u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), u għaldaqstant huwa perfettament koerenti ma’ din il-ġurisprudenza kif ukoll mal-applikazzjoni tagħha mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati.

119

Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti iżda bħalma ssostni l-intervenjenti, għandu jiġi osservat li la huwa impossibbli u lanqas sproporzjonat li jintalab li applikazzjoni għal reġistrazzjoni li tirrigwarda trade mark li tikkonsisti f’taħlita ta’ kuluri bħala tali tiġi rrappreżentata grafikament jew akkumpanjata minn deskrizzjoni li tinkludi l-arranġament sistematiku tal-kuluri fl-ispazju, b’mod li jippermetti li jintgħaraf b’mod ċar u preċiż is-suġġett tal-protezzjoni mogħtija mill-imsemmija trade mark.

120

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet parti tal-ewwel motiv dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat kollu kemm hu.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

121

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti, sostnuta mill-assoċjazzjoni intervenjenti, tikkritika lill-Bord tal-Appell li kkonkluda, minn naħa, li l-fatt li l-eżaminatur aċċetta jew saħansitra ssuġġerixxa l-formulazzjoni tad-deskrizzjoni, meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati, ma jistax ikun il-bażi ta’ aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, li prassi stabbilita tal-EUIPO jew ma kinitx teżisti jew ma kinitx tammonta għal informazzjoni li tista’ tkun il-bażi ta’ aspettattivi leġittimi.

122

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li billi l-EUIPO rreġistra t-trade marks ikkontestati abbażi tal-karattru distintiv tagħhom miksub permezz tal-użu, huwa ddeċieda b’mod impliċitu fuq il-konformità tal-imsemmija trade marks mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

123

L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

124

Skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-EUIPO jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni, meta t-trade mark tkun ġiet irreġistrata kontrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament.

125

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi teżisti għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni, billi tagħtu assigurazzjonijiet speċifiċi, tkun nislet aspettattivi leġittimi fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konsistenti, li toħroġ minn sorsi awtorizzati u ta’ min joqgħod fuqhom, tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata [ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Kachakil Amar vs UASI (Linja lonġitudinali li tispiċċa fit-trijangolu), T‑388/04, mhux ippubblikata, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata].

126

Madankollu, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet u mar-regoli applikabbli, peress li l-wegħdiet li ma jiħdux inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni ma humiex tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna kkonċernata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Interkobo vs UASI – XXXLutz Marken (my baby), T‑523/10, EU:T:2012:326, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata].

127

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, rikorrent għandu jkun jista’ jinvoka aspettattivi bbażati fuq assigurazzjonijiet speċifiċi pprovduti mill-amministrazzjoni tali li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ persuna li tkun aġixxiet in bona fide u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment prudenti [ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, dm-drogerie markt vs UASI – Distribuciones Mylar (dm), T‑36/09, EU:T:2011:449, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata].

128

Fil-każ ineżami, fil-punt 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li s-suġġerimenti għad-deskrizzjoni mogħtija mill-eżaminatur meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma kinux jikkostitwixxu informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konsistenti li setgħet tnissel f’moħħ ir-rikorrenti aspettattivi bbażati fuq il-validità tar-reġistrazzjoni tat-trade marks ikkontestati.

129

Issa, għal dak li jikkonċerna l-ewwel trade mark ikkontestata, mill-fajl jirriżulta li matul it-telefonati li seħħew bejn il-11 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Settembru 2004, l-eżaminatur talab lir-rappreżentant tar-rikorrenti jippreċiża l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni identifikati fis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), u, b’mod partikolari, talab sabiex tiżdied informazzjoni dwar il-proporzjonijiet taż-żewġ kuluri inkwistjoni u l-mod kif dawn il-kuluri jidhru. Wara din it-talba tal-eżaminatur, fil-11 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrenti ppreżentat id-deskrizzjoni indikata fil-punt 3 iktar ’il fuq u l-ewwel trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fil‑25 ta’ Lulju 2005.

130

Għal dak li jikkonċerna t-tieni trade mark ikkontestata, hekk kif tfakkar fil-punti 11 sa 13 iktar ’il fuq, wara avviż min-naħa tal-eżaminatur tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ forom proċedurali, li talab li jiġu ppreċiżati l-proporzjonijiet li fihom kull kulur huwa applikat fuq il-prodotti u l-mod kif dawn il-kuluri jidhru, ir-rikorrenti pprovdiet deskrizzjoni li tindika li “l-kuluri ser ikunu applikati f’proporzjonijiet ugwali u ħdejn xulxin”. Fit-8 ta’ Marzu 2011, it-tieni trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata.

131

Dawn iċ-ċirkustanzi fattwali ma humiex ikkontestati mill-EUIPO.

132

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, bħalma l-EUIPO kkonferma matul is-seduta, fiż-żewġ każijiet, l-eżaminatur sempliċement talab lir-rikorrenti tippreċiża d-deskrizzjoni pprovduta mal-indikazzjoni tal-proporzjonijiet bejn iż-żewġ kuluri kkonċernati u l-mod kif dawn jidhru. Il-preċiżazzjonijiet pprovduti mir-rikorrenti ġew sussegwentement aċċettati. Madankollu, dan ma jfissirx li, fiż-żewġ każijiet, l-eżaminatur ta assigurazzjonijiet speċifiċi, inkundizzjonali u konsistenti, li dawn id-deskrizzjonijiet kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti legali previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

133

Issa, l-ewwel nett, għalkemm l-eżaminatur aċċetta għal darbtejn, żewġ deskrizzjonijiet li ma kinux konformi mar-rekwiżiti identifikati mis-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384), dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jipprekludu li t-trade marks ikkontestati jiġu ddikjarati invalidi jekk ir-reġistrazzjoni tagħhom twettqet bi ksur ta’ waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009.

134

It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li l-informazzjoni pprovduta mill-eżaminatur tista’ tiġi kklassifikata bħala assigurazzjoni speċifika u inkundizzjonali, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 126 iktar ’il fuq, jirriżulta li, sakemm tali assigurazzjonijiet ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli, huma ma setgħux inisslu aspettattivi leġittimi.

135

It-tielet nett, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ippreċeduta jew le minn diskussjonijiet dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta sabiex tiġi ggarantita n-natura korretta u kompluta tal-applikazzjoni, ma tistax tipproteġi lill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark kontra r-riskju li din tal-aħħar tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 126 iktar ’il fuq, jirriżulta li peress li r-rekwiżit ta’ ċertezza legali li jikkostitwixxi l-interess ġenerali mfittex minn din id-dispożizzjoni, neċessarjament jipprevali fuq kwalunkwe aspettattivi leġittimi u l-interess privat li proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ possibbilment jinvoka.

136

Barra minn hekk, l-għan tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jikkonsisti preċiżament f’li jippermetti li jiġu kkoreġuti eventwali żbalji mwettqa mill-eżaminatur meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal reġistrazzjoni, irrispettivament mill-fatt li l-iżball kien ippreċedut minn diskussjonijiet mal-applikant tat-trade mark jew le, peress li fiż-żewġ każijiet, twettqet reġistrazzjoni allegatament korretta, li tista’ madankollu tiġi annullata minħabba raġuni assoluta għal invalidità, kif jirriżulta mill-kliem ta’ dan l-artikolu.

137

Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma setgħet tibbaża ebda aspettattiva leġittima fuq il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-EUIPO.

138

F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq, l-EUIPO għandu jeżerċita l-kompetenzi tiegħu f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u jistħarreġ b’attenzjoni partikolari l-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għandhom madankollu jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità. Konsegwentement, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur xi ħadd ieħor sabiex tikseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod speċifiku, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks tal-Unjoni Ewropea jiġu rreġistrati b’mod inġust. Għaldaqstant, eżami bħal dan għandu jsir f’kull każ konkret. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea jiddependi fuq kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ ineżami u intiżi sabiex jivverifikaw jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut [ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Comptoir d’Épicure vs UASI – A-Rosa Akademie (da rosa), T‑405/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1072, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata].

139

Minn dan isegwi li kien ġust li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka b’mod utli, insostenn ta’ allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, da rosa, T‑405/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1072, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta fakkar fil-punt 29 tad-deċiżjonijiet ikkontestati li, skont il-ġurisprudenza, sempliċi prassi, indipendentement minn kemm tkun kurrenti, ma tammontax għal informazzjoni preċiża, bla kundizzjonijiet u konsistenti fis-sens tal‑ġurisprudenza mfakkra fil-punt 125 iktar ’il fuq [ara s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, Anheuser-Busch vs UASI – Budějovický Budvar (BUDWEISER), T‑191/07, EU:T:2009:83, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata].

141

Barra minn hekk, kif ġustament josserva l-Bord tal-Appell fil-punti 30 sa 33 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO jew tal-Bordijiet tal-Appell jew anki fuq sentenzi tal-qorti tal-Unjoni, dwar trade marks tal-Unjoni Ewropea li jikkonsistu f’taħlit ta’ kuluri bħala tali, simili għat-trade marks ikkontestati, ibbażati biss fuq l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, sabiex tafferma l-eżistenza ta’ prassi dwar jekk tali trade marks jistgħux jiġu rreġistrati fis-sens tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

142

Fil-fatt, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li l-eżaminatur, il-Bord tal-Appell jew il-qorti tal-Unjoni taw deċiżjoni dwar l-assenza ta’ karattru distintiv ta’ dawn it-trade marks biss li dawn setgħu jitqiesu li huma konformi mal-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 207/2009. Għaldaqstant, dawn id-deċiżjonijiet ma setgħux jitqiesu li jikkostitwixxu prassi li applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea ta’ trade marks ta’ dan it-tip kienu aċċettati mill-EUIPO jew mill-qorti tal-Unjoni. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li billi rreġistra t-trade marks ikkontestati abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu, l-EUIPO ta deċiżjoni b’mod impliċitu dwar il-konformità ta’ dawn it-trade marks mal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 207/2009.

143

Fit-tielet lok, sa fejn l-assoċjazzjoni intervenjenti tibbaża ruħha fuq il-linji gwida tal-EUIPO, diġà ġie deċiż li xejn ma jippermetti li jitqies li dawn tal-aħħar jipprevalu fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2009, BUDWEISER, T‑191/07, EU:T:2009:83, punt 48).

144

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

145

Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud. Konsegwentement, mingħajr il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

146

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti.

147

Barra minn hekk, skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fil-każ ineżami, l-assoċjazzjoni intervenjenti li interveniet insostenn tar-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Red Bull GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Optimum Mark sp. z o.o.

 

3)

Marques għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Prek

Buttigieg

Berke

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Novembru 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.