SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta ornament – Disinn preċedenti – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Prodott inkwistjoni – Grad ta’ libertà tal-kreatur – Assenza ta’ impressjoni globali differenti – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑57/16,

Chanel SAS, stabbilita fi Neuilly-sur-Seine (Franza), irrappreżentata minn C. Sueiras Villalobos, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn E. Zaera Cuadrado, bħala aġent,

konvenut,

il-partijiet l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienu

Li Jing Zhou, residenti fi Fuenlabrada (Spanja),

u

Golden Rose 999 Srl, stabbilita f’Ruma (l-Italja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-18 ta’ Novembru 2015 (Każ R 2346/2014‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn, minn naħa, Chanel u, min-naħa l-oħra, Li Jing Zhou u Golden Rose 999,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Frar 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ April 2016,

wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-30 ta’ Marzu 2010, Li Jing Zhou ppreżenta applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn Komunitarju quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2

Id-disinn li fir-rigward tiegħu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa rrappreżentat kif ġej:

Image

3

Id-disinn irrappreżentat fil-punt 2 hawn fuq, irreġistrat bin-Numru 1689027‑0001 huwa intiż sabiex jiġi applikat għal “ornamentazzjoni”, li taqa’ fil-klassi 32 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, tat-8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, ġie ppubblikat fil-Bulettin tad-disinni komunitarji Nru 97/2010, tal-5 ta’ Mejju 2010.

4

Fl-24 ta’ Jannar 2014, l-EUIPO ġie informat li Golden Rose 999 Srl kienet saret koproprjetarja tad-disinn irrappreżentat fil-punt 2 hawn fuq.

5

Fl-4 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti, Chanel SAS, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002 ressqet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat. Ir-raġuni mogħtija insostenn għat-talba kienet dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

6

Fin-nota li tesponi r-raġunijiet għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, ir-rikorrenti ssostni li d-disinn ikkontestat ma kellux karattru ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002. Fil-fehma tagħha, id-disinn ikkontestat kien jixxiebah ħafna mal-monogramm tagħha u kien kważi identiku għalih, irreġistrat bħala trade mark kummerċjali fi Franza sa mill-1989 u rrappreżentat kif ġej:

Image

7

Minbarra hekk, hija invokat l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għar-raġuni li d-disinn preċedenti ma kienx iċaħħad lid-disinn ikkontestat min-novità tiegħu, u lanqas mill-karattru individwali.

9

Fir-rigward tal-karattru ġdid tad-disinn ikkontestat, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni essenzjalment qieset li d-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti ma kinux insinjifikanti. F’dak li jikkonċerna l-karattru individwali, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonkludiet li d-disinn ikkontestat kien joħloq fuq l-utent avżat impressjoni globali differenti mid-disinn preċedenti.

10

Fl-10 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat appell, quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. Essenzjalment huwa qies li d-disinn ikkontestat manifestament ma kienx identiku għall-monogramm ta’ Chanel, li d-differenzi bejn iż-żewġ disinni ma jistgħux jiġu assimilati għal dettalji insinjifikanti u li, konsegwentement, id-disinn ikkontestat kien ġdid.

12

Hija qieset ukoll li d-disinn preċedenti ma kienx iċaħħad lid-disinn ikkontestat mill-karattru individwali tiegħu. Il-Bord tal-Appell qabel xejn eżamina l-kunċett ta’ “utent avżat” applikat f’dan il-każ. Minn dan huwa kkonkluda li l-prodott li għalih ġie applikat id-disinn ikkontestat kien jikkostitwixxi ornament u li dan il-prodott kien użat kemm mill-professjonisti kif ukoll mill-utenti finali bħala ornament ta’ prodotti oħra.

13

Il-Bord tal-Appell sussegwentement osserva li l-kreatur tad-disinn ikkontestat kien igawdi minn libertà kbira għall-kreazzjoni tiegħu. Madankollu, id-differenza eżistenti fil-partijiet ċentrali taż-żewġ monogrammi tikkostitwixxi karatteristika fundamentali, li l-utent avżat iżomm fil-memorja tiegħu, kif korrettement iddefinit mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Konsegwentement, l-impressjoni globali prodott minn kull wieħed minn dawn id-disinni kunfliġġenti fuq l-utent avżat tvarja.

It-talbiet tal-partijiet

14

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, kif ukoll lil kull parti prinċipali jew intervenjenti fil-proċedura insostenn tad-deċiżjoni kkontestata.

15

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

16

Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat.

17

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti Ġenerali għandha l-kompetenza sew sabiex tannulla kif ukoll sabiex tibdel id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 61(6) tal-istess regolament, l-EUIPO huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tagħti ordnijiet lill-EUIPO, li, fil-fatt, għandu jiddeduċi l-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali [sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Beifa Group vs UASI – Schwan‑Stabilo Schwanhäußer (Strument tal-kitba), T‑148/08, EU:T:2010:190, punt 40].

18

Għaldaqstant, it-tieni kap ta’ talbiet tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli [ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 2009, Bayern Innovativ vs UASI – Life Sciences Partners Perstock (LifeScience), T‑413/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:34, punt 17].

Fuq il-mertu

19

Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, li jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq ksur tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament u, it-tieni waħda, fuq ksur tal-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament. Għandha tiġi eżaminata l-ewwel parti ta’ dan il-motiv uniku.

20

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-analiżi tal-Bord tal-Appell hija manifestament inkompleta u li l-konklużjonijiet tiegħu huma vvizzjati minn diversi żbalji.

21

Skont ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, il-Bord tal-Appell bl-ebda mod ma semma l-prodott li għalih dan id-disinn huwa intiż li jiġi applikat. Lanqas ma ġie ppreċiżat min huwa l-utent avżat f’din il-kawża. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell messu ħa inkunsiderazzjoni l-provi ppreżentati, li juru li d-disinni kunfliġġenti ġew riprodotti fuq oġġetti reali, kif ukoll il-fatt li kien hemm biss differenzi minimi bejn dawn id-disinni. Ir-rikorrenti barra minn hekk issostni li d-disinn ikkontestat jista’ jintuża jekk l-orjentazzjoni tiegħu iddur b’90 grad meta mqabbel mar-rappreżentazzjoni tiegħu fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

22

B’hekk, minkejja l-konklużjoni li l-kreatur tad-disinn ikkontestat kien igawdi minn libertà kbira għall-kreazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell madankollu ddeċieda li d-disinni kunfliġġenti ma kinux jipproduċu l-istess impressjoni globali, u dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002.

23

L-EUIPO jitlob li l-ewwel parti tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, qabel kollox, huwa josserva li r-rikorrenti la tikkontesta d-definizzjoni tal-utent avżat, u lanqas il-grad ta’ libertà tal-kreatur tad-disinn u tiddefinixxi l-prodott li għalih huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat bħala ornament.

24

Sussegwentement, l-EUIPO jitlob li ċerti provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali jiġu ddikjarati inammissibbli kif ukoll li tiġi ddikjarata l-inammissibbiltà tal-argument li l-Bord tal-Appell kien obbligat jieħu inkunsiderazzjoni d-disinni kunfliġġenti kif huma rrappreżentati fuq prodotti kkummerċjalizzati. Fi kwalunkwe każ, tali teħid inkunsiderazzjoni ma huwiex possibbli, u dan għaliex il-kundizzjonijiet ta’ użu tad-disinni f’kunflitt jiddependu totalment fuq ir-rieda tal-partijiet.

25

Fl-aħħar nett, skont l-EUIPO, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-libertà kbira li minnha jibbenefika l-kreatur tad-disinn ikkontestat. Minkejja din il-konstatazzjoni, huwa kkunsidra d-differenzi bejn il-partijiet ċentrali tad-disinni f’kunflitt, mingħajr ma dawn id-differenzi ġew ikkontestati mir-rikorrenti. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li d-disinni kunfliġġenti ma kinux jipproduċu l-istess impressjoni globali fl-utent avżat.

26

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi:

“1.   Disinn għandu jiġi meqjus li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali mħollija fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku:

(a)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju mhux irreġistrat, qabel id-data li fiha d-disinn li għalih ikun hmm talba għall-protezzjoni jkun ġie magħmul disponibbli għall-pubbliku għall-ewwel darba;

(b)

fil-każ ta’ disinn Komunitarju rreġistrat, qabel id-data ta’ l-infilzar ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk ikun hemm talba dwar il-prijorità, id-data tal-prijorità.

2.   Fl-istima tal-karattru individwali, għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni l-grad tal-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp taddisinn.”

27

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju essenzjalment tippreżupponi eżami f’erba’ stadji, li jikkonsistu fid-determinazzjoni, l-ewwel nett, tas-settur tal-prodotti li magħhom id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat, it-tieni nett, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-għan tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ konoxxenza tal-arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni fit-tqabbil, dirett jekk possibbli, tad-disinni, it-tielet nett, il-grad ta’ libertà tal-kreatur fl-iżvilupp tad-disinn u, ir-raba’ nett, ir-riżultat tat-tqabbil tad-disinni inkwistjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-settur ikkonċernat, tal-grad ta’ libertà tal-kreatur u tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku. Prerekwiżit fl-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn kif ukoll fl-eżami tan-novità tiegħu skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002 jikkonsisti fl-istabbiliment tal-eżistenza u tal-preċedenza tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ kwalunkwe disinn invokat insostenn tal-invalidità tad-disinn ikkontestat [sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Budziewska vs UASI – Puma (Felin jaqbeż), T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 21].

28

Konsegwentement, mill-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżami tal-karattru individwali ta’ disinn jiddependi fuq l-impressjoni globali li dan jipproduċi fl-utent avżat [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 17, u tal-25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs UASI – Dusyma (Logħob), T‑231/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:560, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata].

29

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni konkreta tal-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni fuq l-utent avżat, li għandu ċerta konoxxenza tal-istat tal-arti preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tal-kreatur fl-iżvilupp tad-disinn ikkontestat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 72].

30

Konformement mal-ġurisprudenza, iktar ma tkun kbira l-libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas id-differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ disinn, iktar id-differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Għalhekk, grad għoli ta’ libertà tal-kreatur fl-iżvilupp ta’ disinn isaħħaħ il-konklużjoni li d-disinni li ma fihomx differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat [sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna b’kombustjoni interna), T‑11/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:447, punt 33].

31

Madankollu, għandu jitfakkar li l-fattur dwar il-libertà tal-kreatur waħdu ma jistax jikkundizzjona l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, iżda li, għall-kuntrarju, dan huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni. Dan huwa fattur li jippermetti li tiġi attenwata l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, iktar milli fattur awtonomu li jiddetermina d-differenza meħtieġa bejn żewġ disinni sabiex kull wieħed minnhom jattesta karattru individwali. Għalhekk, il-fattur relatat mal-grad ta’ libertà tal-kreatur jista’ jsaħħaħ jew, għall-kuntrarju, idgħajjef il-konklużjoni fuq l-impressjoni globali ta’ kull disinn inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, H&M Hennes & Mauritz vs UASI – Yves Saint Laurent (Basktijiet tal-idejn), T‑526/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:614, punti 3335].

32

Għaldaqstant id-disinn ma jistax jitqies li huwa riproduzzjoni tad-disinn preċedenti jew tal-idea oriġinali li kienet ġiet żviluppata għall-ewwel darba f’dan tal-aħħar [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2013, Kastenholz vs UASI – Qwatchme (Uċuħ tal-arloġġi), T‑68/11, EU:T:2013:298, punt 71, u tal-4 ta’ Frar 2014, Gandia Blasco vs UASI – Sachi Premium-Outdoor Furniture (Pultruna kubika), T‑339/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:54, punt 40].

33

Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għat-tqabbil analitiku ta’ elenku ta’ xebh u ta’ differenzi [sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 58].

34

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-ewwel parti tal-motiv uniku mqajjem fil-kuntest ta’ din l-azzjoni għandha tiġi eżaminata.

35

Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, il-preċedenza tal-monogramm Chanel ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

36

Minbarra dan, ir-rikorrenti ma tikkontestax li d-disinn ikkontestat huwa ornament li jaqa’ fil-klassi 32, iżda ssostni li l-Bord tal-Appell ma identifikax il-prodotti li fuqhom dan l-ornament huwa intiż li jiġi applikat.

37

Barra minn hekk huwa paċifiku bejn il-partijiet u dan ġie sostnut mill-ġdid waqt is-seduta li l-utent avżat f’din il-kawża huwa ddefinit kemm mill-professjonisti kif ukoll mill-utenti finali.

38

Il-partijiet jaqblu wkoll fuq il-fatt li l-kreatur tad-disinn ikkontestat kien igawdi minn libertà kbira għall-kreazzjoni tiegħu.

39

Konsegwentement, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat imwettqa mill-Bord tal-Appell għandu jiġi eżaminat jekk dan wettaqx żball, minn naħa, fir-rigward tad-determinazzjoni tan-natura tal-prodott li għalih id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi applikat u, min-naħa l-oħra, dwar it-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinni kunfliġġenti.

Dwar in-natura tal-prodott li għalih id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi applikat

40

F’din il-kawża, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma identifikatx, kif kellha tagħmel, il-prodott li għalih id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi applikat.

41

Sabiex jiġi ddeterminat il-prodott li fih disinn ikkontestat ikun intiż li jiġi inkorporat jew li għalih disinn ikkontestat ikun intiż li jiġi applikat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-indikazzjoni li tirrigwardah fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal‑imsemmi disinn, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, id-disinn stess, sa fejn dan jippreċiża n-natura tal-prodott, l-użu intiż jew il-funzjoni tiegħu (sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 56).

42

Preliminarjament, għandu jitfakkar li disinn jista’ jiġi rreġistrat bħala ornament kif seħħ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż (T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584), li kienet tirrigwarda disinn irreġistrat bħala logo skont il-klassi 32.

43

F’din il-kawża, id-disinn ikkontestat ma jagħtix informazzjoni dwar l-użu intiż tiegħu jew dwar il-funzjoni tiegħu. Barra minn hekk, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013 (Felin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584), iċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq, li fiha d-disinni inkwistjoni kienu ġeneralment jirrigwardaw is-settur tal-ħwejjeġ u tal-materjal sportiv, f’din il-kawża, il-monogramm Chanel huwa rreġistrat għal numru kbir ta’ prodotti u d-disinn ikkontestat huwa reġistrat bħala ornament, mingħajr ebda preċiżazzjoni dwar il-prodotti li fuqhom dan huwa intiż li jiġi applikat. Minn dan isegwi li, f’din il-kawża, ma kienx possibbli li wieħed jiddetermina s-settur tal-prodotti li fihom id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom jiġi applikat, u lanqas li wieħed iqabblu mal-monogramm Chanel.

44

Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li l-prodott li għalih kien intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat kien ornament, u dan ma ġiex ikkontestat mill-partijiet. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jidentifika l-prodott li għalih dan l-ornament kien intiż li jiġi applikat.

45

Għaldaqstant din il-konklużjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti fuq l-utent avżat.

Fuq it-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti

46

Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-Bord tal-Appell, bi żball u mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, ikkonkluda li teżisti impressjoni globali differenti prodotta mid-disinni kunfliġġenti, minkejja l-libertà kbira tal-kreatur, u injora l-provi ppreżentati li juru li d-disinni kunfliġġenti ġew riprodotti fuq oġġetti reali kif ukoll il-fatt li kien hemm biss differenzi minimi bejn dawn id-disinni.

47

L-EUIPO jqis li l-Bord tal-Appell ġustament qies li d-disinni kunfliġġenti kienu jagħtu impressjoni globali differenti, mingħajr ma injora l-libertà kbira tal-kreatur. Barra minn hekk, huwa jitlob l-inammissibbiltà ta’ ċerti provi u tal-argument dwar il-ħtieġa ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ prodotti kkummerċjalizzati, ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali.

48

Huwa korrett li r-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ritratti ta’ nuċċalijiet tax-xemx għal tqabbil ta’ oġġetti li fuqhom hemm iwaħħal id-disinn ikkontestat, minn naħa, u l-monogramm Chanel, min-naħa l-oħra, sabiex jintwerew prodotti bid-disinni kunfliġġenti effettivament ikkummerċjalizzati, ippreżentati matul il-fażi amministrattiva insostenn tal-parti dwar l-assenza ta’ karattru ġdid tad-disinn ikkontestat u mhux insostenn ta’ din il-parti tal-motiv. Huwa daqstant ieħor minnu li r-rikorrenti ppreżentat, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ritratti oħrajn fir-rikors u matul is-seduta sabiex turi l-użu tad-disinn ikkontestat fuq prodotti kkummerċjalizzati, kif ukoll l-argument dwar il-ħtieġa tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prodotti kkummerċjalizzati.

49

Qabel xejn għandu jiġi rrilevat li d-dokumenti u l-argument, imsemmija fil-punt 48 iktar ’il fuq, ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, l-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali hija intiża sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 6/2002, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti msemmija iktar ’il fuq għandhom jitwarrbu mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 24, u tat-13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI – THC (Radjaturi ta’ tisħin), T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 28].

50

Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna r-ritratti li juru nuċċalijiet tax-xemx diġà ppreżentati quddiem l-EUIPO, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, dawn ir-ritratti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss bħala eżempju ta’ użu possibbli tad-disinn ikkontestat, anki fid-dawl tal-orjentazzjoni jew tad-daqs tad-disinni kunfliġġenti waqt l-użu tagħhom, u, għaldaqstant, ma jistgħu jiġu pperċepiti bħala l-uniku punt ta’ referenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, Felin jaqbeż, T‑666/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:584, punt 30, u tad-29 ta’ Ottubru 2015, Vit b’liver wieħed, T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 78). Din il-konstatazzjoni hija msaħħa mill-fatt li, f’din il-kawża, id-disinn ikkontestat jirrappreżenta ornament li jaqa’ fil-klassi 32, li jista’ jiġi applikat għal għadd kbir ta’ prodotti.

51

Barra minn hekk, il-varjazzjonijiet fl-orjentazzjoni tad-disinn ikkontestat intwerew fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell permezz ta’ rappreżentazzjoni ta’ sovrappożizzjoni tad-disinni kunfliġġenti. L-EUIPO kkonferma fir-risposta, kif ukoll waqt is-seduta, li din il-possibbiltà ta’ użu kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell.

52

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza, l-impressjoni globali bilfors għandha tiġi ddeterminata anki fir-rigward tal-mod kif il-prodott inkwistjoni jintuża, b’mod partikolari fir‑rigward tal-manipulazzjonijiet li huwa suġġett għalihom normalment f’din l-okkażjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Apparat għall-komunikazzjoni, T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 66).

53

F’din il-kawża, fil-kuntest tal-analiżi konkreta tiegħu dwar it-tqabbil tal-impressjonijiet globali, il-Bord tal-Appell, filwaqt li aċċetta l-libertà kbira tal-kreatur, iddeċieda li d-disinni kunfliġġenti kienu jipproduċu impressjoni globali differenti fl-utent avżat. F’dan ir-rigward, huwa bbaża ruħu essenzjalment fuq id-differenzi bejn il-partijiet ċentrali tad-disinni kunfliġġenti. B’mod partikolari, l-ewwel nett, fil-fehma tiegħu d-disinn ikkontestat huma magħmul minn “żewġ ‘3’ maqluba”, filwaqt li l-monogramm Chanel huma magħmul minn “żewġ ‘C’ maqluba”. It-tieni nett, id-disinn ikkontestat jirrappreżenta ħolqa orizzontali li t-truf tagħha huma bil-ponta u b’linja ħarira usa’, filwaqt li l-monogramm Chanel fih vojt ċentrali ovali bi truf bil-ponta. It-tielet nett, ġiet osservata analoġija mas-simbolu tal-infinità għad-disinn ikkontestat u analoġija ma’ elissi għall-monogramm Chanel.

54

Għalhekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kulma għamel il-Bord tal-Appell kien li rrileva li, minkejja l-libertà kbira ta’ kreazzjoni, id-differenzi fil-parti ċentrali tad-disinni kunfliġġenti, kif deskritti fil-punt 53 iktar ’il fuq, kienu jikkostitwixxu karatteristika fundamentali li l-utent avżat kien iżomm fil-memorja.

55

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, id-disinn preċedenti għandu xebh notevoli mad-disinn ikkontestat. Sa ċertu punt dan jista’ jiġi perċepit bħala kreazzjoni ispirata mill-idea tal-monogramm Chanel, iktar u iktar peress li l-għażla tad-disinn ikkontestat bl-ebda mod ma kien ikkundizzjonat minn xi kunsiderazzjonijiet u peress li l-kreatur tiegħu ma ħoloqx distinzjoni suffiċjenti bejn l-imsemmi disinn u l-monogramm Chanel. Għaldaqstant, għandu jitqies li l-utent avżat se jipperċepixxi d-disinni kunfliġġenti b’mod globali sabiex jiddetermina jekk dawn jipproduċux impressjoni globali differenti. Issa, minkejja li ż-żewġ disinni fihom differenzi fil-partijiet ċentrali tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-impressjoni globali ma tvarjax, sa fejn il-partijiet esterni, li jiddeterminaw b’mod kunsiderevoli l-profil u l-impressjoni globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti, huma simili ħafna u kważi identiċi. Barra minn hekk, minkejja li l-partijiet ċentrali fihom ċerti differenzi, it-tnejn huma magħmula minn forom ovali simili li jiġu fix-xejn fl-immaġni globali tad-disinni. B’mod partikolari, il-parti ċentrali tad-disinn ikkontestat hija magħmula minn żewġ elissi li jixbħu lill-elissi unika osservata għall-monogramm Chanel. Dawn id-differenzi inqas jistgħu jiġu rrilevati mill-utenti avżat, tant li huwa possibbli li d-disinn ikkontestat jintuża f’orjentazzjoni li tvarja b’90 grad u f’daqsijiet diversi.

56

Fid-dawl tax-xebh tad-disinni kunfliġġenti, il-libertà kbira ta’ kreazzjoni tista’ biss issaħħaħ, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza, l-assenza ta’ impressjoni globali differenti prodotta mill-imsemmija disinni, speċjalment peress li d-differenzi jistgħu jiġu rrilevati biss bi tqabbil dirett li ma huwiex dejjem immedjatament possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 55).

57

Għandu wkoll jiġi rrilevat li, f’din il-kawża, ebda limitazzjoni marbuta ma’ karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-ornament jew ta’ element tal-ornament, jew saħansitra ma’ rekwiżiti legali applikabbli, ma ġiet ikkonstatata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2011, Magna b’kombustjoni interna, T‑11/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:447, punt 32).

58

Fl-aħħar nett għandu jitfakkar li d-disinn ikkontestat huwa ornament li jaqa’ fil-klassi 32 u li tali ornament jista’ jiġi applikat fuq firxa kbira ta’ prodotti, li tirrendi d-determinazzjoni minn qabel tal-użu tiegħu kważi impossibbli. Konsegwentement, din iċ-ċirkustanza ssaħħaħ in-neċessità ta’ analiżi bir-reqqa tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti.

59

Għaldaqstant, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-libertà kbira ta’ kreazzjoni tal-kreatur tad-disinn ikkontestat u l-eżistenza ta’ libertà kbira ta’ użu tal-imsemmi disinn għal prodotti li jvarjaw, id-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti ma jistgħux jipproduċu impressjoni globali differenti fl-utent avżat.

60

Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali meta mqabbel mal-monogramm Chanel.

61

Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv uniku, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, għandha tintlaqa’.

62

Ma huwiex neċessarju li t-tieni parti tal-motiv uniku tiġi eżaminata, sa fejn l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li l-protezzjoni ta’ disinn tiġi żgurata biss jekk dan huwa kemm ġdid kif ukoll għandu karattru individwali.

63

Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq kollha jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq l-ispejjeż

64

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż f’konformità mat-talbiet tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat-18 ta’ Novembru 2015 (Każ R 2346/2014‑3), hija annullata.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

L-EUIPO huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Lulju 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol