SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Frar 2017 ( 1 )

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza — Ċirkustanzi partikolari tal-kawża — Kwistjoni tat-tilwima — Kumplessità tat-tilwima — Aġir tal-partijiet u okkorrenza ta’ kwistjonijiet proċedurali — Assenza ta’ perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikata”

Fil-Kawża T-725/14,

Aalberts Industries NV, stabbilita f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Wesseling, u M. Tuurenhout, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn A. Placco, sussegwentement minn J. Inghelram u E. Beysen, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë, P. van Nuffel u V. Bottka, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament sostniet minħabba t-tul tal-proċedura, quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-qafas tal-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, I. Labucka, E. Bieliūnas (Relatur), V. Kreuschitz u I. S. Forrester, Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 19 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2006, Aalberts Industries NV, ippreżentat, flimkien ma’ Simplex Armaturen + Fittings GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Simplex”) u Acquatis France SAS, li saret Comap SA (iktar ’il quddiem “Acquatis”) azzjoni kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180 tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F-1/38.121 – Attrezzaturi) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni C(2006) 4180”). Fir-rikors, dawn il-kumpanniji talbu, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali, prinċipalment, tannulla dik id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet imponitilhom b’dik id-deċiżjoni.

2

Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni C(2006) 4180 fejn il-Kummissjoni Ewropea kienet kkonstat li l-kumpanniji msemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq kienu pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE matul il-perijodu bejn il-25 ta’ Ġunju 2003 u l-1 ta’ April 2004. Il-Qorti Ġenerali annullat ukoll l-Artikolu 2(a) ta’ din id-deċiżjoni. F’dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kienet imponiet multa f’ammont ta’ EUR 100.80 miljun fuq ir-rikorrenti, in solidum mas-sussidarji tagħha, Simplex u Acquatis. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(b)(2) tad-Deċiżjoni C(2006) 4180, li kienet sabet lil Simplex u Acquatis responsabbli in solidum għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 2.04 miljuni.

3

B’rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114).

4

Bis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni vs Aalberts Industries et (C‑287/11 P, EU:C:2013:445), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat din l-azzjoni kontra l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni.

6

Permezz ta’ atti sseparati, ippreżentati fir-Registru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-17 ta’ Novembru 2014 u fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja qajmu, kull waħda minnhom, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

7

B’digriet tat-13 ta’ Frar 2015, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T‑725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:107), il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammisibbiltà li qajmet il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, ċaħdet ir-rikors sa fejn kien dirett kontra l-Unjoni rrapreżentata mill-Kummissjoni.

8

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat appell, irreġistrat taħt ir-referenza C‑132/15 P, mid-digriet tat-13 ta’ Frar 2015, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T‑725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:107).

9

B’digriet tal-14 ta’ April 2015, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ssospenda, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura f’din il-kawża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li temmet il-proċeduri fil-Kawża C‑132/15 P, Il-Qorti tal-Ġustizzja vs Aalberts Industries.

10

B’digriet tat-18 ta’ Diċembru 2015, Il-Qorti tal-Ġustizzja vs Aalberts Industries (C‑132/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:858), il-kawża tneħħiet mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

11

Wara li ssoktat il-proċedura f’din il-kawża, il-Kummissjoni, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Jannar 2016, talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

12

Fis-16 ta’ Frar 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentat risposta.

13

Fis-17 ta’ Frar 2016, il-Qorti Ġenerali bagħtet din il-kawża quddiem it-Tielet Awla Estiża.

14

Fit-2 ta’ Marzu 2016, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx meħtieġ it-tieni skambju ta’ noti. Barra minn hekk, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tindika jekk hija kinitx talbet u kisbet l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114) (iktar ’il quddiem il-“Kawża T‑385/06”), u tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi ċerti dokumenti li kienu jidhru fl-annessi tar-risposta u li kienu jirrigwardaw il-Kawża T‑385/06.

15

Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Marzu 2016, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T‑725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2016:208) il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent imressqa mill-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u speċifika li d-drittijiet tal-Kummissjoni huma dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991.

16

Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrispondiet id-domanda msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq. Hija talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkunsidra, prinċipalment, li hija ma kellhiex għalfejn titlob u tikseb l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tipproduċi d-dokumenti relatati mal-Kawża T‑385/06 u, sussidjarjament, li dik l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat impliċitament mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni. U iktar sussidjarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet li r-risposta tagħha tiġi ttrattata bħala talba ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni, fil-kuntest tar-rikors ineżami, tad-dokumenti li jikkostitwixxu l-proċess tal-Kawża T‑385/06 u, b’mod partikolari, tad-dokumenti annessi mar-risposta.

17

Fl-4 ta’ April 2016, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, l-ewwel nett, li jirtira mill-proċess id-dokumenti li kienu jidhru fl-annessi tar-risposta ppreżentata f’din il-kawża u li kienu jirrigwardaw il-Kawża T‑385/06. Din id-deċiżjoni kienet immotivata mill-fatt, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea la kienet talbet u lanqas kisbet l-awtorizzazzjoni tal-partijiet fil-Kawża T‑385/06 sabiex tkun tista’ tipproduċi dawk id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li hija ma kinitx talbet l-aċċess għall-proċess ta’ dik il-kawża skont l-Artikolu 38(2) tar-Regoli tal-Proċedura. It-tieni nett, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda, skont l-Artikolu 88(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li jistieden lir-rikorrenti li jieħdu pożizzjoni fuq it-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet ġiet ifformulata b’mod iktar sussidjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-risposta tagħha tat-18 ta’ Marzu 2016, imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq.

18

Fl-20 ta’ April 2016, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad it-talba ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

19

Fil-11 ta’ Mejju 2016, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preparazzoni u s-soluzzjoni ta’ din il-kawża jeħtieġu, fir-rigward tas-suġġett tagħha, li jkun disponibbli l-proċess tal-Kawża T‑385/06. Għalhekk, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tallega fil-proċess ta’ din il-kawża l-proċess tal-Kawża T‑385/06.

20

Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talbet in-notifika tal-proċess tal-Kawża T‑385/06.

21

Fid-29 ta’ Ġunju 2016, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tipproduċi dokument.

22

It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2016.

23

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkundanna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tikkumpensa d-dannu li hija sostniet minħabba t-tul irraġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u, iktar preċiżament, sabiex tħallasha:

somma ta’ EUR 1014863 bħala dannu materjali u ta’ EUR 5040000 bħala dannu mhux materjali jew ammont li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi bl-ekwità;

l-interessi kumpensatorji dovuti fuq dawn is-somom dekorribbli mit-13 ta’ Jannar 2010 u sal-jum tal-għoti tas-sentenza li tingħata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ikkalkolati bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu fis-seħħ matul dan il-perijodu miżjuda b’żewġ punti jew bir-rata li l-Qorti Ġenerali tistabbilixxi bl-ekwità;

tikkundanna lill-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għall-ispejjeż.

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sostnuta mill-Kummissjoni, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad bħal infondata t-talba għal indennizz;

sussidjarjament, tiċħad bħala infondata t-talba għal indennizz tad-dannu materjali allegat u tagħti lir-rikorrenti indennizz għad-dannu mhux materjali allegat f’ammont massimu ta’ EUR 5000;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

25

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-membri tal-persunal tagħha fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit jiddependu mill-fatt illi jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità tal-imġiba li huma akkużati biha l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn din l-imġiba u d-dannu invokat (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, EU:C:1982:318, punt 16, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106).

27

Ir-rikorrenti titlob il-kumpens għad-dannu materjali u għad-dannu mhux materjali allegatament subit minnha minħabba ksur tar-rekwiżiti marbutin mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza (iktar ’il quddiem “terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza”) fil-Kawża T‑385/06.

28

Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-proċedura fil-Kawża T‑385/06 damet 4 snin u 3 xhur u li l-eżami tagħha dam “iffriżat” għal sentejn u xagħrejn. Hija tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tevalwa x’kellu jkun it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza f’din il-kawża. Fil-fatt, hija tenfasizza li għandu jiġi evalwat biss jekk it-tul tal-proċedura kienx irraġonevoli sa fejn dam iktar minn 3 snin. F’dan ir-rigward, hija tippreċiża li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, it-terminu għall-għoti ta’ sentenza fil-Kawża T‑385/06 ma setax jaqbeż 3 snin.

29

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li għandhom jibbenefikaw minnu l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-għan li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni ma jkollhiex distorsjoni fis-suq intern jiġġustifikaw li r-rikors tagħha kien ġie eżaminat b’diliġenza u f’terminu raġonevoli qasir kemm jista’ jkun. Ir-rikorrrenti tgħid ukoll li l-multa li ġiet imposta fuqha mid-Deċiżjoni C(2006) 4180, f’ammont ta’ iktar minn EUR 100 miljun, ħolqot riklam negattiv li affettwa ħażin il-prezzijiet tal-ishma tagħha fil-borża u l-evalwazzjoni mill-analisti finanzjarji. Hija żżid tgħid li r-reputazzjoni tagħha mal-klijenti tagħha nbidlet bid-Deċiżjoni C(2006) 4180, li b’mod żbaljat imponitilha multa u li fl-aħħar mill-aħħar kienet ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali.

30

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tul tal-proċedura fil-Kawża T‑385/06 ma jista’ jiġi ġġustifikat minn ebda ċirkustanza partikolari għal din il-kawża. Fil-fatt, it-tul tal-proċedura ma huwiex iġġustifikat mill-kumplessità tal-Kawża T‑385/06. Barra minn hekk, dan it-tul ma huwiex spjegabbli bl-aġir tal-partijiet, sa fejn il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-Kawża T‑385/06 ntemmet 10 xhur wara l-preżentata tar-rikors.

31

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi “[k]ull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

33

Dritt bħal dan, li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet affermata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala prinċipju tad-dritt tal-Unjoni, kien tqies applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 178 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-Kawża T‑385/06, ir-rikors kien ġie trażmess permezz ta’ faks fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2006 u li l-oriġinal ta’ dan ir-rikors wasal fl-istess reġistru fil-21 ta’ Diċembru ta’ wara. Barra minn hekk, il-Kawża T‑385/06 ntemmet fl-24 ta’ Marzu 2011, data tal-għoti tas-sentenza Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114). Għalhekk, it-tul tal-proċedura f’din il-kawża, li kien ta’ iktar minn 4 snin u 3 xhur, huwa, prima facie, twil ħafna.

35

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li n-natura raġonevoli tat-terminu għall-għoti ta’ sentenza għandha tigi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont il-kwistjoni tat-tilwima għall-parti kkonċernata, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 29, u tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 212).

36

Ġie ppreċiżat ukoll li l-aġir tal-“partijiet” u l-okkorrenza ta’ kwistjonijiet proċedurali jidhru fost in-numru ta’ ċirkustanzi li wieħed għandu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli ta’ terminu għal għoti ta’ sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 181184).

37

Il-lista tal-kriterji rilevanti ma hijiex eżawrjenti u l-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli ta’ dan it-tul ma teżiġix eżami sistematiku tal-fatti tal-kawża fid-dawl ta’ kull waħda minnhom fil-każ li fih it-tul tal-proċeduri jidher iġġustifikat fir-rigward ta’ waħda minn dawn. B’hekk, il-kumplessità tal-kawża jew l-aġir tar-rikorrent li joħloq dewmien jistgħu jiġu stabbiliti sabiex jiġġustifikaw terminu li huwa prima facie twil wisq (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-KummissjoniC‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn dan jirriżulta li n-natura raġonevoli ta’ terminu ma għandhiex tiġi eżaminata b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt, imma għandu jiġi evalwat f’kull każ partikolari fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 192, u tal-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo et vs BEI,C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 29).

39

Fil-każ ineżami, għandu b’hekk jiġi eżaminat jekk iċ-ċirkustanzi proprji tal-Kawża T‑385/06 jippermettux li jiġi spjegat it-tul tal-proċedura f’din il-kawża. Għal dan l-iskop, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, il-kwistjoni tat-tilwima għar-rikorrenti, fit-tieni lok, il-kumplessità tal-Kawża T‑385/06, fit-tielet lok, l-effett tal-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta’ kwistjonijiet proċedurali, fir-raba’ lok, l-eżistenza eventwali ta’ perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikata fit-trattazzjoni tal-Kawża T‑358/06.

Fuq il-kwistjoni tal-Kawża T‑385/06 għar-rikorrenti

40

Għandu jiġi mfakkar li, f’każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali li minnu għandhom jibbenefikaw l-operaturi ekonomiċi kif ukoll l-għan li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern juru interess kunsiderevoli mhux biss għar-rikorrenti stess u għall-kompetituri tagħha, iżda wkoll għat-terzi, minħabba n-numru kbir ta’ persuni kkonċernati u l-interessi finanzjarji inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punt 186).

41

Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, fid-Deċiżjoni C(2006) 4180, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti kienet ipparteċipat fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE tal-25 ta’ Ġunju 2003 fl-1 ta’ April 2004. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni wara imponiet multa ta’ EUR 100.80 miljun fuq ir-rikorrenti, in solidum ma’ Acquatis u Simplex li tammonta għal EUR 55.15 miljun, minħabba l-fatt li hija kienet tikkostitwixxi unità ekonomika ma’ dawn iż-żewġ kumpanniji.

42

Isegwi li l-kwistjoni tal-Kawża T‑385/06 kienet reali għar-rikorrenti.

Fuq il-kumplessità tal-kawża T‑385/06

43

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑385/06 jeħtieġ eżami fil-fond tal-fatti u tad-diversi kwistjonijiet legali.

44

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-Deċiżjoni C(2006) 4180, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li madwar tletin kumpannija li jappartjenu lil ħdax-il grupp kienu pparteċipaw fi ksur uniku, kumpless u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), meta ħadu sehem fi grupp ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-suq tal-attrezzaturi tar-ram u ta’ liga tar-ram, li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet, f’li jiġu stabbiliti listi ta’ prezzijiet, fi qbil dwar skontijiet u ribassi u l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ applikazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet, fit-tqassim tas-swieq nazzjonali u tal-klijenti u tal-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet imponiet multa fuq ir-rikorrenti talli wettqet dan il-ksur mill-25 ta’ Ġunju 2003 sal-1 ta’ April 2004.

45

Sussegwentement, mal-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti, fl-ittra ta’ motivazzjoni tagħha, iġġustifikat it-tul ta’ dan ir-rikors partikolarment bil-fatt li l-Kummissjoni kellha bżonn 220 paġna fid-deċiżjoni tagħha li imponiet il-multa sabiex tiddeskrivi u tanalizza grupp kumpless ta’ fatti. Dejjem f’din l-ittra, ir-rikorrenti spjegat li, kuntrarjament għall-biċċa l-kbira tal-kawżi tal-kompetizzjoni li kienu ġew ippreżentati matul l-istess perijodu, hija kkontestat l-aspetti kollha tad-Deċiżjoni C(2006) 4180.

46

Barra minn hekk, l-annessi tar-rikors fihom iktar minn 750 paġna, li minnhom 220 paġna jirriproduċu d-Deċiżjoni C(2006) 4180. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hemżet mar-risposta tagħha iktar minn 120 paġna f’annessi. Ir-replika kienet, min-naħa tagħha, akkumpanjata b’iktar minn 160 paġni f’annessi.

47

Fl-aħħar nett, fil-Kawża T‑385/06, ir-rikorrenti invokat ħames motivi. L-ewwel motiv kien dwar l-illegalità tal-imputazzjoni lir-rikorrenti tar-responsabbiltà tal-ksur bħala kumpannija omm. It-tieni motiv kien ibbażat fuq assenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE. It-tielet motiv kien ibbażat fuq assenza ta’ parteċipazzjoni fi ksur uniku, kumpless u kontinwu. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3). Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, għar-raġuni li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

48

Għalhekk, ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑385/06 kien jeħtieġ eżami fil-fond tal-fatti kumplessi, numerużi u, parzjalment, li jippreċedu l-perijodu tal-ksur ikkunsidrat fil-konfront tar-rikorrenti fid-Deċiżjoni C(2006) 4180. Barra minn hekk, ċerti motivi invokati f’din il-kawża jqajmu kwistjonijiet ġuridiċi delikati marbutin, b’mod partikolari, mal-kunċett ta’ ksur uniku, kumpless u kontinwu.

49

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tat-talbiet magħmula u tal-motivi invokati fil-Kawża T‑385/06, din tal-aħħar għandha rabtiet mad-disa’ rikorsi oħra li kienu ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180 f’Diċembru 2006 f’diversi lingwi tal-kawża.

50

Fil-fatt, fil-Kawża T‑385/06 u fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, IMI et vs Il-Kummissjoni (T‑378/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:109), Acquatis u Simplex talbu l-annullament tal-Artikolu 2(b)(2) tad-Deċiżjoni C(2006) 4180, li imponitilhom, in solidum, multa ta’ EUR 2.04 miljun. Din iċ-ċirkustanza wasslet lill-Kummissjoni li tqajjem eċċezzjoni ta’ lis alibi pendens f’kull waħda mill-kawżi. L-eċċezzjoni ntlaqgħet mill-Qorti Ġenerali u t-talba għal annullament tal-Artikolu 2(b)(2) tad-Deċiżjoni C(2006) 4180 ġiet iddikjarata inammissibbli fis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, IMI et vs Il-Kummissjoni (T‑378/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:109). Mill-banda l-oħra, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 2(b)(2) tad-Deċiżjoni C(2006) 4180 fis-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114).

51

Barra minn hekk, fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha fil-Kawża T‑385/06, ibbażat fuq l-ammont tal-multa, ir-rikorrenti lmentat li hemm żball ta’ kalkolu li kellu rabta mar-rikors ippreżentat fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, IMI et vs Il-Kummissjoni (T‑378/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:109). Fil-fatt, ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni kienet imputat darbtejn in-natura gravi ħafna tal-ksur lil Acquatis u lil Simplex, kif dan jirriżulta mill-Artikolu 2(a) u (b) tad-Deċiżjoni C(2006) 4180.

52

Barra minn hekk, dejjem fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ibbażat fuq l-ammont tal-multa, ir-rikorrenti invokat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tad-dimensjoni tas-suq ġeografiku rilevanti, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni meta l-partijiet ġew ikklassifikati fl-akkordju fi tliet kategoriji stabbiliti fuq l-ishma tagħhom fis-suq rispettivi u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità waqt l-evalwazzjoni tal-ishma mis-suq li hija kellha. Għalhekk, dawn il-kwistjonijiet jippreżentaw rabtiet mill-qrib ħafna mas-sitwazzjoni fis-suq ta’ destinatarji oħrajn tad-Deċiżjoni C(2006) 4180 u, għaldaqstant, ma’ disa’ rikorsi oħrajn ippreżentati kontra dik id-deċiżjoni. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata fil-Kawża T‑385/06 u marbuta mal-argument imressaq mir-rikorrenti fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, il-Kummissjoni ġiet mistiedna, f’Novembru 2009, tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tabella li kienet tidher fl-anness tad-Deċiżjoni C(2006) 4180 kif ukoll id-data li fuqha hija kienet ibbażat ruħha biex tistabbilixxi din it-tabella.

53

Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti invokat in-nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni kif ukoll il-qlib tal-oneru tal-prova fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet ta’ min għamel it-talba għall-klemenza.

54

Għalhekk, it-trattazzjoni tal-Kawża T‑385/06 ppreżentat ċerta kumplessità, għaliex kien jeħtieġ eżami parallel ta’ disa’ rikorsi oħra ppreżentati, f’diversi lingwi tal-proċedura kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180.

55

Isegwi li l-Kawża T‑385/06 kellha grad ta’ kumplessità għoli fir-rigward ta’ aspetti fattwali u ġuridiċi tar-rikors ippreżentat f’din il-kawża u fir-rigward ta’ numru ta’ rikorsi paralleli li kienu ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180.

Fuq l-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta ’ kwistjonijiet proċedurali fil- Kawża T‑385/06

56

Minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li r-rikors ippreżentat fl-14 ta’ Diċembru 2006 mir-rikorrenti fil-Kawża T‑385/06 kien jgħodd mal-75 paġna.

57

Issa, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-rikorrenti biex tippreżenta verżjoni mqassra tal-verżjoni inizjali tar-rikors għar-raġuni li din tal-aħħar kienet taqbeż in-numru ta’ paġni preskritt mill-istruzzjonijiet prattiċi tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet, tal-14 ta’ Marzu 2002 (ĠU 2002, L 87, p. 48, iktar ’il quddiem “istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet”), jiġifieri 50 paġna.

58

Għalhekk, kien biss fit-13 ta’ Frar 2007 li r-rikorrenti ppreżentat verżjoni mqassra tar-rikors inizjali u hija din il-verżjoni mqassra li ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, din il-verżjoni mqassra kienet ġiet akkumpanjata minn posta elettronika fejn ir-rikorrenti kienet ippreċiżat li n-numru ta’ paġni tal-verżjoni mqassra, jiġifieri 65 paġna, għal darba oħra qabeż il-limitu ta’ 50 paġna stabbilit mill-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet.

59

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-aġir tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li, wara li rat li t-talba tagħha għall-proroga tat-terminu kienet ġiet miċħuda, din l-istituzzjoni, fit-3 ta’ Mejju 2007, ippreżentat ir-risposta tagħha, li kien fiha 66 paġna. Fl-ittra li akkumpanjat ir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li t-tul ta’ dik ir-risposta kien minħabba t-tul tar-rikors.

60

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, b’ittra tat-3 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tipproroga t-terminu għall-preżentata tal-kontroreplika, li inizjalment ġie stabbilit għall-10 ta’ Awwissu 2007, sat-28 ta’ Settembru 2007. Din it-talba kienet immotivata mir-raġunijiet segwenti. L-ewwel nett, il-Kummissjoni fakkret li l-Kawża T‑385/06 kienet tagħmel parti minn grupp ta’ għaxar rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180 fi tliet lingwi differenti, li kien jirrikjedi xogħol ta’ koordinazzjoni. It-tieni nett, fil-ħames mill-għaxar kawżi inkwistjoni, ir-rikorrenti kienu talbu u kisbu proroga ta’ terminu biex jippreżentaw ir-replika tagħhom, ħaġa li kellha żewġ konsegwenzi: fit-3 ta’ Lulju 2007, kienu ġew trażmessi ħames repliki biss lill-Kummissjoni u t-terminu għall-preżentata tal-kontroreplika fil-kawżi li kienu suġġetti għal proproga skada f’Awwissu jew f’Settembru 2007. It-tielet nett, il-Kummissjoni, tinvoka n-neċessità li tiżgura l-koerenza tal-kontrorepliki tagħha. Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti Ġenerali kienet diġà tatha proroga tat-terminu f’erba’ kawżi konnessi.

61

Huwa għalhekk li, b’ittri tal-10 ta’ Lulju 2007, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet li, b’deċiżjoni tal-President tal-awla, it-terminu għall-preżentata tal-kontroreplika kien ġie pprorogat għat-28 ta’ Settembru 2007. Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat kontroreplika fis-27 ta’ Settembru 2007 fil-lingwa tal-kawża. Fl-ittra ta’ motivazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li n-numru ta’ paġni tal-kontroreplika kien jaqbeż bi ftit it‑tul preskritt mill-istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet, li kien prinċipalment dovut għat-tul tar-replika u għall-ineżattezzi kontenuti f’din tal-aħħar.

62

Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, fil-Kawża T‑385/06, l-aġir tal-partijiet ikkontribwixxa għat-tul totali tal-proċedura.

Dwar l-eżistenza allegata ta ’ perijodu ta ’ inattività mhux iġġustifikata fil-Kawża T‑385/06

63

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawża T‑385/06, għadda tul ta’ sentejn u xahar, jiġfieri 25 xahar bejn, minn naħa, it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura mal-preżentata, fis-27 ta’ Settembru 2007, tal-kontroreplika tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-ftuħ, fit-28 ta’ Ottubru 2009, tal-fażi orali tal-proċedura.

64

Matul dan il-perijodu, saru, b’mod partikolari, is-sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, it-tħejjija tal-kawżi, analiżi fil-fatt u fid-dritt tat-tilwimiet u l-preparazzjoni tal-fażi orali tal-proċedura.

65

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kawża T‑385/06 kienet tirrigwarda rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

66

Issa, ir-rikorsi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni, bħar-rikorsi ppreżentati fil-Kawża T‑385/06, juru ċertu grad ta’ kumplessità ogħla minn tipi oħrajn ta’ kawżi, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tul tad-deċiżjoni kkontestata, tal-volum tal-proċess u tan-neċessità li ssir evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, ta’ spiss mifruxa fiż-żmien u fl-ispazju.

67

Għalhekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura jikkostitwixxi bħala prinċipju tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħall-Kawża T‑385/06.

68

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li titqies iċ-ċirkustanza li diversi rikorsi kienu ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180.

69

Fil-fatt, rikorsi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jeħtieġu, bħala prinċipju, trattament parallel, anki meta dawn ir-rikorsi ma jkunux magħquda. Dan it-trattament parallel huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-konnessjoni ta’ dawn ir-rikorsi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi tagħhom u fir-risposta li għandhom jingħataw.

70

Għalhekk, it-trattament parallel tal-kawżi konnessi jista’ jiġġustifika titwil, ta’ perijodu ta’ xahar għal kull kawża konnessa supplimentari, tal-perijodu kompriż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tagħha.

71

Fil-każ ineżami, għaxar rikorsi kienu ġew ippreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180 fi tliet lingwi tal-kawża differenti.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trattazzjoni ta’ disa’ kawża oħra marbuta mar-rikorsi ppreżentati kontra d-Deċiżjoni C(2006) 4180 ġġustifikat it-titwil tal-proċedura b’9 xhur fil-Kawża T‑385/06.

73

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li tul ta’ 24 xahar (15-il xahar flimkien ma’ 9 xhur) bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura kien, bħala prinċipju, xieraq sabiex tiġi ttrattata l-Kawża T‑385/06.

74

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 48 iktar ’il fuq, ir-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑385/06 kien jikkontesta l-aspetti kollha tad-Deċiżjoni C(2006) 4180 dwar ir-rikorrenti u qajjem kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u ta’ dritt li kellhom jiġu analizzati fl-intier tagħhom qabel il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura. Barra minn hekk, in-noti ppreżentati mill-partijiet kienu partikolarment twal u akkumpanjati b’annessi voluminużi, li kellhom ikunu suġġett ta’ eżami fil-fond u ta’ verifika qabel il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, sabiex, b’mod partikolari, jiġi evalwat il-valur probatorju tagħhom u jiġu ċċarati b’mod sħiħ il-fatti tal-kawża. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 49 sa 54 iktar ’il fuq, kienet teżisti rabta ta’ konnessjoni mill-qrib bejn il-Kawża T‑385/06 u d-disa’ rikorsi l-oħrajn ippreżentati kontra dik id-deċiżjoni f’diversi lingwi differenti. Barra minn hekk, kien meħtieġ terminu pjuttost twil għall-Kummissjoni biex tippreżenta verżjoni tal-kontroreplika fil-lingwa tax-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

75

Għalhekk, dawn iċ-ċirkustanzi oġġettivi jippermettu li jiġi ġġustifikat it-titwil, ta’ tul minimu ta’ xahar, tal-perijodu inkluż bejn tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑385/06.

76

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-perijodu ta’ 25 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura fil-Kawża T‑385/06 ma juri l-ebda perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikata fit-trattazzjoni ta’ dik il-kawża.

77

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma tinvokax l-eżistenza ta’ terminu għall-għoti ta’ sentenza mhux iġġustifikat, minn naħa, bejn id-data tal-preżentata tar-rikors u d-data tal-preżentata tal-kontroreplika u, min-naħa l-oħra, bejn il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura u l-għoti tas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114).

78

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, l-ewwel nett, it-tul li ssepara l-preżentata tar-rikors mill-preżentata tal-kontroreplika huwa ġġustifikat mill-aġir tal-partijiet kif ukoll mill-kumplessità tal-Kawża T‑385/06. It-tieni nett, it-tul li ssepara l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura mill-għoti tas-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni (T‑385/06, EU:T:2011:114), huwa spjegabbli wkoll bil-kumplessità fattwali u ġuridika ta’ din il-kawża.

79

Isegwi li t-tul totali tal-proċedura fil-Kawża T‑385/06 hija ġġustifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi proprji ta’ dik il-kawża u, b’mod partikolari, mill-kumplessità fattwali u ġuridika tagħha, mill-aġir tal-partijiet u mill-assenza ta’ perijodu ta’ inattività mhux spjegata matul kull stadju tal-proċedura f’dik il-kawża.

80

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li titwarrab l-eżistenza ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-Kawża T‑385/06, u b’mod iktar speċifiku, ta’ ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza f’din il-kawża.

81

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, meta waħda mill-kundizzjonijiet għas-sejbien tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tiġix issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati kundizzjonijiet oħra ta’ dik ir-responsabbiltà (sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Kummissjoni Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, EU:C:1994:329, punt 81).

82

Għalhekk ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

83

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

84

Fid-digriet tat-13 ta’ Frar 2015, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T‑725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:107), l-eċċezzjoni ta’ inammssibbiltà mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet ġiet miċħuda u l-ispejjeż kienu ġew irriżervati f’dan ir-rigward. Għalhekk l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tqajmet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li wasslet għad-digriet tat-13 ta’ Frar 2015, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T‑725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:107).

85

Mill-banda l-oħra, billi r-rikorrenti tilfet il-kawża fir-rigward tal-kapijiet tat-talbiet kollha tagħha fil-mertu, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk magħmula mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont it-talbiet tagħha.

86

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Hemm lok, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti minn Aalberts Industries NV fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tqajmet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li wasslet għad-digriet tat-13 ta’ Frar 2015, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea (T-725/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:107).

 

3)

Aalberts Industries hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u li huma marbuta mar-rikors li wassal għal din is-sentenza.

 

4)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

 

Papasavvas

Labucka

Bieliūnas

Kreuschitz

Forrester

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Frar 2017.

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.