SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

22 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Applikazzjoni għat-trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea ZUM wohl — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru°207/2009 — Riferiment għan-nota ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell riprodotta fir-rikors — Provi annessi mat-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali”

Fil-Kawża T-236/16,

Biogena Naturprodukte GmbH & Co. KG, stabbilita f’Salzbourg (l-Awstrija), irrappreżentata minn I. Schiffer u G. Hermann, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Hanne, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tat-23 ta’ Frar 2016 (Każ R 1982/2015-1), dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv ZUM wohl bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju 2016,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2016,

wara li rat il-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r-risposti orali tagħhom waqt is-seduta,

wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-23 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti, Biogena Naturprodukte GmbH & Co. KG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

Image

3

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30, 32 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

klassi 29: “Laħmijiet; tjur [laħam]; laħam mill-kaċċa [game]; estratti tal-laħam; sopop; ġammijiet u frott ppreżervat; frott imsejjar; frott ffriżat; frott niexef; jelly kommestibbli; konfettura; xiroppi; jellies, konfettura, xiroppi, pejsts ta’ frott u ta’ ħxejjex; insalata tal-frott; snacks tal-frott; insalata tal-ħxejjex; ħalib; prodotti tal-ħalib; żjut tal-ikel; żjut u xaħmijiet; ħxejjex ipproċessati; frott, faqqiegħ u ħxejjex ipproċessati (inklużi ġewż u ħxejjex niexfa); ħut mhux ħaj”;

klassi 30: “Kafe; te; taħlitiet tat-teijiet; kakaw; zokkor; ross; tapioca; sagu; sostituti tal-kafe; dqiq; ċereali; ħobż; ħelu bbażat fuq pastafrolla; karamelli; silġ rinfreskanti; ketchup [zalza]; għasel; melħ; mustarda; zlazi [kondimenti]; ħwawar; ħallijiet”;

klassi 32: “Birer; ilma minerali; ilma effervexxenti; soft drinks; xorb tal-frott; meraq; ġuleppi għax-xorb; estratti biex tagħmel xarbiet; preparazzjonijiet biex tagħmel xorb”;

klassi 43: “Servizzi ta’ preparazzjoni ta’ ristorazzjoni u ta’ xorb; servizzi ta’ take away; servizzi ta’ informazzjoni li jirrigwradaw il-preparazzjoni ta’ ikel u ta’ xorb”.

4

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2015, l-eżaminatur irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi imsemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009.

5

Fit-30 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord ta’ Appell tal-UASI ċaħad ir-rikors. Huwa ppreċiża, b’mod preliminari, li l-pubbliku rilevanti kien kompost kemm mill-pubbliku inġenerali u kif ukoll minn pubbliku speċifiku, li jitkellem bil-lingwa Ġermaniża jew minn tal-inqas li għandu għarfien suffiċjenti tal-Ġermaniż (punti 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell sussegwentement ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet tiddeskrivi prodotti u servizzi msemmija, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-espressjoni Ġermaniża “zum Wohl” tinftiehem immedjatament mill-pubbliku relevanti fis-sens li dawn il-prodotti u servizzi jikkontribwixxu għall-benesseri tal-konsumaturi fil-mira u li dawn l-elementi figurattivi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jippermettux devjazzjoni tal-attenzjoni tal-konsumatur mill-messaġġ pubbliċitarju li jfaħħar u ċar trażmess minn din l-espressjoni (punti 15 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa qies ukoll li t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha kienet nieqsa minn karattru minn karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (punti 25 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

It-talbiet tal-partijiet

7

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

“taċċetta r-reġistrazzjoni sħiħa” bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30, 32 u 43, imsemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

tikkundanna l-EUIPO għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura quddiemha.

8

L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

Tiċħad it-tieni kap ta’ talbiet tar-rikors bħala inammissibbli;

tiċħad il-kumplament tar-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

9

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti irrinunzjat għat-tieni kap ta’ talbiet, fatt li ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq ir-riferiment għan-nota ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell

10

Fir-rikors, ir-rikorrenti tirreferi għan-nota li tesponi l-motivi tar-rikors tagħha quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, billi targumenta li din in-nota “hija parti integrali mill-motivazzjoni ta’ dan ir-rikors”.

11

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 177(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jindika il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll sinteżi sommarju tal-imsemmija motivi Din l-indikazzjoni għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, fejn ma jkunx hemm informazzjoni oħra li fuqha jistgħu jibbażaw ruħhom [ara s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2010, Exalation vs UASI (Vektor-Lycopin), T-85/08, EU:T:2010:303, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Novembru 2015, CEDC International vs UASI – Fabryka Wódek Polmos Łańcut (WISENT), T‑449/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:839, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C-214/05 P, EU:C:2006:494, punt 37].

12

Barra minn hekk, jekk it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut permezz ta’ riferimenti għal partijiet determinati tad-dokumenti li huma annessi miegħu, il-Qorti Ġenerali ma jkollhiex l-obbligu li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tikkunsidra bħala l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali [ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C-382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 4041 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet tal-14 ta’ April 2016, Best-Lock (Europe) vs EUIPO, C-452/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:270, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2015, Kenzo vs UASI – Tsujimoto (KENZO ESTATE), T-528/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:921, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Minn dan jirriżulta li r-rikors, sakemm dan jirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub ddepożitati quddiem l-EUIPO, huwa inammissibbli inkwantu r-riferiment ġenerali li dan jinkludi ma jirrelatax mar-raġunijiet u mal-argumenti żviluppati fih [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, EU:T:2007:46, punti 1415, u tal-25 ta’ Novembru 2015, Masafi vs UASI – Hd1 (JUICE masafi), T-248/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:880, punt 14].

13

L-istess jgħodd meta r-riferiment jirrigwarda att li barra minn hekk ikun riprodott fil-parti ċentrali tar-rikors mingħajr indikazzjoni tal-punti speċifiċi tal-espożizzjoni tal-motivi tar-rikors li l-parti rikorrenti tixtieq li jikkompletaw, u lanqas ta’ partijiet tal-att inkwistjoni li fihom jidhru elementi eventwali li jistgħu jsostnu jew jissupplimentaw il-motivi tar-rikors, peress li tali inkorporazzjoni bl-ebda mod ma tiddifferenzja, f’dan il-każ, bejn ir-riferiment ġenerali għal anness tar-rikors (ara, f’dan is-sens, fil-qasam ta’ servizz pubbliku, fir-rigward tar-riferiment għal ilment riprodott fil-parti ċentrali tar-rikors, id-digriet tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, EU:T:1993:39, punt 23, ikkonfermat fl-appell permezz tad-digriet tas-7 ta’ Marzu 1994, De Hoe vs Il-Kummissjoni, C-338/93 P, EU:C:1994:85, punt 29). Kieku kien mod ieħor, ir-rikorrenti jkunu f’qagħda, permezz ta’ sempliċi riproduzzjoni tal-annessi fil-parti ċentrali tar-rikors, li jevitaw il-ġurisprudenza dwar l-inkompatibbiltà tar-riferimenti ġenerali għall-annessi mar-rekwiżiti proċedurali imposti mid-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tar-Regoli ta’ Proċedura imsemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

14

Għalhekk, f’dan il-każ, anki jekk in-nota ppreżentata quddiem il-Bord tal-Appell hija riprodotta b’mod sħiħ fil-preżentazzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża tar-rikors, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex, la f’din in-nota u lanqas fil-passaġġi tar-rikors li jirriproduċi din in-nota, l-argumenti li għalihom ir-rikorrenti jista’ jagħmel riferiment u li teżaminahom, tali argumenti huma inammissibbli. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-imsemmija nota ġiet redatta għall-finijiet tal-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal-eżaminatur u ma tistax tiġi kkunsidrata relevanti insostenn tar-rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata.

Fuq il-provi prodotti fl-anness tat-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali

15

Ir-rikorrenti inkluda f’anness mat-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali ppreżentata fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi miktuba tal-proċedura, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, kopji ta’ ritratti tal-prodotti li jirrigwardaw it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha u tal-artikli fl-istampa dwar il-lukanda “Zum Wohl” kif ukoll estratti tas-sit tal-internet Wikipedia dwar it-titoli tal-istampa kkonċernati.

16

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti, peress li l-partijiet prinċipali jistgħu, eċċezzjonalment, jipproduċu provi qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li l-produzzjoni tardiva tagħhom tkun iġġustifikata.

17

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti wara li tiġi prodotta prova kuntrarja mill-kontroparti fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmi regolament, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi prodotti jibqgħu riżervati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, EU:C:1998:608, punt 72, u tat-12 ta’ Settembru 2012, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-394/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:417, punt 45).

18

F’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet għall-ewwel darba, fl-anness mat-talba għal seduta, wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-provi imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, mingħajr ma pprovdiet ebda spjegazzjoni għad-dewmien. Hija spjegat, matul is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2013, Bopp vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ qafas ottagonali aħdar), T-263/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:61, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata], li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta tali provi fil-mument tal-preżentata tar-rikors minħabba bidliet fil-persunal tad-dipartiment legali tagħha u minħabba l-leave tal-maternità ta’ wieħed mill-managers tagħha.

19

Ma jistax jiġi kkunsidrat li dawn l-allegazzjonijiet, mhux sostnuti, li jirreferu għal diffikultajiet purament interni, fir-rigward flimkien ma kumpannija li għandha servizz legali tagħha, jiġġustifikaw il-produzzjoni tardiva tal-provi inkwistjoni.

20

Barra minn hekk, l-EUIPO ma pproduċietx ebda prova, fil-parti ċentrali tar-risposta tagħha jew fl-anness ta’ din ir-risposta, li tiġġustifika li r-rikorrenti għandha tiġi permessa tipproduċi provi f’dan l-istadju tal-proċedura b’mod li tiżgura l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju.

21

Minn dan isegwi li il-provi prodotti fl-anness tat-talba għal seduta mir-rikorrenti għandhom jiġi ddikjarati inammissibbli, u dan speċjalment peress li dawn il-provi ma jidhrux fl-inkartament tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid ċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl ta’ dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara d-digriet tat-13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI, C-546/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:574, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-mertu

22

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u t-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Hija speċifikat, matul is-seduta, b’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti Ġenerali, li, bl-argumenti tagħha esposti fit-talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, hija ma sostnietx, barra minn hekk, ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li ġiet meħuda konjizzjoni tiegħu fil-minuti tas-seduta.

23

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet li hija riedet tqajjem it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

24

Waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, peress li l-Bord tal-Appell ma mmotivax speċifikament l-evalwazzjoni tiegħu tal-karatteristiċi deskrittivi u mhux distintivi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal kull wieħed mill-prodotti tas-servizzi inkwistjoni.

25

Madankollu, anki mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv u fuq ir-rekwiżiti ta’ dibattitu kontradittorju, għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija, fi kwalunkwe każ, suffiċjenti.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, id-deċiżjonijiet tal-EUIPO għandhom ikunu mmotivati. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit mill-Artikolu 296 TFUE u għandu bħala għan li jippermetti, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni [ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2004, Sunrider vs UASI – Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE u METABALANCE 44), T-124/02 u T-156/02, EU:T:2004:116, punti 7273 u l-ġurisprudenza ċċitata].

27

Għandu jitfakkar ukoll li, jekk id-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha bħala prinċipju tkun motivata għal kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi kkonċernati, madankollu, l-awtorità kompetenti tillimita ruħha għal motivazzjoni ġenerali meta l-istess motiv ta’ rifjut jopponi kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi li juru rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, sal-punt li jiffurmaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi ta’ omoġeneità suffiċjenti [is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Larrañaga Otaño vs UASI (GRAPHENE), T‑458/13, EU:T:2014:891, punt 26; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI, C-282/09 P, EU:C:2010:153, punti 37 sa 40, u, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy, C-239/05, EU:C:2007:99, punti 34 sa 38].

28

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kienet, minn naħa waħda, deskrittiva tal-prodotti tal-ikel li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 32 kif ukoll tas-servizzi marbuta mal-ikel li jaqgħu fil-klassi 43, madankollu l-espressjoni Ġermaniża “zum Wohl” għandha tinftiehem fis-sens li l-prodotti u s-servizzi msemmija jikkontribwixxu għall-benesseri u l-elementi figurattivi li jakkumpanjaw lil din l-espressjoni huma insuffiċjenti sabiex ittellef l-attenzjoni ta’ dan il-messaġġ u, min-naħa l-oħra, mhux distintiv, bħala indikazzjoni li jfaħħar abitwali ta’ dawn il-prodotti u servizzi (ara punt 6 iktar ’il fuq). Ċertament, minħabba raġunijiet ta’ faċilità redazzjonali u fl-assenza ta’ kontestazzjoni fir-rigward speċifikament ta’ wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi inkwistjoni, hija tirreferi ripetutament għall-imsemmija prodotti u servizzi b’mod ġenerali, billi tevoka b’mod partikolari l-“prodotti u servizzi tas-settur tal-ikel” (punti 18 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, meta dan kien rikjest mill-analiżi, hija adattat il-motivazzjoni tagħha skont liema prodotti jew servizzi kienu inkwistjoni u speċifikat il-motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-imsemmija prodotti, billi tirraggrupphom flimkien, xi wħud minnhom skont it-tip ta’ ikel jew ta’ xorb u billi ssemmi distintivament dawk li ma setgħux jiġu rraggruppati (punti 20 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata).

29

Għandu jiżdied li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, billi huma kollha prodotti tal-ikel ta’ kuljum jew ta’ servizzi marbuta direttament ma’ tali prodotti, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jippreżentaw bejniethom rabta suffiċjentement diretta u konkreta, sal-punt li jiffurmaw kategorija ta’ omoġeneità suffiċjenti li tippermetti li l-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jikkostitwixxu l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, jispjega suffiċjentement ir-raġunament segwit mill-Bord tal-Appell għal kull wieħed mill-prodotti u mis-servizzi f’din il-kategorija u, min-naħa l-oħra, tista’ tiġi applikata bla differenza għal kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, EU:C:2007:635, punt 92).

30

Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li f’dan il-każ, essenzjalment, mexa fuq motivazzjoni ġenerali tal-evalwazzjoni tiegħu tal-motivi assoluti ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009

31

Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”.

32

Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jippermettix li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet imsemmija fih jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba li jirreġistrawhom bħala trade mark. Din id-dispożizzjoni ssegwi, b’hekk, għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li tali sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati liberament minn kulħadd [is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 31; tas-27 ta’ Frar 2002, Ellos vs UASI (ELLOS), T-219/00, EU:T:2002:44, punt 27, u tat-2 ta’ Mejju 2012, Universal Display vs UASI (UniversalPHOLED), T‑435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 14].

33

Minbarra dan, sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jidentifikaw karatteristiċi ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huma magħrufa li huma inkapaċi li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk tippermetti lill-konsumatur li jakkwista l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark, sabiex jerġa’ jagħmel l-istess għażla f’akkwist ulterjuri, jekk jirriżulta li hija esperjenza pożittiva, jew li jagħmel għażla oħra, jekk din tirriżulta negattiva (is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C-191/01 P, EU:C:2003:579, punt 30, u tat-2 ta’ Mejju 2012, UniversalPHOLED, T-435/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:210, punt 15).

34

Minn dan jirriżulta li, sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hemm bżonn li jkollu rabta diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni sabiex il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, GRAPHENE, T-458/13, EU:T:2014:891, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fl-aħħar nett, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, minn naħa, b’riferiment għal dak li jifhem bih il-pubbliku kkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati [ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Münchener Rückversicherungs-Gesellschaft vs UASI (MunichFinancialServices), T-316/03, EU:T:2005:201, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata].

36

F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell kkunsidra li l-pubbliku kkonċernat mill-perċezzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha huwa kompost mill-pubbliku ġenerali u minn pubbliku partikolari, li jitkellem bil-Ġermaniż jew li għallinqas għandu għarfien suffiċjenti tal-Ġermaniż (punti 13 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata).

37

Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell skont liema l-pubbliku rilevanti huwa kompost kemm mill-pubbliku ġenerali u minn pubbliku speċjalizzat, iżda tikkritika l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha fir-rigward biss tal-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż jew li għandu għarfien bażiku tal-Ġermaniż. Barra minn hekk, hija tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda t-tifsira magħżula tal-element verbali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi figurattivi tal-imsemmija trade mark u r-rabta deskrittivi stabbilita bejn din it-trade mark u l-prodotti u s-servizzi msemmija.

– Fuq l-għarfien lingwistiku tal-pubbliku rilevanti

38

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru deskrittiv ta’ sinjal li jinkludi l-element verbali huwa evalwat fir-rigward tal-konsumaturi li għandhom għarfien suffiċjenti tal-lingwa li minnha joriġina l-element verbali inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2009, ERNI Electronics vs UASI (MaxiBridge), T-132/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:200, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Lulju 2014, Pågen Trademarkvs UASI (gifflar), T-520/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:620, punti 1920]. Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprevedi li l-paragrafu 1 huwa applikabbli anki jekk l-motivi ta’ rifjut jeżistu biss f’parti tal-Unjoni, jimplika li, jekk l-element verbali ta’ trade mark ikollu karattru deskrittiv f’waħda mil-lingwi użati fil-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea, dan il-fatt jista’ jkun suffiċjenti sabiex jagħmilha ineliġibbli għal reġistrazzjoni bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea (ara, fir-rigward ta’ trade mark verbali, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C-383/99 P, EU:C:2001:461, punt 41). Min-naħa l-oħra, jekk il-konsumatur li jkollu għarfien tal-lingwa li fiha l-element verbali għandu sens ma jipperċepixxihx bħala li huwa deskrittiv, a fortiori, il-konsumaturi l-oħra tal-Unjoni li ma jifhmux din il-lingwa mhux se jipperċepixxuh bħala deskrittiv u r-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq il-karattru deskrittiv ma jistax jopponi t-trade mark inkwistjoni.

39

Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti li jikkritika l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha fir-rigward biss tal-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż jew li għandu għarfien bażiku tal-Ġermaniż għandu jiġi miċħud.

– Fuq it-tifsira tal-element verbali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha

40

Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-espressjoni Ġermaniża “zum Wohl” hija espressjoni abitwali, użata biex “tixtieq il-benesseri” lil persuna, u li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tkun immedjatament mifhuma fis-sens li l-prodotti u s-servizzi msemmija jikkontribwixxu għall-benesseri tal-konsumaturi fil-mira. Hija ppreċiżat li d-differenzi, fl-użu tal-majjuskoli u tal-minuskoli, fl-espressjoni Ġermaniża “zum Wohl” u t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma jippermettux li tiġi kkontestata l-komprensjoni tal-imsemmija trade mark (punti 16 sa 18 tad-deċiżjoni kkontestata).

41

Ir-rikorrenti ssostni li l-element verbali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma jistax jinftiehem bħala li jfisser “għall-benesseri”, minħabba li l-element “zum” ikolli jinkiteb bil-majjuskoli u l-element “wohl” f’minuskoli, peress li dan l-aħħar element, għaldaqstant, jirreferi għal avverbju u mhux biss sostantiv Ġermaniż “Wohl”, li jibda bl-ittra “W” u li jfisser “benesseri”.

42

Għandu jitfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-istruttura grammatikali inkorretta ta’ sinjal ma hijiex suffiċjenti sabiex twassal għall-assenza ta’ karattru deskrittiv ta’ dan is-sinjal, meta d-diskrepanza maħluqa fir-rigward ta’ kelma li tosserva r-regoli grammatiċi tal-lingwa kkonċernata ma tagħtix lit-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tifsira suffiċjentement remota ta’ dik il-kelma [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, MunichFinancialServices, T-316/03, EU:T:2005:201, punt 36, u tat-2 ta’ Diċembru 2015, adp Gauselmann vs UASI (Multi Win), T-529/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:919, punt 32].

43

Madankollu, f’dan il-każ, fir-rigward ta’ espressjoni Ġermaniża li għandha sens, barra minn hekk ta’ kuljum, meta tinkiteb “zum Wohl”, jiġifieri dak li “tixtieq benesseri” lil persuna, b’mod partikolari qabel wieħed jixrob jew wara li tagħtas, filwaqt li ma jkollhiex dak is-sens meta l-avverbju “wohl”, li jfisser “probabbilment”, jingħaqad mat-terminu “zum”, il-pubbliku li jitkellem bil-Ġermaniż rilevanti jipperċepixxi l-iżball imwettaq u jissostitwixxi l-kelma “wohl”, ortografija żbaljata f’dan il-każ, b’dik ta’ “Wohl” [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, MacLean-Fogg vs UASI (LOKTHREAD), T-339/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:172, punt 55].

44

Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, kif irrileva b’mod rilevanti l-Bord tal-Appell fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha peress li hija trade mark figurattiva, il-majjuskoli u l-minuskoli użati jiġu pperċepiti iktar bħala l-istil tal-element verbali tal-imsemmija trade mark milli bħala li huma ta’ natura li jistgħu jbiddlu s-sens ta’ dan l-element verbali.

45

Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-element verbali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha jinftiehem bħala li jfisser “għall-benesseri”.

– Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi figurattivi tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha

46

Il-Bord tal-Appell, wara li ddeskriva l-elementi figurattivi li jiffurmaw it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, ikkunsidra li dawn l-elementi ma jistgħux inaqqsu l-attenzjoni tal-konsumatur mill-messaġġ pubbliċitarju li jfaħħar u ċar trażmess permezz tal-espressjoni Ġermaniża “zum Wohl”. Hija tirrileva, insostenn ta’ din il-kunsiderazzjoni, li l-isfond iswed ċirkolari kif ukoll il-kontorni bojod tiegħu, il-fonts ta’ karattri użati u d-daqs tal-elementi verbali jikkorrispondu għal elementi grafiċi abitwali (punti 15 u 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

47

Kuntrarjament, ir-rikorrenti tqis, li l-elementi figurattivi (fonts tal-karattri, l-isfond, u l-logħob bil-kuluri), bil-karatteristiċi mhux abitwali u kreattivi tagħhom, huma suffiċjenti sabiex jagħtu lis-sinjal fl-assjem tiegħu karattru mhux purament deskrittiv. Barra dan hija tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma mmotivax suffiċjentement l-evalwazzjoni tiegħu tal-elementi figurattivi tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

48

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal li fih elementi verbali u figurattivi, il-kwistjoni deċiżiva hija ta’ jekk l-elementi figurattivi jiddevjawx lill-konsumatur rilevanti mill-messaġġ trażmess mill-element verbali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2014, gifflar, T-520/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:620, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Laverana vs UASI (BIO PROTEINREICHER PFLANZENKOMPLEX AUS EIGENER HERSTELLUNG), T-571/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:626, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata].

49

Madankollu, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell speċifikament wettaq din l-analiżi fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, billi eżamina n-natura abitwali jew mhux abitwali ta’ kull wieħed mill-elementi figurattivi tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha sabiex jiġi dedott li ma jippermettux li l-konsumatur jiġi ddevjat mill-messaġġ trażmess mill-imsemmija trade mark (ara l-punt 46 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkritikat għal insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

50

Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-elementi figurattivi ma jiddevjawx lill-pubbliku rilevanti li jitkellem bil-Ġermaniż mill-messaġġ ta’ benesseri li jirriżulta mill-element verbali tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha.

51

Fil-fatt, l-isfond iswed ta’ forma ċirkolari kif ukoll iċ-ċrieki li jikkostitwixxu l-kontorn jikkorrispondu għal forma ġeometrika bażika kif ukoll għandha oqsma abitwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, BIO PROTEINREICHER PFLANZENKOMPLEX AUS EIGENER HERSTELLUNG, T-571/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:626, punt 20). Bl-istess mod, id-differenza fid-daqs bejn iż-żewġ elementi verbali kif ukoll il-font tal-karattri differenti użati għal dawn iż-żewġ elementi jwasslu għall-attenzjoni tal-konsumatur tiġi diretta lejn il-kelma “Wohl” u, għalhekk, fuq l-idea ta’ benesseri. Fl-aħħar nett, il-kuluri iswed u abjad jiġu użati frekwentement sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi [is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, Infusion Brands vs UASI (DUALTOOLS), T-648/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:930, punt 30] u jikkontribwixxu f’dan il-każ, billi jirrikorru għall-element verbali “zum wohl” miktub bl-abjad fuq sfond iswed, sabiex jivvalorizza dan l-element. Għalhekk, anki meħuda flimkien, l-elementi figurattivi tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha ma jiddevjawx lill-pubbliku rilevanti mill-messaġġ trażmess permezz tal-espressjoni Ġermaniża “zum Wohl”.

52

L-ilmenti bbażati fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u ta’ żball ta’ evalwazzjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi figurattivi tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda.

– Fuq ir-rabta bejn it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha u l-prodotti u s-servizzi msemmija

53

Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha kienet “indikazzjoni kwalitattiva u għaldaqstant deskrittiva” tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, peress li l-pubbliku rilevanti jifhem immedjatament u mingħajr riflessjoni oħra li l-prodotti tal-ikel inkwistjoni jikkontribwixxu għall-benesseri tal-konsumaturi u li s-servizzi inkwistjoni qed jiġu proposti għall-benesseri tal-konsumatur (punti 20 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

54

Ir-rikorrenti ssostni li l-messaġġ “għall-benesseri” ma jipprovdi ebda indikazzjoni konkreta fuq il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi hekk indikati u, għaldaqstant, ma jiddeskrivix ebda karatteristika tal-imsemmija prodotti u servizzi.

55

Għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-“kwalità” imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 tkopri wkoll it-termini ta’ tifħir li jiddeskrivu l-kwalitajiet intrinsiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi, bil-kundizzjoni, madankollu, li tkun teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn din l-indikazzjoni ta’ kwalità u l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2009, Earle Beauty vs UASI (SUPERSKIN), T-486/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:487, punti 33, 3738, u tat-28 ta’ April 2015, Saferoad RRS/OHMI (MEGARAIL), T-137/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:232, punti 4748].

56

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat, billi jiġi segwit il-Bord tal-Appell (punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-prodotti tal-ikel u tax-xorb li jaqgħu fil-klassijiet 29, 30 u 32, previsti mill-applikazzjoni tat-trade mark, fis-sens li huma maħsuba għall-ikel, jistgħu “jagħmlu l-ġid lill-ġisem u jiżguraw ukoll li jieħdu ħsieb l-ispirtu”, jiġifieri jikkontribwixxu għas-saħħa fiżika tajba iżda wkoll għal dik psikoloġika tal-konsumaturi. L-istess jista’ jingħad għas-servizzi marbuta mal-ikel li jaqgħu fil-klassi 43, ukoll koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark, peress li jistgħu wkoll, permezz tal-provvista ta’ ikel u ta’ xorb jew informazzjoni dwar il-preparazzjoni ta’ dan l-ikel u ta’ dan ix-xorb, jikkontribwixxu għas-saħħa u għall-benesseri tal-benefiċjarji tagħhom.

57

Minn dan isegwi li l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni msemmija fil-punt 56 iktar ’il fuq tista’ tiġi kkunsidrata bħala karatteristika, faċilment rikonoxxibbli mill-pubbliku fil-mira, ta’ dawn il-prodotti u ta’ dawn is-servizzi li għalihom qed issir applikazzjoni għal-reġistrazzjoni u li huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tkun effettivament irrikonoxxuta mill-imsemmi pubbliku bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni.

58

Kuntrarjament għal dak li qed tallega r-rikorrenti, huwa, f’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt, anki jekk jiġi pprovat li huwa minnu, li l-ikel kollu u x-xorb kollu ma jikkontribwixxux għall-benesseri tal-konsumaturi. Fil-fatt, il-fatt li sinjal ikun deskrittiv għal parti biss tal-prodotti jew tas-servizzi li jaqgħu f’kategorija msemmija bħala tali fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ma jipprekludix li dan is-sinjal ikun rrifjutat milli jiġi rreġistrat, peress li, jekk, f’tali kas, is-sinjal inkwistjoni kien irreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għall-kategorija msemmija, ma jipprekludi xejn lill-proprjetarju tiegħu milli jużah ukoll għal prodotti jew servizzi f’din il-kategorija li għaliha hija deskrittiva [ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T-304/06, EU:T:2008:268, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi kkritikat li huwa kkontradixxa lilu nnifsu fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, billi ddikjara min-naħa, li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha kienet tiddeskrivi l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ikel kollu u x-xorb kollu ma jikkontribwixxix għall-benesseri.

59

Hija nieqsa mir-rilevanza l-allegazzjoni tar-rikorrenti skont liema l-messaġġ ta’ benesseri trażmess permezz tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha tirrigwarda l-prodotti u s-servizzi kollha mixtrija minn konsumatur, dan tal-aħħar jixtri biss prodotti u servizzi li jagħtuh benefiċċju u li jikkontribwixxu għalhekk għall-benesseri tiegħu. Fil-fatt, il-fatt allegat skont liema l-prodotti u s-servizzi jiġu kollha mixtrija peress li jikkontribwixxu għall-benesseri tal-konsumaturi ma jeskludux li t-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha, li tittrażmetti eżattament dan il-messaġġ ta’ benesseri, jista’ jkollha karattru deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi tas-settur tal-ikel inkwistjoni.

60

Fl-aħħar nett, ma tippermettix iktar kontestazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha l-fatt, allegat mir-rikorrenti waqt is-seduta, li trade mark identika għal dik li għaliha saret l-applikazzjoni f’dan il-każ ġiet irreġistrata fl-Awstrija. Fil-fatt, barra l-fatt li r-rikorrenti ma stabbilit bl-ebda mod ir-realtà tal-allegazzjoni tagħha u li hija rrikonoxxiet li t-trade mark Awstrijaka kienet ġiet irreġistrata sussegwentement għad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li l-EUIPO u, jekk ikun il-każ, il-qrati tal-Unjoni Ewropea ma humiex marbuta, anki jekk jeħduhom inkunsiderazzjoni, bid-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-Istati Membri u li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 ma tobbliga lill-EUIPO jew, f’appell, lill-Qorti Ġenerali li tasal għal riżultati identiċi għal dawk li waslu għalihom l-amministrazzjonijiet jew il-qrati nazzjonali f’sitwazzjoni simili [ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Australian Gold vs UASI – Effect Management & Holding (HOT), T-611/13, EU:T:2015:492, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata].

61

Minn dan isegwi li l-ilment li jikkritika r-rabta diretta u konkreta bejn it-trade mark li saret l-applikazzjoni għaliha u l-prodotti u s-servizzi msemmija għandu jiġi miċħud, bl-istess mod, għaldaqstant, li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 fl-intier tiegħu.

Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

62

Kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa suffiċjenti li wieħed mill-motivi assoluti ta’ rifjut japplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea [is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, EU:C:2002:506, punt 29, u tas-7 ta’ Ottubru 2015, Chypre vs UASI (XAΛΛOYMI u HALLOUMI), T-292/14 u T-293/14, EU:T:2015:752, punt 74].

63

Konsegwentement, peress li, għall-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, mill-eżami tal-motiv preċedenti jirriżulta li s-sinjal suġġett għar-reġistrazzjoni għandu karattru deskrittiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u li dan il-motiv jiġġustifika hu waħdu ir-rifjut ta’ reġistrazzjoni kkontestat, ma huwiex utli, fi kwalunkwe każ, li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Frar 2008, Indorata-Serviços e Gestão vs UASI, C-212/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:83, punt 28).

64

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Biogena Naturprodukte GmbH & Co. KG hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 2017.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.